Brussell, 21.1.2021

COM(2021) 23 final

2021/0010(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lin-Netherlands japplika rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut lill-[istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-]vetturi elettriċi skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

It-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku fl-Unjoni hija rregolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-qafas tal-Komunità dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 1 (id-“Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew id-“Direttiva”).

Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell tat-taxxa għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

L-Artikolu 15(1)(e) tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri japplikaw tnaqqis fit-taxxa jew eżenzjoni mit-taxxa fuq l-elettriku għall-ġarr ta’ oġġetti u passiġġieri bil-ferrovija, bil-metro, bit-tramm u bit-trolley bus. Madankollu, ma hemm l-ebda dispożizzjoni li tippermetti tnaqqis fit-taxxa fuq l-elettriku użat għat-trasport b’vetturi elettriċi li ma jkunux trolley buses.

Bis-saħħa tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2266 2 in-Netherlands diġà ġie awtorizzat japplika livell tat-taxxa anqas fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi sal-31 ta’ Diċembru 2020.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li n-Netherlands jingħata permess japplika livell ta’ taxxa mnaqqas fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi, kif intalab, mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-1 ta’ Jannar 2025. Dan it-tnaqqis huwa maħsub li jissokta jħeġġeġ l-użu ta’ modi ta’ trasport aktar nodfa, u jnaqqas it-tniġġis tal-arja lokali u l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport.

Permezz ta’ ittra bid-data tat-30 ta’ Marzu 2020 u l-korrispondenza sussegwenti, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva, l-awtoritajiet tan-Netherlands informaw lill-Kummissjoni li kellhom l-intenzjoni li japplikaw rata ta’ taxxa mnaqqsa ta’ EUR 51,64 għal kull MWh fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi, u dan għall-konsum annwali sa 10 MWh għal kull stazzjon tal-iċċarġjar. Il-konsum ta’ aktar minn 10 sa 50 MWh ikun intaxxat bir-rata ta’ EUR 51,64; il-konsum ta’ aktar minn 50 sa 10 000 MWh ikun intaxxat b’rata ta’ EUR 13,75 u l-konsum annwali ta’ aktar minn 10 000 MWh ikun intaxxat b’rata ta’ EUR 0,56. Fil-każ tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar li ma jkunux koperti mir-rati ta’ taxxa għal skopijiet kummerċjali, il-konsum annwali ta’ aktar minn 10 000 MWh ikun intaxxat b’rata ta’ EUR 1,13. Ir-rata tat-taxxa globali tkun ogħla mir-rata minima tat-taxxa fuq l-elettriku għal skopijiet kummerċjali skont kif stipulat fid-Direttiva 2003/96/KE. Ir-rata tat-taxxa nazzjonali li tapplika bħalissa għall-elettriku li jintuża biex jiġu ċċarġjati l-vetturi elettriċi għall-ewwel 10 MWh tal-konsum annwali tkun ta’ EUR 94,28 għal kull MWh, li hija r-rata tat-taxxa nazzjonali fuq l-elettriku għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali għal dan il-livell ta’ konsum. Fil-preżent ir-rati tat-taxxa nazzjonali applikati min-Netherlands fuq l-elettriku huma differenzjati skont il-kwantità li tiġi kkonsmata skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96/KE 3 .

In-Netherlands tat informazzjoni supplimentari fl-20 ta’ Novembru 2020.

In-Netherlands qiegħed ikompli japplika r-rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku fornut għall-vetturi elettriċi permezz ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi, u f’ċerti każijiet, dawk privati jew korporattivi għall-vetturi elettriċi. Normalment l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar huma konnessi direttament mal-grilja elettrika. L-operaturi tal-istazzjon tal-iċċarġjar u l-entitajiet privati jew korporattivi eliġibbli biex japplikaw ir-rata mnaqqsa jkollhom jissottomettu dikjarazzjoni lill-fornitur tal-elettriku li tgħid li l-konnessjoni tal-grilja hija maħsuba esklussivament għall-provvista ta’ elettriku lill-vetturi elettriċi. It-talba tan-Netherlands teskludi mit-tnaqqis l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar fejn l-iċċarġjar iseħħ bi skambju ta’ batteriji.

