|
5.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 184/45 |
P9_TA(2021)0427
Il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2021 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos (2019/2182(INL))
(2022/C 184/03)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 152 u 154 tat-TFUE dwar ir-rwol u l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 153(1) u (2) TFUE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 192(1), (3), (4) u (5) TFUE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 194(2) tat-TFUE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 114(1) tat-TFUE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-TFUE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 169(3) tat-TFUE, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (1), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (2), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (3), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat fis-17 ta' Novembru 2017 b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (COM(2021)0102), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar theddid għas-saħħa okkupazzjonali marbut mal-asbestos u prospettivi għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-linji gwida prattiċi għall-informazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema involuti fix-xogħol tat-tneħħija jew il-manutenzjoni tal-asbestos tal-Kummissjoni (2012), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2014 dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020 (COM(2014)0332), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2015 bit-titolu “l-Evalwazzjoni tal-Implimentazzjoni Prattika tad-Direttivi tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali fl-Istati Membri tal-UE”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Mejju 2019 bit-titolu “Ix-xogħol bl-asbestos fir-rinnovazzjoni tal-enerġija”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Frar 2015 dwar “It-tneħħija għalkollox tal-Asbestos mill-UE”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2021 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini (ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini) (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà. Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità” (COM(2020)0667), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Strateġija tal-Unjoni dwar Sustanzi Kimiċi Sostenibbli: Żmien ta' Azzjoni”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Mewġa ta' Rinnovazzjoni għall-Ewropa – l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja” (COM(2020)0662), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2021 bit-titolu “Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer” (COM(2021)0044), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari. Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva” (COM(2020)0098), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2015 bit-titolu “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji” (COM(2015)0550, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni of 1 ta’ Lulju 2020 bit-titolu “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza” (COM(2020)0274), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Frar 2021 bit-titolu “Ir-rapport xjentifiku ECHA tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għall-evalwazzjoni tal-valuri ta' limitu għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2020 bit-titolu “Conquering Cancer: Mission Possible” (Negħlbu l-Kanċer: Missjoni Possibbli), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ta’ Marzu 2014 stipulati fl-iskeda informattiva “Elimination of asbestos-related diseases” (L-eliminazzjoni tal-mard relatat mal-asbestos), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-għan Nru 3 li jiġu żgurati ħajjiet b’saħħithom u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f’kull età dwar id-dritt għal saħħa tajba u benesseri, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0275/2021), |
|
A. |
billi livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni; |
|
B. |
billi l-asbestos jikkawża bejn 30 000 u 90 000 mewta fis-sena fl-Unjoni; |
|
C. |
billi l-kanċer okkupazzjonali l-aktar komuni huwa l-kanċer tal-pulmun, li jikkostitwixxi bejn 54 % u 75 % tal-każijiet ta' kanċer okkupazzjonali, u billi l-asbestos huwa l-kawża ewlenija tal-kanċer tal-pulmun (45 %) (8); billi l-esponiment għall-asbestos flimkien mal-użu tat-tabakk iżidu b'mod konsiderevoli r-riskju li jiġi żviluppat kanċer tal-pulmun (9); |
|
D. |
billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC), irrikonoxxiet l-asbestos bħala karċinoġenu ppruvat (grupp 1) li huwa responsabbli għall-asbestożi, għall-kanċer tal-pulmun u l-mesoteljoma kif ukoll għall-kanċer tal-larinġi u ovariku; billi għandha tiġi promossa r-riċerka dwar kanċers oħra kkawżati mill-asbestos kif ukoll dwar kundizzjonijiet oħra tas-saħħa li ma jikkawżawx il-kanċer (10); billi ġiet osservata żieda fir-riskji tal-kanċer anke f'popolazzjonijiet esposti għal livelli ferm baxxi ta' fibri tal-asbestos, inklużi l-fibri krisotili; billi l-asbestos jista' jikkawża disturbi oħra mhux malinni fil-pulmun u fil-plewra, inklużi plakki fil-plewra, tħaxxin fil-plewra, u effużjonijiet fil-plewra mhux perikolużi; |
|
E. |
billi l-asbestos ilu pprojbit fl-Unjoni mill-2005; billi xi Stati Membri ilhom li pprojbew l-asbestos mis-snin 80; billi l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-fibri tal-asbestos jitneħħew kompletament gradwalment mill-aktar fis possibbli; billi n-natura u l-firxa tal-użu tal-asbestos ivarjaw ħafna fost l-Istati Membri; |
|
F. |
billi r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (REACH) speċifika li l-manifattura, il-bejgħ u l-użu tal-fibri tal-asbestos u l-prodotti li fihom dawn il-fibri miżjuda intenzjonalment huwa pprojbit u billi r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1005 (12) li jemenda l-Anness XVII tar-REACH għandu l-għan li jiżgura t-tneħħija gradwali kompleta tal-prodotti tal-asbestos fl-Istati Membri sal-1 ta' Lulju 2025; |
|
G. |
billi l-asbestos huwa aġent karċinoġeniku perikoluż ħafna użat madwar id-dinja fil-bini u materjali oħra f'ħafna oqsma tal-ħajja ta' kuljum; billi ħafna gruppi differenti jinsabu f'riskju ta' esponiment għall-asbestos, inklużi l-ħaddiema fis-settur tal-bini u tar-rinnovazzjoni, tal-minjieri, u tal-ġestjoni tal-iskart, il-pumpiera, kif ukoll is-sidien tad-djar u l-inkwilini; billi l-aktar effetti dannużi fuq is-saħħa tal-fibri tal-asbestos li jittieħdu man-nifs u tal-mard relatat mal-asbestos jistgħu jieħdu sa 40 sena biex jidhru; billi l-każijiet fl-Unjoni huma mistennija jilħqu l-ogħla numru bejn wieħed u ieħor fl-2025 (13); |
|
H. |
billi, minkejja r-regolamenti eżistenti fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali, ħafna każijiet ta' mard relatat mal-asbestos spiss wisq ma jiġux rikonoxxuti bħala mard okkupazzjonali u għalhekk il-vittmi ma jkunux eliġibbli għal kumpens relatat max-xogħol, u dan iżid it-tbatija fiżika mill-marda; billi t-trade unions u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-vittmi għandhom rwol importanti fl-assistenza lill-vittmi ta' mard okkupazzjonali fil-proċeduri ta' rikonoxximent u t-talbiet għal kumpens; |
|
I. |
billi l-ġestjoni tal-asbestos fil-bini, inkluż f'bini abbandunat, u t-tneħħija sikura tiegħu jirrikjedu li jitqiesu bis-sħiħ is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fir-rigward tal-pjan tal-Unjoni li ttejjeb l-iżolament termali tal-ambjent mibni tagħha bil-ħsieb li tiġi ffrankata l-enerġija u li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050; billi r-rinnovazzjoni tal-bini biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika spiss tinvolvi l-ħidma b'materjali bħal soqfa, ħitan jew konfigurazzjonijiet elettriċi, li jista' jkun fihom l-asbestos meta l-kostruzzjoni tagħhom tkun saret qabel ir-regolamentazzjoni jew il-projbizzjonijiet nazzjonali u tal-Unjoni tal-użu tal-asbestos; billi sehem sostanzjali tal-ambjent mibni eżistenti fl-Unjoni għandu aktar minn 50 sena; billi d-deterjorament tal-istokk tal-bini tal-Unjoni jżid ir-riskju ta' esponiment ambjentali, li joħloq theddida għal ħafna gruppi differenti tal-popolazzjoni, li jista', b'mod partikolari, iwassal għal aktar każijiet ta' mesoteljoma; billi ġie osservat mard relatat mal-asbestos f'popolazzjonijiet li jgħixu qrib siti industrijali; billi l-effetti fuq is-saħħa tal-esponiment ambjentali fil-biċċa l-kbira tagħhom ġew issottovalutati (14); billi l-livelli ta' esponiment ambjentali għall-asbestos jistgħu jilħqu livelli ta' esponiment okkupazzjonali; billi hija meħtieġa aktar riċerka dwar ir-riskji relatati mal-asbestos permezz ta' tali mogħdijiet ambjentali; |
|
J. |
billi r-rimi tal-iskart tal-asbestos fil-landfill mhuwiex soluzzjoni vijabbli fit-tul minħabba li l-iskart ikollu jiġi ttrattat minn ġenerazzjonijiet futuri, peress li l-fibri tal-asbestos huma virtwalment impossibbli li jinqerdu maż-żmien; billi r-rilaxx ta' fibri tal-asbestos fl-ambjent għandu jiġi evitat; billi hemm il-ħtieġa li jiġu żviluppati metodi kosteffettivi għall-inertizzazzjoni tal-iskart li jkun fih l-asbestos, sabiex il-fibri attivi tal-asbestos jiġu diżattivati u kkonvertiti f'materjali li ma joħolqux riskji għas-saħħa pubblika; |
|
K. |
billi, b'mod aktar wiesa', għandhom jitrawmu r-riċerka u l-innovazzjoni biex itejbu l-iskrinjar tal-asbestos, l-identifikazzjoni ta' kanċers relatati mal-asbestos għajr il-kanċer tal-pulmun u l-mesoteljomi, it-tekniki ta' tneħħija sikuri, il-ġestjoni tal-iskart u s-sikurezza tal-okkupanti tal-bini u tal-ħaddiema esposti, inkluża t-teknoloġija ta' twissija u ta' detezzjoni tal-asbestos f'ħin reali; |
