30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 251/104


P9_TA(2021)0508

Qafas Ewropew għad-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar id-demokrazija fil-post tax-xogħol: qafas Ewropew għad-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet (2021/2005(INI))

(2022/C 251/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-premessa numru erbgħa tal-Preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li tikkonferma l-għożża kbira tal-Unjoni Ewropea għad-demokrazija,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-TUE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 9, l-Artikolu 151 u l-Artikolu 153(1)(e) u (f) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 27, 28, 30 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (2),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2012 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet) (COM(2012)0614),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (6) u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta' Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (8),

wara li kkunsidra l-istudju tad-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali ta' Mejju 2012 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-maniġment u l-korpi superviżorji ta' kumpanija, li jipproponi li d-Direttiva 2002/14/KE dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ġenerali tal-impjegati tiġi emendata biex jiġu inklużi r-rappreżentanti tal-impjegati fuq il-bordijiet tal-kumpaniji,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 fuq offerti ta' xiri (9),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata (10),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni tal-impjegati (11) (id-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet),

wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew ta' Jannar 2021 bit-titolu “Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet – proċedura ta' inizjattiva leġiżlattiva: reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet”,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar “L-ebda Patt Ekoloġiku mingħajr patt soċjali” (12),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-2 ta' Diċembru 2020 dwar “Tranżizzjoni industrijali lejn ekonomija Ewropea ekoloġika u diġitali: rekwiżiti regolatorji u r-rwol tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili” (13),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2020 dwar "Id-djalogu soċjali bħala pilastru importanti tas-sostenibbiltà ekonomika u r-reżiljenza tal-ekonomiji, li jqis ukoll l-influwenza ta' dibattitu pubbliku mqanqal fl-Istati Membri (14),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Awwissu 2020 dwar qafas legali tal-UE dwar is-salvagwardja u t-tisħiħ tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018 dwar il-pakkett dwar id-dritt soċjetarju Ewropew (15),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Marzu 2016 bit-titolu “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji” (16), fejn jintalab involviment akbar tal-ħaddiema fil-governanza ta' negozju,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Marzu 2013 dwar “L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-impjegati bħala pedamenti essenzjali ta' governanza korporattiva tajba u approċċi bilanċjati biex tingħeleb il-kriżi” (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2009 dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati f'kumpaniji bi statut Ewropew u miżuri oħra li jakkumpanjaw (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar il-futur tad-dritt soċjetarju Ewropew (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema; antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar in-negozjar kollettiv transkonfinali u d-djalogu soċjali transnazzjonali (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti (22),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (23), li tappella għal tmiem urġenti tal-imblokk fil-Kunsill sabiex tiġi adottata d-direttiva proposta dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (COM(2012)0614),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2012 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva – qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli” (COM(2012)0740),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tat-22 ta' Ottubru 2014 bit-titolu “Towards a new framework for more democracy at work” (Lejn qafas ġdid għal aktar demokrazija fil-post tax-xogħol),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tad-9 u l-10 ta' Diċembru 2020 dwar qafas ġdid tal-UE dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bord għal forom ta' kumpaniji Ewropej u għall-kumpaniji li jagħmlu użu minn strumenti tad-dritt soċjetarju tal-UE li jippermettu l-mobbiltà tal-kumpaniji,

wara li kkunsidra l-proġett ta' riċerka tal-Università ta' Leuven ta' Mejju 2016 “European Works Councils on the Move: Management Perspectives on the Development of a Transnational Institution for Social Dialogue” (Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet Attivi: Perspettivi ta' Ġestjoni dwar l-Iżvilupp ta' Istituzzjoni Tranżnazzjonali għad-Djalogu Soċjali),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tal-15 u s-16 ta' Marzu 2017 dwar Direttiva moderna dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet (EWC) fl-era diġitali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Lobby Ewropew tan-Nisa ta' Frar 2012 bit-titolu “Women on boards in Europe: from a snail's pace to a giant leap? Progress, gaps and good practice” (In-nisa fuq il-bordijiet fl-Ewropa: minn pass ta' nemla għal qabża ta' ġgant? Progress, lakuni u prattika tajba),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) ta' Frar 2010 bit-titolu “A comparative overview of terms and notions on employee participation” (Ħarsa ġenerali komparattiva tat-termini u l-kunċetti ta' parteċipazzjoni tal-impjegati),

wara li kkunsidra l-istudju tal-ILO ta' Novembru 2018 dwar il-mudelli ta' governanza korporattiva: struttura, diversità, evalwazzjoni u prospetti,

wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Governanza Korporattiva tal-G20/OECD tal-2015 u d-dikjarazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv tat-Trade Unions għall-OECD tat-28 ta' Mejju 2021,

wara li kkunsidra t-tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kumpaniji tal-Eurofound tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar il-parteċipazzjoni diretta u indiretta tal-impjegati,

wara li kkunsidra r-raba' Stħarriġ Ewropew dwar il-Kumpaniji tal-Eurofound tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar il-prattiki fuq il-post tax-xogħol għall-isfruttament tal-potenzjal tal-impjegati;

wara li kkunsidra l-Prinċipji 7 u 8 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPRS),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2021)0102),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Porto u l-Impenn Soċjali ta' Porto,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0331/2021),

A.

billi d-demokrazija b'mod ġenerali u d-demokrazija fil-post tax-xogħol b'mod partikolari huma valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea u jipprovdu pedament sod ħafna li fuqu jistgħu jissaħħu r-reżiljenza u l-kuntratt soċjali tal-Ewropa; billi dawn il-valuri ċentrali huma inkorporati wkoll fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-EPSR; billi x-xogħol huwa attività kruċjali li tipprovdi struttura fis-soċjetà, u jipprovdi mhux biss mezz għall-għajxien, iżda wkoll għall-iżvilupp individwali u l-konnessjoni mas-soċjetà; billi hija meħtieġa azzjoni biex jiġi żgurat il-bilanċ tas-setgħa ta' negozjar bejn l-impjegaturi u l-impjegati, li jista' jittejjeb permezz tat-tisħiħ tad-demokrazija fil-post tax-xogħol;

