Brussell, 12.1.2021

COM(2021) 4 final

2021/0001(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea rigward l-emenda tal-Kapitolu IIa u tal-Annessi I u II tal-Protokoll 10 tal-Ftehim ŻEE dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-emenda tal-Protokoll 10 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u ż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija u dwar miżuri doganali ta’ sigurtà, u applikabbli biss għall-UE u għan-Norveġja.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.L-emenda tal-Protokoll dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija u dwar miżuri doganali ta’ sigurtà

Il-Protokoll dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija u dwar miżuri doganali ta’ sigurtà (“il-Protokoll”) jirrinunzja l-obbligu tan-negozjanti li jipprovdu lid-dwana dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul qabel l-importazzjoni u l-esportazzjoni fil-kummerċ bilaterali bejn l-UE u n-Norveġja. Sadanittant, fil-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, in-Norveġja timplimenta miżuri doganali ta’ sigurtà ekwivalenti għal dawk fl-UE. Il-Protokoll daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2009 u żgura kemm il-flussi kummerċjali bla xkiel bejn in-Norveġja u l-UE kif ukoll livell għoli ta’ sigurtà fil-katina tal-provvista.

Bħalissa, kull Parti għandha s-sistema tagħha għall-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul (fl-UE, din hija s-sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni, ICS) iżda ma hemm l-ebda pont li jgħaqqad iż-żewġ sistemi.

Sa mill-2016, il-Kummissjoni għamlet diskussjonijiet preliminari bil-għan li taġġorna l-leġiżlazzjoni tal-Ftehim u tintegra l-parteċipazzjoni futura tan-Norveġja fil-programm doganali l-ġdid tal-UE dwar is-sigurtà u s-sikurezza ta’ qabel il-wasla, is-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2), li hija sistema ċentralizzata.

Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) ipprovda għal miżuri inklużi fil-proġett il-ġdid tal-ICS2 li se jbiddlu sostanzjalment l-operazzjonijiet doganali tal-merkanzija bil-quddiem għal merkanzija li tidħol fl-UE u l-qafas kumplessiv komuni tal-ġestjoni tar-riskju. Il-programm il-ġdid se jagħti tifsila ġdida lill-proċess eżistenti f’termini tal-ġestjoni/kontrolli tal-IT, legali u tar-riskju doganali u mill-perspettivi operazzjonali tal-kummerċ. Se jiġbor data dwar il-merkanzija kollha li tidħol fl-UE qabel ma tasal. L-Operaturi Ekonomiċi (Economic Operators, EOs) se jkollhom jiddikjaraw id-data tas-sikurezza u tas-sigurtà fl-ICS2, permezz tad-Dikjarazzjoni fil-Qosor tad-Dħul (Entry Summary, ENS). L-obbligu li jibdew jimtew dawn id-dikjarazzjonijiet mhux se jkun l-istess għall-EOs kollha. Dan se jiddependi mit-tip ta’ servizzi li jipprovdu fil-moviment internazzjonali tal-merkanzija u huwa marbut mat-tliet dati ta’ ħarġiet tal-ICS2 (il-15 ta’ Marzu 2021, l-1 ta’ Marzu 2023, u l-1 ta’ Marzu 2024). L-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija u l-analiżi tar-riskju se jippermettu identifikazzjoni bikrija ta’ theddidiet u se jgħinu lill-awtoritajiet doganali jintervjenu fil-punt l-aktar xieraq fil-katina tal-provvista.

Għalhekk, l-ICS2 tirrappreżenta strument doganali essenzjali tal-UE għat-titjib tal-ġestjoni tal-kontrolli tas-sigurtà u tas-sikurezza fuq il-fruntieri mad-dħul, b’appoġġ tal-programm doganali tal-UE ta’ sigurtà u ta’ sikurezza ta’ qabel il-wasla. Sabiex jinżamm l-istess livell ta’ sigurtà fil-fruntieri esterni, in-Norveġja qablet li tingħaqad mal-proġett ICS2 u li tkun operazzjonali sal-bidu tal-ewwel ħarġa tal-ICS fil-15 ta’ Marzu 2021. Dawn id-dispożizzjonijiet se japplikaw ukoll b’mod ekwivalenti għall-emendi simili għall-ftehim dwar is-sigurtà doganali bejn l-UE u l-Iżvizzera.

L-emendi proposti għall-Ftehim huma r-riżultat ta’ negozjati li bdew f’Novembru 2019 u li ntemmu f’Ottubru 2020 bejn l-UE, l-Iżvizzera u n-Norveġja. L-emendi għall-Kapitolu IIa tal-Protokoll huma maħsuba sabiex iqisu l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE anki fil-qasam tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (Authorised Economic Operator, AEO) u tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju u tal-analiżi tar-riskju. Dan se jiżgura livell ekwivalenti ta’ sigurtà fil-fruntieri esterni u se jtejjeb is-sigurtà u s-sikurezza taż-żona ta’ sigurtà komuni.

Il-Ftehim se jinkludi wkoll arranġament ta’ finanzjament (l-Anness I, It-Titolu III), li jkopri l-kostijiet tal-iżvilupp u tal-użu operazzjonali tal-ICS2 min-Norveġja u d-dettalji funzjonali tal-ICS2, li huma esposti fl-arranġamenti tekniċi (l-Anness I, It-Titolu II).

2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa stabbilit bl-Artikolu 92 tal-Ftehim ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti u jista’ jieħu deċiżjonijiet bi ftehim bejn l-UE, minn naħa waħda, u l-Istati tal-EFTA li jitkellmu b’vuċi waħda, min-naħa l-oħra.

Il-Kumitat Konġunt jiltaqa’, fil-prinċipju, tal-anqas darba fix-xahar u r-responsabbiltà tiegħu hija li jiżgura l-implimentazzjoni u t-tħaddim effettivi tal-Ftehim. Għal dan il-għan, huwa jwettaq skambji ta’ fehmiet u ta’ informazzjoni u jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim u fir-rigward tal-Protokolli tiegħu. Għal dak il-għan, il-Protokoll 10 jista’ jiġi emendat b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE f’konformità mal-Artikoli 93 (2), 99, 100, 102 u 103 tal-Ftehim.

Sabiex jiġu ggarantiti s-sigurtà legali u l-omoġenità taż-ŻEE, jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jieħu deċiżjoni dwar emenda għall-Protokoll sabiex jitqies l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Jenħtieġ li dawn l-emendi jiġu applikati simultanjament ma’ dawk introdotti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u b’rispett xieraq għall-proċeduri interni tal-Partijiet Kontraenti.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt

Matul il-laqgħa tiegħu li jmiss jew bi skambju ta’ ittri, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjoni rigward l-emenda tal-Protokoll (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jiżgura l-ogħla standard ta’ sigurtà u ta’ kontroll għall-merkanzija li taqsam il-fruntieri u li tidħol fit-territorji doganali tal-UE u tan-Norveġja.

L-att previst isir vinkolanti għall-partijiet f'konformità mal-Artikolu 104 tal-Ftehim li jistipula li “[d-]deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fil-każijiet previsti f’dan il-Ftehim [għandhom], sakemm ma jkunx provdut xort’oħra fil-Ftehim, meta jiġu fis-seħħ ikunu jorbtu lill-Partijiet Kontraenti li għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom”.

F'konformità mal-Artikolu 103 tal-Ftehim,“Jekk sa meta jispiċċa l-perijodu ta’ sitt xhur wara d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE ma tkunx saret din in-notifika, [id-]deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE [għandha] tiġi applikata provviżorjament sakemm jitwettqu l-ħtiġiet kostituzzjonali sakemm Parti Kontraenti ma tinnotifikax li applikazzjoni provviżorja bhal din ma tistax issir. Fil-każ imsemmi l-aħħar, jew jekk Parti Kontraenti tinnotifika n-nonratifika ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, is-sospensjoni prevista fl-Artikolu 102 (5) [għandha] tibda sseħħ xahar wara notifika bħal din iżda f’ebda każ qabel id-data li fiha l-att tal-KE korrispondenti jiġi implimentat fil-Komunità”.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.Ħarsa ġenerali lejn il-Protokoll 10

Il-Protokoll li kien ġie emendat preċedentament fl-2009 bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE 1 jenfasizza r-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali speċjali bejn l-UE u n-Norveġja u l-interess reċiproku qawwi li jeżisti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri doganali ta’ sigurtà ekwivalenti. Il-Protokoll 10 tal-Ftehim ġie emendat fl-interess reċiproku tal-Komunità Ewropea u tal-Istati tal-EFTA sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet żejda u sabiex jiġi pprovdut sett ta’ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu miżuri doganali ta’ sigurtà ekwivalenti għat-trasport tal-merkanzija li tkun ġejja u li sejra lejn pajjiżi terzi.

Il-Protokoll huwa bbażat fuq ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Atti ta’ Implimentazzjoni u Delegati li ġejjin:

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447, inkluża l-kolonna rilevanti fl-Anness B;

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2089, li jinkludi r-responsabbiltajiet tal-partijiet fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u tal-kontroll;

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma;

ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446, inklużi l-kolonni rilevanti tal-Anness B.

Sabiex tiżdied is-sigurtà fil-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija, fl-2006, l-UE introduċiet miżuri ġodda maħsuba sabiex jiżguraw standards ogħla fil-kontrolli doganali (IP/06/1821). Dawn jinkludu regoli u limiti ta’ żmien għan-negozjanti għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar il-merkanzija qabel ma tiġi importata lejn l-UE jew esportata minnha (dikjarazzjonijiet elettroniċi ta’ dħul u ta’ ħruġ); sistema tal-UE għall-analiżi u għall-ġestjoni tar-riskji; u sistema għall-faċilitazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tal-UE (AEOs). L-UE u n-Norveġja qablu wkoll li jaħdmu lejn qafas komuni għall-ġestjoni tar-riskju, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mar-riskju kif xieraq.

Huwa fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ qafas komuni bħal dan għal kontrolli doganali mtejba u wara l-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali u tal-leġiżlazzjoni tagħha li ġie emendat il-Ftehim. Jenħtieġ li dan jiżgura l-ogħla standard ta’ sigurtà u ta’ kontroll għall-merkanzija li taqsam il-fruntieri u li tidħol fit-territorji doganali tal-UE u tar-Renju tan-Norveġja.

3.2.Emendi proposti għall-Protokoll fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tan-Norveġja fil-programm ICS2

L-ICS2 hija l-ewwel linja tad-difiża f’termini ta’ protezzjoni tas-suq intern u taċ-ċittadini tal-UE. Permezz ta’ proċessi ta’ sigurtà doganali mtejba msejsa fuq id-data, din tappoġġa kontrolli doganali effettivi bbażati fuq ir-riskju filwaqt li tiffaċilita l-fluss ħieles ta’ kummerċ leġittimu bejn il-fruntieri esterni tal-UE.

Il-programm se jgħin sabiex jiġi stabbilit approċċ integrat tal-UE għat-tisħiħ tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju doganali. Dan huwa riżultat importanti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u tal-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju doganali, f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni adottat mill-Kunsill fl-2014 u mal-objettivi tal-Kummissjoni Von der Leyen sabiex l-Unjoni Doganali tittieħed għal-livell li jmiss.

Bħala sistema ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija, l-ICS2 se tiġbor data dwar il-merkanzija kollha li tidħol fl-UE qabel ma tasal. L-operaturi ekonomiċi se jkollhom jiddikjaraw id-data dwar is-sikurezza u s-sigurtà fl-ICS2, permezz tal-hekk imsejħa Dikjarazzjoni fil-Qosor tad-Dħul. L-obbligu li jibdew jimtlew it-tali dikjarazzjonijiet mhux se jkun l-istess għall-Operaturi Ekonomiċi kollha. Dan se jiddependi mit-tip ta’ servizzi li jipprovdu fil-moviment internazzjonali tal-merkanzija u huwa marbut mat-tliet dati ta’ ħarġiet tal-ICS2 (il-15 ta’ Marzu 2021, l-1 ta’ Marzu 2023, u l-1 ta’ Marzu 2024).

Fis-7 ta’ Ottubru 2020, in-Norveġja kkonfermat li tipparteċipa fis-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2), li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-pajjiż sieħeb fil-qafas komuni tal-ICS2, li se jitnieda fil-15 ta’ Marzu 2021.

Għalhekk, l-adeżjoni mal-programm ICS2 tinvolvi adattamenti tekniċi u finanzjarji fir-rigward tal-Ftehim, u b’mod partikolari emendi li jirriflettu l-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali u tal-leġiżlazzjoni tagħha.

3.3.Emendi legali proposti għall-Protokoll fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tal-KDU

It-tibdiliet ewlenin introdotti fl-abbozz tal-Protokoll emendat huma prinċipalment ibbażati fuq ir-Regolament tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (UE) Nru 952/2013 u fuq l-Atti ta’ Implimentazzjoni tiegħu r-Regolament (UE) 2015/2447 u l-Atti Delegati (UE) 2015/2446. Dawn it-tibdiliet jallinjaw il-Protokoll emendat mal-aktar leġiżlazzjoni riċenti tal-UE rilevanti għall-miżuri doganali ta’ sigurtà, għad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ (ENS u EXS), għall-iżvilupp u għall-varar tas-sistemi elettroniċi rilevanti, għall-operaturi ekonomiċi awtorizzati (Authorised Economic Operator, AEO), għall-proċess komuni tal-analiżi tar-riskju u għall-qafas tal-ġestjoni tar-riskju f’konformità mal-leġiżlazzjoni l-aktar reċenti relatata mal-protezzjoni tad-data personali.

It-testi legali li ġejjin intużaw bħala l-bażi għall-emendi ewlenin tal-Protokoll:

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni:

·l-Artikolu 46 rigward il-ġestjoni tar-riskju u l-kontrolli doganali;

·l-Artikolu 127 rigward id-dispożizzjonijiet rilevanti għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul: il-forma u l-kontenut, l-użu ta’ sistemi elettroniċi, il-preżentazzjoni u r-rinunzji, il-limiti ta’ żmien, ir-reġistrazzjoni, il-persuni li jippreżentaw, l-analiżi tar-riskju relatata mas-sikurezza u mas-sigurtà, il-preżentazzjoni multipla;

·l-Artikolu 128 rigward l-analiżi tar-riskju;

·l-Artikolu 6(1), l-Artikoli 12, 16, 46, 47, u l-Artikoli 127 sa 133 jistabbilixxu l-bażi ġuridika għall-iżvilupp u għall-varar tal-ICS2;

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni;

ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (kif applikabbli fis-16 ta’ Lulju 2020):

·l-Artikoli 104, 106, 112, 113, 113a rigward id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul;

·l-Anness B dwar ir-rekwiżiti tad-data;

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (kif applikabbli fl-20 ta’ Lulju 2020):

·l-Artikolu 24 rigward il-konformità tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati li jieħu post l-artikolu 2 tal-Anness II eżistenti tal-Ftehim;

·l-Artikoli 182, 183, 184, 185, 186, 188, 189 dwar id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul;

·l-Anness B dwar l-istruttura u l-format tad-data;

L-aħħar emendi għall-Anness B tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 u għall-Anness B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 għad iridu jiġu adottati formalment. Bħala tali, tħalla spazju riżervat fi ħdan l-emenda proposta għal dan il-Ftehim sabiex jiġu aġġornati n-noti f’qiegħ il-paġna ladarba jiġu ppubblikati l-emendi (ara l-Artikolu 2 tal-Anness I tal-Protokoll emendat).

L-emenda tal-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 ġiet adottata mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tal-Kummissjoni Ewropea fit-28 ta’ Settembru 2020. Id-data tal-pubblikazzjoni tal-emenda għadha ma ġietx iddeterminata.

3.4.Emendi strutturali proposti għall-Protokoll

F’termini tal-istruttura tal-Protokoll emendat, kien hemm il-ħtieġa li t-taqsimiet tal-kopertura tad-Dħul (It-Titolu I) u tal-Ħruġ (It-Titolu IV) tal-merkanzija fl-Anness I dwar id-Dikjarazzjonijiet fil-Qosor tad-Dħul u tal-Ħruġ jinqasmu f’żewġ Titoli differenti, prinċipalment minħabba d-dispożizzjonijiet aktar dettaljati dwar id-Dikjarazzjonijiet fil-Qosor ta’ Dħul (ENS) u l-ICS2.

F’konformità mar-raġunament wara din ir-reviżjoni strutturali tal-Anness I, inħolqu żewġ Titoli ġodda sabiex ikopru:

It-Titolu II: l-Arranġamenti Tekniċi għas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2;

It-Titolu III: l-Arranġamenti Finanzjarji għas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2.

3.5.Pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni

L-Artikolu 92 tal-Ftehim jipprevedi li l-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar kwalunkwe punt ta’ rilevanza għall-Ftehim. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkooperaw bona fide bil-ħsieb li jiffaċilitaw, fi tmiem il-proċess, it-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim ŻEE jadotta Deċiżjoni li taqbel mal-emenda tal-Kapitolu IIa u tal-Annessi I u II tal-Protokoll 10. Dan isir permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE matul laqgħa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li fiha l-UE tkun parti rrappreżentata.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tiġi stabbilita b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.

