IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.2.2021
COM(2021) 37 final
2021/0020(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009, (KE) Nru 1185/2009 u d-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha
Il-Eurostat ilu għexieren ta’ snin jikkompila l-istatistika agrikola Ewropea dwar l-agrikoltura tal-UE. Illum, din tkopri dawn l-aspetti li ġejjin: l-istruttura tal-azjendi agrikoli, il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura, il-produzzjoni tal-annimali u tal-pjanti, il-biedja organika, il-prezzijiet agrikoli, il-pestiċidi, in-nutrijenti, u aspetti agroambjentali oħra. L-għan ewlieni hu li jiġu monitorjati u evalwati l-politika agrikola komuni (il-PAK) u politiki importanti oħra tal-UE, u li jkun appoġġat it-tfassil tal-politika.
Dawn il-ġabriet tad-data ġew evalwati fl-2016 u nstab li jeħtieġu aġġornament biex ikunu jqisu l-bidliet fl-agrikoltura, fil-PAK u f’politiki relatati oħra tal-UE. L-“istrateġija għall-istatistika agrikola għall-2020 u lil hinn minnha” hi programm ewlieni mwettaq mill-Kummissjoni Ewropea b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri li għandu l-għan jimmodernizza l-istatistika agrikola tal-Unjoni Ewropea. Bl-appoġġ tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, l-istrateġija hi parti mill-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT), u għandha l-għan li tissimplifika u ttejjeb is-Sistema Ewropea tal-Istatistika Agrikola (EASS). L-istrateġija timxi wkoll ma’ rakkomandazzjonijiet internazzjonali bħal-linji gwida għar-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU; barra minn hekk l-istrateġija timplimenta l-Istrateġija Globali tan-NU għat-titjib tal-istatistika agrikola u rurali.
Mil-lat ekonomiku, l-agrikoltura hi settur relattivament żgħir, iżda tkopri kważi nofs l-erja tal-art tal-UE u tipprovdi l-biċċa l-kbira tal-ikel għaliha, biex tiżgura s-sikurezza alimentari kif ukoll is-sigurtà alimentari. L-agrikoltura tħalli impatt kbir fuq it-tibdil fil-klima u l-ambjent, u ħafna komunitajiet rurali jiddependu fuqha. L-UE teħtieġ informazzjoni dwar l-agrikoltura li tkun kemm jista’ jkun preċiża, u li tippermettilha tfassal politiki ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea u li talloka l-baġit sostanzjali tal-PAK u tal-miżuri relatati bl-aktar mod effiċjenti u effettiv f’diversi dimensjonijiet. Barra minn hekk, l-agrikoltura tinsab fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikolari tal-“istrateġija mill-għalqa sal-platt” tiegħu.
Hu ferm importanti li niżguraw li l-abitanti tal-UE jkollhom aċċess sigur għal ikel biżżejjed ta’ kwalità għolja f’kull ħin. B’hekk neħtieġu statistika regolari dwar iż-żoni u l-produzzjoni ta’ diversi għelejjel u dwar l-annimali u l-prodotti derivati. L-agrikoltura tħalli impatt ukoll fuq l-ambjent. Dan ma jistax jiġi vvalutat mingħajr informazzjoni dwar l-input tan-nutrijenti u tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Il-prestazzjoni tas-settur agrikolu kollu kemm hu tista’ tiġi vvalutata bi statistika dwar il-prezzijiet tal-inputs u l-outputs agrikoli. L-agrikoltura tgħin biex tmantni ż-żoni rurali u l-pajsaġġi madwar l-UE u żżomm l-ekonomija rurali ħajja billi toħloq impjiegi f’kumpaniji li jipprovdu prodotti u servizzi għas-settur, fl-industriji agroalimentari u setturi assoċjati. Għalhekk, l-istatistika agrikola trid tkun tkopri d-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-agrikoltura.
Il-Eurostat ilu sa mill-ħamsinijiet jipprovdi statistika dwar l-għelejjel u l-annimali, u sussegwentement żied statistika dwar il-prezzijiet agrikoli, statistika dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli u statistika dwar in-nutrijenti u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Din l-istatistika ġiet regolata f’leġiżlazzjoni Ewropea aġġornata ta’ spiss jew bi ftehimiet informali u ftehimiet tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS). L-evalwazzjoni tas-sistema attwali tal-istatistika agrikola tirrakkomanda ħafna li jitħaddem approċċ sistematiku fis-sistema kollha tal-istatistika agrikola.
L-aktar alternattiva fattibbli minn fost dawk analizzati fil-valutazzjoni tal-impatt u sussegwentement proposti bħala t-triq ’il quddiem kienet li l-istatistika agrikola kollha jenħtieġ tkun koperta minn tliet Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar:
·id-data fil-livell tal-azjendi agrikoli bi trażmissjoni tal-mikrodata, abbażi ta’ approċċ modulari b’varjabbli, moduli u satelliti ewlenin,
·il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura, u
·l-istatistika aggregata dwar l-input/l-output agrikoli b’data tabulari.
L-ewwel Regolament, ir-Regolament dwar l-Istatistika Integrata tal-Azjendi Agrikoli (IFS) ġie adottat fl-2018, filwaqt li t-tieni Regolament, ir-Regolament dwar il-Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura (EAA) bħalissa għaddej minn proċess ta’ modernizzazzjoni.
It-tielet Regolament hu l-proposta leġiżlattiva attwali dwar l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli (SAIO).
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Biex dawk li jfasslu l-politika, in-negozji u l-pubbliku ġenerali jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet xierqa bbażati fuq l-evidenza, l-istatistika trid tkun affidabbli u ta’ kwalità għolja.
L-istrateġija għall-istatistika agrikola għall-2020 imsemmija hawn fuq tinkludi l-objettivi ewlenin li ġejjin:
·tipproduċi statistika ta’ kwalità għolja li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti b’mod effiċjenti u effettiv; u
·ittejjeb l-armonizzazzjoni u l-koerenza tal-istatistika agrikola Ewropea.
Din il-proposta tindirizza dawn l-objettivi b’mod dirett.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-ixprun ewlieni tal-programm statistiku Ewropew tal-2013-2017 (estiż sal-2018-2020) hu li tingħata statistika ta’ kwalità li tappoġġa l-politiki Ewropej. L-istatistika ambjentali u agrikola hi waħda mit-tliet pilastri tal-produzzjoni tal-istatistika permezz ta’ dak il-programm. Fost l-objettivi rilevanti tal-programm hemm “l-analiżi u s-simplifikazzjoni tal-ġbir tad-data dwar l-agrikoltura b’konformità mal-analiżi tal-PAK ta’ wara l-2013” u “t-tfassil mill-ġdid ta’ proċessi tal-ġbir tad-data dwar l-agrikoltura, b’mod partikolari biex jittejbu l-kwalità u t-tempestività tad-data mogħtija”. Din l-inizjattiva timplimenta dak l-objettiv.
Billi tipprovdi data aħjar għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tas-settur għall-ambjent, in-nies, ir-reġjuni u l-ekonomija, is-Sistema Ewropea tal-Istatistika Agrikola se tikkontribwixxi wkoll għal mill-inqas tnejn mis-sitt prijoritajiet tal-Kummissjoni von der Leyen, jiġifieri:
·Patt Ekoloġiku Ewropew bl-istrateġiji sottostanti mill-għalqa sal-platt u tal-bijodiversità
·ekonomija li taħdem għan-nies.
L-istatistika agrikola hi utli wkoll għal prijoritajiet oħra tal-Unjoni jew tal-Istati Membri li jaffettwaw jew li huma affettwati mill-agrikoltura u mill-iżvilupp rurali.
Lil hinn minn dan, il-proposta għal programm tas-suq uniku li bħalissa qed tiġi diskussa mill-istituzzjonijiet tipprovdi qafas għal finanzjament tal-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea. L-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni teħtieġ informazzjoni statistika ta’ kwalità għolja, komparabbli u affidabbli dwar is-sitwazzjoni ekonomika, soċjali, territorjali u ambjentali fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-istatistika Ewropea tippermetti liċ-ċittadini Ewropej jifhmu u jieħdu sehem fil-proċess demokratiku u fid-dibattitu dwar l-istat preżenti u futur tal-Unjoni. Fir-rigward tal-istatistika agrikola, l-enfasi hi fuq il-forniment ta’ data fil-ħin u rilevanti għall-ħtiġijiet tal-Politika Agrikola Komuni, il-Politika Komuni tas-Sajd, u politiki relatati mal-ambjent, is-sigurtà alimentari u t-trattament xieraq tal-annimali.
L-istatistika agrikola tipprovdi evidenza statistika ta’ kwalità għolja għall-implimentazzjoni u għall-monitoraġġ tal-PAK. Il-PAK hi xprun importanti għall-impjiegi u għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni. Il-politika tal-iżvilupp rurali, li hi parti integrali tal-PAK u fuq nett tal-objettivi soċjali tagħha, għandha l-għan li ttejjeb il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-produzzjoni agrikola. Il-PAK tirrappreżenta aktar minn 37% tal-baġit totali tal-Unjoni fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2014-2020.
L-istatistika agrikola hi wkoll dejjem aktar meħtieġa għal politiki ewlenin oħra tal-Unjoni bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-politiki ambjentali u dwar it-tibdil fil-klima, il-politika kummerċjali, il-politika soċjali, il-politika reġjonali, u l-bqija.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 338 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi l-bażi ġuridika għall-istatistika Ewropea. Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw miżuri għall-produzzjoni tal-istatistika meta din l-istatistika tkun meħtieġa biex l-Unjoni taqdi r-rwol tagħha. L-Artikolu 338 jistabbilixxi r-rekwiżiti relatati mal-produzzjoni tal-istatistika Ewropea, filwaqt li jiddikjara li l-istatistika trid tkun konformi ma’ standards ta’ imparzjalità, affidabbiltà, oġġettività, indipendenza xjentifika, kosteffettività u kunfidenzjalità statistika.
Il-bażi ġuridika għar-rapporti tal-kwalità hi l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenzi mhux esklużivi)
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma tkunx fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. L-ESS tipprovdi infrastruttura għall-informazzjoni statistika. Is-sistema tfasslet biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ bosta utenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’soċjetajiet demokratiċi. Il-proposta għal dan ir-Regolament ġiet abbozzata biex tipproteġi l-attivitajiet ewlenin tas-sħab tal-ESS filwaqt li tiżgura aħjar il-kwalità u l-komparabbiltà tal-istatistika agrikola.