B.

billi s-sħubija soċjali u n-negozjar kollettiv bejn ir-rappreżentanti tal-impjegati u l-impjegaturi fil-livell nazzjonali u d-djalogu soċjali fil-livell tal-UE jikkostitwixxu element ewlieni tal-Mudell Soċjali Ewropew, li l-wirt kondiviż tiegħu ta' djalogu soċjali, parteċipazzjoni tal-ħaddiema, negozjar kollettiv, rappreżentanza tal-impjegati fuq il-bordijiet, rappreżentanza tas-saħħa u s-sikurezza, u tripartitiżmu huma l-elementi kostitwenti ta' futur divers u ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli;

C.

billi x-xenarju regolatorju tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-impjiegi u tad-dritt soċjetarju għadu eċċessivament frammentat, u dan jista' jirriżulta f'nuqqas ta' ċertezza tad-dritt dwar ir-regoli u d-drittijiet applikabbli kemm għall-impjegaturi kif ukoll għall-impjegati; billi huwa essenzjali li jissaħħaħ is-sett ta' għodod tal-Unjoni f'dawn l-oqsma permezz tal-introduzzjoni ta' direttiva qafas ambizzjuża li tissimplifika l-leġiżlazzjoni applikabbli u ssaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema, b'mod partikolari d-dritt għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni;

D.

billi d-demokrazija fil-post tax-xogħol għandha rwol ewlieni fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà, mhux l-inqas meta r-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, ikunu involuti b'mod attiv fil-proċessi ta' diliġenza dovuta tan-negozju; billi aktar demokrazija fil-post tax-xogħol, flimkien ma' trasparenza akbar, ikunu mod effettiv biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà; billi d-demokrazija fil-post tax-xogħol tista' ttejjeb il-fiduċja fil-valuri demokratiċi u timmotiva lill-ħaddiema biex jinvolvu ruħhom f'kultura u prattiki demokratiċi;

E.

billi l-promozzjoni tad-demokrazija fil-post tax-xogħol teħtieġ is-salvagwardja u r-rispett ta' diversi drittijiet u prinċipji soċjali u tax-xogħol, inkluż id-dritt għal organizzazzjoni u azzjonijiet kollettivi; billi l-livelli għoljin ta' demokrazija fil-post tax-xogħol huma assoċjati ma' relazzjonijiet ta' impjieg ta' kwalità aħjar, stabbiltà, pagi ogħla u livelli ogħla ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza, inkluż il-fastidju fuq il-post tax-xogħol; billi l-ġustizzja soċjali u, b'mod partikolari, id-demokrazija fil-post tax-xogħol huma ankrati sew fl-istrumenti u l-istandards internazzjonali u Ewropej tad-drittijiet tal-bniedem; billi d-demokrazija fil-post tax-xogħol ilha tixpruna l-progress soċjali fl-Ewropa u fid-dinja għal aktar minn seklu; billi l-ILO twaqqfet fl-1919 bit-twemmin sod li l-paċi universali tista' tiġi stabbilita biss jekk tkun ibbażata fuq il-ġustizzja soċjali (24); billi d-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u r-rappreżentanza tal-ħaddiema jiffurmaw il-valuri u d-drittijiet ewlenin tal-ILO u huma previsti f'bosta Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet tal-ILO23, u billi anke l-Kunsill tal-Ewropa jinkludi d-demokrazija fil-post tax-xogħol fost il-valuri ewlenin tiegħu kif espressi mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem24 u l-Karta Soċjali Ewropea25;

F.

billi r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll il-kopertura tan-negozjar kollettiv, huma essenzjali għall-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-funzjonament xieraq tal-kumpaniji; billi l-Eurofound irrapportat (25) li inqas minn terz (31 %) tal-kumpaniji fl-UE ffaċilitaw il-parteċipazzjoni diretta regolari tal-impjegati fil-proċess deċiżjonali organizzazzjonali fl-2019;

G.

billi skont il-Prinċipji ta' Governanza Korporattiva tal-G20/OECD tal-2015, il-livell sa fejn l-impjegati jipparteċipaw fil-governanza korporattiva jiddependi fuq il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, u jista' jvarja minn kumpanija għal oħra wkoll;

H.

billi t-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema kellhom rwol ewlieni fil-mitigazzjoni tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-post tax-xogħol, mill-introduzzjoni ta' miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, b'mod partikolari l-ħaddiema essenzjali f'postijiet tax-xogħol esposti ħafna, sal-implimentazzjoni ta' skemi għaż-żamma tal-impjiegi, bħax-xogħol b'ħinijiet iqsar, u forom ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol, bħax-xogħol mid-dar;

I.

billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri li kienu jeżistu qabel fis-suq tax-xogħol u wessgħet id-disparità bejn il-ġeneri fil-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol; billi dan affettwa, b'mod partikolari, setturi femminizzati ħafna b'pagi baxxi u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, b'għadd kbir ta' nisa li jaħdmu fuq quddiem nett, speċjalment bħala professjonisti tas-saħħa, persuni li jindokraw, ħaddiema tat-tindif u tal-manutenzjoni, u ħaddiema domestiċi, fil-ġlieda kontra l-virus filwaqt li spiss ikollhom ukoll jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet tal-familja waqt il-lockdowns;

J.

billi bħalissa għaddejjin għadd sinifikanti ta' proċessi ta' ristrutturar b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19; billi l-impatt ta' tfixkil tal-pandemija aċċellera temporanjament ir-ritmu tar-ristrutturar tal-kumpaniji u wessa' l-ambitu tiegħu, speċjalment f'ċerti setturi; billi l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u l-parteċipazzjoni tagħhom u n-negozjar kollettiv huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-impatti pożittivi u negattivi tar-ristrutturar; billi l-iżviluppi teknoloġiċi, it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u l-irkupru ekonomiku u soċjali mill-pandemija tal-COVID-19 jipprovdu opportunità biex il-postijiet tax-xogħol jimxu lejn forom ta' organizzazzjoni tax-xogħol bi grad għoli ta' involviment fil-livelli kollha; billi skont l-Eurostat, l-Istati Membri b'sistemi ta' relazzjonijiet industrijali żviluppati sew, arranġamenti tax-xogħol u skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar kellhom prestazzjoni aħjar mill-medja tal-UE fl-2020 u ħafna inqas ħaddiema tilfu l-impjieg tagħhom;

K.

billi r-riċerka turi li l-parteċipazzjoni fil-post tax-xogħol tikkontribwixxi għall-prestazzjoni tal-kumpanija, il-kwalità tal-impjiegi u l-benesseri; billi, skont l-Eurofound (26), inqas minn terz (31 %) tal-kumpaniji fl-UE27 iffaċilitaw il-parteċipazzjoni diretta regolari tal-impjegati fil-proċess deċiżjonali organizzazzjonali u l-intensità tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-UE naqset matul dawn l-aħħar għaxar snin (27); billi aktar minn nofs l-istabbilimenti fl-Iżvezja (56 %) u fid-Danimarka (55 %) kienu kkaratterizzati minn involviment dirett, ta' influwenza kbira u regolari mal-impjegati; billi l-istess jista' jingħad għal madwar għoxrin fil-mija biss tal-istabbilimenti fil-Polonja (20 %) u fin-Netherlands (21 %);

L.

billi l-governanza korporattiva sostenibbli tista' tinkiseb biss bl-involviment tal-impjegati;

M.

billi skont l-istudju tal-ILO ta' Frar 2010 bit-titolu “A comparative overview of terms and notions on employee participation” (Ħarsa ġenerali komparattiva tat-termini u l-kunċetti tal-parteċipazzjoni tal-impjegati), hemm varjetà kbira ta' mudelli li jittrattaw il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema jew l-involviment tal-impjegati, u f'xi sistemi nazzjonali, il-ħaddiema għandhom id-dritt li jeleġġu rappreżentanti fl-organi superviżorji jew amministrattivi tal-kumpanija;

N.

billi l-kumpaniji sostenibbli jingħarfu mill-fatt li għandhom mekkaniżmi biex jesprimu leħen il-ħaddiema u jinkludu l-fehmiet tal-ħaddiema fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet strateġiċi li għandhom impatt fuq il-forza tax-xogħol u fuq komunitajiet u reġjuni sħaħ (28);

O.

billi l-istudji wrew li l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema ssaħħaħ il-produttività, l-involviment tal-ħaddiema, l-innovazzjoni u l-organizzazzjoni tax-xogħol, tappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari (29) u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ittejjeb l-organizzazzjoni tajba tax-xogħol u t-teħid ta' deċiżjonijiet, u tipprovdi alternattivi għat-tnaqqis fl-impjiegi kkawżat mill-kriżi;

P.

billi disparità bejn il-ġeneri u d-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi għadhom jeżistu fil-korpi deċiżjonali, jipprevjenu l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa u l-kontribut tagħhom għall-ħajja ekonomika u soċjali, u jirriżultaw f'livelli dejjem għoljin ta' sottoimpjieg tan-nisa, li għandhom impatt qawwi fuq is-soċjetà u t-tkabbir ekonomiku;

Q.

billi skont l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018 dwar il-pakkett dwar id-dritt soċjetarju Ewropew, ir-rwol tal-kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet għandu jissaħħaħ fil-każ ta' trasformazzjonijiet ta' kumpaniji kbar, b'konformità mad-Direttiva 2009/38/KE;

R.

billi l-impjegati mhumiex sempliċement “partijiet ikkonċernati” tal-kumpaniji, iżda huma “partijiet kostitwenti” flimkien mal-azzjonisti u l-maniġers; billi l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpaniji hija komponent ewlieni ta' mudell pluralistiku ta' governanza korporattiva bbażat fuq il-prinċipji demokratiċi, il-ġustizzja u l-effiċjenza (30);

S.

billi l-inklużjoni attiva tal-ħaddiema fil-proċessi deċiżjonali tal-kumpaniji se tkun essenzjali biex jiġu żgurati l-bidliet rapidi, sostanzjali u sostenibbli fil-politika u l-istrateġija meħtieġa mit-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, li se jwasslu għal bidliet sinifikanti fid-dinja tax-xogħol; billi dan se jwassal ukoll għall-inklużjoni aħjar tal-ħaddiema l-aktar vulnerabbli fil-proċess ta' tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali;

T.

billi l-pjan ta' rkupru joffri kemm lill-impjegaturi kif ukoll lill-ħaddiema opportunità bla preċedent għall-innovazzjoni fil-finanzjament ta' investimenti u proġetti sostenibbli u diġitali; billi l-involviment tempestiv u effettiv tal-impjegati fl-ipprogrammar u l-eżekuzzjoni ta' dawn il-proġetti huwa essenzjali sabiex jiġu identifikati, antiċipati u ġestiti b'mod adegwat l-effetti trasformattivi potenzjali tagħhom fil-post tax-xogħol u fir-relazzjonijiet bejn is-sħab soċjali;

U.

billi l-pandemija tal-COVID-19 uriet ħtieġa urġenti ta' parteċipazzjoni ferm usa' u aktar b'saħħitha tas-sħab soċjali, speċjalment sabiex jinkisbu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali lejn futur sostenibbli, ġust u soċjali għall-UE;

V.

billi l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa toffri opportunità biex nimxu lil hinn mill-istat ta' kriżi u biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu involuti fit-tfassil tal-futur tagħha, sabiex b'hekk tissaħħaħ id-demokrazija fil-livelli kollha;

W.

billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jipprovdu 6 minn kull 10 impjiegi fl-UE;

Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpaniji

1.

Jinnota n-network għani u interkonness ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol fl-Unjoni kollha, mill-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, eletti mill-forza tax-xogħol u minn fost il-forza tax-xogħol fil-livell lokali, sal-kunsilli tax-xogħol cross-site f'kumpaniji aktar kumplessi, ir-rappreżentanza dedikata tas-saħħa u s-sikurezza, u r-rappreżentanza tal-impjegati fil-bordijiet superviżorji jew amministrattivi tal-kumpaniji;

2.

Jirrikonoxxi l-oqfsa legali differenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-bord fi 18-il Stat Membru tal-UE; jirrimarka li l-ambitu u l-intensità tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-bordijiet tal-kumpaniji jvarjaw ħafna; jirrimarka li t-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika qed jaffettwaw ħafna d-dinja tax-xogħol, u li l-kumpaniji l-aktar reżiljenti u sostenibbli huma dawk b'sistemi stabbiliti sew ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kwistjonijiet tal-kumpanija (31);

3.

Jinsab konvint li leħen il-ħaddiem għandu jkun komponent ewlieni tal-inizjattivi tal-UE biex jiġu żgurati governanza korporattiva sostenibbli u demokratika u diliġenza dovuta dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż fir-rigward tax-xogħol, u dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent, kif ukoll biex jitnaqqas l-użu ta' prattiki inġusti, bħall-isfruttament tal-ħaddiema u l-kompetizzjoni inġusta fis-suq intern, anke, fejn applikabbli, fid-dawl tal-Artikolu 154 tat-TFUE;

4.

Jirrimarka l-importanza tat-titjib kontinwu tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, b'mod partikolari biex jiġu żgurati t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema kollha;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-ftehimiet bejn is-sħab soċjali Ewropej kemm fil-livell transindustrijali kif ukoll f'dak settorjali, kif stipulat fit-Trattati; jirrimarka li r-rispett tal-ftehimiet tas-sħab soċjali Ewropej jinkludi l-implimentazzjoni tagħhom, fuq it-talba konġunta tal-partijiet firmatarji, fi kwistjonijiet koperti bl-Artikolu 153 tat-TFUE, permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni;

6.

Jinnota li permezz tal-lakuni (32), l-Istatut tal-UE għal Kumpanija Ewropea (Societas Europeae – SE) qed jippermetti, b'mod involontarju, lill-kumpaniji jevitaw ir-regolamenti nazzjonali, b'mod partikolari f'dik li hija r-rappreżentanza tal-impjegati fil-livell tal-bord; jiddispjaċih għall-fatt li l-Pakkett dwar id-Dritt Soċjetarju tal-2019 (33) ma solviex dawn in-nuqqasijiet, u jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni immedjatament wara t-traspożizzjoni tal-pakkett mill-Istati Membri sabiex tivvaluta l-allegati lakuni; jinnota li xi mergers transkonfinali jistgħu jsaħħu s-suq uniku billi jiġġeneraw sinerġiji akbar bejn il-kumpaniji Ewropej, iżda jinnota wkoll li dawn, kultant, jistgħu jwasslu għal prattiki inġusti li jeħtieġ li jiġu indirizzati, u li jistgħu jintużaw ukoll biex jiġu evitati d-drittijiet ta' rappreżentanza; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tal-istrutturi korporattivi u l-ktajjen ta' provvista jew sottokuntrattar kumplessi sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-istandards soċjali;

7.

Jenfasizza li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt li jiġu infurmati dwar l-użu ta' ħaddiema stazzjonati fil-ktajjen ta' sottokuntrattar u għandhom ikunu jistgħu jikkuntattjaw lil dawn il-ħaddiema, f'konformità mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar Xogħol Temporanju Permezz ta' Aġenzija (34), li jobbliga lill-impriża utenti tipprovdi informazzjoni dwar l-użu ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija lill-korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema;

8.

Jirrimarka li l-premessa 35 tad-Direttiva (UE) 2019/2121 (35) li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 dwar il-konverżjonijiet, il-mergers u d-diviżjonijiet transkonfinali tgħid li “[f]'ċerti ċirkostanzi, id-dritt tal-kumpaniji li jwettqu operazzjoni transkonfinali jista' jintuża għal skopijiet abbużivi jew frodulenti, bħal pereżempju għall-evitar tad-drittijiet tal-impjegati, il-pagamenti tas-sigurtà soċjali jew l-obbligi tat-taxxa, jew għal skopijiet kriminali”; iqis li huwa essenzjali, f'dan ir-rigward, li jiġu definiti b'mod adegwat standards minimi ambizzjużi tal-UE għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bord u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema f'każijiet fejn il-kumpaniji jwettqu ristrutturar lil hinn mill-fruntieri; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li ġejja tagħha tad-Direttiva (UE) 2019/2121, tqis l-eżistenza ta' prattiki tajbin u r-riżultati ta' studji u valutazzjonijiet tal-konsegwenzi u l-effetti soċjoekonomiċi pożittivi tar-rappreżentanza tal-impjegati fil-korpi korporattivi, filwaqt li temenda wkoll id-direttivi eżistenti li jaffettwaw din il-kwistjoni, li jistgħu jgħinu fit-titjib tal-governanza korporattiva; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inizjattivi favur is-sensibilizzazzjoni u t-titjib tar-regoli nazzjonali u tal-UE li jirregolaw ir-rappreżentanza tal-impjegati fil-korpi korporattivi fid-diversi Stati Membri u trawwem skambji tal-aħjar prattiki, filwaqt li tivvaluta l-forom differenti ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-effetti soċjoekonomiċi tagħhom;

9.