Ir-rata tat-taxxa kumplessiva, inkluża r-rata mnaqqsa għall-ewwel 10 MWh tal-konsum annwali ta’ kull entità, tkun ferm ogħla mil-livell minimu stipulat fl-Anness I, Tabella C tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

Skont l-awtoritajiet tan-Netherlands, f’każ li l-operatur tal-istazzjon tal-iċċarġjar ikollu l-ħsieb li japplika rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku fl-istazzjonijiet tal-iċċarġjar tiegħu, ikollu jippreżenta dikjarazzjoni lill-fornitur tal-elettriku li fiha jispjega liema mill-konnessjonijiet tal-grilja ikunu maħsuba esklussivament għall-provvista ta’ elettriku lill-vetturi elettriċi. Din il-miżura tkun tapplika biss għall-elettriku pprovdut lill-konnessjonijiet speċifikati. Barra minn hekk, l-operatur tal-istazzjon tal-iċċarġjar huwa obbligat jinforma lill-fornitur tal-elettriku jekk ikollux problemi finanzjarji u jkunx eliġibbli għall-għajnuna skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (2014/C 249/01). F’dak il-każ, il-fornitur ma jitħalliex ikompli japplika r-rata ta’ taxxa mnaqqsa fuq l-enerġija għall-elettriku.

Il-vantaġġ li jirriżulta mit-tnaqqis tat-taxxa jvarja skont l-ammont ta’ kilowatt-siegħa. Kif ġie enfasizzat mill-awtoritajiet tan-Netherlands, abbażi ta’ studju kkummissjonat fil-livell nazzjonali, fl-2020 huwa stmat li kull stazzjon tal-iċċarġjar jieħu provvista medja ta’ 3 900 kWh. F’dak il-każ il-vantaġġ massimu għal kull stazzjon tal-iċċarġjar fl-2020 huwa stmat li jilħaq il-EUR 289 kull sena. Dan il-vantaġġ ikompli jikber jekk it-taxxa standard fuq l-enerġija tiżdied. Barra minn hekk, fil-prattika, stazzjon tal-iċċarġjar jista’ jipprovdi 12 000 kWh kull siegħa. Fl-2020 dan iwassal għal vantaġġ totali massimu mistenni ta’ EUR 815. L-għadd ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar għal kull benefiċjarju jvarja.

Kif ġie rrapportat mill-awtoritajiet tan-Netherlands, bħalissa hemm madwar 40 operatur tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar fin-Netherlands.

Il-miżura hija miftuħa għall-operaturi kollha tal-UE mingħajr diskriminazzjoni. Il-pajjiż tal-oriġini tal-operatur tal-istazzjon tal-iċċarġjar mhijiex kundizzjoni biex wieħed jibbenefika mill-miżura. Kumpanija tat-trasport jew unità domestika li jkollha stazzjon tal-iċċarġjar jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-miżura diment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

Kif ġie enfasizzat fit-talba, studju kkummissjonat mill-Ministeru tat-Trasport tan-Netherlands wera li bħalissa, f’ħafna każi, għad ma hemm ebda inċentiv kummerċjali pożittiv għal stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi. Dan huwa ostakolu għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-iċċarġjar pubblika u għall-użu tal-karozzi elettriċi. Il-miżura għandha l-għan li tkompli ttejjeb il-vjabbiltà kummerċjali tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi, li għandu jagħmel l-użu ta’ karozzi elettriċi aktar attraenti u ta’ ġid għall-ambjent. Żvilupp mgħaġġel tal-infrastruttura tal-iċċarġjar pubblika huwa importanti ferm għat-tranżizzjoni minn vetturi b’magni ta’ kombustjoni interna li jaħdmu l-aktar bi fjuwils fossili għal vetturi elettriċi. Struttura żviluppata sew hija meħtieġa biex tagħmel il-vetturi elettriċi alternattiva fattibbli għat-trasport bit-triq tradizzjonali. Dan huwa importanti minħabba l-benefiċċji ambjentali tat-tranżizzjoni lejn is-sewqan bl-elettriku. Ġeneralment il-vetturi elettriċi jipproduċu anqas emissjonijiet tas-CO2 u sustanzi li jniġġsu l-arja lokali (PM10, NOx) mill-vetturi li jaħdmu bil-fjuwils fossili 4 . Skont l-awtoritajiet tan-Netherlands, fl-2019 il-perċentwal tal-elettriku prodott mill-faħam laħaq l-14 %. Fl-2030 dak il-perċentwal mistenni jkun ta’ 0 %. Fl-2019, it-taħlita tal-elettriku fin-Netherlands minn għejun rinnovabbli kienet ta’ 18 % fl-2019 u mistennija li tilħaq it-58 % fl-2025 u l-75 % fl-2030.

It-talba tenfasizza li l-operatur tal-istazzjon tal-iċċarġjar ikollu l-għażla li jgħaddi l-vantaġġ (jew parti minnu) tal-miżura lill-klijenti tiegħu fil-forma ta’ tnaqqis fuq ir-rati tal-iċċarġjar. F’dak il-każ il-kost tas-sjieda tal-vetturi elettriċi jonqos minħabba kosti orħos għas-sewqan. Dan joħloq inċentiv għall-konsumaturi biex jagħżlu karozza elettrika ġdida minflok karozza ġdida li taħdem bil-fjuwils fossili. Effett pożittiv ieħor tar-rati mnaqqsa għall-iċċarġjar huwa li s-sidien ta’ vetturi ibridi rikarikabbli li jistgħu jaħdmu kemm bl-elettriku kif ukoll bil-fjuwils fossili jkunu mħeġġa jużaw enerġija elettrika minflok fjuwils fossili għat-trasport.

Fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tad-miżura, fil-prinċipju dak il-perjodu jenħtieġ li jkun twil biżżejjed biex jibqa’ jipprovdi ċertezza legali lill-operaturi tal-elettriku, lill-entitajiet privati jew korporattivi. In-Netherlands talab li l-perjodu ta’ erba’ snin jiġi estiż meta mqabbel mal-massimu possibbli ta’ sitt snin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher xieraq li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata għal perjodu ta’ erba snin kif talab in-Netherlands u kif permess mid-Direttiva.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-politika

Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, kull talba għandha tiġi eżaminata filwaqt li jiġu kkunsidrati, fost l-oħrajn, it-tħaddim tajjeb tas-suq intern, il-ħtieġa li tkun żgurata kompetizzjoni ġusta u l-politiki tal-UE dwar is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

L-applikazzjoni tat-tnaqqis tat-taxxa kif deskritta mhijiex ser toħloq ostakli għall-kummerċ fl-UE. Il-miżura hija miftuħa għall-operaturi kollha tal-UE mingħajr diskriminazzjoni. Il-pajjiż tal-oriġini tal-operatur tal-istazzjon tal-iċċarġjar mhijiex kundizzjoni biex wieħed japplika l-miżura. Id-deroga ma twassal għal kwalunkwe problema fit-tħaddim tas-suq intern u ma tfixkilx - anzi tgħin - is-suċċess tal-għanijiet tal-politika tal-UE speċjalment fl-oqsma tal-enerġija, tat-trasport, tat-tibdil fil-klima u tal-ambjent.

Dispożizzjonijiet skont id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva jinqara kif ġej:

Flimkien ma’ dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli ta’ qabel, b’mod partikolari l-Artikoli 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

Skont l-awtoritajiet tan-Netherlands, il-miżura nazzjonali kkonċernata tissodisfa dan ir-rekwiżit. Dan jirriżulta mill-intenzjoni tan-Netherlands li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u s-sustanzi li jniġġsu l-arja mill-vetturi u li jkompli jappoġġja l-għan tat-tibdil fil-klima tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-CO2 u jiżdied is-sehem ta’ sorsi rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija finali fis-settur tat-trasport. Jitqies li l-possibbiltà ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq l-elettriku pprovdut lill-vetturi elettriċi joffri lill-konsumaturi inċentiv addizzjonali biex jużaw enerġija aktar nadifa u jtejbu l-ambjent.

Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

L-awtoritajiet tan-Netherlands jirrikonoxxu li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur l-operaturi ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi, li tista’ tikkwalifika bħala għajnuna b’eżenzjoni ta’ kategorija skont l-Artikolu 44 tar-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE 5 .

Diment li l-miżura tirrispetta l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 44 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (ir-Regolament 651/2014/UE) kif ukoll il-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fih, il-miżura taqa’ fl-ambitu ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u għaldaqstant hija eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika minn qabel.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Politika tal-ambjent u t-tibdil fil-klima

L-implimentazzjoni ta’ din il-miżura se tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-vetturi u tappoġġja l-miri fit-tul tal-UE fir-rigward tal-klima li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2. Skont l-istimi li ngħataw mill-awtoritajiet tan-Netherlands, it-taħlita tal-elettriku mistennija fin-Netherlands minn sors rinnovabbli ser tkun ta’ madwar 58 % fl-2025 u ser tilħaq il-75 % fl-2030. Skont in-Netherlands l-elettriku użat fl-infrastruttura tal-iċċarġjar pubblika joriġina kważi esklussivament minn enerġija rinnovabbli. Studju 6 li sar fin-Netherlands juri li dan jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ 70 % fl-emissjonijiet tal-CO2, li huwa kompletament konformi mad-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli 7 . Kif ġie enfasizzat fit-talba, dan jista’ jgħin lin-Netherlands tilħaq il-mira ta’ 10 % fl-2020 fir-rigward tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport li hija stipulata minn dik id-Direttiva.

Minbarra t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, it-talba tenfasizza li użu aktar wiesa’ ta’ karozzi elettriċi jgħin b’mod sinifikanti għat-titjib tal-kwalità tal-arja: il-hotspots ta’ tniġġis urban huma fost l-akbar sfidi u l-emissjonijiet mit-trasport huma l-akbar kontributur tat-tniġġis (b’mod speċjali meta jinqabżu l-limiti ta’ NO2) f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, anki meta l-elettriku ma jinħoloqx kompletament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-parti l-kbira tal-benefiċċji jibqgħu emissjonijiet li jirriżultaw mill-ġenerazzjoni jinsabu ’l bogħod mill-hotspots tal-kwalità tal-arja u s-sorsi tal-emissjonijiet - l-impjanti tal-enerġija - aktar ikun soġġett għall-kontroll tat-tniġġis.

Il-politika tal-enerġija

Kif ġie rrapportat fit-talba, studju kkummissjonat fil-livell nazzjonali wera li bħalissa, f’ħafna każi, l-stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi għadhom mhumiex vijabbli mil-lat kummerċjali. Dan huwa ostakolu għall-iskjerament tal-infrastruttura tal-iċċarġjar pubblika u għall-użu tal-karozzi elettriċi.

Għaldaqstant, il-miżura għandha l-għan li ttejjeb il-vijabbiltà kummerċjali tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi, li għandu jagħmel l-użu ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku aktar attraenti u ta’ ġid għall-ambjent. It-tnedija b’pass mgħaġġel tal-infrastruttura pubblika tal-iċċarġjar hija tassew importanti biex issir it-tranżizzjoni minn vetturi li jaħdmu bi fjuwils fossili lejn vetturi elettriċi. Hemm il-ħtieġa ta’ infrastruttura tajba biex il-vetturi elettriċi jsiru alternattiva reali għall-vetturi li jaħdmu fi fjuwils fossili. Dan huwa importanti minħabba l-benefiċċji ambjentali tat-tranżizzjoni lejn is-sewqan bl-elettriku. Ġeneralment il-vetturi elettriċi jkollhom kemm anqas emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll anqas emissjonijiet li jniġġsu l-ajru (PM10, NOx) mill-vetturi li jaħdmu bil-fjuwils fossili.

Kif ġie enfasizzat fit-talba, l-operatur tal-istazzjon tal-iċċarġjar ikollu wkoll l-għażla li jgħaddi l-vantaġġ (jew parti minnu) tal-miżura lill-klijenti tiegħu fil-forma ta’ tnaqqis fuq ir-rati tal-iċċarġjar. F’dak il-każ, il-kost tas-sjieda tal-vetturi elettriċi jonqos, li għal darba oħra jħalli impatt pożittiv fuq l-għażla li wieħed jixtri karozza elettrika minflok karozza li taħdem bi fjuwils fossili. Effett pożittiv ieħor tar-rati mnaqqsa fuq l-iċċarġjar huwa li s-sidien ta’ vetturi ibridi rikarikabbli li jistgħu jaħdmu kemm bl-elettriku kif ukoll bil-fjuwils fossili jiġu mħeġġa jagħżlu enerġija elettrika minflok fjuwils fossili.