Wieħed mill-kriterji ewlenin li d-data statistika trid tissodisfa hu l-konsistenza u l-komparabbiltà. L-Istati Membri ma jistgħux jiksbu l-konsistenza u l-komparabbiltà meħtieġa mingħajr qafas Ewropew ċar, jiġifieri leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi l-kunċetti komuni tal-istatistika, il-formati tar-rappurtar u r-rekwiżiti tal-kwalità.
Ir-rekwiżit tal-komparabbiltà hu importanti ħafna għall-istatistika agrikola minħabba l-PAK. L-objettiv tal-azzjoni proposta ma jistax jintlaħaq b’mod sodisfaċenti jekk l-Istati Membri jaġixxu b’mod indipendenti. Tista’ tittieħed azzjoni aktar effettiva fil-livell tal-Unjoni, abbażi ta’ att legali tal-Unjoni li jiżgura l-komparabbiltà tal-informazzjoni statistika fid-dominji tal-istatistika koperti mill-att propost. Sadanittant, il-ġbir tad-data nnifsu jista’ jsir mill-Istati Membri.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità, fid-dawl ta’ dan li ġej:
Se tiżgura l-kwalità u l-komparabbiltà tal-istatistika agrikola Ewropea miġbura u kkompilata bl-applikazzjoni tal-istess prinċipji madwar l-Istati Membri. Bl-istess mod, se tiżgura li l-istatistika agrikola Ewropea tibqa’ rilevanti u tkun adattata biex tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-utenti. Ir-Regolament se jagħmel il-produzzjoni tal-istatistika aktar kosteffettiva filwaqt li jirrispetta l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi tal-Istati Membri.
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, ir-Regolament propost jillimita lilu nnifsu għall-minimu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu u ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ għal dak il-għan.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost: Regolament.
Minħabba l-objettivi u l-kontenut tal-proposta, Regolament hu l-aktar strument xieraq. Politiki komuni tal-UE importanti bħall-PAK minnhom infushom jiddependu fuq statistika agrikola komparabbli, armonizzata u ta’ kwalità għolja fil-livell Ewropew. Dawn jistgħu jkunu żgurati bl-aħjar mod b’Regolamenti li jkunu applikabbli direttament fl-Istati Membri mingħajr il-bżonn li l-ewwel jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT
•L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
L-evalwazzjoni tas-sistema Ewropea tal-istatistika agrikola għall-istrateġija għall-istatistika agrikola għall-2020 u lil hinn minnha indikat il-ħtieġa ta’ approċċ aktar sistematiku fid-dominju kollu.
L-evalwazzjoni tas-sistema tal-istatistika agrikola wriet li:
·il-leġiżlazzjoni attwali dwar l-istatistika agrikola ma tissodisfax b’mod adegwat il-ħtiġijiet tad-data l-ġodda u emerġenti għax il-provvista tagħha mhix inkluża f’dik il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, l-atti legali mhumiex flessibbli u integrati biżżejjed biex jirrispondu għall-ħtiġijiet il-ġodda fil-ħin;
·l-EASS mhix flessibbli biżżejjed u mhux qed tirreaġixxi malajr biżżejjed għall-ħtiġijiet emerġenti, parzjalment minħabba l-funzjonament inerenti tal-istatistika, parzjalment minħabba l-mod kif ġew stabbiliti r-Regolamenti, iżda anki minħabba nuqqasijiet baġitarji u ta’ riżorsi umani;
·il-ġbir tad-data mhux armonizzat u koerenti sa grad sodisfaċenti għax qed ifeġġu ħtiġijiet tad-data ġodda, il-leġiżlazzjoni ġiet żviluppata separatament tul ħafna snin, u xi drabi jkun hemm definizzjonijiet u kunċetti differenti f’oqsma agrikoli differenti;
·l-istatistika tista’ tiġi prodotta b’mod aktar effiċjenti jekk il-leġiżlazzjoni tiġi adattata biex tippermetti li jintużaw diversi sorsi tal-informazzjoni u jekk l-Istati Membri jadattaw ruħhom għat-teknoloġija moderna.
Saret konsultazzjoni pubblika għall-evalwazzjoni, u r-riżultati huma dettaljati f’rapport separat.
L-istrateġija sussegwenti dwar l-istatistika agrikola tikkonkludi li l-istatistika agrikola trid titfassal u tiffunzjona bħala sistema, fejn il-partijiet jaqblu flimkien u jagħmlu l-output aktar sinifikanti mis-somma tagħhom. Barra minn hekk, l-istatistika agrikola trid taqbel mingħajr intoppi mal-ESS kollha. Is-sorsi tad-data jridu jiġu diversifikati. Meta possibbli, iridu jintużaw sorsi oħra tad-data; iridu jiġu integrati l-ICT u teknoloġiji ġodda oħra (eż. il-Big Data, innovazzjonijiet imsejsa fuq ir-riċerka); l-effettività u l-effiċjenza tal-metodi tal-ġbir tad-data jridu jiġu vvalutati skont il-ħtiġijiet tad-data u l-kriterji tal-kwalità, u l-frammentazzjonijiet (stopepipes) eżistenti jenħtieġ jitneħħew.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Eurostat jiżviluppa, jipproduċi u jxerred statistika agrikola Ewropea b’kooperazzjoni mill-qrib, koordinata u regolari fl-ESS, imejsa fuq sħubija twila mal-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs) u awtoritajiet rilevanti oħra.
F’livell kumplessiv u b’referenza għall-“Istrateġija għall-Istatistika Agrikola għall-2020 u lil hinn minnha”, il-kategoriji ewlenin tal-partijiet ikkonċernati tal-istatistika agrikola Ewropea huma l-produtturi tad-data (l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra kif ukoll il-Eurostat), ir-rispondenti (il-bdiewa, l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa u n-negozji) u l-utenti (ir-riċerkaturi, il-ġurnalisti u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet pubbliċi u privati, b’mod partikolari fosthom dipartimenti oħra tal-Kummissjoni). Dawn il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati b’mod estensiv dwar il-problemi u l-bidliet mixtieqa fl-istatus quo, il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tad-data tagħhom, l-alternattivi ta’ politika possibbli biex jissolvew il-problemi, l-impatti tal-azzjonijiet issuġġeriti, u b’mod speċifiku l-formulazzjoni tal-istrateġija. Il-fora ewlenin ta’ dawn il-konsultazzjonijiet kienu (i) il-laqgħat u s-seminars tal-Kumitat Permanenti għall-Istatistika Agrikola (CPSA) u s-suċċessur tiegħu, il-Grupp tad-Diretturi għall-Istatistika Agrikola (DGAS) (magħmul minn diretturi tal-istatistika agrikola tal-NSIs) li ta’ spiss jinstemgħu d-dipartimenti tal-Kummissjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali, u organizzazzjonijiet tal-bdiewa, (ii) il-laqgħat tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (magħmul mid-diretturi ġenerali tal-NSIs), u (iii) konsultazzjonijiet u seduti skedati b’mod regolari fi ħdan id-dipartimenti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ġie ppubblikat pjan direzzjonali għall-proposta tal-SAIO fuq il-pjattaforma tal-Kummissjoni Ewropea “Semma’ Leħnek” għal 4 ġimgħat ta’ rispons mill-pubbliku.
Ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet kollha ġew ikkunsidrati fl-evalwazzjoni msemmija hawn fuq u waqt l-iżvilupp tal-proposta.
•Ġbir u użu ta’ għarfien espert
Il-Eurostat kellu diskussjonijiet estensivi dwar il-kontenut tal-proposta mal-NSIs permezz ta’ task forces speċifiċi u permezz ta’ gruppi ta’ esperti eżistenti, inkluż fil-livell tad-diretturi.
Il-proposta ġiet ippreżentata wkoll lill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika f’Ottubru 2020.
•Valutazzjoni tal-impatt
Valutazzjoni tal-impatt tal-istrateġija għall-istatistika agrikola għall-2020 u lil hinn minnha, li l-SAIO tagħmel parti minnha, irċeviet opinjoni favorevoli mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju.
Din il-valutazzjoni tal-impatt twettqet fil-livell tal-istrateġija minħabba l-approċċ sistematiku fis-sistema kollha tal-istatistika agrikola biex ikun żgurat li l-partijiet kollha jaqblu flimkien.
Tqiesu erba’ alternattivi ewlenin:
(1)ix-xenarju bażi – L-ebda azzjoni tal-UE dwar id-data strutturali agrikola: din l-alternattiva tħalli l-ġbir tad-data f’idejn l-Istati Membri, u dan jirriżulta f’taħlita ta’ approċċi u kwalitajiet differenti.
(2)estensjoni tar-Regolament (KE) Nru 1166/2008: din l-alternattiva tkompli l-istatus quo.
(3)qafas legali uniku għall-istatistika agrikola kollha: din l-alternattiva tintegra l-ġbir tad-data kollu dwar l-istatistika agrikola f’regolament qafas uniku ġdid.
(4)integrazzjoni f’żewġ stadji tal-istatistika agrikola: din l-alternattiva tippriżerva l-vantaġġi tal-alternattiva 3 filwaqt li żżid il-flessibbiltà u tnaqqas il-pressjoni tal-ħin billi toħloq żewġ regolamenti qafas ġodda f’żewġ stadji distinti.
L-alternattiva ppreferuta kienet l-alternattiva 4 għax kienet toffri l-aħjar mod kif jintlaħqu l-objettivi.
Il-valutazzjoni tal-impatt sabet li l-EASS jenħtieġ li, bħala alternattiva ppreferuta, fl-aħħar mill-aħħar tkun koperta minn tliet regolamenti. Tnejn minn dawn ir-regolamenti jkunu ġodda u jissostitwixxu diversi regolamenti antiki tal-UE dwar l-istatistika agrikola. L-ewwel wieħed minn dawn, ir-Regolament (UE) 2018/1091 dwar l-istatistika integrata tal-azjendi agrikoli (IFS), li jkopri d-data dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli, il-ġonna tal-frott u l-vinji, ġie adottat fl-2018. It-tieni wieħed hu l-proposta attwali għal regolament dwar l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli (SAIO) li jkopri l-inputs u l-outputs tas-settur agrikolu: il-produzzjoni agrikola (għelejjel u annimali) inkluż il-biedja organika, il-prezzijiet agrikoli, in-nutrijenti u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. It-tielet regolament, kif imsemmi fil-valutazzjoni tal-impatt, se jikkonċerna emenda għar-Regolament (KE) Nru 138/2004 dwar il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikolutra (EAA). L-EAA huma kont satellita tal-kontijiet nazzjonali u min-natura tagħhom huma makroekonomiċi, u għalhekk ma ġietx proposta l-integrazzjoni tagħhom fir-regolamenti qafas il-ġodda. Minflok, ġie propost li jibqgħu soġġetti għal leġiżlazzjoni indipendenti, kif ilu l-każ minn meta r-Regolament tal-EAA daħal fis-seħħ għall-ewwel darba fl-2004, u li jiġu modernizzati simultanjament mal-iżvilupp tal-SAIO.
