|
30.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 375/15 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Artiku”
(2022/C 375/03)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
|
1. |
ifaħħar lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar il-komunikazzjoni konġunta tagħhom tat-13 ta’ Ottubru 2021, li turi l-impenn fit-tul tal-UE għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni dwar l-Artiku. Jilqa’ l-objettivi, il-prijoritajiet u l-azzjonijiet stabbiliti f’dik il-komunikazzjoni li huma maħsuba biex jiżguraw Artiku paċifiku, sostenibbli u prosperuż. Jirrikonoxxi li l-isfidi li qed jiffaċċja l-Artiku jirrikjedu sforzi konġunti fuq diversi livelli fil-livell, lokali, reġjonali u internazzjonali; |
|
2. |
jaqbel li l-Artiku huwa żona strateġika ewlenija għall-Unjoni Ewropea f’termini ta’ tibdil fil-klima, materja prima u kwistjonijiet ġeostrateġiċi; jinnota li hemm interess dejjem akbar fl-Artiku, inkluż minn stati mhux tal-Artiku; |
|
3. |
jindika li d-definizzjoni ġeografika tar-reġjun tal-Artiku mhijiex ċara. Iż-żona li tinsab fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku tista’ titqies bħala l-qalba tal-Artiku. Din tinkludi l-Oċean u t-territorji tal-Artiku li jappartjenu għal tmien stati: il-Kanada, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvezja, id-Danimarka, l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa; |
|
4. |
jinnota li ż-żoni li huma parti mill-medda ta’ art li hija s-suġġett ta’ din l-Opinjoni jinkludu żoni li jinsabu immedjatament fin-Nofsinhar taċ-Ċirku Artiku, fejn il-kundizzjonijiet ambjentali u soċjoekonomiċi u l-iżvilupp tal-infrastruttura huma bla dubju affettwati b’mod sinifikanti mill-kundizzjonijiet tal-Artiku; |
|
5. |
jindika li ma hemmx reġjun wieħed Artiku iżda pjuttost reġjun kbir u eteroġenu ħafna: ċerti żoni huma remoti b’kundizzjonijiet naturali estremi, b’ambjent fraġli u b’densità ta’ popolazzjoni baxxa, filwaqt li oħrajn huma reġjuni żviluppati ħafna u urbani b’ħiliet qawwija, b’popolazzjoni b’livell għoli ta’ edukazzjoni u b’kapaċità ta’ innovazzjoni b’saħħitha, bħar-reġjun tal-Artiku tal-UE; |
|
6. |
jinnota li fl-Artiku jgħixu miljuni ta’ nies, li l-għadd tagħhom jiddependi skont kif tiġi definita ż-żona. Madwar 4 miljun abitant jgħixu fiż-żona li tinsab fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku. Hemm għadd ta’ nazzjonalitajiet u aktar minn 40 poplu indiġenu differenti. Proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni tar-reġjun huma ċittadini tal-UE; |
|
7. |
jinnota li t-trasformazzjoni tal-Artiku hija affettwata minn bidliet ambjentali, soċjali, kulturali, ekonomiċi, politiċi u ta’ sigurtà li huma interkonnessi. Dawn il-bidliet huma dinamiċi, rapidi u profondi, u dejjem aktar marbuta mal-iżvilupp reġjonali, Ewropew u globali; |
|
8. |
jenfasizza li, anke qabel l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, l-attivitajiet militari żdiedu b’mod sinifikanti f’ħafna żoni tal-Artiku, b’mod partikolari bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari fl-Artiku Russu; |
Artiku sikur, stabbli u paċifiku
|
9. |
jikkundanna bil-qawwa l-invażjoni militari mhux provokata, mhux ġustifikata u illegali tal-Ukrajna mir-Russja, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tibdil ġeopolitiku li se ġġib magħha fl-ordni ta’ sigurtà Ewropew u l-effetti kollaterali fuq l-Artiku; |
|
10. |
jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir dak kollu possibbli f’termini ta’ kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi żgurat li l-Artiku jibqa’ sikur, stabbli u paċifiku, u jisħaq fuq l-importanza li tinżamm, tiġi appoġġjata u promossa l-kooperazzjoni paċifika fir-reġjun tal-Artiku permezz ta’ għadd ta’ strutturi ta’ kooperazzjoni eżistenti, l-ewwel u qabel kollox il-Kunsill tal-Artiku bħala l-format preeminenti għall-kooperazzjoni ċirkumpolari Artika, kemm fil-livell ta’ kuntatti bejn il-persuni kif ukoll f’dak intergovernattiv. Bil-ħsieb tal-istabbiltà, l-UE għandha tirrikonoxxi wkoll ir-rwol u l-potenzjal ta’ oqfsa ta’ kooperazzjoni internazzjonali mhux governattivi fil-livell lokali u reġjonali, bħall-Forum tas-Sindki tal-Artiku, l-NSPA, il-Forum tat-Tramuntana, il-Kunsill Ekonomiku Artiku u l-UArctic, biex jippromovu d-djalogu favur l-istabbiltà; dawn l-oqfsa subnazzjonali jistgħu jġibu valur miżjud sinifikanti billi jipprovdu riżultati dwar proġetti tanġibbli u jlaqqgħu flimkien imsieħba li għandhom inqas restrizzjonijiet ta’ żviluppi politiċi ta’ livell għoli; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jissieħbu u jaħdmu magħhom; |
|
11. |
iqis li huwa importanti li l-Kunsill Ewro-Artiku ta’ Barents u l-Kunsill Reġjonali ta’ Barents ikomplu jippromovu l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun ta’ Barents; il-kooperazzjoni tal-UE fir-reġjun tal-Baħar Baltiku hija marbuta wkoll mal-pakkett ta’ kooperazzjoni tal-Artiku; |
|
12. |
jisħaq fuq il-valur fit-tul tal-Kunsill tal-Artiku u jerġa’ jsostni l-appoġġ għal din l-istituzzjoni u l-ħidma tagħha, li għandha responsabbiltà għall-popli tal-Artiku, inklużi l-popli indiġeni. Il-prinċipji ewlenin tas-sovranità u tal-integrità territorjali, ibbażati fuq id-dritt internazzjonali, ilhom iservu ta' pedament tal-ħidma tal-Kunsill tal-Artiku. Wara l-ksur ta’ dawn il-prinċipji mir-Russja, il-ħidma tal-Kunsill tal-Artiku hija sospiża temporanjament. Għandu jitqies kif il-Kunsill jista’ jkompli l-ħidma importanti tiegħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali; itenni l-appell li ilu jagħmel għall-wieħed u għoxrin sena biex l-Unjoni Ewropea tingħata status ta’ “osservatur” fil-Kunsill tal-Artiku; |
|
13. |
jirrikonoxxi l-importanza tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni transfruntiera u internazzjonali fiż-żona tal-protezzjoni ċivili tal-Artiku, kif ukoll ta’ tipi differenti ta’ ġestjoni tal-kriżijiet; |
It-tibdil fil-klima
|
14. |
jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li t-tibdil fil-klima huwa t-theddida prinċipali għall-Artiku. It-temperaturi li qed jogħlew tliet darbiet aktar malajr milli fil-bqija tad-dinja, is-silġ li qed idub u t-taħlil tal-permafrost għandhom effetti sekondarji kbar madwar l-Ewropa u l-pjaneta kollha; |
|
15. |
iħeġġeġ lill-UE tieħu rwol ta’ tmexxija fl-azzjoni klimatika tal-Artiku iżda jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u l-adattament tal-Artiku minn perspettiva wiesgħa bħala parti mill-iżvilupp soċjoekonomiku tar-reġjun. Il-politiki fit-tul dwar il-klima fl-Artiku għandhom ikunu ekonomikament, soċjalment u reġjonalment ġusti, sabiex l-implimentazzjoni tagħhom tkun effettiva u aċċettabbli għall-pubbliku. Dan ifisser li għandu jingħata appoġġ lir-reġjuni, lis-setturi u lill-ħaddiema l-aktar affettwati mill-bidla; |
|
16. |
jenfasizza l-impatt serju li t-tibdil fil-klima fl-Artiku se jkollu fuq il-bliet u r-reġjuni fl-Ewropa kollha, pereżempju permezz ta’ żieda fil-livelli tal-baħar li se tagħmel diversi żoni kostali inabitabbli, jew permezz ta’ xejriet ta’ preċipitazzjoni u kurrenti oċeaniċi modifikati. Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent fl-Artiku huma l-prijorità assoluta. L-UE għandha tintensifika r-riċerka tal-UE dwar it-tibdil fil-klima tal-Artiku; |
|
17. |
jenfasizza l-impenn tal-UE li tagħmel ir-reġjun tal-Artiku żona sostenibbli u prospera, li torbot l-impenn tal-UE fil-konfront tal-Artiku mill-qrib mal-Patt Ekoloġiku tal-UE u l-ekonomija blu tagħha; |
|
18. |
iqis li għandu jiġi kkunsidrat kif jiġu implimentati l-Patt Ekoloġiku u l-pakkett dwar il-klima “lesti għall-mira ta’ 55 %”, u jeħtieġ li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjun tal-Artiku tal-UE sabiex jiġi żgurat trattament ugwali. Pereżempju, il-kundizzjonijiet speċifiċi tat-tbaħħir fix-xitwa fl-Artiku għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet; |
|
19. |
iqis li kwalunkwe attività fl-Artiku għandha tkun ibbażata fuq ir-reżiljenza tan-natura, il-protezzjoni tal-klima u l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-persuni kollha li jgħixu fir-reġjun. L-interessi ekonomiċi u l-attività ekonomika sostenibbli jistgħu jiġu indirizzati minn din il-perspettiva, f’konformità mal-linji gwida tal-Protokoll ta’ Investiment tal-Artiku għal investiment responsabbli fl-Artiku; |
L-Artiku tal-poplu
|
20. |
jaqbel bis-sħiħ mal-Kummissjoni Ewropea li n-nies li jgħixu fl-Artiku huma l-prijorità ewlenija għal żvilupp sostenibbli u soċjetajiet reżiljenti, u jenfasizza l-isfidi demografiċi u l-fatt li triq sostenibbli ’l quddiem teħtieġ djalogu inklużiv u parteċipazzjoni sinifikanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha; |
|
21. |
jenfasizza r-rwol li għandhom il-bliet tal-Artiku, li huma atturi ewlenin fl-iżvilupp u fl-adattament għall-kuntest li qed jinbidel. L-investimenti fl-infrastruttura urbana sostenibbli, fit-trasport, fid-diġitalizzazzjoni, fl-immaniġġjar tal-iskart, fl-ekonomija ċirkolari u f’soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija, minn naħa waħda, u l-investimenti soċjali f’oqsma bħall-edukazzjoni u s-saħħa, min-naħa l-oħra, jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ ambjent tal-għajxien ta’ kwalità għolja u attraenti, negozji ġodda, eċċ. Il-bliet huma importanti wkoll biex l-Artiku jinżamm vibranti, kompetittiv u abitat, peress li huwa rikonoxxut li Artiku abitat isaħħaħ is-sigurtà; |
|
22. |
Għalhekk, il-KtR jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-bliet tal-Artiku, u tissieħeb u taħdem mill-qrib magħhom, b’mod partikolari mal-Forum tas-Sindki tal-Artiku, li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti minn gvernijiet lokali minn tmien pajjiżi tal-Artiku tal-UE u mhux tal-UE; f’għadd ta’ proġetti u oqsma speċifiċi, bħan-newtralità klimatika u l-effiċjenza enerġetika, l-ippjanar urban, is-soċjetà inklużiva, l-impjiegi, il-ħiliet u l-attrazzjoni tat-talent, u bliet b’saħħithom u intelliġenti. Jenfasizza li l-Forum tas-Sindki tal-Artiku huwa strument ta’ diplomazija ta’ persważjoni, li għandu jkollu status ta’ osservatur fil-Kunsill tal-Artiku biex jirrappreżenta l-komunitajiet kollha tal-Artiku, inklużi l-komunitajiet indiġeni. Jemmen li l-Forum tas-Sindki tal-Artiku għandu jsir imsieħeb tal-istituzzjonijiet tal-UE fid-djalogu f’diversi livelli u fit-tfassil tal-politika tiegħu dwar il-futur tal-Artiku, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrifletti dwar modi konkreti biex jintlaħaq dan l-għan; |
|
23. |
jissuġġerixxi lill-Kummissjoni biex, b’mod konġunt mal-Forum tas-Sindki tal-Artiku, tfassal Aġenda Urbana tal-Artiku għal bliet tal-Artiku sostenibbli, prosperi, attraenti u vibranti adatti għall-futur, u talloka riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ wkoll tabbozza pjan ta’ azzjoni biex tipproponi ideat konkreti dwar kif tkompli tinvolvi l-Forum tas-Sindki tal-Artiku fil-ħidma tagħha; |
|
24. |
jindika li fl-Artiku huma meħtieġa kemm politika rurali intelliġenti u moderna kif ukoll kooperazzjoni urbana-rurali biex jitwaqqaf il-fluss tar-riżorsi miż-żoni rurali u jissaħħu l-iżvilupp tal-kompetenzi u l-kundizzjonijiet tal-għajxien fiż-żoni rurali tal-Artiku; |
|
25. |
jindika li l-industriji kulturali u kreattivi tal-Artiku, flimkien mas-settur tat-turiżmu, għandhom potenzjal ta’ tkabbir internazzjonali, u jipprovdu impjiegi u jżidu l-attraenza tar-reġjun, pereżempju fost in-nisa u ż-żgħażagħ. L-appoġġ tal-UE għall-iżvilupp tal-industrija huwa ta’ importanza kbira. Ta’ min jinnota li Umeå (l-Iżvezja, 2014), Bodø (in-Norveġja, 2024) u Oulu (il-Finlandja, 2026) intgħażlu bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura; |
|
26. |
jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni tad-djalogu fost iż-żgħażagħ u l-involviment taż-żgħażagħ fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinvesti fiż-żgħażagħ, fl-edukazzjoni u fil-mobilità tal-istudenti u fil-programmi ta’ skambju, inklużi skambji virtwali; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi b’mod attiv ir-reġjun tal-Artiku tal-UE bħala parti mill-programm DiscoverEU peress li r-reġjuni remoti u inqas popolati spiss jiġu injorati f’dan il-proċess; |
|
27. |
jinnota li, fid-dawl tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jinnegozjaw mal-popli indiġeni fir-reġjun permezz tal-korpi rappreżentattivi tagħhom stess dwar kwalunkwe azzjoni li tista’ taffettwa lill-popli indiġeni; f’dan ir-rigward, l-UE għandha tappoġġja l-objettiv li tiġi stabbilita delegazzjoni tal-poplu Sami fi Brussell mibdija mill-Kunsill Sami; |
|
28. |
iqis li jeħtieġ li jissaħħu s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien espert fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet oħra dwar l-istatus u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-popli indiġeni kollha tal-Artiku; |
Mudell ekonomiku tal-Artiku sostenibbli u reżiljenti
|
29. |
iqis li għandu jiġi kkunsidrat kif jiġu implimentati l-Patt Ekoloġiku u l-pakkett dwar il-klima “lesti għall-mira ta’ 55 %”, u jeħtieġ li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjun tal-Artiku tal-UE sabiex jiġi żgurat trattament ugwali u l-karatteristiċi naturali speċifiċi tar-reġjun tal-Artiku; |
|
30. |
jisħaq li l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun tal-Artiku għandu jkun ibbażat fuq il-kwalitajiet pożittivi territorjali tiegħu u l-ippjanar konġunt fit-tul. Il-potenzjal tat-tkabbir ekoloġiku fir-reġjun tal-Artiku tal-UE jrid jiġi appoġġat, abbażi ta’ approċċ ibbażat fuq il-post, l-għarfien espert uniku tal-persuni, tal-bliet, tar-reġjuni u tar-riżorsi naturali tiegħu. Il-governanza f’diversi livelli, id-djalogu u r-rispett reċiproku huma elementi kostitwenti għall-kisba tal-użu sostenibbli tar-riżorsi u għal negozji ġodda li jiżguraw l-impjiegi u l-ħolqien tal-valur; |
|
31. |
jinnota li l-Artiku jista’ jipprovdi lill-Ewropa bl-għarfien, il-prodotti, ir-riżorsi u l-enerġija li huma kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi tal-UE. L-industriji b’saħħithom tal-UE bbażati fuq ir-riżorsi naturali fl-Artiku jinkludu l-produzzjoni tal-enerġija, it-turiżmu, il-minjieri, il-forestrija, il-bijoekonomija u s-sajd; il-kapaċità qawwija tal-ICT tar-reġjun tappoġġja t-tranżizzjoni; jistieden lill-UE tappoġġja t-tranżizzjoni ta’ dawn l-industriji biex isiru setturi sostenibbli. L-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tista’ tipprovdi qafas biex il-vulnerabbiltajiet jinbidlu f’opportunitajiet; |
|
32. |
jenfasizza li l-iżvilupp sostenibbli tal-Artiku jrid ikun ta’ benefiċċju primarjament għall-komunitajiet lokali. Jirrikonoxxi l-importanza tal-aċċess tal-UE għal materja prima kritika meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika, madankollu jinnota li l-isfruttar tagħha jkollha implikazzjonijiet konsiderevoli għall-ekonomiji, l-ambjent u l-abitanti tal-Istati tal-Artiku; |
|
33. |
jinnota li b’aktar minn 70 % tas-superfiċje koperti mill-foresti, ir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Iżvezja, tal-Finlandja u tan-Norveġja huma wħud reġjuni bl-ogħla densità ta’ foresti fl-Ewropa, u wħud mill-akbar esportaturi ta’ prodotti tal-forestrija fid-dinja. Is-settur tal-foresti fir-reġjun tal-Artiku jaffettwa l-ħajja tal-popli tal-Artiku b’ħafna modi, billi huwa sors ta’ prosperità u ta’ negozju kif ukoll ta’ rikreazzjoni u ta’ ħajja fl-apert; il-foresti għandhom rwol kruċjali wkoll fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; u l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti għall-2030 għandha tkun il-prinċipju gwida biex jittejbu l-kwantità u l-kwalità tal-foresti tal-UE, madankollu, ir-reġjuni tat-Tramuntana b’densità għolja ta’ foresti jeħtieġu appoġġ u investiment biex jitrawmu ekonomija b’bażi bijoloġika u forestrija ekoloġika, moderna u sostenibbli li jirrispettaw l-ispeċifiċitajiet reġjonali; |
|
34. |
iqis li l-Artiku jeħtieġ li jippromovi b’mod attiv l-attivitajiet kummerċjali li joħolqu l-impjiegi għall-futur. Skont stima ppubblikata fil-bidu tal-2022, ir-reġjun tal-Artiku tal-UE għandu potenzjal ta’ investiment ta’ madwar EUR 150 biljun sal-2030, li parti kbira minnu hija marbuta mat-twettiq tat-tranżizzjoni ekoloġika. L-enfasi titqiegħed fuq l-investimenti fl-azzar newtrali għall-karbonju, il-manifattura tal-batteriji u l-estrazzjoni tal-minerali. Fis-settur tal-enerġija, l-enfasi qiegħdha fuq il-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ; |
|
35. |
jisħaq li t-tranżizzjoni tal-enerġija hija kruċjali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; huma meħtieġa modi ġodda ta’ produzzjoni u konsum tal-enerġija. L-UE għandha tiffoka l-isforzi tagħha fuq l-immodernizzar tas-settur tal-enerġija tal-Artiku sabiex titnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili u tissaħħaħ l-indipendenza enerġetika tal-UE. L-enerġija fossili importata tagħmel lir-reġjun vulnerabbli għall-ġeopolitika u għas-swieq globali, peress li huwa rikonoxxut li s-soluzzjoni fuq medda qasira ta’ żmien għad-dipendenza enerġetika tal-UE tinsab fit-Tramuntana; |
|
36. |