Politika tat-trasport

L-inizjattiva hija kompletament konformi mad-Direttiva 2014/94/UE 8 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi. Din id-Direttiva tirrikjedi lill-Istati Membri jiżviluppaw oqfsa ta’ politika nazzjonali għall-iżvilupp tas-suq ta’ karburanti alternattivi u l-infrastruttura tagħhom, b’mod partikolari fiż-żoni urbani/suburbani u f’żoni oħrajn b’densità ta’ popolazzjoni għolja. Id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri jinstallaw għadd xieraq ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku.

Barra minn hekk, is-sistemi tat-trasport tal-UE jeħtieġ li jiddekarbonizzaw u jimmodernizzaw biex inaqqsu l-emissjonijiet b’90 % sal-2050. Il-mobbiltà elettrika hi essenzjali, u se tħaffef id-dekarbonizzazzjoni u tnaqqas it-tniġġis, speċjalment fl-ibliet, filwaqt li s-servizzi ġodda tal-mobbiltà se jżidu l-effiċjenza tas-sistema tat-trasport u jnaqqsu l-konġestjoni 9 .

Is-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta

Mill-perspettiva tas-suq intern u tal-kompetizzjoni ġusta, il-miżura hija miftuħa għall-operaturi kollha tal-UE mingħajr diskriminazzjoni. Il-pajjiż tal-oriġini tal-operatur tal-istazzjon tal-iċċarġjar mhijiex kundizzjoni biex wieħed japplika l-miżura. Id-deroga ma twassal għal ebda problema fir-rigward tal-funzjonament tas-suq intern.

F’dan il-każ, wieħed għandu jistenna anqas distorsjoni sinifikanti tat-tip li ssemma’ hawn fuq billi n-Netherlands se jirrispetta l-livell minimu ta’ tassazzjoni preskritt bid-Direttiva 2003/96/KE għall-elettriku.

Sakemm ma jkunx hemm bidliet sinifikanti fil-qafas u fis-sitwazzjoni ta’ bħalissa, il-perjodu ta’ żmien li għalih qed tiġi proposta l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata rata ta’ taxxa mnaqqsa jagħmilha improbabbli li l-analiżi mwettqa fil-paragrafi preċedenti tinbidel qabel id-data tal-iskadenza tal-miżura.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)

Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta, li huwa kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE, fih innifsu ma jaqax fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.

Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata l-kompetenza esklussiva, bħala kwistjoni ta’ liġi sekondarja, li jawtorizza li Stat Membru jintroduċi eżenzjonijiet jew tnaqqis ulterjuri skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. B’riżultat ta’ dan, il-prinċipju tas-sussidjarjetà mhuwiex applikabbli għal din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Fi kwalunkwe każ, billi dan l-att mhuwiex abbozz ta’ att leġiżlattiv, ma jridx jiġi trażmess lill-Parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati biex tiġi evalwata l-konformità tiegħu mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis tat-taxxa ma jeċċedix dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-għan inkwistjoni.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE jipprevedi din it-tip ta’ miżura biss.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-miżura ma tirrekjedix evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta hija bbażata fuq talba li saret min-Netherlands u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess u ma tirrikjedix valutazzjoni tal-impatt. L-impatt fuq il-prezzijiet huwa limitat, l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent huwa pożittiv peress li l-miżura għandha l-għan li tnaqqas l-użu tal-karburanti fossili u tippromwovi enerġija aktar nadifa fit-trasport.

Barra minn hekk, l-informazzjoni li ngħatat min-Netherlands tissuġġerixxi li l-miżura se jkollha impatt relattivament limitat fuq id-dħul mit-taxxa 10 , u r-rata tat-taxxa għal elettriku xorta se tibqa’ ogħla mil-livell minimu ta’ tassazzjoni stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE. In-Netherlands qed jistenna li l-miżura se jkollha impatt pożittiv fl-ilħuq tal-għanijiet ambjentali tiegħu u b’mod partikolari fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet u t-titjib tal-kwalità tal-arja lokali.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-miżura ma tipprevedix simplifikazzjoni. Tirriżulta minn talba li saret min-Netherlands u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

Drittijiet fundamentali

Il-miżura ma għandha l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżura ma twassal għall-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq l-Unjoni. Għalhekk, il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet għall-implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Ma hemm bżonn ta’ ebda pjan ta’ implimentazzjoni. Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal tnaqqis fit-taxxa mogħtija lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess. Din hija prevista għal perjodu limitat, sal-1 ta’ Jannar 2025. Ir-rata tat-taxxa li se tapplika se tkun ogħla mil-livell tat-taxxa minimu stabbilit mid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Il-miżura tista’ tiġi evalwata f’każ li jkun hemm talba għal tiġdid wara li l-perjodu tal-validità jkun skada.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Il-proposta ma għandhiex bżonn dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jipprovdi d-definizzjoni ta’ “vetturi elettriċi”, li ttieħed mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/94/UE. Id-definizzjoni tipprovdi ċarezza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura.

Skont l-Artikolu 2, in-Netherlands se jitħalla japplika rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi.

Il-livell ta’ tassazzjoni wara t-tnaqqis ma jista’ qatt ikun anqas mill-minimu tal-UE stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE u t-tnaqqis se japplika għall-elettriku użat kemm mill-karozzi privati kif ukoll dawk kummerċjali.

Il-miżura nazzjonali pprovduta minn din id-deċiżjoni hija parti minn politika mfassla min-Netherlands sabiex inaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, itejjeb il-kwalità tal-arja, iżid is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fit-trasport u jikkontribwixxi għall-għan tat-tibdil fil-klima tal-UE. Il-miżura ser tipprovdi għal inċentivi għall-konsumaturi biex jaqilbu għal enerġija aktar nadifa fit-trasport.

Artikolu 3 jispeċifika li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021 għal perjodu ta’ erba’ snin, kif intalab min-Netherlands.

Dan jiċċara wkoll li jekk il-Kunsill jipprevedi regoli ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa fir-rigward tal-elettriku għall vetturi elettriċi, id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum meta jibdew japplikaw dawk ir-regoli ġenerali.

L-Artikolu 4 jistipula li d-deċiżjoni hija indirizzata lin-Netherlands.

2021/0010 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lin-Netherlands japplika rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut lill-[istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-]vetturi elettriċi skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 11 , u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2266 12 , in-Netherlands ġie awtorizzat japplika rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi sal-31 ta’ Diċembru 2020, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(2)Fit-30 ta’ Marzu 2020 in-Netherlands talbet biex tingħata awtorizzazzjoni li tkompli tapplika rata tat-taxxa mnaqqsa għall-elettriku pprovdut għall-vetturi elettriċi għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u l-1 ta’ Jannar 2025. Fuq talba tal-Kummissjoni, in-Netherlands ipprova informazzjoni addizzjonali b’appoġġ għall-applikazzjoni tiegħu fl-20 ta’ Novembru 2020.

(3)Ir-rata tat-taxxa mnaqqsa għandha l-għan li tippromwovi aktar l-użu tal-vetturi elettriċi billi tnaqqas l-ispejjeż għall-elettriku użat biex iħaddem lil dawn il-vetturi.

(4)L-użu ta’ vetturi elettriċi jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-kombustjoni ta’ petrol u diżil jew karburanti fossili oħrajn u għaldaqstant jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-arja fl-ibliet. L-użu ta’ vetturi elettriċi jista’ wkoll inaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, partikolarment fejn l-elettriku użat huwa prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Għaldaqstant, ir-rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku fornut għall-vetturi elettriċi mistennija tagħti kontribut lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-politiki ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.

(5)In-Netherlands enfasizza li r-rata tat-taxxa mnaqqsa tkun tapplika għall-forniment tal-elettriku lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi tal-elettriku permezz ta’ konnessjoni diretta mal-grilja elettrika, fosthom l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi u xi stazzjonijiet tal-iċċarġjar privati jew korporattivi.

(6)In-Netherlands talab li r-rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku tapplika biss għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar fejn l-elettriku jintuża biex tiġi ċċarġjata vettura elettrika direttament u li ma tapplikax għall-elettriku pprovdut permezz ta’ skambju ta’ batteriji.

(7)Rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut lill-vetturi elettriċi permezz ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar ittejjeb il-vijabbiltà kummerċjali tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku fin-Netherlands, li għandu jwassal biex l-użu ta’ karozzi elettriċi isir attraenti u jirriżulta f’titjib fil-kwalità tal-arja.

(8)Minħabba n-numru limitat ta’ vetturi elettriċi u l-fatt li l-livell tat-taxxa fuq l-elettriku pprovdut lill-vetturi elettriċi permezz ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-użu kummerċjali se jkun ogħla mil-livell tat-taxxa minimu stipulat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE, x’aktarx li r-rata tat-taxxa mnaqqsa ma twassalx għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni għall-perjodu li matulu tintalab l-awtorizzazzjoni u għaldaqstant mhijiex ser taffettwa ħażin il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(9)Il-livell tat-taxxa fuq l-elettriku pprovdut lill-vetturi elettriċi permezz ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar li ma jkunux għall-użu kummerċjali ser ikun ogħla mil-livell tat-taxxa minimu fir-rigward tal-użu mhux kummerċjali stipulat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(10)Kull awtorizzazzjoni li tingħata f’konformità mal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/96/KE se tkun għal żmien limitat b’mod strett. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu tal-awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata għall-perjodu mitlub. Madankollu, l-awtorizzazzjoni għandha tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku pprovdut għall-vetturi elettriċi li tiġi adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk dawn id-dispożizzjonijiet jibdew japplikaw qabel l-1 ta’ Jannar 2025.

(11)Sabiex tiġi evitata żieda fil-piż amministrattiv għad-distributuri u ridistributuri tal-elettriku li jirriżulta mit-tibdil fir-rati tat-taxxa applikabbli, in-Netherlands jenħtieġ li jkun jista’ japplika r-rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut għall-vetturi elettriċi mingħajr interruzzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021, sabiex l-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2266 jkomplu mingħajr waqfien.

(12)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandha tapplika d-definizzjoni ta’ “vettura elettrika” stipulata fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 .

Artikolu 2

In-Netherlands huwa awtorizzat japplika rata tat-taxxa mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar direttament użat għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi, minbarra dawk l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-iskambju ta’ batteriji għall-vetturi elettriċi, diment li l-livelli minimi ta’ tassazzjoni stipulati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE jiġu rrispettati.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-1 ta’ Jannar 2025.

Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jipprevedi regoli ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku pprovdut lill-vetturi elettriċi, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika minn dakinhar li jsiru applikabbli dawk ir-regoli ġenerali.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51-70.
(2)    ĠU L 342, 16.12.2016, p. 30-31.
(3)    In-Netherlands japplika rati tat-taxxa differenzjati fuq l-elettriku skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96/KE fuq il-bażi tal-livelli ta’ konsum kwantitattivi. Skont l-aħħar informazzjoni li ngħatat, ir-rati tat-taxxa nazzjonali huma kif ġej: EUR 94,28 għal kull MWh għal 0-10 MWh ta’ elettriku kkonsmat f’sena, EUR 51,64 għal kwantitajiet ogħla minn 10 sa 50 MWh, EUR 13,75 għal kwantitajiet ogħla minn 50 sa 10 000 MWh. Għall-konsum ta’ aktar minn 10 000 MWh ir-rati tat-taxxa huma ta’ EUR 0,56 għal skopijiet kummerċjali u ta’ EUR 1,13 għal skopijiet mhux kummerċjali. Kif ġie speċifikat mill-awtoritajiet tan-Netherlands, ir-rati tat-taxxa fuq l-enerġija hija soġġetta għal aġġustamenti annwali abbażi tar-rati tal-inflazzjoni.
(4)     https://ec.europa.eu/transport/themes/urban/vehicles/road/electric_en
(5)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, pp. 1–78).
(6)    TNO ‘Energie- en milieu-aspecten van elektrische personenvoertuigen’, (7 ta’ April 2015), pp. 11 – 15.
(7)    ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16-62
(8)    Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, pp. 1-20).
(9)     Strateġija għal Sistema tal-Enerġija Integrata (COM(2020) 299 final, Lulju 2020).
(10)    L-istima tan-Netherlands tan-nefqa baġitarja annwali tilħaq l-EUR 4,2 miljuni fl-2021, EUR 5,3 miljuni fl-2022, EUR 6,2 miljuni fl-2023 u EUR 7 miljuni fl-2024.
(11)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(12)    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2266 tas-6 ta’ Diċembru 2016 li tawtorizza lin-Netherlands japplikaw rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 30).
(13)    Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).