IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 23.11.2021
JOIN(2021) 32 final
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
RISPONS GĦALL-ISTRUMENTALIZZAZZJONI TAL-MIGRANTI SPONSORJATA MILL-ISTAT FIL-FRUNTIERI ESTERNI TAL-UE
RISPONS GĦALL-ISTRUMENTALIZZAZZJONI TAL-MIGRANTI SPONSORJATA MILL-ISTAT FIL-FRUNTIERI ESTERNI TAL-UE
1.INTRODUZZJONI
Feġġet forma partikolarment krudili ta’ theddid ibridu bl-istrumentalizzazzjoni tal-persuni sponsorjata mill-istat għal finijiet politiċi. Prattiki bħal dawn imorru kontra l-valuri universali u tal-UE. Il-ġlieda kontra t-theddid ibridu hija waħda mill-aktar sfidi kumplessi li jiffaċċjaw l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Il-modi li bihom attur statali jew mhux statali jista’ jagħmel pressjoni jew jattakka stat ieħor evolvew. Dan jista’ jieħu forom differenti li jvarjaw minn attakki ċibernetiċi għal manipulazzjoni u interferenza ta’ informazzjoni barranija. Dawn il-forom kollha ta’ theddid għandhom l-intenzjoni li jiddestabbilizzaw jew jimminaw lis-soċjetà u lill-istituzzjonijiet ewlenin, u għandhom l-effett li jqiegħdu liċ-ċittadini f’riskju.
Azzjonijiet reċenti mir-reġim ta’ Lukashenko u s-sostenituri tiegħu għandhom jitqiesu f’dan id-dawl — bħala tentattiv determinat biex tinħoloq kriżi kontinwa u fit-tul, bħala parti minn sforz usa’ miftiehem biex jiddestabbilizza l-Unjoni Ewropea, li jittestja l-għaqda u r-riżoluzzjoni tagħha. Dawn l-azzjonijiet jirrappreżentaw periklu reali u attwali għas-sigurtà tal-UE. Lil hinn minn dan, tali azzjonijiet u l-istrateġija warajhom, għandhom ramifikazzjonijiet globali u huma kwistjoni ta’ tħassib mhux biss għall-UE iżda wkoll għall-komunità internazzjonali.
Hija l-UE kollha kemm hi li qed tiġi sfidata, speċjalment il-Litwanja, il-Polonja u l-Latvja, li sa mis-sajf esperjenzaw theddida ġdida insidjuża, fil-forma tal-istrumentalizzazzjoni ta’ persuni ddisprati. Dan irriżulta f’żieda bla preċedent fil-qsim irregolari tal-fruntieri mill-Belarussja. Filwaqt li dawn l-aħħar snin kważi ma raw l-ebda tentattiv biex jinqasmu l-fruntieri esterni illegalment mill-Belarussja lejn l-UE, din issa hija realtà ta’ kuljum. Dan inbeda u ġie organizzat mir-reġim ta’ Lukashenko li jġiegħel lin-nies jersqu lejn il-fruntiera, bil-kooperazzjoni tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti u n-netwerks kriminali.
Għall-migranti fil-fruntiera, is-sitwazzjoni għadha mwiegħra. Huwa kruċjali li l-għajnuna umanitarja tilħaq lin-nies kollha fil-bżonn u li jkunu jistgħu jiġu pprovduti b’assistenza li ssalva l-ħajja.
L-UE kkundannat bil-qawwa din l-istrumentalizzazzjoni ta’ migranti u refuġjati vulnerabbli. Il-gravità tas-sitwazzjoni ġiet iċċarata fl-ogħla livell. Il-Kunsill Ewropew indirizza din it-theddida fil-laqgħat tiegħu ta’ Ġunju u Ottubru 2021. Fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President von der Leyen identifikat l-azzjoni tal-Belarussja bħala attakk ibridu biex jiddestabbilizza l-Ewropa. Il-pożizzjoni soda tal-UE tibqa’ li r-reġim ta’ Lukashenko huwa nieqes mil-leġittimità demokratika.
Kien hemm appoġġ determinat għall-Istati Membri l-aktar affettwati, li qed jimmaniġġjaw il-fruntiera esterna f’isem l-UE. Dan l-appoġġ fisser għajnuna operazzjonali u finanzjarja biex tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri u biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet umanitarji. Dan ġie sostnut minn sforzi diplomatiċi kbar biex il-pajjiżi terzi u l-linji tal-ajru jintalbu jevitaw li jsiru sħab mhux mixtieqa fl-istrateġija tal-Belarussja, kif ukoll pressjoni diretta fuq il-Belarussja nnifisha. L-isforzi tal-UE biex tibni koalizzjoni biex topponi l-istrumentalizzazzjoni kellhom riżultati rapidi. Ir-rotot ta’ tranżitu li qed jiġu sfruttati mit-traffikanti biex iġibu l-migranti lejn il-fruntiera Belarussa qed jingħalqu wieħed wieħed.
Din il-Komunikazzjoni tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet li ttieħdu s’issa u l-miżuri li qed jittieħdu biex jiżdiedu dawn l-isforzi. Tħares ’il quddiem ukoll lejn kif il-qafas attwali jista’ jiġi adattat biex jipprovdi sett ta’ għodod aktar permanenti biex jiġu indirizzati t-tentattivi futuri biex tiġi destabbilizzata l-UE permezz tal-istrumentalizzazzjoni tal-migranti irregolari sponsorjata mill-istat. L-UE mhi ser taċċetta l-ebda attakk ibridu li jisfrutta l-bnedmin b’dan il-mod, jieħu vantaġġ mit-tbatija tagħhom, u jipprovoka l-vjolenza u t-telf ta’ ħajjiet għal finijiet politiċi. Il-Komunità internazzjonali kollha kemm hi teħtieġ li tingħaqad flimkien b’oppożizzjoni għal din il-manipulazzjoni tan-nies.
Is-saħħa kollettiva u s-solidarjetà tal-UE li taħdem b’mod ġenerali fuq din il-kwistjoni tkompli tenfasizza l-valur miżjud tal-UE fil-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni.
2.IS-SITWAZZJONI ATTWALI
Is-sitwazzjoni fil-fruntiera esterna tal-UE
Mis-16 ta’ Novembru, l-għadd totali ta’ wasliet fl-UE mill-Belarussja fl-2021 kien ta’ 7 698, b’4 222 fil-Litwanja, 3 062 fil-Polonja u 414 fil-Latvja. Matul l-2021 twaqqfu aktar minn 40 000 tentattiv ripetut ta’ qsim ta’ dawn il-fruntieri. In-nazzjonalitajiet ewlenin ta’ pajjiżi terzi involuti huma Iraqin u Afgani. Indipendentement mill-istrumentalizzazzjoni tal-migranti sponsorjata mill-istat, għadd ta’ ċittadini Belarussi qed ifittxu li jaħarbu mir-repressjoni mir-reġim tal-Belarussja.