|
L. |
billi, skont l-Artikolu 191(1) tat-TFUE, il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu objettivi, bħall-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini tagħha, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-promozzjoni tal-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, u l-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali li jindirizzaw il-problemi ambjentali reġjonali jew globali; |
|
M. |
billi, skont l-Artikolu 191(2) tat-TFUE, il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u fuq il-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa f'ras il-għajn u li min iniġġes iħallas; |
|
N. |
billi l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikjedi li livell għoli ta' ħarsien tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tiegħu jkunu integrati fil-politiki tal-Unjoni u li għandhom jiġu żgurati f'konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli; |
|
O. |
billi d-dritt għal ambjent sigur, nadif, tajjeb għas-saħħa u sostenibbli qed jiġi rikonoxxut b'mod universali hekk kif l-għadd ta' pajjiżi li jirrikonoxxu dan id-dritt kiber matul l-aħħar ftit snin, biex issa hemm aktar minn 155 pajjiż li jirrikonoxxu dak id-dritt, jew elementi ta' dak id-dritt, fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom; |
|
P. |
billi, skont l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), l-asbestos huwa karċinoġenu mingħajr valur limitu; billi l-valur ta' limitu ta' esponiment okkupazzjonali (OELV) vinkolanti eżistenti għall-asbestos huwa ta' 0,1 fibri/cm3 bħala medja ponderata fuq ħin ta' 8 sigħat; billi l-Kumitat dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji tal-ECHA ħejja opinjoni għal tnaqqis tal-OELV vinkolanti għall-asbestos; billi l-esponiment għandu dejjem jitnaqqas sa fejn ikun teknikament possibbli, speċjalment meta ma jeżisti l-ebda limitu minimu sikur; billi, b'konsegwenza ta' dan, l-OELV għandu jiġi rieżaminat biex jitqiesu l-aktar żviluppi xjentifiċi u tekniċi reċenti, u jiġi rivedut kif xieraq; |
|
Q. |
billi 80 % tal-każijiet ta' kanċer okkupazzjonali rikonoxxuti fl-Istati Membri huma relatati mal-asbestos; billi 98 % tal-kostijiet umani, inkluż l-impatt fuq il-kwalità fuq il-ħajja u l-familji tal-ħaddiema, huma mġarrba mill-ħaddiema; billi l-istimi jissuġġerixxu li l-kost tal-kanċer okkupazzjonali fl-Unjoni jammonta għal bejn EUR 270 u EUR 610 biljun fis-sena, jew minn 1,8 % sa 4,1 % tal-PDG (15); billi l-azzjoni biex jissaħħu l-politiki għall-prevenzjoni ta' saħħa ħażina hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-ħaddiema u l-familji tagħhom ikunu jistgħu jgħixu ħajja aktar b'saħħithom; |
|
R. |
billi l-asbestos intuża ħafna fl-akkomodazzjoni u jippreżenta riskji għas-saħħa; billi d-dritt għall-akkomodazzjoni adegwata, li d-definizzjoni tiegħu tinkludi d-dritt għall-protezzjoni mit-theddid għas-saħħa, ġie rikonoxxut bħala dritt tal-bniedem u bħala essenzjali biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fis-saħħa mill-organizzazzjonijiet internazzjonali u mill-Istati Membri; billi t-tneħħija sikura tal-asbestos se tikkontribwixxi biex tiżgura akkomodazzjoni ta' kwalità għal kulħadd, b'mod partikolari għas-sidien b'introjtu baxx u l-inkwilini li l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni tagħhom marru għall-agħar f'dawn l-aħħar deċennji; |
|
S. |
billi t-tneħħija sikura tal-asbestos ma għandhiex tintuża bħala pretest għal prattiki bħat-tkeċċija tal-inkwilini fuq il-bażi li d-djar tagħhom iridu jiġu rinnovati; |
|
T. |
billi l-introduzzjoni ta' rekwiżiti għat-tneħħija sikura tal-asbestos trid tkun soċjalment ġusta u tkun akkumpanjata minn miżuri xierqa li jappoġġjaw lis-sidien tal-bini biex jiffinanzjaw ir-rinnovazzjonijiet meħtieġa, kif ukoll miżuri ta' akkumpanjament għall-bini tal-kapaċitajiet għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) li jwettqu x-xogħlijiet; billi, fl-istess ħin, il-fondi tal-Unjoni fl-ambitu tal-Mewġa ta' Rinnovazzjoni għall-Ewropa, stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 (Mewġa ta’ Rinnovazzjoni), għandhom jiġu ssalvagwardjati għall-benefiċjarji li jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni u nazzjonali li għandhom l-għan li jipproteġu lill-ħaddiema mill-esponiment għall-asbestos; |
|
U. |
billi l-asbestos għadu preżenti f'ħafna binjiet amministrattivi, skejjel, djar, infrastrutturi u faċilitajiet tat-trasport pubbliku u f'networks tal-provvista tal-ilma; billi l-għarfien dwar l-użu u l-preżenza ta' dik is-sustanza qed jonqos maż-żmien; billi l-preżenza tal-asbestos u n-nuqqas ta' tagħrif dwar dan jirrappreżentaw periklu għall-okkupanti u l-utenti kollha tal-bini; |
|
V. |
billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar Ewropa Soċjali b'Saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti (16) stiednet lill-Istati Membri jeliminaw l-imwiet relatati max-xogħol u jnaqqsu l-mard relatat max-xogħol sal-2030 u lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva 2004/37/KE; |
|
W. |
billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2021 tiddikjara li 52 % tal-imwiet okkupazzjonali annwali fl-Unjoni jistgħu jiġu attribwiti għal kanċers relatati max-xogħol; billi t-titjib fid-dijanjożi bikrija, it-trattament u r-riabilitazzjoni huma prijoritajiet tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer u għandhom ikunu ta' benefiċċju għall-pazjenti li jbatu minn mard relatat mal-asbestos; billi l-Kummissjoni tipprevedi li fl-2022 tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tkompli tnaqqas l-esponiment tal-ħaddiema għall-asbestos bħala parti mill-pjan tagħha; |
|
X. |
billi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-“Pilastru”) ġie adottat bħala reazzjoni għall-isfidi soċjali fl-Unjoni; billi l-Pilastru fih 20 prinċipju li huma maqsuma fi tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u l-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali; billi l-prinċipju 10 jipprevedi livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tal-ħaddiema, li għandu jinkludi l-protezzjoni tal-ħaddiema mill-esponiment għall-karċinoġeni u l-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol; |
|
Y. |
billi l-kriżi enfasizzat l-importanza tal-prevenzjoni tal-mard relatat max-xogħol u l-investiment fis-saħħa pubblika affordabbli għal kulħadd; billi l-ispettorati tax-xogħol, it-trade unions u r-rappreżentanti tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għandhom rwol ewlieni fl-ispezzjoni u fl-infurzar effettiv tar-regoli u tar-regolamenti relatati mal-asbestos; billi pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi huma kruċjali biex jiskoraġġixxu lill-impjegaturi milli jiksru r-regolamenti dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u jiżguraw kompetizzjoni ġusta fis-suq intern; |
|
Z. |
billi l-ambjent mibni għandu impatt sinifikanti fuq ħafna setturi tal-ekonomija, l-impjiegi lokali u l-kwalità tal-ħajja; billi l-istrateġija l-ġdida dwar l-ambjent mibni sostenibbli mill-Kummissjoni għandha l-għan, fost l-oħrajn, li tippromwovi l-prinċipji taċ-ċirkolarità matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini; billi l-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tal-Kummissjoni għal Ekonomija Ċirkolari li jinsab fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta' Marzu 2020 jinvolvi inizjattivi ffukati biex jindirizzaw il-ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin bħall-kostruzzjoni u l-bini; billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 tirrikonoxxi li s-settur tal-kostruzzjoni se jkollu bżonn jinvesti fit-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol biex jaqdi l-ħtiġijiet tat-tranżizzjoni ekoloġika, fir-rigward tad-disinn u l-materjali ekoloġiċi, l-effiċjenza enerġetika, iċ-ċirkolarità u r-rinnovazzjoni; billi d-disponibbiltà ta' ħaddiema tal-kostruzzjoni tas-sengħa hija essenzjali għas-suċċess tal-Mewġa ta' Rinnovazzjoni; |
|
AA. |
billi l-asbestos u l-materjali u l-prodotti li fihom l-asbestos xorta jistgħu jiġu prodotti, ipproċessati, importati u esportati legalment f'aktar minn 100 pajjiż madwar id-dinja, inklużi pajjiżi fir-reġjuni tal-viċinat tal-Unjoni; billi r-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) jistabbilixxi l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura ta' Kunsens Infurmat minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi fil-Kummerċ Internazzjonali kif riveduta fl-2019 (il-Konvenzjoni ta' Rotterdam), li bih pajjiż jeħtieġ li jaqbel speċifikament qabel ma ssir l-esportazzjoni ta' prodott li fih sustanzi kimiċi tossiċi; billi t-tisħiħ tal-isforzi biex il-prodotti mhux konformi jinżammu milli jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni ġie identifikat bħala prijorità fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015; billi, minkejja l-projbizzjonijiet tal-Unjoni u nazzjonali u r-regolamentazzjoni eżistenti, l-asbestos għadu jidħol fis-suq intern (18); billi sakemm l-asbestos jiġi prodott u kkummerċjalizzat legalment globalment, dejjem hemm riskju li dan jidħol fis-suq intern; |
|
AB. |
billi huwa importanti li jinżammu reġistri robusti ta' persuni b'esponiment fil-passat jew attwali għall-asbestos biex tiġi żgurata s-sorveljanza medika u biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent ta' mard okkupazzjonali, filwaqt li jkun hemm konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19); billi l-Istati Membri għandhom modi differenti kif jorganizzaw l-iskemi nazzjonali ta' assigurazzjoni soċjali fir-rigward ta' korriment jew mard relatat max-xogħol, inkluż ir-rwol komplementari tal-ftehimiet kollettivi; billi l-prinċipji li fuqhom huma bbażati skemi bħal dawn u l-awtonomija tas-sħab soċjali jeħtieġ li jiġu rispettati; |
