Brussell, 2.3.2021

COM(2021) 99 final

2018/0232(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament li jistabbilixxi l-programm “Dwana” għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana


2018/0232 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament li jistabbilixxi l-programm “Dwana” għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana

1.Sfond

Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(id-dokument COM(2018) 442 final – 2018/0232 (COD):

it-8 ta’ Ġunju 2018

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

is-17 ta’ Ottubru 2018

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari:

is-16 ta’ April 2019

Data li fiha ntbagħtet il-proposta emendata:

mhux applikabbli

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

l-1 ta’ Marzu 2021

2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

Id-dwana tgħin tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri u, fir-rwol tagħha bħala l-gwardjan tal-fruntiera esterna tal-UE għall-oġġetti, tgħin tipproteġi wkoll il-pubbliku kontra t-theddid terroristiku, theddid għas-saħħa, ambjentali u theddid ieħor. Mill-2016, il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huwa l-qafas doganali legali l-ġdid. L-għanijiet ewlenin tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huma t-tmiem tal-proċeduri bbażati fuq il-karta u d-diġitalizzazzjoni tal-interazzjonijiet bejn il-kummerċ u d-dwana. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni tista’ tinkiseb biss permezz ta’ kooperazzjoni operattiva intensa bejn l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri, bejnhom u awtoritajiet oħra, ma’ partijiet kummerċjali u ma’ partijiet terzi oħra.

Il-programm propost, li huwa l-programm suċċessur ta’ Dwana 2020, se jappoġġa l-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana.

Il-kooperazzjoni doganali u l-bini tal-kapaċità se jiġu raggruppati madwar azzjonijiet ta’ networking uman u ta’ bini tal-kompetenza, fuq naħa, u madwar azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità fit-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) fuq in-naħa l-oħra. L-ewwel raggruppament se jissimplifika l-iskambju ta’ prattiki tajba u għarfien operattiv bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi l-oħra li jipparteċipaw fil-programm, b’enfasi partikolari fuq il-kollaborazzjoni strutturata bbażata fuq il-proġetti li tippermetti forom profondi u integrati ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti, u b’hekk titwitta t-triq għal evoluzzjoni ulterjuri tal-Unjoni Doganali. It-tieni raggruppament se jippermetti lill-programm jiffinanzja s-sistemi tal-IT doganali interkonnessi, inklużi s-sistemi tal-IT trans-Ewropej, u l-infrastruttura, inkluża d-diġitalizzazzjoni tal-interazzjonijiet bejn il-kummerċ u d-dwana kif ukoll ġestjoni tar-riskju msaħħa, li se jippermettu lill-amministrazzjonijiet doganali tal-Unjoni jsiru amministrazzjonijiet elettroniċi sħaħ, u jappoġġaw il-mira tal-Kummissjoni von der Leyen li l-Unjoni Doganali tittieħed għal-livell li jmiss.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill kif adottata fl-ewwel qari tirrifletti bis-sħiħ il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif konkluż fil-15 ta’ Diċembru 2020. Il-punti ewlenin ta’ dan il-ftehim huma kif ġej:

l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni iżda biż-żieda ta’ għadd ta’ elementi li jridu jiġu inklużi fil-programm ta’ ħidma. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-elementi huma diġà obbligatorji skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni 1 ;

li jitħassru mit-test tar-Regolament ir-referenzi kollha għall-Pjan Strateġiku Pluriennali għad-Dwana (MASP-C) filwaqt li ma tiġix imħassra d-Deċiżjoni 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (dik li qabel kienet id-Deċiżjoni dwar id-dwana elettronika);

obbligu ġdid fuq il-Kummissjoni li tippubblika u taġġorna regolarment lista indikattiva tas-sistemi elettroniċi Ewropej iffinanzjati taħt il-programm;

ir-rapport li għandu jiġi abbozzat mill-Kummissjoni fir-rigward tad-delega tas-setgħa;

it-tul tal-programm huwa mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027;

ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni u jiġi applikat mill-1 ta’ Jannar 2021.

Il-Kummissjoni tappoġġa l-ftehim milħuq fit-trilogu, li jwitti t-triq għal adozzjoni rapida tal-programm il-ġdid. Il-programm se jgħin biex tinbena Unjoni Doganali moderna li jkollha l-interessi tan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE fil-qalba tagħha. Il-Kummissjoni għadha mħassba dwar it-tħassir tal-Artikolu 12 u n-nuqqas ta’ tħassir tad-Deċiżjoni 70/2008/KE. Għalhekk, qed tagħmel dikjarazzjoni dwar dak is-suġġett li se takkompanja l-adozzjoni finali, kif tinsab fil-punt 5 hawn taħt:

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni meħuda mill-Kunsill, li tirrifletti bis-sħiħ il-ftehim milħuq mill-koleġiżlaturi fit-15 ta’ Diċembru 2020.

5.Anness: Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

“Fil-proposta tagħha għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm “Dwana” għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana, il-Kummissjoni pproponiet li tissostitwixxi u tħassar id-Deċiżjoni 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (dik li qabel kienet id-Deċiżjoni dwar id-dwana elettronika). Id-Deċiżjoni 70/2008/KE sservi bħala l-bażi legali għall-Pjan Strateġiku Pluriennali għad-Dwana (MASP-C). Il-Kummissjoni pproponiet li jkollha din il-bażi legali fl-Artikolu 12 tar-Regolament minflok fid-Deċiżjoni 70/2008/KE. Fl-interess ta’ kompromess, il-Kummissjoni ma toġġezzjonax għat-tħassir tar-referenzi għall-MASP-C mir-Regolament u għan-nuqqas ta’ tħassir tad-Deċiżjoni 70/2008/KE. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li b’hekk ma tistax tissodisfa kompletament l-impenji tagħha skont l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar.”

(1)    ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.