Is-sitwazzjoni fil-fruntiera Pollakka mal-Belarussja ġiet eskalata deliberatament mir-reġim tal-Belarussja fit-8 ta’ Novembru. Inġabru eluf ta’ nies min-naħa tal-Belarus biex jagħmlu pressjoni fuq il-fruntiera Pollakka. Dan ġie instigat mill-awtoritajiet tal-Belarus. Fil-jiem ta’ wara, l-awtoritajiet tal-Belarus taw ukoll lil gruppi iżgħar ta’ migranti għodod u gass tad-dmugħ biex jippruvaw jidħlu bil-forza. Suldati Belarussi qerdu parzjalment l-ostaklu temporanju tal-fruntiera.
It-tliet Stati Membri ħadu diversi miżuri b’reazzjoni. It-Tlieta kollha ddikjaraw stat ta’ emerġenza, u saħħew il-preżenza tagħhom fil-fruntiera esterna bl-appoġġ tal-UE, inkluż billi rrikorrew għall-forzi armati tagħhom. Huma adottaw ukoll leġiżlazzjoni dedikata biex jittrattaw din is-sitwazzjoni speċifika. Il-Kummissjoni tinsab f’kuntatt ma’ dawn l-Istati Membri, billi tipprovdi pariri tekniċi dwar il-leġiżlazzjoni tagħhom biex tiżgura konsistenza mar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-liġi tal-UE.
Is-sitwazzjoni kellha impatt ċar fuq l-applikazzjonijiet għall-ażil, li żdiedu b’mod sinifikanti. Sal-14 ta’ Novembru, kien hemm 2 649 applikazzjoni għall-ażil fil-Litwanja, 294 applikazzjoni fil-Latvja u 6 498 applikazzjoni fil-Polonja.
Barra minn hekk, hemm evidenza qawwija li kien hemm żieda kbira fil-movimenti sekondarji mhux awtorizzati marbuta mad-dħul irregolari mill-Belarussja. Il-Ġermanja stmat li aktar minn 10 000 detezzjoni fil-fruntiera Ġermaniża mal-Polonja f’dawn l-aħħar xhur jistgħu jiġu traċċati lura b’dan il-mod. Il-pulizija Federali Ġermaniża u l-pulizija Pollakka jikkooperaw biex jgħassu ż-żona tal-fruntiera u jwettqu kontrolli biex jidentifikaw migranti irregolari potenzjali. Għaddejjin ukoll azzjonijiet konġunti kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin taħt iċ-Ċellola Investigattiva Konġunta f’Vilnjus fejn il-Litwanja, il-Polonja, il-Ġermanja u l-Finlandja jaħdmu flimkien f’attivitajiet ta’ kuntrabandu u jikkoordinaw rispons operazzjonali konġunt. S’issa ġew indirizzati sittax-il każ ta’ kuntrabandu. Iċ-Ċellola Investigattiva se ssir task force operattiva fil-bidu ta’ Diċembru ma’ Stati Membri oħra li huma mistiedna jissieħbu.
Is-sitwazzjoni umanitarja fil-Belarussja u r-rispons immedjat tal-UE
L-azzjonijiet tal-Belarussja ħolqu kriżi umanitarja, b’għadd ta’ fatalitajiet diġà kkonfermati. Ta’ min ifakkar li l-Belarussja għandha r-responsabbiltà primarja biex tindirizza din il-kriżi. Hija marbuta mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulement. Għalhekk il-Belarussja għandha tipprovdi protezzjoni adegwata tar-refuġjati li hija stiednet fit-territorju tagħha u tikkoopera mal-UNHCR għal dan il-għan.
Fil-Belarussja, l-irġiel, in-nisa u t-tfal, inklużi persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli bħan-nisa tqal, huma maqbuda f’temperaturi taħt iż-żero. Hekk kif ix-xitwa tiqliel, is-sitwazzjoni tista’ biss tiggrava. Minħabba n-nuqqas ta’ aċċess adegwat għall-organizzazzjonijiet umanitarji, huwa diffiċli li jiġi vvalutat l-għadd eżatt ta’ persuni fil-bżonn. Huwa stmat li kien hemm 2 000 persuna qrib il-fruntiera u li b’kollox inqabdu sa 15 000 ruħ fil-Belarussja. Issa hemm rapporti li l-awtoritajiet Belarussi fir-reġjun organizzaw faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni billejl għal għadd ta’ nisa u tfal u ċaqilqu persuni mill-kampijiet improvviżati fil-fruntiera għal ċentru loġistiku fil-qrib.
Filwaqt li l-aċċess limitat xekkel il-kompitu tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet, il-Kummissjoni baqgħet f’kuntatt mill-qrib mal-organizzazzjonijiet umanitarji sħab tagħha. Deċiżjonijiet reċenti mmobilizzaw EUR 700 000 f’finanzjament umanitarju sabiex jingħata appoġġ lis-sħab fl-għoti ta’ assistenza lil persuni vulnerabbli maqbuda fil-fruntiera u ġewwa l-pajjiż (ara hawn taħt).
Is-sitwazzjoni fl-Istati Membri u r-rispons immedjat tal-UE
L-UE offriet appoġġ immedjat lill-Istati Membri l-aktar milquta, billi pprovdiet appoġġ materjali permezz tal-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili, l-iskjerament tal-aġenziji tal-UE u l-mobilizzazzjoni ta’ fondi addizzjonali bil-ħsieb ta’ aċċess sħiħ għall-aġenziji umanitarji rilevanti fuq il-post. L-appoġġ politiku ġie galvanizzat u ż-żjarat mill-Kummissarju Johansson fil-Litwanja f’Awwissu u fil-Polonja f’Settembru wasslu għal għadd ta’ miżuri, inkluża deċiżjoni dwar l-għajnuna ta’ emerġenza mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni lil-Litwanja ta’ EUR 36.7 miljun. L-għotja tipprevedi appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ proċeduri tal-ażil u għall-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, inkluż għal persuni vulnerabbli.
Minn Lulju ’l hawn, il-Kummissjoni laqqgħet flimkien l-Istati Membri affettwati, l-aġenziji tal-UE, is-SEAE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti f’laqgħat ta’ kull ġimgħa tan-Netwerk tal-UE ta’ Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet (in-Netwerk tal-Blueprint), biex jipprovdu għarfien u koordinazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ kwalità għolja biex jissawwar rispons effettiv.
Il-Litwanja attivat il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (UPCM) fil-15 ta’ Lulju 2021. Il-Kummissjoni kkoordinat l-assistenza minn 19-il Stat Membru u min-Norveġja li tikkonsisti f’tined, sodod, sistemi tat-tisħin, ġeneraturi elettriċi, friex, razzjonijiet tal-ikel u assistenza oħra in natura. L-għażla li jiġi attivat il-UCPM tibqa’ miftuħa għall-Polonja u l-Latvja, b’kull pajjiż ikun jista’ jiddefinixxi l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu. Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza tal-Kummissjoni jinsab f’kuntatt kostanti mal-Polonja, il-Latvja u l-Litwanja biex jipprovdi appoġġ kif meħtieġ.