|
AC. |
billi l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Frar 2015 dwar It-tneħħija għalkollox tal-asbestos mill-UE tiddikjara li għandu jiġi żgurat li fil-livell tal-Istati Membri, il-każijiet kollha ta' asbestożi, mesoteljoma u mard ieħor relatat mal-asbestos jiġu rreġistrati permezz ta' ġbir sistematiku ta' data dwar mard okkupazzjonali u mhux okkupazzjonali marbut mal-asbestos, li l-plakek plewrali jiġu kategorizzati u uffiċjalment reġistrati bħala mard relatat mal-asbestos, u li bl-għajnuna ta' osservatorji ddedikati, jiġi żgurat immappjar affidabbli tal-preżenza tal-asbestos, u li l-persunal mediku għandu jirċievi taħriġ adatt sabiex ikun jista' jaqdi dmirijietu u jagħmel dijanjożi tajba; |
|
AD. |
billi l-leġiżlazzjoni fis-seħħ f'xi Stati Membri tpoġġi biss ċerti obbligi fuq is-sidien, l-amministraturi jew il-maniġers ta' bini li fih l-asbestos meta jibdew jużaw il-bini jew meta jkunu beħsiebhom jibdew id-demolizzjoni tiegħu, u mhux meta jbigħu bini mgħammar bi prodotti li fihom l-asbestos; |
Strateġija Ewropea għat-Tneħħija tal-Asbestos Kollu: ESRAA
|
1. |
Jirrimarka li t-tneħħija sikura tal-asbestos hija eżempju tal-ħtieġa li jiġi applikat il-prinċipju tas-saħħa fil-politiki kollha msemmija fl-Artikolu 168(1) tat-TFUE, peress li hija marbuta direttament mal-inizjattivi segwenti ta' politika reċenti u futuri tal-Unjoni: il-qafas il-ġdid tal-Unjoni għas-saħħa u s-sikurezza, il-Patt Ekoloġiku flimkien mal-Mewġa ta' Rinnovazzjoni, in-Next Generation EU u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, l-istrateġija tal-UE dwar l-iskart u l-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari; jenfasizza li t-trattament tal-iskart tal-asbestos għandu japplika bis-sħiħ il-prinċipju ta' prekawzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni korrispondenti tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-iskart; |
|
2. |
Jissottolinja li t-tneħħija sikura tal-asbestos hija kompitu diffiċli u urġenti u jtenni t-talba tiegħu biex ikun hemm approċċ komprensiv u integrat li jgħaqqad diversi oqsma ta' politika; jirrimarka li l-kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri għandhom ikunu l-prijorità ewlenija; |
|
3. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta Strateġija Ewropea għat-Tneħħija tal-Asbestos Kollu:ESRAA, li tkun tinkludi l-elementi li ġejjin:
|
|
4. |
Jinnota li l-istrateġiji komprensivi ta' tneħħija jinvolvu konsegwenzi finanzjarji u amministrattivi għas-sidien tal-bini, għall-awtoritajiet pubbliċi u għan-negozji, b'mod partikolari għall-SMEs, inklużi l-mikrointrapriżi, kif ukoll ammont ta' xogħol sinifikanti għall-korpi ta' ċertifikazzjoni; jisħaq, għalhekk, li għandhom jiġu pprovduti perjodi ta' tranżizzjoni xierqa u appoġġ regolatorju u finanzjarju adegwat; |
|
5. |
Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu mobilizzati l-mekkaniżmi ta' finanzjament eżistenti disponibbli fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni diġà għamlitha ċara li l-Istati Membri jistgħu jallokaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (ESI) għall-immaniġġjar u t-tneħħija tal-asbestos (20); jappella, f'dan ir-rigward, għall-mobilizzazzjoni tal-fondi tal-ESI biex jittejbu l-affidabbiltà u l-veloċità tal-iskrinjar tal-asbestos u l-kejl, it-tneħħija u l-ġestjoni sikura tal-iskart f'konformità mal-objettivi tal-programmi nazzjonali jew reġjonali rilevanti; jisħaq li huwa kruċjali li l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp u t-titjib tar-rotta ta' aċċess għas-suq għat-teknoloġija tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, inklużi sistemi ta' kejl u ta' twissija f'ħin reali għall-asbestos, kif ukoll metodi u teknoloġiji kosteffettivi ta' inertizzazzjoni tal-asbestos; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-għodod kollha biex jappoġġjaw l-investimenti f'teknoloġiji ta' trattament sostenibbli, inkluż permezz ta' Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni ddedikati; |
|
6. |
Jisħaq li l-fondi tal-Unjoni fl-ambitu tal-Mewġa ta' Rinnovazzjoni għandhom jiġu ssalvagwardjati għall-benefiċjarji li jikkonformaw mar-regolamenti tal-Unjoni u nazzjonali li għandhom l-għan li jipproteġu lill-ħaddiema mill-asbestos; jappella għal sistema biex jiġi żgurat li l-fondi tal-Unjoni jiġu rkuprati mingħand il-benefiċjarji li jinstab li ma jikkonformawx mar-regoli tal-Unjoni jew dawk nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos; |
|
7. |
Jappella għat-tisħiħ tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), sabiex jiġu pprovduti għodod effettivi bħal appoġġ tekniku u xjentifiku għat-titjib tal-isforzi ta' prevenzjoni, tiġi mmonitorjata aħjar ir-reġistrazzjoni tal-postijiet tax-xogħol li fihom l-asbestos u t-traċċar ta' ħaddiema li kienu jew setgħu kienu f'kuntatt miegħu, u jittejbu t-taħriġ u t-tagħmir protettiv ipprovdut lill-ħaddiema; jappella għall-istabbiliment ta' pjattaforma Ewropea, fi ħdan il-mandat tal-EU-OSHA, biex turi prattiki tajbin għat-tneħħija tal-asbestos u r-rimi sikur tal-asbestos, li diġà ġew implimentati f'diversi Stati Membri u tipprevedi l-iskambju ta' prattiki tajbin bħal dawn; |
|
8. |
Jirrimarka li l-ispettorati tax-xogħol għandhom rwol vitali x'jaqdu fil-prevenzjoni u l-monitoraġġ tal-esponiment għall-asbestos u jgħinu wkoll fit-titjib tal-għarfien espert u l-għoti ta' informazzjoni fil-livell tal-kumpaniji; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-għadd ta' spetturi tax-xogħol, il-kwalità tal-ispettorati tax-xogħol u l-ispezzjonijiet kif ukoll il-frekwenza tal-ispezzjonijiet; huwa tal-opinjoni li l-Istati Membri għandhom imorru lil hinn sew mir-rakkomandazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li jipprevedu minimu ta' spettur wieħed għal kull 10 000 ħaddiem; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimponu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq ditti li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom, b'mod partikolari, rigward is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali; |
|
9. |
Iqis li hemm ħtieġa urġenti ta' aċċess effettiv għall-ġustizzja u rimedju għall-ħsara kollha għas-saħħa, mhux biss dik relatata mal-ansjetà, għall-vittmi kollha tal-asbestos; jissottolinja li l-ispejjeż mediċi kollha relatati mal-esponiment għall-asbestos għandhom jiġu koperti mill-impjegaturi; meta dawn ikunu naqsu milli jieħdu l-miżuri xierqa kollha u jagħmlu sforzi fil-limiti tas-setgħat tagħhom biex jipprevjenu l-esponiment għall-asbestos; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa possibbli ta' leġiżlazzjoni li tistabbilixxi reġim ta' responsabbiltà ġenerali għal tniġġis imxerred biex tipprovdi kumpens lill-vittmi għad-danni kollha mit-tniġġis imxerred, inklużi dawk ikkawżati mill-asbestos; |
Direttiva qafas Ewropea għall-istrateġiji nazzjonali għat-tneħħija tal-asbestos
|
10. |
Jilqa' l-Mewġa ta' Rinnovazzjoni, li tfittex li sal-2030 tirrinnova 35 miljun binja; jaqbel mal-fehma espressa fil-komunikazzjoni li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-ħaddiema li jirrinnovaw bini antik u li jintervjenu f'operazzjonijiet ta' emerġenza mill-esponiment għall-asbestos; |
|
11. |
Jisħaq li miżuri preventivi aħjar u ġestjoni tar-riskji relatati mal-asbestos jirrikjedu aċċess għal informazzjoni rilevanti adattata għall-ħtiġijiet ta' dawk direttament ikkonċernati; |
|
12. |
Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja t-tixrid ta' informazzjoni dwar id-diversi sistemi għat-tneħħija jew ir-rimi b'mod sikur u kif xieraq tal-prodotti tal-asbestos abbażi tal-aħjar tekniki disponibbli; |
|
13. |
Jissottolinja li r-riskji li jirriżultaw minn popolazzjonijiet esposti għal materjali tal-asbestos li jseħħu b'mod naturali huwa wkoll qasam fejn hemm bżonn ta' informazzjoni; |
|
14. |
Jinsisti li kwalunkwe inizjattiva tal-Unjoni li tappoġġja r-rinnovazzjoni tal-enerġija għandha tkun soċjalment ġusta u għandha tinkludi miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa tal-okkupanti u tal-ħaddiema, inkluż permezz tal-identifikazzjoni ta' bini li fih l-asbestos, sabiex tkun permessa t-tneħħija sikura tal-asbestos u ta' materjali perikolużi oħra; |
|
15. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-aċċess għal akkomodazzjoni deċenti, affordabbli u tajba għas-saħħa jkun wieħed mill-pedamenti tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru; |
|
16. |
Jilqa' l-fatt li diversi Stati Membri u reġjuni bħalissa qed isegwu pjanijiet ambizzjużi biex ineħħu l-asbestos mill-ambjent mibni b'kalendarji ċari, inklużi n-Netherlands, il-Polonja u Flanders; |
|
17. |
Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi qafas legali għal valutazzjoni, f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi s-sħab soċjali, tal-asbestos kollu eżistenti fil-bini u fl-infrastruttura fl-Istati Membri, u biex tagħmel stima tal-ispejjeż involuti fit-tneħħija sikura tiegħu f'kull Stat Membru; |
|
18. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal direttiva qafas għall-Istati Membri biex jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali għat-tneħħija tal-asbestos li jinkludu kalendarji ċari u realistiċi, inklużi prijoritajiet u miri interim, is-sejbien u r-reġistrazzjoni tal-asbestos, il-finanzjament u l-appoġġ lis-sidien tad-djar u l-SMEs, miżuri ta' protezzjoni għall-ħaddiema kontra r-riskju ta' esponiment għall-asbestos f'konformità mad-Direttiva 2009/148/KE, kif ukoll ir-rimi sikur tal-asbestos sabiex jiġi evitat li l-asbestos jidħol fil-proċessi ta' riċiklaġġ; |
|
19. |
Jinsisti fuq il-ħtieġa li titwettaq sorveljanza epidemjoloġika fit-tul biex tiġi vvalutata l-effikaċja tal-miżuri meħuda; jenfasizza li l-mesoteljoma hija marda li l-fattur ta' riskju ewlieni tagħha huwa l-asbestos u li l-għadd ta' mesoteljomi dijanjostikati huwa indikatur rilevanti għas-sorveljanza epidemjoloġika; jappella għalhekk biex ir-rappurtar tal-mesoteljoma lill-awtoritajiet kompetenti jsir obbligatorju; |
|
20. |
Jirrimarka li skont studji reċenti, l-esponiment mhux okkupazzjonali għall-asbestos jista' jkun ir-raġuni għal madwar 20 % tal-mesoteljomi f'pajjiżi industrijalizzati (21); |
|
21. |
Ifakkar fiż-żieda antiċipata fix-xogħol ta' kostruzzjoni fid-dawl tal-Mewġa ta' Rinnovazzjoni, li se tkun akkumpanjata minn esponiment okkupazzjonali u ambjentali akbar għall-fibri tal-asbestos; jenfasizza l-ħtieġa li l-asbestos jiġi sostitwit b'materjali effiċjenti fl-użu tal-enerġija fil-kuntest tal-Mewġa ta' Rinnovazzjoni; |
|
22. |
Itenni t-talba tiegħu li jiġu stabbiliti reġistri pubbliċi nazzjonali tal-asbestos; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi, bħala parti minn proposta għal direttiva qafas, standards minimi għal reġistri nazzjonali diġitali aċċessibbli għall-pubbliku għall-asbestos u għal sustanzi perikolużi oħra f'bini pubbliku u ta' sjieda privata; jisħaq li r-reġistri għall-asbestos għandhom ikunu kompatibbli ma' bażijiet ta' data u reġistri bħal dawk relatati mal-effiċjenza enerġetika u jimtlew permezz ta' għodod komuni, bħal passaporti ta' rinnovazzjoni tal-bini, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679; |
|
23. |
Jistieden lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent twettaq aktar riċerka dwar il-preżenza tal-asbestos fix-xmajjar u fit-tributarji ta' madwarhom, u l-effetti tiegħu fuq il-veġetazzjoni u l-organiżmi selvaġġi, bħal dik imwettqa mill-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Istati Uniti (22); |
|
24. |
Jisħaq li l-livelli ta' konċentrazzjoni fl-isfond tal-asbestos fl-atmosfera għandhom jiġu mmonitorjati u mkejla madwar l-Istati Membri, li għandu jkun disponibbli l-aċċess għall-informazzjoni u li għandhom jiġu introdotti valuri ta' limitu tal-esponiment għall-ispazji ta' għajxien; |
|
25. |
Jirrikonoxxi r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tal-2017 (23), li stipulaw li mhuwiex meħtieġ li l-fibri tal-asbestos jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE (24) u kkonkludew li l-fibri tal-asbestos fl-ilma tax-xorb mhumiex ta' tħassib għas-saħħa; ifakkar li studju mwettaq minn xjenzati Taljani qajjem il-kwistjoni importanti ta' jekk l-inġestjoni tal-ilma li fih il-fibri tal-asbestos iżżidx ir-riskju ta' kanċers gastriċi u kolorettali (25); jisħaq li mard potenzjali relatat mal-asbestos possibbilment ikkawżat mill-inġestjoni ta' ilma li jkun fih fibri bħal dawn li joriġinaw minn pajpijiet tal-asbestos jista' jieħu diversi deċennji biex isir evidenti; jisħaq li, anke jekk dan l-istudju Taljan waħdu ma jistax jagħmilha possibbli li jiġi konkluż b'mod definittiv f'dan l-istadju jekk hemmx rabta bejn l-inġestjoni ta' asbestos permezz tal-ilma u l-iżvilupp ta' kanċers fil-passaġġ gastrointestinali, il-prinċipju ta' prekawzjoni għandu japplika minħabba l-inċertezzi involuti; iqis li għandha titwettaq aktar riċerka dwar din il-kwistjoni importanti; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex iwettqu monitoraġġ regolari tal-kwalità tal-ilma użat għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb u jieħdu l-miżuri preventivi u ta' mitigazzjoni meħtieġa f'każ li jkun hemm riskju għas-saħħa tal-bniedem; |
|
26. |
Jinsab imħasseb dwar l-istat tan-network tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb fl-Unjoni u l-preżenza ta' pajpijiet tas-siment bl-asbestos, li d-deterjorament tagħhom jerħi fibri tal-asbestos fl-ilma; ifakkar ukoll li f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-WHO, il-pajpijiet tas-siment bl-asbestos ma għandhomx jibqgħu jintużaw jew jiġu approvati għall-ilma tax-xorb (26); iqis li, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea għat-tneħħija kompleta tal-asbestos, u permezz tal-Pjan Ewropew ta' Rkupru u dawk tal-Istati Membri, għandu jiġi stabbilit u implimentat pjan komprensiv għar-rinnovazzjoni u t-tneħħija tal-asbestos għan-network Ewropew għad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb; |
Aġġornament tad-Direttiva 2009/148/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-esponiment għall-asbestos fuq ix-xogħol
|
27. |
Ifakkar li l-asbestos għadu waħda mill-aktar sfidi sinifikanti għas-saħħa okkupazzjonali u li 125 miljun persuna madwar id-dinja ġew esposti għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol (27), minkejja r-riskji tiegħu għas-saħħa li ilhom magħrufa għal għexieren ta' snin; |
|
28. |
Jirrimarka li madwar 250 000 persuna jmutu kull sena madwar id-dinja minħabba l-esponiment għall-asbestos (28); jirrimarka li, f'dawn l-aħħar snin, ir-rata ta' mwiet mill-mard relatat mal-espożizzjoni għall-fibri tal-asbestos saħansitra aċċellerat; |
|
29. |
Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna d-Direttiva 2009/148/KE, filwaqt li tqis l-aktar għarfien xjentifiku u żviluppi tekniċi reċenti, inkluża evalwazzjoni ta' tipi differenti ta' fibri tal-asbestos u l-effetti negattivi tagħhom fuq is-saħħa, kif ukoll biex tibda l- proċess ta' konsultazzjoni għall-aġġornament tal-lista ta' silikati fibrużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u, f'dan il-kuntest, biex tivvaluta l-inklużjoni tar-riebeckite, il-winchite, ir-richterite, il-fluoro-edenite, u l-erionite fil-lista li diġà tkopri l-actinolite, l-anthophyllite, it-tremolite, il-grunerite; |
|
30. |
Jenfasizza li d-Direttiva 2009/148/KE tapplika għall-attivitajiet kollha fejn il-ħaddiema huma esposti jew jistgħu jiġu esposti għal trab li joħroġ mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos waqt xogħolhom; jappella għal dispożizzjonijiet aktar b'saħħithom li jiżguraw il-protezzjoni tal-ħaddiema kollha fis-siti ta' tneħħija tal-asbestos, inklużi l-ħaddiema li jidħlu f'sit tax-xogħol wara t-tneħħija; jappella għal enfasi akbar fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi l-professjonijiet kollha f'riskju, inklużi l-ħaddiema tar-rinnovazzjoni u d-demolizzjoni, il-maniġers tal-iskart, il-minaturi u l-ħaddiema tat-tifi tan-nar, fl-implimentazzjoni nazzjonali ta' dik id-Direttiva; |
|
31. |
Huwa mħasseb dwar il-fatt li skont l-aħħar riċerka u rakkomandazzjonijiet mediċi xjentifiċi, ma hemm l-ebda limitu li taħtu l-konċentrazzjoni fl-arja tal-fibra tal-asbestos ma tkunx ta' ħsara (29); jemmen f'dan ir-rigward li l-ebda eżenzjoni mill-miżuri ta' protezzjoni tad-Direttiva 2009/148/KE ma tista' tiġi ġġustifikata b'referenza għall-OELV; jappella biex id-Direttiva 2009/148/KE tirrifletti bis-sħiħ il-prinċipju li għandhom dejjem jittieħdu miżuri protettivi personali xierqa waqt attivitajiet li fihom il-ħaddiema huma jew jistgħu jkunu esposti għal trab li joriġina mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos matul xogħolhom; iqis li n-natura perikoluża ta' materjali li fihom asbestos mhux frijabbli għandha titqies meta jiġu vvalutati r-riskji; jappella għal valutazzjoni tar-riskju individwali relatata mal-proċess ta' ħidma ppjanata biex jiġu ddeterminati l-miżuri protettivi meħtieġa; |
|
32. |
Jinsisti li t-tneħħija u r-rimi b'mod sikur ta' partijiet u materjali li jkun fihom l-asbestos huwa prijorità, minħabba li t-tiswija, il-manutenzjoni, l-inkapsulament jew l-issiġillar iwasslu biss għall-posponiment tat-tneħħija, li jipperpetwa r-riskji għall-abitanti u għall-ħaddiema snin wara; jappella għall-projbizzjoni tal-inkapsulament u l-issiġillar ta' materjali li fihom l-asbestos li jistgħu jitneħħew b'mod tekniku; jinsisti li din il-projbizzjoni għandha tevita li tpoġġi lill-unitajiet domestiċi l-aktar fqar f'sitwazzjoni fejn ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji għar-rinnovazzjoni meħtieġa; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa ta' miżuri ta' akkumpanjament xierqa; jinsisti fuq l-importanza tal-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ regolari tal-istrutturi li fihom l-asbestos li ma jistgħux jitneħħew fi żmien qasir, bħall-ħitan tal-konkrit fil-bini; |
|
33. |
Iħeġġeġ il-ħolqien ta' sinerġiji mal-bażi ta' data stabbilita mill-ECHA biex tiġbor informazzjoni u ttejjeb l-għarfien dwar sustanzi ta' tħassib fil-prodotti u fil-prodotti meta jsiru skart; |
|
34. |
Ifakkar fil-prinċipju legali fundamentali li, fil-kuntest tas-saħħa u tas-sikurezza okkupazzjonali, it-teknoloġija mill-aktar avvanzata trid dejjem tiġi applikata biex jinkiseb l-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni; jappella għat-tisħiħ tar-rekwiżiti minimi tekniċi biex titbaxxa l-konċentrazzjoni tal-fibri tal-asbestos fl-arja għall-anqas livell li huwa teknikament possibbli, inkluż permezz tas-soppressjoni tat-trab u l-ġbid tat-trab mis-sors, is-sedimentazzjoni kontinwa, u l-mezzi ta' dekontaminazzjoni; jappella għal rekwiżiti minimi għad-differenza fil-pressjoni bejn il-kompartimenti tal-asbestos u l-madwar, il-provvista ta' arja friska u l-filtri HEPA; |
|
35. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' rekwiżiti minimi tekniċi aġġornati li jinkludu dispożizzjonijiet biex inlaħħqu mal-iżviluppi teknoloġiċi; jisħaq li l-użu obbligatorju ta' robots u ta' teknoloġiji avvanzati oħra għandu jiġi esplorat aktar, inkluż permezz ta' riċerka u skambju aktar sistematiku tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri biex jiġu żviluppati kontinwament standards ġodda għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema; jinnota li l-mikroskopija ottika mhijiex l-aktar teknoloġija disponibbli reċenti biex jingħaddu l-fibri tal-asbestos fl-arja li nistgħu nieħdu nifs minnha u li l-Mikroskopija Elettronika bi Trażmissjoni Analitika (ATEM) hija aktar sensittiva u tagħmilha possibbli li wieħed jiddistingwi u jgħodd il-fibri tal-asbestos; jappella għall-użu, fejn possibbli, tal-ATEM jew metodi simili avvanzati biex jingħaddu l-fibri; |
|
36. |
Ifakkar li l-kampjunar irid ikun rappreżentattiv tal-esponiment personali tal-ħaddiem, li jfisser li l-kampjuni jridu jittieħdu f'sitwazzjonijiet rappreżentattivi u realistiċi tal-esponiment tal-ħaddiema għat-trab tal-asbestos billi ripetutament jitkejlu f'intervalli regolari matul il-fażijiet operattivi speċifiċi; jemmen li jekk il-kampjunar ma jistax ikun rappreżentattiv tal-esponiment personali tal-ħaddiem, għandhom jiġu applikati l-miżuri protettivi xierqa kollha; |
|
37. |
Iqis li l-informazzjoni fin-notifika għandha tinkludi l-elementi kollha miżjuda fl-Anness II bħal, pereżempju, iż-żoni li fihom se jitwettaq ix-xogħol, it-tagħmir użat għall-protezzjoni u d-dekontaminazzjoni tal-ħaddiema, u pjan għar-rimi tal-iskart; jemmen li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaħżnu dik l-informazzjoni għal mill-anqas 40 sena; |
|
38. |
Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ amministrattiv suffiċjenti u ffukat lill-impjegaturi fit-traspożizzjoni ta' miżuri protettivi u rekwiżiti ta' notifika, b'mod partikolari l-SMEs, inklużi l-mikrointrapriżi, sabiex jevitaw in-nuqqas ta' konformità; jenfasizza li l-provvista ta' proċessi standardizzati għall-operazzjonijiet fuq il-materjali tal-asbestos tgħin biex jitnaqqsu l-livelli tat-trab tal-fibri tal-asbestos u l-kostijiet ta' dawn l-operazzjonijiet u jiġi ffaċilitat it-twettiq tar-rekwiżiti ta' notifika; |
|
39. |
Jinnota li l-istandard minimu attwali tal-Unjoni għall-OELV tal-asbestos huwa ta' 100 000 fibra għal kull m3 (0,1 fibri/cm3) u li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri japplikaw l-istandard minimu attwali; jenfasizza li xi Stati Membri japplikaw OELVs ħafna aktar baxxi biex jipproteġu s-saħħa tal-ħaddiema, pereżempju OELV ta' 2 000 fibra/m3 (0,002) fin-Netherlands; |
|
40. |
Jissottolinja li riċerkaturi mediċi ewlenin mill-Kummissjoni Internazzjonali tas-Saħħa Okkupazzjonali kkonkludew li l-limiti ta' esponiment ma jipproteġux kif xieraq kontra l-kanċer u jipproponu valur ta' limitu okkupazzjonali ta' 1 000 fibra/m3 (0,001 fibri/cm3); jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta legali biex tnaqqas aktar l-esponiment tal-ħaddiema għall-asbestos fl-2022 u jistieden lill-Kummissjoni, bħala prijorità, biex taġġorna dawk il-limiti ta' esponiment, li għandhom jiġu stabbiliti għal 0,001 fibri/cm3 (1 000 fibri/m3), filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjonijiet minn partijiet ikkonċernati differenti u wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sikurezza u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' perjodu ta' tranżizzjoni adegwat biex jiġu implimentati l-metodoloġija l-ġdida u l-valuri ta' esponiment il-ġodda; |
|
41. |
Jenfasizza li mhux biss l-impjegaturi iżda anke s-sidien, il-kuntratturi ewlenin, u l-awtoritajiet kontraenti u s-sidien li jikkummissjonaw ix-xogħol għandu jkollhom l-obbligu li jwettqu dijanjożi tal-asbestos qabel il-bidu ta' kwalunkwe xogħol fil-bini, fil-vapuri, fl-inġenji tal-ajru, fuq it-tagħmir jew fil-prodotti; jitlob li qabel il-bidu tax-xogħol fil-bini li nbena qabel l-2005 jew qabel is-sena ta' projbizzjoni nazzjonali tal-asbestos ekwivalenti, tkun liema tkun l-ewwel, jitwettaq skrinjar komprensiv għall-preżenza ta' materjali li fihom l-asbestos minn operatur kwalifikat u ċċertifikat; jemmen li l-iskrinjar għandu dejjem jinkludi dijanjożi adattata għall-post tax-xogħol speċifiku u rapport għandu jiddikjara l-assenza jew il-preżenza tal-asbestos, u t-tip ta' fibra tiegħu jekk preżenti, b'deskrizzjoni dettaljata tan-natura tal-kontaminazzjoni u l-post preċiż u l-kwantitajiet stmati tiegħu; jemmen li, minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/148/KE, l-Anness ta' dik id-Direttiva għandu jinkludi rekwiżiti għal durata minima ta' taħriġ ivvalidat minn eżami fir-rigward tat-tip ta' xogħol rispettiv; jissottolinja f'dan il-kuntest il-ħtieġa ta' metodoloġija koerenti għall-valutazzjoni tar-riskju biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi tal-Unjoni u tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern; |
|
42. |
Huwa mħasseb dwar il-fatt li r-rekwiżiti tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tat-taħriġ imwettaq għadhom ivarjaw ħafna fost l-Istati Membri, u dan huwa periklu serju għas-saħħa u s-sikurezza fil-kuntest tal-mobilità transfruntiera tal-ħaddiema; jappella għal anness ġdid għad-Direttiva 2009/148/KE b'rekwiżiti minimi obbligatorji għat-taħriġ dwar ix-xogħol bl-asbestos, inklużi rekwiżiti speċifiċi għall-ħaddiema f'kumpaniji speċjalizzati fit-tneħħija tal-asbestos kif ukoll il-ħaddiema li jistgħu jiġu f'kuntatt ma' materjali li fihom l-asbestos waqt li jkunu qed iwettqu xogħolhom; barra mir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/148/KE, jemmen li l-Anness ta' dik id-Direttiva għandu jinkludi rekwiżiti għal durata minima ta' taħriġ fir-rigward tat-tip rispettiv ta' xogħol, dokumentazzjoni xierqa ta' dan it-taħriġ, u l-intervalli regolari li fihom ħaddiem individwali jeħtieġlu jattendi taħriġ; |
Ir-rikonoxximent u l-kumpens tal-mard relatat mal-asbestos
|
43. |
Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna r-rakkomandazzjoni tagħha tad-19 ta' Settembru 2003 dwar l-iskeda Ewropea tal-mard okkupazzjonali (30) biex tinkludi l-aħħar għarfien mediku xjentifiku disponibbli dwar il-mard okkupazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-mard relatat mal-asbestos; |
|
44. |
Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-proċeduri ta' rikonoxximent billi jaqilbu l-oneru tal-provi, b’mod partikolari jekk ir-reġistri nazzjonali għall-ħaddiema tal-asbestos ikunu ġew stabbiliti biss reċentement, u jistabbilixxu kumpens adegwat għall-ħaddiema li jbatu minn mard relatat mal-asbestos; |
|
45. |
Jirrimarka li l-mard relatat mal-asbestos huwa sfida transfruntiera minħabba l-moviment liberu, u li r-rwol tal-ħaddiema mobbli għandu għalhekk jitqies b’mod partikolari f'dan ir-rigward; ifakkar li l-mard okkupazzjonali u r-riskji tas-saħħa relatati mal-post tax-xogħol huma dejjem marbuta ma' professjoni, attività tax-xogħol, post tax-xogħol u ħin speċifiċi; jistieden lill-Kummissjoni biex, wara li tikkonsulta mas-sħab soċjali, tippreżenta proposta għal direttiva abbażi tal-Artikolu 153(1)(a) u (b) tat-TFUE li tistabbilixxi standards minimi tal-Unjoni għar-rikonoxximent u għall-kumpens tal-mard okkupazzjonali, inkluż mard relatat mal-asbestos; |
|
46. |
Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex l-Istati Membri jistabbilixxu funzjoni nazzjonali jew ombudsperson biex jassisti lill-vittmi ta' mard okkupazzjonali, u speċjalment mard relatat mal-asbestos li għandu perjodu twil ta' latenza, fi proċeduri ta' rikonoxximent; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-istabbiliment ta' assoċjazzjonijiet tal-pazjenti u ta' gruppi tat-trade unions għall-vittmi ta' mard relatat mal-asbestos u għall-familji tagħhom u jinsisti fuq il-ħtieġa li dawn l-assoċjazzjonijiet jiġu kkonsultati bil-għan li jiġu ffaċilitati u ssimplifikati l-proċeduri ta' rikonoxximent; jappella għal żieda fil-finanzjament nazzjonali biex jiġu kkumpensati l-vittmi ta' mard relatat mal-asbestos, biex tiġi żgurata kopertura suffiċjenti tal-kostijiet diretti u indiretti u l-prezz uman tal-marda; |
|
47. |
Ifakkar li l-effett sinerġistiku tat-tipjip u l-esponiment għall-asbestos iżid b'mod konsiderevoli r-riskju li jiġi żviluppat kanċer tal-pulmun; jistieden lill-Istati Membri jipproponu programm ta' waqfien mit-tipjip għall-ħaddiema kollha esposti għall-asbestos; itenni li t-tipjip ma jrid qatt ikun raġuni biex ħaddiem jiġi eskluż mir-rikonoxximent ta' marda okkupazzjonali relatata mal-asbestos, jew milli jkun intitolat li jitlob kumpens u trattament mediku għal tali marda; |
|
48. |
Jappella għal evalwazzjoni aħjar tar-riskji marbuta mal-esponiment sekondarju mhux okkupazzjonali, b'mod partikolari għall-membri tal-familja li jgħixu mal-ħaddiema tal-asbestos; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw ir-rikonoxximent u l-kumpens għall-vittmi dokumentati ta' esponiment sekondarju permezz ta' kuntatt mhux okkupazzjonali mal-asbestos u jużaw l-aħjar prattiki minn Stati Membri bħad-Danimarka; itenni l-perspettiva tal-ġeneru tal-esponiment sekondarju; |
|
49. |
Jisħaq fuq l-eżistenza ta' tipi differenti ta' esponiment mhux okkupazzjonali għall-asbestos, b'impatti potenzjalment sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem, kemm jekk ikunu ta' oriġini paraokkupazzjonali (inkluż esponiment għat-trab tal-asbestos li jinġarr id-dar b’mod involontarju mill-ħaddiema), domestika (inklużi oġġetti tad-dar li fihom l-asbestos) jew ambjentali (inklużi materjali eżistenti f'bini u installazzjonijiet jew ta' oriġini industrijali); |
|
50. |
Jisħaq li n-nisa li huma esposti għal riskji relatati mal-asbestos huma partikolarment vulnerabbli għal ċertu tip ta' esponiment għall-asbestos; jappella għal rikonoxximent aħjar tal-perspettiva tal-ġeneru fis-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, u għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-istrumenti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi kollha fl-Istati Membri, biex jiġi żgurat li l-ebda preġudizzju tal-ġeneru ma jkollu impatt fuq it-traċċar, l-identifikazzjoni, it-trattament jew il-kunsiderazzjoni ta' marda bħala relatata mal-asbestos, b'impatt konsegwenzjali fuq il-livell ta' kumpens għall-vittmi; jappella biex l-attivitajiet tat-tindif jitqiesu aktar bħala fatturi ta' riskju fid-dijanjożi tal-mard; jappella għal valutazzjonijiet aħjar tar-riskju u l-identifikazzjoni tal-esponiment għall-asbestos minn ħaddiema li huma ħaddiema tat-tindif, speċjalment il-ħaddiema tat-tindif nisa, kif ukoll minn persuni li jwettqu l-faċendi domestiċi mhux imħallsa, bħat-tindif ta' prodotti li huma kkontaminati bl-asbestos; |
|
51. |
Jisħaq li l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas irid jitqies kemm jista' jkun fl-attribuzzjoni tal-kost tat-tneħħija tal-asbestos; |
Skrinjar tal-asbestos qabel xogħlijiet ta' rinnovazzjoni tal-enerġija u bejgħ jew kiri ta' bini
|
52. |
Ifakkar li l-premessa 14 tad-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija tistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw titjib fir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta' bini eżistenti, inkluż permezz tat-tneħħija ta' asbestos u sustanzi oħra ta' ħsara, il-prevenzjoni tat-tneħħija illegali ta' sustanzi ta' ħsara, u l-iffaċilitar tal-konformità ma' atti leġislattivi eżistenti; |
|
53. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal emenda għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/31/UE fil-kuntest tal-Mewġa ta' Rinnovazzjoni billi tintroduċi rekwiżit għall-iskrinjar obbligatorju tal-asbestos, ir-reġistrazzjoni u t-tneħħija tal-asbestos u ta' sustanzi perikolużi oħra qabel ma jkun jista' jinbeda kwalunkwe xogħol ta' rinnovazzjoni filwaqt li tqis l-Artikolu 153(1)(a) tat-TFUE dwar it-titjib b'mod partikolari tal-ambjent tax-xogħol biex jiġu protetti s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema; |
|
54. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva li tqis ir-regolamenti nazzjonali eżistenti kif ukoll valutazzjoni tal-impatt dwar l-aktar mudelli effiċjenti għall-iskrinjar obbligatorju tal-bini, li jikkonsisti minn dijanjożi tal-wiċċ tal-preżenza ta' asbestos minn entità professjonali bil-kwalifiki u l-permessi xierqa, qabel il-bejgħ jew il-kiri u għall-istabbiliment ta' ċertifikati tal-asbestos għall-bini mibni qabel l-2005 jew qabel is-sena ta' projbizzjoni nazzjonali tal-asbestos ekwivalenti, skont liema tkun l-aktar bikrija; |
|
55. |
Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri protettivi għall-kerrejja fejn jinstab l-asbestos qabel ix-xogħlijiet ta' rinnovazzjoni tal-enerġija; jenfasizza li l-ispejjeż tal-iskrinjar u tat-tneħħija ma għandhomx jitħallsu mill-inkwilini; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-inkwilini jirċievu divulgazzjoni sħiħa fir-rigward tal-asbestos fil-bini u li jingħataw iċ-ċertifikat tal-asbestos; |
L-Unjoni bħala mexxejja globali kontra l-asbestos
|
56. |
Jilqa' l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2021 li jenfasizzaw il-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq u r-rwol tal-awtoritajiet doganali; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kontrolli u s-sorveljanza tas-suq u jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-fruntieri u tad-dwana ta' Stati Membri oħra biex jipprevjenu d-dħul fis-suq intern ta' prodotti li fihom l-asbestos illegali; jisħaq fuq l-importanza tal-appoġġ u tal-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sostenibbli għaż-żarmar tal-bastimenti fl-Unjoni f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari l-Ġdid sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq is-saħħa tal-ħaddiema minħabba l-esponiment għall-asbestos meta jiġu żarmati l-bastimenti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura standards għoljin għall-protezzjoni tal-ħaddiema mill-esponiment għall-asbestos f'faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti approvati mill-Unjoni f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tniedi studju li janalizza l-iskala tal-importazzjonijiet illegali fl-Unjoni ta' prodotti u materjali li fihom l-asbestos, u li jiddeskrivi miżuri potenzjali għat-tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq, li jista' jinkludi l-possibbiltà li jiġi ristrett l-aċċess għall-ittrakkar mal-art, għall-faċilitajiet tal-port u għall-ħżin temporanju fl-Unjoni ta' bastimenti li jġorru l-asbestos li jkun fihom prodotti jew materjali bħala merkanzija fi tranżitu; |
|
57. |
Jistieden lill-Kummissjoni tqis bħala prijorità li l-asbestos krisotil jitniżżel fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam u l-projbizzjoni globali tal-asbestos; jistieden lill-Unjoni taħdem flimkien ma' organizzazzjonijiet internazzjonali biex joħolqu strumenti biex jittimbraw lis-suq tal-asbestos bħala suq tossiku; jistieden lill-Unjoni tintegra l-ġlieda kontra l-asbestos u l-mard relatat mal-asbestos fil-politiki esterni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom, inkluż dak finanzjarju, għall-atturi globali li jaħdmu kontra l-asbestos u l-mard relatat mal-asbestos, inkluża d-WHO; jikkundanna l-investiment finanzjarju fl-industriji tal-asbestos globali; |
|
58. |
Ifakkar li terz tal-persuni fir-reġjun Ewropew tad-WHO jgħixu f'pajjiżi li għadhom ma pprojbewx l-użu tal-forom kollha ta' asbestos (32); jirrimarka li 16-il pajjiż Ewropew għadhom jużaw l-asbestos, b'mod partikolari bħala materjal tal-bini, u għadhom jipproduċuh u jesportawh; |
Aspetti finanzjarji
|
59. |
Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implikazzjonijiet finanzjarji tat-talbiet tal-Parlament f'konformità mal-paragrafi 17 u 18 ta’ din ir-Riżoluzzjoni u l-punt 3 tal-Anness I; |
o
o o
|
60. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet fl-Anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill. |
(1) ĠU L 330, 16.12.2009, p. 28.
(2) ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.
(3) ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.
(4) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50.
(5) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 102.
(6) Testi adottati, P9_TA(2021)0074.
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0201.
(8) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/BRIE/2016/581397/EPRS_BRI(2016)581397_EN.pdf.
(9) https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/asbestos-elimination-of-asbestos-related-diseases.
(10) https://publications.iarc.fr/Book-And-Report-Series/Iarc-Monographs-On-The-Identification-Of-Carcinogenic-Hazards-To-Humans/Arsenic-Metals-Fibres-And-Dusts-2012.
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(12) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1005 tat-22 ta' Ġunju 2016 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-fibri tal-asbestos (krisotilu) ( ĠU L 165, 23.6.2016, p. 4 ).
(13) Understanding a Man-Made Epidemic: The Relation between Historical Asbestos Consumption and Mesothelioma Mortality in Belgium, Van den Borre, Laura & Deboosere, Patrick, Tijdschrift voor Sociale en Economische Geschiedenis, 2017.
(14) Bakan and Nur Dilekb, Current Opinion in Pulmonary Medicine, 2014.
(15) https://www.etui.org/sites/default/files/Web-executive%20summary-cancer-final.pdf
(16) Testi adottati, P9_TA(2020)0371.
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi (riformulazzjoni) (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60).
(18) http://www.ibasecretariat.org/alpha_ban_list.php; https://wits.worldbank.org/trade/comtrade/en/country/ALL/year/2019/tradeflow/Imports/partner/WLD/product/252400
(19) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(20) https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/E-8-2018-000862-ASW_EN.html
(21) The health impact of nonoccupational exposure to asbestos: what do we know? (L-impatt fuq is-saħħa tal-esponiment mhux okkupazzjonali għall-asbestos: x'nafu?) ( mis-sit web ta’ nih.gov)
(22) Washington State Department of Health (2009), Advisory for Swift Creek Naturally Occurring Asbestos (Konsulenza għal Asbestos li Jinsab fin-Natura fi Swift Creek). United States Environmental Protection Agency, Swift Creek (https://response.epa.gov/site/site_profile.aspx?site_id=3639)
(23) WHO, L-uffiċċju reġjonali għall-Ewropa, Proġett ta' Kooperazzjoni dwar il-Parametri tal-Ilma tax-Xorb “Appoġġ għar-reviżjoni tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE dwar il-Kwalità tal-Ilma Maħsub għall-Konsum mill-Bniedem (id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb)”, Rakkomandazzjonijiet 2017.
(24) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).
(25) Agostino Di Ciaula, Valerio Gennaro. Rischio clinico da ingestione di fibre di amianto in acqua potabile. Epidemiologia&Prevenzione, https://epiprev.it/3608
(26) https://ec.europa.eu/environment/water/water-drink/pdf/20171215_EC_project_report_final_corrected.pdf – punt 13.1
(27) WHO, Asbestos: elimination of asbestos-related diseases (Asbestos: l-eliminazzjoni ta' mard relatat mal-asbestos), 2018.
(28) Furuya, Sugio; Chimed-Ochir, Odgerel; Takahashi, Ken; David, Annette; Takala, Jukka. 2018. “Global Asbestos Disaster” (Id-diżastru globali tal-asbestos) Int. J. Environ. Res. Public Health 15, Nru. 5: 1000. https://doi.org/10.3390/ijerph15051000
(29) Ir-rapport xjentifiku tal-ECHA għall-evalwazzjoni tal-valuri limitu għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol, l-1 ta' Frar 2021.
(30) Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2003) 3297 tad-19 ta' Settembru 2003 dwar l-iskeda Ewropea tal-mard okkupazzjonali (ĠU L 238, 25.9.2003, p. 28).
(31) Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).
(32) https://www.euro.who.int/en/media-centre/sections/press-releases/2015/04/at-least-one-in-three-europeans-can-be-exposed-to-asbestos-at-work-and-in-the-environment
ANNESS I GĦAL RIŻOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Direttiva qafas Ewropea għall-istrateġiji nazzjonali għat-tneħħija tal-asbestos
Il-Parlament Ewropew jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta, wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali kif previst fl-Artikolu 154, abbażi tal-Artikolu 152(2) u l-Artikolu 192 tat-TFUE, proposta għal direttiva qafas li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-istrateġiji nazzjonali għat-tneħħija tal-asbestos, filwaqt li tqis tal-anqas l-elementi li ġejjin:
|
(1) |
valutazzjoni li tagħti stima tal-kwantitajiet u t-tipi predominanti ta' materjali li fihom l-asbestos li għandhom jitneħħew mill-bini u l-infrastruttura fi Stat Membru jew reġjun; |
|
(2) |
skeda ta' żmien għat-tneħħija tal-asbestos, inkluż il-prijoritizzazzjoni ta' ċertu bini – bħal skejjel, faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, ċentri sportivi jew tal-akkomodazzjoni soċjali – l-istadji importanti, u l-evalwazzjonijiet regolari tal-progress li jkun sar tal-anqas kull 5 snin; |
|
(3) |
qafas finanzjarju, ibbażat fuq l-użu tal-fondi tal-ESI, għall-għoti ta' appoġġ lis-sidien tal-bini u għalhekk l-irbit tat-tneħħija tal-asbestos ma' politiki u programmi pubbliċi oħra (bħall-effiċjenza enerġetika, it-titjib fl-ambjent tal-għajxien, l-akkomodazzjoni soċjali, il-prevenzjoni tal-mard) għal raġunijiet ta' effiċjenza u użu ta' sinerġiji; |
|
(4) |
kriterji minimi għar-reġistri diġitali nazzjonali tal-asbestos, li għandhom jimmappjaw l-asbestos kollu eżistenti fi Stat Membru jew reġjun, inkluż tal-anqas ir-rekwiżiti li ġejjin:
|
|
(5) |
rabta mar-regolamenti nazzjonali rilevanti kollha applikabbli dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, f'konformità mad-Direttiva 2009/148/KE; |
|
(6) |
pjan għar-rimi sikur, immonitorjat u ddokumentat tal-iskart li fih l-asbestos li jiżgura d-disponibbiltà ta' faċilitajiet adegwati tal-iskart f'konformità mal-prattiki nazzjonali; il-pjan għandu jinkludi soluzzjoni għas-separazzjoni sħiħa taċ-ċikli tal-iskart f'konformità mal-prinċipju ta' kontaminazzjoni żero tal-asbestos f'ċikli tal-iskart li jipprevjenu l-użu mill-ġdid ta' materjali tal-kostruzzjoni u li jiżguraw il-protezzjoni massima tal-ħaddiema fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari u ħżin ambjentalment sikur tal-iskart tal-asbestos skont l-aqwa teknoloġiji disponibbli; |
|
(7) |
strateġija għall-kontroll u l-infurzar tal-miżuri previsti fid-direttiva qafas, inklużi kampanji ta' sensibilizzazzjoni, miżuri ta' bini tal-kapaċitajiet ta' akkumpanjament għall-SMEs, spezzjonijiet u penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta' nuqqas ta' konformità; |
|
(8) |
l-involviment mill-qrib tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra bħall-assoċjazzjonijiet tal-vittmi tal-asbestos u l-istituzzjonijiet nazzjonali ta' prevenzjoni għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, fit-traspożizzjoni, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tad-Direttiva 2009/148/KE. |
ANNESS II GĦAL RIŻOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Aġġornament tad-Direttiva 2009/148/KE
Il-Parlament Ewropew jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta, wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali kif previst fl-Artikolu 154, abbażi tal-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE, proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 2009/148/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:
|
1. |
L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:
|
|
2. |
L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:
|
|
3. |
L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej (6): “Artikolu 5 […] Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità dwar il-marketing u l-użu tal-asbestos, attivitajiet li jesponu lill-ħaddiema għall-fibri tal-asbestos matul l-estrazzjoni ta' asbestos jew il-manifattura u l-ipproċessar ta' prodotti tal-asbestos jew il-manifattura u l-ipproċessar ta' prodotti li jkun fihom asbestos miżjud apposta għandhom ikunu projbiti, bl-eċċezzjoni tat-trattament u d-disponiment ta' prodotti li jirriżultaw mit-twaqqigħ u t-tneħħija tal-asbestos. Il-partijiet u l-materjali li fihom l-asbestos li diġà jkunu qed jintużaw għandhom jitneħħew u jintremew b'mod sikur, meta jkun teknikament fattibbli, u ma għandhomx jissewwew, jinżammu, jiġu ssiġillati jew jitgħattew. Materjali li fihom l-asbestos li ma jistgħux jitneħħew fi żmien qasir għandhom jiġu identifikati, irreġistrati u mmonitorjati regolarment .” |
|
4. |
Fl-Artikolu 6, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej (7):
|
|
5. |
L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:
|
|
6. |
L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej (12): “Artikolu 8 Min iħaddem għandu jassigura li ebda ħaddiem ma jiġi espost għall-konċentrazzjoni ta' asbestos fl-arja li teċċedi ż- 0,001 fibri kull cm3 (1 000 fibra kull m3) fi kwalunkwe mument matul il-proċess tax-xogħol .” |
|
7. |
Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej (13): “1. Fejn il-limitu preskritt fl-Artikolu 8 jinqabeż jew ikun hemm raġuni biex wieħed jemmen li l-materjali li fihom l-asbestos u li ma ġewx identifikati qabel ix-xogħol ikunu ġew disturbati b'mod li ġie ġġenerat it-trab, ix-xogħol irid jieqaf immedjatament . Ir-raġunijiet għaliex il-limitu jkun inqabeż għandhom jiġu identifikati u miżuri xierqa biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni għandhom jittieħdu mill-aktar fis possibbli. M'għandux jibqa' jsir xogħol fiż-żona affettwata sakemm ma jkunux ittieħdu l-miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-ħaddiema interessati.” |
|
8. |
L-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej (14): “Artikolu 11 Qabel ma jinbeda xogħol ta' twaqqigħ jew manutenzjoni, jew xogħlijiet ta' rinnovazzjoni fuq bini mibni qabel l-2005 jew qabel is-sena ta' projbizzjoni nazzjonali tal-asbestos ekwivalenti, skont liema tkun l-ewwel, il-bini għandu jiġi skrinjat biex jiġu identifikati l-materjali kollha li fihom l-asbestos, f'konformità mar-rekwiżiti tal-Parti 6 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 305/2011. L-iskrinjar għandu jitwettaq minn operatur jew awtorità kkwalifikati u ċċertifikati, filwaqt li jitqiesu l-Artikoli 14 u 15 ta' din id-Direttiva, u d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-bini. L-Istati Membri għandhom jirregolaw id-dettalji tal-esplorazzjonijiet u l-investigazzjonijiet għas-sejbien ta' materjali li fihom l-asbestos, f'konformità mar-regolamenti nazzjonali tagħhom dwar il-bini. Meta n-nuqqas totali tal-asbestos ma jkunx jista' jiġi garantit, ix-xogħlijiet għandhom isiru f'konformità mal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta l-asbestos ikun preżenti.” |
|
9. |
Fl-Artikolu 12, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej (15): “Fil-każ ta' ċerti attivitajiet bħal xogħolijiet ta' twaqqigħ jew it-tneħħija ta' asbestos […] , li fir-rigward tagħhom ikun previst li l-limitu tal-valur stipulat fl-Artikolu 8 jinqabeż minkejja l-użu tal-miżuri tekniċi preventivi kollha possibbli għall-illimitar ta' konċentrazzjoni ta' asbestos fl-arja, min iħaddem għandu jistabbilixxi l-miżuri maħsuba biex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-ħaddiema waqt li jkunu qed jaħdmu f'dawk l-attivitajiet, b'mod partikolari dan li ġej:
|
|
10. |
Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej (16): “1. Għandu jitfassal pjan ta' xogħol qabel ma jinbeda kwalunkwe xogħol b'rabta mal-asbestos .” |
|
11. |
Fl-Artikolu 14, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej (17): “2. Il-kontenut tat-taħriġ għandu jkun jiftiehem faċilment mill-ħaddiema. Għandu jippermettilhom li jiksbu l-għarfien u l-kapaċitajiet meħtieġa f'termini ta' prevenzjoni u sigurtà, f'konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti applikabbli fl-Istati Membri fejn isir ix-xogħol. 3. Rekwiżiti minimi obbligatorji għall-kontenut, it-tul ta' żmien, l-intervalli u d-dokumentazzjoni tat-taħriġ huma speċifikati fl-Anness 1a.” |
|
12. |
L-Artikolu 15 huwa sostitwit b'dan li ġej (18): “Artikolu 15 1. Impriżi li jkollhom l-intenzjoni li jwettqu xogħol ta' twaqqigħ jew tneħħija tal-asbestos għandu jkollhom l-obbligu li jiksbu, qabel il-bidu tax-xogħlijiet, permess li jkun jista' jiġġedded mill-awtorità kompetenti. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu tali permessi jekk l-impriża applikanti toffri prova ta' tagħmir tekniku mill-aktar avvanzat u adegwat għal proċeduri tax-xogħol mingħajr emissjonijiet jew, fejn dan ma jkunx għadu teknikament possibbli, proċeduri ta' xogħol b'emissjonijiet baxxi f'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6, u ċertifikati tat-taħriġ għall-ħaddiema individwali tagħhom f'konformità mal-Artikolu 14 u l-Anness 1a. 2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu permessi lill-impriżi biss jekk ma jkollhom l-ebda dubju dwar l-affidabbiltà tal-impriża u l-ġestjoni tagħha. Il-permessi għandhom ikunu jistgħu jiġġeddu kull ħames snin, f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. 3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistri pubbliċi tal-impriżi awtorizzati li jneħħu l-asbestos skont il-paragrafu 1. ” |
|
13. |
Fl-Artikolu 16, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej (19): “1. Fir-rigward tal-attivitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 3(1)[…], għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li:
|
|
14. |
Fl-Artikolu 17(2), il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej (20): “2. Barra mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1[…], għandhom jittieħdu miżuri xierqa li jiżguraw li:” |
|
15. |
L-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:
|
|
16. |
Jiddaħħal l-artikolu li ġej: “ Artikolu 18c Sa … [5 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva emendatorja] u kull ħames snin wara, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta s-sħab soċjali, tirrieżamina l-istat teknoloġiku u xjentifiku tat-teknoloġija tal-identifikazzjoni, tal-kejl jew tat-twissija tal-asbestos u toħroġ linji gwida għal meta tali teknoloġija għandha tintuża sabiex tħares lill-ħaddiema mill-espożizzjoni għall-asbestos .” |
|
17. |
Fl-Artikolu 19, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej (23): “1. Bla ħsara għall-Artikolu 3[…], għandhom jittieħdu l-miżuri msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4.” |
|
18. |
L-Artikolu 21 huwa sostitwit b'dan li ġej (24): “Artikolu 21 1. L-Istati Membri għandhom iżommu reġistru tal-każijiet kollha magħrufa ta' mard okkupazzjonali relatat mal-asbestos. Lista indikattiva ta' mard li jista' jkun ikkawżat minn espożizzjoni għall-asbestos skont l-għarfien attwali hija stabbilita fl-Anness 1b. 2. It-terminu ‘każijiet magħrufa’ msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux ikun limitat għal każijiet li għalihom jingħata kumpens, iżda għandu jirreferi għall-każijiet kollha ta' mard relatat mal-asbestos li tkun saritlu dijanjożi medika.” |
|
19. |
Jiddaħħal l-artikolu li ġej: “Artikolu 21a F'każ ta' nar, l-informazzjoni kollha eżistenti dwar il-preżenza u l-post tal-asbestos għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pumpiera u tas-servizzi tal-emerġenza.” |
|
20. |
Jiddaħħlu l-annessi li ġejjin: “Anness 1a REKWIŻITI MINIMI OBBLIGATORJI GĦAT-TAĦRIĠ Il-ħaddiema kollha li jkunu, jew li x'aktarx ikunu, esposti għat-trab mill-asbestos jew materjali li fihom l-asbestos, għandhom jirċievu taħriġ obbligatorju, li jinkludi tal-anqas ir-rekwiżiti minimi li ġejjin:
Anness 1b LISTA TA' MARD RELATAT MAL-ASBESTOS L-għarfien attwali jindika li l-esponiment għall-fibri tal-asbestos jista' tal-anqas iwassal għall-mard okkupazzjonali relatat mal-asbestos li ġej u li l-Istati Membri għalhekk għandhom jintroduċu fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tagħhom:
l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer innotat assoċjazzjonijiet pożittivi bejn l-esponiment għall-asbestos u l-mard li ġej:
|
(1) It-test eżistenti huwa kif ġej:
“1. Din id-Direttiva tapplika għall-attivitajiet li fihom il-ħaddiema huma jew jistgħu jkunu esposti waqt xogħolhom għat-trab li jiġi mill-asbestos jew materjali li fihom l-asbestos.”