Il-leġiżlazzjoni dwar l-istatistika hi primarjament leġiżlazzjoni amministrattiva li taffettwa l-utenti tad-data (prinċipalment id-dipartimenti tal-Kummissjoni li jaħdmu fuq il-politiki), il-produtturi tad-data (l-NSIs), u r-rispondenti tad-data (il-bdiewa). Għalhekk, l-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali diretti tagħha huma limitati. Il-kostijiet diretti ewlenin għall-partijiet ikkonċernati huma relatati mal-adattament għal sistemi statistiċi u tekniċi ġodda. Fi żmien medju u fit-tul, l-azzjonijiet ta’ modernizzazzjoni kienu mistennija jwasslu għal tnaqqis żgħir fil-piż u ffrankar fil-kostijiet. Ħafna mill-iffrankar jiġi mir-rekwiżiti ta’ kopertura aktar baxxa tar-Regolament (UE) 2018/1091. Il-kostijiet tal-istatistika jridu jiġu bbilanċjati mal-benefiċċji soċjali tagħhom iżda jridu jitqabblu wkoll mal-kost li ma jkunx hemm statistika, jew li jkun hemm biss statistika ta’ kwalità baxxa.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-proposta hi parti mill-istrateġija għall-istatistika agrikola għall-2020 u lil hinn minnha, programm ewlieni mwettaq mill-Kummissjoni Ewropea b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE li għandu l-għan jimmodernizza l-istatistika agrikola tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, l-istrateġija għandha l-għan tissimplifika u ttejjeb l-EASS; din hi appoġġata wkoll mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika u hi parti mill-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT), bil-għan li tissimplifika u ttejjeb l-EASS.
Bħalissa, l-istatistika agrikola hi bbażata fuq bosta strumenti ta’ leġiżlazzjoni u ftehimiet differenti. Jenħtieġ li dawn ilkoll jingħaqdu flimkien biex jinħoloq approċċ sistematiku. Dan se jissimplifika s-sistemi użati għall-ġbir tad-data statistika. Hemm ukoll pjanijiet li jippermettu l-użu ta’ diversi sorsi tad-data, inkluż it-telerilevament, biex jonqos il-piż għar-rispondenti.
Din il-proposta tkopri l-produzzjoni agrikola aggregata (għelejjel u annimali) inkluż il-biedja organika, il-prezzijiet agrikoli, in-nutrijenti u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Dawn jittrattaw l-inputs (il-prezzijiet taż-żrieragħ, il-pestiċidi, l-għalf, eċċ.) u l-outputs (il-produzzjoni u l-prezzijiet tal-għelejjel u tal-annimali) agrikoli. Id-data tista’ tinġabar mingħand azjendi agrikoli, sorsi amministrattivi, intermedjarji (azjendi tal-ħalib, eċċ.), entitajiet bl-ingrossa u organizzazzjonijiet tas-suq, u spiss tinkludi ċertu ammont ta’ stimi esperti. L-introduzzjoni ta’ qafas koerenti se jippermetti b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ arkitettura legali integrata, kif ukoll ippjanar u koerenza aħjar tal-istħarriġ u ġabriet oħra tad-data.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-impatt finanzjarju tal-proposta għandu durata bla limitu. Il-proposta ma tinkludix il-finanzjament ta’ ġabriet regolari tad-data, iżda tipprevedi kofinanzjament mill-Unjoni ta’ ġabriet tad-data ad hoc, li ż-żmien tagħhom mhux magħruf. L-ewwel ġbir tad-data ad hoc jista’ jkun mistenni għal mhux qabel sentejn minn meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament ippjanat. Dawn il-ġabriet tad-data ma jkunux magħrufa minn qabel, u għalhekk ma tista’ tingħata l-ebda informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom. Ladarba jkun meħtieġ dan il-ġbir tad-data ad hoc, jiġu evalwati l-kostijiet involuti u jiġu ddettaljati aktar fl-abbozzar tal-att delegat u tal-att ta’ implimentazzjoni, u fi kwalunkwe każ ikunu koperti mill-approprjazzjonijiet allokati għall-pakketti finanzjarji tal-programmi rilevanti inklużi fil-Baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet għall-implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar
Ir-regolament propost mistenni jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-2022, bil-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jiġu adottati ftit wara. Ir-Regolament se jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha tal-UE mingħajr il-ħtieġa ta’ pjan ta’ implimentazzjoni.
L-Istati Membri mistennija jibdew jipprovdu d-data lill-Kummissjoni skont ir-Regolament il-ġdid fl-2023.
L-istrument leġiżlattiv propost hu parti mill-EASS, li se jkun soġġett għal evalwazzjonijiet regolari biex jiġi vvalutat, fost affarijiet oħra, kemm kien effettiv u effiċjenti biex jintlaħqu l-objettivi u biex jiġi deċiż jekk humiex meħtieġa miżuri jew emendi ġodda.
•Monitoraġġ tal-konformità tal-istatistika prodotta
Il-Eurostat iwettaq valutazzjonijiet regolari tal-konformità. Dawk il-valutazzjonijiet jinkludu rieżami tad-disponibbiltà, il-kwalità u l-puntwalità tad-data u azzjonijiet ta’ segwitu f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità.
Skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri jintalbu jipprovdu ċifri rilevanti lill-Kummissjoni dwar l-istatistika agrikola. Dawk iċ-ċifri huma soġġetti għal skadenzi stretti għat-trażmissjoni, li jridu jiġu rispettati għall-ġestjoni tajba, it-tixrid u l-utilità tal-istatistika Ewropea, peress li data nieqsa jew mhux kompluta twassal għal nuqqasijiet fid-disponibbiltà tal-informazzjoni (jiġifieri, mhux possibbli jiġu kkalkulati l-aggregati tal-Unjoni u li tiġi ppubblikata d-data skont l-iskedi taż-żmien ippjanati).
Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 jikkostitwixxi l-qafas legali bażiku għall-funzjonament tas-sistema Ewropea tal-istatistika u għal-leġiżlazzjoni settorjali kollha għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea.
Filwaqt li t-tempestività, il-puntwalità u l-kompletezza diġà huma fatturi importanti fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tal-konformità biex ikun żgurat tixrid fil-ħin tal-istatistika agrikola, se tingħata aktar attenzjoni lil dawk id-dimensjonijiet u lil dimensjonijiet oħra tal-kwalità biex tkun żgurata l-fiduċja fl-istatistika prodotta mill-Eurostat u l-ESS.
•
Titjib kontinwu tal-EASS: identifikazzjoni ta’ ħtiġijiet tad-data ġodda u sorsi ġodda tad-data, titjib tal-koerenza, tnaqqis tal-piż
Bħalissa, il-Eurostat imexxi seduti annwali ma’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni. Punt importanti għal dawn is-seduti hu l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-programmi ta’ ħidma rispettivi. Dawn jipprovdu pjattaforma formali biex jiġu dikjarati l-ħtiġijiet li ġejjin għal statistika ġdida u biex tiġi riveduta l-utilità tal-istatistika disponibbli.
Aktar kollaborazzjoni ma’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni, NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra sseħħ f’livelli ġerarkiċi differenti waqt laqgħat u seminars regolari ta’ Gruppi ta’ Esperti, laqgħat tal-Grupp tad-Diretturi u tal-ESSC, u bi skambji bilaterali frekwenti. Se tingħata attenzjoni partikolari lill-identifikazzjoni ta’ data amministrattiva u sorsi oħra tal-informazzjoni miżmuma skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-valutazzjoni tal-adegwatezza tagħhom għall-produzzjoni tal-istatistika biex jiġu stabbiliti ftehimiet għall-istabbiltà, l-aċċessibbiltà u l-adattament eventwali tagħhom biex ikunu jissodisfaw aħjar ir-rekwiżiti tal-istatistika. Barra minn hekk, minn żmien għal żmien se jsiru stħarriġiet u analiżijiet biex jiġu identifikati potenzjali għat-titjib fl-istatistika agrikola Ewropea u biex jitnaqqas il-piż.
Dawk l-aġġustamenti u l-funzjonament ġenerali tal-qafas legali se jiġu monitorjati u evalwati b’mod partikolari skont l-objettivi tal-istrateġija elenkati hawn fuq.
•
Rapporti ta’ monitoraġġ kull tliet snin
Biex jiġi monitorjat il-funzjonament tal-EASS imġedda u jkun żgurat li din tilħaq l-għanijiet tar-REFIT ta’ simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż, se jsir rappurtar regolari dwar il-funzjonament tas-sistema kumplessiva kull tliet (3) snin.
•
Evalwazzjoni
It-tieni rapport ta’ monitoraġġ triennali se jinbidel b’evalwazzjoni retrospettiva tal-EASS imġedda, imwettqa skont il-linji gwida tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Din tista’ tikkostitwixxi wkoll bażi għal reviżjonijiet ulterjuri tal-leġiżlazzjoni, jekk jitqiesu meħtieġa.
•
Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Ir-Regolament propost jispeċifika l-kontenut tal-istatistika dwar l-inputs u l-outputs fl-agrikoltura. Jispeċifika li l-Istati Membri jridu jipprovdu statistika dwar 4 dominji u 12-il suġġett relatat. Id-dominji huma l-istatistika dwar il-produzzjoni tal-annimali, l-istatistika dwar il-produzzjoni tal-pjanti, l-istatistika dwar il-prezzijiet agrikoli, u l-istatistika dwar in-nutrijenti u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Dan hu appoġġat b’Artikoli relatati mas-suġġett, id-definizzjonijiet, il-popolazzjoni statistika u l-unitajiet ta’ osservazzjoni, il-kopertura, il-frekwenza tat-trażmissjoni tad-data, is-sorsi u l-metodi tad-data, il-perjodi ta’ referenza, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kwalità, u kontribuzzjonijiet finanzjarji potenzjali. Barra minn hekk, ir-Regolament jipprovdi l-possibbiltà li jiddaħħlu suġġetti ad hoc speċifiċi relatati mal-input u l-output agrikoli li jissupplimentaw id-data miġbura fuq bażi regolari.