Imbagħad, permezz ta’ ftehim reċiproku, il-Protokoll għandu jiġi implimentat mill-Partijiet Kontraenti.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi għal deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’ isem l-Unjoni f’ sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni 2 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE.

L-att li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, u b’kunsiderazzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jistabbilixxi li “il-pożizzjoni tal-Komunità rigward id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li sempliċiment jestendu l-atti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja għaż-ŻEE, soġġetti għal kwalunkwe aġġustament tekniku meħtieġ, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni.”

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni rigward l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrelata mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE u mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94.

5.Implikazzjonijiet baġitarji

L-emendi proposti relatati mal-emenda tal-Ftehim dwar miżuri doganali ta’ sigurtà huma bbażati fuq il-prinċipju li n-Norveġja se tingħaqad mal-programm ICS2 sa mill-ewwel ħarġa tagħha fil-15 ta’ Marzu 2021. Aktar ħarġiet se jseħħu fl-2023 u fl-2024.

Dan iwassal għal implikazzjonijiet baġitarji għan-Norveġja. Id-disaggregazzjoni tal-kostijiet hija stabbilita fl-artikolu 17 tal-Anness I u ġiet ikkomunikata ulterjorment lin-Norveġja permezz ta’ dokument informali.

In-Norveġja se tikkontribwixxi għal kull ħarġa tal-ICS2, u b’hekk tħallas tariffa fissa għall-kostijiet tal-iżvilupp imġarrba mill-Kummissjoni Ewropea. Għall-Ħarġa nru 1, dawn il-kostijiet jammontaw għal EUR 520 000, għall-Ħarġa nru 2 EUR 550 000 u għall-Ħarġa nru 3 EUR 550 000, u huma bbażati fuq formula ta’ allokazzjoni ta’ 4 %.

In-Norveġja se tikkontribwixxi wkoll għall-kostijiet operazzjonali mġarrba mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tkopri l-kostijiet annwali għall-ittestjar tal-konformità, għall-manutenzjoni tal-infrastruttura (hardware, software, hosting, liċenzji, eċċ.), tal-komponenti ċentrali tal-ICS2 u tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi relatati meħtieġa għall-operat u għall-interkonnessjoni tagħhom (assigurazzjoni tal-kwalità, helpdesk u Ġestjoni tas-Servizz tal-IT). Dawn il-kostijiet operatorji huma bbażati fuq il-formula ta’ allokazzjoni ta’ 4 % iżda mhumiex rata annwali fissa. Għalhekk, il-kostijiet operazzjonali massimi huma limitati għal EUR 450 000 fis-sena.

6.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Protokoll 10 tal-Ftehim ŻEE dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija, huwa xieraq li jiġi ppubblikat fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li jiġi adottat.

2021/0001 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea rigward l-emenda tal-Kapitolu IIa u tal-Annessi I u II tal-Protokoll 10 tal-Ftehim ŻEE dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Protokoll 10 tal-Ftehim ŻEE dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija u dwar miżuri doganali ta’ sigurtà (“il-Protokoll”) ġie emendat miż-ŻEE b’Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt 3 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2009.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jadotta deċiżjoni li temenda l-Kapitolu IIa u l-Annessi għall-Protokoll 10 matul is-sessjoni li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju ta’ ittri,

(3)Fl-applikazzjoni tal-artikolu 9h(3) tal-Protokoll, l-emendi għall-Kapitolu 3 u għall-Annessi I u II tal-Protokoll 10 huma meħtieġa sabiex jitqies l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar kwistjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu u mill-Annessi I u II. Skont l-Artikolu 9(h)3, jekk id-deċiżjoni ma tistax tiġi adottata għal implimentazzjoni simultanja, l-emendi previsti fl-abbozz ta’ deċiżjoni sottomess għall-approvazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għandhom jiġu applikati mill-15 ta’ Marzu 2021, f’konformità mal-proċeduri interni tal-Partijiet Kontraenti. Din l-għażla ta’ data tikkoinċidi mal-ewwel Ħarġa tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2, li n-Norveġja qablet li tipparteċipa fiha.

(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, peress li l-emenda se tkun vinkolanti għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jew permezz ta’ skambju ta’ ittri għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 76/2009 tat-30 ta’ Ġunju 2009 li temenda l-Protokoll 10 dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet fir-rigward tat-trasport tal-oġġetti.
(2)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(3)    Id-Deċiżjoni 76/2009, ĠU L 232, 3.9.2009, p. 40

Brussell, 12.1.2021

COM(2021) 4 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea rigward l-emenda tal-Kapitolu IIa u tal-Annessi I u II tal-Protokoll 10 tal-Ftehim ŻEE dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-ġarr tal-merkanzija
























ANNESS

Nru tad-Dok. 20/00862-1

Każ Nru 20/00862

       DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru […]

ta’ […]

li temenda l-Protokoll 10 tal-Ftehim ŻEE, dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u l-formalitajiet rigward il-garr tal-merkanzija

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità 1 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju 2 ġew issostitwiti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 3 , tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 4 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 5 .

(2)Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-miżuri doganali ta’ sigurtà ġiet emendata, b’mod partikolari permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 6 .

(3)Id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 10 għall-Ftehim ŻEE għandhom jiġu allinjati mal-emendi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi ggarantit livell ekwivalenti ta’ sigurtà.

(4)Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) 7 ġie inkorporat fil-Ftehim permezz tad-Deċiżjoni Nru 154/2018 8 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.

(5)Din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li ma tapplikax għall-Iżlanda u għal-Liechtenstein. Madankollu, soġġetta għal Deċiżjoni ġdida, tista’ tiġi miftuħa għal dawn il-pajjiżi.

(6)Għalhekk, il-Protokoll 10 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll 10 tal-Ftehim għandu jiġi emendat kif speċifikat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

(1)Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi, bil-kondizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE 9*. Għandha tapplika mill-15 ta’ Marzu 2021.

(2)Sakemm isiru n-notifiki msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja għandhom japplikaw din id-Deċiżjoni b’mod proviżorju mill-15 ta’ Marzu 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President

   

   Is-Segretarji

   Lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   

ANNESS

1. L-Artikoli minn 9a sa 9g tal-Kapitolu IIa (MIŻURI DOGANALI TA’ SIGURTÀ) tal-Protokoll 10 tal-Ftehim għandhom jiġu ssostitwiti b’dan li ġej:

KAPITOLU IIa

MIŻURI DOGANALI TA’ SIGURTÀ

Artikolu 9a

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

(a) “riskju” għandu jfisser il-probabbiltà u l-impatt li avveniment iseħħ, b’konnessjoni mad-dħul, mal-ħruġ, mat-tranżitu, mat-trasferiment u mal-użu finali tal-merkanzija mmexxija bejn it-territorju doganali ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti u ta’ pajjiżi terzi u l-preżenza tal-merkanzija li ma tkunx f’ċirkolazzjoni ħielsa, li tikkostitwixxi periklu għas-sigurtà u għas-sikurezza tal-Partijiet Kontraenti, għas-saħħa pubblika, għall-ambjent jew għall-konsumaturi;

(b) “ġestjoni tar-riskji” għandha tfisser id-determinazzjoni sistematika tar-riskji u l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi llimitata l-iskopertura għar-riskju. Dan jinkludi attivitajiet bħall-ġbir ta’ data u ta’ informazzjoni, l-analiżi u l-valutazzjoni tar-riskji, il-preskrizzjoni u t-teħid ta’ azzjoni u monitoraġġ u rieżami regolari tal-proċess u tal-eżiti tiegħu, fuq il-bażi ta’ sorsi u ta’ strateġiji mfissra mill-Partijiet Kontraenti jew fuq livell internazzjonali.

(c) “oġġetti ta’ korrispondenza” għandha tfisser ittri, kartolini, ittri bil-braille u materjal stampat li ma jkunux soġġetti għal dazju tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni;

(d) “kunsinna express” għandha tfisser kunsinna mwettqa minn jew taħt ir-responsabbiltà ta’ servizz integrat ta’ ġbir rapidu/definit skont il-ħin u ż-żmien, ta’ trasport, ta’ żdoganar tal-merkanzija u ta’ twassil ta’ pakketti filwaqt li jkun qed jiġi traċċat u kkontrollat il-post fejn ikunu l-oġġetti tul kemm idum jiġi fornit is-servizz.

(e) “merkanzija f’kunsinna postali” għandha tfisser merkanzija li mhijiex oġġetti ta’ korrispondenza, li tinsab f’pakkett postali u mwassla taħt ir-responsabbiltà ta’ operatur jew minn operatur stabbilit f’Parti Kontraenti u maħtur minnha sabiex jipprovdi s-servizzi internazzjonali regolati bil-Konvenzjoni Postali Universali adottata fl-10 ta’ Lulju 1984 taħt il-patroċinju tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u mwassla f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-Konvenzjoni;

(f) “dikjarazzjoni doganali” għandha tfisser l-att li bih persuna tindika, fil-forma u bil-mod stipulati, xewqa li tqiegħed il-merkanzija taħt proċedura doganali stabbilita, b’indikazzjoni, fejn xierqa, ta’ kwalunkwe arranġament speċifiku li għandu jiġi applikat;

(g) “dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja” tfisser l-att li bih persuna tindika, fil-forma u bil-mod stipulati, li l-merkanzija tinsab f’ħażna temporanja;

Artikolu 9b

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar is-sigurtà u s-sikurezza

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jistabbilixxu u japplikaw il-miżuri doganali ta’ sigurtà mfissra f’dan il-Kapitolu għat-trasport tal-merkanzija li ġejja minn pajjiżi terzi jew sejra lejn pajjiżi terzi,u, b’hekk, jiggarantixxu wkoll livell ta’ sigurtà u ta’ sikurezza fil-fruntieri esterni tagħhom.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli japplikaw il-miżuri doganali ta’ sigurtà mfissra f’dan il-Kapitolu waqt it-trasport tal-merkanzija bejn it-territorji doganali tagħhom.

3. Qabel jikkonkludu kwalunkwe ftehim ma’ pajjiż terz fl-oqsma koperti minn dan il-Kapitolu, il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonsultaw sabiex jiżguraw il-konsistenza ma’ dan il-ftehim, b’mod partikolari jekk il-ftehim propost jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-miżuri doganali ta’ sigurtà stipulati f’dan il-Kapitolu.

Artikolu 9c

Dikjarazzjonijiet qabel id-dħul u l-ħruġ tal-merkanzija

1. Għall-finijiet ta’ sigurtà u ta’ sikurezza, il-merkanzija introdotta fit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti minn pajjiżi terzi għandha tkun koperta minn dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ħlief merkanzija ttrasportata b’mezzi tat-trasport li jkunu biss fi tranżitu fl-ilmijiet territorjali jew fl-ispazju tal-ajru tat-territorju doganali mingħajr waqfa f’dawn it-territorji.

2. Għall-finijiet ta’ sigurtà u ta’ sikurezza, il-merkanzija li tkun ħierġa mit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti u li tkun iddestinata lejn pajjiżi terzi għandha tkun koperta minn dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ ħlief merkanzija ttrasportata b’mezzi tat-trasport li jkunu biss fi tranżitu fl-ilmijiet territorjali jew fl-ispazju tal-ajru tat-territorju doganali mingħajr waqfa f’dawn it-territorji.

3. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ għandha tiġi ppreżentata qabel l-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti jew mal-ħruġ tagħhom minn dawk it-territorji.

4. Meta jkun hemm obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ għall-merkanzija li tidħol jew li toħroġ mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti iżda din id-dikjarazzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata, waħda mill-persuni msemmija fil-paragrafu 5 jew 6 għandha immedjatament tippreżenta tali dikjarazzjoni jew, jekk tkun permessa mill-awtoritajiet doganali, minflok, għandha tippreżenta dikjarazzjoni doganali jew dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja li għandu jkun fiha tal-anqas id-dettalji meħtieġa għal dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ. F’ċirkostanzi bħal dawn, l-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu l-analiżi tar-riskju għal finijiet ta’ sigurtà u ta’ sikurezza fuq dik il-merkanzija abbażi tad-dikjarazzjoni doganali jew tad-dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja.

5. Kull Parti Kontraenti għandha tiddetermina l-persuni responsabbli għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tal-ħruġ kif ukoll tispeċifika l-awtoritajiet kompetenti sabiex jirċevuhom.

6. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tiġi ppreżentata mit-trasportaturi.

Minkejja l-obbligi tat-trasportatur, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tista’ tiġi ppreżentata, minflok, minn waħda mill-persuni li ġejjin:

(a)l-importatur jew id-destinatarju jew persuna oħra li f’isimha jew li għan-nom tagħha jaġixxi t-trasportatur;

(b)kwalunkwe persuna li tkun kapaċi tippreżenta l-merkanzija inkwistjoni jew li tara li tiġi ppreżentata fl-uffiċju doganali tal-ewwel dħul.

F’każijiet speċifiċi, fejn id-dettalji kollha tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul meħtieġa għall-analiżi tar-riskju għal finijiet ta’ sigurtà u ta’ sikurezza ma jkunux jistgħu jinkisbu mill-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu, persuni oħra li jkollhom dawk id-dettalji u d-drittijiet xierqa sabiex jipprovduhom jistgħu jkunu meħtieġa jipprovdu dawk id-dettalji.

Kull persuna li tippreżenta d-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tkun responsabbli għad-dettalji li tkun ippreżentat.

7. B’deroga mill-paragrafu 6, sad-dati tal-varar tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1) tal-Anness I, kull Parti Kontraenti għandha tiddetermina l-persuni li huma meħtieġa jippreżentaw id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, il-mezzi għall-preżentazzjoni tagħha, għall-iskambju ta’ informazzjoni relatata magħha u għat-talba għall-emendar u/jew għall-invalidazzjoni tagħha.

8. L-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti jistgħu jiddefinixxu l-każijiet li fihom dikjarazzjoni doganali jew dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja tista’ tintuża bħala dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew ta’ ħruġ, dment li:

(a)id-dikjarazzjoni doganali jew id-dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja jkun fiha d-dettalji kollha meħtieġa għal dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew ta’ ħruġ, u

(b)id-dikjarazzjoni ta’ sostituzzjoni tiġi ppreżentata qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien fl-uffiċċju doganali kompetenti għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew ta’ ħruġ.

9. L-Anness I jistabbilixxi:

is-sistema elettronika relatata mad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul,

il-forma u d-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew ta’ ħruġ,

l-eċċezzjonijiet mill-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ,

il-post fejn għandha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ,

il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ,

l-arranġamenti tekniċi għas-sistemi elettroniċi użati għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul,

l-arranġament ta’ finanzjament li jikkonċerna r-responsabbiltajiet, l-impenji u l-aspettattivi dwar l-implimentazzjoni u l-operat tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2,

kull dispożizzjoni oħra meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 9d

Operatur ekonomiku awtorizzat

1. Parti Kontraenti għandha tagħti, soġġett għall-kriterji stabbiliti fl-Anness II ta’ dan il-Ftehim, l-istatus ta’ “operatur ekonomiku awtorizzat” għal skopijiet ta’ sigurtà lil kull operatur ekonomiku stabbilit fit-territorju doganali tiegħu.

L-operaturi ekonomiċi awtorizzati għandhom jibbenefikaw minn faċilitazzjonijiet fir-rigward tal-kontrolli doganali fil-qasam tas-sigurtà.

Soġġett għar-regoli u għall-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat mogħti minn parti Kontraenti għandu jkun rikonoxxut mill-parti Kontraenti l-oħra, mingħajr preġudizzju għall-kontrolli doganali, b’mod partikolari minħabba l-implimentazzjoni tal-ftehimiet mal-pajjiżi terzi li jipprevedu mekkaniżmi ta’ rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat.

2. L-Anness II ta’ dan il-Ftehim jistabbilixxi:

ir-regoli relatati mal-għoti tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat, b’mod partikolari l-kriterji għall-għoti ta’ dan l-istatus u l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom,

it-tip ta’ faċilitazzjoni li għandha tingħata,

ir-regoli relatati mas-sospensjoni, mat-tħassir u mar-revoka tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat,

il-modalitajiet dwar l-iskambju bejn il-Partijiet Kontraenti ta’ informazzjoni dwar l-operaturi ekonomiċi awtorizzati tagħhom,

kull dispożizzjoni oħra meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 9e

Kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza u ġestjoni tar-riskji relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza

1. Kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza għajr kontrolli aleatorji, għandhom ikunu bbażati primarjament fuq l-analiżi tar-riskju billi jintużaw tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data, bl-għan li jiġu identifikati u evalwati r-riskji u jiġu żviluppati l-kontromiżuri meħtieġa, abbażi tal-kriterji żviluppati mill-Partijiet Kontraenti.