L-aġenziji tal-Affarijiet Interni tal-UE ġew skjerati wkoll minn Lulju ’l hawn. Sal-lum, 104 uffiċjali tal-Frontex, 73 espert tal-EASO, żewġ Uffiċjali Mistiedna tal-Europol u analist wieħed huma stazzjonati fil-Litwanja. Barra minn hekk, il-Frontex ipprovdiet karozzi tal-għassa u tat-trasport kif ukoll ħelikopters fil-Litwanja. Seba’ uffiċjali tal-pulizija tal-fruntieri tal-Frontex, karozza tal-għassa waħda u vettura ta’ viżjoni termali waħda kif ukoll disa’ esperti tal-EASO (uffiċjali ta’ appoġġ u interpreti) bħalissa huma skjerati fil-fruntiera Latvjana mal-Belarussja. Hemm ukoll speċjalist tal-Europol stazzjonat fil-Polonja kif ukoll tliet uffiċjali tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Frontex li kienu preżenti fil-Polonja qabel din il-kriżi. Il-Frontex qed tappoġġa wkoll lil-Latvja u lil-Litwanja dwar ir-ritorni, u l-aktar reċentement irċeviet talba għal appoġġ mill-Polonja.
3.L-INDIRIZZAR TAL-KRIŻI LI GĦADDEJJA BĦALISSA
Azzjoni barra l-UE
-Miżuri restrittivi (sanzjonijiet)
Ir-reazzjoni tal-UE għall-istrumentalizzazzjoni tal-migranti mir-reġim ta’ Lukashenko ssegwi tħassib dejjem akbar dwar il-fatt li l-Belarussja qed tikser in-normi internazzjonali, kemm f’termini ta’ ripressjoni tad-demokrazija kif ukoll ta’ nżul furzat tat-titjira ta’ Ryanair f’Mejju. Is-sanzjonijiet li jirrispondu għall-elezzjonijiet frawdolenti u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni, kif ukoll għad-devjazzjoni tat-titjiriet, żdiedu progressivament u issa ġew iddeżinjati total ta’ 166 individwu u 15-il entità taħt ir-reġim tas-sanzjonijiet. Dan huwa kkomplementat minn pakkett komprensiv ta’ miżuri ekonomiċi u finanzjarji kontra l-Belarussja kif ukoll projbizzjoni fuq it-titjiriet minn fuq l-ispazju tal-ajru tal-UE u fuq l-aċċess għal ajruporti tal-UE minn trasportaturi tal-ajru Belarussi.
Dawn il-miżuri issa qed jiġu estiżi bħala rispons speċifiku għall-istrumentalizzazzjoni sponsorjata mill-istat tal-migranti u r-refuġjati mill-Belarussja. Fil-15 ta’ Novembru, il-Kunsill emenda r-reġim ta’ sanzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-Belarussja u l-UE issa tista’ wkoll timmira kemm individwi kif ukoll entitajiet li jorganizzaw jew jikkontribwixxu għal attivitajiet li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri tal-UE. Jistgħu jiġu applikati azzjonijiet ulterjuri wara l-investigazzjonijiet tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).
Il-Kunsill laħaq ukoll qbil politiku dwar il-ħames pakkett ta’ listi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fil-fruntiera, l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti, u r-ripressjoni kontinwa fil-Belarussja. F’konformità mal-approċċ gradwali tal-UE dwar is-sanzjonijiet, il-qafas legali msaħħaħ ser jippermetti lill-UE timponi aktar miżuri kontra dawk li intenzjonalment jipperikolaw il-ħajja, is-saħħa u l-benesseri tan-nies, u jippruvaw jimminaw is-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE. B’reazzjoni għall-iżviluppi, il-Kummissjoni hija lesta li tipproponi aktar miżuri restrittivi għad-diskussjoni tal-Kunsill biex titrażżan il-kapaċità tar-reġim Belarussu li jistrumentalizza l-migranti.
Implimentazzjoni b’saħħitha u uniformi tal-miżuri restrittivi eżistenti se żżid il-pressjoni fuq ir-reġim. Dawn il-miżuri ser jagħtu riżultati konsiderevoli, minħabba l-profil ekonomiku ta’ xi wħud mill-persuni u l-entitajiet elenkati. L-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri u mal-Kummissjoni huwa kruċjali biex jiġi żgurat li r-rabtiet ekonomiċi moħbija jkunu magħrufa mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha, u li s-sanzjonijiet jiġu implimentati bis-sħiħ. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri aġixxew b’mod sistematiku biex jinfurzaw ir-restrizzjonijiet fuq titjiriet li jgħaddu minn fuq il-Belarussja minn operaturi tas-servizzi tal-ajru tal-UE. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ implimentazzjoni li waslu mingħand kumpaniji, ditti legali u awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi aktar gwida.
-Sospensjoni tal-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża
Fid-9 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill adotta l-proposta tal-Kummissjoni dwar is-sospensjoni parzjali tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża bejn l-UE u l-Belarussja. Is-sospensjoni tikkonċerna uffiċjali tal-gvern tal-Belarus (membri tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Belarus; membri tal-Gvernijiet u l-Parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Belarussja, il-Qorti Kostituzzjonali tal-Belarussja u l-Qorti Suprema tal-Belarussja). Dan ifisser li l-uffiċjali Belarussi se jkollhom jissottomettu s-sett sħiħ ta’ dokumenti ta’ sostenn dwar kull applikazzjoni għal viża, il-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu mhux se jiġi ffaċilitat u mhux se jkunu intitolati għall-eżenzjoni mit-tariffa tal-viża. Id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża jibqgħu fis-seħħ u l-faċilitazzjoni se tkompli għaċ-ċittadini ordinarji tal-Belarussja.
-Sforzi diplomatiċi
Sa mill-bidu tal-kriżi, l-UE ilha tagħmel użu sħiħ mill-għodod diplomatiċi għad-dispożizzjoni tagħha. Is-sensibilizzazzjoni twettqet kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak tekniku. Il-President von der Leyen enfasizzat il-ħtieġa għal approċċ proattiv biex tħabbar li l-Viċi President Schinas, f’koordinazzjoni mar-Rappreżentant Għoli/Viċi President Borrell, se tivvjaġġa lejn il-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu involuti biex tipprevjeni lin-nies milli jaqgħu fin-nassa stabbilita mir-reġim tal-Belarussja.
Fit-30 ta’ Lulju, ir-RGħ/VP Borrell ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-UE li tiddenunzja l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti u r-refuġjati mir-reġim u fl-10 ta’ Novembru ħarġet it-tieni dikjarazzjoni li tidentifika s-sitwazzjoni bħala attakk ibridu. Ir-reġim Belarussu kien soġġett għal inizjattivi diplomatiċi f’Awwissu u f’Settembru. Ir-RGħ/VP Borrell sejjaħ lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Belarussja Makei fl-14 u s-16 ta’ Novembru, u qajjem is-sitwazzjoni umanitarja prekarja fil-fruntiera u talab li r-reġim iwaqqaf il-prattiki illegali u immorali attwali.
Il-kwistjoni tal-istrumentalizzazzjoni tal-migranti sponsorjata mill-istat ġiet indirizzata wkoll mill-UE fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u fin-Nazzjonijiet Uniti kemm fi New York kif ukoll f’Ġinevra. Fil-11 ta’ Novembru, saret laqgħa magħluqa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera u dwar l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti tal-Belarussja fuq talba tal-UE. Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 ħarġu dikjarazzjoni fit-18 ta’ Novembru fejn iddikjaraw solidarjetà mal-Polonja, il-Litwanja u l-Latvja, u faħħru l-azzjonijiet tal-UE li jaħdmu mill-qrib mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu biex jintemmu l-azzjonijiet tar-reġim ta’ Lukashenko.
Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli żiedu ż-żjarat f’pajjiżi sħab ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu. L-awtoritajiet fil-pajjiżi sħab ġew avżati dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera tal-UE mal-Belarussja, ir-riskji tal-isfruttament taċ-ċittadini tagħhom u tal-persuni fi tranżitu, il-ħtieġa li ċ-ċittadini tagħhom jiġu infurmati b’mod attiv dwar ir-riskji u l-perikli tal-migrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa, u l-potenzjal għal impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE. Ġiet enfasizzata l-importanza tal-kooperazzjoni dwar ir-ritorn ta’ dawk il-migranti mingħajr dritt leġittimu ta’ soġġorn fl-UE. Il-President Von der Leyen qajmet il-kwistjoni b’mod attiv fil-livell internazzjonali u ma’ sħab ewlenin, inkluż mal-Istati Uniti. Fil-bidu ta’ Settembru, ir-RGħ/VP Borrell żar l-Iraq, u f’Ottubru l-Kummissarju Johansson żar it-Turkija. Il-Viċi President Schinas reċentement żar l-Iraq, il-Libanu, l-Emirati Għarab Magħquda u t-Turkija u dalwaqt se jżur l-Użbekistan.
Permezz tan-netwerk tagħha ta’ Delegazzjonijiet tal-UE u b’ħidma mill-qrib mal-Eurocontrol, l-UE ssorveljat b’mod konsistenti s-sitwazzjoni biex tidentifika bidliet fix-xejriet tat-titjiriet lejn il-Belarussja u tidentifika l-emerġenza ta’ rotot ġodda. Il-pajjiżi sħab intalbu jiġġieldu n-netwerks tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni llegali u jimponu kontrolli aktar stretti fuq it-titjiriet u l-passiġġieri biex itaffu r-riskju ta’ moviment irregolari lejn l-UE.
Is-sensibilizzazzjoni inkludiet kuntatti diretti mal-linji tal-ajru u mal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili. Dan inkluda diskussjonijiet mal-Organizzazzjoni Għarbija tal-Avjazzjoni Ċivili, li tesplora modi biex tgħin tillimita l-ivvjaġġar mhux bona fide lejn il-Belarussja.
L-Istati Membri tal-UE kkomunikaw ukoll mal-pajjiżi sħab dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera tal-UE mal-Belarussja u l-istrumentalizzazzjoni kontinwa tal-migranti mir-reġim Belarussu. Saru démarches konġunti mid-Delegazzjonijiet tal-UE mal-Istati Membri, kif ukoll mill-Istati Membri li jaġixxu bilateralment fil-Każakistan, l-Indja, il-Georgia, l-Ukrajna, it-Turkija u l-Użbekistan.
L-impenn kontinwu tal-UE wassal għal riżultati. Id-diskussjonijiet mal-Iraq, fid-dawl tal-proposti tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 25a tal-Kodiċi dwar il-Viżi biex titjieb il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, enfasizzaw l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar ir-ritorn, inkluż ir-ritorn mhux volontarju. Wara l-ewwel komunikazzjoni ddedikata f’Lulju, kemm mir-RGħ/VP Borrell kif ukoll mill-Kummissarju Johansson, il-gvern tal-Iraq aġixxa malajr, b’sospensjoni ta’ titjiriet diretti minn Bagdad lejn il-Belarussja f’Awwissu. Dan għadu fis-seħħ illum. Wara ż-żjara tal-Viċi President Schinas, it-titjiriet minn Erbil fi tranżitu minn pajjiżi terzi lejn il-Belarussja twaqqfu wkoll. L-Iraq kompla jinvestiga l-attivitajiet ta’ kuntrabandu u għalaq il-konsulati onorarji tal-Belarus. Issa qed jorganizza titjiriet ta’ ripatrijazzjoni għall-Iraqin, appoġġjati wkoll mill-Kummissjoni (ara hawn taħt).
Ittieħdu diversi passi oħra biex jiġu sospiżi t-titjiriet u jiġu imposti kontrolli aktar stretti fuq titjiriet u passiġġieri matul Novembru mal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ta’ għadd ta’ stati ewlenin li issa qed jirrifjutaw li jippermettu b’mod partikolari lill-passiġġieri Iraqin, Sirjani, Afgani u Jemeniti jivvjaġġaw jew jgħaddu lejn Minsk. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet se jkun importanti.
Se jkun meħtieġ sforz diplomatiku intensiv biex jiġi evitat l-isfruttament ta’ rotot ġodda bir-riskju li l-Belarussja tipprova tikkumpensa billi tiffaċilita l-ivvjaġġar permezz ta’ rotot ġodda, speċjalment mil-Lvant. L-UE jenħtieġ li tkompli tissensibilizza lis-sħab rilevanti dwar ir-riskju li jiddaħħlu fl-istrateġija tal-Belarussja bħala ċentru għal movimenti irregolari. Messaġġi kollettivi b’saħħithom u koerenti se jkunu meħtieġa biex jiżguraw lil dawn is-sħab li l-UE se tappoġġa azzjoni preventiva, u wkoll biex jiċċaraw il-konsegwenzi negattivi potenzjali jekk din il-kwistjoni ma tingħatax l-attenzjoni u l-importanza dovuta.
-Il-ħlieda kontra d-diżinformazzjoni
Il-manipulazzjoni tal-informazzjoni hija għodda ewlenija użata biex jiġu strumentalizzati l-migranti. Hemm evidenza ċara li s-sitwazzjoni qed tiġi sfruttata biex tiġi organizzata kampanja ta’ diżinformazzjoni mifruxa biex tiskredita r-reputazzjoni internazzjonali tal-UE, billi tiġi ppreżentata bħala ostili lejn ir-refuġjati. L-istess kampanja turi r-reġim ta’ Lukashenko bħala li jissodisfa x-xewqat leġittimi ta’ persuni li jixtiequ jemigraw u għandha l-għan li ttellef l-attenzjoni mill-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja. Aktar trasparenza u kampanji ta’ informazzjoni huma importanti biex din in-narrattiva tiġi miġġielda b’mod effettiv. L-aċċess tal-midja u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa kruċjali sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.
Il-mezzi tal-midja kkontrollati mill-istat Russu huma preżenti b’mod kostanti fil-fruntiera tal-Belarussja, flimkien mal-kontropartijiet tagħhom tal-Belarussja. Dan jiżgura li l-messaġġi manipulattivi jinfirxu internazzjonalment. Is-sitwazzjoni hija aggravata mill-fatt li l-mezzi tax-xandir indipendenti fil-Belarussja fil-biċċa l-kbira ngħalqu mir-reġim.
L-UE ser tkompli tipprovdi appoġġ legali, finanzjarju u appoġġ ieħor għall-media indipendenti Belarussa, inklużi l-operazzjonijiet tagħha fl-eżilju. Id-delegazzjonijiet kollha tal-UE ngħataw struzzjonijiet biex ikollhom rwol attiv fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni. Is-SEAE Stratcom ser ikompli jqajjem kuxjenza u jesponi pubblikament l-isforzi ta’ diżinformazzjoni u manipulazzjoni tal-informazzjoni mill-media Belarussa u dik Russa kkontrollata mill-Istat dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni, u jikkondividi l-analiżi u l-monitoraġġ tagħha mal-Istati Membri u s-sħab internazzjonali permezz tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija.
-Il-midja soċjali u l-ġlieda kontra informazzjoni qarrieqa lill-migranti
Il-midja soċjali kellha rwol ewlieni fl-istimulazzjoni tad-domanda għas-servizzi ta’ faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti u qajmet aspettattivi mhux realistiċi dwar il-possibbiltajiet ta’ dħul fl-UE. Tintuża wkoll bħala għodda loġistika mit-traffikanti tal-migranti u bejn il-migranti fil-Belarussja. Il-Europol qed tinvolvi ruħha mal-fornituri tal-midja soċjali biex tħeġġeġ lill-pjattaformi biex ikollhom rwol fit-tfixkil tal-komunikazzjoni.
Is-servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se jintensifika l-ħidma biex jiġġieled kontra l-informazzjoni falza u qarrieqa online, b’enfasi fuq fejn il-migranti jiskambjaw l-informazzjoni u fejn il-Belarussja u l-faċilitaturi ta’ dħul klandestin tal-migranti jistgħu jistimulaw id-domanda għall-migrazzjoni irregolari. Id-delegazzjonijiet tal-UE ser jiskjeraw materjal ta’ komunikazzjoni dedikat.
Il-proġett eżistenti InfoMigrants jappoġġa kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni għal aktar minn 50 miljun persuna disponibbli f’sitt lingwi (il-Franċiż, l-Għarbi, l-Ingliż, il-Bengali, id-Dari u l-Pashto). Imexxi kampanji ta’ informazzjoni permezz ta’ portal tal-midja online li jipprovdi fuq pjattaforma unika, aħbarijiet u servizzi ta’ informazzjoni għall-migranti u r-refuġjati f’pajjiżi terzi, u qed jespandi l-involviment dirett mal-migranti permezz ta’ Facebook Messenger. Dan joffri informazzjoni affidabbli, verifikata u oġġettiva biex jiġu miġġielda l-ideat żbaljati dwar ir-riskji tul ir-rotta migratorja u l-kwalità tal-ħajja barra mill-pajjiż. Informazzjoni speċifika li issa qed tintuża dwar il-Belarussja tinkludi kopertura tal-aħbarijiet ta’ kuljum u impenn dirett dwar ir-riskji involuti. Il-migranti maqbuda fil-fruntieri tal-Belarussja setgħu jikkuntattjaw lil InfoMigrants biex iwissu lil oħrajn biex ma jwettqux vjaġġ u jagħmluha ċara li m’hemm l-ebda garanzija ta’ ażil.
Permezz ta’ proġett iffinanzjat mill-UE, iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni (ICMPD) jipprovdi informazzjoni lil migranti potenzjali fl-Asja dwar l-għażliet għal perkorsi legali, kif ukoll dwar ir-riskji konnessi mal-migrazzjoni irregolari. Iċ-Ċentru ddedikat fl-Iraq żied b’mod rapidu l-attivitajiet tiegħu biex jiskoraġġixxi aktar tluq lejn il-Belarussja. Il-kampanja twettqet b’komunikazzjoni individwali, messaġġi fuq il-midja soċjali u kampanji televiżivi.
-Żieda fl-appoġġ umanitarju fil-Belarussja
Reċentement l-UE rnexxielha tidderieġi l-appoġġ dirett għas-sitwazzjoni fil-Belarussja b’xi possibbiltajiet biex jiġi pprovdut appoġġ umanitarju għal migranti maqbuda fil-Belarussja li qed jinġemgħu issa. Dan jinkludi l-allokazzjoni immedjata ta’ EUR 200 000 għall-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar (IFRC) bħala parti mill-kontribuzzjoni globali tal-UE għall-Fond ta’ Emerġenza tal-Għajnuna mid-Diżastri, ġestit mill-IFRC. Dan il-finanzjament immedjat tal-UE jappoġġa lill-IFRC u lis-soċjetà nazzjonali tiegħu, is-Salib l-Aħmar tal-Belarussja, biex jipprovdu assistenza ta’ sokkors tant meħtieġa, inklużi ikel, kits tal-iġjene, kutri, u kits tal-ewwel għajnuna.
L-Għodda tal-Kummissjoni fuq Skala Żgħira ġiet attivata wkoll b’EUR 500 000 disponibbli għal organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-IOM, il-UNHCR, l-IFRC biex jipprovdu assistenza ta’ emerġenza. Dan jista’ jipprovdi assistenza li ssalva l-ħajjiet lill-persuni l-aktar vulnerabbli maqbuda fil-fruntiera, inklużi l-ikel u l-ilma, oġġetti mhux tal-ikel (kutri, ħwejjeġ, oġġetti tat-trabi) u appoġġ għas-saħħa, u t-tħejjija għax-xitwa. Il-Kummissjoni bħalissa tinsab f’kuntatt mas-sħab umanitarji tagħha dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi. Huwa imperattiv li jkollhom l-aċċess meħtieġ għan-nies fil-bżonn.
Il-Kummissjoni tinsab lesta li tipprovdi finanzjament umanitarju addizzjonali, lill-UNHCR u lill-IOM fost l-oħrajn, biex twieġeb għal ħtiġijiet umanitarji stabbiliti b’mod ċar, jekk l-aċċess għall-organizzazzjonijiet sħab umanitarji jkompli jitjieb.
-Titjiriet għar-ritorn ta’ dawk li nqabdu fil-Belarussja
Rispons uman għall-kriżi jinkludi l-għajnuna lin-nies biex jirritornaw lura d-dar fejn possibbli. Diġà hemm evidenza li ħafna nies huma lesti li jirritornaw lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom. Il-Kummissjoni se timmobilizza sa EUR 2.5 miljun biex tiffaċilita r-ritorn volontarju assistit. Dan se jkopri l-ispejjeż tar-ritorn u r-riintegrazzjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini, kif ukoll l-appoġġ umanitarju, mediku u legali essenzjali waqt li jkun fit-territorju tal-Belarussja.
Fit-18 ta’ Novembru telqet titjira b’432 Iraqin abbord minn Minsk għal Bagdad. L-awtoritajiet Iraqin talbu l-għajnuna b’dawn ir-ritorni. Bi tweġiba għal dan, il-Kummissjoni se timmobilizza fondi addizzjonali ta’ madwar EUR 1 miljun biex tappoġġa r-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni f’kooperazzjoni mal-IOM. Kollox ma’ kollox, dan ifisser li l-Kummissjoni se tipprovdi sa EUR 3.5 miljun biex tappoġġa lill-persuni rimpatrijati fuq bażi volontarja mill-Belarussja.
Barra minn hekk, aktar finanzjament permezz tal-istrument baġitarju l-ġdid NDICI-Ewropa Globali se jappoġġa lill-Iraq biex iżid il-kooperazzjoni tiegħu mal-UE fl-indirizzar tal-isfidi komuni tal-migrazzjoni, bi prijorità mogħtija lill-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari, l-iżvilupp tal-kooperazzjoni dwar ir-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni, l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostament sfurzat, l-għoti ta’ assistenza u protezzjoni lir-refuġjati fil-pajjiż u l-organizzazzjoni aħjar tal-migrazzjoni tal-ħaddiema.
Fil-fruntiera/ġewwa l-UE
-Il-ġestjoni tal-fruntieri, l-ażil u r-ritorn
Il-finanzjament tal-UE jista’ jagħti aktar appoġġ lill-Istati Membri l-aktar affettwati, bl-użu tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi (BMVI). Filwaqt li l-Istati Membri rċevew allokazzjonijiet għall-programmi nazzjonali, iż-żewġ strumenti ta’ finanzjament jistabbilixxu wkoll Faċilità Tematika. Dan jiffinanzja prijoritajiet fil-livell tal-UE, inkluża assistenza ta’ emerġenza għal ħtiġijiet urġenti u immedjati u appoġġ lill-Istati Membri taħt pressjoni migratorja.
Dan diġà ntuża għall-EUR 36.7 miljun f’għajnuna ta’ emerġenza li għaddejja bħalissa fil-Litwanja. Dan il-programm juri kif l-UE tista’ tgħin biex tindirizza varjetà wiesgħa ta’ ħtiġijiet finanzjarji u operazzjonali, minn tagħmir operattiv u sistemi ta’ sorveljanza tal-fruntieri għat-trasport għall-gwardji tal-fruntieri. Dan jista’ jgħin fil-kwalità u d-disponibbiltà taċ-ċentri ta’ akkoljenza, kif ukoll it-trasport tal-migranti, u biex jinbnew faċilitajiet apposta biex jappoġġaw lil dawk vulnerabbli. Il-Kummissjoni tinsab fi djalogu mal-Litwanja, il-Polonja u l-Latvja dwar il-firxa ta’ dan il-finanzjament u kif tista’ tgħin, abbażi ta’ valutazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet. Minbarra t-EUR 360 miljun previsti għal dawn l-Istati Membri taħt il-BMVI għal dan il-perjodu finanzjarju, żieda oħra ta’ madwar EUR 200 miljun se tkun disponibbli għall-2021 u l-2022.
L-UE offriet ukoll appoġġ mill-aġenziji tagħha lil-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja, bħala t-tliet Stati Membri fil-mira tal-Belarussja. Dan diġà qed jintwera permezz tal-iskjerament ta’ esperti. L-aġenziji issa jistgħu jipprovdu pass ieħor ’il quddiem fl-appoġġ operattiv u huwa importanti li t-tliet Stati Membri jagħmlu użu sħiħ minn dak l-appoġġ.
Minbarra li twieġeb għal talba sostanzjali għall-iskjerament fil-Litwanja b’mod partikolari, l-appoġġ attwali tal-Frontex jinkludi servizzi 24/7 ta’ Monitoraġġ tas-Sitwazzjoni u tal-Kriżijiet u skambju ta’ informazzjoni operazzjonali. Għażliet oħra jinkludu l-forniment ta’ tagħmir, il-bini tal-kapaċità u t-taħriġ lill-gwardji tal-fruntieri nazzjonali, u informazzjoni mmirata u analiżi tar-riskju, kif ukoll l-iskjerament tal-Korp Permanenti.
Il-mandat il-ġdid tal-Frontex joffri opportunitajiet konsiderevoli biex isir pass ’il quddiem b’appoġġ għall-attivitajiet ta’ kontroll tal-fruntieri, inkluż l-iskrinjar u l-operazzjonijiet ta’ ritorn. Dan jiftaħ il-bieb għal koordinazzjoni operattiva aktar ċara. Pereżempju, fuq talba minn Stat Membru, id-direttur eżekuttiv tal-Frontex jista’ jniedi intervent rapidu fil-fruntiera u/jew intervent ta’ ritorn fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti kkonċernat. Dan jippermetti intervent organizzat u b’riżorsi fil-livell tal-UE. Huwa importanti li l-Istati Membri kollha jkunu lesti li jwieġbu b’tagħmir u persunal f’konformità mal-mandat il-ġdid tal-Aġenzija.
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) qed jipprovdi appoġġ operazzjonali lil-Litwanja biex jitħaffef it-trattament tal-applikazzjonijiet għall-asil u biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza f’konformità mal-istandards tal-UE. L-EASO qed jappoġġa wkoll lil-Latvja b’miżuri ta’ interpretazzjoni u ta’ bini ta’ kapaċità. Aktar appoġġ jista’ jiffoka fuq ir-reġistrazzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet bl-aktar mod effettiv, biex jiġi żgurat l-iskrinjar tal-migranti vulnerabbli, l-appoġġ għall-ġestjoni, it-tfassil u l-istabbiliment ta’ standards adegwati tal-faċilitajiet ta’ akkoljenza.