Is-settijiet tad-data dettaljati se jiġu speċifikati fl-atti ta’ implimentazzjoni (Regolamenti).
2021/0020 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009, (KE) Nru 1185/2009 u d-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 338(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Hemm bżonn bażi ta’ għarfien statistiku għat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni ta’ politiki relatati mal-agrikoltura fl-Unjoni, b’mod partikolari l-Politika Agrikola Komuni (“PAK”), inkluż miżuri tal-iżvilupp rurali, kif ukoll politiki tal-Unjoni relatati, fost affarijiet oħra, mal-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-użu tal-art, ir-reġjuni, is-saħħa pubblika u l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.
(2)Il-ġbir tad-data statistika, b’mod partikolari dwar l-input u l-output agrikoli, jenħtieġ jimmira, fost l-oħrajn, li jinforma l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet b’data aġġornata li tappoġġa l-Patt Ekoloġiku Ewropew bl-istrateġiji relatati “mill-għalqa sal-platt” u “tal-bijodiversità” u r-riformi futuri tal-PAK.
(3)Data statistika armonizzata ta’ kwalità għolja hi importanti biex jiġu vvalutati l-istat u x-xejriet tal-input u tal-output agrikoli fl-Unjoni, il-funzjonament tas-swieq, u s-sigurtà alimentari u biex jiġu vvalutati s-sostenibbiltà u l-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali tal-politiki tal-Unjoni u nazzjonali. Dik id-data tinkludi iżda mhix limitata għal statistika dwar il-bhejjem u l-laħam, il-produzzjoni u l-użu tal-bajd, u l-produzzjoni u l-użu tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. L-istatistika dwar l-erja, ir-rendiment u l-produzzjoni ta’ għelejjel li jinħartu, ħxejjex, għelejjel permanenti varji u mergħat u bilanċi ta’ komoditajiet hi importanti wkoll. Qed tiżdied dejjem aktar il-ħtieġa ta’ statistika dwar il-bejgħ u l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u fertilizzanti.
(4)Evalwazzjoni internazzjonali tal-istatistika agrikola wasslet għall-ħolqien ta’ strateġija globali għal titjib tal-istatistika agrikola u rurali tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti li ġiet approvata mill-Kumitat tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2010. L-istatistika agrikola Ewropea jenħtieġ, fejn xieraq, timxi mar-rakkomandazzjonijiet ta’ dik l-istrateġija globali.
(5)Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi qafas għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea abbażi ta’ prinċipji statistiċi komuni. Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 jistabbilixxi kriterji ta’ kwalità u jirreferi għall-ħtieġa li jinżamm f’minimu l-piż tar-rispons fuq ir-rispondenti tal-istħarriġ u li jingħata kontribut għall-għan aktar ġenerali tat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi.
(6)L-istrateġija għall-istatistika agrikola għall-2020 u lil hinn minnha, approvata mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (“ESSC”) f’Novembru 2015, tipprevedi l-adozzjoni ta’ żewġ regolamenti qafas li jkopru l-aspetti kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-istatistika agrikola, bl-eċċezzjoni tal-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura. Dan ir-Regolament hu wieħed minn dawk iż-żewġ regolamenti qafas u jenħtieġ jikkumplimenta r-Regolament qafas (UE) 2018/1091 li diġà ġie adottat.
(7)L-istatistika Ewropea dwar l-inputs u l-outputs agrikoli bħalissa qed tinġabar, tiġi prodotta u mxerrda fuq il-bażi ta’ bosta atti legali. Din l-istruttura la tipprovdi konsistenza xierqa fost id-dominji individwali tal-istatistika, u lanqas ma tippromwovi approċċ integrat għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika agrikola. Dan ir-Regolament jenħtieġ jissostitwixxi dawk l-atti legali għall-finijiet tal-armonizzazzjoni u l-komparabbiltà tal-informazzjoni, u biex tkun żgurata l-konsistenza u l-koordinazzjoni fl-istatistika agrikola Ewropea kollha, jiffaċilita l-integrazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċessi statistiċi korrispondenti, u jippermetti approċċ aktar ħolistiku. Għalhekk jeħtieġ jitħassru r-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009 u (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE. Il-bosta ftehimiet relatati tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) u l-ftehimiet informali dwar it-trażmissjoni tad-data jenħtieġ jiġu integrati f’dan ir-Regolament fejn kien hemm evidenza li d-data tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti, li l-metodoloġija miftiehma taħdem u li d-data hi ta’ kwalità xierqa.
(8)L-istatistika meħtieġa skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 617/2008 inġabret mill-ESS, u din tissodisfa wħud mill-istandards tal-kwalità tagħha iżda mhux kollha. Dik l-istatistika tappoġġa l-politiki Ewropej u nazzjonali fit-tul u jenħtieġ tiġi integrata bħala statistika Ewropea biex tiġi ggarantita d-disponibbiltà u l-kwalità tad-data. Biex ikun evitat rappurtar doppju mill-Istati Membri, jenħtieġ jitneħħew ir-rekwiżiti statistiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 617/2008.
(9)Parti kbira miż-żona agrikola Ewropea tikkonsisti f’mergħat. Fil-passat, il-produzzjoni ta’ dawk iż-żoni ma tqisitx importanti u għalhekk ma ġiet inkluża l-ebda data dwar il-produzzjoni fl-istatistika dwar l-għelejjel. Peress li l-impatt tal-mergħat u tar-ruminanti fuq l-ambjent sar aktar importanti minħabba t-tibdil fil-klima, hemm bżonn statistika dwar il-produzzjoni tal-mergħat u r-ragħa tal-annimali.
(10)Għall-finijiet tal-armonizzazzjoni u l-komparabbiltà tal-informazzjoni dwar l-input u l-output agrikoli b’informazzjoni dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli u biex tkompli tiġi implimentata l-istrateġija għall-istatistika agrikola għall-2020 u lil hinn minnha, dan ir-Regolament jenħtieġ jikkumplimenta r-Regolament (UE) 2018/1091.
(11)Ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ma jkoprix l-istatistika dwar il-prezzijiet agrikoli, iżda jenħtieġ ikunu żgurati d-disponibbiltà u l-koerenza tagħha mal-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura (“EAA”). Peress li l-EAA huma kont satellita ta’ kontijiet nazzjonali, mhux xieraq li tiġi inkluża statistika dwar il-prezzijiet agrikoli fir-Regolament (KE) Nru 138/2004. Għalhekk, l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli jenħtieġ tkun tkopri l-istatistika dwar il-prezzijiet tal-input agrikolu li hi koerenti mal-EAA. Id-data dwar il-prezzijiet assoluti tal-output agrikolu jenħtieġ tkun disponibbli fl-Istati Membri biex ikunu jistgħu jsiru kalkoli tal-EAA u indiċijiet tal-prezzijiet komparabbli.
(12)Jenħtieġ li d-data dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-pestiċidi li trid tiġi ppreżentata skont id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tintuża f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dik id-Direttiva u ta’ dak ir-Regolament għall-finijiet tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
(13)Statistika komparabbli mill-Istati Membri kollha dwar l-input u l-output agrikoli hi importanti biex jiġi ddeterminat l-iżvilupp tal-PAK. Għalhekk, għall-varjabbli, jenħtieġ jintużaw klassifikazzjonijiet standard u definizzjonijiet komuni sa fejn dan ikun possibbli.
(14)Id-data meħtieġa għall-kompilazzjoni tal-istatistika jenħtieġ li, fejn possibbli, tinġabar bl-inqas kostijiet u piż amministrattiv. Għalhekk jeħtieġ jiġu identifikati sidien possibbli tas-sorsi tad-data meħtieġa u jkun żgurat li dawn ikunu jistgħu jintużaw għall-istatistika.
(15)Is-settijiet tad-data li jridu jiġu trażmessi jkopru diversi dominji tal-istatistika. Biex jinżamm approċċ flessibbli li jippermetti li l-istatistika tiġi adattata meta jinbidlu r-rekwiżiti tad-data, jenħtieġ jiġu speċifikati biss id-dominji, is-suġġetti u s-suġġetti dettaljati fir-Regolament bażiku, u s-settijiet tad-data dettaljati jiġu speċifikati fl-atti ta’ implimentazzjoni.
(16)Il-produzzjoni organika qed issir dejjem aktar importanti bħala indikatur ta’ sistemi tal-produzzjoni agrikola sostenibbli. Għalhekk jeħtieġ ikun żgurat li l-istatistika disponibbli dwar il-biedja organika tkun konsistenti ma’ statistika oħra dwar il-produzzjoni agrikola billi tiġi integrata fis-settijiet tad-data. Dik l-istatistika dwar il-produzzjoni organika jenħtieġ tkun koerenti wkoll mal-informazzjoni amministrattiva prodotta skont ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jenħtieġ tuża din l-informazzjoni.
(17)Skont ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-unitajiet territorjali jenħtieġ jiġu ddefiniti skont il-Klassifikazzjoni Komuni ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (“NUTS”).
(18)Jenħtieġ ikun possibbli li tinġabar data dwar suġġetti ad hoc relatati mal-input u l-output agrikoli fi żmien speċifiku biex id-data miġbura fuq bażi regolari tiġi ssupplimentata b’data kumplimentari dwar suġġetti li jeħtieġu aktar informazzjoni, fenomeni emerġenti jew innovazzjonijiet.
(19)Biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, jenħtieġ ikunu permessi eżenzjonijiet minn ċerti trażmissjonijiet regolari tad-data jekk il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għat-total tal-UE għal din id-data jkunu baxxi.
(20)Biex tittejjeb l-effiċjenza tal-proċessi tal-produzzjoni tal-istatistika tal-ESS u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq ir-rispondenti, l-istituti nazzjonali tal-istatistika (“NSIs”) u awtoritajiet nazzjonali oħra jenħtieġ ikollhom id-dritt li jaċċessaw u jużaw, minnufih u mingħajr ħlas, kull data amministrattiva li tinġabar għal finijiet pubbliċi, irrispettivament minn jekk tkunx miżmuma minn korpi pubbliċi jew privati. L-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra jenħtieġ ikunu jistgħu ukoll jintegraw dik id-data amministrattiva mal-istatistika, sakemm din id-data tkun meħtieġa għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika agrikola Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.
