20.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/2


P9_TA(2021)0451

Tisħiħ tad-demokrazija, il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fl-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2021 dwar it-tisħiħ tad-demokrazija u tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fl-UE: l-użu indebitu ta' azzjonijiet fl-ambitu tad-dritt ċivili u kriminali biex jissikktu l-ġurnalisti, l-NGOs u s-soċjetà ċivili (2021/2036(INI))

(2022/C 205/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u b'mod partikolari l-Artikolu 2, l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(3) u l-Artikoli 5, 6, 7 u 19 tiegħu,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 70, 81, 82, 114 u 352 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u b'mod partikolari l-Artikoli 11, 12, 15, 20, 47, 48 u 54 tagħha,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, mehmuża mat-TUE u t-TFUE,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (Brussell I) (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014, (4)

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 (5),

wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni bit-titolu “Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2021 – Unjoni ta' vitalità f'dinja ta' fraġilità” (COM(2020)0690),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Dwar il-pjan ta' azzjoni Ewropew għad-Demokrazija” (COM(2020)0790),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025” (COM(2020)0152),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt – Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea” (COM(2020)0580), u s-27 kapitolu tal-pajjiżi ta' akkumpanjament dwar l-istat tad-dritt fl-Istati Membri (SWD(2020)0300-0326),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025” (COM(2020)0698),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta' professjonisti oħra fil-media fl-Unjoni Ewropea (C/2021/6650),

wara li kkunsidra s-segwitu tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu “Challenges facing civil society organisations working on human rights in the EU” (L-isfidi li qed jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem fl-UE), ippubblikat fis-17 ta' Jannar 2018, il-bullettini tiegħu dwar l-implikazzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali tal-pandemija tal-coronavirus fl-UE, ippubblikati fl-2020, u r-rapporti, id-data u l-għodda l-oħra tal-Aġenzija, b'mod partikolari s-Sistema ta' Informazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali (EFRIS),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

wara li kkunsidra l-istrumenti tan-NU l-oħra dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u r-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tal-Eżami Perjodiku Universali tan-NU, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Korpi tat-Trattati tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-proċeduri speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Marzu 1999,

wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni dwar id-drittijiet SLAPPs u FoAA,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Karta Soċjali Ewropea, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet, l-opinjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kumitat tal-Ministri, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza, il-Kumitat ta' Tmexxija dwar il-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni, id-Diversità u l-Inklużjoni, il-Kummissjoni ta' Venezja u korpi oħra tal-Kunsill tal-Ewropa,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-4 ta' Lulju 2012 dwar ix-Xewqa ta' Standards Internazzjonali li jittrattaw l-Għażla Opportunistika tal-Ġurisdizzjoni fir-rigward tal-Malafama, l-Għażla Opportunistika tal-Ġurisdizzjoni għal-Libelli, biex tiġi Żgurata l-Libertà tal-Espressjoni,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri tat-13 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u ta' atturi oħra tal-media (CM/Rec(2016)4[1]),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Novembru 2018 dwar il-ħtieġa li jissaħħu l-protezzjoni u l-promozzjoni tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa (CM/Rec(2018)11),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri tas-7 ta' Marzu 2018 dwar il-pluraliżmu tal-midja u t-trasparenza tas-sjieda tal-midja (CM/Rec(2018)1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-Kunsill tal-Ewropa tal-11 ta' Ġunju 2021 dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti,

wara li kkunsidra l-artikolu mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titolu “Human Rights Comment: Time to take action against SLAPPs” (Kumment dwar id-Drittijiet tal-Bniedem: Wasal iż-żmien ta' azzjoni kontra s-SLAPPs) ippubblikat fis-27 ta' Ottubru 2020,

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2021 mill-organizzazzjonijiet sieħba għall-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, ir-Rappreżentant għal-Libertà tal-Media u korpi oħra tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),

wara li kkunsidra l-istudju tan-Network EU-CITZEN bit-titolu “SLAPP in the EU context” (SLAPP fil-kuntest tal-UE) tad-29 ta' Mejju 2020 (6),

wara li kkunsidra t-talba għal Direttiva anti-SLAPP minn koalizzjoni ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi (7),

wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “The Use of SLAPPs to Silence Journalists, NGOs and Civil Society” (L-Użu tas-SLAPPs biex jissikktu l-ġurnalisti, l-NGOs u s-Soċjetà Ċivili) ta' Ġunju 2021 ikkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew fuq it-talba tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

wara li kkunsidra l-briefing tiegħu bit-titolu “European added value of an EU mechanism on democracy, rule of law and fundamental rights – Preliminary Assessment” (Il-valur miżjud Ewropew ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali – Valutazzjoni Preliminari) tat-23 ta' April 2020,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-Karta tal-UE: regoli komuni għal-libertà tal-media fl-UE kollha (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2018 dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit Strument għall-Valuri Ewropej biex jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali fl-Unjoni Ewropea fil-livell lokali u nazzjonali (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2018 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa: il-każ tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u Martina Kušnírová (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv tal-UE għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, b'mod speċifiku f'Malta u fis-Slovakkja (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar l-istat tad-dritt f'Malta wara r-rivelazzjonijiet reċenti rigward il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar it-Tisħiħ tal-Libertà tal-Media: il-Protezzjoni tal-Ġurnalisti fl-Ewropa, id-Diskors ta' Mibegħda, id-Diżinformazzjoni u r-Rwol tal-Pjattaformi (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fl-Unjoni Ewropea – Rapport Annwali għas-snin 2018-2019 (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, il-Ftehim Interistituzzjonali, l-Istrument tal-UE għall-Irkupru u r-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-proklamazzjoni tal-UE bħala Żona ta' Libertà LGBTIQ (22),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità marbut mal-Istat tad-Dritt (23),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u l-istat tad-dritt f'Malta (24),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tad-difensuri ambjentali fuq din il-kwistjoni (25),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0292/2021),

A.

billi d-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni, ta' informazzjoni u ta' parteċipazzjoni pubblika huma fost il-pedamenti tad-demokrazija; billi l-libertà ta' espressjoni hija indispensabbli għat-twettiq tal-prinċipji tat-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont; billi l-parteċipazzjoni pubblika minn persuna fiżika jew ġuridika involuta fi kwistjoni ta' interess pubbliku tista' tieħu diversi forom; billi l-parteċipazzjoni pubblika tista' tinkludi l-eżerċizzju ta' skrutinju pubbliku online u offline u t-tixrid tal-informazzjoni pubblika, bħal komunikazzjonijiet ġurnalistiċi, pubblikazzjonijiet jew xogħlijiet, inkluż kontenut editorjali, komunikazzjonijiet, pubblikazzjonijiet jew xogħlijiet ta' natura politika, xjentifika, akkademika, artistika, materjal kummentarju jew satiriku inkluż meta dawk ikkonċernati jkunu, fost oħrajn, persunaġġi miftuħa għal skrutinju pubbliku, fil-kuntest ta' interessi usa' f'diskussjoni miftuħa dwar kwistjonijiet politiċi; billi l-pubblikazzjonijiet li jikkontribwixxu għal dibattiti dwar kwistjonijiet ta' interess pubbliku jew ta' interess ġenerali jgawdu minn livell limitu ogħla ta' protezzjoni; billi l-limiti ta' kritika aċċettabbli huma usa' għall-personaġġi pubbliċi, speċjalment għall-politiċi u l-uffiċjali tal-istat;

B.

billi l-ġurnaliżmu imparzjali, professjonali u responsabbli kif ukoll l-aċċess għal informazzjoni pluralistika huma pilastri ewlenin tad-demokrazija; billi l-informazzjoni, ir-rapporti, l-opinjonijiet, l-allegazzjonijiet, l-argumenti u dikjarazzjonijiet oħra mis-soċjetà ċivili huma essenzjali biex kwalunkwe demokrazija tirnexxi; billi l-ispazju dejjem jiċkien għas-soċjetà ċivili f'ċerti pajjiżi sar kwistjoni dejjem aktar inkwetanti u jista' jkollu impatt negattiv fuq id-demokraziji; billi l-ġurnaliżmu indipendenti u ta' kwalità għolja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol kruċjali bħala gwardjani tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt billi jżommu lil persuni b'poter responsabbli u jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni, kif ukoll l-indħil u l-manipulazzjoni politiċi barranin;

C.

billi, fis-snin reċenti, il-ġurnalisti u l-atturi tal-media fl-Ewropa u f'pajjiżi terzi qegħdin jiġu dejjem aktar mhedda, attakkati fiżikament u maqtula minħabba xogħolhom, b'mod partikolari meta dan jiffoka fuq l-użu ħażin tal-poter, il-korruzzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u l-attivitajiet kriminali; jisħaq fuq il-fatt li l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta' espressjoni jirrikjedi firxa ta' miżuri pożittivi għall-protezzjoni tal-ġurnalisti, inkluż għall-protezzjoni tal-ħajja u l-investigazzjoni ta' qtil, kif ukoll il-protezzjoni effettiva tas-sorsi tagħhom; jinnota li dan it-theddid mhuwiex biss ta' natura vjolenti u li l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti tirriżulta wkoll minn pressjonijiet legali, politiċi, soċjokulturali u ekonomiċi;

D.

billi d-dritt għal-libertà ta' espressjoni huwa dritt fundamentali li jrid jiġi eżerċitat b'sens ta' dmir u b'responsabbiltà, filwaqt li jitqies id-dritt fundamentali tan-nies li jiksbu informazzjoni imparzjali kif ukoll ir-rispett għad-dritt fundamentali li wieħed jipproteġi r-reputazzjoni (26) u l-privatezza tiegħu; billi, f'każijiet ta' kunflitt bejn dawn id-drittijiet, il-partijiet kollha jeħtiġilhom ikollhom aċċess għall-qrati f'każ li s-sitwazzjoni ma tkunx ġiet solvuta b'mod amikevoli;

E.

billi l-Kawżi Strateġiċi kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika (SLAPPs) huma kawżi jew azzjonijiet legali oħra (eż. inġunzjonijiet, iffriżar tal-assi) imressqa minn individwi jew minn entitajiet privati, u anke minn uffiċjali pubbliċi, korpi pubbliċi u entitajiet ikkontrollati pubblikament, diretti lejn individwu wieħed jew aktar jew lejn gruppi bl-użu ta' varjetà ta' bażijiet legali l-aktar fid-dritt ċivili u kriminali, kif ukoll it-theddid ta' azzjonijiet bħal dawn, bl-għan li jiġi evitat li jsiru investigazzjoni u rappurtar dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, dwar il-korruzzjoni jew prattiki abbużivi oħra jew li tiġi mblukkata jew inkella mminata l-parteċipazzjoni pubblika; billi dan għandu impatt dirett u ta' detriment fuq il-parteċipazzjoni demokratika, ir-reżiljenza u d-djalogu soċjali, u jmur kontra l-valuri kif minquxa fl-Artikolu 2 TUE;

F.

billi l-parteċipazzjoni pubblika tinkludi, iżda mhijiex limitata għall-investigazzjoni, id-diskors dwar, ir-rappurtar jew inkella l-iżvelar ta' kwistjonijiet ta' interess pubbliku, fost l-oħrajn, il-prattiki li jheddu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija, l-istat tad-dritt jew il-governanza tajba, u l-involviment f'rappreżentanzi ta' interess permezz tal-eżerċizzju tal-libertajiet ċivili bħal-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' għaqda paċifika u l-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni;

G.

billi l-vittmi tas-SLAPPs huma mfittxija legalment l-aktar talli jesprimu fehmiet kritiċi dwar l-imġiba, jew jiddenunzjaw l-aġir ħażin ta' individwi privati u entitajiet kif ukoll ta' uffiċjali pubbliċi, korpi pubbliċi u entitajiet ikkontrollati pubblikament, permezz ta' forom ta' espressjoni online jew offline, jew b'ritaljazzjoni għall-involviment tagħhom f'kampanji, kawżi tal-qorti, azzjonijiet jew protesti; billi s-SLAPPs huma kkaratterizzati b'mod komuni minn allegazzjonijiet li ma għandhom l-ebda mertu legali, huma manifestament infondati, juru żbilanċ tal-poter u l-abbuż ta' drittijiet jew ta' proċess mir-rikorrent, li jagħmel allegazzjonijiet eċċessivi fi kwistjonijiet li fihom il-konvenut ikun qed jeżerċita dritt protett legalment, u għalhekk juża l-proċess ġudizzjarju għal finijiet oħra minbarra biex ġenwinament jeżerċita dritt;

H.

billi, skont l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-akkademiċi, l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u l-vittmi li jaħdmu fuq dan is-suġġett, is-SLAPPs qed isiru aktar sofistikati u aktar effettivi, fejn waħda mit-tekniki użati hija l-ftuħ ta' kawżi multipli kontra l-istess persuna dwar l-istess suġġett, li jfisser li kollha kemm huma jridu jiġu difiżi u ttrattati fl-istess ħin u b'mod parallel mill-istess persuna, fatt li jżid l-ispejjeż b'mod sproporzjonat; billi s-SLAPPs spiss ikunu bbażati fuq allegazzjonijiet ta' malafama, libell jew inġurja, li għadhom jikkostitwixxu reati kriminali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u l-vittmi tas-SLAPP isibu ruħhom jiffaċċjaw akkużi kriminali filwaqt li jiġu mfittxija legalment għar-responsabbiltà ċivili li allegatament tirriżulta mill-istess imġiba; billi s-SLAPPs spiss jiksru d-dritt tal-vittmi għad-difiża rikonoxxut mill-Karta, u possibbilment ikollhom impatt ukoll fuq id-dritt tagħhom għal proċess imparzjali u l-preżunzjoni tal-innoċenza;

I.

billi n-nuqqas ta' approċċ legali u ġudizzjarju konsistenti u komprensiv fi ħdan l-Unjoni ma jippermettix li l-kawżi SLAPP jiġu identifikati malajr u indirizzati b'mod effiċjenti; billi l-livell ta' protezzjoni mill-kawżi SLAPP għadu frammentat ħafna fost l-Istati Membri, b'tali mod li jfixkel iċ-ċertezza tad-dritt u d-dritt tal-vittmi tas-SLAPP għal rimedju effettiv; billi waħda mill-isfidi ewlenin fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni anti-SLAPP tinsab fil-mod kif jiġu indirizzati allegazzjonijiet abbużivi, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tar-rikorrenti li jirriżultaw mill-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri u mill-obbligi tagħhom skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

J.

billi l-evidenza turi li s-SLAPPs saru prattika dejjem aktar mifruxa, kif muri minn ħafna każijiet madwar l-Unjoni, bħall-każ tat-tkexkix tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, li allegatament kienet qed tiffaċċja 47 kawża ta' malafama ċivili u kriminali (li rriżultaw fl-iffriżar tal-assi tagħha) f'ġurisdizzjonijiet multipli fil-jum tal-qtil tagħha, li ġie kkundannat bil-qawwa, fis-16 ta' Ottubru 2017, u l-kawżi li l-eredi tagħha għadhom qed jiffaċċjaw; billi każijiet illustrattivi u allarmanti oħra kontra ġurnalisti u l-media indipendenti, inkluż Realtid Media, li kienet ripetutament mhedda b'kawża f'ġurisdizzjoni differenti minn fejn sar ir-rappurtar inkwistjoni, u ta' Gazeta Wyborcza, li għadha qed tiġi mfittxija legalment minn għadd ta' entitajiet u uffiċjali pubbliċi fuq bażi regolari;

K.

billi s-SLAPPs spiss jintużaw mill-awtoritajiet pubbliċi jew mir-rappreżentanti tagħhom, bħal mezzi tal-midja ffinanzjati mill-istat, NGOs iffinanzjati mill-istat jew kumpaniji tal-Istat;

L.

billi s-SLAPPs jista' jservi ta' għodda biex jitnaqqas il-pluraliżmu tal-media fil-livell sistemiku billi jiġi eżerċitat effett dissważiv fuq il-midja indipendenti; billi s-SLAPPs huma mnedija apposta bl-għan li jagħmlu l-litigazzjoni għalja, dejjiema u kkumplikata għall-konvenuti, inkluż billi jintimidaw u jnixxfu r-riżorsi finanzjarji u psikoloġiċi tal-miri tagħhom; billi s-SLAPPs mhux biss għandhom impatt ta' detriment fuq il-vittmi, iżda wkoll fuq il-familji tagħhom u fuq parteċipazzjoni politika aktar wiesgħa;

M.

billi r-referenza għall-vittmi u l-miri tas-SLAPP tkopri ġurnalisti, pubblikaturi u organizzazzjonijiet tal-media, akkademiċi, NGOs, is-soċjetà ċivili u atturi oħra involuti fil-parteċipazzjoni pubblika, bħal dawk li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem u kwistjonijiet ambjentali;

N.

billi s-SLAPPs fl-Unjoni spiss ikunu ta' natura transfruntiera, li tirriżulta f'dewmien fir-rappurtar jew informazzjoni mhux kompleta, kif muri f'ħafna każijiet, spiss relatati mad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni ambjentali, frodi finanzjarja u/jew korruzzjoni, fejn jikkostitwixxu tentattiv ċar biex tiġi posposta l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni billi jitwaqqaf jew jiġi skreditat ix-xogħol ta' ġurnalisti individwali u ta' entitajiet tal-pubblikazzjoni, u b'hekk iċ-ċittadini jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom għall-informazzjoni filwaqt li jitħalla impatt fuq il-pluraliżmu, il-libertà u d-diversità tal-media; billi s-SLAPPs u t-theddid ta' SLAPP jista' jitressaq ukoll kontra l-għassiesa fl-Unjoni minn atturi f'pajjiżi terzi u quddiem qrati f'pajjiżi terzi;

O.

billi l-każijiet SLAPP domestiċi qed jintużaw dejjem aktar fl-Istati Membri bl-għan li jillimitaw il-libertà tal-kelma u d-dritt għall-informazzjoni u jipproduċu effett dissważiv kontra l-vittmi tas-SLAPP billi huma bbażati fuq il-qtugħ psikoloġiku u t-tnixxif finanzjarju tal-miri tagħhom sabiex iġegħluhom jabbandunaw l-iżvelar ta' kwistjonijiet ta' interess pubbliku;

P.

billi n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni diretta fi kwalunkwe Stat Membru dwar is-SLAPPs flimkien ma' dispożizzjonijiet nazzjonali spiss ambigwi u wiesgħa ta' malafama f'dan il-kuntest, kif ukoll ta' pieni ħorox, inkluż ta' natura kriminali, jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għaż-żieda fl-għadd ta' dawn il-kawżi abbużivi u l-intimidazzjoni sussegwenti tal-miri tagħhom;

Q.

billi l-kriminalizzazzjoni tal-ġurnalisti minħabba xogħolhom hija kwistjoni partikolarment gravi; billi l-malafama kriminalizzata għadha qed teżisti fil-leġiżlazzjoni fi 23 Stat Membru, minkejja t-talbiet ripetuti għat-tneħħija tagħha minn organizzazzjonijiet oħra, in-NU, il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE u NGOs prestiġjużi bħall-Indiċi dwar iċ-Ċensura, l-Istitut għall-Istampa Internazzjonali u l-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti;

R.

billi miżuri ta' liġi mhux vinkolanti huma miżura komplementari li tintlaqa' tajjeb biex takkumpanja proposta leġiżlattiva u r-reviżjoni ta' ċerti drittijiet internazzjonali privati attwalment fis-seħħ, iżda waħedhom ma jipprovdux protezzjoni ġudizzjarja sħiħa;

S.

billi s-sensibilizzazzjoni dwar is-SLAPPs għandha rwol kruċjali fis-sensibilizzazzjoni dwar din il-kwistjoni kemm tal-pubbliku kif ukoll tal-professjonisti legali, b'mod partikolari l-imħallfin u l-avukati;

T.

billi fejn il-kawżi SLAPP jinħarġu minn uffiċjali pubbliċi, korpi pubbliċi jew entitajiet ikkontrollati pubblikament bħal kumpaniji tal-Istat, dawn isiru għodda għall-eżerċitar ta' poter politiku u d-dannu lill-vittmi tas-SLAPP jista' jkun saħansitra akbar;

Effetti fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt

1.

Jenfasizza li s-SLAPPs huma attakk vessatorju u dirett fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, u għandhom l-għan li jsikktu d-diversità tal-ħsieb pubbliku kritiku u tal-opinjoni pubblika, inkluż permezz tal-awtoċensura ġurnalistika; jissottolinja li d-drittijiet fundamentali u d-demokrazija huma marbuta mal-ħarsien tal-istat tad-dritt, u li meta jiġu mminati l-libertà tal-media u l-parteċipazzjoni demokratika pubblika, inklużi l-libertajiet ta' espressjoni u ta' informazzjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, dan jhedded il-valuri tal-Unjoni kif imnaqqxa fl-Artikolu 2 TUE; huwa tal-fehma li s-SLAPPs huma partikolarment inkwetanti jekk jiġu ffinanzjati direttament jew indirettament mill-baġits tal-istat u jkunu kkombinati ma' miżuri statali indiretti u diretti oħra kontra l-organizzazzjonijiet tal-media indipendenti, il-ġurnaliżmu indipendenti u s-soċjetà ċivili; jilqa' l-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar l-istat tad-dritt jinkludi l-kawżi tat-tip SLAPP fil-valutazzjoni tiegħu tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media madwar l-Unjoni, u li dan ir-rapport jindika miżuri konkreti u l-aħjar prattiki għall-ġlieda kontrihom; jitlob li r-rapporti annwali futuri jinkludu valutazzjoni bir-reqqa tal-ambjent legali għall-media, u b'mod partikolari għall-ġurnaliżmu investigattiv, u li jħares aktar bir-reqqa lejn l-isfidi li jaffettwaw lill-ġurnalisti u lis-soċjetà ċivili u l-effett dissważiv li s-SLAPPs jista' jkollhom fuq dawn l-atturi; jenfasizza li l-kawżi legali tat-tip SLAPP huma theddida għal media libera u pluralistika; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ ukoll rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u tivvaluta l-progress tagħhom, inkluż dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tal-libertà tal-media fl-Istati Membri;

2.

Jesprimi tħassib dwar l-ispazju dejjem jiċkien għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-theddida għall-ġurnalisti li jikkomunikaw dwar kwistjonijiet importanti fl-interess pubbliku u li huma kritiċi tal-membri influwenti tas-soċjetà, u dwar l-użu dejjem akbar tas-SLAPPs bħala mod kif isikktu u jintimidaw lill-vittmi tas-SLAPP; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinkludu l-litteriżmu medjatiku u l-ħsieb kritiku fil-kurrikuli nazzjonali u jaħdmu mill-qrib mal-ġurnalisti dwar dan fil-livelli kollha tas-soċjetà, speċjalment maż-żgħażagħ u ma' dawk li huma vulnerabbli għall-miżinformazzjoni, id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni; jilqa' l-introduzzjoni ta' azzjonijiet ġodda biex jittejbu l-libertà tal-media, il-ġurnaliżmu ta' kwalità u l-litteriżmu medjatiku taħt il-fergħa transsettorjali tal-Programm Ewropa Kreattiva;

3.

Ifakkar li l-obbligu tal-Istati Membri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni jinkludi d-dmir li jistabbilixxu u jżommu ambjent favorevoli għall-parteċipazzjoni pubblika u għall-għassiesa pubbliċi; jisħaq li huwa importanti li l-atturi kollha involuti fil-parteċipazzjoni pubblika jkunu jistgħu joperaw liberament u mingħajr biża' li jistgħu jkunu soġġetti għal xi theddid, atti ta' intimidazzjoni jew vjolenza; jenfasizza li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiggarantixxu wkoll id-dritt tal-ġurnalisti li jipproteġu s-sorsi tagħhom;

L-effetti fuq is-suq intern

4.

Jenfasizza li l-parteċipazzjoni pubblika għandha wkoll rwol importanti fil-funzjonament xieraq tas-suq intern, kif ukoll fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni, peress li spiss ikun permezz tal-parteċipazzjoni pubblika li l-pubbliku jsir jaf bil-ksur tad-dritt tal-Unjoni, inkluż ksur tad-drittijiet fundamentali, korruzzjoni u prattiki abbużivi oħra li jheddu l-funzjonament xieraq tas-suq intern; jissottolinja li l-miżuri protettivi kontra l-prattika tal-kawżi SLAPP huma essenzjali biex jiġu indirizzati r-riskji li din il-prattika abbużiva toħloq għall-infurzar tad-dritt u l-politiki tal-UE;

5.

Jenfasizza li l-użu ta' SLAPPs għandu impatt negattiv fuq it-tgawdija tal-libertajiet tas-suq intern minn individwi u organizzazzjonijiet involuti fil-parteċipazzjoni pubblika u li huma vulnerabbli għal tali allegazzjonijiet, billi n-nuqqas tal-istess livell ta' protezzjoni minn dawn l-allegazzjonijiet fl-Istati Membri jista' jiskoraġġihom milli joperaw b'kunfidenza fl-Unjoni kollha; jissottolinja, barra minn hekk, li l-kawżi SLAPP, jew it-theddida ta' SLAPPs, imorru kontra t-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-libertà tal-istabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi, peress li għandhom effett dissważiv b'mod partikolari fuq il-ġurnalisti, li jistgħu jeżerċitaw awtoċensura minflok ma jirrappurtaw dwar kwistjonijiet ta' interess pubbliku li jseħħu fi Stati Membri oħra minħabba li jissograw li mbagħad jiffaċċjaw SLAPPs f'sistemi legali differenti u mhux magħrufa;

6.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-pluraliżmu u d-diversità tal-media jinsabu f'riskju meta l-eżistenza nnifsha ta' fornituri żgħar tal-media tkun ġiet affettwata mit-theddida deliberata ta' danni sproporzjonati mir-rikorrenti permezz tal-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni għal-libelli;

7.

Iqis, f'dan ir-rigward, li, billi tikkontribwixxi għall-infurzar tal-liġi tal-Unjoni u tippreserva l-funzjonament effettiv tas-sistemi tal-ġustizzja nazzjonali u tal-ispazju komuni ta' kooperazzjoni ġudizzjarja, il-protezzjoni minn kawżi SLAPP tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern;

L-effetti fuq is-sistemi tal-ġustizzja

8.

Jindika li s-SLAPPs mhux biss jimminaw serjament id-dritt ta' aċċess effettiv għall-ġustizzja tal-vittmi tas-SLAPP, u b'hekk l-istat tad-dritt, iżda jikkostitwixxu wkoll użu ħażin tas-sistemi tal-ġustizzja u l-oqfsa legali tal-Istati Membri, speċjalment billi jxekklu l-kapaċità tal-Istati Membri li jindirizzaw b'suċċess l-isfidi komuni attwali deskritti fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja, bħat-tul tal-proċedimenti u l-kwalità tas-sistemi tal-ġustizzja, kif ukoll l-amministrazzjoni tal-volum ta' każijiet u l-każijiet pendenti; ifakkar li sistema tal-ġustizzja li taħdem kif suppost u indipendenti tagħti sentenzi mingħajr dewmien żejjed, u tiġġestixxi r-riżorsi ġudizzjarji sabiex tiġi massimizzata l-effiċjenza, u li dan huwa possibbli biss meta l-imħallfin u l-korpi ġudizzjarji jwettqu dmirijiethom b'indipendenza sħiħa u b'mod imparzjali u ma jkunux mgħobbija bil-piż li jittrattaw talbiet infondati li aktar tard jiġu rrifjutati bħala abbużivi u neqsin minn mertu legali; iqis li r-rifjut bikri ta' kawża SLAPP tista' tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi bħal, pereżempju, l-għadd u n-natura tal-kawżi jew l-appelli tar-rikorrent, l-għażla tal-ġurisdizzjoni li fiha jitressaq il-każ u tal-liġi applikabbli għall-każ, jew l-eżistenza ta' żbilanċ ċar u ta' piż ta' poter bejn ir-rikorrent u l-konvenut; jisħaq, għalhekk, li s-SLAPPs ixekklu serjament l-aċċess effettiv għall-ġustizzja, u possibbilment jimminaw id-dritt għal proċess imparzjali;

9.

Jisħaq li l-indipendenza ġudizzjarja hija integrali għat-teħid ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u rekwiżit li jirriżulta mill-prinċipju ta' protezzjoni legali effettiva minquxa fl-Artikolu 19 TUE; jinsab imħasseb dwar l-isforzi ta' xi gvernijiet ta' Stati Membri biex idgħajfu s-separazzjoni tal-poteri u l-indipendenza tal-ġudikatura, kif ukoll biex jużaw SLAPPs ħalli jsikktu vuċijiet kritiċi;

10.

Jisħaq li l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja huma kruċjali għall-kisba ta' ġustizzja effettiva; jissottolinja li d-disponibbiltà ta' għajnuna legali u l-livell tat-tariffi tal-qrati jista' jkollhom impatt kbir ħafna fuq l-aċċess għall-ġustizzja; jisħaq li l-Karta għandha l-istess valur legali bħat-Trattati; jinnota li, f'konformità mal-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri japplikaw il-Karta unikament meta jimplimentaw atti legali tal-Unjoni, iżda li, madankollu, huwa importanti li d-drittijiet kif minquxa fil-Karta jitqiesu dejjem sabiex titrawwem kultura komuni legali, ġudizzjarja u tal-istat tad-dritt;

Diskors ta' mibegħda

11.

Jenfasizza li f'dawn l-aħħar snin, id-diskors ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni fil-media, kemm online kif ukoll offline, kif ukoll il-vjolenza ċibernetika, saru dejjem aktar mifruxa kontra l-ġurnalisti, l-NGOs, l-akkademiċi, id-difensuri tad-drittijiet u atturi oħra tas-soċjetà ċivili, inklużi dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru, ir-reliġjon jew it-twemmin, u b'hekk huma ta' theddida għal-libertà tal-media, il-libertà ta' espressjoni, ta' informazzjoni u ta' għaqda, kif ukoll is-sikurezza pubblika; ifakkar li d-diskors ta' mibegħda online jista' jinstiga l-vjolenza offline; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi promoss il-kodiċi ta' kondotta tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda illegali online; jenfasizza li l-ġurnalisti nisa jiffaċċjaw l-istess pressjonijiet bħall-kollegi tagħhom għal kwistjonijiet relatati mal-kontenut, iżda aktar ta' spiss huma l-vittmi ta' fastidju u vjolenza sesswali;

12.

Jisħaq fuq l-importanza ta' standards Ewropej komuni u approċċ koordinat biex jiġi indirizzat id-diskors ta' mibegħda, b'mod partikolari fl-ambjent online;

Is-sitwazzjoni attwali fl-Unjoni

13.

Jisħaq li s-SLAPPs spiss ikunu mingħajr mertu, frivoli jew ibbażati fuq allegazzjonijiet esaġerati u spiss abbużivi, u li ma jinbdewx sabiex jinkiseb riżultat ġudizzjarju favorevoli iżda pjuttost biex jintimidaw, jiskreditaw professjonalment, jiffastidjaw, jgħajjew u jpoġġu pressjoni psikoloġika fuq ir-riżorsi finanzjarji jew jikkunsmaw ir-riżorsi finanzjarji ta' dawk fil-mira bl-għan aħħari li dawn jiġu rikattati u sfurzati jagħlqu ħalqhom permezz tal-proċedura ġudizzjarja nnifisha; jisħaq li s-SLAPPs jikkawżaw mhux biss piż finanzjarju iżda jikkawżaw ukoll konsegwenzi psikoloġiċi serji għall-miri tagħhom kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom, aggravati mill-fatt li dawn tal-aħħar jistgħu wkoll jirtu dawk il-proċedimenti abbużivi mal-mewt tal-persuna fil-mira; jinnota li s-SLAPPs għandhom effett dissważiv kbir, li jwassal għall-awtoċensura, is-soppressjoni tal-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, u jiskoraġġixxu wkoll lil ħaddieħor milli jirrapporta dwar kwistjonijiet simili, milli jidħol f'dawn il-professjonijiet jew milli jinvolvi ruħu f'attivitajiet assoċjati rilevanti;

14.

Jinnota li dawk li jagħmlu l-ilment li jirrikorru għas-SLAPPs jużaw l-aktar u jabbużaw mil-liġijiet dwar il-malafama kriminali, il-kawżi ċivili għal libell, il-protezzjoni tar-reputazzjoni ta' persuna jew tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bħad-drittijiet tal-awtur; jinnota, madankollu, li varjetà ta' strumenti oħra jintużaw ħażin ukoll biex tiġi msikkta l-parteċipazzjoni pubblika, bħas-sanzjonijiet tax-xogħol (tkeċċija), akkużi kriminali ta' frodi fiskali, proċeduri ta' awditjar tat-taxxa u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

15.

Jiddeplora l-fatt li l-ġurnalisti ħallsu b'ħajjithom sempliċement talli għamlu xogħolhom u kienu l-gwardjani tad-demokraziji tagħna;

16.

Jissottolinja li l-iżbilanċ fil-poter bejn ir-rikorrent u l-konvenut, b'mod partikolari f'termini ta' riżorsi finanzjarji, u allegazzjonijiet ta' għotjiet għad-dannu kbar b'mod imprevedibbli fi kwistjonijiet bħal-libel huma karatteristiċi komuni tas-SLAPPs;

17.

Jisħaq, fir-rigward ta' din il-problema, li l-Istati Membri kollha għandhom nuqqas ta' leġiżlazzjoni dwar salvagwardji minimi li jipproteġu lin-nies milli jsiru miri tas-SLAPP u biex jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tagħhom huma rrispettati fil-ġurisdizzjonijiet kollha tal-Istati Membri; jissottolinja li l-indipendenza ġudizzjarja hija fundamentali biex jiġi evitat li membri tal-gvern, entitajiet pubbliċi u awtoritajiet pubbliċi jirnexxielhom iressqu SLAPPs kontra persuni u organizzazzjonijiet li jipparteċipaw b'mod leġittimu fid-dibattitu pubbliku; jinnota, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' miżuri konkreti favur il-ħolqien u ż-żamma ta' ambjent sikur għall-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-pluraliżmu tal-media u jiżguraw it-trasparenza tas-sjieda tal-media; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw qafas legali ambizzjuż, robust u komplut fl-Att dwar il-Libertà tal-Media futur tagħha; jirrikonoxxi li l-bidla diġitali biddlet b'mod profond ix-xena tal-media; jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw b'mod rapidu d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (27) kif riveduta fl-2018 fid-dispożizzjonijiet kollha tagħha; jilqa' l-istabbiliment tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn il-korpi regolatorji awdjoviżivi fis-suq intern, kif ukoll ma' korpi regolatorji oħra ta' rilevanza għall-attivitajiet tal-aħbarijiet online;

18.

Huwa konxju li l-vittmi jew il-vittmi potenzjali ta' kawżi SLAPP bħalissa qed jirċievu biss għajnuna finanzjarja kif ukoll psikoloġika minn kollegi oħra li ffaċċjaw kawżi simili jew li għandhom għarfien dwar il-karattru u l-proċedura tal-kawżi SLAPP, sabiex ikunu jistgħu jifhmu u potenzjalment anke jikkontestaw il-kawża li tkun saritilhom; iqis madankollu li, filwaqt li hi ta' min ifaħħarha, din l-għajnuna mhijiex biżżejjed u li jridu jiġu stabbiliti aktar miżuri;

19.

Ifaħħar il-ħidma importanti u utli tas-soċjetà ċivili fis-sensibilizzazzjoni dwar l-effetti dannużi tas-SLAPPs, kif ukoll l-appoġġ li tagħti lill-vittmi u lil min ikun potenzjalment fil-mira tas-SLAPPs;

20.

Jinsab allarmat li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt fuq is-settur kollu tal-media, b'mod partikolari permezz ta' tnaqqis fid-dħul u kundizzjonijiet tax-xogħol li qed jiddeterjoraw għall-ġurnalisti, u b'hekk potenzjalment żiedet il-vulnerabbiltà tagħhom għas-SLAPPs; iwissi li l-gvernijiet qed jużaw l-emerġenza tal-coronavirus bħala skuża biex jimplimentaw diversi miżuri restrittivi li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni;

Is-SLAPPs fil-livell globali

21.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li sa issa l-ebda Stat Membru ma ppromulga leġiżlazzjoni apposta li tipprovdi protezzjoni mis-SLAPPs; jinnota, madankollu, li l-leġiżlazzjoni anti-SLAPP hija partikolarment żviluppata sew f'xi stati tal-Istati Uniti u l-Kanada kif ukoll fl-Awstralja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza l-aħjar prattiki anti-SLAPP li bħalissa huma applikati barra mill-UE li jistgħu jipprovdu ispirazzjoni siewja għal miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tal-Unjoni dwar il-kwistjoni; jissottolinja l-importanza ta' approċċ komuni tal-Unjoni biex isir impenn għall-aktar leġiżlazzjoni ambizzjuża u l-aħjar prattiki attwalment fis-seħħ biex jiskoraġġixxu l-użu tas-SLAPPs fl-Unjoni;

Ħtieġa ta' azzjoni leġiżlattiva

22.

Jaqbel mal-bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, akkademiċi, operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u vittmi li jindikaw il-ħtieġa ta' azzjoni leġiżlattiva kontra l-problema dejjem akbar tas-SLAPPs; jitlob b'mod urġenti, għalhekk, li r-Regolamenti Brussell I u Ruma II jiġu emendati għall-prevenzjoni tal-“għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni għal-libelli (libel tourism)” jew “forum shopping”, billi jiġi stabbilit li l-qorti kompetenti u l-liġi applikabbli għall-kawżi ta' malafama kriminali jew ċivili, il-ħsara lir-reputazzjoni u l-protezzjoni tar-reputazzjoni ta' individwu, għandhom, fi prinċipju, ikunu tal-post fejn il-konvenut ikollu r-residenza abitwali tiegħu; dan jinkludi l-introduzzjoni ta' regola uniformi u applikabbli b'mod prevedibbli fir-rigward tal-liġi għall-malafama; jitlob b'mod urġenti lill-Kummissjoni tippreżenta proposti għal leġiżlazzjoni vinkolanti tal-Unjoni dwar salvagwardji komuni u effettivi għall-vittmi tas-SLAPPs madwar l-Unjoni, inkluż permezz ta' direttiva li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni mis-SLAPPs, li tirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji minquxa fil-Karta; jargumenta li mingħajr azzjoni leġiżlattiva bħal din, is-SLAPPs se jkomplu jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika u ta' informazzjoni fl-Unjoni; jinsab imħasseb li jekk il-miżuri jindirizzaw biss il-kawżi fir-rigward tal-malafama, xorta jistgħu jintużaw azzjonijiet fuq kwistjonijiet ċivili jew proċeduri kriminali oħrajn, fuq l-inizjattiva tar-rikorrenti bbażati fl-Unjoni jew barra minnha;

Bażi ġuridika

23.

Jafferma li l-miżuri leġiżlattivi fil-livell tal-Unjoni jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 81 TFUE (għall-kawżi ċivili transfruntiera) u l-Artikolu 82 tat-TFUE (għal kawżi kriminali), u separatament fuq l-Artikolu 114 TFUE biex titħares il-parteċipazzjoni pubblika sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern billi jippermettu li jiġu żvelati l-korruzzjoni u prattiki abbużivi oħra; jafferma li din il-miżura tal-aħħar tista' tindirizza wkoll is-SLAPPs, mifhuma bħala kawżi li jintużaw għal finijiet oħra għajr l-affermazzjoni jew l-eżerċizzju ta' dritt li jfittex li jipprevjeni investigazzjoni u jirrapporta dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni bl-użu ta' approċċ simili għal dak li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937 (id-“Direttiva dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi”); huwa tal-fehma li l-bażijiet legali msemmija hawn fuq jistgħu jindirizzaw is-SLAPPs li jikkonsistu minn kawżi kriminali kif ukoll ċivili, għalkemm permezz ta' strumenti leġiżlattivi separati; jitlob salvagwardji effettivi kontra s-SLAPPs fl-Unjoni kollha abbażi ta' dawn il-proposti tal-Kummissjoni flimkien ma' azzjonijiet mill-Istati Membri biex dawk is-salvagwardji japplikaw ukoll għal każijiet domestiċi;

Regoli protettivi ġenerali u ġustizzja ċivili

24.

Iqis li huwa essenzjali li tiġi adottata miżura leġiżlattiva li tipproteġi r-rwol tal-vittmi ta' SLAPPs fil-prevenzjoni, ir-rappurtar u d-denunzja tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni u fl-iżgurar tal-funzjonament xieraq tas-suq intern u r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal leġiżlazzjoni li tistabbilixxi salvagwardji komuni għall-persuni li jinvestigaw u jirrappurtaw dwar dawn il-kwistjonijiet ta' interess pubbliku jew inkella jiżvelawhom;

25.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal miżura biex jiġu indirizzati l-każijiet SLAPP bħar-regoli għar-rifjut bikri tas-SLAPPs u azzjonijiet oħra tal-qorti li għandhom l-għan li jipprevjenu l-parteċipazzjoni pubblika, li għandhom jinkludu sanzjonijiet xierqa bħal pieni ċivili jew multi amministrattivi, kunsiderazzjoni ta' motivi abbużivi anke jekk il-kawża jew l-azzjoni ma tiġix irrifjutata, spejjeż u danni mġarrba mill-vittma (ekonomiċi, għar-reputazzjoni, psikoloġiċi jew mod ieħor); jisħaq li l-modalitajiet għall-applikazzjoni għal rifjut bikri għandhom iqisu l-isfidi ffaċċjati mill-vittmi ta' SLAPPs, b'mod partikolari billi jirrikjedu li r-rikorrent jiġġustifika għaliex l-azzjoni mhijiex abbużiva, l-allokazzjoni tal-ispejjeż legali tal-proċeduri lir-rikorrent u l-għoti ta' appoġġ legali u finanzjarju lill-konvenut; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri japplikaw ukoll salvagwardji ta' proċedura ċivili bħal dawn għal każijiet domestiċi ta' SLAPPs u mhux biss għal każijiet transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tindirizza l-kwistjonijiet li jwasslu għall-forum shopping u l-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni għal-libelli fir-rieżami li jmiss tar-Regolamenti Brussell I u Ruma II, filwaqt li tqis ukoll il-ħidma mwettqa fil-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat; jistieden lill-Kummissjoni biex finalment, iżżid l-għarfien fost l-imħallfin u l-prosekuturi madwar l-Unjoni dwar is-SLAPPs, li tinkludi l-għoti ta' informazzjoni dwar il-ħtieġa ta' rifjut bikri ta' tali kawżi, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni xierqa tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-malafama;

26.

Ifakkar li l-prinċipju ta' res judicata jipprevjeni lill-inizjaturi tas-SLAPP milli jressqu azzjonijiet oħra relatati mal-istess fatti u kontra l-istess partijiet; iqis li l-qrati għandhom iqisu kif xieraq il-fatt li parti tkun bdiet is-SLAPPs qabel (anke meta l-fatti u l-partijiet ma jkunux eżattament l-istess, iżda jkunu simili u/jew konnessi) meta jeżaminaw sottomissjoni dwar SLAPPs;

27.

Jemmen li kwalunkwe reviżjoni tar-regoli rilevanti fir-Regolament Brussel I għandha tiġi riflessa kif xieraq minn reviżjoni ekwivalenti tal-Konvenzjoni ta' Lugano sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koeżiva tar-regoli internazzjonali tal-ġurisdizzjoni f'materji ċivili u kummerċjali lil hinn mill-Unjoni u meta huma kkonċernati ċ-ċittadini tal-Unjoni;

Ġustizzja kriminali

28.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza s-serjetà tas-SLAPPs miġjuba permezz ta' proċedimenti kriminali billi tippreżenta proposta għal miżuri biex tiżgura li l-malafama, il-libell u l-inġurja, li jikkostitwixxu reati kriminali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ma jkunux jistgħu jintużaw għas-SLAPPs permezz ta' prosekuzzjoni pubblika jew privata; jissottolinja t-talbiet tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE għad-dekriminalizzazzjoni tal-malafama; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza lis-SLAPP bħala kawżi legali li jintużaw għal skopijiet oħra għajr dawk li ġenwinament jaffermaw jew jeżerċitaw dritt; jinnota li l-konvenuti spiss jiffaċċjaw akkużi kriminali filwaqt li fl-istess ħin jiġu mfittxija legalment għar-responsabbiltà ċivili li allegatament tirriżulta mill-istess imġiba, u jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi salvagwardji proċedurali komuni minimi kontra dawk is-SLAPPs ikkombinati;

29.

Ifakkar li inerenti għad-dritt għal proċess imparzjali skont l-Artikolu 47 tal-Karta u proprju fil-fond ta' dan id-dritt huwa l-kunċett ta' ugwaljanza ta' opportunitajiet għall-partijiet fi proċedimenti amministrattivi, ċivili u kriminali; jinsab imħasseb li l-iżbilanċ tal-poter u r-riżorsi bejn il-partijiet f'każijiet ta' SLAPP jimmina l-ugwaljanza ta' opportunitajiet, u b'hekk id-dritt għal proċess imparzjali;

Interess leġittimu tar-rikorrenti

30.

Jiddikjara li l-proċess dovut u f'waqtu u l-protezzjoni bbilanċjata tad-drittijiet leġittimi bħad-dritt li wieħed jipproteġi r-reputazzjoni tiegħu, li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni trid tiġi żgurata mill-qrati tal-Istati Membri u ma tistax tiġi pperikolata, inklużi d-drittijiet li jiġu kkwotati regolarment f'kawżi abbużivi; jissottolinja, għalhekk, li l-miżuri anti-SLAPP għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet leġittimi tal-qorti u d-dritt ta' aċċess tar-rikorrenti għall-ġustizzja; jiddefendi fl-istess ħin il-punt li huwa neċessarju li ssir prevenzjoni ta' kull użu abbużiv tas-sistemi tal-ġustizzja u ta' dawk id-drittijiet b'mod li jkun manifestament kuntrarju għall-intenzjoni tal-leġiżlaturi meta jagħtuhom lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi sabiex jiggarantixxu d-dritt għal proċess imparzjali; iqis li għal dak il-għan, huma meħtieġa salvagwardji mhux biss sabiex jiġu protetti l-vittmi tas-SLAPPs, iżda wkoll biex jiġi evitat u sanzjonat l-użu ħażin ta' miżuri kontra s-SLAPPs, eż. f'każijiet fejn gvernijiet awtoritarji jużaw il-klawżoli anti-SLAPP bħala armi biex jipproteġu l-NGOs organizzati mill-gvern tagħhom kontra kawżi leġittimi ta' malafama; jinnota li l-prevenzjoni ta' tali abbuż hija meħtieġa bl-istess mod għall-applikazzjoni korretta u uniformi tad-dritt tal-Unjoni, biex b'hekk tiġi ssalvagwardjata l-effettività tiegħu;

Miżuri possibbli ta' liġi mhux vinkolanti

31.

Jissottolinja l-ħtieġa urġenti ta' fond robust li jappoġġja lill-vittmi tas-SLAPPs u l-organizzazzjonijiet li jappoġġjawhom dment li l-fondi jintużaw direttament għat-tariffi legali jew għall-għoti ta' għajnuna legali u appoġġ psikoloġiku; jisħaq fuq l-importanza li l-vittmi u l-vittmi potenzjali tas-SLAPPs ikollhom informazzjoni faċli u aċċessibbli dwar dawn it-tipi ta' każijiet, għajnuna legali u appoġġ, inkluż appoġġ psikoloġiku għall-vittmi u għall-membri tal-familja tagħhom;

32.

Iqis li l-appoġġ għall-korpi indipendenti li jistgħu jisimgħu l-ilmenti u jagħtu assistenza lil vittmi potenzjali tas-SLAPPs u t-taħriġ adegwat tal-imħallfin u tal-avukati jistgħu jikkontribwixxu b'mod sostantiv għall-bini tal-għarfien u tal-kapaċità fil-mod kif jiġu identifikati u ttrattati s-SLAPPs bħala kawżi użati għal finijiet oħra għajr biex dritt jiġi affermat jew eżerċitat b'mod ġenwin, u t-theddida tas-SLAPPs;

33.

Iqis li huwa meħtieġ li tinġabar data dwar każijiet ta' SLAPPs u li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar in-natura u l-effetti detrimentali tal-SLAPPs;

34.

Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta' professjonisti oħra fil-media fl-Unjoni Ewropea (C/2021/6650); jinnota l-użu dejjem jiżdied ta' freelancers, b'mod partikolari ġurnalisti żgħażagħ u ħaddiema tal-media fil-bidu tal-karriera tagħhom, biex ikopru żoni ta' riskju għoli u żoni ta' kunflitt; jinsab imħasseb dwar il-kundizzjonijiet ta' xogħol prekarji u ta' sikurezza li qed jiddeterjoraw li fihom il-freelancers joperaw f'żoni ta' riskju għoli u żoni ta' kunflitt; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u ta' atturi oħra tal-media;

Komplementarjetà ma' strumenti u politiki oħrajn

35.

Iqis li l-miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi l-ġodda anti-SLAPP għandhom jikkomplementaw strumenti u politiki oħra tal-UE; jilqa' l-Istrateġija tal-Unjoni biex tiġi indirizzata l-Kriminalità Organizzata għall-2021-2025, u jitlob li jiżdiedu l-isforzi f'dan ir-rigward; jinnota li l-miżuri leġiżlattivi u ta' liġi mhux vinkolanti ma jistgħux ikunu effettivi fi Stati Membri fejn hemm tħassib dwar l-indipendenza tal-ġudikatura jew dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; itenni, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa kritika ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali kif propost mill-Parlament;

36.

Ifakkar fl-importanza tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, li ilu japplika għall-approprjazzjonijiet kollha ta' impenji u ta' pagamenti mill-1 ta' Jannar 2021; jissottolinja li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti f'konformità mal-valuri u l-impenji tal-UE, u li l-Kummissjoni għandha tuża l-mekkaniżmu tal-kondizzjonalità jekk l-Istati Membri jonqsu milli jipproteġu dawn il-valuri; ifaħħar, f'dan ir-rigward, ix-xogħol importanti tal-ġurnalisti investigattivi fl-iżvelar ta' każijiet ta' abbużi ta' fondi tal-UE, u jenfasizza l-importanza li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom mingħajr ma jiġu ostakolati minn SLAPPs;

37.

Jisħaq li l-miżuri fil-livell tal-Unjoni għall-ġlieda kontra s-SLAPPs għandhom ikunu komplementari u konsistenti ma' għodod oħra disponibbli, bħall-mekkaniżmu għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, il-politiki dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-programmi finanzjarji attwali biex jiġu appoġġjati s-soċjetà ċivili u s-sistemi tal-ġustizzja;

38.

Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija essenzjali għall-preservazzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, peress li l-korruzzjoni, li tista' tieħu ħafna forom, timmina l-valuri tagħna, il-funzjonament tajjeb tal-istati u tiffaċilita l-kriminalità organizzata;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ, fil-qafas tal-mekkaniżmu annwali dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, id-djalogu regolari, inklużiv u strutturat mal-awtoritajiet nazzjonali, l-NGOs, l-assoċjazzjonijiet professjonali u partijiet ikkonċernati oħra sabiex tipproteġi u tappoġġja lill-ġurnalisti, u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili f'riskju ta' SLAPPs, prosekuzzjoni jew fastidju;

o

o o

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti abbażi tal-anness għal din ir-riżoluzzjoni;

41.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

(2)  ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.

(4)  ĠU L 156, 5.5.2021, p. 1.

(5)  ĠU L 156, 5.5.2021, p. 21.

(6)  https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/ad-hoc-literature-review-analysis-key-elements-slapp_en.pdf

(7)  https://rsf.org/en/news/rsf-and-60-other-organisations-call-eu-anti-slapp-directive

(8)  ĠU C 55, 12.2.2016, p. 33.

(9)  ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162.

(10)  ĠU C 390, 18.11.2019, p. 117.

(11)  ĠU C 390, 18.11.2019, p. 111.

(12)  ĠU C 41, 6.2.2020, p. 64.

(13)  ĠU C 363, 28.10.2020, p. 45.

(14)  ĠU C 449, 23.12.2020, p. 102.

(15)  ĠU C 108, 26.3.2021, p. 107.

(16)  ĠU C 255, 29.6.2021, p. 22

(17)  ĠU C 388, 13.11.2020, p. 100.

(18)  ĠU C 395, 29.9.2021, p. 2.

(19)  ĠU C 425, 20.10.2021, p. 28.

(20)  ĠU C 425, 20.10.2021, p. 107.

(21)  ĠU C 445, 29.10.2021, p. 15.

(22)  Testi adottati, P9_TA(2021)0089.

(23)  Testi adottati, P9_TA(2021)0103.

(24)  Testi adottati, P9_TA(2021)0148.

(25)  Testi adottati, P9_TA(2021)0245.

(26)  L-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

(27)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.


ANNESS

1.     Pakkett ta' liġijiet kemm vinkolanti kif ukoll mhux vinkolanti

Miżuri leġiżlattivi – pakkett li jindirizza s-SLAPPs, inklużi mekkaniżmi ta' rifjut bikri, għandu jinkludi proposti:

għal regoli ġenerali li jipprovdu protezzjoni mis-SLAPPs; leġiżlazzjoni speċifika li tistabbilixxi standards minimi komuni dwar miżuri ta' appoġġ u ta' deterrent li jipprovdu protezzjoni mis-SLAPPs;

li jindirizzaw b'mod speċifiku kwistjonijiet tal-ġustizzja ċivili; li l-Istati Membri huma mħeġġa bil-qawwa japplikaw anke għal każijiet domestiċi ta' SLAPPs, u d-dritt internazzjonali privat, inklużi l-kooperazzjoni ġudizzjarja u forum shopping;

li jindirizzaw b'mod partikolari kwistjonijiet tal-ġustizzja kriminali.

Miżuri mhux leġiżlattivi – dan il-pakkett għandu jinkludi barra minn hekk:

taħriġ adegwat tal-imħallfin u tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja dwar il-SLAPPs;

valutazzjoni tal-interazzjoni bejn oqsma differenti tal-liġi, bħal-liġijiet nazzjonali dwar il-media u l-liġijiet kostituzzjonali f'dan il-kuntest;

fond speċifiku tal-Unjoni biex jipprovdi appoġġ lill-vittmi tas-SLAPPs u l-membri tal-familja tagħhom, inkluż f'termini ta' għajnuna finanzjarja, assistenza legali u appoġġ psikoloġiku;

appoġġ għal korpi indipendenti (bħall-ombudspersons) li jistgħu jittrattaw ilmenti minn persuni mhedda minn kawżi SLAPPs jew li qed jiffaċċjawhom, u li jistgħu jipprovdulhom assistenza kif ukoll għal korpi awtoregolatorji tal-media;

reġistru tal-Unjoni aċċessibbli għall-pubbliku tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-qrati;

“punt uniku ta' servizz”/ċentru ta' appoġġ appoġġjati minn networks nazzjonali ddedikati ta' avukati speċjalizzati, operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u psikologi, li l-vittmi ta' SLAPPs jistgħu jikkuntattjaw u fejn jistgħu jingħataw gwida u aċċess faċli għal informazzjoni dwar is-SLAPPs u appoġġ kontrihom, inkluż dwar l-“ewwel għajnuna”, l-għajnuna legali, u l-appoġġ finanzjarju u psikoloġiku, inkluż permezz ta' networks ta' skambju bejn il-pari.

2.     Regoli ġenerali

Proposta leġiżlattiva għal miżura ta' protezzjoni ġenerali jkollha l-għan doppju li tipproteġi, f'konformità mad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta, persuni li jinvestigaw, jirrappurtaw jew li b'xi mod ieħor jiżvelaw kwistjonijiet ta' interess pubbliku dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni, li tinkludi prattiki abbużivi li ma jidhrux li huma illegali iżda li jġibu fix-xejn l-għan jew l-iskop tal-liġi, u li jipproteġu l-funzjonament xieraq tas-suq intern.

Il-miżura leġiżlattiva għandha tipprovdi wkoll:

(a)

definizzjoni ċara tas-SLAPPs, inkluża d-definizzjoni tal-parteċipazzjoni pubblika dwar kwistjoni ta' interess pubbliku;

(b)

ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet u tar-rapporti, inkluż tas-sorsi tal-informazzjoni;

(c)

ir-regoli dwar il-projbizzjoni tar-ritaljazzjoni u pieni effettivi u dissważivi kontra l-azzjonijiet tas-SLAPP;

(d)

ir-regoli li jipprevjenu l-użu ħażin ta' miżuri pprovduti kontra s-SLAPPs;

(e)

miżuri ta' appoġġ, li jinkludu:

(i)

assistenza, informazzjoni u pariri u appoġġ prattiċi effettivi pprovduti minn “punt uniku ta' servizz” għall-“ewwel għajnuna” lil vittmi ta' SLAPPs;

(ii)

għajnuna legali u finanzjarja;

(f)

miżuri effettivi għall-protezzjoni mir-ritaljazzjoni li tirriżulta minn żbilanċi fil-poter bejn il-partijiet u li jippermettu li d-danni potenzjali mġarrba jiġu rimedjati.

3.     Proċedura ċivili

Proposta leġiżlattiva għal miżura ta' proċedura ċivili applikabbli fil-każijiet tas-SLAPP, li l-Istati Membri huma mħeġġa bil-qawwa li japplikaw anke għal każijiet domestiċi, għandha tiżviluppa kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili billi tipprevedi regoli komuni dwar is-SLAPPs li jirriżultaw minn allegazzjonijiet tal-liġi ċivili u tinkludi:

(a)

li r-rikorrent f'każijiet li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni pubblika għandu jispeċifika u jipprovdi ġustifikazzjoni dwar għaliex l-azzjoni mhijiex abbużiva;

(b)

li l-qrati għandhom jirrifjutaw fil-qosor il-kawżi abbużivi, fl-aktar stadju bikri possibbli, jew ex officio jew wara talba mill-konvenut abbażi tad-dritt tiegħu jew tagħha li jippreżenta/tippreżenta mozzjoni għal rifjut bikri;

(c)

li l-qrati għandhom jikkunsidraw l-element abbużiv fi kwalunkwe deċiżjoni finali;

(d)

li l-partijiet terzi jistgħu jintervjenu u jissurrogaw id-drittijiet u l-obbligi tal-konvenut, f'konformità mad-dritt proċedurali nazzjonali;

(e)

li l-qrati għandhom jikkunsidraw l-interess pubbliku u l-bilanċ tar-riżorsi finanzjarji bejn il-partijiet meta jivvalutaw l-ispejjeż u l-għoti tad-danni;

(f)

mezzi li jipproteġu lill-vittmi mis-SLAPPs miġjuba minn barra l-Unjoni;

(g)

id-dritt għall-għoti sħiħ tal-ispejjeż;

(h)

id-dritt għad-danni għal ħsara materjali u immaterjali, inklużi danni ekonomiċi, għar-reputazzjoni, psikoloġiċi jew danni oħra mġarrba;

(i)

regoli dwar il-prevenzjoni ta' aktar litigazzjoni abbużiva minn parti li ppreżentat kawża SLAPP fir-rigward tal-istess fatti, jiġifieri billi titqies dik iċ-ċirkostanza meta jiġi eżaminat każ ġdid.

Proposta mill-Kummissjoni, li jkollha l-għan li tikseb iċ-ċertezza tad-dritt u l-prevedibbiltà u li ssegwi r-rieżami tal-istrumenti tad-dritt internazzjonali privat għandha tistabbilixxi:

(a)

riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I b'regola espliċita li, f'allegazzjonijiet ta' malafama jew allegazzjonijiet oħra bbażati fil-liġi ċivili u kummerċjali li jistgħu jikkostitwixxu SLAPP, ir-residenza abitwali tal-konvenut bħala l-uniku forum, filwaqt li jitqiesu każijiet fejn il-vittmi tal-malafama jkunu persuni privati;

(b)

li d-dritt applikabbli huwa d-dritt tal-post li lejh hija diretta pubblikazzjoni jew, jekk dak il-post ma jkunx possibbli li jiġi identifikat, il-post tal-kontroll editorjali jew tal-attività rilevanti fir-rigward tal-parteċipazzjoni pubblika.

4.     Proċedura kriminali

Proposta leġiżlattiva dwar aspetti tad-dritt kriminali tas-SLAPPs għandha:

(a)

tispeċifika li fejn il-malafama, il-libell u l-inġurja jikkostitwixxu reat, ma jistgħux jintużaw għas-SLAPPs, b'mod partikolari permezz ta' prosekuzzjoni privata;

(b)

tispeċifika dispożizzjonijiet biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-individwi sabiex il-prosekuzzjoni ma tkunx tista' tintuża biex issikket il-vittmi tas-SLAPPs;

(c)

tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, u l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali;

(d)

tistabbilixxi salvagwardji proċedurali komuni minimi biex jipproteġu lill-konvenuti li jiffaċċjaw SLAPPs abbażi ta' akkużi kriminali u azzjonijiet ta' responsabbiltà ċivili kkombinati li allegatament jirriżultaw mill-istess imġiba.

Dawn il-miżuri għandhom ikunu komplementari għall-attivitajiet attwali tal-Kummissjoni, għal-leġiżlazzjoni diġà adottata u għal inizjattivi futuri.