jisħaq li fl-Artiku, bil-produzzjoni tal-enerġija, l-industriji intensivi fl-enerġija u ambjent ta’ sfida għat-trasport u l-infrastruttura sostenibbli, huwa essenzjali li jiġu żgurati tranżizzjoni u adattament ġusti tal-enerġija mill-perspettiva tal-popolazzjoni u tal-industrija tar-reġjun. L-investimenti għandhom jinkludu l-enerġiji rinnovabbli, it-teknoloġiji tal-enerġija u s-soluzzjonijiet futuri tal-enerġija, bħall-idroġenu rinnovabbli u r-raggruppamenti tal-batteriji, il-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija, l-irkupru tas-sħana u d-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija; |
|
37. |
jindika li d-domanda dejjem tikber għall-materja prima kkawżata mill-elettrifikazzjoni tas-soċjetà se toħloq pressjoni fuq l-estrazzjoni u l-ipproċessar sostenibbli fl-Artiku. Ir-reġjun tal-Artiku għandu riżerva vasta ta’ minerali tal-art rari, li tgħin lill-UE timminimizza d-dipendenza tagħha miċ-Ċina, li bħalissa tipproduċi 90 % ta’ dawn il-minerali. L-UE għandha tiżgura li l-Artiku jkollu rwol ewlieni fl-Alleanza Ewropea dwar il-Materja Prima u fl-istess ħin tipproteġi wkoll in-natura tal-Artiku, minkejja l-interessi tal-UE fl-opportunitajiet tal-minjieri u tal-materja prima. L-atturi Ewropej tal-Artiku għandhom ħiliet ewlenin fid-dinja fl-industriji sostenibbli u fl-ipproċessar tul il-katina tal-valur. Il-Kunsill tal-Artiku għandu jieħu nota ta’ dan; |
|
38. |
jisħaq fuq il-ħtieġa li l-finanzjament tal-UE jiġi mmirat biex jappoġġja u jiżgura s-sostenibbiltà tal-investimenti fl-Artiku u biex jintlaħaq bilanċ bejn l-iżvilupp responsabbli tar-riżorsi naturali u l-protezzjoni ambjentali, sabiex jiġu sfruttati bis-sħiħ il-potenzjal u l-qawwa trasformattiva tal-Artiku bħala xprun tat-trasformazzjoni ekoloġika, blu u diġitali tal-UE; |
L-edukazzjoni u r-riċerka
|
39. |
jinnota li r-riċerka ta’ kwalità għolja u l-aċċess għall-edukazzjoni huma prerekwiżiti ewlenin għall-vitalità u l-attraenza tal-Artiku; jenfasizza li waħda mill-akbar sfidi għar-reġjun tal-Artiku hija l-eżodu ta’ mħuħ, jew ta’ persuni edukati li jitilqu miż-żona jew ta’ persuni li jitilqu għall-edukazzjoni u ma jirritornawx wara; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkooperaw u jiskambjaw eżempji tal-aħjar prattika dwar kif għandha tiġi indirizzata din l-isfida; |
|
40. |
jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet reġjonali tal-edukazzjoni u r-riċerka u n-networks tagħhom jiġu involuti fil-formulazzjoni tal-politika tar-riċerka dwar l-Artiku, u li r-riċerka dwar l-Artiku tiġi interpretata bħala waħda li tkopri l-attivitajiet kollha ta’ riċerka li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u li jibbenefikaw lin-nies tal-Artiku, u mhux biss bħala riċerka polari. L-istabbiliment tal-ekosistema tal-innovazzjoni tal-Artiku, abbażi ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp reġjonali tar-reġjun tal-Artiku tal-UE u jwassal għal aktar opportunitajiet ta’ innovazzjoni u kooperazzjoni; |
|
41. |
jappella favur biżżejjed riżorsi disponibbli biex jintlaħqu l-objettivi. L-Artiku għandu jiġi identifikat bħala tema trażversali fi programmi ta’ finanzjament differenti, u għandhom jiġu promossi sinerġiji bejn il-programmi. Minbarra l-programm Orizzont Ewropa u Erasmus+, l-istrumenti rilevanti jinkludu dawk b’bażi reġjonali bħall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali; |
Konnettività
|
42. |
iqis li t-tranżizzjoni industrijali ekoloġika trid tkun akkumpanjata minn żvilupp rapidu ta’ modi ekoloġiċi tat-trasport, billi tiġi ssussidjata t-tranżizzjoni mill-fjuwils fossili lejn modi bħat-trasport elettriku jew li jaħdem bl-idroġenu; jindika li fl-Artiku, is-sigurtà tat-trasport bl-ajru hija essenzjali wkoll. L-inġenji tal-ajru elettriċi huma alternattiva sostenibbli; |
|
43. |
jilqa’ l-estensjoni tal-kuritur TEN-T fl-Artiku tal-UE u jisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-konnessjonijiet tat-trasport, kemm bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar kif ukoll bejn il-Lvant u l-Punent, sabiex jiġu interkonnessi r-reġjuni konnessi man-networks tat-trasport tal-UE fin-Norveġja ta’ Fuq, fl-Iżvezja u fil-Finlandja u sabiex ikunu jistgħu jsiru konnessjonijiet mal-Oċean Artiku. Iqis li r-regolamenti tat-TEN-T għandhom iqisu aħjar il-karatteristiċi speċifiċi tal-Artiku, bħal distanzi twal, tbaħħir fix-xitwa u popolazzjoni skarsament popolati, sabiex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ ċentri tat-trasport ta’ importanza strateġika fl-Artiku; |
|
44. |
jinnota li l-investiment fl-infrastruttura u fit-trasport fir-reġjun tal-Artiku huwa rifless fir-reġjun f’livell usa’ u jikkontribwixxi għall-kundizzjonijiet operattivi u l-kompetittività tar-reġjun, inkluż f’termini ta’ żvilupp soċjali, industrija u sigurtà tal-provvista minn perspettiva Ewropea; |
|
45. |
jinsab imħasseb dwar iż-żieda fl-interess min-naħa tal-pajjiżi terzi fir-reġjun, bħall-interess dejjem jikber taċ-Ċina fis-sjieda ta’ infrastruttura kritika, il-kostruzzjoni ta’ kejbils taħt il-baħar u t-trasport marittimu globali; iqis li huwa ta’ importanza kbira li l-UE taqdi r-rwol tagħha bħala investitur fir-reġjun, sabiex ikunu jistgħu jiġu evitati proġetti fuq skala kbira fl-Artiku minn partijiet terzi; |
|
46. |
jisħaq li l-impenn tal-UE biex tikkoreġi l-iżbilanċi diġitali fiż-żoni tal-Artiku huwa kruċjali. L-adozzjoni mifruxa ta’ teknoloġiji mobbli b’veloċità għolja tal-ħames u s-sitt ġenerazzjoni fl-Artiku tirrikjedi li l-Unjoni Ewropea tinvesti fit-tisħiħ tal-konnessjonijiet ewlenin u tat-teknoloġiji satellitari fil-Finlandja, l-Iżvezja u n-Norveġja. Il-latenza baxxa meħtieġa għal soluzzjonijiet ta’ sigurtà u telemediċina jeħtieġu, pereżempu, konnessjonijiet ċentrali effiċjenti fl-Artiku. L-iżgurar tas-sikurezza u l-kompetittività internazzjonali tar-reġjuni periferiċi tal-Artiku tal-Ewropa u t-tisħiħ tad-diġitalizzazzjoni jimxu id f’id. Is-soluzzjonijiet terrestri wkoll jistgħu jkunu possibbli, jiġifieri huwa importanti li tiġi identifikata taħlita ta’ teknoloġiji adatti li kapaċi joħolqu konnettività stabbli, affidabbli u mhux għalja. Meta jiġu żviluppati opportunitajiet u servizzi diġitali ġodda, il-konsultazzjoni ma’ gruppi differenti hija kruċjali biex jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet il-ġodda jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti. Barra minn hekk, il-konnettività għandha wkoll rwol importanti fil-promozzjoni tas-sikurezza u tal-iżvilupp sostenibbli; |
Aktar UE fl-Artiku, aktar Artiku fl-UE
|
47. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea timxi ’l quddiem bil-proposta tagħha li tistabbilixxi punt uniku ta’ servizz biex tiġbor flimkien l-għodod u l-finanzjament għall-iżvilupp tal-Artiku; |
|
48. |
jitlob lill-presidenzi tal-Kunsill attwali u futuri biex jiżguraw li l-kwistjonijiet tal-Artiku jingħataw prijorità fl-aġenda tal-UE; |
|
49. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jiddedikaw biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-Artiku. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jissaħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni intra-UE dwar kwistjonijiet tal-Artiku fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u li jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti bis-sħiħ fil-governanza f’diversi livelli, fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE u fl-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE; |
|
50. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lis-SEAE jorganizzaw il-Forum tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Artiku u d-Djalogu tal-Popli Indiġeni fl-Artiku tal-UE fi sħubija ma’ atturi reġjonali u lokali, u joqogħdu aktar attenti li fil-futur jagħtu vuċi liż-żgħażagħ. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tad-djalogu, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jħeġġeġ lir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE biex iżidu l-parteċipazzjoni tagħhom f’avvenimenti u laqgħat relatati mal-politika tal-Artiku fir-reġjun; |
|
51. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-istabbiliment ta’ Forum Konsultattiv inkarigat mis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-Artiku. Il-Forum ilaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali. |
|
52. |
jinnota li l-pubblikazzjoni ta’ politika ġdida tal-UE dwar l-Artiku, fl-istess ħin bħall-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid tal-UE għal bejn l-2021 u l-2027, hija opportunità ewlenija biex il-politika tiġi implimentata b’suċċess. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-eżistenza ta’ diversi strumenti ta’ finanzjament, b’mod partikolari skont il-programmi tal-FEŻR u tal-KTE, iżda jinnota b’dispjaċir li l-organizzazzjonijiet iż-żgħar spiss ma jkollhomx il-kapaċità amministrattiva u finanzjarja biex jibbenefikaw bis-sħiħ minnhom. L-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE fl-Artiku għandhom jiġu adattati għall-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet territorjali speċifiċi tal-Artiku, inklużi l-ħtiġijiet tal-popli indiġeni; |
|
53. |
jinnota li l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u b’mod partikolari l-programmi Interreg transfruntiera jipprovdu qafas importanti għall-kuntatti bejn il-persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera, meta jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Artiku. Madankollu, għandu jkun hemm aktar opportunitajiet biex l-imsieħba minn pajjiżi tal-Artiku mhux tal-UE jiġu involuti biex jiġu promossi l-kollaborazzjoni ċirkumpolari u l-mobbiltà u l-kollaborazzjoni mit-Tramuntana għat-Tramuntana; |
|
54. |
fl-aħħar nett, jinnota li r-reġjun tal-Artiku se jkompli jkun ta’ importanza strateġika għall-UE fid-deċennji li ġejjin u li l-UE se jkollha tkompli timxi ’l quddiem, b’aktar kooperazzjoni multilaterali u governanza f’diversi livelli li jinvolvu lill-popli tal-Artiku, sabiex jingħelbu l-isfidi ppreżentati mill-pożizzjoni ġeopolitika, mill-ambjent naturali u minn kundizzjonijiet soċjoekonomiċi speċifiċi tar-reġjun tal-Artiku u sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tiegħu għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi, blu u diġitali. |
Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2022.
Vasco ALVES CORDEIRO
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni