28.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/17


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer

(2022/C 97/04)

Relatur:

Birgitta SACRÉDEUS (SE/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Dalarna

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer

COM(2021) 44 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jirreferi għall-għan iddikjarat tiegħu li “jipprijoritizza s-saħħa fil-livell Ewropew u jappoġġja l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġlieda kontra l-kanċer u l-epidemiji ta’ mard fil-kooperazzjoni transfruntiera dwar is-saħħa u fl-immodernizzar tas-sistemi tas-saħħa” (1);

2.

josserva li, għalkemm ir-responsabbiltà primarja għall-politika tas-saħħa hija tal-Istati Membri, l-UE tista’ tikkomplementa u tappoġġja politiki nazzjonali u tadotta leġiżlazzjoni f’setturi speċifiċi, filwaqt li tibqa’ konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, u tqis id-diversi strutturi tas-saħħa eżistenti u l-preferenzi nazzjonali f’kull Stat Membru;

3.

josserva li, għalkemm il-politika tas-saħħa għadha preokkupazzjoni primarja tal-Istati Membri, hemm bżonn ta’ riflessjoni fil-livell tal-UE dwar il-kompetenzi fil-qasam tas-saħħa, matul id-dibattiti dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;

4.

jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-qafas legali għall-Unjoni Ewropea tas-Saħħa futura jirrifletti r-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għas-saħħa pubblika, peress li 19 mis-27 Stat Membru għażlu li jagħtu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali r-responsabbiltà primarja għall-kura tas-saħħa; fl-istess ħin, l-istrateġiji tas-saħħa tal-Istati Membri għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni u jagħtu l-aqwa appoġġ lill-isforzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex itejbu l-kura tas-saħħa;

5.

josserva li l-kanċer huwa b’mod ċar theddida enormi għaċ-ċittadini u s-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-UE, peress li fl-2020, 2,7 miljun persuna ġew dijanjostikati bil-kanċer fl-UE u 1,3 miljun persuna mietu kaġun tal-kanċer (stimi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, 2020). Huwa importanti li wieħed jinnota, b’mod partikolari, it-tixjiħ mistenni tal-popolazzjoni fl-UE u, konsegwentement, iż-żieda fin-numru ta’ pazjenti li se jiġu dijanjostikati bil-kanċer peress li l-inċidenza tal-kanċer tiżdied fost l-anzjani;

6.

iwissi li, peress li fl-2020 kien hemm ferm inqas skrinjar, dijanjożi u kura tal-kanċer minħabba l-kriżi tal-COVID-19, li aggravat l-istat ta’ ħafna nies u ħolqot xogħol lura b’rabta mad-dijanjożi li kkawża akkumulazzjoni ta’ każijiet ta’ kanċer li se tieħu fit-tul, il-kriżi tal-COVID-19 tista’ tiġi sostitwita minn kriżi tal-kanċer. Skont l-istħarriġ tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kanċer, fl-2020 kien hemm 1,5 miljun pazjent bil-kanċer inqas u ma twettqux 100 miljun skrinjar tal-kanċer minħabba l-pandemija. Madwar miljun pazjent tal-kanċer ma setgħux jiġu dijanjostikati, u wieħed minn kull żewġ pazjenti bil-kanċer fl-Ewropa ma ngħatax il-kura kirurġika jew tal-kimoterapija li kellu bżonn; wieħed minn kull ħamsa għadu ma ngħatax dil-kura;

7.

jitlob li jsir dibattitu dwar kif jista’ jittejjeb l-għarfien dwar is-saħħa taċ-ċittadini tal-UE sabiex il-pazjenti jkunu jistgħu jeliminaw jew inaqqsu l-esponiment tagħhom għall-fatturi ta’ riskju, jieħdu deċiżjonijiet aħjar fir-rigward tal-prevenzjoni, id-dijanjożi u l-għażla tal-alternattivi tat-trattament, jikkontribwixxu għall-kura tas-saħħa tagħhom stess u jsiru aktar awtonomizzati b’tali mod li jgħixu ħajja indipendenti; fil-fehma tiegħu, huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti f’dan id-dibattitu bil-għan li jittejjeb l-għarfien taċ-ċittadini tal-UE dwar is-saħħa;

Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer

8.

jappoġġja bil-qawwa l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea fil-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, li għandu l-għan li jindirizza ċ-ċiklu kollu tal-mard mill-prevenzjoni, id-detezzjoni bikrija, id-dijanjożi u t-trattament, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-popolazzjoni vulnerabbli bħall-anzjani, sal-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti u s-superstiti tal-kanċer;

9.

jenfasizza li l-Pjan dwar il-Kanċer huwa strateġija importanti biex tiġi indirizzata l-isfida taż-żieda fl-għadd ta’ każijiet ta’ kanċer u biex jiġu implimentati u proposti miżuri dwar il-prevenzjoni bil-għan li tiġi eliminata jew mitigata l-ħsara, id-detezzjoni bikrija, id-dijanjożi u t-trattament, kif ukoll il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk affettwati u l-persuni dipendenti minnhom;

10.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer għandu l-għan li jagħmel l-aħjar użu mill-opportunitajiet għall-kondiviżjoni tad-data medika u xjentifika u d-diġitalizzazzjoni, u li l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa ppjanat se jippermetti kemm lill-pazjenti bil-kanċer kif ukoll lill-fornituri tal-kura tas-saħħa jaċċessaw u jikkondividu b’mod sikur id-data elettronika dwar is-saħħa għall-prevenzjoni u t-trattament bejn il-fruntieri fl-UE. L-Istati Membri jridu jiggarantixxu wkoll id-disponibbiltà ta’ din id-data fil-livell lokali u reġjonali;

11.

jenfasizza wkoll l-importanza tal-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ Strateġija għall-Kura Palljativa li tipprevedi kura multidixxiplinari, li tinkludi appoġġ u kura mhux biss għall-persuna kkonċernata iżda wkoll għal dawk li jindukraw jew għall-membri tal-familja li jgħixu mal-persuna kkonċernata. Fir-rigward tat-tfal dijanjostikati bil-kanċer, li l-marda tagħhom avvanzat sa punt li jista’ jikkomprometti l-kwalità tal-ħajja u l-istennija tal-għomor tagħhom, il-kura għandha tingħata minn professjonisti b’taħriġ speċifiku;

12.

jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li twaqqaf Ċentru tal-Għarfien dwar il-Kanċer biex jiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ inizjattivi xjentifiċi u teknoloġiċi relatati mal-kanċer fil-livell tal-UE, bħall-ġbir tad-data permezz tar-reġistri nazzjonali tal-kanċer, il-possibbiltà li l-pazjenti bil-kanċer jaċċessaw u jikkondividu d-data dwar is-saħħa tagħhom u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali (IA) biex titjieb il-kwalità tal-iskrinjar tal-kanċer;

13.

huwa tal-fehma li ċentru tal-għarfien huwa ta’ min ifaħħru iżda għandu jiġi estiż biex jinkludi l-koordinazzjoni ta’ terapiji inabitwali u t-trattament ta’ kanċers rari, u l-adattament tat-trattament għall-persuni akbar fl-età bil-kanċer biex ikunu integrati fi strateġija ta’ mediċina personalizzata ffukata fuq l-individwu, mhux biss fuq il-karatteristiċi tat-tumur;

14.

jenfasizza li l-prevenzjoni u d-dijanjożi bikrija tal-kanċer għandhom ikunu fil-qalba tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, peress li, skont id-WHO, 30-50 % tal-każijiet ta’ kanċer jistgħu jiġu evitati u l-mortalità tista’ titnaqqas ukoll permezz ta’ dijanjożi bikrija u kura mtejba għall-pazjenti bil-kanċer;

15.

jisħaq fuq l-importanza ta’ miżuri biex jiġu enfasizzati l-benefiċċji ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa u jiġu indirizzati fatturi ta’ riskju ewlenin bħat-tipjip, il-konsum dannuż tal-alkoħol, l-obeżità u n-nuqqas ta’ attività fiżika, it-tniġġis, u l-esponiment għal sustanzi karċinoġeni, radjazzjoni u diversi infezzjonijiet. Il-Kumitat jappoġġja wkoll miżuri li jixħtu dawl fuq il-benefiċċji tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħsara;

16.

jitlob li l-miżuri favur sensibilizzazzjoni dwar l-esponiment għal tniġġis ambjentali u karċinoġeni jiġu kkoordinati mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE “Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: ‘Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija’” (COM(2021) 400) u mal-“Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà. Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità” (COM(2021) 667 final), għal sinerġiji biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Pjan dwar il-Kanċer;

17.

huwa tal-fehma li s-settur tan-negozju, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jaqdi rwol importanti fil-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa u t-tnaqqis tal-esponiment għat-tniġġis u għall-karċinoġeni;

18.

ifaħħar il-miżuri tal-Kummissjoni li biex trawwem “ġenerazzjoni ħielsa mit-tabakk” u, f’dan ir-rigward, jitlob għanijiet simili biex jitnaqqas il-konsum tal-alkoħol; jappoġġja l-proposta għal tikkettar obbligatorju dwar in-nutrizzjoni fuq l-oġġetti ta’ konsum kif ukoll twissijiet dwar xorb alkoħoliku;

19.

jitlob għal kooperazzjoni akbar bejn is-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali, l-iżjed fil-livell lokali u reġjonali, sabiex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa u biex jingħataw informazzjoni dwar x’jistgħu jagħmlu biex inaqqsu r-riskju tal-kanċer tagħhom. Bħalissa, 3 % biss tal-baġits tas-saħħa jintefqu fuq il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard;

20.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-kampanja “HealthyLifestyle4All” (Stili ta’ Ħajja Sana għal Kulħadd) favur żieda fl-attività fiżika u dieti b’saħħithom, li tnediet fl-2021 u se tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Pjan dwar il-Kanċer, kif ukoll id-Deċennju tat-Tixjiħ b’Saħħtu tan-NU, li huwa fis-seħħ bħalissa;

21.

japprezza l-għan tal-Kummissjoni li żżid it-tilqim tas-subien u l-bniet kontra l-papillomavirus uman (HPV), permezz ta’ sforzi akbar ta’ sensibilizzazzjoni. Barra minn hekk, jipproponi li jsir obbligatorju li jingħata tilqim kontra l-HPV kemm għas-subien kif ukoll għall-bniet, peress li dan jista’ jnaqqas drastikament l-inċidenza tal-kanċer ċervikali u ċerti kanċers fil-ħalq, fil-griżmejn u fil-larinġi;

22.

jinnota li għalkemm l-iskrinjar immirat għall-kanċer tas-sider, kolorettali u ċervikali huwa ta’ min ifaħħru, għandu jiġi kkunsidrat mill-aktar fis possibbli, jekk teżisti evidenza xjentifika u jekk l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tippermetti, li jiġi estiż għal tipi oħra ta’ kanċer, bħall-kanċer tal-prostata u tal-pulmun. Huwa importanti mhux biss li l-kanċer jiġi dijanjostikat kmieni, iżda hemm bżonn ukoll ta’ infrastruttura u katina tal-kura li jiffunzjonaw tajjeb;

23.

josserva l-varjazzjonijiet kbar kemm fl-inċidenza tal-kanċer kif ukoll fil-mortalità bejn u fi ħdan l-Istati Membri, u jenfasizza li kulħadd għandu jkollu l-istess dritt għal kura, dijanjożi u trattament ta’ kwalità għolja u aċċess ugwali għall-mediċini, irrispettivament minn fejn jgħixu;

24.

jikkritika n-nuqqas ta’ data diżaggregata fil-livell reġjonali dwar l-inċidenza u l-mortalità tal-kanċer meħtieġa biex jiġu identifikati x-xejriet u/jew jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fl-iskrinjar u t-trattament tal-kanċer; jitlob lill-Kummissjoni tniedi malajr kemm jista’ jkun ir-Reġistru tal-Inugwaljanzi b’rabta mal-Kanċer li huwa ppjanat;

25.

jitlob lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid il-perkors tal-kura tal-kanċer fis-sistemi tas-saħħa rispettivi tagħhom sabiex inaqqsu l-inugwaljanzi fl-aċċess, l-irkupru tal-ispejjeż, ir-rimborż, il-kontribuzzjonijiet tal-kura tas-saħħa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;

26.

jiġbed l-attenzjoni għas-sistema ta’ “perkors standardizzat ta’ kura” bħala prattika tajba introdotta f’ċerti Stati Membri (eż. l-Iżvezja u d-Danimarka) biex tkun possibbli detezzjoni aktar rapida u l-bidu tat-trattament tal-kanċer;

27.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi akbar fuq ir-riċerka dwar il-kanċer, u r-rabta bejn l-istrateġija u l-missjoni ta’ riċerka dwar il-kanċer imwettqa b’rabta ma’ Orizzont Ewropa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni u għodod ġodda, bħall-Inizjattiva Ewropea dwar l-Immaġnijiet tal-Kanċer u t-tisħiħ tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Kanċer, biex jiġu salvati l-ħajjiet;

28.

josserva l-potenzjal għal mediċina personalizzata, li ma tkunx biss iffukata fuq il-karatteristiċi molekulari tat-tumur iżda wkoll fuq il-karatteristiċi tal-persuna bit-tumur, permezz ta’ avvanzi rapidi fir-riċerka u l-innovazzjoni li jippermettu dijanjostika u trattamenti innovattivi mfassla apposta u strateġiji ta’ prevenzjoni tal-kanċer li jkunu aktar adatti għall-pazjent speċifiku u t-tip ta’ kanċer;

29.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien tan-Network tal-UE ta’ Ċentri Komprensivi tal-Kanċer, li jiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera u l-mobilità tal-pazjenti, itejjeb l-aċċess għal dijanjostika u trattamenti ta’ kwalità garantita, u jiffaċilita l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-provi kliniċi;

30.

jitlob lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-akkreditazzjoni għall-istandards tal-OECD ta’ mill-inqas ċentru wieħed tal-kanċer għal kull Stat Membru;

31.

jipproponi li d-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali tipprevedi rakkomandazzjonijiet għal standards dwar skrinjar, imaging u trattament tal-kanċer fi Stat Membru differenti mill-pajjiż ta’ residenza tal-persuna;

32.

jenfasizza li n-nuqqas ta’ mediċini ilu żmien twil problema fil-kura tas-saħħa li saret saħansitra aktar evidenti matul il-pandemija tal-COVID-19; josserva, b’rabta mal-iżgurar tal-aċċess għal mediċini essenzjali u l-innovazzjoni, li hemm ħtieġa qawwija għal miżuri li jistimulaw l-aċċess għall-mediċini ġeneriċi u bijosimili (2);

33.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta biex tiġi eżaminata l-possibbiltà tal-użu ta’ mediċini eżistenti f’oqsma ġodda, iżda jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza li tiġi żgurata biżżejjed evidenza klinika dwar l-effettività tal-mediċini u s-sikurezza tal-pazjenti, u jeħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati eżiti oħra partikolarment rilevanti fil-każ ta’ pazjenti akbar fl-età lil hinn mis-sopravivenza. Dan huwa importanti mhux biss għall-pazjenti iżda wkoll għas-setur tal-kura tas-saħħa u għall-fornituri tal-finanzjament biex ikunu jistgħu jagħtu l-fehma tagħhom dwar l-użu ta’ trattamenti ġodda; josserva li l-affordabbiltà tal-mediċini hija prerekwiżit għall-pazjenti biex jirċievu l-medikazzjoni meħtieġa u għal sistemi tal-kura tas-saħħa sostenibbli;

34.

jissuġġerixxi li tiġi eżaminata l-possibbiltà li tiġi estiża s-sistema komuni tal-akkwist tal-UE, bl-użu ta’ negozjati konġunti dwar il-prezzijiet u l-ħolqien ta’ riżerva strateġika għall-mediċini kontra l-kanċer, u fl-istess ħin jiġu rikonoxxuti l-ħtiġijiet differenti tal-Istati Membri, kif ukoll tar-reġjuni, u tax-xenarji soċjoekonomiċi differenti;

35.

jitlob li l-leġiżlazzjoni Ewropea tinkludi d-“dritt li persuna tkun minsija”. L-istorja medika tal-pazjenti u s-superstiti tal-kanċer m’għandhiex tiġi reġistrata mill-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni, sabiex jiġi żgurat aċċess ġust għas-servizzi finanzjarji għalihom;

36.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għal “kard intelliġenti” (smartcard) għas-superstiti tal-kanċer, kif ukoll networks ta’ kura u monitoraġġ effiċjenti u sostenibbli għal superstiti akbar fl-età, sabiex jittejbu l-komunikazzjoni u/jew il-koordinazzjoni bejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-pazjenti, mhux l-inqas fir-rigward tal-esperjenzi tal-pazjenti stess;

37.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna nies għadhom jesperjenzaw problemi ta’ saħħa fiżika u mentali, speċjalment it-tnaqqis fl-abbiltajiet funzjonali u konjittivi li jistgħu jesperjenzaw il-persuni akbar fl-età li għandhom kanċer, minħabba t-trattament tagħhom, anke wara li jkun għadda ħafna żmien wara d-dijanjożi tal-kanċer u t-trattament inizjali tagħhom. Għalhekk, huwa importanti li wieħed jifhem kif l-individwi jirreaġixxu għall-kura skont il-livell ta’ vulnerabbiltà tagħhom u, għaldaqstant, huwa essenzjali li jiġu żviluppati mudelli ta’ kura għall-persuni akbar fl-età li għandhom kanċer li jippromovu valutazzjoni kompresiva tas-sitwazzjoni tagħhom u l-użu ta’ għodda li tivvaluta l-kapaċitajiet intrinsiċi tagħhom. Huwa importanti wkoll li wieħed jifhem kif it-terapija taffettwa s-saħħa mentali, sabiex il-kura tas-saħħa u r-riabilitazzjoni jkunu aktar effettivi u jiġu adattati fl-oqsma kollha skont din l-informazzjoni;

38.

jenfasizza li l-appoġġ u l-kura tal-pazjenti bil-kanċer minn persuni li jindukraw b’mod informali, bħall-ġenituri u l-membri tal-familja, huma meħtieġa iżda huma wkoll sfida. Għalhekk, għandhom jiġu ppjanati miżuri ta’ appoġġ soċjali lokali biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-indokraturi informali;

39.

jitlob li l-inizjattivi kollha mmirati lejn il-qraba, speċjalment il-membri tal-familja, ikopru wkoll il-preokkupazzjonijiet tat-tfal u s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċjali tal-aħwa, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

40.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-kanċer pedjatriku, u jenfasizza li għandha tiffoka wkoll fuq il-kanċer fost l-anzjani, li jirrappreżenta karatteristiċi differenti, l-istess bħall-kanċer pedjatriku. Iżda, jirrimarka li l-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer jeħtieġ li jiġi kkomplementat minn inizjattivi li jippromovu l-iżvilupp ta’ reġistri ta’ segwitu ta’ kwalità garantita fl-Istati Membri tal-UE. Jeħtieġ ukoll jiġi żgurat li l-awtoritajiet regolatorji bħall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) ikollhom aċċess permanenti għad-data dwar l-effettività u l-effetti sekondarji tal-mediċini;

41.

huwa tal-fehma li l-istudju propost dwar is-superstiti adulti tal-kanċer għandu jidentifika wkoll il-kundizzjonijiet u l-ostakli għar-ritorn għall-iskola, l-edukazzjoni għolja u l-aċċess għas-suq tax-xogħol fir-rigward tas-superstiti ta’ kanċer pedjatriku. Inizjattivi li jippromovu d-dħul mill-ġdid fl-impjieg għandhom jinkludu wkoll is-superstiti tal-kanċer pedjatriku;

42.

jitlob strateġiji biex tiġi indirizzata l-isfida tal-għarfien dwar is-saħħa, l-iżjed fir-rigward tal-kanċer u l-fatturi ta’ riskju tiegħu, peress li t-tibdil demografiku se jkun wieħed mill-fatturi li jwassal għal żieda fl-inċidenza tiegħu. L-istrateġiji jistgħu jinkludu approċċi differenti bħall-ħolqien ta’ ambjent tajjeb għas-saħħa jew li wieħed ikun impjegatur attraenti, u li jinstabu soluzzjonijiet ġodda, modi ta’ kooperazzjoni, metodi u teknoloġiji tax-xogħol, u kundizzjonijiet tax-xogħol sostenibbli.

Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  ĠU C 440, 18.12.2020, p. 131.

(2)  https://webapi2016.COR.europa.eu/v1/documents/cor-2020-05525-00-00-ac-tra-mt.docx/content