Brussell, 20.3.2021

JOIN(2021) 8 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL EWROPEW

Is-sitwazzjoni attwali rigward ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u t-Turkija


1.INTRODUZZJONI

F’Diċembru 2020 il-Kunsill Ewropew 1 innota li t-Turkija wettqet azzjonijiet u provokazzjonijiet unilaterali u eskalat ir-retorika tagħha kontra l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-mexxejja Ewropej. Il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-interess strateġiku tal-Unjoni Ewropea fl-iżvilupp ta’ relazzjoni kooperattiva u ta’ benefiċċju reċiproku mat-Turkija. Il-Kunsill Ewropew enfasizza li l-offerta ta’ aġenda pożittiva bejn l-UE u t-Turkija għadha fuq il-mejda, dment li t-Turkija turi li hija lesta tippromwovi sħubija ġenwina mal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u li ssolvi d-differenzi permezz tad-djalogu u f’konformità mad-dritt internazzjonali. Il-Kunsill Ewropew insista wkoll li l-Unjoni Ewropea tibqa’ impenjata li tiddefendi l-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha kif ukoll li tħares l-istabbiltà reġjonali.

F’dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew stieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex jippreżentaw rapport dwar is-sitwazzjoni attwali rigward ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u t-Turkija u dwar l-istrumenti u l-għażliet dwar kif wieħed għandu jipproċedi, inkluż dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Novembru 2019 2 , għall-kunsiderazzjoni sa mhux aktar tard mill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2021. Il-Komunikazzjoni Konġunta li ġejja twieġeb għal din l-istedina. Hija ma tissostitwixxix u ma tippreġudikax il-pakkett tat-tkabbir li jmiss tal-Kummissjoni inkluż ir-rapport tal-pajjiż li jirrigwarda t-Turkija.

II.    RELAZZJONIJIET POLITIĊI

Matul dawn l-aħħar snin il-kuntest politiku fir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija qaleb gradwalment għall-agħar, li virtwalment waqqaf id-diversi strumenti u proċessi ta’ impenn u kooperazzjoni bilaterali. Dan seħħ l-aktar minħabba l-azzjonijiet Torok fil-Lvant tal-Mediterran, bi sfida diretta għad-drittijiet tar-Repubblika ta’ Ċipru fiż-żoni marittimi tagħha, u żieda qawwija fl-azzjonijiet provokattivi tat-Turkija fil-konfront tal-Greċja; in-nuqqas ta’ progress fil-proċess ta’ soluzzjoni għall-kwistjoni ta' Ċipru, flimkien mal-azzjonijiet ta’ theddida u r-retorika ta’ disprezz tat-Turkija; u interventi assertivi min-naħa tat-Turkija fil-parti l-kbira tal-kunflitti reġjonali, b’modi li ta’ sikwit kienu jmorru kontra l-aktar l-interessi wiesgħa tal-UE. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni domestika fit-Turkija li qed taqleb għall-agħar, l-aktar fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u tal-governanza ekonomika, laqtet b’mod negattiv ċar lir-relazzjonijiet tat-Turkija mal-Istati Membri tal-UE u lill-aġenda bilaterali bejn l-UE u t-Turkija.  

1.    Il-Lvant tal-Mediterran

It-tensjonijiet fil-Lvant tal-Mediterran żdiedu f’dawn l-aħħar snin. Messu l-qiegħ fl-aħħar ta’ Frar 2020, meta t-Turkija kisret id-Dikjarazzjoni UE-Turkija ta’ Marzu 2016, u inkoraġġiet b’mod attiv lill-migranti u lir-refuġjati biex ikomplu fi triqithom lejn l-UE. Dan wassal għal sitwazzjonijiet ta’ vjolenza fil-fruntieri Griegi tal-art u tal-baħar. Kien permezz ta’ azzjoni diplomatika b’saħħitha, inkluż iż-żjara f’Ankara tal-President tal-Kunsill Ewropew u tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President u żjara konġunta fil-fruntiera Griega min-naħa tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, li ġiet evitata kriżi maġġuri. Din l-azzjoni ġiet segwita minn żjara ta’ ritorn tal-President Erdogan fi Brussell fil-bidu ta’ Marzu.

Matul is-sena l-awtoritajiet Torok issuktaw jibagħtu bastimenti tat-tħaffir u tal-esplorazzjoni fiż-żoni marittimi tar-Repubblika ta’ Ċipru mingħajr ebda awtorizzazzjoni.

Il-kwistjonijiet li tqajmu mit-Turkija fir-rigward tal-fruntieri marittimi tal-Greċja fl-Eġew u fil-Lvant tal-Mediterran għadhom ostakli maġġuri. F’Awwissu u f’Ottubru t-Turkija bagħtet bastiment ta’ riċerka sismika qrib il-gżira Griega ta’ Kastellorizo, u b’hekk eskalat it-tensjonijiet li kważi waslu sal-possibbiltà ta’ kunflitt bejn iż-żewġ alleati tan-NATO. Dawn l-azzjonijiet seħħew flimkien ma’ retorika antagonistika abbundanti bi sfida kemm għad-drittijiet tar-Repubblika ta’ Ċipru kif ukoll tal-Greċja. Il-Flotta Navali Torka baħħret mal-bastimenti tat-tħaffir matul l-operazzjonijiet tagħhom. L-azzjonijiet fil-baħar kienu jinkludu manuvri militari u wasslu għal inċidenti mal-Istati Membri.

B’rabta mal-Greċja, l-iffirmar tal Memorandum ta’ Spjegazzjoni bilaterali dwar id-delimitazzjoni taż-żoni ta’ ġuriżdizzjoni marittima bejn it-Turkija u l-Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali fil-Libja f’Novembru 2019 komplew iżidu t-tensjonijiet. Il-Memorandum injora d-drittijiet tal-gżejjer tal-Greċja fiż-żoni kkonċernati. Kien hemm żieda qawwija f’azzjonijiet provokattivi mit-Turkija fil-konfront tal-Greċja, partikolarment titjiriet Torok minn fuq żoni abitati Griegi, kif ukoll eżerċizzji navali u retorika ta’ theddid matul is-sena. Filwaqt li l-kwistjonijiet marittimi bejn il-Greċja u t-Turkija ilhom jeżistu żmien twil, id-djalogu maħsub biex jindirizzahom ġie interrott fl-2016 u l-2020 kienet sena ta’ eskalazzjonijiet u tensjoni kontinwa, li wasslu biex in-NATO bdiet taħditiet ta’ koordinament bejn il-Greċja u t-Turkija.

F’Diċembru 2020 il-Kunsill Ewropew, filwaqt li kkundanna għal darb’oħra l-azzjonijiet provokatorji tat-Turkija matul dan l-aħħar perjodu, fl-istess waqt enfasizza r-rilevanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija u ta perspettiva ta’ involviment mill-ġdid f'każ li t-Turkija twaqqaf l-azzjonijiet antagonistiċi tagħha. Indika wkoll li jekk dan ma jseħħx se jitqiesu alternattivi oħrajn.

Is-sitwazzjoni bdiet tinbidel lejn tmiem is-sena. It-Turkija laqgħet il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru b’mod ġenerali u bdiet tibgħat sinjali dwar l-importanza tar-relazzjoni mal-Unjoni Ewropea u mal-Istati Membri tagħha. Sal-lum it-Turkija ma reġgħetx bagħtet bastimenti minn tagħha u l-messaġġi ta’ involviment mill-ġdid issuktaw. Inħoloq momentum pożittiv fir-rigward tad-djalogu u n-negozjati u reġgħu nbdew l-ewwel żewġ passi għaż-żewġ proċessi ta’ negozjati maġġuri: fil-25 ta’ Jannar tnedew mill-ġdid it-taħditiet esploratorji dwar il-kwistjonijiet marittimi bejn il-Greċja u t-Turkija u ġew skedati taħditiet informali dwar it-tnedija mill-ġdid ta’ soluzzjoni għal Ċipru (bejn is-27 u d-29 ta’ April f’Ġinevra).

Id-delimitazzjoni tal-blata kontinentali u taż-Żona Ekonomika Esklużiva jenħtieġ li tiġi indirizzata permezz ta’ djalogu u negozjati bona fide, fir-rispett tad-dritt internazzjonali, inkluż l-UNCLOS, u fejn ikun meħtieġ b’rikors għall-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali. Fil-kuntest ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa essenzjali li jingħata impenn inekwivoku favur ir-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien u għal soluzzjoni paċifika tat-tilwim.

Ir-Rappreżentant Għoli qed jagħmel sforzi kontinwi biex joħloq ambjent li jwassal għat-tnaqqis sostenibbli tat-tensjonijiet fir-reġjun. L-irtirar tal-bastiment ta’ esplorazzjoni sismika tat-Turkija “Oruç Reis” ippermetta t-tkomplija tat-tħaditiet esploratorji diretti bejn il-Griegi u t-Torok fil-25 ta’ Jannar 2021. L-aħħar ċiklu ta’ taħditiet (it-62 ċiklu) seħħ fis-16 ta’ Marzu 2021 f’Ateni, qabel il-konsultazzjonijiet politiċi (tas-17 ta’ Marzu) li saru fil-livell ta’ uffiċjali għolja. Jeħtieġ li l-pożizzjoni tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran tirrifletti mudell kredibbli mingħajr tfixkil, biex tagħti prova li l-intenzjonijiet li qed turi huma ġenwini u biex tiżgura li t-tnaqqis usa' tat-tensjonijiet fir-reġjun jibqa' sostnut. L-inċidenti minuri li seħħew dan l-aħħar ifakkru li d-dieskalazzjoni għadha fraġli u trid tissaħħaħ.

2.    Il-kwistjoni ta’ Ċipru

Is-soluzzjoni għall-kwistjoni ta' Ċipru hija element ewlieni tan-nuqqas qawwi ta’ ftehim tat-Turkija mal-UE fil-Lvant tal-Mediterran. Matul l-2020 it-tama li jsir progress dwar il-proċess ta’ soluzzjoni għal Ċipru kellha titwaqqaf temporanjament sa wara l-elezzjonijiet tal-komunità Ċiprijotta Torka f’Ottubru u f’Novembru 2020. Il-kuntest elettorali wassal għal żieda fir-retorika ta’ polarizzazzjoni u fil-provokazzjonijiet, li wasslu għal reazzjoni qawwija min-naħa tal-UE kif ġie rifless fil-konklużjonijiet tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew.

Mill-bidu tal-mandat tiegħu, u b’mod partikolari matul iż-żjajjar f’Ċipru f’Ġunju 2020 u f’Marzu 2021, ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (SĠNU) bil-għan li t-taħditiet dwar soluzzjoni għal Ċipru jerġgħu jibdew mill-aktar fis possibbli. L-isforzi tal-uffiċċju tal-SĠNU għadhom għaddejjin mingħajr waqfien minkejja l-azzjonijiet multilaterali fiż-żona magħluqa ta’ Varosha kif ukoll id-dikjarazzjonijiet imtennija li jitfgħu dubji direttament fuq il-bażi miftiehma għas-soluzzjoni tal-problema ta’ Ċipru kif previst fir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (United Nations Security Council Resolutions, UNSCR), li l-aħħar waħda fosthom ġiet adottata fid-29 ta’ Jannar 2021 (UNSCR 2561). F’Novembru 2020 kemm l-UE kif ukoll in-NU talbu lit-Turkija treġġa’ lura l-azzjoni unilaterali tagħha f’Varosha (il-ftuħ taż-żona magħluqa tal-bajja).

Minn mindu seħħew it-taħditiet ta’ paċi ta’ Crans Montana fl-2017, in-NU kompliet tinvolvi ruħha “mal-Unjoni Ewropea fil-kapaċità tagħha ta’ osservatur fil-Konferenza ta’ Ċipru” u l-UE żammet kuntatt mill-qrib mar-rappreżentanti tal-format 5 + 1. L-UE hija impenjata favur li tinstab soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli għall-problema ta’ Ċipru, inklużi l-aspetti esterni tagħha, fil-qafas tan-NU u f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, skont il-prinċipji li jsejsu l-UE. It-taħditiet bejn iż-żewġ komunitajiet, li eventwalment se jwasslu għal ftehim, huma essenzjali biex jitnaqqsu t-tensjonijiet fil-Lvant tal-Mediterran. Ġew skambjati għadd ta’ proposti dwar miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja bejn il-partijiet, fosthom dwar il-kondiviżjoni ta’ dħul mill-isfruttament tal-idrokarburi, u l-UE tinsab lesta li tiffaċilita l-ħidma teknika meħtieġa f’dan ir-rigward. L-eżiti pożittivi relatati ma’ kwistjonijiet prattiċi u vitali għall-Komunità Ċiprijotta Torka – bħall-faċilitazzjoni tal-esportazzjoni ta’ ġobon Haloumi/Helim u d-distribuzzjoni tat-tilqim tal-COVID-19 – jistgħu jirriżultaw f’ambjent li jwassal għal aktar fiduċja 3 . L-impenn u l-appoġġ tal-UE għall-kwistjoni ta’ Ċipru hija sine qua non biex jittaffew it-tensjonijiet fir-reġjun. Joħroġ ċar li n-nuqqas ta’ rikonoxximent tar-Repubblika ta’ Ċipru min-naħa tat-Turkija għadha twassal għall-imblukkar tat-toroq differenti li jwasslu għall-kooperazzjoni. Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ Ċipru, in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija se tibqa’ diffiċli.

3.Il-Konferenza tal-Lvant tal-Mediterran

Il-Kunsill Ewropew inkariga wkoll lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President bl-organizzazzjoni ta’ konferenza reġjonali multilaterali, li tkun tinvolvi lit-Turkija, bħala parti mill-miżura usa’ tat-tisħiħ tal-fiduċja. Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President issokta bil-ħidma preparatorja għal Konferenza tal-Lvant tal-Mediterran permezz ta’ taħditiet inizjali li jesploraw il-modalitajiet (l-ambitu, il-parteċipazzjoni, il-proċess u ż-żmien) u s-suġġetti potenzjali filwaqt li ma ġiet ippreġudikata ebda deċiżjoni tal-UE dwar jekk il-konferenza ssirx jew le. Għad irid jintlaħaq qbil dwar kollox. Ir-restrizzjonijiet ċari minn parteċipanti potenzjali oħra juru li, dment li ċ-ċirkostanzi fir-reġjun ma jinbidlux drastikament, x’aktarx li din il-Konferenza mhux se ssir dalwaqt.

4.    Ir-reġjun aktar wiesa’

Il-politika barranija dejjem aktar assertiva tat-Turkija ħabtet ras ma’ ras mal-prijoritajiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) tal-UE. Filwaqt li l-qafas istituzzjonali li jippermetti l-parteċipazzjoni tat-Turkija fil-PESK u fil-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) jinsab fis-seħħ, fl-2020 it-Turkija rreġistrat rata ta’ allinjament baxxa ħafna ta’ madwar 11 %. It-Turkija għadha mhijiex allinjata mal-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill (miżuri restrittivi), fosthom dawk relatati mar-Russja, mal-Venezwela, mas-Sirja u mal-Libja, u mad-dikjarazzjonijiet tal-UE bħal dwar in-Nagorno-Karabakh.

L-aħħar djalogu politiku ta’ livell għoli bejn l-UE u t-Turkija, inkluż dwar il-PESK u l-PSDK, sar f’Ankara f’Novembru 2018 u l-aħħar djalogu fil-livell ta’ Diretturi Politiċi sar f’Settembru 2019. Bosta Stati Membri għad ghandhom rabtiet bilaterali b’saħħithom mat-Turkija fil-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża. Fid-dawl tal-politika barranija Torka dejjem aktar attiva u assertiva, trid tiġi sostnuta ħidma konġunta sostanzjali biex it-tensjonijiet ikomplu jonqsu u biex jiġu introdotti miżuri li jsaħħu l-fiduċja fir-reġjun aktar wiesa’. Matul il-perjodu minn Jannar sa Marzu 2021, l-UE u t-Turkija bdew djalogu diplomatiku bil-għan li tintlaħaq komprensjoni aktar profonda tal-interessi rispettivi u biex ikun possibbli li jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli li jibbenefikaw liż-żewġ naħat, partikolarment fiż-żewġ postijiet fejn hemm interessi diretti tal-UE fil-Libja u fis-Sirja.