Fir-rigward tar-ritorni, il-Kummissjoni, il-Frontex u l-IOM ilhom jaħdmu mal-Litwanja biex isaħħu l-kapaċità ta’ ritorn. Il-Polonja talbet ukoll l-appoġġ tal-Frontex fit-twettiq tar-ritorni. Is-solidarjetà tal-UE mat-tliet Stati Membri affettwati ser tkompli tinkludi appoġġ għar-ritorni lejn il-pajjiżi ta’ oriġini, u dan diġà rriżulta f’għadd sostanzjali ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn. L-azzjoni tal-UE ser tiffoka mhux biss fuq l-appoġġ tekniku u operazzjonali, iżda wkoll fuq is-sensibilizzazzjoni għall-Iraq u pajjiżi terzi oħra biex jiġi żgurat li l-persuni rimpatrijati jiġu aċċettati, u li l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa jingħataw għal titjiriet charter.
Din il-ħidma se tiġi intensifikata b’appoġġ imfassal apposta lit-tliet Stati Membri kollha kemm huma. L-appoġġ tal-Frontex jista’ jinvolvi l-iskjerament ta’ speċjalisti tar-ritorn u l-organizzazzjoni ta’ missjonijiet ta’ identifikazzjoni, kif ukoll il-kiri ta’ titjiriet għar-ritorni.
Barra minn hekk, minbarra l-appoġġ operazzjonali li qed jiġi pprovdut u li jista’ jiġi intensifikat aktar, il-Kummissjoni qed taħdem fuq proposta għal miżuri proviżorji fil-qasam tal-asil u r-ritorn, abbażi tal-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan isegwi l-istedina tal-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni biex tipproponi kwalunkwe bidla meħtieġa fil-qafas legali tal-UE u miżuri konkreti biex jiġi żgurat rispons immedjat u xieraq f’konformità mal-liġi tal-UE u l-obbligi internazzjonali. Hija twieġeb ukoll għal talba mill-Istati Membri milquta biex ikunu jistgħu jistrieħu fuq miżuri proviżorji biex jindirizzaw b’mod effettiv is-sitwazzjoni migratorja ta’ emerġenza fil-fruntieri esterni tal-UE. Dawk il-miżuri għandhom l-għan li jkomplu jappoġġaw lil-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja fil-ġestjoni tas-sitwazzjoni attwali b’mod ikkontrollat u rapidu, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-obbligi internazzjonali.
- L-ittrattar tal-facilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali
L-istrateġija tal-awtoritajiet Belarussi – li l-ewwel jiġbdu l-migranti lejn il-Belarussja, u mbagħad isuquhom lejn il-qsim irregolari tal-fruntiera esterna tal-UE u moviment sekondarju potenzjali – tiddependi fuq l-ekonomija tal-kuntrabandu li tħeġġeġ, tiffaċilita u timmonetizza s-sitwazzjoni ta’ dawk li jistgħu jiġu mħajra fuq pretenzjonijiet foloz.
Il-Europol jipprovdi appoġġ il-ħin kollu għal investigazzjonijiet kriminali miċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti (EMSC), u jiffaċilita skambji ta’ informazzjoni operazzjonali fi ħdan it-Task Force Konġunta ta’ Kollegament dwar il-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti u t-Traffikar tal-Bnedmin fl-Europol, li jiltaqa’ kull ġimgħa. L-Aġenzija twettaq ukoll monitoraġġ u appoġġ minn sorsi miftuħa permezz tal-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet tagħha lill-Istati Membri li jagħmlu r-riferimenti. L-appoġġ kontinwu tal-Europol lill-Istati Membri kkonċernati jinkludi kontrolli ta’ sigurtà sekondarji u kontroverifiki oħrajn iffukati fuq każijiet ta’ faċilitazzjoni ta’ kuntrabandu, inklużi movimenti sekondarji mhux awtorizzati. Din il-ħidma tista’ tiġi intensifikata permezz tal-iskjerament ta’ esperti, il-kontroverifika tal-informazzjoni mad-data miżmuma fil-Europol, il-monitoraġġ fuq l-internet, u l-iffaċilitar tal-iskambju rapidu u sigur tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Is-sitwazzjoni tal-Belarussja tista’ tingħata prijorità biex tirriżulta f’analiżi mfassla apposta, bħal valutazzjonijiet tat-theddid u rapporti dwar is-sitwazzjoni.
Il-Kummissjoni reċentement ipproponiet Pjan ta’ Azzjoni tal-UE mġedded kontra t-traffikar tal-migranti (2021–2025), li jirrikonoxxi l-fenomenu l-ġdid tal-istrumentalizzazzjoni tal-migranti għal skopijiet politiċi u l-ħtieġa li l-fruntieri esterni tal-UE jiġu protetti b’riżultat ta’ dan. L-implimentazzjoni konġunta tal-UE u l-Istati Membri tagħha ta’ aspetti ewlenin tal-pjan ta’ azzjoni ser tipprovdi rispons aktar effettiv għal xejriet li qed jinbidlu u rotot li qed jevolvu, it-tisħiħ tas-sanzjonar tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja kif ukoll il-prevenzjoni tal-isfruttament tal-migranti u l-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet tagħhom.
Elementi li jistgħu jiġu skjerati malajr jinkludu Sħubiji Operattivi Komuni biex titkompla l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ netwerks ta’ kuntrabandu kriminali, inkluż appoġġ għal unitajiet investigattivi speċjalizzati f’pajjiżi sħab, speċjalment fil-pajjiżi l-aktar involuti fil-flussi lejn il-Belarussja. L-appoġġ lis-sħab fl-istabbiliment ta’ oqfsa legali sodi għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu, kif ukoll fl-implimentazzjoni prattika, huwa ċentrali għall-iżvilupp ta’ Sħubijiet Operattivi Konġunti Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin.
4.PREVENZJONI: AZZJONI BIEX TIĠI INDIRIZZATA L-ISTRUMENTALIZZAZZJONI
L-istrumentalizzazzjoni tal-migranti sponsorjata mill-istat jenħtieġ li tiġi rikonoxxuta bħala theddida ġdida sinifikanti u għandha tiġi inkluża fit-taqsimiet ta’ ħidma tal-Unjoni tas-Sigurtà tal-UE kif ukoll adottata b’mod wiesa’ fi ħdan il-komunità globali. L-attivitajiet diplomatiċi tal-UE qed iqajmu kuxjenza dwar il-fenomenu kemm fost is-sħab tal-UE kif ukoll f’fora multilaterali. Ser ikomplu l-isforzi biex jinbena kunsens globali li l-bnedmin m’għandhomx jintużaw bħala sies fil-poter politiku ta’ atturi mingħajr prinċipji. Huwa fl-interess komuni taż-żewġ pajjiżi ta’ destinazzjoni, iżda wkoll tal-pajjiżi ta’ tranżitu u ta’ oriġini, li jiġi evitat li dan il-mudell jiġi ripetut. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jilħqu korpi internazzjonali ewlenin bħall-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) biex jieħdu azzjoni kontra t-traffikar tal-migranti u l-istrumentalizzazzjoni tal-persuni sponsorjata mill-istat.
Fi ħdan l-UE, il-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Asil diġà qed ifittex li jipprovdi lill-UE bil-qafas legali u istituzzjonali komprensiv meħtieġ, li jindirizza l-vulnerabbiltà maħluqa min-nuqqas ta’ sistema komuni effettiva u ġusta. Huwa kruċjali li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill javvanzaw fin-negozjati.
Hemm bżonn li l-kwistjoni tal-istrumentalizzazzjoni tiġi kkunsidrata f’dan l-approċċ, u l-proposti li jmiss tal-Kummissjoni għar-riforma tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jinkludu t-tisħiħ tal-qafas legali tal-UE biex jingħataw għodod aħjar lill-Istati Membri biex jipproteġu l-fruntieri esterni f’sitwazzjonijiet ta’ strumentalizzazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali. Dawn se jinkludu wkoll miżuri li se jgħinu lil dawk l-Istati Membri li jaraw movimenti mhux awtorizzati ta’ migranti inklużi r-riperkussjonijiet tal-istrumentalizzazzjoni ’l bogħod mill-fruntiera esterna.
Aspett speċifiku ieħor li għandu jiġi indirizzat huwa t-trasport. Bħala għodda għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, huwa essenzjali li l-operaturi tat-trasport jiġu involuti mill-qrib fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-rotot ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin inerenti fl-istrumentalizzazzjoni. L-istess approċċ huwa meħtieġ biex jiġu miġġielda n-netwerks kriminali wara t-traffikar tal-bnedmin. Ħafna operaturi tat-trasport diġà għandhom politiki fis-seħħ biex jevitaw li jsiru aċċessorju għall-kriminalità u l-organizzazzjonijiet internazzjonali tat-trasport u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija żviluppaw materjal ta’ Gwida għall-membri tagħhom.
Madankollu, politiki bħal dawn mhumiex universali, u fejn jeżistu, mhumiex dejjem implimentati tajjeb. Avvenimenti reċenti ma setgħux iseħħu mingħajr ma ċerti operaturi tat-trasport jikkontribwixxu konxjament jew mingħajr ma jafu, u f’xi każijiet jibbenefikaw mill-isfruttament tan-nies, b’impatt umanitarju kbir u bi spiża għolja għas-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE u l-istabbiltà fir-reġjun. Il-parteċipazzjoni f’tali attivitajiet jew l-iffaċilitar tagħhom jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw il-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru u l-Protokoll għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Ikkastigar tat-Traffikar ta’ Persuni, Speċjalment tan-Nisa u t-Tfal.
Biex jiġi żgurat li l-UE jkollha l-għodod xierqa għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u l-istrumentalizzazzjoni tiegħu għal finijiet politiċi, kif ukoll biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin, hija meħtieġa leġislazzjoni aktar immirata biex jiġu indirizzati direttament l-operaturi tat-trasport li jinvolvu ruħhom f’tali operazzjonijiet jew reati serji oħra fir-rigward tal-faċilitazzjoni tad-dħul illegali fl-UE.
Illum il-Kummissjoni qed tressaq proposta biex tipprevjeni u tirrestrinġi l-attivitajiet tal-operaturi tat-trasport li jinvolvu ruħhom jew jiffaċilitaw il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin jew it-traffikar ta’ persuni fl-UE.
Il-proposta tipprovdi qafas legali li jippermetti lill-UE tadotta miżuri preventivi u protettivi kontra l-operaturi tat-trasport ta’ kwalunkwe mezz ta’ trasport (l-art, l-ajru, il-passaġġi fuq l-ilma interni u l-baħar) li jinvolvu ruħhom fi, jew jiffaċilitaw, il-kuntrabandu jew it-traffikar ta’ persuni lejn l-UE. Jenħtieġ li l-miżuri meħuda jkunu meħtieġa u proporzjonati fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull każ. Dawn jistgħu jinkludu s-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta’ operazzjonijiet attwali, is-sospensjoni ta’ liċenzji operattivi, il-projbizzjoni ta’ titjir eċċessiv fl-UE, li jsiru waqfiet tekniċi jew li wieħed jidħol fil-portijiet tal-UE, jew il-projbizzjoni li wieħed jopera lejn u mill-UE. L-effettività tal-miżuri se tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-iskjerament rapidu tagħhom. Għalhekk, il-miżuri se jiġu adottati malajr mill-Kummissjoni abbażi ta’ evidenza xierqa u wara li l-operaturi tat-trasport involuti jitħallew jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu.
5.KONKLUŻJONI
L-azzjoni determinata u komprensiva kontra l-istrateġija tal-Belarussja ta’ strumentalizzazzjoni tal-migranti sponsorjata mill-istat qed tibda tagħti riżultati. Beda sforz diplomatiku miftiehem biex jinqatgħu l-opportunitajiet għall-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti lejn il-Belarussja. Il-konsegwenzi għall-Belarus u għall-faċilitaturi tal-kuntrabandu qed isiru dejjem aktar ċari. Qed jiżdied l-appoġġ lill-Istati Membri l-aktar affettwati. Jeħtieġ li jkun hemm enfasi qawwija fuq il-ħtiġijiet umanitarji tal-persuni li issa nqabdu, inkluż ix-xogħol biex jiġu megħjuna jirritornaw lejn darhom.
Fl-istess ħin, iffaċċjata minn tentattiv biex tinħoloq kriżi kontinwa u fit-tul, l-UE qed tappoġġja bil-qawwa lill-Istati Membri tagħha u tagħmilha ċara li taħt l-ebda ċirkostanza mhi se tittollera tentattivi biex timmina jew tiddestabbilizza l-valuri demokratiċi u s-soċjetajiet tagħha. Dan huwa ċentrali għall-missjoni tagħna li niżguraw Ewropa sigura u demokratika permezz ta’ inizjattivi bħall-Unjoni tas-Sigurtà u l-Kumpass Strateġiku. L-ewwel u qabel kollox hemm imperattiv umanitarju biex tittieħed azzjoni deċiżiva issa biex tittaffa s-sitwazzjoni fil-fruntieri tal-Belarussja kif ukoll dmir morali li jiġi evitat li tali azzjonijiet bla skrupli jiġu replikati. L-Unjoni Ewropea għalhekk qed tibni koalizzjoni globali kontra l-użu tan-nies bħala ballun politiku.
B’mod ġenerali, ir-rispons tal-UE għall-azzjonijiet aggressivi tar-reġim ta’ Lukashenko juri l-ħtieġa għal approċċ olistiku għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu u l-mitigazzjoni tal-impatt potenzjali tiegħu fuq is-sigurtà tal-UE u taċ-ċittadini tagħha. Fil-passi li jmiss, l-UE teħtieġ apprezzament tal-isfida usa’ tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu, ikkomplementat minn għodod speċifiċi li jistgħu jintużaw kif meħtieġ issa u fil-futur.