2. Il-kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza għandhom jitwettqu fi ħdan qafas komuni ta’ ġestjoni tar-riskju, ibbażat fuq l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riskji u r-riżultati tal-analiżi tar-riskju bejn l-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti. L-awtorità doganali tan-Norveġja, permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-Kumitat tal-Kodiċi Doganali msemmi fl-Artikolu 9.h.4 tal-Kapitolu 2.a, għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ kriterji u ta’ standards komuni tar-riskju, ta’ miżuri ta’ kontroll u ta’ żoni ta’ kontroll prijoritarju fir-rigward tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ. Il-kontrolli bbażati fuq tali informazzjoni u kriterji għandhom jitwettqu mingħajr preġudizzju għal kontrolli doganali oħra.

3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jużaw Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskju Komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni relatata mar-riskju, ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ kriterji u ta’ standards tar-riskju komuni, ta’ żoni ta’ kontroll prijoritarju komuni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet doganali, u ta’ riżultati tal-analiżi tar-riskju u ta’ riżultati tal-kontrolli.

4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrikonoxxu l-ekwivalenza tas-sistemi tagħhom ta’ ġestjoni tar-riskji relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza.

5. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jadotta kwalunkwe miżura oħra meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 9f

Sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-miżuri doganali ta’ sigurtà

1. Il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina kif il-Partijiet Kontraenti bi ħsiebhom jiżguraw il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu u jivverifikaw il-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll ma’ dawk tal-Annessi ta’ dan il-Ftehim.

2. Il-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jsir permezz ta’:

valutazzjonijiet perjodiċi tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, b’mod partikolari tal-ekwivalenza tal-miżuri doganali ta’ sigurtà,

rieżami maħsub għat-titjib tal-applikazzjoni jew għall-emendar tad-dispożizzjonijiet sabiex l-objettivi tagħha jintlaħqu b’mod aħjar,

l-organizzazzjoni ta’ laqgħat tematiċi bejn esperti taż-żewġ Partijiet Kontraenti u ta’ awditi tal-proċeduri amministrattivi, anke permezz ta’ żjarat fil-post.

3. Il-Kumitat Konġunt għandu jiżgura li l-miżuri meħuda għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu huma konformi mad-drittijiet tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

Artikolu 9g

Protezzjoni tas-sigriet professjonali u tad-data personali

L-informazzjoni skambjata mill-Partijiet Kontraenti fil-qafas tal-miżuri stabbiliti f’dan il-Kapitolu għandha tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija lis-sigriet professjonali u lid-data personali kif imfissra mil-liġijiet rilevanti applikabbli fit-territorju tal-Parti Kontraenti riċevitriċi.

B’mod partikolari, din l-informazzjoni ma tistax tiġi ttrasferita ulterjorment lil persuni oħrajn ħlief lill-awtoritajiet kompetenti fil-Parti Kontraenti riċevitriċi, u lanqas ma tista’ tintuża minn dawk l-awtoritajiet għal skopijiet oħra minbarra dawk previsti minn dan il-Ftehim.

2. L-ANNESS I tal-Protokoll 10 tal-Ftehim għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

ANNESS I

DIKJARAZZJONIJIET FIL-QOSOR TAD-DĦUL U TAL-ĦRUĠ

Titolu I

Dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

Artikolu 1

Sistema Elettronika relatata mad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

1. Is-Sistema elettronika ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2) għandha tintuża għal dawn:

(a)is-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u ta’ informazzjoni oħra relatata ma’ dawk id-dikjarazzjonijiet, b’rabta mal-analiżi tar-riskju għall-finijiet ta’ sigurtà u ta’ sikurezza doganali, inkluż l-appoġġ għas-sigurtà tal-avjazzjoni, u b’rabta mal-miżuri li jridu jittieħdu fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dik l-analiżi;

(b)l-iskambju ta’ informazzjoni dwar id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul u r-riżultati tal-analiżi tar-riskju tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul, dwar informazzjoni oħra meħtieġa sabiex issir dik l-analiżi tar-riskju, u dwar miżuri meħuda fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju, inklużi rakkomandazzjonijiet dwar il-postijiet ta’ kontroll u r-riżultati ta’ dawk il-kontrolli;

(c)l-iskambju ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kriterji u tal-istandards komuni dwar is-sigurtà u s-sikurezza u tal-miżuri ta’ kontroll u taż-żoni ta’ kontroll prijoritarju.

2. Id-dati tal-iżvilupp u tal-ħruġ tal-varar sekwenzjali tas-sistema elettronika msemmija f’dan l-Anness huma d-dati stabbiliti fil-proġett tal-KDU tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2) fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 10 .

Il-Partijiet Kontraenti huma mistennija jkunu lesti fl-istess żmien għal kull ħarġa fil-bidu tal-perjodu tal-varar. Fejn jitqies li jkun xieraq, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jippermettu lill-operaturi ekonomiċi jikkollegaw gradwalment mas-sistema sat-tmiem tal-perjodu tal-varar previst għal kull ħarġa. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jippubblikaw l-iskadenzi u l-istruzzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi fuq is-sit web tagħhom.

3. L-operaturi ekonomiċi għandhom jużaw interfaċċa armonizzata tan-negozjanti, imfassla mill-Partijiet Kontraenti bi qbil ma’ xulxin, għas-sottomissjonijiet, għat-talbiet għal emendar, għat-talbiet għal invalidazzjoni, għall-ipproċessar u għall-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u għall-iskambju ta’ informazzjoni relatata mal-awtoritajiet doganali.

4. L-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti jistgħu jippermettu li sistemi ta’ informazzjoni kummerċjali, portwali jew dwar it-trasport jintużaw għall-preżentazzjoni tad-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, dment li tali sistemi jkun fihom id-dettalji meħtieġa u dawk id-dettalji jkunu disponibbli sal-limiti ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 7.

Artikolu 2

Forma u kontenut tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

1. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, u n-notifika tal-wasla ta’ bastiment li jbaħħar jew ta’ inġenju tal-ajru għandu jkun fihom id-dettalji stabbiliti fil-kolonni li ġejjin tal-Anness B tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 11 :

(a)F10 sa F16;

(b)F20 sa F33;

(c)F40 sa F45;

(d)F50 u F51;

(e)G2.

Id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandhom jikkonformaw mal-formati, mal-kodiċijiet u mal-kardinalitajiet rispettivi stabbiliti fl-Anness B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 12 u għandhom jimtlew f’konformità man-noti f’dawk l-Annessi.

2. Id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jistgħu jiġu pprovduti permezz tas-sottomissjoni ta’ aktar minn sett wieħed ta’ data minn persuni differenti.

3. Is-sistema elettronika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintuża għall-preżentazzjoni ta’ talba sabiex tiġi emendata jew invalidata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tad-dettalji inklużi fiha.

Meta persuni differenti jitolbu li jiġu emendati jew invalidati d-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, kull waħda minn dawk il-persuni għandha tkun permessa biss li titlob li jiġu emendati jew invalidati d-dettalji li hija tkun issottomettiet.

4. L-awtoritajiet doganali tal-Parti Kontraenti, li tkun irreġistrat id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-persuna li tkun ippreżentat it-talba għall-emendar jew għall-invalidazzjoni bid-deċiżjoni tagħhom li jirreġistrawha jew jirrifjutawha.

Meta l-emendi jew l-invalidazzjoni tad-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jiġu ppreżentati minn persuna differenti mit-trasportatur, l-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw ukoll lit-trasportatur, dment li t-trasportatur ikun talab li jiġi nnotifikat u jkollu aċċess għas-sistema elettronika msemmija fil-paragrafu 1.

5. F’konformità mal-Artikolu 9c(8) tal-Ftehim, sad-data tal-varar tal-ħarġa nru 3 tas-sistema msemmija fl-Artikolu 1(1), il-Partijiet Kontraenti jistgħu jwettqu l-analiżi tar-riskju relatata mas-sigurtà u mas-sikurezza fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tat-tranżitu ppreżentata fis-Sistema ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS) f’konformità mal-Konvenzjoni dwar Proċedura Komuni ta’ Tranżitu 13 , inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mal-analiżi tar-riskju bejn il-Partijiet Kontraenti involuti, għall-merkanzija ttrasportata bil-baħar, b’passaġġi fuq l-ilma interni, bit-triq u bil-ferrovija. L-NCTS hija s-sistema elettronika li tippermetti l-komunikazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti, u bejn il-Partijiet Kontraenti u l-operaturi ekonomiċi għall-finijiet tas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni doganali għat-tranżitu, inklużi d-dettalji kollha meħtieġa għal dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ u n-notifiki relatati ma’ dik il-merkanzija.

Qabel il-varar tal-ħarġa nru 3 tas-sistema msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dan l-Anness, il-Partijiet Kontraenti għandhom jivvalutaw jekk, wara dik id-data, l-awtoritajiet doganali jistgħux ikomplu jwettqu l-analiżi tar-riskju fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tat-tranżitu li jkun fiha d-dettalji ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ippreżentata fl-NCTS 14 u għandhom jimmodifikaw dan il-ftehim jekk ikun meħtieġ.

Artikolu 3

Rinunzja mill-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

1. dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ma għandhiex tkun meħtieġa għall-merkanzija li ġejja:

(a)enerġija elettrika;

(b)merkanzija li tidħol b’pipeline;

(c)oġġetti ta’ korrispondenza;

(d)merkanzija f’kunsinni postali, kif ġej:

(1)meta l-kunsinni postali jiġu ttrasportati bl-ajru u jkollhom Parti Kontraenti bħala destinazzjoni finali, sad-data stabbilita għall-varar tal-ħarġa nru 1 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(2)meta l-kunsinni postali jiġu ttrasportati bl-ajru u jkollhom pajjiż terz jew territorju terz bħala destinazzjoni finali, sad-data stabbilita għall-varar tal-ħarġa nru 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(3)meta l-kunsinni postali jiġu ttrasportati bil-baħar, f’ilmijiet interni, bit-triq jew bil-ferrovija, sad-data stabbilita għall-varar tal-ħarġa nru 3 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1).

(e)merkanzija li għaliha tkun permessa dikjarazzjoni doganali orali jew qsim sempliċi tal-fruntiera skont ir-regoli stabbiliti mill-Partijiet Kontraenti, dment li ma tinġarrx taħt kuntratt ta’ trasport;

(f)merkanzija li tinsab fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi;

(g)merkanzija koperta mill-Carnets ATA jew CPD dment li ma tinġarrx skont kuntratt ta’ trasport;

(h)merkanzija intitolata għal eżenzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tat-18 ta’ April 1961 dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-24 ta’ April 1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari, konvenzjonijiet konsulari oħra jew il-Konvenzjoni ta’ New York tas-16 ta’ Diċembru 1969 dwar il-Missjonijiet Speċjali;

(i)armi u tagħmir militari mdaħħla fit-territorju doganali ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti mill-awtoritajiet inkarigati mid-difiża militari tat-territorju, fi trasport militari jew fi trasport operat għall-użu mill-awtoritajiet militari biss;

(j)il-merkanzija li ġejja mdaħħla fit-territorju doganali ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti direttament minn installazzjonijiet offshore mħaddma minn persuna stabbilita fit-territorju doganali ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti:

(1)merkanzija li kienet inkorporata f’dawk l-installazzjonijiet offshore għall-finijiet tal-kostruzzjoni, tat-tiswija, tal-manutenzjoni jew tal-konverżjoni tagħha;

(2)merkanzija li ntużat għall-immuntar jew għat-tagħmir ta’ installazzjonijiet offshore;

(3)provvisti użati jew ikkonsmati fuq it-tali installazzjonijiet offshore;

(4)skart mhux perikoluż mit-tali installazzjonijiet offshore;

(k)merkanzija f’kunsinni li l-valur intrinsiku tagħha ma jaqbiżx it-EUR 22, bil-kondizzjoni li l-awtoritajiet doganali jaċċettaw, bil-qbil tal-operatur ekonomiku, li jwettqu analiżi tar-riskju billi jużaw l-informazzjoni li tinsab fis-sistema użata mill-operatur ekonomiku, jew li tkun ipprovduta minnu, kif ġej:

(1)meta l-merkanzija tkun f’kunsinni express, ittrasportata bl-ajru, sad-data stabbilita għall-varar tal-ħarġa nru 1 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(2)meta l-merkanzija tiġi ttrasportata bl-ajru f’kunsinni postali jew express, sad-data stabbilita għall-varar tal-ħarġa nru 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(3)meta l-merkanzija tiġi ttrasportata bil-baħar, f’passaġġi fuq l-ilma interni, bit-triq jew bil-ferrovija, sad-data stabbilita għall-varar tal-ħarġa nru 3 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1).

(l)merkanzija ttrasportata koperta bil-formola 302 tan-NATO prevista fil-Konvenzjoni bejn il-Partijiet għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana rigward l-Istatus tal-Forzi tagħhom, iffirmata f’Londra fid-19 ta’ Ġunju 1951, jew koperta bil-formola 302 tal-UE prevista fl-Artikolu 1(51) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446.

(m)merkanzija miġjuba għal waħda mill-Partijiet Kontraenti minn Ceuta u Melilla, minn Heligoland, mir-Repubblika ta’ San Marino, mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan, mill-muniċipalità ta’ Livigno u mill-esklavi doganali Żvizzeri ta’ Samnaun u ta’ Sampuoir;

(n)il-merkanzija li ġejja abbord bastimenti u inġenji tal-ajru:

(1)merkanzija li ġiet ipprovduta sabiex tiġi inkorporata bħala partijiet jew aċċessorji f’dawk il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru;

(2)merkanzija għat-tħaddim ta’ magni, ta’ makkinarji u ta’ tagħmir ieħor ta’ dawk il-bastimenti jew l-inġenji tal-ajru;

(3)oġġetti tal-ikel jew oġġetti oħra li jiġu kkunsmati jew jinbiegħu abbord;

(o)prodotti tas-sajd u prodotti oħra meħuda mill-baħar barra mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti mill-bastimenti tas-sajd tagħhom;

(p)bastimenti, u l-merkanzija li tinġarr fuqhom, li jidħlu fl-ibħra territorjali ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti bl-uniku skop li jgħabbu provvisti mingħajr ma jagħmlu ebda konnessjoni mal-faċilitajiet portwarji;

(q)affarijiet tad-dar kif definiti fil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet Kontraenti rispettivi dment li ma jinġarrux taħt kuntratt ta’ trasport.

2. Dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ma għandhiex tkun meħtieġa fil-każ previst fi ftehim internazzjonali konkluż bejn Parti Kontraenti u pajjiż terz dwar il-qasam tas-sigurtà, soġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikolu 9b(3) ta’ dan il-Ftehim.

3. Dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ma għandhiex tkun meħtieġa f’każijiet li fihom il-merkanzija temporanjament titlaq mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti matul it-trasport bil-baħar jew bl-ajru bejn żewġ punti ta’ dawk it-territorji doganali u mingħajr ma tkun waqfet f’pajjiż terz.

Artikolu 4

Post għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

1. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali li jkun kompetenti għas-superviżjoni doganali fil-post fit-territorju doganali ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti meta l-mezz tat-trasport li jġorr il-merkanzija jasal jew, fejn applikabbli, ikun iddestinat li jasal, minn pajjiż terz jew minn territorju terz minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

2. Meta d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tiġi ppreżentata permezz tas-sottomissjoni ta’ aktar minn sett wieħed ta’ data, jew billi jiġi sottomess is-sett ta’ data minimu, il-persuna li tissottometti s-sett ta’ data parzjali jew minimu għandha tagħmel dan lill-uffiċċju doganali li, skont l-għarfien tagħha, jenħtieġ li jkun l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul. Jekk dik il-persuna ma tkunx taf il-post fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti li fih il-mezz tat-trasport li jkun qed iġorr il-merkanzija jkun mistenni li jasal l-ewwel, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul jista’ jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-post li fih tiġi kkonsenjata l-merkanzija.

3. L-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti jistgħu jippermettu li d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tiġi ppreżentata f’uffiċċju doganali ieħor, dment li dan tal-aħħar jikkomunika jew jagħmel disponibbli elettronikament b’mod immedjat id-dettalji meħtieġa lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

Artikolu 5

Reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

1. L-awtoritajiet doganali għandhom jirreġistraw kull sottomissjoni ta’ dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul mar-riċevuta tagħha u għandhom jinnotifikaw minnufih lid-dikjarant jew lir-rappreżentant tiegħu bir-reġistrazzjoni tagħha u għandhom jikkomunikaw Numru ta’ Referenza tal-Moviment tas-sottomissjoni u d-data tar-reġistrazzjoni lil dik il-persuna.

2. Mid-data tal-varar tal-ħarġa nru 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), l-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw minnufih lit-trasportatur bir-reġistrazzjoni, dment li t-trasportatur ikun talab li jiġi nnotifikat u jkollu aċċess għal dik is-sistema elettronika, meta d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tiġi ppreżentata minn persuna li ma tkunx it-trasportatur.

Artikolu 6

Preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

Meta ma tkun tapplika l-ebda rinunzja mill-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul fl-Artikolu 10 tal-Ftehim u fl-Artikolu 3, id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandhom jiġu pprovduti kif ġej:

(a)għall-merkanzija ttrasportata bl-ajru,

(1)it-trasportaturi express għandhom jippreżentaw, għall-kunsinni kollha, is-sett ta’ data minimu mid-data tal-varar tal-ħarġa nru 1 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(2)għall-kunsinni kollha li jkollhom Parti Kontraenti bħala d-destinazzjoni finali, l-operaturi postali għandhom jippreżentaw is-sett ta’ data minimu mid-data tal-varar tal-ħarġa nru 1 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(3)bis-sottomissjoni ta’ sett wieħed jew aktar ta’ data permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), mid-data tal-varar tal-ħarġa nru 2 ta’ dik is-sistema;

(b)għall-merkanzija ttrasportata bil-baħar, fuq passaġġi tal-ilma interni, bit-triq u bil-ferrovija, bis-sottomissjoni ta’ sett wieħed jew aktar ta’ data permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), mid-data tal-varar tal-ħarġa nru 3 ta’ dik is-sistema.

Artikolu 7

Limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

1. Meta l-merkanzija tiddaħħal fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti bil-baħar, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tiġi ppreżentata sal-limiti ta’ żmien li ġejjin:

(a)għal merkanzija f’kontejners, għajr meta jkun japplika l-punt (c) jew il-punt (d), mhux aktar tard minn 24 siegħa qabel ma l-merkanzija titgħabba fuq il-bastiment li fuqu tiddaħħal fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(b)għal merkanzija bl-ingrossa jew għal merkanzija li titgħabba individwalment, għajr meta jkun japplika l-punt (c) jew (d), mhux aktar tard minn erba’ sigħat qabel il-wasla tal-bastiment fl-ewwel port ta’ dħul fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(c)mhux aktar tard minn sagħtejn qabel il-wasla tal-bastiment fl-ewwel port tad-dħul fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti fil-każ ta’ merkanzija li tiġi minn kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(1)Greenland;

(2)il-Gżejjer Faeroe;

(3)l-Iżlanda;

(4)il-portijiet fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar tat-Tramuntana, fil-Baħar l-Iswed u fil-Baħar Mediterran;

(5)il-portijiet kollha tal-Marokk;

(d)għal moviment, ħlief meta jkun japplika l-punt (c), bejn territorju barra mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti u tad-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, tal-gżejjer Azores, Madeira jew Kanarji, meta d-durata tal-vjaġġ tkun ta’ anqas minn 24 siegħa, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel il-wasla fl-ewwel port tad-dħul fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti.

2. Meta l-merkanzija tiddaħħal fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti bl-ajru, id-dettalji sħaħ tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandhom jiġu ppreżentati mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ fi ħdan il-limiti ta’ żmien li ġejjin:

(a)għal titjiriet b’durata ta’ anqas minn erba’ sigħat, mhux aktar tard mill-ħin tat-tluq attwali tal-inġenju tal-ajru;

(b)għal titjiriet oħra, mhux aktar tard minn erba’ sigħat qabel il-wasla tal-inġenju tal-ajru fl-ewwel ajruport tat-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti.

3. Mid-data tal-varar tal-ħarġa nru 1 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), l-operaturi postali u t-trasportaturi express għandhom jippreżentaw tal-anqas is-sett ta’ data minimu tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul mill-aktar fis u mhux aktar tard minn qabel ma l-merkanzija titgħabba fuq l-inġenju tal-ajru li fuqu tkun se tiddaħħal fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti.

4. Mid-data tal-varar tal-ħarġa nru 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), l-operaturi ekonomiċi għajr l-operaturi postali u t-trasportaturi express għandhom jippreżentaw tal-anqas is-sett ta’ data minimu tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul mill-aktar fis u mhux aktar tard minn qabel ma l-merkanzija titgħabba fuq l-inġenju tal-ajru li fuqu tkun se tiddaħħal fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti.

5. Mid-data tal-varar tal-ħarġa nru 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta s-sett ta’ data minimu tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul biss ikun ġie pprovdut sal-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafi 3 u 4, id-dettalji l-oħrajn għandhom jiġu pprovduti sal-limiti ta’ żmien speċifikati fil-paragrafu 2.

6. Sad-data tal-varar tal-ħarġa nru 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), is-sett ta’ data minimu tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ippreżentata f’konformità mal-paragrafu 3 għandu jitqies bħala d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul sħiħa għall-merkanzija f’kunsinni postali li jkollhom Parti Kontraenti bħala d-destinazzjoni finali u għall-merkanzija f’kunsinni express b’valur intrinsiku li ma jaqbiżx it-EUR 22.

7. Meta l-merkanzija tiddaħħal fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti bil-ferrovija, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tiġi ppreżentata fi ħdan il-limiti ta’ żmien li ġejjin:

(a)meta l-vjaġġ bil-ferrovija mill-aħħar stazzjon tal-formazzjoni tal-ferrovija li tinsab f’pajjiż terz sal-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul jieħu anqas minn sagħtejn, mhux aktar tard minn siegħa qabel il-wasla tal-merkanzija fil-post li għalih huwa kompetenti dak l-uffiċċju doganali;

(b)fil-każijiet kollha l-oħrajn, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel il-wasla tal-merkanzija fil-post li għalih huwa kompetenti l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

8. Meta l-merkanzija tiddaħħal fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti bit-triq, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn siegħa qabel il-wasla tal-merkanzija fuq il-post li għalih huwa kompetenti l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

9. Meta l-merkanzija tiddaħħal fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti b’passaġġi fuq l-ilma interni, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn sagħtejn qabel il-wasla tal-merkanzija fuq il-post li għalih huwa kompetenti l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

10. Meta l-merkanzija tiddaħħal fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti permezz ta’ mezz tat-trasport li huwa stess jiġi ttrasportat fuq mezz tat-trasport attiv, il-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandu jkun il-limitu ta’ żmien applikabbli għall-mezz tat-trasport attiv.

11. Il-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafi 1 sa 10 ma għandhomx japplikaw fil-każ ta’ force majeure.

12. Soġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 9b(3) tal-Protokoll, il-limiti ta’ żmien imsemmijin fil-paragrafi minn 1 sa 10 ma għandhomx japplikaw meta jiġi previst mod ieħor fil-ftehimiet internazzjonali dwar is-sigurtà bejn il-Partijiet Kontraenti u l-pajjiżi terzi.

Artikolu 8

Analiżi tar-riskju relatat mas-sigurtà u mas-sikurezza u kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza b’rabta mad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul

1. Qabel il-wasla tal-merkanzija fl-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul, għandha titwettaq analiżi tar-riskju, dment li d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tkun ġiet ippreżentata fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 7, sakemm ma jiġix identifikat riskju jew sakemm ma jkunx hemm bżonn li ssir analiżi tar-riskju addizzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, l-ewwel analiżi tar-riskju dwar il-merkanzija li tkun se tiddaħħal fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti bl-ajru għandha ssir mill-aktar fis malli jasal is-sett ta’ data minimu tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul imsemmija fl-Artikolu 7(3) u (4).

2. L-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jlesti l-analiżi tar-riskju għall-finijiet ta’ sigurtà u ta’ sikurezza wara l-iskambju ta’ informazzjoni li ġej permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 1(1):

(a)immedjatament wara r-reġistrazzjoni, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jagħmel id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul disponibbli għall-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti indikati f’dawk id-dettalji u għall-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti li jkunu rreġistraw, fis-sistema elettronika, informazzjoni relatata mar-riskji għas-sigurtà u għas-sikurezza li tkun taqbel mad-dettalji ta’ dik id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul;

(b)fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 7, l-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti msemmija fil-punt (a) għandhom iwettqu analiżi tar-riskju għal finijiet ta’ sigurtà u ta’ sikurezza u, jekk jidentifikaw riskju, għandhom jagħmlu r-riżultati disponibbli għall-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul;

(c)l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jqis l-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-analiżi tar-riskju pprovduti mill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti msemmija fil-punt (a) sabiex ilesti l-analiżi tar-riskju;

(d)l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jagħmel ir-riżultati tal-analiżi tar-riskju kompluta disponibbli għall-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti li jkunu kkontribwew għall-analiżi tar-riskju u għal dawk li jkunu potenzjalment ikkonċernati mill-moviment tal-merkanzija;

(e)l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jinnotifika t-tlestija tal-analiżi tar-riskju lill-persuni li ġejjin, dment li dawn ikunu talbu li jiġu nnotifikati u jkollhom aċċess għas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1):

id-dikjarant jew ir-rappreżentant tiegħu;

it-trasportatur, jekk ikun differenti mid-dikjarant u mir-rappreżentant tiegħu.

3. Meta l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul ikun jirrikjedi aktar informazzjoni dwar id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għat-tlestija tal-analiżi tar-riskju, dik l-analiżi għandha titlesta wara li tkun ingħatat dik l-informazzjoni.

Għal dawk il-finijiet, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jitlob dik l-informazzjoni mill-persuna li tkun ippreżentat id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew, fejn ikun applikabbli, mill-persuna li tkun issottomettiet id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul. Meta dik il-persuna tkun differenti mit-trasportatur, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jinforma lit-trasportatur, dment li t-trasportatur ikun talab li jiġi nnotifikat u jkollu aċċess għas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1).

4. Meta l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul ikollu motivi raġonevoli sabiex jissuspetta li l-merkanzija miġjuba bl-ajru tista’ tkun ta’ theddida serja għas-sigurtà tal-avjazzjoni, għandu jitlob li l-kunsinna, qabel ma titgħabba fuq inġenju tal-ajru li jkun sejjer lejn it-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti, tiġi skrinjata bħala Merkanzija u Posta b’Riskju Għoli f’konformità mal-Artikolu 66h u 66hf tal-punt VI tal-Parti I tal-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

L-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jinnotifika lill-persuni li ġejjin, dment li dawn ikollhom aċċess għas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1):

(a)id-dikjarant jew ir-rappreżentant tiegħu;

(b)it-trasportatur, jekk ikun differenti mid-dikjarant u mir-rappreżentant tiegħu.

Wara dik in-notifika, il-persuna li tkun ippreżentat id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, jew fejn ikun applikabbli, il-persuna li tkun issottomettiet id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tipprovdi lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul bir-riżultati ta’ dak l-iskrinjar u bl-informazzjoni rilevanti relatata l-oħra kollha. L-analiżi tar-riskju għandha titlesta biss wara li tingħata dik l-informazzjoni.

5. Meta l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul ikollu motivi raġonevoli sabiex iqis li l-merkanzija miġjuba bl-ajru jew merkanzija f’kontejners li tinġarr bil-baħar, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)(a), tkun ta’ theddida tant serja għas-sigurtà u għas-sikurezza li tkun meħtieġa azzjoni immedjata, dan għandu jagħti struzzjonijiet sabiex il-merkanzija ma titgħabbiex fuq il-mezz tat-trasport rilevanti.

L-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jinnotifika lill-persuni li ġejjin, dment li dawn ikollhom aċċess għas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1):

(a)id-dikjarant jew ir-rappreżentant tiegħu;

(b)it-trasportatur, jekk ikun differenti mid-dikjarant u mir-rappreżentant tiegħu.

Dik in-notifika għandha ssir immedjatament wara d-determinazzjoni tar-riskju rilevanti u, fil-każ ta’ merkanzija f’kontejners li tinġarr bil-baħar kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)(a), mhux aktar tard minn 24 siegħa mill-wasla tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew, fejn applikabbli, tad-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul mit-trasportatur.

L-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jinforma wkoll immedjatament lill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti dwar dik in-notifika u jagħmel disponibbli għalihom id-dettalji rilevanti tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul.

6. Meta kunsinna tkun ġiet identifikata bħala li toħloq theddida ta’ tali natura li tkun meħtieġa azzjoni immedjata mal-wasla tal-mezz tat-trasport, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jieħu dik l-azzjoni mal-wasla tal-merkanzija.

7. Wara li titlesta l-analiżi tar-riskju, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul jista’ jirrakkomanda, permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), l-aktar post u miżuri xierqa sabiex jitwettaq kontroll.

L-uffiċċju doganali kompetenti għall-post li jkun ġie rrakkomandat bħala l-aktar xieraq għall-kontroll għandu jiddeċiedi dwar il-kontroll u, permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), għandu jagħmel ir-riżultati ta’ dik id-deċiżjoni disponibbli għall-uffiċċji doganali kollha tal-Partijiet Kontraenti potenzjalment ikkonċernati mill-moviment tal-merkanzija, sa mhux aktar tard mill-mument tal-preżentazzjoni tal-merkanzija fl-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

8. L-uffiċċji doganali għandhom jagħmlu r-riżultati tal-kontrolli doganali tagħhom relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza disponibbli għal awtoritajiet doganali oħra tal-Partijiet Kontraenti permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 1(1) meta:

(a)ir-riskji jiġu vvalutati minn awtorità doganali bħala li jkunu sinifikanti u li jeħtieġu kontroll doganali u r-riżultati tal-kontroll jistabbilixxu li jkun seħħ l-avveniment li jkun wassal għar-riskji; jew

(b)ir-riżultati tal-kontroll ma jistabbilixxux li l-avveniment li jikkawża r-riskji jkun seħħ, iżda l-awtorità doganali konċernata tqis li t-theddida tippreżenta riskju għoli xi mkien ieħor fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti; jew

(c)dan ikun meħtieġ għal applikazzjoni uniformi tar-regoli f’dan il-ftehim.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar ir-riskji msemmija fil-punti a) u b) fis-sistema msemmija fl-Artikolu 9e(3) tal-Ftehim.

9. Meta l-merkanzija li għaliha l-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ikun irrinunzjat f’konformità mal-Artikolu 3(1)(c) sa (f), (h) sa (m), (o) u (q) tiddaħħal fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti, l-analiżi tar-riskju għandha ssir mal-preżentazzjoni tal-merkanzija.

10. Merkanzija ppreżentata lid-dwana tista’ tiġi rrilaxxata malli ssir l-analiżi tar-riskju u meta r-riżultati tal-analiżi tar-riskju u, fejn meħtieġa, il-miżuri meħuda, jippermettu dan ir-rilaxx.

11. Analiżi tar-riskju għandha ssir ukoll jekk id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jiġu emendati f’konformità mal-Artikolu 2(3) u (4). F’dak il-każ, mingħajr preġudizzju għal-limitu ta’ żmien stipulat fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għal merkanzija f’kontejners li tinġarr bil-baħar, l-analiżi tar-riskju għandha titlesta immedjatament malli jaslu d-dettalji sakemm ma jkunx identifikat riskju jew ikun meħtieġ li titwettaq analiżi tar-riskju addizzjonali.

Artikolu 9

Forniment tad-dettalji ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul minn persuni oħra

1. Mid-data stabbilita għall-varar tal-ħarġa nru 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta għall-istess merkanzija ttrasportata bl-ajru, persuna waħda jew aktar minbarra t-trasportatur ikunu kkonkludew kuntratt wieħed jew aktar ta’ trasport koperti minn polza waħda jew aktar tal-vjeġġ bl-ajru, ikunu japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)il-persuna li toħroġ polza tal-vjeġġ bl-ajru għandha tinforma lill-persuna li kkonkludiet kuntratt ta’ trasport magħha bil-ħruġ ta’ dik il-polza tal-vjeġġ bl-ajru;

(b)fil-każ ta’ arranġament ta’ kotagħbija tal-merkanzija, il-persuna li toħroġ il-polza tal-vjeġġ bl-ajru għandha tinforma lill-persuna li magħha tkun daħlet f’dak l-arranġament dwar il-ħruġ ta’ dik il-polza tal-vjeġġ bl-ajru;

(c)it-trasportatur u kwalunkwe persuna li toħroġ polza tal-vjeġġ bl-ajru għandhom jipprovdu, fid-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-identità ta’ kwalunkwe persuna li ma tkunx għamlet disponibbli għalihom id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul;

(d)jekk il-persuna li toħroġ il-polza tal-vjeġġ bl-ajru ma tagħmilx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul disponibbli għas-sieħeb kuntrattwali tagħha li joħroġilha polza tal-vjeġġ bl-ajru, jew lis-sieħeb kuntrattwali tagħha li miegħu tkun ikkonkludiet arranġament ta’ kotagħbija tal-merkanzija, il-persuna li ma tagħmilx disponibbli d-dettalji meħtieġa għandha tipprovdi dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

2. Mid-data stabbilita għall-varar tal-ħarġa nru 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta l-operatur postali ma jagħmilx disponibbli d-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tal-kunsinni postali lit-trasportatur li jkun obbligat jippreżenta l-bqija tad-dettalji tad-dikjarazzjoni permezz ta’ dik is-sistema, ikunu japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)l-operatur postali tad-destinazzjoni, jekk il-merkanzija titwassal lill-Partijiet Kontraenti, jew lill-operatur postali tal-Partijiet Kontraenti tal-ewwel dħul, jekk il-merkanzija tkun qed tgħaddi mill-Partijiet Kontraenti, għandu jipprovdi dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul; u

(b)it-trasportatur għandu jipprovdi, fid-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-identità tal-operatur postali li ma jagħmilx disponibbli għalih id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul.