Huwa ċar li minn mindu t-Turkija għamlet intervent militari attiv fis-Sirja u fil-Libja, it-Turkija segwiet il-politika barranija tagħha mingħajr ma qieset l-interessi aktar wiesgħa tal-Unjoni Ewropea, fosthom it-tħassib tal-UE dwar is-sigurtà.

L-appoġġ militari tat-Turkija fil-Libja, inkluż permezz tal-iskjerament ta’ ġellieda barranin fil-post, u l-kritika persistenti tagħha tal-Operazzjoni IRINI u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni magħha, huma ta’ detriment għall-kontribuzzjoni effettiva tal-UE fl-implimentazzjoni tal-embargo tal-armi tan-NU, u wasslu għal approċċi kunfliġġenti fil-Libja. Issa li ġie fformat gvern inklużiv ġdid, li fl-10 ta’ Marzu ngħata l-fiduċja tal-Kamra tar-Rappreżentanti u nħatar fil-15 ta’ Marzu 2021, huwa importanti li jkun hemm involviment mal-awtoritajiet il-ġodda u jingħata appoġġ għall-passi li jmiss. Dan jinkludi, b’mod partikolari, it-trasferiment tal-poter mill-aktar fis lill-awtoritajiet il-ġodda, ir-riunifikazzjoni tal-istituzzjonijiet, it-tħejjija tal-elezzjonijiet ippjanati li jsiru fl-24 ta’ Diċembru 2021, l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Waqfien mill-Ġlied ta’ Ottubru 2020 u proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali ġenwin. Bħala attur influwenti fil-Libja, il-kooperazzjoni tat-Turkija man-NU u mal-atturi reġjonali u internazzjonali l-oħra biex isir progress se tkun essenzjali fl-oqsma kollha ta’ dan il-proċess diffiċli, u b’mod partikolari fuq il-proċess politiku, fuq l-ekonomija u fuq is-sigurtà.

Bħala ġar dirett it-Turkija trid tara Sirja stabbli u prospera, objettiv li tikkondividi mal-UE. Il-ħarsien tal-integrità territorjali tas-Sirja u l-promozzjoni ta’ soluzzjoni paċifika tal-kunflitt permezz ta’ proċess politiku mmexxi min-NU huwa fundamentali.

L-UE u t-Turkija jaqblu dwar il-ħtieġa li jaċċelleraw il-ħidma tal-Kumitat Kostituzzjonali u ta’ elementi oħra tal-UNSCR 2254, bħall-ħelsien ta’ detenuti u l-isforzi li tiġi promossa r-responsabbiltà għad-delitti tal-gwerra fis-Sirja. L-UE tħeġġeġ lit-Turkija tiżgura li l-oppożizzjoni Sirjana SNC tkun waħda inklużiva. It-Turkija għamlet sforzi sinifikanti biex tirrispetta l-waqfien mill-ġlied fil-Majjistral tas-Sirja (f’Idlib) u biex tiffaċilita l-għajnuna umanitarja transfruntiera lejn il-Majjistral tas-Sirja li tgħaddi mit-Turkija. Hija għadha tospita tal-anqas 3,6 miljun refuġjat mis-Sirja.

Madankollu, l-azzjonijiet militari tat-Turkija, fosthom permezz ta’ milizzji appoġġati mit-Turkija fit-Tramuntana tas-Sirja, speċjalment fil-Majjistral, wasslu għal spostament kbir ta’ persuni u għal rapporti ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-popolazzjoni ċivili. L-aċċess għall-organizzazzjonijiet internazzjonali għadu ristrett filwaqt li l-organizzazzjoni Torka tan-Nofs Qamar l-Aħmar għad għandha rwol dominati. 

Ir-risistemazzjoni Torka ta’ refuġjati Sirjani f’żoni li qabel kienu tal-Kurdi għadha toħloq tħassib. Kull ritorn ta’ refuġjati lejn il-pajjiż trid issir b’manjiera sikura, volontarja u dinjituża, u titwettaq f’konsultazzjoni u f’konformità mal-parametri u l-prinċipji stabbiliti mill-UNHCR.

It-Turkija hija wkoll attiva militarment fit-Tramuntana tal-Iraq, u għamlet attakki kontra l-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (il-PKK).

Filwaqt li l-UE tqis lill-PKK bħala organizzazzjoni terroristika, il-pajjiżi tar-reġjun huma mħeġġa jikkoordinaw attivitajiet bilaterali kontra t-terroriżmu, kif ukoll li jaġixxu bi proporzjonalità u b’rispett sħiħ lejn l-istat tad-dritt.

L-appoġġ riċenti tat-Turkija għal azzjonijiet militari fil-Kawkasu matul l-ostilitajiet relatati fin-Nagorno Karabakh wasslu għal aktar dubji dwar ir-rwol reġjonali tat-Turkija. Hija ma rrispettatx il-promozzjoni ta’ soluzzjoni paċifika u appoġġat is-soluzzjoni militari tal-Ażerbajġan. Il-fruntiera bejn it-Turkija u l-Armenja ilha magħluqa minn April 1993. L-UE tħeġġeġ lit-Turkija tiftaħ il-fruntiera tagħha mal-Armenja.

F’Diċembru 2020 it-Turkija pproponiet li jinħoloq grupp ta’ kooperazzjoni reġjonali li jkun jinkludi l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Georgja, l-Iran, ir-Russja u t-Turkija. L-UE għadha tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-format internazzjonali tal-Grupp ta’ Minsk tal-OSKE mmexxi mill-Kopresidenti u tistenna li t-Turkija tallinja ruħha mal-UE f’dan ir-rigward.

5.Kooperazzjoni fuq il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni u l-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu 

It-Turkija hija attur ewlieni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Madankollu, in-nuqqas ta’ rikonoxximent tar-Repubblika ta’ Ċipru, l-interpretazzjoni wiesgħa tat-Turkija tal-qafas li nftiehem fl-2003 (l-arranġamenti “Berlin Plus”) u l-interpretazzjoni reduttiva tagħha tal-qafas ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO joħolqu diffikultajiet prattiċi u operazzjonali, fosthom biex tiġi żviluppata relazzjoni aktar ġenwina bejn l-organizzazzjonijiet tal-UE u tan-NATO. It-Turkija għadha titlob li tiġi involuta fl-inizjattivi ta’ difiża tal-UE (il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), il-Fond Ewropew għad-Difiża. Fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kooperazzjoni bilaterali bejn it-Turkija u s-servizzi ta’ sigurtà tal-Istati Membri tal-UE qed taħdem sew. Madankollu, fil-ħarifa tal-2019 it-Turkija talbet il-posponiment tad-djalogu regolari dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-UE wara li din tal-aħħar ikkundannat l-operazzjoni militari tagħha fil-Grigal tas-Sirja u l-adozzjoni tal-qafas għal miżuri restrittivi relatati mal-Lvant tal-Mediterran.



III. Relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u t-Turkija

1. Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-1963 huwa l-qafas legali ġenerali li jagħti struttura lir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija. Dan għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn l-UE u t-Turkija, u li progressivament joħloq unjoni doganali.

Filwaqt li rnexxielu jibni bażi soda għar-relazzjoni bilaterali tagħna, bi skambji politiċi, ekonomiċi u soċjetali b’saħħithom u li qed jissaħħu aktar, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ltaqa’ ma’ għadd ta’ kwistjonijiet serji matul is-snin. Il-kwistjoni ta’ Ċipru li għadha ma ġietx solvuta ħalliet impatt minn mindu r-Repubblika ta’ Ċipru ssieħbet mal-UE fl-2004. F’Lulju 2005 it-Turkija ddeċidiet li ma timplimentax il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li jestendi l-Unjoni Doganali tal-UE mar-Repubblika ta’ Ċipru. Id-deċiżjoni unilaterali wasslet għad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-2006 li timblokka l-ftuħ ta’ tmien kapitoli fin-negozjati tal-adeżjoni u l-għeluq tal-kapitoli kollha, fis-segwitu tal-imblukkar bilaterali tas-sitt kapitoli tan-negozjati mir-Repubblika ta’ Ċipru fl-2009. It-Turkija ma tippermettix kummerċ dirett bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u t-Turkija, u lanqas ma hemm konnessjonijiet bl-ajru u bil-baħar, jew xi konnessjoni diretta oħra bejniethom.

Barra minn hekk, it-Turkija qed timblokka l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru f’diversi organizzazzjonijiet internazzjonali, fosthom fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi. In-nuqqas tar-rikonoxximent ta’ Ċipru min-naħa tat-Turkija jostakola wkoll l-iskambju dirett ta’ informazzjoni mat-Turkija (pereż. fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja jew tal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa) u l-funzjonament bla xkiel tal-Unjoni Doganali.

Fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzati min-naħa tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran f’Lulju tal-2019, il-Kunsill iddeċieda li għalissa ma jiġix organizzat il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. Il-Kumitati ta’ Assoċjazzjoni Preparatorji, li huma ppreseduti fil-livell ta’ uffiċjali għolja, ma sarux lanqas. Il-kooperazzjoni teknika fi tmien sottokumitati għadha għaddejja.

2. Negozjati u kriterji tal-adeżjoni u l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni

It-Turkija ilha pajjiż kandidat mill-1999. In-negozjati tal-adeżjoni nfetħu f’Ġunju 2005. Sa issa nfetħu 16-il kapitolu mill-35 (l-aħħar wieħed fl-2016), u ngħalaq wieħed minnhom. Fid-dawl tar-rigress kontinwu u serju b’rabta mal-prinċipji u l-valuri tal-UE, f’Ġunju 2018 u f’Ġunju 2019 il-Kunsill innota li t-Turkija kienet qed titbiegħed mill-Unjoni Ewropea u għaldaqstant in-negozjati ta’ adeżjoni tat-Turkija “effettivament waqfu għalkollox u ma jista’ jitqies li jinfetaħ jew jingħalaq ebda kapitolu ieħor.”

Il-fatti sottostanti li wasslu għal din il-konklużjoni għadhom validi. Ir-rigress maġġuri fir-riformi għadu għaddej fl-oqsma ewlenin tal-proċess tal-adeżjoni. Speċjalment wara l-attentat ta’ kolp ta’ stat fl-2016, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-indipendenza tal-ġudikatura marru għall-agħar, waqt li qed tissaħħaħ iċ-ċentralizzazzjoni tal-poter. Din ix-xejra kompliet taċċellera wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema presidenzjali l-ġdida fl-2018. Is-sistema ta’ ekwilibriju ta’ setgħat ta’ sistema demokratika hija effettwata b’mod sinifikanti. Il-gvern reġa’ sawwar l-istituzzjonijiet tal-istat u l-istituzzjonijiet pubbliċi u mmina l-indipendenza tagħhom. Ir-rwol tal-Parlament iddgħajjef b’mod konsiderevoli.

Barra minn hekk, 59 sindku elett demokratikament minn 65 tal-Partit Demokratiku tal-Poplu (HDP), li huwa favur il-Kurdi, tneħħew u ġew issostitwiti minn persuni maħtura mill-gvern. Fis-17 ta’ Marzu, il-Prosekutur tal-Qorti tal-Kassazzjoni talab formalment għax-xoljiment tal-HDP.

Il-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni tgħaddi bi proċeduri ta’ urġenza mingħajr l-involviment u l-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati. L-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji ġiet kompromessa bl-introduzzjoni tas-sistema Presidenzjali.

Il-pressjoni politika fuq l-imħallfin u fuq il-prosekuturi ħalliet effett negattiv sinifikanti fuq l-indipendenza tal-ġudikatura. L-awtoritajiet jarrestaw, imexxu bil-prosekuzzjoni u jikkundannaw individwi fosthom ġurnalisti, studenti, avukati, politiċi tal-oppożizzjoni u attivisti l-aktar b’kapi ta’ akkuża ġenerali ħafna relatati mat-terroriżmu. L-awtoritajiet Torok qed jirrifjutaw ukoll li jimplimentaw id-deċiżjonijiet finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fosthom dawk relatati mal-ħelsien ta’ Osman Kavala u Selahattin Demirtas, minkejja r-riżoluzzjonijiet li ġew adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. Fit-2 ta’ Marzu t-Turkija adottat pjan ta’ azzjoni ġdid għad-drittijiet tal-bniedem. Madanakollu, dan ma jindirizzax in-nuqqasijiet ewlenin li ġew identifikati fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, tal-indipendenza tal-ġudikatura u tas-sitwazzjoni ġenerali tal-istat tad-dritt.

Ir-relazzjonijiet bilaterali ma’ diversi Stati Membri tal-UE għadhom mimlija tensjoni, xi kultant anki minħabba r-retorika aggressiva tal-awtoritajiet Torok u t-tentattivi li jinterferixxu ma’ deċiżjonijiet tal-politika interna.

Oriġinarjament, kien ġie allokat pakkett ta’ kważi EUR 4,5 biljuni għall-programm tat-Turkija skont l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020. Mill-2017 l-allokazzjoni tnaqqset progressivament minħabba l-assorbiment baxx u r-rigress serju tat-Turkija fl-oqsma tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet fundamentali u tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll attivitajiet ta’ tħaffir illegali fil-Lvant tal-Mediterran. Kumplessivament, dan it-tnaqqis kien jammonta għal madwar tletin fil-mija tal-ammont li kien ġie previst oriġinarjament fl-2014. Mill-2017, għal darba oħra l-Kummissjoni ffokat l-appoġġ finanzjarju tal-UE fuq setturi li jirriflettu l-prinċipji u l-prijoritajiet ewlenin tal-UE, bħad-demokrazija u l-istat tad-dritt, l-appoġġ lis-soċjetà ċivili (EUR 34 miljun fl-2020) u d-drittijiet tal-bniedem, l-iskambji interpersonali u oqsma oħra ta’ interess għall-UE (l-enerġija, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni). Il-Kummissjoni naqqset ukoll is-sehem ta’ fondi li jiġu ġestiti direttament mill-awtoritajiet Torok.

Suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-bażijiet ġuridiċi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, l-ipprogrammar tentattiv għas-snin 2021 u 2022 beda skont l-istrument il-ġdid (IPA III). L-enfasi ta’ din l-assistenza kkalibrata mill-ġdid se tkun fuq l-appoġġ favur ir-riformi u l-valuri ewlenin kif ġie enfasizzat fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar it-Turkija.

3. Il-Migrazzjoni u d-Dikjarazzjoni UE-Turkija tal-2016

Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija ta’ Marzu 2016 4 tipprovdi l-qafas ġenerali għall-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija fuq il-migrazzjoni. Id-Dikjarazzjoni saħħet il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt UE-Turkija tad-29 ta’ Novembru 2015 u rriżultat mill-azzjoni tal-UE biex tistabbilixxi sistema ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni effettiva u evitat kriżi umanitarja. L-għan kien li titreġġa’ lura sistema ta’ ammissjoni legali u ordnata, titwaqqaf il-migrazzjoni irregolari mit-Turkija lejn l-UE, ma jintilfux aktar ħajjiet, tittieħed azzjoni kontra n-networks ta’ faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti, u jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-refuġjati Sirjani fit-Turkija permezz ta’ kooperazzjoni komprensiva bejn l-UE u t-Turkija.

Minn meta bdiet l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-għadd ta’ qsim irregolari mit-Turkija lejn il-Greċja 5 . Għalkemm baqa’ jkun hemm inċidenti traġiċi, l-għadd ta’ ħajjiet li ntilfu fil-Baħar Eġew naqas b’mod sinifikanti.

Lejn l-aħħar ta’ Frar 2020, kien hemm atturi Torok li kienu qed iħeġġu lill-migranti biex jieħdu r-rotta tal-art lejn l-Ewropa mill-Greċja. Dan wassal għat-twaqqif ta’ kamp informali fil-fruntiera Griega-Torka, u b’għadd kbir ta’ migranti u refuġjati f’kundizzjonijiet ħżiena. Fis-seduti straordinarji tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Interni tal-UE fl-4 ta’ Marzu 2020, u tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE fis-6 ta’ Marzu 2020, l-UE tenniet il-ħtieġa li t-Turkija tirrispetta bis-sħiħ id-Dikjarazzjoni UE-Turkija. Il-Kunsill talab ukoll lill-Gvern Tork u lill-atturi u lill-organizzazzjonijiet kollha fil-post biex iwasslu l-messaġġ li l-migranti jenħtieġ li ma jkunux imħeġġa jippruvaw jaqsmu illegalment bl-art jew bil-baħar, kif ukoll biex jiġġieldu t-tixrid ta’ informazzjoni falza. Filwaqt li l-UE rrikonoxxiet iż-żieda fil-piż migratorju u r-riskji li t-Turkija qed taffaċċja fit-territorju tagħha u l-isforzi sostanzjali li għamlet biex tospita kważi erba’ miljun refuġjat, hija rrifjutat bil-qawwa l-pressjoni migratorja li kienet qed tagħmel it-Turkija għal finijiet politiċi. Minn dak iż-żmien ’l hawn, is-sitwazzjoni fil-fruntieri tal-art kif ukoll tal-baħar mal-Greċja stabbilizzat ruħha u baqgħet kalma inġenerali. Madankollu, ġiet osservata bidla lejn uħud mir-rotot migratorji alternattivi 6 .

Il-pass batut tar-ripatrijazzjonijiet ilu kwistjoni f’kemm ilha l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni. L-awtoritajiet Torok issospendew ir-ripatrijazzjonijiet fil-qafas tad-Dikjarazzjoni f’Marzu 2020, bl-argument ta’ restrizzjonijiet b’rabta mal-COVID-19. Il-kwistjoni għadha ma ġietx solvuta minkejja talbiet ripetuti mill-awtoritajiet Griegi u mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni insistiet li t-Turkija għandha tirrispetta bis-sħiħ l-impenji tagħha skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija. Fl-14 ta’ Jannar 2021 il-Greċja indirizzat talba uffiċjali għar-riammissjoni ta’ 1 450 persuna rimpatrijata li t-Turkija ma aċċettatx.

Ir-risistemazzjoni lejn l-UE tkompli tisboq l-għadd ta’ ripatrijazzjonijiet lejn it-Turkija. Lejn it-Turkija ġew rimpatrijati biss 2 140 migrant irregolari u applikant għall-ażil li l-applikazzjonijiet tagħhom ġew iddikjarati inammissibbli u li qasmu mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi, filwaqt li 28 300 refuġjat Sirjan ġew risistemati mit-Turkija lejn l-UE. Għal dan l-isforz ikkontribwew 20 Stat Membru. Sabiex jinżamm ritmu kostanti tar-risistemazzjonijiet, il-Kummissjoni tipprovdi finanzjament lill-Istati Membri li jipprovdu risistemazzjoni, filwaqt li l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil jipprovdi appoġġ operazzjonali għall-proċess u jiffaċilita l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba fost l-Istati Membri.

Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija tipprevedi l-attivazzjoni ta’ Skema Volontarja ta’ Ammissjoni Umanitarja ladarba l-qsim irregolari jkun intemm jew għall-inqas ikun naqas b’mod sostanzjali u sostenibbli. F’Diċembru 2017 l-Istati Membri approvaw il-Proċeduri Operattivi Standard, maqbula mat-Turkija, imma l-Istati Membri għadhom ma ddeċidewx li jattivaw l-iskema.

Fil-qafas tad-Dikjarazzjoni tal-2016, l-UE mmobilizzat EUR 6 biljun f’assistenza lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fit-Turkija. Sal-aħħar tal-2020, il-baġit operazzjonali ta’ din il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija kien ġie kompletament impenjat u kkuntrattat, u 65 % diġà ġew żborżati, b’mod konformi mal-progress rispettiv tal-proġetti. Dan huwa investiment Ewropew kbir fl-istabbiltà.

L-appoġġ għall-faċilità ġie kkoordinat mill-qrib mal-Istati Membri, ma’ donaturi oħra u mal-awtoritajiet Torok. Din tibqa’ kritika għall-ħtiġijiet bażiċi, għall-protezzjoni, għall-aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni, u għall-għajnuna soċjoekonomika. Aktar minn 1,8 miljun refuġjat jibbenefikaw mix-Xibka ta’ Sikurezza Soċjali ta’ Emerġenza (Emergency Social Safety Net, ESSN), u bl-appoġġ tat-Trasferiment Kundizzjonali ta’ Flus għall-Edukazzjoni (Conditional Cash Transfer for Education, CCTE) hemm kważi 670 000 tifel u tifla refuġjati li qed jattendu l-iskola.

L-UE diġà assenjat EUR 585 miljun oħra f’finanzjament għal pont umanitarju għal wara l-Faċilità, biex tkompli wħud mill-proġetti ewlenin ta’ protezzjoni u saħħa u biex tiggarantixxi l-kontinwazzjoni taż-żewġ programmi emblematiċi tal-UE, l-ESSN u s-CCTE, sal-bidu tal-2022. Madankollu, is-sitwazzjoni tar-refuġjati fit-Turkija qed tkompli tiddeterjora, aggravata mill-pandemija tal-COVID-19 u r-reċessjoni ekonomika. Għalhekk, se jkun meħtieġ appoġġ kontinwu tal-UE matul is-snin li ġejjin, kif enfasizzat mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2020. Il-Kummissjoni se tressaq proposti konkreti għal dan il-għan dalwaqt. Il-finanzjament futur tal-UE għandu jiffoka wkoll fuq is-sostenibbiltà fit-tul u t-tranżizzjoni gradwali fis-sistema Torka.

It-Turkija ripetutament talbet implimentazzjoni aktar mgħaġġla tad-Dikjarazzjoni tal-2016, b’mod partikolari tal-elementi li ma għandhomx x’jaqsmu mal-migrazzjoni: ir-rivitalizzazzjoni rapida tan-negozjati tal-adeżjoni, il-modernizzazzjoni rapida tal-Unjoni Doganali u l-liberalizzazzjoni tal-viża. Madankollu, fid-Dikjarazzjoni UE-Turkija dawn l-elementi kollha jibqgħu soġġetti għal kundizzjonijiet, parametri referenzjarji u proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet magħrufa u maqbula. It-Turkija għadha trid tissodisfa l-kundizzjonijiet rispettivi.

4. Summits u djalogi ta’ livell għoli

Fil-laqgħa tal-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern mat-Turkija f’Novembru 2015, l-UE u t-Turkija qablu li jorganizzaw djalogi politiċi u settorjali ta’ livell għoli. Kien hemm qbil ukoll li jsiru summits regolari darbtejn fis-sena f’format xieraq. Ġew organizzati djalogi settorjali ta’ livell għoli dwar kwistjonijiet politiċi, l-ekonomija, it-trasport u l-enerġija.

Fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran, f’Lulju 2019 il-Kunsill iddeċieda li għalissa mhux se jiġu skedati laqgħat tad-Djalogi ta’ Livell Għoli u tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Turkija. B’reazzjoni għal dan, it-Turkija ddeċidiet li tissospendi d-djalogi ġeografiċi tal-politika barranija mal-UE. Madankollu, f’Settembru 2019 saret laqgħa tad-Diretturi Politiċi u t-Turkija issa reġgħet esprimiet l-interess tagħha li tkompli d-diskussjonijiet mal-UE dwar kwistjonijiet ta’ politika barranija. Il-kuntatti ad hoc fil-livell Presidenzjali u Ministerjali komplew.

Djalogi regolari ta’ livell għoli jikkostitwixxu parti importanti tal-aġenda pożittiva maqbula mill-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2020, li għandha titnieda dment li t-Turkija turi li hija lesta tippromwovi sħubija ġenwina mal-Unjoni u mal-Istati Membri tagħha u li ssolvi d-differenzi permezz ta’ djalogi u f’konformità mad-dritt internazzjonali.

5. Kuntatti bejn il-persuni u l-parteċipazzjoni tat-Turkija fil-programmi tal-UE

Il-parteċipazzjoni fil-programmi u fl-aġenziji tal-UE hija element importanti tal-integrazzjoni tat-Turkija fil-politiki u fl-għodod tal-UE fejn dan ikun fl-interess reċiproku. Fil-perjodu 2014–2020, it-Turkija pparteċipat f’disa’ programmi u f’żewġ aġenziji, fosthom Erasmus+ u Orizzont 2020. It-Turkija wriet interess li tkompli tipparteċipa f’dawn il-programmi u l-aġenziji tal-UE u f’oħrajn taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021–2027 u reċentement talbet biex terġa’ tibda l-parteċipazzjoni tagħha fil-programm Ewropa Kreattiva.

