IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.3.2021
COM(2021) 147 final
2021/0073(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-20 ta’ Ottubru 2020, Malta talbet awtorizzazzjoni biex iżżid il-limitu massimu ta’ miżura ta’ deroga eżistenti mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, li tippermetti li persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 30 000 jiġu eżentati sal-31 ta’ Diċembru 2024. Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni relatata mat-talba li ġiet ipprovduta permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-9 ta’ Novembru 2020.
F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba ta’ Malta, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2020. Il-Kummissjoni nnotifikat lil Malta permezz ta’ ittra ddatata t-18 ta’ Diċembru 2020 li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha
Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-impriżi ż-żgħar, inkluża l-possibbiltà li jeżentaw lill-persuni taxxabbli b’inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn timponi l-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-inputs tagħha.
Skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, Stati Membri partikolari li l-adeżjoni tagħhom seħħet wara l-1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali tal-ammonti bir-rata tal-kambju dakinhar tal-adeżjoni tagħhom, kif speċifikat f’dik id-dispożizzjoni. Malta bdiet tapplika l-EUR fl-1 ta’ Jannar 2008.
Skont il-punt 13 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, Malta tista’ teżenta mill-VAT tliet kategoriji ta’ persuni taxxabbli: il-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 37 000 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista tal-merkanzija; EUR 24 300 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin); u EUR 14 600 f’każijiet oħrajn, jiġifieri dawk li jipprovdu servizz b’valur miżjud għoli (inputs baxxi).
Mindu saret Membru, Malta għamlet użu minn din id-dispożizzjoni biex tgħin lin-negozji ż-żgħar u biex tħeġġeġ lin-negozji ġodda jibdew joperaw. Dan kien utli bħala miżura ta’ simplifikazzjoni minħabba li jneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw taħt ċertu fatturat annwali, u dan naqqas l-ispejjeż operattivi ta’ dawn in-negozji. Fl-istess ħin, l-effett fuq id-dħul ma kienx sinifikanti. Il-Gvern Malti huwa impenjat li jkompli japplika l-miżuri biex jiġu ssimplifikati l-obbligi tal-operaturi ż-żgħar, skont l-objettivi tal-Unjoni Ewropea għan-negozji ż-żgħar, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” — “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa”.
Għal dan l-għan, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 tal-20 ta’ Frar 2018 Malta kienet awtorizzata żżid il-livell limitu għall-kategorija bl-inqas fatturat, jiġifieri EUR 14 600, għal EUR 20 000. Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1662 tat-3 ta’ Novembru 2020 Malta kienet awtorizzata li ttawwal l-applikazzjoni ta’ din il-miżura sal-31 ta’ Diċembru 2024.
L-adozzjoni u t-traspożizzjoni sussegwenti fil-liġi nazzjonali ta’ din il-miżura fl-1 ta’ Lulju 2018 wasslet biex aktar minn 1262 impriża żgħira jibbenefikaw minn żieda fil-livell limitu għall-fatturat annwali skont it-tali kategorija relattiva tal-iskema ta’ simplifikazzjoni għall-SMEs.
Billi l-limitu jiżdied għal EUR 30 000 għall-persuni taxxabbli li l-attività ekonomika tagħhom tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin) jew provvisti ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi), huwa meqjus li l-miżura se tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv fuq in-negozji eliġibbli għall-iskema, u b’mod partikolari fuq il-mikrointrapriżi, billi teħlishom mill-obbligi tal-VAT skont l-arranġamenti normali tal-VAT, bħaż-żamma tar-rekords tal-VAT jew is-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT.
Il-miżura speċjali naqqset b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv u l-kostijiet għall-ammont sostanzjali ta’ impriżi żgħar Maltin indikati hawn fuq. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-miżura speċjali ppermettiet lil Malta talloka aktar riżorsi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u t-tisħiħ tal-infurzar tas-sistema attwali tal-VAT.
Il-miżura ta’ deroga li tissimplifika l-obbligi tal-operaturi ż-żgħar, hija konformi mal-objettivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għan-negozji ż-żgħar.
Għalhekk, huwa adatt li Malta tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika
Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-filosofija tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni tal-VAT, u għandha l-għan li toħloq skema moderna u simplifikata għal dawk in-negozji. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-livell domestiku u fil-livell tal-UE, tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-livell limitu u tiffaċilita kemm il-konformità tal-impriżi kif ukoll il-monitoraġġ mill-awtoritajiet tat-taxxa.
Barra minn hekk, il-livell limitu ta’ EUR 30 000 huwa konsistenti mad-Direttiva (UE) 2020/285, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-livell limitu tal-fatturat annwali meħtieġ għal eżenzjoni mill-VAT f’livell mhux ogħla minn EUR 85 000 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali).
Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu, kif previst fl-Artikoli 285 u 287 tad-Direttiva tal-VAT. In-Netherlands ingħataw livell limitu ta’ EUR 25 000; L-Italja ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; Il-Lussemburgu ingħata livell limitu ta’ EUR 35 000; Il-Latvja, il-Polonja u l-Estonja ngħataw livell limitu ta’ EUR 40 000; Il-Kroazja ngħatat livell limitu ta’ EUR 45 000 u l-Litwanja livell limitu ta’ EUR 55 000; L-Ungerija ngħatat livell limitu ta’ EUR 48 000; Is-Slovenja ngħatat livell limitu ta’ EUR 50 000; u r-Rumanija ngħatat livell limitu ta’ EUR 88 500.
Kif issemma diġà, id-derogi mid-Direttiva tal-VAT jenħtieġ li jkunu dejjem limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. L-inklużjoni ta’ data ta’ skadenza tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, kif mitlub minn Malta, hija allinjata mal-applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2025 tad-Direttiva (UE) 2020/285 dwar regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.
Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni
Fil-programmi ta’ ħidma annwali tagħha, il-Kummissjoni ilha tenfasizza b’mod konsistenti l-ħtieġa li jkun hemm regoli aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. F’dan ir-rigward, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2020 jirreferi għal “Strateġija ddedikata għall-SMEs li se tagħmilha aktar faċli biex in-negozji żgħar u medji joperaw, jikbru u jespandu”. Il-miżura ta’ deroga tikkonforma ma’ tali objettivi, f’dak li jirrigwarda r-regoli fiskali. B’mod partikolari hija konsistenti mal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017, li rrefera speċifikament għall-VAT, u indika li l-piż amministrattiv ta’ konformità tal-VAT għal negozji żgħar huwa għoli u l-innovazzjoni teknika tippreżenta sfidi ġodda għall-ġbir effettiv tat-taxxa, u enfasizza l-ħtieġa li l-VAT tiġi ssimplifikata għall-kumpaniji ż-żgħar.
Bl-istess mod, il-miżura hija konsistenti mal-istrateġija tas-suq uniku tal-2015, li permezz tagħha l-Kummissjoni ħadmet biex tgħin lill-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jikbru, fost l-oħrajn billi naqqset il-piżijiet amministrattivi li ma kinux iħalluhom jisfruttaw għalkollox is-suq uniku. Issegwi wkoll il-filosofija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013 dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa”, li enfasizzat il-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni tat-taxxa għall-impriżi ż-żgħar.
Fl-aħħar nett, il-miżura tikkonforma mal-politiki tal-UE dwar l-impriżi żgħar u medji kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2016 favur in-Negozji l-ġodda, u fil-Komunikazzjoni tal-2008 “‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ – ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa”, li stiednu lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għall-amministrazzjoni tat-taxxa.
•L-għażla tal-istrument
L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, huwa possibbli li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret minn Malta u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.
•Ġbir u użu ta’ għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li żżid il-livell limitu tal-eżenzjoni attwali minn EUR 20 000 għal EUR 30 000. Din iż-żieda fil-livell limitu hija miżura ta’ simplifikazzjoni li telimina ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 30 000. Għalhekk se jkollha impatt potenzjali pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għal għadd ta’ persuni taxxabbli u, sussegwentement, fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa.
Skont id-data għas-sena 2019, in-numru ta’ kontribwenti potenzjali li se jiġu affettwati minn din iż-żieda huwa ta’ 1 764, għal servizzi ta’ valur miżjud għoli (inputs baxxi) u 237, għal servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin).
L-awtoritajiet Maltin irrappurtaw li l-għadd ta’ negozjanti li attwalment jużaw l-iskema tal-SMEs u l-eżenzjoni huwa ta’ 34 585 u billi jgħollu l-livell limitu, l-għadd jista’ potenzjalment jiżdied għal 36 586 kontribwent.
Il-perċentwal tal-utenti potenzjali tal-iskema tal-SMEs li japplikaw il-limitu ta’ EUR 30 000, meta mqabbel mal-għadd totali ta’ kontribwenti f’Malta, ikun ta’ 34 %.
Abbażi tad-dikjarazzjoni simplifikata tal-fatturat taħt l-iskema tal-SMEs fl-2019, it-total stmat tal-VAT, ikkalkulat bir-rata standard, u meqjus bħala mhux miġbur (peress li kien taħt il-livell limitu ta’ EUR 20 000), jammonta għal madwar EUR 11.4 miljun li huwa 1.2 % tal-ammont totali tad-dħul miġbur mill-VAT f’Malta fl-2019 (EUR 944.7 miljun) kif irrappurtat fid-data uffiċjali disponibbli.
Biż-żieda tal-livell limitu għal EUR 30 000 għaż-żewġ provvisti ta’ servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin) jew provvisti ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi),il-VAT mhux miġbura se tiżdied potenzjalment b’madwar EUR 3.3 miljun li tista’ tiġi stmata bħala żieda ta’ 0.35 %.
Il-persuni li d-dħul taxxabbli tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu mhux se jkollhom jirreġistraw biex jiġu identifikati għal skopijiet ta’ VAT, u għaldaqstant il-piż amministrattiv fuqhom se jitnaqqas bħala riżultat tal-miżura, billi huma ma jkollhomx għalfejn iżommu rekords tal-VAT jew jippreżentaw dikjarazzjoni tal-VAT. Se jkun hemm ukoll tnaqqis fl-ammont ta’ xogħol għall-awtoritajiet tat-taxxa. Dan se jkollu impatt potenzjalment pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-persuni taxxabli attwalment irreġistrati għall-VAT f’Malta, u sussegwentement fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa.
L-impatt fuq il-baġit fit-termini ta’ dħul tal-VAT għal Malta mhuwiex sinifikanti fuq il-baġit tad-dħul nazzjonali.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE għaliex Malta se twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) 1553/89.
2021/0073 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont il-punt (13) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, Malta tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) tliet kategoriji ta’ persuni taxxabbli: dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 37 000 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista tal-merkanzija; dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 24 300 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin); u dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 14 600 f’każijiet oħrajn, jiġifieri dawk li jipprovdu servizz b’valur miżjud għoli (inputs baxxi).
(2)Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/279 Malta hija awtorizzata tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE biex sal-31 ta’ Diċembru 2024 teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-attività ekonomika tagħhom tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta' servizzi b'valur miżjud għoli (inputs baxxi) u li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 20 000.
(3)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-20 ta’ Ottubru 2020, Malta talbet awtorizzazzjoni biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, li tippermetti lil Malta teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-attività ekonomika tagħhom tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin), jew fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi) u li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla minn EUR 30 000, sal-31 ta’ Diċembru 2024 (“il-miżura ta’ deroga”). Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni relatata mat-talba, li ġiet ipprovduta permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-9 ta’ Novembru 2020.
(4)Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba ta’ Malta lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Diċembru 2020. Permezz ta’ ittra datata t-18 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lil Malta li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.
(5)Minħabba li hu mistenni li ż-żieda fil-livell limitu tnaqqas l-obbligi tal-VAT u b’hekk il-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-konformità għall-impriżi ż-żgħar, u li tissimplifika l-ġenerazzjoni tal-VAT għall-awtoritajiet tat-taxxa, kif ukoll l-impatt fuq id-dħul totali mill-VAT ta’ Malta iġġenerat fl-istadju tal-aħħar konsum huwa negliġibbli, jenħtieġ li Malta tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga.
(6)Il-miżura ta’ deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li Malta ser twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89.
(7)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u tal-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE tħassar bid-Direttiva tal-Kunsill 2020/285, li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, huwa adatt li Malta tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.
(8)Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 titħassar,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'deroga mill-punt (13) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, Malta hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-attività ekonomika tagħhom tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta' servizzi b'valur miżjud għoli (inputs baxxi) jew fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi) u li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 30 000.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 titħassar.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2024.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Malta.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President