Itenni li bosta atti legali tal-UE li jikkonċernaw id-drittijiet ta' rappreżentanza tal-ħaddiema fil-livell tal-bord ma jistabbilixxux rekwiżiti minimi għar-rappreżentanza fil-livell tal-bord fil-kumpaniji Ewropej fil-forom differenti tagħhom jew għal kumpaniji li jużaw strumenti tad-dritt soċjetarju tal-UE biex jippermettu l-mobbiltà transkonfinali ta' kumpanija u r-riorganizzazzjoni ġuridika, inklużi d-diviżjonijiet, il-konverżjonijiet u l-mergers transkonfinali (36); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet urġenti u deċiżivi biex jiżguraw li l-kumpaniji Ewropej jirrispettaw id-drittijiet ta' informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema u li, għaldaqstant, jikkonformaw mal-obbligi legali, nazzjonali u tal-UE, eżistenti;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq it-titjib meħtieġ fl-oqfsa li jirregolaw l-SEs u s-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej u, abbażi ta' valutazzjoni tempestiva mill-Kummissjoni, fil-Pakkett dwar id-Dritt Soċjetarju, u temendahom biex jiġu introdotti regoli minimi tal-UE li jirregolaw il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tal-impjegati fil-bordijiet superviżorji, anki fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġi żgurat li sal-2030 ikun hemm mill-inqas 80 % tal-korporazzjonijiet fl-UE koperti bi ftehimiet ta' governanza korporattiva sostenibbli (37), filwaqt li jirrikonoxxu wkoll il-piż amministrattiv partikolari assoċjat ma' dan għall-SMEs; jitlob, għal dan il-għan, it-twaqqif ta' strateġiji miftiehma mal-ħaddiema biex jiġi influwenzat b'mod pożittiv l-iżvilupp ambjentali, soċjali u ekonomiku permezz ta' prattiki ta' governanza u preżenza fis-suq, biex jissaħħaħ ir-rwol tad-diretturi fit-tfittxija tal-interessi fit-tul tal-kumpanija tagħhom, biex tittejjeb ir-responsabbiltà tad-diretturi lejn l-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fit-teħid ta' deċiżjonijiet korporattivi, u biex jiġu promossi prattiki ta' governanza korporattiva li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-kumpanija, inklużi r-rappurtar korporattiv, ir-remunerazzjoni tal-bord, il-kompożizzjoni tal-bord u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati (38);

12.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq l-impenn tagħha li tressaq mingħajr aktar dewmien direttiva dwar diliġenza dovuta vinkolanti fir-rigward tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem u l-imġiba responsabbli fin-negozju, inklużi drittijiet tal-ħaddiema bħad-dritt għall-organizzazzjoni u n-negozjar kollettiv, għas-saħħa u s-sikurezza, u għal kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati; jenfasizza li din id-direttiva għandha tistabbilixxi rekwiżiti ta' diliġenza dovuta obbligatorja li jkopru l-operat, l-attivitajiet u r-relazzjonijiet kummerċjali tal-kumpaniji, inklużi l-ktajjen tal-provvista u tas-sottokuntrattar, u għandha tiżgura l-involviment tat-trade unions u tar-rappreżentanti tal-ħaddiema matul il-proċess kollu ta' diliġenza dovuta, inkluż il-proċess ta' żvilupp u implimentazzjoni;

13.

Jinsab konvint li l-introduzzjoni ta' teknoloġiji diġitali ġodda għandha l-potenzjal li tħalli impatt pożittiv fuq l-ambjent tax-xogħol jekk dawn it-teknoloġiji jiġu implimentati u mmonitorjati b'mod affidabbli, li jkun jirrikjedi informazzjoni tempestiva u sinifikanti u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, biex jiġu żgurati r-rispett sħiħ tas-saħħa u s-sikurezza tagħhom, il-protezzjoni tad-data, it-trattament ugwali, il-protezzjoni soċjali u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol u jiġu evitati l-isfruttament u s-sorveljanza indebita tal-ħaddiema, b'mod partikolari fil-kuntest ta' ġestjoni permezz ta' algoritmi; jissottolinja l-fatt li t-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jkollhom l-aċċess u l-mezzi meħtieġa biex jivvalutaw u jevalwaw it-teknoloġiji diġitali qabel l-introduzzjoni tagħhom; jenfasizza li t-teknoloġiji diġitali ġodda u l-intelliġenza artifiċjali m'għandhomx jirreplikaw id-diskriminazzjoni u l-preġudizzji soċjetali eżistenti iżda għandhom jgħinu l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni ta' gruppi differenti; jirrimarka l-ħtieġa li jiġi applikat il-prinċipju ta' etika prestabbilita matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tat-teknoloġiji diġitali sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom u jiġu evitati l-preġudizzji; jenfasizza li l-istrutturi tad-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv settorjali, l-għoti ta' informazzjoni lit-trade unions u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, u l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom, huma kruċjali biex jiġi pprovdut l-appoġġ meħtieġ biex il-ħaddiema jisfruttaw u jipparteċipaw aħjar fl-adozzjoni u l-monitoraġġ mis-sħab soċjali tat-teknoloġiji diġitali fuq il-post tax-xogħol;

14.

Jemmen li d-drittijiet tal-ħaddiema għall-organizzazzjoni, għar-rappreżentanza kollettiva f'union, għal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, u d-dritt li jitolbu b'mod kollettiv għal riformi fi ħdan il-postijiet tax-xogħol tagħhom huma aspetti fundamentali tal-proġett Ewropew u prinċipji fundamentali tal-mudell soċjali, li huma affermati u mħarsa legalment mill-istituzzjonijiet Ewropej; jinsab imħasseb dwar il-fatt li xi ħaddiema li jieħdu sehem f'forom ġodda ta' xogħol ma jibbenefikawx minn drittijiet effettivi ta' rappreżentanza u parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol; jiddeplora l-fatt li dan huwa l-każ, b'mod partikolari, għas-setturi fejn il-maġġoranza tal-ħaddiema huma nisa (39); itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw id-dritt tal-ħaddiema għal-libertà ta' assoċjazzjoni u parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol, fil-forom kollha ta' impjieg; jistieden lill-Kummissjoni tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri biex il-ħaddiema jkunu protetti fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal-libertà ta' assoċjazzjoni u fil-parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mas-sħab soċjali, jimpenjaw ruħhom li jilħqu kopertura ta' negozjar kollettiv ta' 90 % sal-2030 f'dawk is-sistemi nazzjonali li jikkombinaw ir-regolamentazzjoni statutorja u dik tas-sħab soċjali f'dak li jirrigwarda l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; jenfasizza li n-negozjar kollettiv jikkontribwixxi għall-ekonomija soċjali tas-suq, kif previst fit-Trattat ta' Lisbona; itenni li t-trattati tal-UE, li jipproteġu b'mod espliċitu l-awtonomija tas-sħab soċjali, u s-sistemi awtoregolatorji fis-seħħ f'xi Stati Membri, jridu jiġu protetti sabiex is-sħab soċjali jirregolaw b'mod awtonomu, filwaqt li jiġu żgurati leġittimità b'saħħitha u progress fil-kopertura tan-negozjar kollettiv; jistieden lill-Istati Membri jneħħu kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li xxekkel in-negozjar kollettiv, inkluż billi jiżguraw l-aċċess tat-trade unions għall-postijiet tax-xogħol għall-finijiet ta' organizzazzjoni;

16.

Jissottolinja li r-riformi fl-Istati Membri m'għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv in-negozjar kollettiv, li jeħtieġ li jiġi promoss fil-livell settorjali, inkluż bl-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu bis-sħiħ lis-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika tal-UE; jenfasizza li r-riformi tax-xogħol fil-livell nazzjonali jridu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-EPSR, inkluż il-Prinċipju 8 dwar id-djalogu soċjali u l-involviment tal-ħaddiema, in-negozjar kollettiv u r-rispett għall-awtonomija tas-sħab soċjali u d-drittijiet għal azzjoni kollettiva u li jiġu infurmati u kkonsultati fi żmien xieraq dwar it-trasferiment, ir-ristrutturar u l-merger tal-impriżi, u dwar is-sensji kollettivi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza r-riformi tax-xogħol fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza b'rabta ma' dawn l-aspetti speċifiċi;

Qafas ġdid għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bord

17.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-liġijiet rilevanti kollha tal-UE jiġu kompletament infurzati, evalwati u – fejn meħtieġ abbażi ta' din l-evalwazzjoni – imsaħħa u kkonsolidati biex jiġi żgurat li l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati jkunu parti integrali mill-proċess deċiżjonali tal-kumpaniji u li dan iseħħ fil-livell rilevanti fi ħdan il-kumpaniji;

18.

Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati informazzjoni u konsultazzjoni tempestivi u sinifikanti madwar l-UE, qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet maniġerjali li jkollhom impatt potenzjali fuq il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u dwar politiki jew miżuri, speċjalment dawk b'implikazzjonijiet transkonfinali; jenfasizza li r-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, irid ikollhom aċċess għall-għarfien espert meħtieġ u d-dokumentazzjoni ta' sostenn rigward id-deċiżjonijiet maniġerjali biex jivvalutaw l-implikazzjonijiet ta' dawn il-politiki u l-proċessi transkonfinali għall-forza tax-xogħol u jipproponu alternattivi; jenfasizza li jrid isir djalogu ġenwin dwar dawk l-alternattivi bejn it-trade unions, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-maniġment;

19.

Jirrimarka l-importanza li r-rappreżentanti tal-impjegati, u b'mod partikolari l-kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet, jipparteċipaw b'mod sinifikanti, wara li jkunu ġew infurmati u kkonsultati b'mod effettiv, fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' kwistjonijiet tranżnazzjonali li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-interessi tal-ħaddiema; jenfasizza li dan għandu jinkludi kwistjonijiet li huma ta' importanza għall-forza tax-xogħol Ewropea f'dak li huwa l-ambitu tal-effetti potenzjali tagħhom jew li jinvolvu trasferimenti ta' attivitajiet bejn l-Istati Membri; jenfasizza li l-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandu jiġi infurmat u kkonsultat fi kwistjonijiet relatati, b'mod partikolari, mas-sitwazzjoni u x-xejriet probabbli fir-rigward tal-impjiegi u l-investimenti, u l-bidliet sostanzjali li jirrigwardaw l-organizzazzjoni, l-introduzzjoni ta' metodi ta' ħidma jew proċessi ta' produzzjoni ġodda, trasferimenti ta' produzzjoni, mergers, tnaqqis fid-daqs, għeluq ta' impriżi, stabbilimenti jew partijiet importanti tagħhom, u sensji kollettivi; jenfasizza wkoll li l-involviment tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jista' jiżviluppa u jippromwovi l-kultura u l-koeżjoni korporattivi u li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-pjanijiet soċjali, bil-għan li jiġu rregolati l-bidliet li jistgħu jaffettwaw lill-ħaddiema u jiġġeneraw is-sensji; jemmen li huwa essenzjali li jissaħħu l-kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fis-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri;

20.

Jinnota li hemm diverġenzi persistenti bejn il-pajjiżi tal-UE rigward il-kwalità, it-tempestività u l-effettività tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni qabel it-teħid tad-deċiżjonijiet korporattivi, u li l-proċessi ta' ristrutturar jitwettqu b'mod differenti madwar l-Ewropa; jinnota li d-djalogu dwar l-alternattivi għas-sensji u l-għeluq tal-impjanti jvarja fi ħdan l-UE; ifakkar li fl-2013 diġà kien ippropona qafas legali (40) fir-rigward tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, u l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar, bil-għan li jissawwar ristrutturar sostenibbli u soċjalment inklużiv u li l-ebda ħaddiem ma jitħalla jibqa' lura; jemmen li huwa essenzjali li jkun hemm strateġija koerenti tal-UE biex il-kumpaniji u l-ħaddiema jkunu mgħammra biex ilaħħqu ma' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta;

21.

Jenfasizza li d-dritt tal-impjegati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni għandu dejjem jiġi żgurat b'mod tempestiv u jindirizza l-effetti kwantitattivi u kwalitattivi potenzjali fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-bidliet li jirriżultaw mill-applikazzjonijiet u t-teknoloġiji diġitali biex jittejbu l-proċessi tan-negozju eżistenti u l-effiċjenza tal-forza tax-xogħol; jindika li l-infurmar tal-ħaddiema u l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-livell tal-bord huma għodod effettivi fl-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema;

22.

Jitlob lill-UE tiżgura li l-impjegati jkunu rappreżentati wkoll fuq il-bordijiet f'kumpaniji li jagħmlu użu mil-leġiżlazzjoni tal-UE (41) għall-finijiet ta' ristrutturar u mobbiltà transkonfinali ta' kumpanija; jenfasizza l-ħtieġa ta' bordijiet li jkollhom bilanċ bejn il-ġeneri, kemm f'termini tal-għadd ta' siġġijiet tal-impjegati kif ukoll f'termini tal-bord kollu; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jieqaf jimblokka d-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet, filwaqt li jiġi rifless il-fatt li sabiex jinkisbu postijiet tax-xogħol parteċipattivi, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri trid tiġi żgurata fil-livelli kollha;

23.

Jiddikjara li għad fadal ħafna xi jsir biex jiġu żgurati l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet ugwali fl-aspetti kollha tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema madwar l-UE, kif ukoll ir-rappreżentanza xierqa tal-impjegati b'diżabbiltà; jinnota li l-inugwaljanza persistenti bejn il-ġeneri hija riflessa wkoll fl-aċċess limitat tan-nisa għal pożizzjonijiet ta' tmexxija u rappreżentattivi fuq il-post tax-xogħol; itenni li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diversità fuq il-bordijiet jirrappreżentaw prinċipju demokratiku ewlieni b'effetti ekonomiċi sekondarji pożittivi; jitlob l-introduzzjoni ta' miżuri addizzjonali, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, biex jiġu żgurati rappreżentanza bbilanċjata u ugwaljanza bejn il-ġeneri; jinnota li l-kwoti tal-ġeneru jikkontribwixxu għall-kisba ta' aktar diversità, ugwaljanza bejn il-ġeneri u ekwitabbiltà fil-korpi deċiżjonali kollha;

24.

Iqis li l-kumpaniji għandhom jagħmlu progress fil-garanzija tad-diversità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż permezz ta' paga ugwali fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel progress fuq id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet; jitlob l-applikazzjoni tal-kwota ta' 40 % kemm għall-bordijiet mhux eżekuttivi kif ukoll għal dawk eżekuttivi (ikkunsidrati b'mod indipendenti), kemm f'kumpaniji bi sjieda privata kif ukoll f'dawk bi sjieda pubblika, b'adattament progressiv tal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-prijoritajiet inklużi fl-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 u, b'mod partikolari, tiżgura li l-proposta għal direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u l-miżuri relatati tiġi rilaxxata fil-Kunsill;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni, b'segwitu għall-valutazzjoni tal-impatt antiċipat tagħha u f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, tintroduċi direttiva qafas ġdida dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għall-kumpaniji Ewropej, u għall-kumpaniji li jużaw strumenti Ewropej ta' mobbiltà tal-kumpaniji, sabiex jiġu stabbiliti standards minimi dwar kwistjonijiet bħall-antiċipazzjoni ta' bidla, inkluż fir-rigward ta' miżuri li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima, it-trasformazzjoni diġitali u r-ristrutturar, b'mod partikolari fil-livell ta' kumpanija;

27.

Jenfasizza li xi nuqqasijiet fid-dritt tal-UE jistgħu jiġu megħluba bl-introduzzjoni ta' limiti għal standard minimu tal-UE ta' rappreżentanza fil-livell tal-bord fl-ambitu ta' din id-direttiva qafas ġdida; iqis, għal dan il-għan, li l-għadd/proporzjon ta' siġġijiet fuq il-bordijiet għar-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jvarja minn ftit siġġijiet għal parità, skont l-għadd ta' impjegati fil-kumpanija u s-sussidjarji tagħha;

28.

Ifakkar li d-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet hija parti mill-acquis tal-UE dwar id-dritt tal-impjegati għall-parteċipazzjoni, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni; jesprimi tħassib dwar in-nuqqasijiet fit-tfassil tad-direttiva, b'mod partikolari l-infurzar u l-effettività tad-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni, u jiddeplora l-opportunità mitlufa fl-2008 biex din id-direttiva tkompli tiġi żviluppata u tittejjeb b'mod sinifikanti;

29.

Jirrimarka l-ħtieġa ta' sensibilizzazzjoni dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet fost ir-rappreżentanti tal-impjegati u tal-maniġment; jenfasizza li l-l-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet huma korpi tranżnazzjonali uniċi (42) stabbiliti għall-fini ta' informazzjoni u konsultazzjoni tal-impjegati u l-bini u l-promozzjoni tal-identità korporattiva, u li huma affettwati mil-livell jew l-intensità tar-relazzjonijiet industrijali u l-oqfsa ta' politika; jiddispjaċih dwar il-fatt li r-riżorsi finanzjarji, materjali u legali meħtieġa biex il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom b'mod xieraq mhux dejjem jiġu pprovduti mill-maniġment ċentrali; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-azzjonijiet meħtieġa biex ittejjeb il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-infurzar aħjar tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi reviżjoni tad-direttiva bil-għan li jissaħħaħ id-dritt tar-rappreżentanti tal-impjegati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, b'mod partikolari matul il-proċessi ta' ristrutturar;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-tisħiħ tad-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni biex jiġi żgurat li l-opinjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet tkun tista' tiġi kkunsidrata fid-deċiżjonijiet ta' kumpanija u tingħata qabel ma tiġi kkompletata l-konsultazzjoni fil-livell rispettiv u qabel ma l-korpi governattivi jaslu għal deċiżjoni; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex issaħħaħ il-mekkaniżmi ta' infurzar, lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess effettiv għall-ġustizzja għal korpi speċjali ta' negozjar u għall-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, biex jintroduċu penali effettivi, dissważivi u proporzjonati sabiex tiġi żgurata l-konformità, itemmu, wara aktar minn 20 sena, l-eżenzjonijiet għall-ftehimiet antiki, l-hekk imsejħa “volontarji” ta' qabel id-direttiva, jiċċaraw il-kunċett tan-“natura tranżnazzjonali ta' kwistjoni” fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, jipprevjenu l-abbuż tar-regoli tal-kunfidenzjalità bħala mezz biex jiġu limitati l-aċċess għal-informazzjoni u l-parteċipazzjoni effettiva, issaħħu r-rekwiżiti ta' sussidjarjetà u jiżguraw il-koordinazzjoni effiċjenti tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-livelli lokali, nazzjonali u tal-UE;

o

o o

31.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16.

(2)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(3)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(4)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1.

(5)  ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16.

(6)  ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.

(7)  ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25.

(8)  ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.

(9)  ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12.

(10)  ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

(11)  ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28.

(12)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 23.

(13)  ĠU C 56, 16.2.2021, p. 10.

(14)  ĠU C 10, 11.1.2021, p. 14.

(15)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 24.

(16)  ĠU C 177, 18.5.2016, p. 1.

(17)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 35.

(18)  ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 133.

(19)  ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 78.

(20)  ĠU C 440, 30.12.2015, p. 23.

(21)  ĠU C 93, 9.3.2016, p. 161.

(22)  ĠU C 445, 29.10.2021, p. 75.

(23)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 208.

(24)  Ara: Il-Kostituzzjoni tal-ILO tal-1919 u d-Dikjarazzjoni tal-ILO ta' Philadelphia tal-1944.

(25)  https://www.eurofound.europa.eu/mt/news/news-articles/companies-capitalise-on-direct-employee-involvement-to-enhance-performance-and-well-being

(26)  Stħarriġ Ewropew dwar il-Kumpaniji tal-2019.

(27)  Istitut Ewropew tat-Trade Unions, 2021, “Benchmarking Working Europe 2020 – Covid-19 and the work world: the impact of a pandemic” (Valutazzjoni komparattiva tax-xogħol fl-Ewropa 2020 – il-COVID-19 u d-dinja tax-xogħol: l-impatt ta' pandemija).

(28)  Rapp, M. S., Wolff, M., Udoieva, I., Hennig, J. C., “Mitbestimmung im Aufsichtsrat und ihre Wirkung auf die Unternehmensführung” (Il-kodeterminazzjoni fil-bord tad-diretturi u l-effett tagħha fuq il-governanza korporattiva), Hans-Böckler-Stiftung, Nru 424, Ġunju 2019; Ernst and Young, Study on directors' duties and sustainable corporate governance (Studju dwar id-dmirijiet tad-diretturi u l-governanza korporattiva sostenibbli), Lulju 2020.

(29)  Linji gwida għal tranżizzjoni ġusta lejn ekonomiji u soċjetajiet ambjentalment sostenibbli għal kulħadd, https://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_emp/---emp_ent/documents/publication/wcms_432859.pdf; Employment and Social Developments in Europe 2021 (L-impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa 2021), ara https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/e823d46f-e518-11eb-a1a5-01aa75ed71a1/language-mt

(30)  Studju tal-ILO ta' Novembru 2018 dwar il-mudelli ta' governanza korporattiva: struttura, diversità, evalwazzjoni u prospetti.

(31)  https://www.boeckler.de/pdf/mbf_praes_arguments_co_determination.pdf

(32)  https://www.etui.org/sites/default/files/R%20121%20Conchon%20BLER%20in%20Europe%20EN%20WEB.pdf. Kif inhu bħalissa, il-qafas legali tas-SE ma jgħinx biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tar-rappreżentanza tal-impjegati fil-livell tal-bord (BLER) u saħansitra joffri l-possibbiltà li l-kumpaniji jevitaw id-drittijiet BLER nazzjonali (Kluge & Stollt, 2011; Keller & Werner, 2010). Jidher li l-Istatut tas-SE jista' jintuża biex ikunu jistgħu jitwettqu tliet strateġiji potenzjali ta' ċirkomvenzjoni, jiġifieri l-evitar tal-BLER; “iffriżar” tal-BLER; jew tnaqqis fl-għadd ta' siġġijiet allokati lir-rappreżentanti tal-impjegati fil-livell tal-bord, speċjalment meta dawn ikunu okkupati minn sindakalisti esterni.

(33)  Id-Direttiva (UE) 2019/2121 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward ta' konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 1).

(34)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).

(35)  Id-Direttiva (EU) 2019/2121 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva (EU) 2017/1132 fir-rigward ta’ konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinalia (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 1)

(36)  https://www.eurofound.europa.eu/mt/node/98915

(37)  Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 li jakkumpanja l-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (SWD(2021)0046).

(38)  Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 li jakkumpanja l-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (SWD(2021)0046).

(39)  https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2020/662491/IPOL_STU(2020)662491_EN.pdf

(40)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.C_.2015.440.01.0023.01.MLT&toc=OJ%3AC%3A2015%3A440%3ATOC

(41)  Id-Direttiva (UE) 2019/2121; Id-Direttiva 2001/86/KE; u d-Direttiva 2003/72/KE

(42)  https://www.eurofound.europa.eu/mt/node/52251: Il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet huma korpi permanenti li jiffaċilitaw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-kumpaniji Ewropej u l-gruppi ta' kumpaniji Ewropej, kif meħtieġ bid-Direttiva tal-1994 dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet.