Brussell, 22.1.2021

COM(2021) 24 final

2021/0011(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR fir-rigward tal-proposta biex tiġi emendata l-Konvenzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv stabbilit mill-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR 1 (“il-Konvenzjoni TIR”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ diversi emendi għall-Konvenzjoni TIR.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR

Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR tal-14 ta’ Novembru 1975 (“il-Konvenzjoni TIR”) għandha l-għan li tiffaċilita t-trasport internazzjonali tal-oġġetti mill-uffiċċji doganali tat-tluq lejn l-uffiċċji doganali tad-destinazzjoni u minn ġol-pajjiżi kollha li jkunu meħtieġa. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1978. F’Novembru tal-2020 kien hemm 76 parti għall-Konvenzjoni, inkluż 75 Stat u l-Unjoni Ewropea.

L-Unjoni Ewropea ilha parti kontraenti għall-Konvenzjoni TIR 2 mill-20 ta’ Ġunju 1983, u l-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni TIR.

2.2.Il-Kumitat Amministrattiv

Il-Kumitat Amministrattiv qed jaġixxi fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR. Il-Kumitat Amministrattiv għandu r-rwol li jikkunsidra u jadotta l-emendi għall-Konvenzjoni TIR. Il-proposti jiġu sottomessi għal votazzjoni u kull Stat, li huwa parti u jkun irrappreżentat f’sessjoni tal-Kumitat Amministrattiv, għandu vot wieħed. L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tad-dwana rregolata mill-Konvenzjoni TIR. Madankollu, l-Unjoni, bħala unjoni doganali u ekonomika, ma għandhiex drittijiet tal-vot minbarra dawk tal-Istati Membri tagħha, f’konformità mal-Artikolu 52(3) tal-Konvenzjoni TIR. L-Istati Membri kollha huma partijiet bi drittijiet tal-vot.

L-emendi għall-Konvenzjoni TIR jiġu adottati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-partijiet preżenti u li jivvotaw. Biex tittieħed deċiżjoni, hemm bżonn kworum ta’ mhux inqas minn terz tal-Istati li huma partijiet.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Amministrattiv

Fi Frar 2021, waqt l-erbgħa u sebgħin sessjoni tiegħu, il-Kumitat Amministrattiv irid jieħu deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-emendi proposti għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR (“l-att previst”).

L-iskop tal-att previst huwa li jadatta l-mudell tal-carnet TIR għaż-żieda fl-għadd ta’ uffiċċji doganali tat-tluq u/jew tad-destinazzjoni, li jistgħu jkunu involuti f’operazzjoni tat-trasport TIR.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tal-Konvenzjoni TIR.

L-Artikolu 59 jikkonċerna l-emendi għall-korp ewlieni tal-Konvenzjoni TIR u jipprevedi: “Ħlief kif inhu pprovdut fl-Artikolu 60, kwalunkwe emenda proposta li ġiet ikkomunikata skont il-paragrafu preċedenti għandha tidħol fis-seħħ rigward il-Partijiet Kontraenti kollha tliet xhur wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tnax-il xahar wara d-data ta’ komunikazzjoni tal-emenda proposta, fejn matul dan il-perjodu ma tkun ġiet ikkomunikata l-ebda oġġezzjoni għall-emenda proposta lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti minn Stat li huwa Parti Kontraenti. Jekk, f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tkun ġiet ikkomunikata oġġezzjoni għall-emenda proposta għandu jitqies li l-emenda ma ġietx aċċettata u ma għandu jkollha l-ebda effett.

L-Artikolu 60 jikkonċerna l-emendi għall-Annessi tal-Konvenzjoni TIR u jipprevedi: “Kwalunkwe emenda proposta għall-Annessi 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9 u 10 meqjusa f’konformità mal-Artikolu 59(1) u (2) għandha tidħol fis-seħħ f’data li trid tiġi ddeterminata mill-Kumitat Amministrattiv fi żmien l-adozzjoni tagħha, sakemm b’data preċedenti ddeterminata mill-Kumitat Amministrattiv fl-istess żmien, wieħed minn kull ħames Stati li huma Partijiet Kontraenti jew ħamsa mill-Istati li huma Partijiet Kontraenti, liema numru huwa l-iżgħar, jinnotifikaw lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bl-oġġezzjoni tagħhom għall-emenda. Id-determinazzjoni mill-Kumitat Amministrattiv tad-data li tissemma f’dan il-paragrafu għandha tkun b’maġġoranza ta’ żewġ terzi ta’ dawk preżenti u li jivvotaw.

Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni:

L-Unjoni tappoġġa l-proposta għal emenda tal-Anness 1 tal-Konvenzjoni TIR u l-aġġornament tal-mudelli tat-tfassila tal-carnet TIR billi dan huwa konformi mal-emendi adottati preċedentement tal-Artikolu 18, li żiedu l-għadd massimu ta’ uffiċċji doganali li jistgħu jintużaw matul trasport TIR.

Fid-dettall, kif ipproponiet il-Kummissjoni Ewropea, se jiġu aġġornati kemm il-Verżjoni 1 kif ukoll il-Verżjoni 2 tal-mudell tat-tfassila tal-carnets TIR 3 . Il-Verżjoni 1 hija l-verżjoni standard tal-carnet TIR, li attwalment tintuża fil-prattika, u l-Verżjoni 2 hija l-carnet TIR tat-Tabakk/alkoħol, li bħalissa ma tintużax. Għal raġunijiet ta’ konsistenza u sabiex jiġu evitati aktar bidliet fil-futur, jeħtieġ li ż-żewġ mudelli jiġu mmodifikati simultanjament. Il-mudelli l-ġodda se jiġu mehmuża fl-anness tal-proposta tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.

Dawn il-bidliet se jkollhom impatt pożittiv fil-prattika, billi jippermettu li l-operaturi ekonomiċi jibbenefikaw minn flessibbiltà akbar fl-għażla tal-uffiċċji doganali tat-tluq u tad-destinazzjoni tagħhom.

Dan huwa żvilupp favorevoli li se jtejjeb l-attrattività tal-Konvenzjoni TIR. L-Unjoni Ewropea tappoġġa din l-inizjattiva, li tista’ tiffaċilita l-użu tar-reġim ta’ tranżitu internazzjonali.

3.Bażi ġuridika

3.1.Bażi ġuridika proċedurali

3.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-“pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 4 .

3.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Amministrattiv huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR.

L-att li l-Kumitat Amministrattiv huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

3.2.Bażi ġuridika sostantiva

3.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

3.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma marbutin mal-politika kummerċjali komuni.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE.

3.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

4.Pubblikazzjoni tal-att previst

Minħabba li l-att tal-Kumitat Amministrattiv se jemenda l-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR u l-Annessi tagħha, jixraq li wara l-adozzjoni tiegħu, dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2021/0011 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR fir-rigward tal-proposta biex tiġi emendata l-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR tal-14 ta’ Novembru 1975 (il-“Konvenzjoni TIR”) ġiet approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 5 u daħlet fis-seħħ fil-Komunità fl-20 ta’ Ġunju 1983 6 .

(2)Verżjoni konsolidata tal-Konvenzjoni TIR ġiet ippubblikata bħala Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/477/KE, li skontha l-Kummissjoni trid tippubblika emendi futuri għall-Konvenzjoni TIR f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u tindika d-data meta dawn għandhom jidħlu fis-seħħ.

(3)Skont l-Artikolu 59 u 60 tal-Konvenzjoni TIR, il-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni TIR (il-“Kumitat Amministrattiv”) jista’ jadotta emendi għall-Konvenzjoni TIR u l-Annessi tagħha b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-partijiet kontraenti preżenti u li jivvotaw.

(4)Matul l-erbgħa u sebgħin sessjoni tiegħu mid-9 sat-12 ta’ Frar 2021 jew f’sessjoni sussegwenti, il-Kumitat Amministrattiv irid jadotta diversi emendi għall-Konvenzjoni TIR u tal-Annessi tagħha.

(5)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv, peress li l-emendi se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

(6)Sabiex tqis l-emenda adottata preċedentement tal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni TIR li żiedet l-għadd ta’ uffiċċji doganali li jistgħu jkunu involuti f’operazzjoni TIR, huwa meħtieġ li jiġi emendat l-Anness 1 tal-Konvenzjoni TIR u tiġi aġġornata t-tfassila tal-Verżjoni1 u l-Verżjoni 2 tal-mudelli tal-carnet TIR.

(7)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-emendi mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li teżisti għal bidliet żgħar mhux sostanzjali fl-abbozz tal-emendi, li jridu jaqblu fuqhom ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni TIR mingħajr deċiżjoni oħra tal-Kunsill.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fl-erbgħa u sebgħin sessjoni jew f’waħda mis-sessjonijiet sussegwenti tal-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR (il-“Konvenzjoni TIR”) għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-emendi mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu1 għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni. L-Istati Membri tal-Unjoni għandhom jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni meta jittieħed vot formali fil-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni TIR, li jaġixxi b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    TIR tfisser “Transports Internationaux Routiers” jew “Trasporti Internazzjonali bit-Triq”.
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra ĠU L 252/1.
(3)    Fl-Anness ta’ din il-proposta hemm disponibbli t-tfassila l-ġdida tal-carnet TIR: f’każ li ma jidhrux fil-legiswrite, ivverifika permezz tal-għodod tad-DQC.
(4)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra (ĠU L 252, 14.9.1978, p. 1).
(6)    ĠU L 31, 2.2.1983, p. 13.

Brussell, 22.1.2021

COM(2021) 24 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR fir-rigward tal-proposta biex tiġi emendata l-Konvenzjoni


ANNESS

L-Anness 1, VERŻJONI 1, Paġna 2 tal-qoxra: Mudell tal-Carnet TIR, Nru 5 tar-“règles relatives à l’utilisation du carnet TIR”

quatre tiġi sostitwita b’huit

L-Anness 1, VERŻJONI 1, Paġna 3 tal-qoxra: Mudell tal-Carnet TIR Verżjoni 1, Nru 5 tar-regoli dwar l-użu tal-Carnet TIR

four tiġi sostitwita b’eight

L-Anness 1, VERŻJONI 1, Paġna 5 (bajda) tal-mudell tal-Carnet TIR, Vawċer Nru 1

Il-Vawċer Nru 1 eżistenti jiġi sostitwit bi 1

L-Anness 1, VERŻJONI 1, Paġna 6 (ħadra) tal-mudell tal-Carnet TIR Verżjoni 1, Vawċer Nru 2

Il-Vawċer Nru 2 eżistenti jiġi sostitwit bi 2

L-Anness 1, VERŻJONI 2, Paġna 2 tal-qoxra: Mudell tal-Carnet TIR, Nru 5 tar-“règles relatives à l’utilisation du carnet TIR”

quatre tiġi sostitwita b’huit

L-Anness 1, VERŻJONI 2, Paġna 3 tal-qoxra: Mudell tal-Carnet TIR Verżjoni 1, Nru 5 tar-regoli dwar l-użu tal-Carnet TIR

four tiġi sostitwita b’eight

L-Anness 1, VERŻJONI 2, Paġna 12 (bajda) tal-mudell tal-Carnet TIR, Vawċer Nru 1

Il-Vawċer Nru 1 eżistenti jiġi sostitwit bi 3

L-Anness 1, VERŻJONI 2, Paġna 13 (ħadra) tal-mudell tal-Carnet TIR, Vawċer Nru 2

   Il-Vawċer Nru 2 eżistenti jiġi sostitwit bi 4

(1)    Ara l-paġna 3 ta’ dan id-dokument.
(2)    Ara l-paġna 4 ta’ dan id-dokument.
(3)    Ara l-paġna 5 ta’ dan id-dokument.
(4)    Ara l-paġna 6 ta’ dan id-dokument.