(21)L-Istati Membri jew l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli jenħtieġ jagħmlu ħilithom biex jimmodernizzaw il-modi tal-ġbir tad-data kemm jista’ jkun. L-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali jenħtieġ jiġi promoss.
(22)Biex tkun żgurata l-flessibbiltà u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq ir-rispondenti, fuq l-NSIs u fuq awtoritajiet nazzjonali oħra, l-Istati Membri jenħtieġ jitħallew jużaw stħarriġiet statistiċi, rekords amministrattivi u kwalunkwe sors, metodu jew approċċ innovattiv ieħor, inkluż metodi bbażati fuq ix-xjenza u dokumentati sew bħall-imputazzjoni, l-istima u l-immudellar. Jenħtieġ li l-kwalità, u b’mod partikolari l-preċiżjoni, it-tempestività u l-komparabbiltà tal-istatistika bbażata fuq dawn is-sorsi, ikunu żgurati dejjem.
(23)Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-trażmissjoni tad-data mill-Istati Membri lill-Kummissjoni (il-Eurostat) u dwar l-użu ta’ din id-data, inkluż dwar it-trażmissjoni u l-protezzjoni tad-data kunfidenzjali. Il-miżuri li jittieħdu skont dan ir-Regolament iridu jiżguraw li d-data kunfidenzjali tiġi trażmessa u użata esklussivament għall-finijiet tal-istatistika skont l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.
(24)Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 jipprevedi qafas ta’ referenza għall-istatistika Ewropea u jeżiġi li l-Istati Membri jikkonformaw mal-prinċipji tal-istatistika u mal-kriterji tal-kwalità speċifikati f’dak ir-Regolament. Ir-rapporti ta’ kwalità huma essenzjali għall-valutazzjoni, it-titjib u l-komunikazzjoni tal-kwalità tal-istatistika Ewropea. L-ESSC approva l-istruttura unika integrata tal-metadata bħala l-istandard tal-ESS għar-rappurtar dwar il-kwalità, u b’hekk għen biex jiġu ssodisfati, bi standards uniformi u metodi armonizzati, ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-istatistika stabbiliti fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak l-istandard tal-ESS irid jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tar-rappurtar dwar il-kwalità skont dan ir-Regolament
(25)Saret valutazzjoni tal-impatt skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, biex il-programm statistiku stabbilit b’dan ir-Regolament jiffoka fuq il-ħtieġa għall-effettività fil-kisba tal-objettivi u biex jiġu inkorporati restrizzjonijiet baġitarji.
(26)Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-produzzjoni sistematika tal-istatistika Ewropea dwar l-input u l-output agrikoli fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri għax hemm bżonn approċċ ikkoordinat, iżda pjuttost jista’, għal raġunijiet ta’ konsistenza u komparabbiltà, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.
(27)Biex jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tad-data emerġenti li jirriżultaw prinċipalment minn żviluppi ġodda fl-agrikoltura, minn leġiżlazzjoni riveduta u minn bidliet fil-prijoritajiet ta’ politika, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ tiġi delegata lill-Kummissjoni biex temenda s-suġġetti dettaljati elenkati f’dan ir-Regolament u tistabbilixxi s-suġġetti u s-suġġetti dettaljati li jridu jiġu pprovduti u arranġamenti prattiċi oħra għall-ġbir tad-data ad hoc kif stabbilit f’dan ir-Regolament. Hu importanti b’mod partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adattati waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jindirizzaw it-tħejjija tal-atti delegati.
(28)Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika s-settijiet tad-data marbuta mas-suġġetti u s-suġġetti dettaljati elenkati fl-Anness u l-elementi tekniċi tad-data li trid tiġi pprovduta, tistabbilixxi l-listi u d-deskrizzjonijiet tal-varjabbli u arranġamenti prattiċi oħra għall-ġbir tad-data ad hoc, u tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għar-rapporti dwar il-kwalità u l-kontenut tagħhom. Dawk is-setgħat jenħtieġ jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(29)Meta l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun teħtieġ adattamenti maġġuri fis-sistema nazzjonali tal-istatistika ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni jenħtieġ tkun tista’ tagħti derogi lill-Istati Membri kkonċernati, f’każijiet debitament ġustifikati u għal perjodu taż-żmien limitat. Adattamenti maġġuri bħal dawn jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari mill-ħtieġa li s-sistemi tal-ġbir tad-data jiġu adattati biex ikunu jinkludu r-rekwiżiti ġodda tad-data, inkluż l-aċċess għal sorsi amministrattivi.
(30)L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ jiġu mħarsa b’miżuri proporzjonati fiċ-ċiklu kollu tal-infiq, inkluż il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tal-irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati ħażin u, meta jkun xieraq, il-penali amministrattivi u finanzjarji.
(31)Dan ir-Regolament jenħtieġ japplika mingħajr preġudizzju kemm għad-Direttiva 2003/4/KE u għar-Regolament (KE) Nru 1367/2006.
(32)Il-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-qafas tal-ESS jenħtieġ jissaħħu biex ikunu żgurati l-koerenza u l-komparabbiltà tal-istatistika agrikola Ewropea prodotta skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 338(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Id-data tinġabar ukoll minn korpi oħra tal-Unjoni lil hinn minn dawk imsemmija f’dan ir-Regolament u minn organizzazzjonijiet oħra. Għalhekk jenħtieġ tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn dawn l-organizzazzjonijiet u dawk involuti fl-SSE biex jittieħed vantaġġ mis-sinerġiji.
(33)L-ESSC ġie kkonsultat,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għall-istatistika Ewropea aggregata relatata mal-inputs u l-outputs tal-attivitajiet agrikoli, kif ukoll l-użu intermedju ta’ dan l-output fl-agrikoltura, u l-ġbir u l-ipproċessar industrijali tiegħu.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta’ “attività agrikola”, “erja agrikola użata”, “unità ta’ bhejjem”, “azjenda agrikola” u “unità agrikola tal-art komuni” stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punti (a), (b), (d), u (e) tar-Regolament (UE) 2018/1091.
Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“intrapriża tal-ħalib” tfisser intrapriża jew azjenda agrikola li tixtri ħalib sħiħ jew, f’ċerti każijiet, prodotti tal-ħalib, biex tibdilhom fi prodotti tal-ħalib; u intrapriżi li jiġbru l-ħalib jew il-krema biex jittrasferuhom kompletament jew parzjalment, mingħajr ipproċessar, lil intrapriżi oħra tal-ħalib;
(2)
“biċċerija” tfisser intrapriża rreġistrata u approvata uffiċjalment li għandha l-permess għall-qtil u t-tlestija tal-annimali li l-laħam tagħhom hu maħsub għall-konsum mill-bniedem;
(3)
“mafqas” tfisser intrapriża għall-inkubazzjoni tal-bajd, għat-tifqis u għall-provvista tal-flieles;
(4)
“unità ta’ rappurtar” tfisser l-unità li tipprovdi d-data statistika;
(5)
“unità ta’ osservazzjoni” tfisser entità identifikabbli li dwarha tista’ tinkiseb data;
(6)
“dominju” tfisser sett jew settijiet tad-data li jkopru suġġetti partikolari;
(7)
“suġġett” tfisser il-kontenut tal-informazzjoni li trid tiġi kompilata dwar l-unitajiet ta’ osservazzjoni, fejn kull suġġett ikopri suġġett dettaljat wieħed jew aktar;
(8)
“suġġett dettaljat” tfisser il-kontenut dettaljat tal-informazzjoni li trid tiġi kompilata dwar l-unitajiet ta’ osservazzjoni relatati ma’ suġġett, fejn kull suġġett dettaljat ikopri varjabbli jew aktar minn wieħed;
(9)
“sett tad-data” tfisser varjabbli aggregat jew diversi varjabbli aggregati organizzati bħala tabella;
(10)
“varjabbli” tfisser karatteristika ta’ unità li tkun qed tiġi osservata li tista’ tassumi aktar minn sett wieħed ta’ valuri;
(11)
“data verifikata minn qabel” tfisser data verifikata mill-Istati Membri, abbażi ta’ regoli komuni miftiehma ta’ validazzjoni, kull meta disponibbli;
(12)
“data ad hoc” tfisser data ta’ interess partikolari għall-utenti f’mument speċifiku iżda li mhix inkluża fis-settijiet tad-data regolari;
(13)
“data amministrattiva” tfisser data ġġenerata minn sors mhux statistiku, li normalment tinżamm minn korp pubbliku jew privat, li l-għan ewlieni tagħha mhux li tipprovdi statistika;
(14)
“metadata” tfisser informazzjoni meħtieġa biex l-istatistika tkun tista’ tintuża u tiġi interpretata, u li tiddeskrivi d-data b’mod strutturat.
(15)
“utent professjonali” tfisser kwalunkwe persuna li tuża prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti waqt it-twettiq tal-attivitajiet professjonali tagħha, inkluż operaturi, tekniċi, impjegaturi u persuni li jaħdmu għal rashom, fis-settur tal-biedja.
Artikolu 3
Il-popolazzjoni statistika u l-unitajiet ta’ osservazzjoni
1.
Il-popolazzjoni statistika li trid tiġi deskritta għandha tikkonsisti minn unitajiet statistiċi bħal azjendi agrikoli, unitajiet agrikoli tal-art komuni, intrapriżi li jipprovdu prodotti u servizzi lill-agrikoltura jew li jixtru jew jiġbru prodotti minn attivitajiet agrikoli, u intrapriżi li jipproċessaw dawn il-prodotti agrikoli, speċjalment imfaqas, intrapriżi tal-ħalib u biċċeriji.
2.
L-unitajiet ta’ osservazzjoni li jridu jiġu rrappreżentati fil-qafas statistiku għandhom ikunu l-unitajiet statistiċi msemmija fil-paragrafu 1 u, skont l-istatistika li trid tiġi rrappurtata, dawn li ġejjin:
(a)
art użata għal attività agrikola;
(b)
annimali użati għal attività agrikola;
(c)
importazzjonijiet u esportazzjonijiet ta’ prodotti minn attivitajiet agrikoli minn intrapriżi mhux agrikoli;
(d)
tranżazzjonijiet u flussi ta’ fatturi ta’ produzzjoni, prodotti u servizzi lejn u minn attivitajiet agrikoli.
3.
L-unitajiet ta’ rappurtar għandhom ikunu l-unitajiet statistiċi msemmija fil-paragrafu 1 u intrapriżi u istituzzjonijiet oħra li jittrattaw informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tad-data msemmija fl-Artikoli 5 u 6.
Artikolu 4
Rekwiżiti ta’ kopertura
1. L-istatistika għandha tkun rappreżentattiva tal-popolazzjoni statistika li tiddeskrivi.
2. Għad-dominju tal-istatistika tal-produzzjoni tal-annimali kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (a), id-data għandha tkopri 95% tal-unitajiet tal-bhejjem ta’ kull Stat Membru u l-attivitajiet jew l-outputs relatati.
3. Għad-dominju tal-istatistika tal-produzzjoni tal-għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (b), u għas-suġġett tan-nutrijenti kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (d)(i), id-data għandha tkopri 95% tal-erja agrikola użata totali (għajr il-ġonna kulinari) ta’ kull Stat Membru u l-volumi ta’ produzzjoni relatati.
4. Għas-suġġett tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (d)(iii), id-data għandha tkopri l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mqiegħda fis-suq kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 9 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.
5. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw aktar ir-rekwiżiti ta’ kopertura msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).
Artikolu 5
Rekwiżiti tad-data regolari
1.
L-istatistika msemmija relatata mal-inputs u l-outputs tal-attivitajiet agrikoli għandha tkopri d-dominji u s-suġġetti li ġejjin:
(a)
statistika dwar il-produzzjoni tal-annimali
(i)
bhejjem u laħam
(ii)
bajd u flieles
(iii)
ħalib u prodotti tal-ħalib
(b)
statistika dwar il-produzzjoni tal-pjanti
(i)
produzzjoni tal-għelejjel
(ii)
bilanċi tal-għelejjel
(iii)
mergħat u ragħa
(c)
statistika dwar il-prezzijiet agrikoli
(i)
indiċijiet tal-prezzijiet agrikoli
(ii)
prezzijiet assoluti tal-input
(iii)
prezzijiet u kirjiet tal-art agrikola
(d)
statistika dwar in-nutrijenti u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti
(i)
nutrijenti fil-fertilizzanti agrikoli
(ii)
bilanċi tan-nutrijenti
(iii)
prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti
2.
Is-suġġetti dettaljati għandhom ikunu kif stipulat fl-Anness.
3.
Id-data għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni fil-forma ta’ settijiet tad-data aggregati.
4.
Id-data dwar il-produzzjoni u l-prodotti organiċi li jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2018/848 għandha tiġi integrata fis-settijiet tad-data.
5.
Id-data reġjonali għandha tiġi pprovduta fil-livell ta’ NUTS2 kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003.
6.
Meta varjabbli jkollu prevalenza baxxa jew żero fi Stat Membru, il-valuri ta’ dak il-varjabbli jistgħu jiġu esklużi mis-settijiet tad-data trażmessi, jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun debitament iġġustifika l-esklużjoni tiegħu lill-Kummissjoni (il-Eurostat).
7.
L-informazzjoni rilevanti tal-prezzijiet tal-input u l-output agrikoli, inkluż il-karatteristiċi u l-piżijiet tal-prodotti u s-servizzi, għandha tinġabar mill-Istati Membri biex jiġu kkompilati indiċijiet tal-prezzijiet komparabbli u għall-varjabbli meħtieġa għall-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura koperti mir-Regolament (KE) Nru 138/2004.
8.
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 14 li jemendaw is-suġġetti dettaljati stipulati fl-Anness.
9.
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddefinixxi s-settijiet tad-data li jridu jiġu trażmessi lill-Kummissjoni (il-Eurostat). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw l-elementi tekniċi li ġejjin tad-data li trid tiġi pprovduta, meta xieraq:
(a)il-lista tal-varjabbli;
(b)id-deskrizzjonijiet tal-varjabbli;
(c)il-varjabbli dwar il-produzzjoni u l-prodotti organiċi;
(d)il-varjabbli fil-livell reġjonali;
(e)l-unitajiet ta’ osservazzjoni u ta’ rappurtar;
(f)ir-rekwiżiti tal-preċiżjoni;
(g)ir-regoli metodoloġiċi;
(h)l-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2) sa mhux aktar tard minn disa’ (9) xhur qabel il-bidu tas-sena ta’ referenza.
10.
L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data verifikata minn qabel u l-metadata relatata b’format tekniku speċifikat mill-Kummissjoni (il-Eurostat) għal kull sett tad-data. Is-servizzi tal-punt uniku ta’ dħul għandhom jintużaw biex jittrażmettu d-data lill-Kummissjoni (il-Eurostat).
Artikolu 6
Rekwiżiti tad-data ad hoc
1.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati li jissupplimentaw dan ir-Regolament skont l-Artikolu 14 dwar l-ispeċifikazzjoni tal-informazzjoni li trid tiġi pprovduta fuq bażi ad hoc, meta l-ġbir ta’ informazzjoni addizzjonali jitqies meħtieġ. Dawk l-atti delegati għandhom jispeċifikaw:
(a)is-suġġetti u s-suġġetti dettaljati li jridu jiġu pprovduti fil-ġbir tad-data ad hoc u r-raġunijiet għal dawn il-ħtiġijiet statistiċi addizzjonali;
(b)il-perjodi ta’ referenza.
2.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 1 li jibdew bis-sena ta’ referenza [insert 2 years after entering into force of the Regulation] u b’minimu ta’ sentejn bejn kull ġbir tad-data ad hoc.
3.
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tipprovdi:
(a)lista tal-varjabbli li trid tiġi trażmessa lill-Kummissjoni (il-Eurostat);
(b)id-deskrizzjonijiet tal-varjabbli;
(c)ir-rekwiżiti tal-preċiżjoni;
(d)l-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15 sa mhux aktar tard minn 12-il xahar qabel il-bidu tas-sena ta’ referenza.
Artikolu 7
Frekwenza tat-trażmissjoni tas-settijiet tad-data
1.
Il-frekwenza tat-trażmissjoni tas-settijiet tad-data għandha tkun kif stipulat fl-Anness. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw kull frekwenza tat-trażmissjoni f’aktar dettall.
2.
Stat Membru jista’ jiġi eżentat minn ċerti trażmissjonijiet regolari tad-data meta l-impatt tal-Istat Membru fuq it-total tal-UE ta’ varjabbli jkun limitat. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu limiti għall-varjabbli skont metodoloġija speċifika b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ dawk il-limiti ma tnaqqasx l-informazzjoni dwar it-total mistenni tal-UE tal-varjabbli fis-sena ta’ referenza b’aktar minn 5%. Il-limiti għandhom jiġu riveduti biex ikunu jikkorrispondu max-xejriet tat-totali tal-UE, mibdija mill-Kummissjoni (il-Eurostat).
3.
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw f’aktar dettall dan li ġej:
(a)il-limitu li taħtu l-produzzjoni ta’ varjabbli titqies li tħalli impatt limitat fuq l-aggregat totali mistenni tal-UE;
(b)is-sors tad-data u l-metodoloġija li trid tintuża biex jiġi definit il-limitu;
(c)il-varjabbli li għalihom tapplika din l-eżenzjoni.
L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).
Artikolu 8
Sorsi tad-data u metodi
1.
Biex tinkiseb statistika relatata mal-inputs u l-outputs tal-attivitajiet agrikoli, l-Istati Membri għandhom jużaw wieħed jew aktar mis-sorsi jew il-metodi li ġejjin, sakemm l-informazzjoni tippermetti l-produzzjoni ta’ statistika li tissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti fl-Artikolu 10:
(a)stħarriġiet statistiċi jew metodi oħra tal-ġbir tad-data statistika;
(b)is-sorsi tad-data amministrattiva speċifikati fil-paragrafu 2;
(c)sorsi, metodi jew approċċi innovattivi oħra.
2.
L-Istati Membri jistgħu jużaw kwalunkwe informazzjoni mis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (“SIAK”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (), is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bovini stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill () u s-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (), ir-reġistru tal-vinji implimentat skont l-Artikolu 145 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (), u r-reġistri tal-biedja organika stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2018/848.
3.
L-istatistika dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (d)(iii) għandha tingħata bir-rekords miżmuma u magħmula disponibbli f’konformità mal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.
4. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jitolbu mingħand l-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, b’format elettroniku, rekords li jkopru mill-anqas l-isem tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, id-doża tal-applikazzjoni, iż-żona prinċipali u l-għelejjel fejn intuża l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti f’konformità ta’ dan ir-Regolament.
5.
L-Istati Membri li jiddeċiedu li jużaw is-sorsi, il-metodi jew l-approċċi innovattivi msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (il-Eurostat) tul is-sena ta’ qabel is-sena ta’ referenza li matulha se jiġi introdott is-sors, il-metodu jew l-approċċ innovattiv, u għandhom jipprovdu dettalji dwar il-kwalità tad-data miksuba.
6.
L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għandu jkollhom id-dritt jaċċessaw u jużaw, minnufih u mingħajr ħlas, data, inkluż data individwali dwar intrapriżi u azjendi agrikoli f’fajls amministrattivi kkompilati fit-territorju nazzjonali tagħhom skont l-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. L-awtoritajiet nazzjonali u s-sidien tar-rekords amministrattivi għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni meħtieġa għal dan l-aċċess. Dak l-aċċess għandu jingħata wkoll meta l-awtorità kompetenti tkun iddelegat kompiti lil korpi privati jew semi-pubbliċi, li jridu jitwettqu f’isimha.
Artikolu 9
Perjodu ta’ referenza
L-informazzjoni miġbura għandha tirreferi għal perjodu ta’ referenza uniku li jkun komuni għall-Istati Membri kollha b’referenza għas-sitwazzjoni tul perjodu taż-żmien speċifikat.
Il-perjodu ta’ referenza għal kull suġġett dettaljat għandu jkun kif speċifikat fl-Anness. L-ewwel perjodi ta’ referenza għandhom jibdew fis-sena kalendarja [insert the year starting on 1 January following 18 months after adoption].
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-perjodi ta’ referenza f’aktar dettall. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).
Artikolu 10
Kwalità u rappurtar dwar il-kwalità
1.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kwalità tad-data u l-metadata trażmessa.
2.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data miksuba bl-użu tas-sorsi u l-metodi stabbiliti fl-Artikolu 8 tagħti stimi preċiżi dwar il-popolazzjoni statistika definita fl-Artikolu 3 fil-livell nazzjonali, u, meta meħtieġ, fil-livell reġjonali.
3.
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw il-kriterji tal-kwalità definiti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.
4.
Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tivvaluta l-kwalità tad-data u l-metadata trażmessa b’mod trasparenti u verifikabbli.
5.
Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu rapport dwar il-kwalità li jiddeskrivi l-proċessi statistiċi lill-Kummissjoni (il-Eurostat), għall-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru tas-sena [insert the year starting 1 January following 30 months after adoption], u mbagħad kull tliet (3) snin, għas-settijiet tad-data trażmessi tul il-perjodu, inkluż b’mod partikolari:
(a)metadata li tiddeskrivi l-metodoloġija użata u kif inkisbu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’referenza għal dawk stabbiliti b’dan ir-Regolament;
(b)informazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżiti ta’ kopertura kif deskritt fl-Artikolu 4, inkluż fl-iżvilupp u l-aġġornament tagħha.
6.
Għandhom jiġu trażmessi rapporti metodoloġiċi separati għas-suġġett dettaljat “Ponderazzjonijiet u indiċijiet ibbażati mill-ġdid” fl-istess ħin mad-data.
7.
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi għar-rapporti dwar il-kwalità u l-kontenut tagħhom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).
8.
L-Istati Membri għandhom, meta meħtieġ, jinfurmaw lill-Kummissjoni (il-Eurostat) dwar kwalunkwe informazzjoni jew bidliet rilevanti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kwalità tad-data trażmessa.
9
Meta jintalbu mill-Kummissjoni (il-Eurostat), l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-kjarifika addizzjonali meħtieġa biex tiġi evalwata l-kwalità tal-informazzjoni statistika.
Artikolu 11
Kontribuzzjoni tal-Unjoni
1.
Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Unjoni tista’ tagħti għotjiet lill-istituti nazzjonali tal-istatistika u lil awtoritajiet nazzjonali oħra msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 biex ikopru l-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-ġbir tad-data ad hoc.
2.
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni ma għandhiex taqbeż id-90% tal-kostijiet eliġibbli.
Artikolu 12
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1.
Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti mill-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti li ma kellhomx jitħallsu u, meta jkun xieraq, permezz ta’ penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2.
Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditu, abbażi ta’ verifiki ta’ dokumenti u kontrolli fuq il-post, tal-benefiċjarji tal-għotja, tal-kuntratturi u tas-subkuntratturi kollha li irċevew fondi tal-Unjoni permezz tal-programm.
3.
L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill () u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 () bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ xi ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt iffinanzjati mill-programm.
4.
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet ta’ għotja u d-deċiżjonijiet ta’ għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li b’mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.
Artikolu 13
Derogi
1.
Meta l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew tal-miżuri ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati adottati skontu tkun teħtieġ adattamenti maġġuri f’sistema nazzjonali tal-istatistika ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jagħtu derogi lill-Istati Membri għal perjodu massimu ta’ sentejn.
L-Istat Membru rilevanti għandu jippreżenta talba debitament motivata għal din id-deroga lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ikkonċernat.
L-impatt ta’ dawn id-derogi fuq il-komparabbiltà tad-data tal-Istati Membri jew fuq il-kalkolu tal-aggregati Ewropej fil-ħin u rappreżentattivi meħtieġa għandu jinżamm għal minimu. Fl-għoti tad-deroga għandu jitqies il-piż fuq ir-rispondenti.
2.
L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).
Artikolu 14
Eżerċitar tad-delega
1
Is-setgħa li tadotta atti delegati hi mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.
Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(8) u fl-Artikolu 6(1) u (2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu taż-żmien mhux determinat minn [Publications Office: please insert exact date of entry into force of the Regulation].
3.
Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(8) u fl-Artikolu 6(1) u (2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li jkun fis-seħħ.
4.
Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti deżinjati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru.
6.
Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(8) u l-Artikolu 6(1) u (2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu għarrfu t-tnejn li huma lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 15
Proċedura ta’ Kumitat
1.
Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.
Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 16
Emenda għar-Regolament (KE) Nru 617/2008
Ir-Regolament (KE) Nru 617/2008 huwa emendat kif ġej:
(1)
fl-Artikolu 8, il-paragrafi 3, 4 u 5 huma mħassra;
(2)
l-Artikolu 11 huwa mħassar;
(3)
l-Annessi III u IV huma mħassra.
Din l-emenda għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar [of the year following 18 months after adoption].
Artikolu 17
Tħassir
1.
Ir-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009, (KE) Nru 1185/2009 u d-Direttiva 96/16/KE huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar [of the first calendar year starting at least 18 months after adoption].
2.
Ir-referenzi għall-atti mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar [of the year following 18 months after adoption].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA
1.1Titolu tal-proposta/inizjattiva
1.2Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat/i
1.3Il-proposta/inizjattiva tirrigwardja:
1.4Raġunijiet għall-proposta/inizjattiva
1.5Tul taż-żmien u impatt finanzjarju
1.6Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1Regoli dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar
2.2Sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.3Miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-irregolaritajiet
3.L-IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA
3.1Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
3.2Impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
3.2.3.Stima tal-impatt fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
3.3L-impatt stmat fuq id-dħul
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/inizjattiva
|
Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istatistika dwar l-Input u l-Output Agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009, (KE) Nru 1185/2009 u d-Direttiva 96/16/KE.
|
1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) (Raggruppament ta’ programmi)
Il-Produzzjoni tal-Istatistika Ewropea
1.3.Il-proposta/inizjattiva tirrigwardja:
◻ azzjoni ġdida
◻ azzjoni ġdida li ssegwi proġett pilota/azzjoni preparatorja
◻ l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
X fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn oħra/azzjoni ġdida
1.4.Raġunijiet għall-proposta/inizjattiva
1.4.1.Rekwiżit(i) li jridu jiġu ssodisfati fuq terminu qasir jew twil, inkluż kronoloġija dettaljata għall-prosegwiment tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
|
L-objettiv ta’ din il-proposta dwar l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli (SAIO) hu li jitjiebu l-kwalità, il-komparabbiltà u l-koerenza tal-istatistika agrikola Ewropea biex dawk li jfasslu l-politika, in-negozji u l-pubbliku ġenerali jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet xierqa abbażi tal-evidenza.
L-SAIO tkopri l-ġbir tal-istatistika agrikola dwar l-istatistika tal-produzzjoni tal-pjanti u tal-annimali, l-istatistika dwar il-prezzijiet agrikoli u l-istatistika dwar in-nutrijenti u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b’regolament qafas ewlieni u atti ta’ implimentazzjoni. Bħala regolament, l-SAIO se jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha. L-erba’ atti ta’ implimentazzjoni prinċipalment se jispeċifikaw listi u deskrizzjonijiet ta’ varjabbli u r-rekwiżiti metodoloġiċi. Il-pakkett legali se jiġi implimentat fl-Istati Membri individwalment bi traspożizzjoni tal-varjabbli u tar-rekwiżiti l-oħra fil-bażijiet tad-data nazzjonali, il-kwestjonarji u l-bqija, mill-mument tal-adozzjoni tal-atti ’l quddiem. Ir-Regolament mistenni jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-2022, u l-atti ta’ implimentazzjoni fl-2023.
|
1.4.2.Il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. titjib fil-koordinazzjoni, ċertezza legali, effettività jew kumplimentarjetajiet akbar). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, “il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” hu l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li hu addizzjonali għall-valur li nkella kien jinħoloq mill-Istati Membri weħidhom.
|
Politiki komuni tal-UE importanti bħall-PAK minnhom infushom jiddependu fuq statistika agrikola komparabbli, armonizzata u ta’ kwalità għolja fil-livell Ewropew. Dawn jistgħu ikunu żgurati bl-aħjar mod b’Regolamenti li jkunu applikabbli direttament fl-Istati Membri u mhemmx bżonn li l-ewwel jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali.
Meta l-SAIO tkun fis-seħħ għalkollox, l-UE u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ ikollhom statistika agrikola Ewropea ta’ kwalità għolja li tkun komparabbli u koerenti u li timponi piż aċċettabbli fuq ir-rispondenti tad-data u l-produtturi tad-data meta mqabbel mal-benefiċċji tagħhom. It-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza hu kruċjali għas-suċċess ta’ politiki bħall-PAK, xprun importanti għall-impjiegi u għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni.
|
1.4.3.Tagħlimiet minn esperjenzi simili fil-passat
L-istatistika agrikola Ewropea ilha pedament fundamentali tal-PAK u ta’ ħafna politiki importanti oħra tal-UE għal għexieren ta’ snin. Iżda l-bażi ġuridika tagħha jeħtieġ tiġi aġġornata biex tirrispondi għall-bidliet fl-agrikoltura u biex tirrimedja l-kwistjonijiet ewlenin identifikati fl-evalwazzjoni tas-sistema Ewropea attwali tal-istatistika agrikola. Dawn il-kwistjonijiet huma:
1. Il-leġiżlazzjoni attwali dwar l-istatistika agrikola ma taqdix b’mod adegwat il-ħtiġijiet ġodda u emerġenti tad-data
2. L-EASS mhix flessibbli biżżejjed u mhix tirreaġixxi malajr biżżejjed għall-ħtiġijiet emerġenti
3. Il-ġbir tad-data mhux armonizzat u koerenti għal grad sodisfaċenti
4. L-istatistika tista’ tiġi prodotta b’mod aktar effiċjenti
5. Il-piż tal-provvista tad-data hu meqjus qawwi
1.4.4.Kompatibbiltà u sinerġija possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
|
Ir-regolament propost hu parti mill-istrateġija tal-Eurostat għall-istatistika agrikola għall-2020 u lil hinn minnha, u jikkonsisti f’żewġ Regolamenti qafas dwar l-istatistika integrata tal-azjendi agrikoli (IFS) u dwar l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli (SAIO) rispettivament, u Regolament aġġornat dwar il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura (EAA). It-tliet Regolamenti kollha se jintegraw kamp ta’ applikazzjoni komuni u se jkunu jaqsmu id-dokumentazzjoni teknika u metodoloġika, u flimkien ikopru l-aspetti kollha tal-istatistika agrikola.
|
1.5.Tul taż-żmien u impatt finanzjarju
◻ tul taż-żmien limitat
◻
fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS
◻
Impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.
