Brussell, 12.4.2021

COM(2021) 180 final

2021/0096(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward ċerti materji amministrattivi u tal-persunal tal-Komunità tat-Trasport


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-TCT”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjonijiet dwar għadd ta’ materji amministrattivi mill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali: 1) ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni minn barra s-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, li jkunu mistiedna jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport, 2) ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni meta jibdew dmirijiethom u meta jintemm is-servizz tagħhom, u 3) il-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

L-Unjoni Ewropea hija parti għat-TCT, li ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-2017, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019 1 .

2.2.Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali huwa stabbilit permezz tal-Artikolu 24 tat-TCT. Huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tat-TCT u għall-iżgurar tal-implimentazzjoni kif suppost tiegħu. Għal dan l-iskop, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fit-TCT. B’mod partikolari, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali:

(a) iħejji l-ħidma tal-Kunsill Ministerjali,

(b) jiddeċiedi dwar l-istabbiliment tal-kumitati tekniċi,

(c) jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet f’konformità mat-TCT,

(d) fir-rigward tal-atti tal-UE adottati dan l-aħħar, jieħu azzjoni xierqa, b’mod partikolari permezz ta’ reviżjoni tal-Anness I tat-TCT,

(e) jaħtar id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti wara konsultazzjoni mal-Kunsill Ministerjali,

(f) jista’ jaħtar wieħed jew iktar mid-Deputati Diretturi tas-Segretarjat Permanenti,

(g) jistabbilixxi r-regoli tas-Segretarjat Permanenti,

(h) jista’ jirrieżamina, permezz ta’ deċiżjoni, il-livell ta’ kontribuzzjonijiet baġitarji,

(i) jadotta l-baġit annwali tal-Komunità tat-Trasport,

(j) jadotta deċiżjoni li tispeċifika l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit, għall-preżentazzjoni u għall-awditjar tal-kontijiet kif ukoll għall-ispezzjoni,

(k) jieħu deċiżjonijiet dwar it-tilwimiet imressqa mill-Partijiet Kontraenti,

(l) jadotta prinċipji ġenerali fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, fir-rigward ta’ dokumenti miżmuma mill-korpi stabbiliti mit-TCT jew skontu,

(m) jadotta r-rapporti annwali għall-attenzjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar l-implimentazzjoni tan-Network Komprensiv,

(n) fir-rigward ta’ ċerti atti tal-Unjoni, jistabbilixxi limiti ta’ żmien u mezzi għat-traspożizzjoni mill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa.

2.3.L-atti previsti tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu jadotta deċiżjonijiet dwar 1) ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni minn barra s-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, li jkunu mistiedna jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport, 2) ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni meta jibdew dmirijiethom u meta jintemm is-servizz tagħhom, u 3) il-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.

Id-deċiżjonijiet previsti jsiru legalment vinkolanti fuq il-partijiet f’konformità mal-Artikolu 25(1) tat-TCT.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

L-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet mill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali hija meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-TCT u għall-ġestjoni kif suppost tas-Segretarjat Permanenti. Peress li l-Unjoni hija parti għat-TCT, jeħtieġ li tiġi stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 2 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri t-TCT.

L-atti li l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali huwa mitlub jadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. F’konformità mal-Artikolu 30 tat-TCT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu s-setgħa li jistabbilixxi regoli tas-Segretarjat Permanenti, speċifikament għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tas-Segretarjat. Skont l-Artikolu 35 tat-TCT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet li jispeċifikaw il-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit. Min-natura tagħhom, u bħala materja ta’ dritt internazzjonali li jirregola l-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, dawk ir-regoli fihom elementi li jaffettwaw il-pożizzjoni legali tal-partijiet għat-TCT u, għaldaqstant, anki tal-Unjoni. Għaldaqstant, tali regoli jridu jitqiesu li jkollhom effetti legali.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tat-TCT.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun biss wieħed inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att previst li jkollu għadd ta’ objettivi f’daqqa, jew li jkollu diversi komponenti, li jkunu marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, b’mod eċċezzjonali, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-atti previsti huma meħtieġa għall-funzjonament xieraq tat-TCT. Min-naħa tiegħu, it-TCT isegwi l-objettivi u għandu komponenti fl-oqsma tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u bl-ilmijiet navigabbli interni, li huma modalitajiet koperti mill-Artikolu 91 tat-TFUE kif ukoll fil-qasam tat-trasport marittimu, modalità koperta mill-Artikolu 100(2) tat-TFUE. Minħabba n-natura orizzontali tiegħu, l-att previst jirreferi għal dawn l-elementi kollha.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hi magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

F’konformità mal-Artikolu 25(2) tat-TCT, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2021/0096 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward ċerti materji amministrattivi u tal-persunal tal-Komunità tat-Trasport

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91 u 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)It-Trattat li jistabbilixxi t-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport (“TCT”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 3 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

(2)F’konformità mal-Artikolu 24 tat-TCT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali ġie stabbilit għall-amministrazzjoni u għall-implimentazzjoni kif suppost tat-TCT. Skont l-Artikoli 30 u 35 tat-TCT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali għandu jadotta regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni tal-baġit.

(3)Il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, matul il-laqgħa tiegħu f’Mejju 2021, għandu jadotta deċiżjonijiet dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni barra mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, li jkunu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport; ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni meta jibdew dmirijiethom u meta jintemm is-servizz tagħhom; u l-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport. Jekk dawn il-kwistjonijiet ma jiġux ittrattati matul dik il-laqgħa, l-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet tiġi skedata għal-laqgħa sussegwenti.

(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, peress li tali deċiżjonijiet huma meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport u se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali stabbilit bit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport fir-rigward tar-regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni barra mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, li jkunu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport; ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni meta jibdew dmirijiethom u meta jintemm is-servizz tagħhom; u l-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjonijiet korrispondenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Jista’ jintlaħaq qbil mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali dwar bidliet minuri fir-rigward ta’ dawk l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet mingħajr ma tittieħed deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1.
(2)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1.

Brussell, 12.4.2021

COM(2021) 180 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport rigward ċerti materji amministrattivi u tal-persunal tal-Komunità tat-Trasport


ABBOZZ

TAD-DEĊIŻJONI Nru 2021/
TAL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

ta’ …

dwar l-adozzjoni ta’ regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni barra mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, li huma mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport

IL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, u b’mod partikolari l-Artikolu 35 tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Ir-regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni barra mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, li huma mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport, huma stabbiliti fl-Anness.

   Għall-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

   Il-President

ANNESS
Regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minn persuni barra mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, li huma mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Komunità tat-Trasport

1.Ambitu

1.1.Dawn ir-regoli japplikaw għall-parteċipanti li huma mistiedna għal-laqgħat li ġejjin tal-Komunità tat-Trasport:

(a)il-Kunsill Ministerjali, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali, il-Kumitati Tekniċi, il-Forum Soċjali;

(b)il-Kumitat tal-Baġit;

(c)it-Task Forces, il-Gruppi ta’ Koordinazzjoni u korpi ta’ ħidma oħra stabbiliti permezz tad-deċiżjonijiet jew il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ministerjali, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali;

(d)konferenzi, laqgħat, workshops u fora oħra, organizzati mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport relatati mal-programm ta’ ħidma tal-Komunità tat-Trasport;

(e)laqgħat ta’ natura differenti organizzati fl-ambitu tal-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport (dibattiti ta’ livell għoli, workshops eċċ.);

(f)proċeduri ta’ selezzjoni għal karigi ppubblikati mill-Komunità tat-Trasport (membri tal-bord ta’ selezzjoni); jew

(g)proċeduri ta’ selezzjoni għal karigi ppubblikati mill-Komunità tat-Trasport (applikanti).

1.2.Fil-prinċipju, rappreżentant wieħed biss għal kull parti benefiċjarja (ministeru, awtorità regolatorja, aġenzija, entità eċċ.) għandu jkun eliġibbli għar-rimborż. Id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport (is-“Segretarjat Permanenti”) jista’ jingħata deroga minn din ir-regola, permezz ta’ deċiżjoni motivata, fil-każ ta’ laqgħat konġunti ta’ diversi kumitati jew gruppi ta’ ħidma.

1.3.Il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni biss għandhom jiġu rimborżati. Ma’ dawn ma għandha titħallas l-ebda gratifika għal kull jum.

2.Kostijiet tal-ivvjaġġar

2.1.Il-parteċipanti kollha mistiedna għandhom ikunu intitolati għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom mill-post speċifikat fl-istedina tagħhom (l-indirizz tax-xogħol jew tad-dar) sal-post tal-laqgħa, bl-aktar mezz ta’ trasport xieraq minħabba d-distanza involuta. B’mod ġenerali, dan għandu jkun ivvjaġġar bil-ferrovija tat-tieni klassi għal vjaġġi ta’ inqas minn 400 km (f’direzzjoni waħda, skont id-distanza uffiċjali bil-ferrovija) u vvjaġġar bl-ajru tal-klassi ekonomika għal distanzi ta’ 400 km jew aktar.

2.2.Id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti għandu jipprova jiżgura li l-laqgħat jiġu organizzati b’mod li jippermetti lill-parteċipanti jibbenefikaw mill-aktar rati tal-ivvjaġġar ekonomiċi.

2.3.L-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandhom jiġu rimborżati biss mal-preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ sostenn oriġinali.

2.4.Meta t-trasport bl-ajru jew bil-ferrovija ma jkunx disponibbli jew ma jkunx kosteffettiv, l-ivvjaġġar bix-xarabank jew bil-karozza għandu jiġi awtorizzat.

2.5.Il-kost tal-ivvjaġġar b’vettura privata għandu jiġi rimborżat bir-rata ta’ EUR 0,22 għal kull km.

2.6.Il-miżati tat-taksi għandhom jiġu rimborżati biss jekk ma jkun hemm l-ebda trasport lokali disponibbli.

2.7.Il-kostijiet tal-ivvjaġġar għandhom jiġu rimborżati sa EUR 700.

3.Akkomodazzjoni

3.1.Il-parteċipanti mistiedna li jkollhom iqattgħu lejl wieħed jew aktar fil-post fejn issir il-laqgħa minħabba li l-ħinijiet tal-laqgħat ikunu inkompatibbli mal-ħinijiet tat-titjiriet jew tal-ferroviji għandhom ikunu intitolati li jiġu rimborżati l-kostijiet tal-akkomodazzjoni, sa EUR 120 għal kull lejl. In-numru ta’ ljieli ma jistax jaqbeż in-numru ta’ jiem tal-laqgħa + 1.

3.2.Lejl addizzjonali jista’ jiġi rimborżat b’mod eċċezzjonali, soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tad-Direttur tas-Segretarjat Permanenti, jekk it-titwil tas-soġġorn jippermetti lill-parteċipant mistieden jikseb tnaqqis fil-kost tat-trasport li jkun aktar mill-kost tal-lejl addizzjonali.

3.3.Il-kostijiet tal-akkomodazzjoni biss għandhom jiġu rimborżati. Kwalunkwe nefqa oħra relatata mas-soġġorn fil-lukanda ma għandhiex tiġi rimborżata (internet, telefown, fotokopjar, minibar, kolazzjon mhux inkluż, eċċ.).

4.Xiri ta’ biljetti u akkomodazzjoni

4.1.Fil-prinċipju, il-parteċipanti mistiedna kif definiti skont l-Artikolu 1.1(a) sa (e) għandhom jibbukkjaw il-biljetti u l-akkomodazzjoni tagħhom stess. L-ibbukkjar għandu jsir kemm jista’ jkun malajr sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-aktar miżati/rati ekonomiċi. Ħlas bil-quddiem tan-nefqa, inkluż l-ibbukkjar tal-ivvjaġġar u/jew tal-akkomodazzjoni mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, għandu jibqa’ limitat għal każijiet eċċezzjonali u huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6.

4.2.Għall-parteċipanti kif definiti skont l-Artikolu 1.1(f) u (g), l-arranġamenti tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni għandhom isiru mis-Segretarjat Permanenti.

5.Proċedura ta’ Rimborż

5.1.Talba għal rimborż tal-ivvjaġġar għandha tiġi ppreżentata f’format elettroniku lis-Segretarjat Permanenti mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju wara d-data tal-laqgħa inkwistjoni.

5.2.Għandha tintuża l-formola fl-Appendiċi 1. It-talba għandha tkun appoġġata permezz ta’ dokumenti bħala evidenza tal-kostijiet imġarrba, jiġifieri l-biljetti (inkluż il-biljetti tat-trasport pubbliku) u l-fatturi jew, fil-każ ta’ bbukkjar online, il-kopja stampata tal-prenotazzjoni elettronika u l-karti tal-imbarkazzjoni għall-vjaġġ lejn il-post tal-laqgħa. Id-dokumenti pprovduti jridu juru l-klassi tal-ivvjaġġar użata, il-ħin tal-ivvjaġġar u l-ammont imħallas. Ma għandu jkun hemm l-ebda rimborż meta ma jiġix ipprovdut sett sħiħ ta’ fatturi.

5.3.Kwalunkwe korrispondenza relatata rigward il-kwistjonijiet ta’ rimborż għandha tintbagħat bil-miktub lil: finance@transport-community.org

5.4.Ir-rimborżi għandhom isiru biss permezz ta’ trasferiment bankarju.

5.5.Ir-rimborż għandu jsir bl-euro fil-kont tal-bank indikat tal-istituzzjoni jew tal-organizzazzjoni li tinnomina l-parteċipant fil-laqgħa. Għandha tapplika r-rata tal-kambju li tapplika fid-data tal-laqgħa.

5.6.Ir-rimborż jista’ jsir f’kont tal-bank privat tal-parteċipant mistieden biss fuq talba bil-miktub mill-istituzzjoni jew mill-organizzazzjoni li tinnomina l-parteċipant.

5.7.Id-dettalji tal-kont tal-bank li għandhom jiġu sottomessi għandu jkun fihom dan li ġej: isem il-benefiċjarju (detentur tal-kont), l-indirizz tad-detentur tal-kont, l-isem tal-bank, in-numru tal-kont tal-bank (IBAN), il-Kodiċi Swift (BIC).

6.Ħlasijiet bil-quddiem ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni

6.1.Id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti jista’ jiddeċiedi, fuq il-bażi ta’ talba sottomessa lilu bil-miktub mill-istituzzjoni jew mill-organizzazzjoni li tinnomina, jekk għandux isir ħlas bil-quddiem tal-kostijiet tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni għall-parteċipanti kif definit skont l-Artikolu 1.1(a) sa (e).

6.2.It-talba għal ħlas bil-quddiem għandha tiġi sottomessa bil-miktub lis-Segretarjat Permanenti, fuq l-indirizz tal-posta elettronika ddedikat finance@transport-community.org, mill-inqas 21 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa. Għandha tintuża l-formola fl-Appendiċi 2. Is-sottomissjoni tard ta’ talba bħal din tista’ sservi bħala ġustifikazzjoni għaċ-ċaħda tat-talba.

6.3.Wara l-approvazzjoni ta’ talba, u f’konformità mal-abbozz tal-aġenda għal-laqgħa, is-Segretarjat Permanenti għandu jibbukkja l-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni għall-parteċipant inkwistjoni. Is-Segretarjat Permanenti għandu jibgħat lill-parteċipant mistieden permezz ta’ posta elettronika l-konfermi tal-ibbukkjar għall-biljett u għall-akkomodazzjoni.

6.4.Meta japplika għall-ħlas bil-quddiem tan-nefqiet tal-ivvjaġġar, il-parteċipant jimpenja ruħu li jieħu sehem fil-laqgħa inkwistjoni.

6.5.Fejn il-parteċipant mistieden ma jkunx fil-pożizzjoni li jipparteċipa fil-laqgħa – għal raġunijiet, li mhumiex direttament attribwibbli għall-Komunità tat-Trasport – l-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni li tinnomina għandha tindennizza lis-Segretarjat Permanenti għall-kostijiet imġarrba fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-vjaġġ (eż. il-kostijiet ta’ biljetti rreġistrati inklużi t-tariffi ta’ kanċellazzjoni, eċċ.).

7.Dispożizzjonijiet amministrattivi u finali

7.1.Id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni xierqa ta’ dawn ir-Regoli.

7.2.Is-Segretarjat Permanenti għandu jżomm, għal perjodu ta’ ħames snin, ir-rekords, id-dokumenti u l-evidenza relatati mar-rimborż, inklużi dokumenti relatati ma’ trattament eċċezzjonali.

7.3.Dawn ir-Regoli għandhom jiġu ppubblikati permezz tas-sit web tal-Komunità tat-Trasport mal-adozzjoni tagħhom.

APPENDIĊI 1 – TALBA GĦAL RIMBORŻ TAL-IVVJAĠĠAR

1. DETTALJI TAL-LAQGĦA

Deskrizzjoni tal-laqgħa:

Post:

Data:    Nru ta’ jiem:

2. PARTEĊIPANT

KUNJOM:    ISEM:

ISTITUZZJONI/ORGANIZZAZZJONI:    TITLU:

PAJJIŻ:

INDIRIZZ TAL-POSTA ELETTRONIKA:    TEL:

3. DETTALJI TAL-BANK jekk jogħġbok ipprovdi l-IBAN sħiħ u l-kodiċi SWIFTIBIC

ISEM U INDIRIZZ TAD-DETENTUR TAL-KONT (ISTITUZZJONI): (jekk jogħġbok indika l-isem tas-sid/benefiċjarju tal-kont tal-bank hawnhekk)

ISEM TAL-BANK

Numru tal-Kont

Kodiċi SWIFT (BIC)

IBAN

4. AKKOMODAZZJONI

Minn:

Sa:

DATI TAS-SOĠĠORN    

Numru totali ta’ ljieli fil-lukandi (b’rata massima ta’ EUR 120 kull lejl)

Jekk jogħġbok ehmeż kopja tal-fattura tar-riċevuta tal-lukanda

5. SPEJJEŻ TAL-IVVJAĠĠAR

Ajruplan, ferrovija, xarabank fuq distanza twila, trasport lokali, eċċ.

MINN

SA

KLASSI

AMMONT

MUNITA

F’EUR

Itinerarju

Kompli fuq folja separata jekk ikun meħtieġ. Jekk jogħġbok ehmeż kopja tar-riċevuti/fatturi disponibbli, inklużi l-karti tal-imbarkazzjoni għal titjiriet/biljetti tal-ferrovija/tax-xarabank

KAROZZA

Minn:

Sa:

Sa: (Ritorn)

Prova tad-distanza mehmuża (Kopja tar-rotta minn Google Maps jew

ViaMichelin.com jew Rome2Rio.com, għandha tiġi sottomessa fil-format PDF jew JPG)

KM fiż-żewġ direzzjonijiet:

Total f’EUR:

TAKSI (jekk it-trasport pubbliku lokali ma kienx disponibbli) – riċevuti meħtieġa; ġustifikazzjoni addizzjonali meħtieġa

Ammont

Munita

F’EUR

AMMONT TOTALI MITLUB f’EURO:

Kummenti Oħra:

Niċċertifika li din it-talba tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar hija dikjarazzjoni vera tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar imġarrba minni. Jiena ma ġejtx u mhu se niġi rimborżat għal dawn l-ispejjeż minn xi sors ieħor u lanqas ma inkludejt xi spiża mħallsa jew li għandha titħallas direttament minn sors ieħor.

Data: FIRMA TAL-PARTEĊIPANT:



APPENDIĊI 2 – APPLIKAZZJONI GĦAL ĦLAS BIL-QUDDIEM TAN-NEFQIET TAL-IVVJAĠĠAR

1.Dettalji tal-Vjaġġatur - jekk jogħġbok imla l-partijiet KOLLHA mmarkati b’{*}

Kunjom*:

Isem*:

Isem tal-organizzazzjoni/istituzzjoni*:

Funzjoni:

Numru tal-Passaport* (meħtieġ għal finijiet ta’ bbukkjar):

Nru tat-Telefon ta’ Kuntatt:

Indirizz tal-posta elettronika:

Titlu u Post tal-Laqgħa

Dati tal-Laqgħa:

Minn:

Sa:

Rotta tal-Ivvjaġġar:

Tluq minn:

Wasla sa:

2.Talba għall-Ibbukkjar – jekk jogħġbok immarka l-kaxxa rilevanti

IVVJAĠĠAR AKKOMODAZZJONI

NOTI IMPORTANTI GĦALL-PARTEĊIPANTI:

Din il-formola sservi bħala bażi għall-arranġamenti tal-ivvjaġġar li jsiru mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport f’isem il-vjaġġatur. Għandha tiġi approvata minn qabel mis-superjur dirett tal-vjaġġatur u tintbagħat f’forma skennjata lill-kaxxa postali tas-Segretarjat Permanenti: finance@transport-community.org

Il-vjaġġatur huwa unikament responsabbli għall-korrettezza tad-dettalji sottomessi u għandu responsabbiltà sħiħa għal data mhux kompluta jew żbaljata li tista’ tirriżulta f’kanċellazzjoni, impossibbiltà li wieħed jivvjaġġa, bidla fid-dettalji tal-ibbukkjar u/jew ħlasijiet addizzjonali relatati.

Il-kostijiet żejda kollha (l-użu ta’ minibar fil-lukanda, it-tariffi għall-parkeġġ, l-iljieli addizzjonali eċċ.) ma għandhomx jiġu rimborżati.

Il-vjaġġatur huwa obbligat li jżomm il-karti/biljetti tal-imbarkazzjoni bħala prova tal-ivvjaġġar u mar-ritorn tiegħu għandu jibgħat il-kopji skennjati fl-indirizz tal-posta elettronika speċifikat hawn fuq.

Is-Segretarjat Permanenti għandu jagħmel arranġamenti tal-ivvjaġġar fl-offerti disponibbli tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni fis-suq li jaqblu mal-limiti u r-rati tar-Regoli ta’ Rimborż.

Is-sottoskritt, jikkonferma li huwa/hija konxju/konxja tal-klawżola ta’ rifużjoni stabbilita fir-Regoli ta’ Rimborż tal-Komunità tat-Trasport applikabbli, fl-Artikolu tiegħu. 6.5: Fejn il-parteċipant mistieden ma jkunx fil-pożizzjoni li jipparteċipa fil-laqgħa – għal raġunijiet, li mhumiex direttament attribwibbli għall-Komunità tat-Trasport – l-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni li tinnomina għandha tindennizza lis-Segretarjat Permanenti għall-kostijiet imġarrba fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-vjaġġ (eż. il-kostijiet ta’ biljetti rreġistrati inklużi t-tariffi ta’ kanċellazzjoni, eċċ.).

Firma ta’ min jagħmel it-talba: _____________

Data: _______

Kap tal-istituzzjoni/organizzazzjoni li tinnomina: ___________ Data: ______

3.GĦALL-UŻU INTERN TAS-SEGRETARJAT PERMANENTI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

Kostijiet Stmati (f’EUR)

Disponibbiltà tal-Baġit

Biljett tat-Titjira / Biljett tal-Ferrovija/ Karozza

IVA LE

Uffiċjal Finanzjarju u tal-Kontabbiltà:

Akkomodazzjoni

Stima tal-kost TOTALI:

APPROVAZZJONI TAD-DIRETTUR:

Approvata Mhux Approvata

Nru tal-Impenn Baġitarju:

ABBOZZ

TAD-DEĊIŻJONI Nru 2021/
TAL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

ta’ …

dwar l-adozzjoni ta’ regoli dwar ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni mal-bidu tal-kariga u mat-terminazzjoni tas-servizz 

IL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport u, b’mod partikolari l-Artikoli 30 u 35 tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Ir-regoli dwar ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni mal-bidu tal-kariga u mat-terminazzjoni tas-servizz huma stabbiliti fl-Anness.

   Għall-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

   Il-President

Anness

Regoli dwar ir-rimborż tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni mal-bidu tal-kariga u mat-terminazzjoni tas-servizz

1.Ambitu

1.1.Dawn ir-regoli japplikaw għal:

(a)ir-rimborż tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport (il-“persunal”), il-konjuġi tagħhom, u t-tfal dipendenti li għandhom bejn sentejn u 18-il sena, li realment jgħixu fl-unitajiet domestiċi tagħhom, mal-bidu tal-kariga u mat-terminazzjoni tas-servizz;

(b)ir-rimborż tal-kostijiet tat-tneħħija u tal-ħżin tal-persunal, mal-bidu tal-kariga u mat-terminazzjoni tas-servizz;

(c)il-ħlas ta’ allowance għall-installazzjoni lill-persunal mal-bidu tal-kariga.

2.Spejjeż tal-ivvjaġġar

2.1.L-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandhom jiġu rimborżati:

(a)mal-bidu tal-kariga: mill-post tar-reklutaġġ sal-post tal-impjieg;

(b)mat-terminazzjoni tas-servizz, mill-post tal-impjieg sal-post tal-oriġini, diment li din tinvolvi bidla fir-residenza ewlenija u titwettaq fi żmien tliet snin mid-data tat-terminazzjoni.

2.2.B’mod ġenerali, il-mezz tat-trasport għandu jkun l-ivvjaġġar bil-ferrovija tat-tieni klassi għal vjaġġi ta’ inqas minn 400 km (f’direzzjoni waħda, skont id-distanza uffiċjali bil-ferrovija) u l-ivvjaġġar bl-ajru tal-klassi ekonomika għal distanzi ta’ 400 km jew aktar.

2.3.Il-kostijiet tal-piż żejjed tal-bagalji jistgħu jiġu rimborżati sa 10 kg għal kull vjaġġatur eliġibbli.

2.4.L-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandhom jiġu rimborżati biss meta jiġu ppreżentati d-dokumenti ta’ sostenn oriġinali.

2.5.Meta t-trasport bl-ajru jew bil-ferrovija ma jkunx disponibbli jew ma jkunx kosteffettiv, l-ivvjaġġar bix-xarabank jew bil-karozza għandu jiġi awtorizzat.

2.6.Il-kost tal-ivvjaġġar b’vettura privata għandu jiġi rimborżat bir-rata ta’ EUR 0,22 għal kull km.

2.7.Il-miżati tat-taksis ma għandhomx jiġu rimborżati.

3.Spejjeż tal-Ġarr

3.1.L-ispejjeż imġarrba fir-rigward tal-ġarr ta’ għamara u ta’ effetti personali inkluż il-kost tal-assigurazzjoni kontra riskji ordinarji (b’mod partikolari ksur, serq, nirien eċċ.) għandhom jiġu rimborżati, soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel tad-Direttur tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport:

(a)mal-bidu tal-kariga, mhux aktar minn sena wara t-tmiem tal-perjodu ta’ prova: għall-ġarr mill-post ta’ residenza abitwali għall-post tal-impjieg. Il-kostijiet għal ġarr li jkun sar qabel id-dħul fis-servizz ta’ membru tal-persunal ma għandhomx jiġu rimborżati;

(b)mat-terminazzjoni tas-servizz, għall-ġarr mill-post tax-xogħol għall-post tal-oriġini, jew għal post li jkun fl-istess distanza jew f’distanza iqsar.

3.2.Il-kostijiet li għandhom jiġu rimborżati għandhom ikunu allowance għall-ġarr f’somma sħiħa jew l-ispejjeż realment imġarrba.

3.3.Il-kostijiet realment imġarrba, inkluż il-kost tal-ħżin għal massimu ta’ 60 jum u l-assigurazzjoni kontra riskji ordinarji, għandhom jiġu rimborżati fil-limiti li ġejjin:

(a)8 000 kg jew 40 m3 għal membri eliġibbli tal-persunal akkumpanjati fil-post tax-xogħol jew li jingħaqdu magħhom hemm minn tal-inqas membru wieħed tal-familja tiegħu/tagħha li jivvjaġġa bl-ispejjeż imġarrba mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport;

(b)4 000 kg jew 30 m3 għal membri eliġibbli tal-persunal li ma jkunu akkumpanjati minn ebda membru tal-familja tiegħu/tagħha li jkun qed jivvjaġġa bl-ispejjeż imġarrba mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport;

(c)il-limitu massimu għar-rimborż tal-kostijiet għall-ġarr realment imġarrba għandu jkun ta’ EUR 6 000.

3.4.It-trasport għandu jkun bl-art jew bil-baħar jew bl-aktar mezz ekonomiku kif stabbilit mid-Direttur tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, filwaqt li jitqiesu l-kostijiet relatati mal-ippakkjar, it-tqegħid fi krejts, it-tqegħid f’carts, it-tneħħija mill-imballaġġ, it-tneħħija minn krejts u d-dazji doganali, jekk ikun hemm.

3.5.Il-persunal għandu jkun meħtieġ jissottometti għall-approvazzjoni lis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport offerti minn tal-inqas tliet kumpaniji tal-ġarr.

3.6.Allowance għall-ġarr f’somma sħiħa għandha tkun ta’ 30 fil-mija tas-salarju bażiku tal-membru tal-persunal, b’limitu massimu ta’ EUR 1 500.

4.Allowance għall-installazzjoni

4.1.Il-persunal li ma jkunx akkumpanjat minn xi membru tal-familja tiegħu/tagħha, u li jivvjaġġa bl-ispejjeż imġarrba mis-Segretarjat Permanenti, għandu jkun intitolat għal allowance għall-installazzjoni mal-ħatra li tkun daqs l-ammont ta’ salarju ta’ xahar wieħed.

4.2.Persunal akkumpanjat sal-post tax-xogħol jew li jingħaqad miegħu minn tal-inqas membru wieħed tal-familja tiegħu/tagħha, u li jivvjaġġa bl-ispejjeż imġarrba mis-Segretarjat Permanenti, għandu jkun intitolat għal allowance għall-installazzjoni mal-ħatra ugwali għall-ammont ta’ żewġ salarji ta’ xahar imħallsa simultanjament mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport.

5.Dispożizzjonijiet amministrattivi u finali

5.1.Il-membri tal-persunal għandhom jinfurmaw lis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport jekk l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-ġarr tagħhom u, fejn applikabbli, dawk tal-membri tal-familja tagħhom, humiex parzjalment jew totalment koperti minn parti terza (eż. awtoritajiet governattivi, entità li tistieden, impjegatur tal-konjuġi, impjegatur ieħor, eċċ.), f’liema każ is-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għandu jirrimborża jew ikopri biss il-porzjon tal-ispejjeż li mhuwiex kopert mill-parti terza.

5.2.Id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni kif suppost ta’ dawn ir-regoli.

5.3.Is-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għandu jżomm ir-rekords, id-dokumenti u l-evidenza relatati mar-rimborż tal-ispejjeż tal-ġarr u tal-ivvjaġġar u l-ħlas ta’ allowance għall-installazzjoni għal perjodu ta’ ħames snin.

5.4.Dawn ir-regoli għandhom japplikaw mill-jum ta’ wara dak tal-adozzjoni tagħhom mill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali.

5.5.Il-persunal li jkun beda jaħdem qabel l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli, għandu jkun intitolat għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-ġarr u għall-ħlas ta’ allowance għall-installazzjoni f’konformità ma’ dawn ir-regoli, mal-preżentazzjoni tad-dokumentazzjoni ta’ sostenn dwar il-kost reali mġarrab u sal-limiti massimi definiti.

5.6.Skont l-iżviluppi fil-prezzijiet, id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport jista’ jipproponi lill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali jirrieżamina r-regoli attwali.

5.7.Ir-regoli attwali għandhom jiġu ppubblikati permezz tas-sit web tal-Komunità tat-Trasport mal-adozzjoni tagħhom.

ABBOZZ

TAD-DEĊIŻJONI Nru 2021/
TAL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

ta’ …

dwar l-adozzjoni ta’ regoli dwar il-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport

IL-KUMITAT TA’ TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport u, b’mod partikolari l-Artikoli 30 u 35 tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Ir-regoli dwar il-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport huma stabbiliti fl-Anness.

   Għall-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali

   Il-President

Anness

Regoli dwar il-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport

1.Ambitu

1.1.Dawn ir-regoli japplikaw għall-persunal tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport li huwa soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport (il-“persunal”).

1.2.F’konformità mal-Artikolu 12(b) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tat-Trasport, dawn ir-regoli jistabbilixxu l-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kontra l-qgħad, tal-pensjoni u tad-diżabbiltà għall-persunal.

2.Assigurazzjoni tas-saħħa

2.1.Il-persunal huwa responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ skema xierqa ta’ assigurazzjoni tas-saħħa mill-ewwel jum tal-ħatra. Il-persunal għandu jinforma lill-Komunità tat-Trasport bil-miktub dwar l-iskema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa tiegħu fi żmien xahar mid-data tal-ħatra tiegħu.

2.2.Il-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tas-saħħa tal-persunal għandha tkun ta’ 7,8 %, ikkalkulata fuq is-salarju bażiku medju mħallas mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport matul ix-xahar preċedenti.

3.Assigurazzjoni tal-pensjoni

3.1.Il-persunal huwa responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ skema xierqa ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni għalih innifsu mill-ewwel jum tal-ħatra. Il-persunal għandu jinforma lill-Komunità tat-Trasport bil-miktub dwar l-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni tiegħu fi żmien xahar mid-data tal-ħatra tiegħu.

3.2.Il-kontribuzzjoni tal-Komunità tat-Trasport għall-assigurazzjoni tal-pensjoni ta’ membru tal-persunal għandha tkun 5 % tas-salarju bażiku ta’ dak il-membru tal-persunal.

4.Assigurazzjoni tad-diżabbiltà u tal-ħajja

4.1.Is-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għandu jassigura lill-persunal f’każ ta’ korriment, aċċident, mard okkupazzjonali, mewt jew diżabbiltà attribwibbli għat-twettiq ta’ dmirijiet uffiċjali.

5.Assigurazzjoni kontra l-qgħad

5.1.Il-persunal huwa responsabbli għall-arranġamenti ta’ assigurazzjoni kontra l-qgħad xierqa bl-ispejjeż imġarrba minnu.

6.Dispożizzjonijiet finali

6.1.Id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni kif suppost ta’ dawn ir-regoli.

6.2.Dawn ir-regoli għandhom japplikaw minn [l-ewwel jum tax-xahar kalendarju wara l-adozzjoni tagħhom].

6.3.Skont l-iżviluppi fil-prezzijiet, id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport jista’ jipproponi lill-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali jirrieżamina r-regoli attwali.

6.4.Ir-regoli attwali għandhom jiġu ppubblikati permezz tas-sit web tal-Komunità tat-Trasport mal-adozzjoni tagħhom.