IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.2.2021
COM(2021) 58 final
2021/0032(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-proposti għal emendi għar-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 18, 30, 41, 46, 48, 53, 54, 67, 74, 75, 79, 86, 97, 98, 106, 107, 113, 116, 117, 118, 123, 124, 125, 141, 142, 148, 149, 150, 152, 154, 157 u għal Regolament tan-NU dwar reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, fir-rigward tal-proposta għal emendi għar-Regolament Tekniku Globali Nru 9, il-proposta għal emendi għar-Riżoluzzjoni Kkonsolidata R.E.5, fir-rigward tal-proposti għal erba’ Regolamenti ġodda tan-NU rigward ir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, il-protezzjoni ta’ vetturi bil-mutur kontra l-użu mhux awtorizzat u l-approvazzjoni tal-apparat kontra l-użu mhux awtorizzat, l-approvazzjoni ta’ immobilizzaturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha, u l-approvazzjoni tas-sistema ta’ allarm għall-vetturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tas-sistema ta’ allarm tagħha, fir-rigward tal-proposta għal Riżoluzzjoni Reċiproka ġdida M.R.4, u fir-rigward tal-proposti għal dokumenti ta’ interpretazzjoni għar-Regolamenti tan-NU Nri 155 u 156
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA
Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (WP.29) fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Regolamenti ġodda tan-NU u ta’ emendi għar-Regolamenti eżistenti tan-NU, ta’ emendi għal Regolament Tekniku Globali eżistenti tan-NU u ta’ Riżoluzzjoni Reċiproka ġdida, u ta’ emendi għal Riżoluzzjoni Kkonsolidata.
2.KUNTEST TAL-PROPOSTA
2.1.Il-Ftehim tal-1958 u l-Ftehim tal-1998
L-għan tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (“NU/KEE”) li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (“il-Ftehim Rivedut tal-1958”) u tal-Ftehim li jistabbilixxi r-Regolamenti Tekniċi Globali għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti (“il-Ftehim Parallel”) huwa li jiżviluppaw rekwiżiti armonizzati maħsubin biex jeliminaw l-ostakli tekniċi għall-kummerċ fil-vetturi bil-mutur bejn il-Partijiet Kontraenti tan-NU/KEE u li jiżguraw li t-tali vetturi joffru livell għoli ta’ sikurezza u ta’ ħarsien tal-ambjent. Għall-UE, il-Ftehimiet daħlu fis-seħħ fl-24 ta’ Marzu 1998 u fil-15 ta’ Frar 2000 rispettivament. It-tnejn li huma jiġu amministrati mill-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tan-NU/KEE (“il-Grupp ta’ Ħidma Nru 29” jew “id-WP.29”).
2.2. Il-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) - il-Grupp ta’ Ħidma Nru 29 jew id-WP. 29
Id-WP.29 joffri qafas uniku għal regolamenti dwar il-vetturi armonizzati fuq livell dinji. Id-WP.29 huwa grupp ta’ ħidma permanenti fil-qafas istituzzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti li għandu mandat speċifiku u regoli ta’ proċedura. Huwa jaħdem bħala forum globali li jippermetti diskussjonijiet miftuħin dwar ir-regolamenti dwar il-vetturi bil-mutur, u fih tiġi diskussa l-implimentazzjoni tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u tal-Ftehim Parallel. Kull pajjiż li huwa membru tan-Nazzjonijiet Uniti u kull organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li l-pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Uniti jwaqqfu jistgħu jieħdu sehem bis-sħiħ fl-attivitajiet tad-WP.29 u jsiru parti kontraenti tal-Ftehimiet dwar il-vetturi li d-WP.29 jamministra. L-Unjoni Ewropea hija firmatarja ta’ dawn il-Ftehimiet.
Il-laqgħat tad-WP.29 tan-NU/KEE jsiru tliet darbiet fis-sena, jiġifieri f’Marzu, f’Ġunju u f’Novembru. F’kull sessjoni tal-laqgħat jistgħu jiġu adottati Regolamenti ġodda tan-NU, Regolamenti Tekniċi Globali ġodda tan-NU (“GTRs tan-NU”), emendi għar-Regolamenti u għar-Riżoluzzjonijiet eżistenti tan-NU skont il-Ftehim Rivedut tal-1958 u emendi għall-GTRs u għar-Riżoluzzjonijiet eżistenti tan-NU skont il-Ftehim Parallel, sabiex ikun jista’ jsir progress tekniku. Qabel kull laqgħa tad-WP.29, dawn l-emendi l-ewwel jiġu diskussi fil-livell tekniku f’korpi sussidjarji speċjalizzati tad-WP.29.