X tul taż-żmien mhux limitat
Implimentazzjoni b’perjodu tal-bidu mill-2022 sal-2024, segwita minn operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.6.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
X Ġestjoni diretta min-naħa tal-Kummissjoni
X mid-dipartimenti tagħha, inkluż il-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
◻
mill-aġenziji eżekuttivi
◻ Ġestjoni konġunta mal-Istati Membri
◻ Ġestjoni indiretta billi l-kompiti tal-implimentazzjoni baġitarja jiġu fdati lil:
◻ pajjiżi terzi jew il-korpi deżinjati;
◻ organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
◻ il-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment;
◻ korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju;
◻ korpi regolati bil-liġi pubblika;
◻ korpi rregolati bil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku safejn jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
◻ korpi regolati bil-liġi privata ta’ Stat Membru li huma fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
◻ persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
Jekk jiġi indikat iżjed minn mod wieħed ta’ ġestjoni, agħti dettalji fit-taqsima “Kummenti”.
Kummenti
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar
Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.
Il-benefiċjarji tal-għotjiet iridu jipprovdu d-data miġbura u r-rapporti dwar il-kwalità korrispondenti.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u kontroll
Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, il-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, il-modalitajiet ta’ pagament u l-istrateġija ta’ kontroll proposta
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma tkunx fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) tipprovdi infrastruttura għall-informazzjoni statistika. Is-sistema tfasslet biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ utenti multipli, għall-fini tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’soċjetajiet demokratiċi. Il-proposta għal dan ir-Regolament ġiet abbozzata biex tipproteġi l-attivitajiet ewlenin tas-sħab tal-ESS filwaqt li tiżgura u tassigura aħjar il-kwalità u l-komparabbiltà tal-istatistika agrikola.
Wieħed mill-kriterji ewlenin li d-data statistika trid tissodisfa hu li tkun konsistenti u komparabbli. L-Istati Membri ma jistgħux jiksbu l-konsistenza u l-komparabbiltà meħtieġa mingħajr qafas Ewropew ċar, jiġifieri, mingħajr leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi l-kunċetti statistiċi komuni, il-formati tar-rappurtar u r-rekwiżiti tal-kwalità.
L-objettiv tal-azzjoni proposta ma jistax jintlaħaq b’mod sodisfaċenti jekk l-Istati Membri jaġixxu b’mod indipendenti. L-azzjoni tista’ tittieħed b’mod aktar effettiv fil-livell tal-Unjoni, abbażi ta’ att legali tal-Unjoni li jiżgura l-komparabbiltà tal-informazzjoni statistika fid-dominji tal-istatistika koperti mill-att propost. Sadanittant, il-ġbir tad-data nnifsu jista’ jsir mill-Istati Membri.
|
2.2.1.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbiliti għall-mitigazzjoni tagħhom
Riskji: kwistjonijiet potenzjali ta’ kwalità tad-data u ta’ tempestività.
Sistemi ta’ kontroll stabbiliti biex jimmitigaw ir-riskji: Dokumentazzjoni teknika u metodoloġika u linji gwida li jridu jiġu kkomunikati lill-Istati Membri minn qabel. Il-konformità mal-iskadenzi se tiġi monitorjata. Ir-rapporti dwar il-kwalità se jiġu skrutinati.
2.2.2.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”), u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-ħlas u fl-għeluq)
Il-kontrolli se jsiru mill-uffiċjali tal-Kummissjoni bħala parti mid-dmirijiet regolari tagħhom. Il-benefiċċji tagħhom huma żieda fil-kwalità u l-komparabbiltà tad-data. Il-livell mistenni tar-riskju ta’ errur hu baxx, għax il-ġbir tad-data dwar l-istatistika agrikola ilu mill-ħamsinijiet isir b’kooperazzjoni tajba mal-Istati Membri. L-adattament tas-sistemi tekniċi u ta’ sistemi oħra jista’ jwassal għal żieda żgħira fir-riskju ta’ errur fuq perjodu taż-żmien qasir, iżda mistenni jerġa’ lura għall-medja fuq perjodu taż-żmien qasir u medju.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.
Minbarra l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kontroll regolatorji kollha, il-Eurostat se japplika strateġija kontra l-frodi f’konformità mal-azzjonijiet ġenerali tal-Kummissjoni kontra l-frodi. Dan se jiżgura li l-approċċ tar-riskju tal-ġestjoni tal-frodi jkun immirat lejn l-identifikazzjoni ta’ żoni ta’ riskju ta’ frodi u reazzjonijiet adegwati. Meta meħtieġ, se jiġu stabbiliti gruppi ta’ networking u għodod speċifiċi tal-IT iddedikati għall-analiżi ta’ każijiet ta’ frodi.
Il-Eurostat iddefinixxa strateġija ta’ kontroll li takkumpanja l-implimentazzjoni tan-nefqa. Il-miżuri u l-għodod f’din l-istrateġija huma applikabbli bis-sħiħ għar-Regolament propost. It-tnaqqis tal-kumplessità, l-applikazzjoni ta’ proċeduri kosteffettivi tal-monitoraġġ kif ukoll it-twettiq ta’ kontrolli ex-ante u ex-post abbażi tar-riskju se jkollhom l-għan li jnaqqsu l-probabbiltà ta’ frodi u jgħinu biex dan ikun evitat. Miżuri speċifiċi ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ rilevanti fil-prevenzjoni tal-frodi huma parti mill-istrateġija ta’ kontroll.
3.L-IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA
3.1.Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i ġodda tan-nefqa proposti
L-impatt finanzjarju tal-proposta mhux magħruf waqt l-adozzjoni tar-Regolament. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni mhix applikabbli għall-ġbir regolari tad-data statistika, iżda għall-ġbir tad-data ad hoc speċifikat fl-Artikolu 6 biss. L-ewwel ġbir tad-data ad hoc jista’ jsir sa mhux aktar kmieni minn sentejn wara l-ewwel sena ta’ referenza, jekk ikun hemm ħtieġa għall-għarrieda u ġġustifikata sew ta’ data. Minħabba dan, f’dan l-istadju mhux possibbli li jiġi identifikat l-impatt finanzjarju.
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali:
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’ nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Numru
[…][Intestatura…….…………]
|
Diff./Mhux diff.
|
minn pajjiżi tal-EFTA
|
minn pajjiżi kandidati
|
minn pajjiżi terzi
|
fis-sens tal-Artikolu [21(2)(b)] tar-Regolament Finanzjarju
|
|
|
|
Diff./Mhux diff.
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
<…>
|
[…][Intestatura……………...………………………………………………………]
|
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Wara l-2027
|
TOTAL
|
|
Approprjazzjonijiet operazzjonali (maqsuma skont il-linji baġitarji mniżżla taħt 3.1)
|
Impenji
|
(1)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
(2)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett tal-programm
|
Impenji = Pagamenti
|
(3)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet għall-pakkett tal-programm
|
Impenji
|
=1+3
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
=2+3
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
7
|
“Nefqa amministrattiva”
|
Din it-taqsima jenħtieġ timtela bid-“data tal-baġit ta’ natura amministrattiva” li se tiġi introdotta għall-ewwel darba fl-
Anness għad-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva (LFS)
, imtella’ fuq DECIDE għal skopijiet ta’ konsultazzjoni bejn is-servizzi.
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Wara l-2027
|
TOTAL
|
|
Riżorsi umani
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
2.100
|
2.100
|
2.100
|
2.100
|
2.100 p.a.
|
9.300
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
0.030
|
0.030
|
0.030
|
0.030
|
0.030
|
0.030
|
0.030
|
0.030 p.a.
|
0.210
|
|
TOTAL tal-approprazzjonijiet taħt l-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
(Impenji totali = Pagamenti totali)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
9.510
|
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Wara l-2027
|
TOTAL
|
|
TOTAL tal-approprazzjonijiet
fost l-INTESTATURI
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
0.330
|
0.330
|
0.330
|
2.130
|
2.130
|
2.130
|
2.130
|
2.130 p.a.
|
9.510
|
|
|
Pagamenti
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.2.2.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
◻
Il-proposta/inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
x
Il-proposta/inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Snin
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
|
INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
2.100
|
2.100
|
2.100
|
2.100
|
9.300
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
0.030
|
0.030
|
0.030
|
0.030
|
0.030
|
0.030
|
0.030
|
0.210
|
|
Subtotal tal-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
0.330
|
0.330
|
0.330
|
2.130
|
2.130
|
2.130
|
2.130
|
9.510
|
|
Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa oħra ta’
natura amministrattiva
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
0.330
|
0.330
|
0.330
|
2.130
|
2.130
|
2.130
|
2.130
|
9.510
|
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà hu assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li hu ridistribwit fi ħdan id-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kull allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ ta’ ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
3.2.2.1.Rekwiżiti stmati tar-riżorsi umani
◻
Il-proposta/inizjattiva ma teħtieġx l-użu tar-riżorsi umani.
x
Il-proposta/inizjattiva teħtieġ l-użu tar-riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
L-istima li trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għall-fulltime
|
Snin
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)
|
|
Kwartieri ġenerali u Uffiċċji ta’ Rappreżentanza tal-Kummissjoni
|
2
|
2
|
2
|
14
|
14
|
14
|
14
|
|
Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riċerka
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għall-Fulltime: FTE) - AC, AL, END, INT u JED
Intestatura 7
|
|
Iffinazjati mill-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Iffinanzjati mill-pakkett tal-programm
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riċerka
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Oħrajn (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
2
|
2
|
2
|
14
|
14
|
14
|
14
|
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu ssodisfati minn persunal tad-DĠ li diġà hu assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li hu ridistribwit fi ħdan id-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kull allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ ta’ ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:
|
Uffiċjali u persunal temporanju
|
– il-validazzjoni tad-data
– l-appoġġ u x-xogħol metodoloġiku
– l-analiżi tar-rapporti
– it-tixrid tad-data
– il-ġestjoni ta’ għotjiet relatati mal-inizjattiva
|
|
Persunal estern
|
|
3.2.3.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/inizjattiva:
x
ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi
◻
tipprevedi kofinanzjament minn partijiet terzi kif stmat hawn taħt:
Approprjazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR (sa tliet ċifri wara l-punt deċimali)
|
Snin
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
|
Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.3.L-impatt stmat fuq id-dħul
x
Il-proposta/inizjattiva ma tħalli l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
◻
Il-proposta/inizjattiva tħalli l-impatt finanzjarju li ġej:
–◻
fuq ir-riżorsi proprji
–◻
fuq id-dħul mixxellanju
indika, jekk id-dħul hu assenjat għal-linji tan-nefqa ◻
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Impatt tal-proposta/inizjattiva
|
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
Artikolu ………….
|
|
|
|
|
|
|
|
Għad-dħul assenjat, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.
Rimarki oħra (eż. il-metodu/formula użati għall-kalkolu tal-impatt fuq id-dħul jew kwalunkwe informazzjoni oħra).