3. Mid-data stabbilita għall-varar tal-ħarġa nru 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta t-trasportatur express ma jagħmilx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ta’ kunsinni express ittrasportati bl-ajru disponibbli għat-trasportatur, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)it-trasportatur express għandu jipprovdi dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul; u

(b)it-trasportatur għandu jipprovdi, fid-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-identità tat-trasportatur express li ma jagħmilx disponibbli għalih id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul.

4. Mid-data stabbilita għall-varar tal-ħarġa nru 3 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta, fil-każ ta’ trasport bil-baħar jew b’passaġġi fuq l-ilma interni, għall-istess merkanzija, ikun ġie konkluż kuntratt ta’ trasport addizzjonali wieħed jew aktar, kopert/i minn polza ta’ kargu waħda jew aktar minn persuna waħda jew aktar minbarra t-trasportatur, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)il-persuna li toħroġ il-polza ta’ kargu għandha tinforma lill-persuna li kkonkludiet kuntratt ta’ trasport magħha dwar il-ħruġ ta’ dik il-polza ta’ kargu;

(b)fil-każ ta’ arranġament ta’ kotagħbija ta’ merkanzija, il-persuna li toħroġ il-polza ta’ kargu għandha tinforma lill-persuna li magħha tkun ikkonkludiet dak l-arranġament dwar il-ħruġ ta’ dik il-polza ta’ kargu;

(c)it-trasportatur u kwalunkwe persuna li toħroġ polza ta’ kargu għandhom jipprovdu, fid-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-identità ta’ kwalunkwe persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ trasport magħhom u li ma pprovditilhomx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul;

(d)il-persuna li toħroġ il-polza ta’ kargu għandha tipprovdi, fid-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-identità tad-destinatarju indikat fil-polza ta’ kargu bħala li ma jkollux poloz ta’ kargu sottostanti li ma jkunux għamlu d-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul disponibbli għaliha;

(e)jekk il-persuna li toħroġ il-polza ta’ kargu ma tagħmilx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul disponibbli għas-sieħeb kuntrattwali tagħha li joħroġilha polza ta’ kargu, jew għas-sieħeb kuntrattwali tagħha li miegħu tkun ikkonkludiet arranġament ta’ kotagħbija tal-merkanzija, il-persuna li ma tagħmilx disponibbli d-dettalji meħtieġa għandha tipprovdi dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul;

(f)jekk id-destinatarju indikat fil-polza ta’ kargu li ma jkollha ebda polza ta’ kargu sottostanti ma jagħmilx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul disponibbli għall-persuna li toħroġ il-polza ta’ kargu, dan għandu jipprovdi dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

Artikolu 10

Diverżjoni ta’ bastiment li jbaħħar jew ta’ inġenju tal-ajru li jkun dieħel fit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti

1. Mid-data stabbilita għall-perjodu għall-varar tal-ħarġa nru 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta inġenju tal-ajru jiġi ddevjat u jkun wasal fl-ewwel post f’uffiċċju doganali li jinsab f’pajjiż li ma kienx indikat bħala pajjiż tar-rotta fid-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-uffiċċju doganali attwali tal-ewwel dħul, permezz ta’ dik is-sistema, għandu jikseb id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, ir-riżultati tal-analiżi tar-riskju u r-rakkomandazzjonijiet tal-kontroll magħmula mill-uffiċċju doganali mistenni tal-ewwel dħul.

2. Mid-data stabbilita għall-perjodu għall-varar tal-ħarġa nru 3 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta bastiment li jbaħħar jiġi ddevjat u jkun wasal l-ewwel post f’uffiċċju doganali li jinsab f’pajjiż li ma kienx indikat bħala pajjiż tar-rotta fid-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-uffiċċju doganali attwali tal-ewwel dħul, permezz ta’ dik is-sistema, għandu jikseb id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, ir-riżultati tal-analiżi tar-riskju u r-rakkomandazzjonijiet tal-kontroll magħmula mill-uffiċċju doganali mistenni tal-ewwel dħul.

Titolu II

arranġamenti tekniċi għas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2

Artikolu 11

Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2

1. L-ICS2 għandha tappoġġa l-komunikazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi u l-Partijiet Kontraenti għall-finijiet ta’ ssodisfar tar-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, tal-analiżi tar-riskju mill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti għall-finijiet ta’ sigurtà u ta’ sikurezza u tal-miżuri doganali mmirati sabiex itaffu dawn ir-riskji inklużi kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza, u l-komunikazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-finijiet ta’ ssodisfar tar-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul.

2. L-ICS2 għandha tikkonsisti fil-komponenti komuni li ġejjin żviluppati fil-livell tal-Unjoni:

(a)interfaċċa kondiviża tan-negozjanti;

(b)repożitorju komuni.

3. In-Norveġja għandha tiżviluppa sistema nazzjonali ta’ dħul bħala komponent nazzjonali disponibbli fin-Norveġja.

4. In-Norveġja tista’ tiżviluppa interfaċċa nazzjonali tan-negozjanti bħala komponent nazzjonali disponibbli fin-Norveġja.

5. L-ICS2 għandha tintuża għall-iskopijiet li ġejjin:

(a)is-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul, tat-talbiet għall-emendi u tal-invalidazzjoni f'konformità mal-Artikolu 10 tal-Ftehim u l-Anness I;

(b)ir-riċevuta, l-ipproċessar u l-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul estratti mid-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10 tal-Ftehim u fl-Anness I;

(c)is-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ informazzjoni rigward il-wasla u n-notifiki tal-wasla ta’ bastiment li jbaħħar jew ta’ inġenju tal-ajru f'konformità mal-Artikolu 10 tal-Ftehim u l-Anness I;

(d)ir-riċevuta, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ informazzjoni dwar il-preżentazzjoni ta’ merkanzija lill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti f'konformità mal-Artikolu 10 tal-Ftehim u l-Anness I;

(e)ir-riċevuta, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ informazzjoni dwar talbiet u riżultati tal-analiżi tar-riskju, rakkomandazzjonijiet għall-kontroll, deċiżjonijiet dwar il-kontrolli, u riżultati tal-kontrolli skont l-Artikoli 10 u 12 tal-Ftehim u l-Anness I;

(f)ir-riċevuta, l-ipproċessar, il-ħżin u l-komunikazzjoni tan-notifiki u ta’ informazzjoni lill-operaturi ekonomiċi u mingħandhom skont l-Artikoli 10 u 12 tal-Ftehim u l-Anness I;

(g)is-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ informazzjoni mill-operaturi ekonomiċi mitluba mill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti skont l-Artikoli 10 u 12 tal-Ftehim u l-Anness I.

6. L-ICS2 għandha tintuża sabiex tappoġġa l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mill-Partijiet Kontraenti tal-implimentazzjoni tal-kriterji u tal-istandards komuni dwar ir-riskju għas-sigurtà u għas-sikurezza u tal-miżuri ta’ kontroll u taż-żoni ta’ kontroll prijoritarju msemmija fl-Artikolu 12 tal-Ftehim.

7. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tal-ICS2 għandhom isiru billi tintuża s-sistema UUM&DS imsemmija fl-Artikolu 13.

8. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Partijiet Kontraenti għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tal-ICS2 għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Unjoni.

9. L-interfaċċa armonizzata tan-negozjanti għandha tkun punt ta’ dħul għall-ICS2 għall-operaturi ekonomiċi f’konformità mal-Artikolu 1.

10. L-interfaċċa armonizzata tan-negozjanti għandha tkun interoperabbli mar-repożitorju komuni tal-ICS2 imsemmi fil-paragrafi 12 sa 14.

11. L-interfaċċa armonizzata tan-negozjanti għandha tintuża għas-sottomissjonijiet, għat-talbiet għall-emendi, għat-talba għall-invalidazzjoni, għall-ipproċessar u għall-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tan-notifiki tal-wasla, kif ukoll għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti u l-operaturi ekonomiċi. 

12. Ir-repożitorju komuni tal-ICS2 għandu jintuża mill-Partijiet Kontraenti għall-ipproċessar tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul, tat-talbiet għall-emendi, tat-talbiet għall-invalidazzjoni, tan-notifiki tal-wasla, tal-informazzjoni dwar il-preżentazzjoni tal-merkanzija, tal-informazzjoni dwar it-talbiet u r-riżultati tal-analiżi tar-riskju, tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-kontroll, tad-deċiżjonijiet dwar il-kontroll, u tar-riżultati tal-kontroll u tal-informazzjoni skambjata mal-operaturi ekonomiċi.

13. Ir-repożitorju komuni tal-ICS2 għandu jintuża mill-Partijiet Kontraenti għall-fini tal-istatistika u tal-evalwazzjoni, u għall-iskambju tal-informazzjoni dwar id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul bejn il-Partijiet Kontraenti.

14. Ir-repożitorju komuni tal-ICS2 għandu jkun interoperat mal-interfaċċa armonizzata tan-negozjanti, mal-interfaċċi nazzjonali tan-negozjanti meta dawn ikunu żviluppati mill-Partijiet Kontraenti, u mas-sistemi nazzjonali ta’ dħul.

15. L-awtorità doganali ta’ Parti Kontraenti għandha tuża r-repożitorju komuni sabiex tikkonsulta lill-awtorità doganali tal-Parti Kontraenti l-oħra f’konformità mal-Artikoli 10 u 12 tal-Ftehim u mal-Anness I qabel ma tlesti l-analiżi tar-riskju għall-finijiet tas-sigurtà u tas-sikurezza. L-awtorità doganali ta’ Parti Kontraenti għandha tuża wkoll ir-repożitorju komuni sabiex tikkonsulta mal-Parti Kontraenti l-oħra dwar il-kontrolli rrakkomandati, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tal-kontrolli rrakkomandati u dwar ir-riżultati tal-kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza f’konformità mal-Artikoli 10 u 12 tal-Ftehim u mal-Anness I.

16. L-interfaċċa nazzjonali tan-negozjanti, fejn din tkun żviluppata mill-Partijiet Kontraenti, għandha tkun punt ta’ dħul għall-ICS2 għall-operaturi ekonomiċi f’konformità mal-Artikolu 1 meta s-sottomissjoni tkun indirizzata lill-Parti Kontraenti li topera l-interfaċċa nazzjonali tan-negozjanti.

17. Fir-rigward tas-sottomissjonijiet, tal-emendi, tal-invalidazzjoni, tal-ipproċessar, tal-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tan-notifiki tal-wasla, kif ukoll tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti u l-operaturi ekonomiċi, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jagħżlu li jużaw l-interfaċċa nazzjonali tan-negozjanti, meta din tkun żviluppata, jew l-interfaċċa armonizzata tan-negozjanti.

18. L-interfaċċa nazzjonali tan-negozjanti, meta din tkun żviluppata, għandha tkun interoperabbli mar-repożitorju komuni tal-ICS2.

19. Meta n-Norveġja tiżviluppa interfaċċa nazzjonali tan-negozjanti, hija għandha tinforma lill-Unjoni dwar din.

20. L-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti għandhom jużaw sistema nazzjonali ta’ dħul għall-iskambju ta’ dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul estratti mid-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10 tal-Ftehim, għall-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ notifiki mar-repożitorju komuni għall-informazzjoni dwar il-wasla ta’ bastiment li jbaħħru jew ta’ inġenju tal-ajru, ta’ informazzjoni dwar il-preżentazzjoni ta’ merkanzija, għall-ipproċessar ta’ talbiet għall-analiżi tar-riskju, għall-iskambju u għall-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar ir-riżultati tal-analiżi tar-riskju, tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-kontroll, tad-deċiżjonijiet dwar il-kontroll.

21. Din għandha tintuża wkoll fil-każijiet li fihom awtorità doganali ta’ Parti Kontraenti titlob aktar informazzjoni mingħand l-operaturi ekonomiċi u tirċievi tali informazzjoni.

22. Is-sistema nazzjonali ta’ dħul għandha tkun interoperabbli mar-repożitorju komuni.

23. Is-sistema nazzjonali ta’ dħul għandha tkun interoperabbli ma’ sistemi żviluppati fil-livell nazzjonali sabiex tinstab l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 20.

Artikolu 12

Funzjonament tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 u Taħriġ fl-użu tagħha

1. Il-komponenti komuni għandhom jiġu żviluppati, ittestjati, varati u ġestiti mill-Unjoni. Il-komponenti nazzjonali għandhom jiġu żviluppati, ittestjati, varati u ġestiti min-Norveġja.

2. In-Norveġja għandha tiżgura li l-komponenti nazzjonali jkunu interoperabbli mal-komponenti komuni.

3. L-Unjoni għandha twettaq il-manutenzjoni tal-komponenti komuni u n-Norveġja għandha twettaq il-manutenzjoni tal-komponenti nazzjonali tagħha.

4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw tħaddim mhux interrott tas-sistemi elettroniċi.

5. L-Unjoni tista’ tbiddel il-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi sabiex issewwi xi ħsarat, iżżid funzjonalitajiet ġodda jew timmodifika dawk eżistenti.

6. L-Unjoni għandha tinforma lin-Norveġja dwar tibdiliet u aġġornamenti fil-komponenti komuni.

7. In-Norveġja għandha tinforma lill-Unjoni bit-tibdiliet u bl-aġġornamenti fil-komponenti nazzjonali li jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-komponenti komuni.

8. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli l-informazzjoni dwar it-tibdiliet u l-aġġornamenti fis-sistemi elettroniċi skont il-paragrafi 6 u 7.

9. F’każ ta’ ħsara temporanja fl-ICS2 għandu japplika l-pjan tal-kontinwità operazzjonali ddeterminat mill-Partijiet Kontraenti.

10. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinformaw lil xulxin meta s-sistemi elettroniċi ma jkunux disponibbli minħabba ħsara temporanja.

11. L-Unjoni għandha ssostni lin-Norveġja fl-użu u fil-funzjonament tal-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi billi tipprovdi l-materjal xieraq għat-taħriġ.

Artikolu 13

Pjattaforma tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali

1. Pjattaforma tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali (minn hawn ’il quddiem imsejħa “UUM&DS”) għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn is-sistemi ta’ ġestjoni tal-identitajiet u tal-aċċess tal-Partijiet Kontraenti msemmija fil-paragrafu 6 għall-finijiet li jiġi pprovdut aċċess awtorizzat sigur għas-sistemi elettroniċi lill-uffiċjali tal-Partijiet Kontraenti u lill-operaturi ekonomiċi.

2. Il-pjattaforma tal-UUM&DS (Uniform User Management and Digital Signature) għandha tikkonsisti f’dawn il-komponenti komuni li ġejjin:

(a)sistema ta’ ġestjoni tal-aċċess;

(b)sistema ta’ ġestjoni tal-amministrazzjoni;

3. Il-pjattaforma tal-UUM&DS għandha tintuża sabiex jiġu żgurati l-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess ta’:

(a)operaturi ekonomiċi għall-finijiet ta’ aċċess għall-ICS2;

(b)l-uffiċjali tal-Partijiet Kontraenti għall-finijiet ta’ kisba ta’ aċċess għall-komponenti komuni tal-ICS2 u għall-finijiet ta’ manutenzjoni u ta’ ġestjoni tal-pjattaforma tal-UUM&DS.

4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu s-sistema ta’ ġestjoni tal-aċċess sabiex jivvalidaw it-talbiet għall-aċċess sottomessi mill-operaturi ekonomiċi fil-pjattaforma tal-UUM&DS billi jagħmlu interoperazzjoni mas-sistemi ta’ ġestjoni tal-identitajiet u tal-aċċess tal-Partijiet Kontraenti msemmija fil-paragrafu 6.

5. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu s-sistema ta’ ġestjoni tal-amministrazzjoni sabiex jiġġestixxu r-regoli dwar l-awtentikazzjoni u tal-awtorizzazzjoni għall-validazzjoni tad-data tal-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi għall-finijiet li jingħataw aċċess għas-sistemi elettroniċi.

6. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu sistema ta’ ġestjoni tal-identitajiet u tal-aċċess sabiex jiżguraw:

(a)reġistrazzjoni u ħżin siguri tad-data ta’ identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi;

(b)skambju sigur ta’ data ta’ identifikazzjoni ffirmata u kriptata tal-operaturi ekonomiċi.

Artikolu 14

Ġestjoni u Sjieda tad-Data u Sigurtà

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li d-data rreġistrata fil-livell nazzjonali tikkorrispondi għad-data rreġistrata fil-komponenti komuni u li tinżamm aġġornata.

2. B’deroga mill-paragrafu 1, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li d-data li ġejja tikkorrispondi għa-data fir-repożitorju komuni tal-ICS2 u tinżamm aġġornata magħha:

(a)id-data rreġistrata fil-livell nazzjonali u kkomunikata mis-sistema nazzjonali ta’ dħul fir-repożitorju komuni;

(b)id-data riċevuta mir-repożitorju komuni fis-sistema nazzjonali ta’ dħul.

3. Id-data fil-komponenti komuni tal-ICS2 li tiġi kkomunikata jew irreġistrata fl-interfaċċa kondiviża tan-negozjanti minn operatur ekonomiku tista’ tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dak l-operatur ekonomiku.

4. Id-data fil-komponenti komuni tal-ICS2:

(a)ikkomunikata lil Parti Kontraenti minn operatur ekonomiku permezz tal-interfaċċa armonizzata tan-negozjanti fir-repożitorju komuni tista’ tiġi aċċessata u pproċessata minn dik il-Parti Kontraenti fir-repożitorju komuni. Fejn meħtieġ, dik il-Parti Kontraenti tista’ wkoll taċċessa din l-informazzjoni rreġistrata fl-interfaċċa armonizzata tan-negozjanti;

(b)ikkomunikata fir-repożitorju komuni jew irreġistrata fih minn Parti Kontraenti tista’ tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dik il-Parti Kontraenti;

(c)imsemmija fil-punti (a) u (b) hawn fuq tista’ tiġi aċċessata u pproċessata wkoll mill-Parti Kontraenti l-oħra meta din tal-aħħar tkun involuta fl-analiżi tar-riskju u/jew fil-proċess ta’ kontroll li miegħu tkun relatata d-data f’konformità mal-Artikolu 10 u 12 tal-Ftehim u mal-Anness I.

(d)tista’ tiġi pproċessata mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Partijiet Kontraenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(c) u fl-Artikolu 11(6) tal-Anness I. Ir-riżultati ta’ dan l-ipproċessar jistgħu jiġu aċċessati mill-Kummissjoni u mill-Partijiet Kontraenti.

5. Id-data fil-komponent komuni tal-ICS2 li tiġi rreġistrata fir-repożitorju komuni mill-Unjoni tista’ tiġi aċċessata mill-Partijiet Kontraenti. Din id-data tista’ tiġi pproċessata mill-Unjoni.

6. L-Unjoni għandha tkun sid is-sistema tal-komponenti komuni.

7. In-Norveġja għandha tkun sid is-sistema tal-komponenti nazzjonali tagħha.

8. L-Unjoni għandha tiżgura s-sigurtà tal-komponenti komuni filwaqt li n-Norveġja għandha tiżgura s-sigurtà tal-komponenti nazzjonali tagħha.

9. Għal dawn il-finijiet, il-Partijiet Kontraenti għandhom minn tal-anqas jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex:

(a)jimpedixxu li xi persuna mhux awtorizzata jkollha aċċess għall-installazzjonijiet li jintużaw għall-ipproċessar tad-data;

(b)jimpedixxu d-dħul ta’ data u kwalunkwe konsultazzjoni, modifika jew tħassir ta’ data minn persuni mhux awtorizzati;

(c)jidentifikaw kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) u (b);

10. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinformaw lil xulxin bi kwalunkwe attività li tista’ tirriżulta fi ksur jew f’suspett ta’ ksur tas-sigurtà tas-sistemi elettroniċi.

11. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu pjanijiet ta’ sigurtà li jikkonċernaw is-sistemi kollha.

12. Id-data rreġistrata fil-komponenti tal-ICS2 għandha tinħażen għal tal-anqas tliet snin wara r-reġistrazzjoni tagħha. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jaqbżu dan il-perjodu fejn dan ikun meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

Artikolu 15

Ipproċessar ta’ data personali

Għall-ICS2 u għall-UUM&DS fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fihom,

1. In-Norveġja u l-Istati Membri tal-UE għandhom jaġixxu bħala kontrolluri f’konformità mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 14 tal-Ftehim.

2. Il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala proċessur u għandha tikkonforma mal-obbligi imposti fuqha f’dak ir-rigward skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725 15 , ħlief meta tipproċessa d-data għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kriterji u tal-istandards komuni tar-riskju għas-sigurtà u għas-sikurezza u tal-miżuri ta’ kontroll u taż-żona ta’ kontroll prijoritarju, il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala kontrollur konġunt.

Artikolu 16

Parteċipazzjoni fl-iżvilupp, fil-manutenzjoni u fil-ġestjoni tal-ICS2

L-Unjoni għandha tippermetti lill-esperti mill-Istat tal-EFTA kkonċernat jipparteċipaw bħala osservaturi għal punti li jikkonċernaw l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-ICS2 fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti Doganali u tal-gruppi ta’ ħidma rispettivi. L-Unjoni għandha tiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ dwar il-parteċipazzjoni tal-esperti mill-Istat tal-EFTA kkonċernat f’laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma li fihom numru limitat biss ta’ Stati Membri tal-UE jkunu rrappreżentati u li jirrapportaw lill-Grupp ta’ Esperti Doganali.

TITOLU III

Artikolu 17

Arranġamenti ta’ Finanzjament li jikkonċernaw ir-responsabbiltajiet, l-impenji u l-aspettattivi dwar l-implimentazzjoni u l-operat tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2

Fir-rigward tal-estensjoni tal-użu tal-ICS2 għan-Norveġja, u b’kunsiderazzjoni tal-kapitolu IIa u tal-Anness I ta’ dan il-ftehim, dawn l-Arranġamenti ta’ Finanzjament (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Arranġament”) jiddefinixxu l-elementi ta’ kollaborazzjoni bejn il-Partijiet, relatati mal-ICS2.

(a)Il-Kummissjoni se tiżviluppa, tittestja, tiskjera, tiġġestixxi u topera l-komponenti ċentrali tal-ICS2 li jikkonsistu f’interfaċċa kondiviża tan-negozjanti u f’repożitorju komuni (minn hawn ’il quddiem komponenti ċentrali tal-ICS2), inkluż l-applikazzjonijiet u s-servizzi meħtieġa għall-operat u għall-interkonnessjoni tagħhom mas-sistemi tal-IT fin-Norveġja bħal TAPAS, UUM&DS, CCN2ng middleware, u tieħu l-impenn li tagħmilhom disponibbli għan-Norveġja.

(b)In-Norveġja se tiżviluppa, tittestja, tvara, tiġġestixxi u topera l-komponenti nazzjonali tal-ICS2.

(c)In-Norveġja u l-Kummissjoni jaqblu li jikkondividu l-kostijiet tal-iżvilupp u ta’ darba tal-komponenti ċentrali tal-ICS2 kif ukoll il-kostijiet operazzjonali tal-komponenti ċentrali tal-ICS2, tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi relatati meħtieġa għall-operat u għall-interkonnessjoni tagħhom, kif ġej:

(1)Parti mill-kostijiet tal-iżvilupp tal-ICS2 relatati mal-komponenti ċentrali se tiġi fatturata mill-Kummissjoni lin-Norveġja f’konformità mal-ittri d) u e). Il-kostijiet tal-iżvilupp ikopru l-iżvilupp tas-software tal-komponenti ċentrali u l-akkwist u l-installazzjoni tal-infrastruttura relatata (hardware, software, hosting, liċenzji, eċċ.). Il-formula tal-allokazzjoni tikkonċerna 4 % tal-kostijiet kollha għas-servizzi msemmija.

(2)Il-kostijiet massimi tal-iżvilupp se jkunu limitati għal EUR 550 000 (ħames mija u ħamsin elf) għal kull ħarġa.

(3) Parti mill-kostijiet operazzjonali tal-ICS2 u tat-TAPAS se jiġu fatturati mill-Kummissjoni lin-Norveġja f’konformità mal-ittri f), g) u h). Il-kostijiet operazzjonali jkopru l-ittestjar tal-konformità, il-manutenzjoni tal-infrastruttura (hardware, software, hosting, liċenzji, eċċ.), tal-komponenti ċentrali tal-ICS2 u tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi relatati meħtieġa għall-operat u għall-interkonnessjoni tagħhom (assigurazzjoni tal-kwalità, helpdesk u Ġestjoni tas-Servizz tal-IT). Il-formula tal-allokazzjoni tikkonċerna 4 % tal-kostijiet kollha għas-servizzi msemmija.

(4) Il-kostijiet operazzjonali relatati mal-użu tal-ICS2 għan-Norveġja ma għandhomx jaqbżu l-ammont massimu ta’ EUR 450 000 (erba’ mija u ħamsin elf) fis-sena.

(5)Il-kostijiet tal-iżvilupp u dawk operazzjonali tal-komponent(i) nazzjonali se jitħallsu kompletament min-Norveġja.

(6) In-Norveġja għandha tinżamm informata dwar l-evoluzzjoni ppjanata tal-kostijiet u għandha tkun informata bl-elementi ewlenin għall-iżvilupp tal-ICS2 li jista’ jkollhom impatt fuq dawn il-kostijiet.

(d)In-Norveġja taqbel li tipparteċipa fil-kostijiet għall-iżvilupp u għall-ittestjar tal-konformità tal-komponenti ċentrali tal-ICS2 li saru qabel l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim. Għal dan l-għan:

(1)Il-Kummissjoni se tinforma lin-Norveġja dwar l-ammont stmat tal-kontribuzzjoni meħtieġa mis-snin ta’ qabel l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

(2)Sal-15/05 ta’ kull sena, mill-15/05/2021, il-Kummissjoni se titlob lin-Norveġja tħallas il-kontribuzzjoni tagħha għal dawn il-kostijiet preċedenti f’pagamenti rateali matul l-ewwel erba’ snin tal-użu tal-ICS2.

(e)In-Norveġja taqbel li tipparteċipa fil-kostijiet tal-iżvilupp tal-komponenti ċentrali tal-ICS2. Għal dan l-għan:

(1)In-Norveġja taqbel li tħallas il-parteċipazzjoni tagħha fil-kostijiet tal-iżvilupp tal-ħarġiet nri 1, 2 u 3 tal-ICS2.

(2)Sal-15/05 ta’ kull sena, mill-15/05/2021, il-Kummissjoni se titlob lin-Norveġja tħallas il-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp tal-aħħar ħarġa fuq il-bażi ta’ nota ta’ debitu ddokumentata kif dovut maħruġa mill-Kummissjoni.

(f) In-Norveġja taqbel li tipparteċipa fil-kostijiet operazzjonali tal-komponenti ċentrali tal-ICS2. Għal dan l-għan:

(1)Sal-31/07 ta’ kull sena, mill-31/07/2021, il-Kummissjoni se tinforma lin-Norveġja dwar il-kostijiet operazzjonali stmati għas-sena ta’ wara u tibgħat bil-miktub lin-Norveġja l-ammont stmat tal-kontribuzzjoni meħtieġa għas-sena ta’ wara. In-Norveġja se tiġi informata bl-istess mod u fl-istess ħin li l-Kummissjoni tinforma lil kull wieħed mill-membri l-oħra tal-ICS2, kif ukoll dwar l-aspetti ewlenin tal-iżvilupp tal-ICS2.

(2)Sal-15/05/2021 biss, il-Kummissjoni se titlob lin-Norveġja tħallas il-kontribuzzjoni annwali tagħha għall-kostijiet operazzjonali tas-sena 2020 li jammontaw għal EUR 110 000, kif ukoll il-kontribuzzjoni annwali stmata għall-2021 li tammonta għal EUR 280 000. Sal-15/05 ta’ kull sena, mill-15/05/2022, il-Kummissjoni se titlob lin-Norveġja tħallas il-kontribuzzjoni annwali tagħha għal dik is-sena flimkien mal-ammont tal-bilanċ (negattiv jew pożittiv) tas-sena ta’ qabel fuq il-bażi ta’ nota ta’ debitu ddokumentata kif xieraq maħruġa mill-Kummissjoni.

(3) Sal-31/01 ta’ kull sena, mill-31/01/2022,

Il-Kummissjoni se tikklerja l-kontijiet relatati mal-kostijiet annwali tal-imgħoddi tal-operat tal-ICS2 u tat-TAPAS fuq il-bażi tas-somma li diġà tħallset min-Norveġja fuq il-bażi tal-kostijiet reali mġarrba mill-Kummissjoni u se tipprovdi lin-Norveġja b’dikjarazzjoni tal-kont li jkun fiha disaggregazzjoni tal-kostijiet li tidentifika s-servizzi differenti u l-provvista tas-software; u

tipprovdi lin-Norveġja l-kostijiet annwali attwali, jiġifieri l-kostijiet operazzjonali reali, għas-sena preċedenti. Il-Kummissjoni se tikkalkula l-kostijiet reali u stmati f’konformità mal-kuntratti tagħha mal-kuntratturi stabbiliti skont il-proċeduri kurrenti għall-għoti ta’ kuntratti.

Il-bilanċ (negattiv jew pożittiv) bejn il-kostijiet reali u l-ammont stmat tas-sena ta’ qabel se jiġi kkalkolat u kkomunikat lin-Norveġja permezz ta’ rendikont mill-Kummissjoni. Ir-rendikont se jinkludi l-ammont annwali stmat għall-kontribuzzjoni, flimkien mal-ammont tal-bilanċ (negattiv jew pożittiv), li jirriżulta f’ammont nett li l-Kummissjoni se tiffattura lin-Norveġja permezz tan-nota ta’ debitu annwali.

(g)Il-pagament min-Norveġja jsir wara d-data tal-ħruġ tan-nota ta’ debitu. Il-pagamenti kollha jridu jsiru fil-kont bankarju tal-Kummissjoni indikat fin-nota ta’ debitu, fi żmien 60 jum.

(h)Jekk in-Norveġja tħallas l-ammonti previsti fl-ittra c) aktar tard mid-dati speċifikati fl-ittra g), il-Kummissjoni tista’ titlob l-imgħax fuq l-arretrati (bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet tiegħu f’euro, ippubblikata fis-serje “C” tal-Ġurnal Uffiċjali, fil-jum li fih tgħaddi l-iskadenza għar-ripagament, flimkien ma’ punt u nofs). L-istess rata tapplika għal pagamenti li għandhom isiru mill-Unjoni.

(i)Fil-każ li n-Norveġja titlob aġġustamenti speċifiċi jew prodotti ġodda tal-IT għall-komponenti ċentrali, għall-applikazzjonijiet jew għas-servizzi tal-ICS2, il-bidu u t-tlestija ta’ dawk l-iżviluppi huma soġġetti għal ftehim reċiproku separat dwar il-ħtiġijiet ta’ riżorsi u l-kostijiet tal-iżvilupp.

(j)Il-materjali kollha ta’ taħriġ maħluqa u miżmuma mill-Partijiet għandhom jinqasmu mal-partijiet kollha mingħajr ħlas permezz ta’ mezzi elettroniċi. In-Norveġja tista’ tikkopja, tqassam, turi u twettaq ix-xogħol u tagħmel xogħlijiet derivattivi fuq il-bażi ta’ materjali ta’ taħriġ kondiviżi

(1)biss jekk hija tikkredita lill-awtur bil-mod speċifikat fil-materjal ta’ taħriġ kondiviż;

(2)għal skopijiet mhux kummerċjali biss.

(k)Il-Partijiet jaqblu li jirrikonoxxu u jissodisfaw ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-użu tal-komponenti ċentrali tal-ICS2 kif deskritti fl-Anness I ta’ dan il-Ftehim.

(l)Fil-każ ta’ dubji serji dwar il-funzjonament tajjeb ta’ dan l-Anness jew tal-ICS2, kwalunkwe Parti tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan l-arranġament dment li l-Parti l-oħra tkun ġiet innotifikata bil-miktub tliet xhur bil-quddiem.

Titolu IV

Dikjarazzjoni fil-Qosor tal-Ħruġ

Artikolu 18

Forma u kontenut tad-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ

1. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandha ssir permezz ta’ teknika tal-ipproċessar tad-data. Tista’ tintuża dokumentazzjoni kummerċjali, portwali jew tat-trasport, dment li din tipprovdi d-dettalji neċessarji.

2. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandu jkun fiha d-dettalji stabbiliti għal tali dikjarazzjoni fil-kolonni A1 u A2 tal-Kapitolu 3 tal-Anness B tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 u għandha tikkonforma mal-formati, mal-kodiċijiet u mal-kardinalitajiet rispettivi tagħhom stabbiliti fl-Anness B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447. Din għandha timtela f’konformità man-noti f’dawk l-Annessi. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandha tkun awtentikata mill-persuna li timlieha.

3. L-awtoritajiet doganali għandhom jippermettu l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ kartaċja, jew kwalunkwe mezz ieħor minflokha, kif miftiehem bejn l-awtoritajiet doganali, f’waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi biss:

(a)meta s-sistema kompjuterizzata tal-awtoritajiet doganali ma tkunx qed taħdem;

(b)meta l-applikazzjoni elettronika tal-persuna li tippreżenta d-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ ma tkunx qed taħdem, dment li l-awtoritajiet doganali japplikaw l-istess livell ta’ ġestjoni tar-riskju bħal dak applikat għad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tal-ħruġ magħmula bl-użu ta’ teknika ta’ pproċessar tad-data. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ fuq kartaċja għandha tkun iffirmata mill-persuna li tkun imlitha. Dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ kartaċji bħal dawn għandhom ikunu akkumpanjati, kull fejn ikun meħtieġ, minn listi tat-tagħbija jew minn listi xierqa oħra, u għandu jkun fihom id-dettalji msemmija fil-paragrafu 2.

4. Kull Parti Kontraenti għandha tiddefinixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri li, skont dawn, il-persuna li tippreżenta d-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ tkun tista’ timmodifika dettall wieħed jew aktar mid-dettalji tad-dikjarazzjoni wara li tippreżentaha.

Artikolu 19

Rinunzja mill-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ

1. Dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ ma għandhiex tkun meħtieġa għall-merkanzija li ġejja:

(a)enerġija elettrika;

(b)merkanzija li toħroġ permezz ta’ pipeline;

(c)oġġetti ta’ korrispondenza;

(d)merkanzija f’kunsinni postali;

(e)merkanzija li għaliha tkun permessa dikjarazzjoni doganali orali jew dikjarazzjoni bi qsim sempliċi tal-fruntiera f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Partijiet Kontraenti bl-eċċezzjoni ta’ pallets, ta’ kontejners, ta’ mezzi tat-trasport, kif ukoll ta’ spare parts, ta’ aċċessorji u ta’ tagħmir għal dawn l-oġġetti, meta jinġarru taħt kuntratt ta’ trasport.

(f)merkanzija li tinsab fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi;

(g)merkanzija koperta mill-Carnets ATA u CPD;

(h)merkanzija intitolata għal eżenzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tat-18 ta’ April 1961 dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-24 ta’ April 1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari jew konvenzjonijiet Konsulari oħra, jew il-Konvenzjoni ta’ New York tas-16 ta’ Diċembru 1969 dwar il-Missjonijiet Speċjali;

(i)armi u tagħmir militari maħruġin mit-territorju doganali ta’ Parti Kontraenti mill-awtoritajiet inkarigati mid-difiża militari tal-Partijiet Kontraenti, fi trasport militari jew fi trasport operat għall-użu mill-awtoritajiet militari biss;

(j)il-merkanzija li ġejja maħruġa mit-territorju doganali ta’ Parti Kontraenti direttament lejn installazzjonijiet offshore mħaddma minn persuna stabbilita f’territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti:

(1)merkanzija li għandha tintuża għall-kostruzzjoni, għat-tiswija, għall-manutenzjoni jew għall-konverżjoni tal-installazzjonijiet offshore;

(2)merkanzija li għandha tintuża sabiex titwaħħal f’installazzjonijiet offshore jew tattrezzahom;

(3)provvisti li għandhom jintużaw jew jiġu kkunsmati fuq l-installazzjonijiet offshore;

(k)merkanzija ttrasportata koperta bil-formola 302 tan-NATO prevista fil-Konvenzjoni bejn il-Partijiet għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana rigward l-Istatus tal-Forzi tagħhom, iffirmata f’Londra fid-19 ta’ Ġunju 1951, jew koperta bil-formola 302 tal-UE prevista fl-Artikolu 1(51) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446;

(l)merkanzija li tiġi pprovduta għal inkorporazzjoni bħala parti minn jew bħala aċċessorji f’bastimenti u f’inġenji tal-ajru u għall-operat tal-magni u ta’ tagħmir ieħor ta’ bastimenti u ta’ inġenji tal-ajru, kif ukoll oġġetti tal-ikel u oġġetti oħra li għandhom jiġu kkunsmati jew jinbiegħu abbord;

(m)affarijiet tad-dar kif definiti fil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet Kontraenti rispettivi dment li ma jinġarrux taħt kuntratt ta’ trasport;

(n)merkanzija mibgħuta mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti lil Ceuta u Melilla, lil Heligoland, lir-Repubblika ta’ San Marino, lill-Istat tal-Belt tal-Vatikan, lill-muniċipalitajiet ta’ Livigno, u lill-esklavi doganali Żvizzeri ta’ Samnaun u ta’ Sampuoir;

(o)merkanzija li tinġarr abbord bastimenti li jivvjaġġaw bejn portijiet tal-Partijiet Kontraenti mingħajr ebda waqfa fi kwalunkwe port barra mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(p)merkanzija li tinġarr abbord inġenji tal-ajru li jivvjaġġaw bejn ajruporti tal-Partijiet Kontraenti mingħajr ebda waqfa fi kwalunkwe ajruport barra mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

2. Dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ ma għandhiex tkun meħtieġa fil-każ previst fi ftehim internazzjonali konkluż bejn Parti Kontraenti u pajjiż terz dwar il-qasam tas-sigurtà, soġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikolu 9b(3) ta’ dan il-Ftehim.

3. Dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ ma għandhiex tkun meħtieġa mill-Partijiet Kontraenti għall-merkanzija fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)meta bastiment li jittrasporta l-merkanzija bejn il-portijiet tal-Partijiet Kontraenti jkun mistenni jieqaf f’port barra mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti u l-merkanzija jkollha tibqa’ mgħobbija abbord il-bastiment waqt id-dħul fil-port barra mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(b)meta inġenju tal-ajru li jittrasporta l-merkanzija bejn l-ajruporti tal-Partijiet Kontraenti jkun mistenni jieqaf f’ajruport barra mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti u l-merkanzija jkollha tibqa’ mgħobbija abbord l-inġenju tal-ajru waqt id-dħul fl-ajruport barra mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(c)meta, f’port jew f’ajruport, il-merkanzija ma tkunx inħattet mill-mezz tat-trasport li kien ġarrha fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti u li jkun se jġorrha ’l barra minn dawk it-territorji;

(d)meta l-merkanzija tkun tgħabbiet f’port jew f’ajruport preċedenti fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti fejn kienet ippreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ jew fejn kienet applikabbli rinunzja mill-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ qabel it-tluq u baqgħet fuq il-mezz tat-trasport li se jġorrha barra mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(e)meta l-merkanzija f’ħażna temporanja jew imqiegħda taħt il-proċedura ta’ żona libera tiġi trasbordata mill-mezz tat-trasport li wassalha f’dik il-faċilità ta’ ħażna temporanja jew iż-żona libera taħt is-superviżjoni tal-istess uffiċċju doganali fuq bastiment, fuq ajruplan jew fuq ferrovija li se ġġorrha barra mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(1)it-trasbord isir fi żmien 14-il jum mill-preżentazzjoni tal-merkanzija f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Parti Kontraenti rispettiva jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali, f'perjodu ta’ żmien itwal awtorizzat mill-awtoritajiet doganali meta l-perjodu ta’ 14-il jum ma jkunx biżżejjed sabiex jittratta dawk iċ-ċirkostanzi;

(2)l-informazzjoni dwar il-merkanzija tkun disponibbli għall-awtoritajiet doganali;

(3)id-destinazzjoni tal-merkanzija u d-destinatarju ma jinbidlux, sa fejn jaf it-trasportatur;

(f)meta l-merkanzija tkun iddaħħlet fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti iżda ġiet irrifjutata mill-awtorità doganali kompetenti u ġiet immedjatament irritornata lejn il-pajjiż ta’ esportazzjoni.

Artikolu 20

Post għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ

1. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandha tiġi ppreżentata lill-uffiċċju doganali kompetenti fit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti fejn jitwettqu l-formalitajiet tal-ħruġ għall-merkanzija ddestinata lejn pajjiżi terzi. Madankollu, id-dikjarazzjoni doganali ta’ esportazzjoni użata bħala dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju doganali tagħha jitwettqu l-formalitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiż terz. Fi kwalunkwe każ, l-uffiċċju kompetenti għandu jwettaq l-analiżi tar-riskju relatata mas-sigurtà u mas-sikurezza fuq il-bażi tad-data inkluża fid-dikjarazzjoni kif ukoll il-kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza li jitqiesu meħtieġa.

2. Meta l-merkanzija titlaq mit-territorju doganali ta’ Parti Kontraenti lejn pajjiż terz permezz tat-territorju doganali tal-Parti Kontraenti l-oħra, u l-formalitajiet tal-esportazzjoni jiġu segwiti minn proċedura ta’ tranżitu f’konformità mal-Konvenzjoni dwar Proċedura Komuni ta’ Tranżitu, l-NCTS għandha tintuża sabiex tkun trażmessa d-data msemmija fl-Artikolu 18(2) lill-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Parti Kontraenti.

F’dan il-każ, l-uffiċċju doganali tal-ewwel Parti Kontraenti għandu jagħmel ir-riżultati tal-kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza tagħhom disponibbli għall-awtorità doganali tat-tieni Parti Kontraenti meta:

(a)ir-riskji jiġu vvalutati mill-awtorità doganali li jkunu sinifikanti u li jeħtieġu kontroll doganali u r-riżultati tal-kontroll jistabbilixxu li jkun seħħ l-avveniment li jkun wassal għar-riskji; jew

(b)ir-riżultati tal-kontroll ma jistabbilixxux li l-avveniment li jikkawża r-riskji jkun seħħ, iżda l-awtorità doganali konċernata tqis li t-theddida tippreżenta riskju għoli xi mkien ieħor fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti; jew

(c)dan ikun meħtieġ għal applikazzjoni uniformi tar-regoli f’dan il-ftehim.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar ir-riskji msemmija fil-punti a) u b), fis-sistema msemmija fl-Artikolu 9e(3) tal-Ftehim.

3. B’deroga mill-paragrafu 1, meta l-merkanzija titlaq mit-territorju doganali ta’ Parti Kontraenti lejn pajjiż terz u tgħaddi mit-territorju doganali tal-Parti Kontraenti l-oħra, u l-formalitajiet tal-esportazzjoni ma jkunux segwiti minn proċedura ta’ tranżitu f’konformità mal-Konvenzjoni dwar Proċedura Komuni ta’ Tranżitu, id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandha tiġi ppreżentata direttament lill-uffiċċju doganali kompetenti tal-ħruġ tat-tieni Parti Kontraenti fejn il-merkanzija finalment toħroġ sabiex tmur f’pajjiż terz.

Artikolu 21

Limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ

1. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandha tiġi ppreżentata fil-limiti ta’ żmien li ġejjin:

(a)fil-każ ta’ traffiku marittimu:

(1)għal movimenti tal-merkanzija f’kontejners li ma jkunux dawk imsemmija fil-punti (2) u (3), mhux aktar tard minn 24 siegħa qabel ma l-merkanzija titgħabba fuq il-bastiment li jkun se joħroġha mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(2)għal movimenti tal-merkanzija f’kontejners bejn it-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti u ta’ Greenland, tal-Gżejjer Faeroe, tal-Iżlanda jew ta’ portijiet fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar tat-Tramuntana, fil-Baħar l-Iswed jew fil-Mediterran u tal-portijiet kollha tal-Marokk, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel it-tluq minn port fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(3)għal movimenti tal-merkanzija f’kontejners bejn id-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, l-Azores, Madeira jew il-Gżejjer Kanarji u territorju barra mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti, meta l-vjaġġ ikun iqsar minn 24 siegħa, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel it-tluq minn port fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(4)għal movimenti li ma jinvolvux merkanzija f’kontejners, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel it-tluq minn port fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(b)fil-każ ta’ traffiku tal-ajru, tal-anqas 30 minuta qabel it-tluq minn ajruport fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(c)fil-każ ta’ traffiku fit-toroq u f’passaġġi fuq l-ilma interni, mhux aktar tard minn siegħa qabel ma l-merkanzija titlaq mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(d)fil-każ ta’ traffiku ferrovjarju:

(1)meta l-vjaġġ bil-ferrovija mill-aħħar stazzjon tal-formazzjoni tal-ferrovija sal-uffiċċju doganali tal-ħruġ jieħu anqas minn sagħtejn, mhux aktar tard minn siegħa qabel il-wasla tal-merkanzija fil-post li għalih huwa kompetenti l-uffiċċju doganali tal-ħruġ;

(2)fil-każijiet l-oħrajn kollha, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel ma l-merkanzija titlaq mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti.

2. Fis-sitwazzjonijiet li ġejjin, il-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandu jkun dak applikabbli għall-mezz attiv tat-trasport użat għat-tluq mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti:

(a)meta l-merkanzija tkun waslet fl-uffiċċju doganali tal-ħruġ fuq mezz ieħor tat-trasport li tkun ġiet ittrasferita minnu qabel ma titlaq mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti (trasport intermodali);

(b)meta l-merkanzija tkun waslet fl-uffiċċju doganali tal-ħruġ fuq mezz tat-trasport li minnu nnifsu jkun trasportat fuq mezz attiv tat-trasport meta jitlaq mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti (trasport kombinat).

3. Il-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw fil-każ ta’ force majeure.

4. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, kull Parti Kontraenti tista’ tiddeċiedi dwar limiti ta’ żmien differenti:

(a)fil-każ tat-traffiku imsemmi fl-Artikolu 20(2), sabiex tkun tista’ ssir analiżi tar-riskju affidabbli u jiġu interċettati l-kunsinni bl-għan li jitwettaq kwalunkwe kontroll doganali relatat mas-sigurtà u mas-sikurezza,

(b)fil-każ ta’ ftehim internazzjonali dwar is-sigurtà bejn dik il-Parti Kontraenti u pajjiż terz, soġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikolu 9b(3) tal-Ftehim.

3. L-ANNESS II tal-Protokoll 10 tal-Ftehim għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

ANNESS II

OPERATUR EKONOMIKU AWTORIZZAT

TITOLU I

Għoti tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Il-kriterji sabiex jingħata status ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)in-nuqqas ta’ kwalunkwe ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u tar-regoli dwar it-tassazzjoni, inkluż ebda rekord ta’ reati kriminali serji marbuta mal-attività ekonomika tal-applikant;

(b)il-wiri mill-applikant ta’ livell għoli ta’ kontroll tal-operazzjonijiet tiegħu u tal-fluss tal-merkanzija, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni tar-rekords kummerċjali u, fejn xieraq, tat-trasport, li tippermetti li jsiru kontrolli doganali xierqa;

(c)is-solvenza finanzjarja, li għandha titqies bħala mixhuda bi prova meta l-applikant ikollu qagħda finanzjarja tajba, li tippermettilu jonora l-impenji tiegħu, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-karatteristiċi tat-tip ta’ attività kummerċjali kkonċernata;

(d)standards xierqa dwar is-sigurtà u s-sikurezza, li għandhom jitqiesu bħala ssodisfati meta l-applikant juri li huwa jżomm miżuri xierqa sabiex jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tal-katina internazzjonali tal-provvista inkluż fl-oqsma tal-integrità fiżika u tal-kontrolli tal-aċċess, tal-proċessi loġistiċi u tat-trattament ta’ tipi speċifiċi ta’ merkanzija, ta’ persunal u tal-identifikazzjoni tas-sħab kummerċjali tiegħu.

Artikolu 2

Konformità

1. Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1(a) għandu jitqies issodisfat jekk, 

(a)ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja li tikkonkludi li tul l-aħħar tliet snin waħda mill-persuni deskritti fil-punt (b) wettqet ksur serju jew ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali jew tar-regoli tat-tassazzjoni b’rabta mal-attività ekonomika tagħha; u 

(b)l-ebda waħda mill-persuni elenkati hawn taħt ma għandha kondotta ta’ reat kriminali serju b’rabta mal-attività ekonomika tagħha, inkluża l-attività ekonomika tal-applikant fejn applikabbli:

(1)l-applikant,

(2)l-impjegat(i) responsabbli mill-kwistjonijiet doganali tal-applikant, u 

(3)il-persuna/i responsabbli għall-applikant jew li teżerċita kontroll fuq il-ġestjoni tiegħu.

2. Madankollu, il-kriterju msemmi fl-Artikolu 1(a) tal-Kodiċi jista’ jiġi kkunsidrat li ġie ssodisfat meta, sabiex tieħu d-deċiżjoni, l-awtorità doganali kompetenti tikkunsidra li ksur kien ta’ importanza minuri, fir-rigward tan-numru jew tad-daqs tal-operazzjonijiet relatati, u l-awtorità doganali ma jkollha ebda dubju dwar il-bona fide tal-applikant.

3. Meta l-persuna msemmija fil-paragrafu 1(b)(3) ta’ dan l-Artikolu, għajr l-applikant, tkun stabbilita jew ikollha r-residenza tagħha f’pajjiż terz, sabiex tieħu d-deċiżjoni, l-awtorità doganali kompetenti għandha tivvaluta l-issodisfar tal-kriterju msemmi fl-Artikolu 1(a) fuq il-bażi tar-rekords u tal-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.

4. Meta l-applikant ikun ilu stabbilit għal anqas minn tliet snin, sabiex tieħu d-deċiżjoni, l-awtorità doganali kompetenti għandha tivvaluta l-issodisfar tal-kriterju msemmi fl-Artikolu 1(a) fuq il-bażi tar-rekords u tal-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.