Wara dan, issir votazzjoni fil-livell tad-WP.29 (jiġifieri b’maġġoranza kwalifikata tal-Partijiet Kontraenti preżenti li jkunu qed jivvutaw għall-proposti marbutin mal-Ftehim Rivedut tal-1958 u b’vot ta’ kunsens tal-Partijiet Kontraenti preżenti li jkunu qed jivvutaw għall-proposti marbutin mal-Ftehim Parallel).
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni dwar ir-Regolamenti u l-GTRs il-ġodda, dwar l-emendi, is-supplimenti u r-rettifiki tagħhom, u dwar ir-Riżoluzzjonijiet, hija stabbilita qabel kull laqgħa tad-WP.29 b’Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2.3. L-att previst tad-WP.29
Bejn id-9 u l-11 ta’ Marzu 2021, matul il-183 sessjoni tiegħu, id-WP.29 jista’ jadotta l-proposti għal emendi għar-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 18, 30, 41, 46, 48, 53, 54, 65, 67, 74, 75, 79, 86, 97, 98, 106, 107, 113, 116, 117, 118, 123, 124, 125, 141, 142, 148, 149, 150, 152, 154, 157 u għal Regolament tan-NU dwar reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, il-proposta għal emendi għar-Regolament Tekniku Globali Nru 9, il-proposta għal emendi għar-Riżoluzzjoni Kkonsolidata R.E.5, il-proposti għal erba’ Regolamenti ġodda tan-NU rigward ir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, il-protezzjoni ta’ vetturi bil-mutur kontra l-użu mhux awtorizzat u l-approvazzjoni tal-apparat kontra l-użu mhux awtorizzat, l-approvazzjoni ta’ immobilizzaturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha, u l-approvazzjoni tas-sistema ta’ allarm għall-vetturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tas-sistema ta’ allarm tagħha, il-proposta għal Riżoluzzjoni Reċiproka ġdida M.R.4, il-proposti għal dokumenti ta’ interpretazzjoni għar-Regolamenti tan-NU Nri 155 u 156, u l-proposta għal gwida dwar l-elementi ta’ prestazzjoni tar-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment.
3. IL-POŻIZZJONI LI TRID TITTIEĦED F’ISEM L-UNJONI
Is-sistema tad-WP.29 issaħħaħ l-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-vetturi. Il-Ftehim tal-1958 għandu rwol importanti f’dan l-objettiv minħabba li l-manifatturi tal-UE jistgħu joperaw skont sett komuni ta’ Regolamenti dwar l-approvazzjoni tat-tip bl-għarfien li l-Partijiet Kontraenti se jirrikonoxxu l-prodott bħala prodott li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Pereżempju, din l-iskema ppermettiet lir-Regolament (KE) Nru 661/2009 dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur iħassar iktar minn 50 Direttiva tal-UE u jissostitwihom bir-Regolamenti korrispondenti żviluppati fil-kuntest tal-Ftehim tal-1958.
L-istess approċċ huwa segwit fil-każ tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip u t-tqegħid fis-suq tal-vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda kollha. Dan ir-Regolament jinkorpora r-regolamenti li ġew adottati skont il-Ftehim Rivedut tal-1958 (“ir-Regolamenti tan-NU”) fis-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, bħala rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip jew bħala alternattivi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
Ladarba d-WP.29 jadotta l-proposti għal emendi għal Regolamenti tan-NU jew għal Regolamenti ġodda tan-NU, u ladarba s-Segretarju Eżekuttiv tan-NU/KEE jgħarraf lill-Partijiet Kontraenti b’dawn l-atti, jekk il-Partijiet Kontraenti li jikkostitwixxu minoranza li timblokka ma joġġezzjonawx għalihom fi żmien sitt xhur, l-atti jkunu jistgħu finalment jidħlu fis-seħħ u jkunu jistgħu jiġu trasposti fir-regoli nazzjonali applikabbli ta’ kull Parti Kontraenti. Fl-UE, it-traspożizzjoni titlesta ladarba dawn l-atti jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għalhekk, jeħtieġ li tiġi ddefinita l-pożizzjoni tal-Unjoni b’rabta mal-atti li ġejjin:
–il-proposti għal emendi għar-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 18, 30, 41, 46, 48, 53, 54, 67, 74, 75, 79, 86, 97, 98, 106, 107, 113, 116, 117, 118, 123, 124, 125, 141, 142, 148, 149, 150, 152, 154, 157 u għal Regolament tan-NU dwar reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, relatati mal-aġġornament tad-dispożizzjonijiet dwar l-ibbrejkjar tal-vetturi tqal, il-brejkijiet tal-vetturi M1 u N1, is-sistemi kontra s-serq ta’ vetturi bil-mutur, it-tajers għall-karozzi tal-passiġġieri, il-vetturi kummerċjali, il-vetturi agrikoli, it-trejlers tagħhom, il-vetturi tal-kategorija L, l-emissjonijiet ta’ storbju tal-muturi, l-apparat għall-viżjoni indiretta, l-installazzjoni ta’ apparati għat-tidwil u għas-sinjalar bid-dawl għall-vetturi bil-mutur, vetturi L3, mopeds u vetturi agrikoli, il-vetturi LPG, it-tagħmir tal-istering, is-sistema ta’ allarm għall-vetturi, il-fanali ta’ quddiem b’sorsi tad-dawl b’disċarġ tal-gass, rekwiżiti ġenerali tal-kostruzzjoni għax-xarabanks u l-kowċis, il-fanali ta’ quddiem li jitfgħu raġġ baxx simmetriku, is-sistemi kontra s-serq u ta’allarm, ir-reżistenza tat-tajers għad-dawrien, l-istorbju tad-dawrien tagħhom u l-qabda tagħhom fuq l-imxarrab, il-mod kif jinħarqu ċerti materjali, is-sistemi adattivi tad-dawl ta’ quddiem, ir-roti ta’ sostituzzjoni għall-karozzi tal-passiġġieri, l-erja tal-viżjoni ta’ quddiem, is-sistema ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers, l-installazzjoni tat-tajers, l-apparati għas-sinjalar bid-dawl, l-apparati għat-tidwil tat-toroq, l-apparati retroriflettivi, is-sistemi avvanzati għall-ibbrejkjar f’emerġenza għal vetturi M1 u N1, is-sistema ta’ żamma awtomatizzata tal-karreġġata, il-proċeduri ta’ ttestjar armonizzati fuq livell dinji għall-vetturi ħfief u r-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment;
–il-proposta għal Regolament ġdid tan-NU dwar reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment;
–il-proposta għal Regolament tan-NU ġdid dwar il-protezzjoni tal-vetturi bil-mutur kontra l-użu mhux awtorizzat u l-approvazzjoni tal-apparat kontra l-użu mhux awtorizzat;
–il-proposta għal Regolament tan-NU ġdid dwar l-approvazzjoni tal-immobilizzaturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha;
–il-proposta għal Regolament tan-NU ġdid dwar l-approvazzjoni ta’ sistema tal-allarm għall-vetturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tas-sistema tal-allarm tagħha;
–il-proposta għal emendi għar-Regolament Tekniku Globali (GTR tan-NU) Nru 9 dwar is-sikurezza tal-persuni bil-mixi;
–il-proposta għal emendi għar-Riżoluzzjoni Kkonsolidata (R.E.5) dwar l-ispeċifikazzjoni komuni tal-kategoriji tas-sorsi tad-dawl;
–il-proposta għal Riżoluzzjoni Reċiproka ġdida (M.R.4) dwar il-ħġieġ tas-sunroof panoramiku;
li se jitressqu għall-votazzjoni waqt il-laqgħa tad-WP.29 ta’ Marzu tal-2021 li se ssir bejn id-9 u l-11 ta’ Marzu 2021. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi ddefinita l-pożizzjoni tal-Unjoni b’rabta mal-affarijiet li ġejjin:
–il-proposti għal dokumenti ta’ interpretazzjoni dwar ir-Regolamenti tan-NU Nri 155 u 156.
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-atti msemmijin hawn fuq minħabba li dawn jikkonformaw mal-politika tas-suq intern tal-Unjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-industrija tal-karozzi u minħabba li huma konsistenti mal-politiki tal-Unjoni dwar it-trasport, dwar il-klima u dwar l-enerġija. Madankollu, sabiex l-Unjoni tkun tista’ tivvota favur ir-Regolament tan-NU l-ġdid dwar ir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment u s-serje ta’ emendi 01 tiegħu, dokument informali mressaq mill-Kummissjoni Ewropea u li jemenda d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali jrid jiġi kkunsidrat flimkien mas-serje ta’ emendi 01 tar-Regolament tan-NU. L-emenda proposta għandha l-għan li tallinja d-dati ta’ applikazzjoni tar-Regolament tan-NU emendat bir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jirrikjedi li l-vetturi jiġu mgħammra b’reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment mis-6 ta’ Lulju 2022 għal tipi ġodda ta’ vetturi u mis-7 ta’ Lulju 2024 għall-vetturi kollha.
Dawn l-atti kollha għandhom impatt tassew pożittiv fuq il-kompetittività tal-industrija tal-karozzi tal-UE u fuq il-kummerċ internazzjonali tagħha. Il-vot favur dawn l-atti se jippromwovi l-progress teknoloġiku, se joffri vantaġġi f’termini tal-ekonomiji ta’ skala, se jipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq intern u se jiżgura li l-istandards tal-karozzi jiġu applikati bl-istess mod fl-Unjoni kollha.
B’kuntrast ma’ dan, minħabba li l-UE mhix qed tapplika d-dispożizzjonijiet uniformi tar-Regolament tan-NU dwar il-lampi ta’ twissija speċjali, ma hemmx bżonn tiġi stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-proposta għal emendi għar-Regolament Nru 65 tan-NU kkunsidrata mid-WP.29 tan-NU/KEE.
Il-proposta għal gwida dwar l-elementi ta’ prestazzjoni tar-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment għadha mhix lesta għall-votazzjoni fil-laqgħa tad-WP.29 ta’ Marzu tal-2021 u teħtieġ li tiġi diskussa aktar f’korp sussidjarju speċjalizzat tad-WP.29.
L-għarfien espert estern mhuwiex rilevanti fil-każ ta’ din il-proposta. Madankollu, din se tiġi eżaminata mill-Kumitat Tekniku dwar il-Vetturi bil-Mutur.
4.BAŻI ĠURIDIKA
4.1.
Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.
Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Huwa jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.
Applikazzjoni għal dan il-każ
Id-WP.29 huwa korp li fih il-Partijiet Kontraenti tan-NU/KEE jiddiskutu bejniethom l-implimentazzjoni tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u tal-Ftehim Parallel.
L-atti li d-WP.29 qed jintalab jadotta huma atti li għandhom effetti legali.
Ir-Regolamenti tan-NU fl-att previst ikunu jorbtu lill-Unjoni u flimkien mal-GTRs tan-NU u mar-Riżoluzzjonijiet tan-NU jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi.
L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.
Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.
Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2. Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-approssimazzjoni tal-liġijiet. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 114 tat-TFUE.
4.3.
Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 114 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu.
2021/0032 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-proposti għal emendi għar-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 18, 30, 41, 46, 48, 53, 54, 67, 74, 75, 79, 86, 97, 98, 106, 107, 113, 116, 117, 118, 123, 124, 125, 141, 142, 148, 149, 150, 152, 154, 157 u għal Regolament tan-NU dwar reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, fir-rigward tal-proposta għal emendi għar-Regolament Tekniku Globali Nru 9, il-proposta għal emendi għar-Riżoluzzjoni Kkonsolidata R.E.5, fir-rigward tal-proposti għal erba’ Regolamenti ġodda tan-NU rigward ir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, il-protezzjoni ta’ vetturi bil-mutur kontra l-użu mhux awtorizzat u l-approvazzjoni tal-apparat kontra l-użu mhux awtorizzat, l-approvazzjoni ta’ immobilizzaturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha, u l-approvazzjoni tas-sistema ta’ allarm għall-vetturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tas-sistema ta’ allarm tagħha, fir-rigward tal-proposta għal Riżoluzzjoni Reċiproka ġdida M.R.4, u fir-rigward tal-proposti għal dokumenti ta’ interpretazzjoni għar-Regolamenti tan-NU Nri 155 u 156
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE, l-Unjoni aderixxiet mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (“in-NU/KEE”) li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (“il-Ftehim Rivedut tal-1958”). Il-Ftehim Revedut tal-1958 daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Marzu 1998.
(2)Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE, l-Unjoni aderixxiet għall-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, apparat u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti (“il-Ftehim Parallel”). Il-Ftehim Parallel daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Frar 2000.
(3)Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi dispożizzjonijiet amministrattivi u rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip u t-tqegħid fis-suq tal-vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda kollha. Dan ir-Regolament jinkorpora r-regolamenti li ġew adottati skont il-Ftehim Rivedut tal-1958 (“ir-Regolamenti tan-NU”) fis-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, bħala rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip jew bħala alternattivi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
(4)Skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim Parallel, il-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tan-NU/KEE (id-WP.29 tan-NU/KEE) jista’ jadotta proposti għal emendi għar-Regolamenti tan-NU, għar-Regolamenti Tekniċi Globali tan-NU (GTRs tan-NU) u għar-Riżoluzzjonijiet tan-NU, kif ukoll proposti għal Regolamenti tan-NU, GTRs tan-NU u Riżoluzzjonijiet tan-NU ġodda li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-vetturi. Barra minn hekk, skont dawk id-dispożizzjonijiet, id-WP.29 tan-NU/KEE jista’ jadotta proposti għal awtorizzazzjonijiet biex jiġu żviluppati emendi għall-GTRs tan-NU jew biex jiġu żviluppati GTRs ġodda tan-NU u jista’ jadotta proposti għall-estensjoni tal-mandati għall-GTRs tan-NU.
(5)Id-WP.29 tan-NU/KEE, matul il-183 sessjoni tiegħu li se ssir bejn id-9 u l-11 ta’ Marzu 2021, jista’ jadotta l-proposti għal emendi għar-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 18, 30, 41, 46, 48, 53, 54, 67, 74, 75, 79, 86, 97, 98, 106, 107, 113, 116, 117, 118, 123, 124, 125, 141, 142, 148, 149, 150, 152, 154, 157 u għal Regolament tan-NU dwar reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, il-proposta għal emendi għar-Regolament Tekniku Globali Nru 9, il-proposta għal emendi għar-Riżoluzzjoni Kkonsolidata R.E.5, il-proposti għal erba’ Regolamenti ġodda tan-NU rigward ir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, il-protezzjoni ta’ vetturi bil-mutur kontra l-użu mhux awtorizzat u l-approvazzjoni tal-apparat kontra l-użu mhux awtorizzat, l-approvazzjoni ta’ immobilizzaturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha, u l-approvazzjoni tas-sistema ta’ allarm għall-vetturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tas-sistema ta’ allarm tagħha u l-proposta għal Riżoluzzjoni Reċiproka ġdida M.R.4. Barra minn hekk, id-WP.29 tan-NU/KEE għandu jadotta l-proposti għal dokumenti ta’ interpretazzjoni għar-Regolamenti tan-NU Nri 155 u 156.
(6)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fid-WP.29 tan-NU/KEE fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dawk il-proposti, minħabba li r-Regolamenti tan-NU se jorbtu lill-Unjoni u, flimkien mal-GTRs tan-NU u mar-Riżoluzzjoni Reċiproka u r-Riżoluzzjoni Kkonsolidata, jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi.
(7)Fid-dawl tal-esperjenza u tal-iżviluppi tekniċi, ir-rekwiżiti marbutin ma’ ċerti elementi jew karatteristiċi koperti mir-Regolamenti Nri 13, 13-H, 18, 30, 41, 46, 48, 53, 54, 67, 74, 75, 79, 86, 97, 98, 106, 107, 113, 116, 117, 118, 123, 124, 125, 141, 142, 148, 149, 150, 152, 154, 157 tan-NU u mir-Regolament tan-NU dwar reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, kif ukoll mir-Riżoluzzjoni Reċiproka R.E.5., jeħtieġ li jiġu emendati jew issupplimentati.
(8)Barra minn hekk, ċerti dispożizzjonijiet fil-GTR Nru 9 tan-NU jeħtieġ li jiġu emendati.
(9)Sabiex ikun jista’ jsir progress tekniku u sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-vetturi, jeħtieġ li jiġu adottati erba’ Regolamenti ġodda tan-NU dwar ir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, il-protezzjoni tal-vetturi bil-mutur kontra l-użu mhux awtorizzat u l-approvazzjoni tal-apparat kontra l-użu mhux awtorizzat, l-approvazzjoni tal-immobilizzaturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha, u l-approvazzjoni tas-sistema tal-allarm għall-vetturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tas-sistema tal-allarm tagħha. B’mod parallel, jeħtieġ li tiġi adottata Riżoluzzjoni Reċiproka ġdida M.R.4. dwar il-ħġieġ tas-sunroof panoramiku.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-183 sessjoni tal-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tan-NU/KEE li se ssir bejn id-9 u l-11 ta’ Marzu 2021 għandha tkun li tivvota favur il-proposti mniżżlin fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President