6. Liberalizzazzjoni tal-viża

Fis-16 ta’ Diċembru 2013, l-UE u t-Turkija taw bidu għal Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża, b’mod parallel mal-iffirmar tal-Ftehim ta’ Riammissjoni UE-Turkija. Id-Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża huwa bbażat fuq pjan direzzjonali lejn sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża mat-Turkija, li jistabbilixxi 72 punt ta’ riferiment li t-Turkija teħtieġ tissodisfa.

Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija pprevediet li jiġi aċċellerat it-twettiq tal-pjan direzzjonali bil-ħsieb li jitneħħew ir-rekwiżiti tal-viża għaċ-ċittadini Torok sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Ġunju 2016, ovvjament dment li t-Turkija tissodisfa l-punti ta’ riferiment kollha. Madankollu, sitt punti ta’ riferiment tal-pjan direzzjonali għadhom pendenti 7 , filwaqt li dawk meqjusa li twettqu b’mod proviżorju jeħtieġu wkoll monitoraġġ kontinwu. L-esperti tal-Kummissjoni, flimkien mal-esperti tal-Kunsill tal-Ewropa, ikomplu joffru assistenza teknika lit-Turkija biex tissodisfa l-kundizzjonijiet li fadal.

7. Miżuri restrittivi tal-UE

Fl-2019 it-Turkija intensifikat l-attivitajiet ta’ tħaffir illegali tagħha fl-ibħra madwar Ċipru. Għalkemm l-azzjonijiet illegali kontinwi tat-Turkija ġew ikkundannati b’mod ċar u ripetut mill-UE, dawn ma twaqqfux. F’dan il-kuntest, f’Ottubru 2019 il-Kunsill Affarijiet Barranin iddeċieda li jistabbilixxi qafas għal miżuri restrittivi, li kien adottat fil-11 ta’ Novembru 2019.

Dan il-qafas jagħmilha possibbli li jiġu applikati sanzjonijiet għal individwi jew entitajiet responsabbli għal attivitajiet tat-tħaffir mhux awtorizzati minn Ċipru, jew li huma involuti fihom (fil-baħar territorjali tiegħu, fiż-żona ekonomika esklussiva tiegħu jew fuq il-blata kontinentali tiegħu). Is-sanzjonijiet applikabbli huma projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi. L-ewwel entrati elenkati fir-reġim ta’ sanzjonijiet ġew adottati fis-27 ta’ Frar 2020 8 .

Wara l-operazzjoni militari tat-Turkija fil-Grigal tas-Sirja, f’Ottubru 2019 l-Istati Membri tal-UE impenjaw ruħhom ukoll għal pożizzjonijiet nazzjonali b’saħħithom rigward il-politiki tagħhom ta’ esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/CFSP 9 , imma ddeċidew li ma jimponux embargo fuq l-armi. Tali deċiżjoni tista’ tittieħed mill-Kunsill b’unanimità. 

IV.    EKONOMIJA U KUMMERĊ

1. Qafas kummerċjali UE-Turkija

Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u t-Turkija huma rregolati bi tliet ftehimiet kummerċjali preferenzjali 10 . L-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija, maħluqa fl-1995, tkopri l-kummerċ fi prodotti industrijali u b’hekk il-biċċa l-kbira tal-flussi kummerċjali. Madankollu, l-Unjoni Doganali tinvolvi integrazzjoni ħafna aktar profonda minn ftehim ta’ kummerċ ħieles. Din tobbliga lit-Turkija biex issegwi t-Tariffa Doganali Komuni tal-UE u r-regoli għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, li tallinja l-leġiżlazzjoni domestika mal-acquis tal-UE dwar il-beni, u li tadatta r-regoli tal-UE dwar il-politika kummerċjali, il-politika tal-kompetizzjoni u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Minbarra l-Unjoni Doganali, fl-1998 il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni qabel dwar ftehim ta’ kummerċ ħieles għall-prodotti agrikoli. Ftehim separat ta’ kummerċ ħieles għall-prodotti tal-faħam, tal-ħadid u tal-azzar bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) u t-Turkija ġie konkluż fl-1996.

Fl-2020 il-kummerċ bilaterali f’merkanzija kellu valur ta’ kważi EUR 132,5 biljun. Madwar 41 % tal-merkanzija kollha esportata mit-Turkija tmur lejn l-UE, filwaqt li l-importazzjonijiet mill-UE jirrappreżentaw kważi terz tal-importazzjonijiet Torok kollha. L-UE hija wkoll bil-bosta l-akbar sors ta’ investiment barrani dirett fit-Turkija, b’ammont ta’ EUR 58,5 biljun fl-2018.

Wara li inizjalment it-Turkija pjuttost żammet mar-regoli tal-Unjoni Doganali, f’dawn l-aħħar snin it-Turkija bdiet dejjem tiddevja b’mod aktar sistematiku minn dawn ir-regoli. Il-kwistjoni ewlenija hija d-dazji doganali addizzjonali imposti fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi (anki meta jiġu importati mill-UE). Hemm ukoll bosta kwistjonijiet oħra ta’ aċċess għas-suq li huma ta’ tħassib dejjem akbar għal ditti individwali tal-UE, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u l-Istati Membri, bħall-miżuri ta’ sorveljanza, il-ħtieġa ta’ żvelar ta’ data sensittiva, id-diskriminazzjoni kontra l-produtturi tat-tratturi tal-UE, u l-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni eċċessivi. Barra minn hekk, it-Turkija kkonkludiet ftehimiet kummerċjali li mhumiex konformi ma’ dawk tal-UE, minkejja l-obbligu tagħha skont l-Unjoni Doganali li tagħmel dan.

2. Il-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali

F’Diċembru 2016 il-Kummissjoni ppreżentat abbozz ta’ direttivi ta’ negozjati lill-Kunsill dwar “ftehim ġdid biex tiġi mmodernizzata l-Unjoni Doganali u biex jiġi estiż l-ambitu tar-relazzjoni kummerċjali preferenzjali bilaterali” mat-Turkija. Dawn jipprevedu aktar liberalizzazzjoni reċiproka b’rabta mal-kummerċ fl-agrikoltura u fis-servizzi, il-ftuħ tas-suq għall-akkwist pubbliku u impenji aktar b’saħħithom fuq il-kompetizzjoni, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-iżvilupp sostenibbli. Il-proposta tindirizza wkoll il-problemi serji tal-funzjonament tal-konfigurazzjoni attwali. Il-valutazzjoni tal-impatt imħejjija mill-Kummissjoni kkonkludiet li l-modernizzazzjoni jkollha impatt pożittiv sostanzjali fuq it-Turkija u b’mod ċar iġġib benefiċċji ekonomiċi għall-UE.

Madankollu, id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar din il-proposta tal-Kummissjoni twaqqfu fl-2017 fil-kuntest tar-relazzjoni li qed tiddeterjora bejn l-UE u t-Turkija. Il-Kunsill ikkonkluda b’mod formali fis-26 ta’ Ġunju 2018 u mbagħad tenna fit-18 ta’ Ġunju 2019 li “mhija prevista l-ebda ħidma ulterjuri lejn il-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali UE-Turkija”.

3. Kooperazzjoni ekonomika: Programm ta’ Riforma Ekonomika, djalogu, appoġġ għall-IFI/FDI

Mill-2015 ’l hawn, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali kollha, inkluża t-Turkija, ippreżentaw Programmi ta’ Riforma Ekonomika (PRE) annwali lill-Kummissjoni, bħala parti mill-isforzi biex tissaħħaħ il-governanza ekonomika tagħhom u jippreparaw għall-parteċipazzjoni eventwali tagħhom fil-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni ekonomika tal-UE. Il-PRE fih projezzjonijiet makroekonomiċi fiż-żmien medju, pjanijiet baġitarji għat-tliet snin li ġejjin u pjanijiet ta’ riforma strutturali. Fuq il-bażi tal-PRE u tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, id-djalogu ekonomiku u finanzjarju annwali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija fil-livell ministerjali jipprovdi gwida ta’ politika ekonomika mmirata għal kull pajjiż u jirrieżamina fejn waslet l-implimentazzjoni.

B’mod separat, fl-2015 l-UE u t-Turkija stabbilew Djalogu Ekonomiku ta’ Livell Għoli li kellu l-ewwel laqgħa tiegħu fl-2016, biex isaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi bilaterali. F’Lulju 2019 il-Kunsill issospenda dan id-djalogu wkoll minħabba l-attivitajiet ta’ tħaffir tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran.

Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment 11  u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) attwalment qed jiffokaw l-operazzjonijiet tagħhom fit-Turkija fuq is-settur privat 12 . 

4. Setturi oħra ta’ prijorità ewlenija

Is-settur tal-enerġija għandu importanza ġeostrateġika fir-relazzjonijiet UE-Turkija. Fil-laqgħat settorjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jsiru skambji dwar kwistjonijiet bħas-sikurezza nukleari jew l-enerġija rinnovabbli. F’Marzu 2015 ġie stabbilit qafas għad-djalogu ta’ livell għoli dwar l-enerġija, imma saru biss żewġ laqgħat, prinċipalment minħabba li t-Turkija rrifjutat li tiltaqa’ f’livell ministerjali. L-attivitajiet ta’ tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran wasslu għas-sospensjoni ta’ dan id-djalogu. L-istatus ta’ osservatur tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tat-Turkija (TEIAS) fin-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku ġie sospiż fl-2018. Kien hemm tħassib dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tat-TEIAS dwar proġetti tal-elettriku relatati mal-Komunità Ċiprijotta Torka, li possibbilment jaffettwa l-grilja tal-gżira kollha. Fl-2019 it-Turkija bagħtet ir-rapport nazzjonali rivedut dwar it-testijiet tal-istress għall-proġett tal-enerġija nukleari ta’ Akkuyu u l-esperti tkellmu dwar l-organizzazzjoni tal-evalwazzjoni bejn il-pari mill-ENSREG li fih it-Turkija għandha status ta’ osservatur. L-assistenza finanzjarja tal-UE ntużat b’mod estensiv biex tiffinanzja diversi proġetti tal-enerġija, bi tranżizzjoni dejjem akbar lejn l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.

Ir-relazzjonijiet fil-qasam tat-trasport bejn it-Turkija u l-UE għadhom diffiċli minkejja interess komuni fis-sikurezza tat-toroq, fil-mobilità urbana sostenibbli jew fit-tbaħħir marittimu ekoloġiku. Wara s-sospensjoni tan-negozjati UE-Turkija rigward Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Lulju 2019, il-mandat tal-Kummissjoni skada f’Ġunju 2020. Reċentement it-Turkija indikat l-interess li terġa’ tibda n-negozjati. Fl-istess ħin, it-Turkija ma tirrikonoxxix id-dritt ta’ trasportatur tal-UE biex jopera lejn it-Turkija minn Stat Membru tal-UE li hu differenti mill-Istat Membru tal-UE li tah il-liċenzja.

L-estensjoni tan-network ewlieni TEN-T sat-Turkija hija kwistjoni oħra li xxekkel il-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. In-nuqqas ta’ konformità tat-Turkija mal-protokoll ta’ Ankara dwar l-aċċess għall-portijiet u l-ajruporti jfixkel il-finalizzazzjoni tal-estensjoni tat-TEN-T. Il-finalizzazzjoni tal-estensjoni hija importanti wkoll fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-proġett tal-linja ferrovjarja Halkali-Kapikule.

Fl-interess tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali l-UE ħeġġet lit-Turkija biex taderixxi għall-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti fil-qasam tal-ġustizzja ċivili. It-Turkija diġà hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjonijiet ta’ The Hague fil-qasam tal-liġi tal-familja u l-litigazzjoni transnazzjonali. Jenħtieġ li t-Turkija tieħu miżuri effettivi biex tiżgura tnaqqis aċċettabbli fid-dewmien tal-proċedimenti li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri u biex trawwem l-użu tal-medjazzjoni internazzjonali f’każijiet bħal dawn.

F’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali, it-Turkija ħatret sitt punti ta’ kuntatt fl-2019 biex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni mhux sensittiva mal-Eurojust. Fl-2020 it-Turkija kienet involuta f’20 każ operazzjonali tal-Eurojust. Barra minn hekk, il-Eurojust inkludiet lit-Turkija fl-istrateġija ta’ kooperazzjoni ta’ erba’ snin tagħha (2020–2024). Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim ta’ kooperazzjoni dwar il-ġustizzja kriminali bejn il-Eurojust u t-Turkija hi pendenti fil-Kunsill.

Fit-22 ta’ Frar 2021 il-Kunsill adotta konklużjonijiet 13 dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa. It-Turkija ntalbet issolvi l-kwistjonijiet miftuħa kollha fir-rigward tal-iskambju effettiv ta’ informazzjoni mal-Istati Membri, kif speċifikat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill. It-Turkija mistennija li sal-31 ta’ Mejju 2021 timpenja ruħha f’livell politiku għoli biex tattiva b’mod effettiv ir-relazzjoni tagħha ta’ skambju awtomatiku ta’ informazzjoni mal-Istati Membri kollha sat-30 ta’ Ġunju.

Rigward il-protezzjoni ċivili, it-Turkija ilha tipparteċipa fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (Union Civil Protection Mechanism, UCPM) mill-2016. It-Turkija pparteċipat ukoll b’mod attiv fil-programmi reġjonali tal-IPA dwar il-protezzjoni ċivili u se tibbenefika mill-programm reġjonali li jmiss tal-IPA dwar il-prevenzjoni ta’ għargħar u l-ġestjoni tar-riskju tan-nirien fil-foresti, li beda uffiċjalment fil-15 ta’ Novembru 2020.

V. KONKLUŻJONIJIET

Minn Diċembru li għadda ’l hawn, it-Turkija beda jkollha attitudni aktar kalma u aktar kostruttiva dwar diversi kwistjonijiet, inkluż fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha ma’ diversi Stati Membri tal-UE. Dan hu progress pożittiv u apprezzat. Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet tenfasizza l-benefiċċji reċiproċi ta’ relazzjoni kooperattiva. Madankollu, dan il-proċess ta’ tnaqqis tat-tensjoni għadu fraġli. Għandna bżonn aktar żmien biex niġġudikaw jekk huwiex sostenibbli u kredibbli u jekk jagħtix riżultati dejjiema, anki fid-dawl tas-sitwazzjoni domestika li qed tiddeterjora fit-Turkija.

Sabiex jissaħħaħ il-momentum preżenti u jiġu inċentivati relazzjonijiet eqreb bejn l-UE u t-Turkija f’kull aspett, aħna nemmnu li l-Unjoni jenħtieġ li tindirizza għadd ta’ oqsma possibbli ta’ kooperazzjoni li tippermetti approċċ progressiv, proporzjonat u riversibbli. Dawn huma fl-interess komuni tagħna u jistgħu jiġu segwiti f’passi inkrementali — naturalment dment li l-isforzi kostruttivi mit-Turkija jiġu sostnuti u msaħħa fix-xhur li ġejjin.

Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu dan li ġej:

1.Implimentazzjoni aktar effettiva u ta’ benefiċċju reċiproku ta’ oqsma ewlenin tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tal-2016, partikolarment dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni. Dan ikun ifisser b’mod partikolari li t-Turkija, mingħajr aktar dewmien, terġa’ tibda l-proċess ta’ ripatrijazzjonijiet mill-gżejjer Griegi, u tibda bl-1 450 persuna rimpatrijata li l-appelli legali tagħhom huma eżawriti.

2.Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri tal-UE għandhom iżidu r-risistemazzjonijiet mit-Turkija lejn l-Unjoni, billi jibnu fuq il-progress li sar s’issa. Dan għandu jkopri b’mod speċjali l-aktar gruppi vulnerabbli ta’ refuġjati Sirjani fit-Turkija.

3.It-tisħiħ tar-rabtiet ekonomiċi diġà sostanzjali tagħna huwa sitwazzjoni oħra li minnha jgawdi kulħadd, b’mod partikolari fil-klima ekonomika diffiċli attwali. Fil-qofol ikun hemm il-modernizzazzjoni u l-espansjoni tal-ambitu tal-Unjoni Doganali attwali bejn l-UE u t-Turkija kif diġà propost mill-Kummissjoni. Dan ikun jipprovdi wkoll qafas ta’ gwida għar-riformi ekonomiċi fit-Turkija. Jenħtieġ li l-Istati Membri tal-UE jaqblu fuq id-direttivi ta’ negozjati u jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati għal din il-modernizzazzjoni, dment li t-Turkija tieħu passi konkreti biex issolvi l-ostakli kummerċjali attwali.

4.Jagħmel sens li l-kanali tal-komunikazzjoni jinżammu miftuħa — mhux l-inqas insostenn tal-impenji tar-riforma ekonomika u settorjali tat-Turkija. Id-djalogi ta’ livell għoli li preċedentement ġew sospiżi fl-oqsma tal-ekonomija, tal-enerġija, tat-trasport, tal-iżviluppi politiċi, tal-politiki barranin u ta’ sigurtà jkunu jistgħu jitkomplew u jingħata bidu għal suġġetti ġodda oħra, pereżempju l-patt ekoloġiku/il-klima, is-sigurtà interna, ir-relazzjonijiet bejn ir-reliġjonijiet u l-kultura.

5.L-intensifikazzjoni tal-kuntatti bejn il-persuni hija miżura oħra għall-bini tal-fiduċja. Il-Kummissjoni beħsiebha tkompli tiffaċilita l-parteċipazzjoni tat-Turkija fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-programmi tal-UE, bħall-Erasmus+, Orizzont Ewropa eċċ. taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid. Il-Kummissjoni għadha lesta li tagħti pariri lit-Turkija dwar l-ispeċifiċitajiet tal-punti ta’ riferiment pendenti definiti fil-Pjan Direzzjonali għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża.

Madankollu, jekk it-Turkija ma timxix b’mod kostruttiv fl-iżvilupp ta’ sħubija ġenwina mal-UE, u minflok terġa’ lura għal azzjonijiet unilaterali jew provokazzjonijiet bi ksur tad-dritt internazzjonali, bil-mira li jippreġudikaw l-interessi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, b’mod partikolari fil-Lvant tal-Mediterran, jenħtieġ jiġi ċċarat li dan iġib miegħu konsegwenzi politiċi u ekonomiċi, kif spjegat fir-rapport. Miżuri addizzjonali tal-UE għandhom ikunu ffukati, proporzjonati u riversibbli, biex ikunu jistgħu jiġu adattati bl-aħjar mod possibbli għas-sitwazzjoni u għad-dimensjoni tat-theddida jew tal-isfida, joħolqu inċentivi għar-ritorn lejn perkors kooperattiv u jevitaw dinamika ta’ eskalazzjoni negattiva.

Minbarra s-sospensjoni tal-elementi stabbiliti hawn fuq tal-offerta tal-kooperazzjoni kostruttiva, jenħtieġ li nipprevedu miżuri restrittivi intelliġenti, adattabbli u riversibbli, li jibnu fuq dawk fis-seħħ. Dawn jistgħu jinkludu gradwalment:

1.L-adozzjoni ta’ entrati addizzjonali fl-elenku li diġà qabel fuqhom il-Kunsill Ewropew f’Diċembru;

2.Il-miżuri restrittivi previsti fl-oqfsa ta’ sanzjonijiet eżistenti jistgħu jissaħħu u tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-inklużjoni ta’ entitajiet legali;

3.Restrizzjonijiet addizzjonali għall-kooperazzjoni ekonomika UE-Turkija, fosthom l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra;

4.Miżuri mmirati għal setturi oħra importanti għall-ekonomija Torka, bħall-projbizzjoni tal-forniment ta’ servizzi turistiċi, pariri biex ma jsirx vjaġġar maħruġa mill-Istati Membri eċċ.

5.Miżuri addizzjonali tal-UE fil-qasam tal-enerġija u fis-setturi relatati, bħal projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni/l-esportazzjoni ta’ ċert prodotti u teknoloġiji;

L-aħħar iżda mhux l-inqas u f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni se tipprepara malajr alternattivi biex ikompli l-finanzjament għar-refuġjati u għall-komunitajiet ospitanti fit-Turkija. Minħabba l-ħtiġijiet serji fuq il-post u l-piż sinifikanti li t-Turkija qed tkompli ġġorr f’dan ir-rigward, dan huwa investiment Ewropew fl-istabbiltà u fis-solidarjetà. Hu fl-interess ġenwin tagħna li nkomplu nibnu fuq is-suċċessi li ksibna f’dawn l-aħħar snin.

(1)

  https://www.consilium.europa.eu/media/47335/1011-12-20-euco-conclusions-mt.pdf

(2)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32019D1894&from=GA

(3)

Il-Kummissjoni nediet l-adozzjoni tal-istrumenti ġuridiċi għar-reġistrazzjoni tal-Halloumi/Hellim bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta, biex b’hekk il-Halloumi/Hellim ikun jista’ jiġi prodott fil-Komunità Ċiprijotta Torka u jitqiegħed fis-suq lil hinn mil-Linja l-Ħadra, dment li l-ġobon ikun jissodisfa l-acquis rilevanti tal-UE.  Id-deċiżjonijiet se jistimulaw titjib fl-istandards tas-saħħa u f’dawk sanitarji fil-Komunità Ċiprijotta Torka, u jġibu benefiċċji ekonomiċi sostanzjali liż-żewġ komunitajiet filwaqt li jrawmu kooperazzjoni aktar mill-qrib u t-tisħiħ tal-fiduċja bejniethom.

(4)

  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/18/eu-turkey-statement/

(5)

Fil-ħames xhur qabel l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni, kuljum kien hemm medja ta’ 3 262 migrant u applikant għall-ażil li kienu qed jaqsmu l-Baħar Eġew lejn il-gżejjer Griegi. B’kuntrast, fl-2019 il-medja ta’ wasliet ta’ kuljum bil-baħar kienet 165 u fl-2020, anki minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, din niżlet għal 25.

(6)

Pereżempju, il-wasliet irregolari fl-Italja mit-Turkija żdiedu b’aktar minn 120 % meta mqabbla mal-2019. Il-pressjoni migratorja fuq ir-Repubblika ta’ Ċipru żdiedet ukoll b’mod konsiderevoli.

(7)

Is-sitt punti ta’ riferiment pendenti huma: 1) Il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni operattiva mal-Europol; 2) L-allinjament tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali mal-istandards tal-UE; 3) L-adozzjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni; 4) L-offerta ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva f’materji kriminali lill-Istati Membri kollha tal-UE; 5) Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki dwar it-terroriżmu f’konformità mal-istandards Ewropej; 6) L-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ riammissjoni UE-Turkija fid-dispożizzjonijiet kollha tiegħu, inklużi dawk relatati mar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(8)

Dan jikkonċerna Viċi President u Viċi Direttur tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO), billi t-TPAO tippjana, tidderieġi u timplimenta t-tħaffir mhux awtorizzat.

(9)

  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2019/10/14/council-conclusions-on-north-east-syria/

(10)

Id-dettalji fir-rapporti individwali tal-2020 u l-iskedi informattivi dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-UE - Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal disponibbli fuq: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2020/november/tradoc_159048.pdf

(11)

Inkluż il-Fond Ewropew tal-Investiment. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Lulju 2019, il-Kunsill stieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jirrieżamina l-attivitajiet ta’ self tiegħu fit-Turkija, speċjalment fir-rigward ta’ self garantit mis-sovrani.

(12)

Fi tmiem l-2019, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) kellu esponiment totali żburżat fit-Turkija ta’ EUR 12,3-il biljun. Mill-2016 ’l hawn, is-self tal-BEI lit-Turkija naqas sostanzjalment u wara l-miżuri restrittivi tal-UE tal-2019 ma ġie ffirmat l-ebda self lit-Turkija fl-2020. Il-BERŻ kompla jappoġġa l-operazzjonijiet tas-settur privat fit-Turkija fl-2020 u barra minn hekk ipprovda self selettiv ħafna għas-settur pubbliku biex jiffinanzja x-xiri ta’ tagħmir kritiku meħtieġ mill-isptarijiet pubbliċi fit-Turkija fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. Il-volum totali tal-investimenti tal-BERŻ fit-Turkija fl-2020 kien EUR 1,8 biljun.

(13)

https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6329-2021-INIT/mt/pdf