Artikolu 3

Sistema effiċjenti tal-ġestjoni tar-reġistri kummerċjali u tat-trasport

Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1(b) għandu jitqies li jkun issodisfat jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)l-applikant iżomm sistema kontabilistika li tkun konsistenti mal-prinċipji kontabilistiċi aċċettati b’mod ġenerali, applikati fil-Parti Kontraenti fejn jinżammu l-kontijiet, jippermetti li jsir kontroll doganali bbażat fuq l-awditjar u jżomm rekord storiku ta’ data li jipprovdi rendikont tal-entrati minn meta d-data tidħol fil-fajl;

(b)ir-rekords miżmuma mill-applikant għall-finijiet doganali huma integrati fis-sistema kontabilistika tal-applikant jew jippermettu li jsiru kontroverifiki ta’ informazzjoni mas-sistema kontabilistika;

(c)l-applikant jagħti aċċess fiżiku lill-awtorità doganali għas-sistemi kontabilistiċi tiegħu u, fejn applikabbli, għar-rekords kummerċjali u tat-trasport tiegħu;

(d)l-applikant jagħti aċċess fiżiku lill-awtorità doganali għas-sistemi kontabilistiċi tiegħu u, fejn applikabbli, għar-rekords kummerċjali u tat-trasport tiegħu meta dawn is-sistemi jew rekords jinżammu elettronikament;

(e)l-applikant ikollu organizzazzjoni amministrattiva li tikkorrispondi għat-tip u għad-daqs tan-negozju u li hija adatta għall-ġestjoni tal-fluss tal-merkanzija, u għandu kontrolli interni li jkunu kapaċi jimpedixxu, isibu u jikkoreġu l-iżbalji u li jimpedixxu u jiskopru tranżazzjonijiet illegali jew irregolari;

(f)fejn applikabbli, l-applikant ikollu proċeduri sodisfaċenti għall-ġestjoni ta’ liċenzji u ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija f’konformità mal-miżuri ta’ politika kummerċjali jew relatati mal-kummerċ fi prodotti agrikoli;

(g)l-applikant ikollu proċeduri sodisfaċenti stabbiliti għall-arkivjar tar-rekords u tal-informazzjoni tiegħu u għall-protezzjoni kontra t-telf tal-informazzjoni;

(h)l-applikant jiżgura li l-impjegati rilevanti jkunu ordnati jgħarrfu lill-awtoritajiet doganali kull meta jiltaqgħu ma’ diffikultajiet ta’ konformità u jistabbilixxi proċeduri biex jinforma lill-awtoritajiet doganali dwar tali diffikultajiet;

(i)l-applikant ikollu miżuri adegwati ta’ sigurtà fis-seħħ sabiex jipproteġi s-sistema tal-kompjuter tal-applikant minn intrużjoni mhux awtorizzata u jiżgura d-dokumentazzjoni tal-applikant;

(j)fejn applikabbli, l-applikant ikollu proċeduri sodisfaċenti għall-ġestjoni ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni marbuta ma’ projbizzjonijiet u ma’ restrizzjonijiet, inklużi miżuri sabiex issir distinzjoni bejn merkanzija soġġetta għall-projbizzjonijiet jew għar-restrizzjonijiet minn merkanzija oħra u miżuri li jiżguraw konformità ma’ dawk il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet.

Artikolu 4

Solvenza finanzjarja

1. Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1(c) għandu jitqies issodisfat meta l-applikant jikkonforma ma’ dawn li ġejjin:

(a)l-applikant ma jkunx soġġett għal proċedimenti ta’ falliment;

(b)matul l-aħħar tliet snin qabel ma titressaq l-applikazzjoni, l-applikant ikun issodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu rigward ħlasijiet ta’ dazji doganali u tad-dazji, tat-taxxi jew tal-imposti l-oħrajn kollha li jinġabru mal-importazzjoni jew mal-esportazzjoni tal-merkanzija jew b'konnessjoni mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-merkanzija;

(c)abbażi tar-reġistri u tal-informazzjoni disponibbli għall-aħħar tliet snin qabel titressaq l-applikazzjoni, l-applikant juri li għandu qagħda finanzjarja suffiċjenti sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu u jonora l-impenji tiegħu b’kunsiderazzjoni tat-tip u tal-volum tal-attività tan-negozju, inkluż li ma jkollu l-ebda assi negattiv nett, sakemm dan ma jkunx jista' jiġi kopert.

2. Jekk l-applikant ikun ilu stabbilit għal anqas minn tliet snin, is-solvenza finanzjarja tiegħu kif imsemmija fl-Artikolu 1(c) għandha tiġi vverifikata fuq il-bażi tar-rekords u tal-informazzjoni li jkunu disponibbli.

Artikolu 5

Standards relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza

1. Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1(d) għandu jitqies li jkun issodisfat jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)binjiet li għandhom jintużaw b’konnessjoni mal-operazzjonijiet relatati mal-awtorizzazzjoni jipprovdu protezzjoni kontra intrużjoni illegali u jkunu mibnija b'materjal li jiflaħ jirreżisti kontra dħul illegali;

(b)ikun hemm miżuri xierqa fis-seħħ li jimpedixxu aċċess mhux awtorizzat għall-uffiċċji, għaż-żoni ta’ shipping, għax-xtut tat-tagħbija, għaż-żoni tal-merkanzija u għal postijiet rilevanti oħra;

(c)ikunu ttieħdu miżuri għat-trattament tal-merkanzija li jinkludu protezzjoni kontra l-introduzzjoni mhux awtorizzata jew skambju, it-trattament ħażin tal-merkanzija u kontra t-tbagħbis tal-unitajiet tal-merkanzija;

(d)l-applikant ikun ħa miżuri li jippermettu li s-sħab tan-negozju tiegħu jiġu identifikati b’mod ċar u sabiex jiżgura, permezz tal-implimentazzjoni ta’ arranġamenti kuntrattwali xierqa jew ta’ miżuri xierqa oħrajn skont il-mudell tan-negozju tal-applikant, li dawk is-sħab tan-negozju jiżguraw is-sigurtà tal-parti tagħhom tal-katina tal-provvista internazzjonali;

(e)l-applikant iwettaq, sa fejn tippermetti l-liġi nazzjonali, skrinjar ta’ sigurtà tal-impjegati prospettivi li jkunu se jaħdmu f’pożizzjonijiet sensittivi tas-sigurtà u jwettaq kontrolli tal-isfond tal-impjegati kurrenti f’tali pożizzjonijiet perjodikament u fejn iġġustifikat skont iċ-ċirkostanzi;

(f)l-applikant ikollu proċeduri ta’ sigurtà adegwati għal kwalunkwe fornitur tas-servizz estern kuntrattat;

(g)l-applikant jiżgura li l-persunal tiegħu li jkollu responsabbiltajiet rilevanti għal kwistjonijiet ta’ sigurtà jipparteċipa b’mod regolari fil-programmi sabiex ikunu sensibilizzati dwar dawk il-kwistjonijiet ta’ sigurtà;

(h)l-applikant ikun ħatar persuna ta’ kuntatt kompetenti għal domandi relatati mas-sigurtà u mas-sikurezza.

2. Meta l-applikant ikun detentur ta’ ċertifikat tas-sigurtà u tas-sikurezza maħruġ abbażi ta’ konvenzjoni internazzjonali jew ta’ Standard Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, jew ta’ Standard Ewropew ta’ organizzazzjoni Ewropea tal-Istandardizzazzjoni, dawn iċ-ċertifikati għandhom ikunu kkunsidrati meta tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(d).

Il-kriterji għandhom jitqiesu li jkunu ġew issodisfati sa fejn ikun ġie stabbilit li l-kriterji għall-ħruġ ta’ dak iċ-ċertifikat ikunu identiċi jew ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(d).

3. Meta l-applikant ikun aġent regolat jew konsenjatur magħruf fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu li jkunu ġew issodisfati b’rabta mas-siti u mal-operazzjonijiet li għalihom l-applikant ikun kiseb l-istatus ta’ aġent regolat jew ta’ konsenjatur magħruf sal-punt li l-kriterji għall-ħruġ tal-istatus ta’ aġent regolat jew ta’ konsenjatur magħruf ikunu identiċi jew ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(d).

TITOLU II

Faċilitazzjoni mogħtija lil operaturi ekonomiċi awtorizzati

Artikolu 6

Faċilitazzjoni mogħtija lil operaturi ekonomiċi awtorizzati

1. Meta operatur ekonomiku awtorizzat għas-sikurezza u s-sigurtà jippreżenta dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ f’ismu stess fil-forma ta’ dikjarazzjoni doganali jew ta’ dikjarazzjoni ta’ riesportazzjoni, ma għandu jkun meħtieġ l-ebda dettall ieħor apparti dawk stipulati f’dawk id-dikjarazzjonijiet.

2. Meta operatur ekonomiku awtorizzat għas-sikurezza u s-sigurtà jippreżenta dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ f’isem persuna oħra li hija wkoll tkun operatur ekonomiku awtorizzat fil-forma ta’ dikjarazzjoni doganali jew ta’ dikjarazzjoni ta’ riesportazzjoni, ma għandu jkun meħtieġ l-ebda dettall ieħor apparti dawk stipulati f’dawk id-dikjarazzjonijiet.

Artikolu 7

Trattament aktar favorevoli rigward il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji

1. Operatur ekonomiku awtorizzat għandu jkun soġġett għal anqas kontrolli tas-sigurtà fiżiċi u dawk bbażati fuq id-dokumenti minn operaturi ekonomiċi oħra.

2. Meta operatur ekonomiku awtorizzat ikun ippreżenta dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew ikun ġie awtorizzat jippreżenta dikjarazzjoni doganali jew dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja minflok dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew meta operatur ekonomiku awtorizzat ikun ġie awtorizzat juża sistemi ta’ informazzjoni kummerċjali, dwar il-portijiet jew it-trasport għall-preżentazzjoni tad-dettalji ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul kif imsemmi fl-Artikolu 10(8) tal-Ftehim u fl-Artikolu 1(4) tal-Anness I, l-awtorità doganali kompetenti għandha, meta l-kunsinna tkun intgħażlet għall-kontroll fiżiku, tinnotifika lill-operatur ekonomiku awtorizzat b’dak il-fatt. Dik in-notifika għandha ssir qabel tasal il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti.

Dik in-notifika għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tat-trasportatur ukoll jekk ikun differenti mill-operatur ekonomiku awtorizzat imsemmi fl-ewwel subparagrafu, dment li t-trasportatur ikun operatur ekonomiku awtorizzat u jkun konness mas-sistemi elettroniċi relatati mad-dikjarazzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu.

Dik in-notifika ma għandhiex tiġi pprovduta meta tkun tista’ xxekkel il-kontrolli li jridu jsiru jew ir-riżultati tagħhom.

3. Meta l-kunsinni ddikjarati minn operatur ekonomiku awtorizzat jkunu ntgħażlu għal kontroll fiżiku jew għal kontroll ibbażat fuq id-dokumenti, dawk il-kontrolli għandhom jitwettqu bħala prijorità.

Fuq talba ta’ operatur ekonomiku awtorizzat, il-kontrolli jistgħu jsiru f’post li ma jkunx il-post fejn il-merkanzija trid tiġi ppreżentata lid-dwana.

Artikolu 8

Eżenzjoni minn trattament favorevoli

It-trattament aktar favorevoli msemmi fl-Artikolu 7 ma għandux japplika għal kwalunkwe kontroll doganali marbut ma’ livelli elevati speċifiċi ta’ periklu jew ma’ obbligi ta’ kontroll stabbiliti f’leġiżlazzjoni oħra.

Madankollu, l-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu l-ipproċessar, il-formalitajiet u l-kontrolli meħtieġa għall-kunsinni ddikjarati minn operatur ekonomiku awtorizzat bħala prijorità.

TITOLU III

Sospensjoni, annullament u revoka tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat

Artikolu 9

Sospensjoni tal-istatus

1. Deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandha tiġi sospiża mill-awtorità doganali kompetenti meta:

(a)dik l-awtorità doganali tqis li jista’ jkun hemm biżżejjed raġunijiet sabiex tiġi annullata jew revokata d-deċiżjoni, iżda ma jkunx għad għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tiddeċiedi fuq l-annullament jew ir-revoka;

(b)dik l-awtorità doganali tqis li l-kondizzjonijiet għad-deċiżjoni ma jkunux issodisfati jew li d-detentur tad-deċiżjoni ma jikkonformax mal-obbligi imposti minn dik id-deċiżjoni, u jkun xieraq li d-detentur tad-deċiżjoni jingħata żmien biżżejjed sabiex jieħu miżuri li jiżguraw li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet jew il-konformità mal-obbligi;

(c)id-detentur tad-deċiżjoni jitlob it-tali sospensjoni għaliex, għal ċertu żmien, ma jkunx jista' jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti għad-deċiżjoni jew jikkonforma mal-obbligi imposti minn dik id-deċiżjoni.

2. Fil-każijiet imsemmijin fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1, id-detentur tad-deċiżjoni għandu jinnotifika lill-awtorità doganali bil-miżuri li jkun se jieħu sabiex jiżgura li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet jew li jiġu rrispettati l-obbligi, kif ukoll dwar il-perjodu ta’ żmien meħtieġ sabiex jieħu l-miżuri

Meta l-operatur ekonomiku kkonċernat jkun ħa, għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet doganali, il-miżuri meħtieġa sabiex ikun konformi mal-kondizzjonijiet u mal-kriterji li jridu jiġu ssodisfati minn kull operatur ekonomiku awtorizzat, l-awtorità doganali li toħroġ iċ-ċertifikat għandha tneħħi s-sospensjoni.

3. Is-sospensjoni ma għandhiex taffettwa kwalunkwe proċedura doganali li tkun diġà nbdiet qabel id-data tas-sospensjoni u li tkun għadha għaddejja.

4. Id-detentur tad-deċiżjoni għandu jiġi nnotifikat bis-sospensjoni tagħha.

Artikolu 10

Annullament tal-istatus

1. Deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandha tiġi annullata jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)id-deċiżjoni tkun ittieħdet fuq il-bażi ta’ informazzjoni mhux korretta jew mhux sħiħa;

(b)id-detentur tad-deċiżjoni kien jaf jew raġonevolment kellu jkun jaf li l-informazzjoni ma kinitx korretta jew sħiħa;

(c) kieku l-informazzjoni kienet korretta u sħiħa, id-deċiżjoni kienet tkun differenti.

2. Id-detentur tad-deċiżjoni għandu jiġi nnotifikat bl-annullament tagħha.

3. L-annullament għandu jsir effettiv mid-data li fiha d-deċiżjoni inizjali issir effettiva, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor fid-deċiżjoni skont il-leġiżlazzjoni doganali.

Artikolu 11

Revoka tal-istatus

1. Deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandha tkun revokata mill-awtoritajiet doganali kompetenti meta:

(a)waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet għat-teħid ta’ dik id-deċiżjoni ma kinux issodisfati jew ma għadhomx issodisfati; jew

(b)wara applikazzjoni mid-detentur tad-deċiżjoni; jew

(c)fil-perjodu ta’ żmien stipulat tas-sospensjoni msemmija fl-Artikolu 9(1)(b) u (c), id-detentur tad-deċiżjoni jonqos milli jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti għad-deċiżjoni jew sabiex jikkonforma mal-obbligi imposti skont dik id-deċiżjoni.

2. Ir-revoka għandha tidħol fis-seħħ mill-jum ta’ wara n-notifika tagħha.

3. Id-detentur tad-deċiżjoni għandu jiġi nnotifikat bir-revoka tagħha.

TITOLU IV

Artikolu 12

Skambju ta’ informazzjoni

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinformaw lil xulxin b’mod regolari dwar l-identitajiet tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati tagħhom għall-finijiet tas-sigurtà, u jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)in-Numru ta’ Identifikazzjoni tan-Negozjant (Trader Identification Number, TIN) f’format kompatibbli mal-leġiżlazzjoni dwar ir-Reġistrazzjoni u l-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (Economic Operator Registration and Identification, EORI);

(b)l-isem u l-indirizz tal-operatur ekonomiku awtorizzat;

(c)in-numru tad-dokument li bih ingħata l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat;

(d)l-istatus kurrenti (validu, sospiż, revokat);

(e)il-perjodi ta’ status differenti;

(f)id-data li fiha daħlu fis-seħħ id-deċiżjoni u l-avvenimenti sussegwenti (sospensjoni u tħassir);

(g)l-awtorità li ħarġet id-deċiżjoni.

(1)    ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.
(2)    ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.
(3)    ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(4)    ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1.
(5)    ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558.
(6)    ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168.
(7)    ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(8)    ĠU L 183, 19.7.2018, p. 23.
(9) *    [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]
(10)    Perjodu għall-varar tal-ħarġa nru 1 tal-ICS2: mill-15.3.2021 sal-1.10.2021; perjodu għall-varar tal-ħarġa nru 2 tal-ICS2: mill-1.3.2023 sat-2.10.2023; perjodu għall-varar tal-ħarġa nru 3 tal-ICS2: mill-1.3.2024 sal-1.10.2024;Id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, p.168).
(11)    Ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343 29.12.2015, p. 1), emendat l-aħħar bir-regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) xxx (ĠU L , , p. .).
(12)    Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343 29.12.2015, p. 558), emendat l-aħħar bir-regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) xxx (ĠU L , , p. .).
(13)    Il-Konvenzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar proċedura komuni ta’ tranżitu tal-20 ta’ Mejju 1987 (ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2, inklużi emendi preċedenti u futuri kif miftiehma mill-Kumitat Konġunt mill-Konvenzjoni msemmija hawn fuq).
(14)    L-NCTS tiġi aġġornata sabiex tkopri r-rekwiżiti l-ġodda dwar is-sigurtà mir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1), emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) 2019/632 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 (ĠU L 111, 25.04.2019, p. 54). Il-varar tal-aġġornament gradwali tal-NCTS huwa stabbilit fl-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151.
(15)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295 21.11.2018, p. 39).