(2) Il-paragrafu 3 imħassar huwa kif ġej:
“3. Sakemm l-espożizzjoni tal-ħaddiema tkun sporadika u ta' intensità baxxa, u meta jkun ċar mir-riżultati tal-istima tar-riskju msemmija fil-paragrafu 2 li l-limitu tal-espożizzjoni għall-asbestos m'għandux jinqabeż fl-arja taż-żona tax-xogħol, l-Artikoli 4, 18 u 19 jistgħu ma jiġux applikati meta x-xogħol jinvolvi:
|
(a) |
attivitajiet ta' manutenzjoni qosra, mhux kontinwi li fihom jintmissu biss materjali li li ma jinkisrux malajr; |
|
(b) |
it-tneħħija mingħajr deterjorazzjoni ta' materjali mhux degradati li fihom il-fibri tal-asbestos huma mqabbda sew mal-matriċi; |
|
(c) |
enkapsulazzjoni jew issiġillar ta' materjali li jkun fihom l-asbestos li huma f'kondizzjoni tajba; |
|
(d) |
monitoraġġ u kontroll tal-arja, u l-kampjunament biex jiġi aċċertat jekk materjal speċifiku jkunx fih l-asbestos.” |
(3) It-test eżistenti huwa kif ġej:
“4. L-Istati Membri għandhom, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, skont il-liġi u l-prattika nazzjonali jippreskrivu linji gwida prattiċi għall-istabbiliment ta' espożizzjoni sporadika u ta' intensità baxxa, hekk kif provdut fil-paragrafu 3.”
(4) It-test eżistenti huwa kif ġej:
“1. Bla ħsara għall-Artikolu 3(3), għandhom jittieħdu l-miżuri previsti fil-paragrafi 2 sa 5.”
(5) It-test eżistenti huwa kif ġej:
“3. In-notifika skont il-paragrafu 2 għandha tintbagħat minn min iħaddem lill-awtorità responsabbli tal-Istat Membru, qabel ma jinbeda x-xogħol, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali.
Din in-notifika għandha tinkludi tal-anqas deskrizzjoni qasira ta':
|
(a) |
fejn jinsab s-sit tax-xogħol; |
|
(b) |
it-tip u l-kwantitajiet ta' asbestos użati jew immaniġġjati; |
|
(c) |
l-attivitajiet u l-proċessi involuti; |
|
(d) |
in-numru ta' ħaddiema involuti; |
|
(e) |
id-data tal-bidu tax-xogħol u t-tul ta' żmien; |
|
(f) |
miżuri meħuda biex jillimitaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-asbestos.” |
(6) It-test eżistenti huwa kif ġej:
“L-applikazzjoni tal-asbestos bi proċess ta' traxxix u proċeduri ta' xogħol li jinvolvu l-użu ta' materjali iżolanti jew li jwaqqfu l-ħoss ta' densità baxxa (anqas minn 1 g/ċm3) li jkun jinsab fihom l-asbestos huma pprojbiti.
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità dwar il-marketing u l-użu tal-asbestos, attivitajiet li jesponu lill-ħaddiema għall-fibri tal-asbestos matul l-estrazzjoni ta' asbestos jew il-manifattura u l-ipproċessar ta' prodotti tal-asbestos jew il-manifattura u l-ipproċessar ta' prodotti li jkun fihom asbestos miżjud apposta għandhom ikunu projbiti, bl-eċċezzjoni tat-trattament u d-disponiment ta' prodotti li jirriżultaw mit-twaqqigħ u t-tneħħija tal-asbestos.”
(7) It-test eżistenti huwa kif ġej:
|
“(b) |
il-proċessi tax-xogħol għandhom ikunu disinjati biex ma jipproduċux trab tal-asbestos jew, jekk dan ikun impossibbli, li jiġi evitat ir-rilaxx ta' trab tal-asbestos fl-arja;” |
(8) It-test eżistenti huwa kif ġej: “1. Skond ir-riżultati tal-stima inizjali tar-riskju, u sabiex tiġi assigurata konformità mal-limitu preskritt fl-Artikolu 8, il-kejl tal-fibri tal-asbestos fl-arja fil-post tax-xogħol għandu jitwettaq regolarment.”
(9) It-test eżistenti huwa kif ġej: “2. Il-kampjunament għandu jkun rappreżentattiv tal-espożizzjoni personali tal-ħaddiema għal trab li joħroġ mill-asbestos jew materjali li jkun fihom l-asbestos.”
(10) It-test eżistenti huwa kif ġej: “5. It-tul ta' żmien tal-kampjunament għandu jkun tali li espożizzjoni rappreżentattiva tista' tiġi stabbilita għal perjodu ta' referenza ta' tmien sigħat (xift wieħed) permezz ta' kejl jew kalkolazzjonijiet peżati skont il-ħin.”
(11) It-test eżistenti huwa kif ġej: “6. L-għadd tal-fibri għandu jitwettaq kull fejn possibbli permezz ta' phase-contrast microscope (PCM) skont il-metodu rakkomandat tal-1997 mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jew xi metodu ieħor li jagħti riżultati ekwivalenti.”
(12) It-test eżistenti huwa kif ġej: “Min iħaddem għandu jassigura li ebda ħaddiem ma jiġi espost għall-konċentrazzjoni ta' asbestos fl-arja li teċċedi ż- 0,1 fibri kull cm3 fuq medja ta' perjodu ta' tmien sigħat peżat skont il-ħin (TWA).”
(13) It-test eżistenti huwa kif ġej:
“1. Fejn il-limitu preskritt fl-Artikolu 8 jinqabeż, ir-raġunijiet għaliex il-limitu jkun inqabeż għandhom jiġu identifikati u miżuri adattati biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni għandom jittieħdu mill-aktar fis possibbli.
Ma jistax jibqa' jsir xogħol fiż-żona affettwata sakemm ma jkunux ittieħdu l-miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-ħaddiema interessati.”
(14) It-test eżistenti huwa kif ġej:
“Qabel ma jinbeda xogħol ta' twaqqigħ jew manutenzjoni, min iħaddem għandu jieħu, fejn xieraq, billi jikseb informazzjoni mis-sidien tal-post, il-passi kollha meħtieġa biex jidentifika materjali li huwa maħsub li fihom l-asbestos.
Jekk ikun hemm xi dubju dwar il-preżenza ta' asbestos f'materjal jew kostruzzjoni, id-dispożizzjonijiet applikabbli ta' din id-Direttiva għandhom jiġu osservati.”
(15) It-test eżistenti huwa kif ġej:
“Fil-każ ta' ċerti attivitajiet bħal xogħolijiet ta' twaqqigħ, tneħħija, tiswija u manutenzjoni li fir-rigward tagħhom ikun prevvist li l-limitu tal-valur stipulat fl-Artikolu 8 jinqabeż minkejja l-użu ta' miżuri tekniċi preventivi għall-illimitar ta' konċentrazzjoni ta' asbestos fl-arja, min iħaddem għandu jistabbilixxi l-miżuri maħsuba biex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-ħaddiema waqt li jkunu qed jaħdmu f'dawk l-attivitajiet, b'mod partikolari dan li ġej:
|
(a) |
il-ħaddiema għandu jinħarġilhom apparat respiratorju adattat u apparat ieħor personali protettiv, li għandu jintlibes; |
|
(b) |
għandhom jitqiegħdu sinjali ta' twissija li juru li huwa prevvist li l-limitu preskritt fl-Artikolu 8 sejjer jinqabeż; u |
|
(c) |
it-tixrid ta' trab li joħroġ mill-asbestos jew materjali li fihom l-asbestos barra l-post jew is-sit tal-azzjoni għandu jkun evitat.” |
(16) It-test eżistenti huwa kif ġej:
|
“1. |
Għandu jitfassal pjan ta' xogħol qabel ma jinbeda xi xogħol ta' twaqqigħ jew xogħol ta' tneħħija tal-asbestos u/jew ta' prodotti li jkun fihom l-asbestos minn bini, strutturi, impjanti jew installazzjonijiet jew minn vapuri.” |
(17) It-test eżistenti huwa kif ġej:
“2. Il-kontenut tat-taħriġ għandu jkun jiftiehem faċilment mill-ħaddiema. Għandu jippermettilhom li jiksbu l-għerf u l-kapaċitajiet meħtieġa f'termini ta' prevenzjoni u sigurtà, partikolarment fir-rigward ta':
|
(a) |
il-proprjetajiet tal-asbestos u l-effetti tiegħu fuq is-saħħa, inkluż l-effett sinerġiku tat-tipjip; |
|
(b) |
it-tipi ta' prodotti u materjali li x'aktarx ikun fihom l-asbestos; |
|
(c) |
l-operazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw f'espożizzjoni għall-asbestos u l-importanza ta' kontrolli preventivi biex tiġi minimizzata l-espożizzjoni; |
|
(d) |
prattika ta' xogħol bla perikolu, kontrolli u apparat protettiv; |
|
(e) |
ir-rwol xieraq, l-għażla, l-għażla, is-selezzjoni, il-limitazzjonijiet u l-użu kif imiss ta' apparat respiratorju; |
|
(f) |
proċeduri ta' emerġenza; |
|
(g) |
proċeduri ta' dekontaminazzjoni; |
|
(h) |
rimi tal-iskart; |
|
(i) |
ħtiġiet ta' eżami mediku. |
3. Linji gwida prattiċi għat-taħriġ ta' ħaddiema li jneħħu l-asbestos għandhom ikunu żviluppati fil-livell tal-Komunità.”
(18) It-test eżistenti huwa kif ġej: “Qabel ma jitwettaq xogħol ta' twaqqigħ jew tneħħija ta' asbestos, id-ditti għandhom jipprovdu evidenza tal-abbiltà tagħhom f'dan il-qasam. L-evidenza għandha tiġi stabbilita skont il-liġijiet u/jew prattika nazzjonali.”
(19) It-test eżistenti huwa kif ġej:
“1. Fir-rigward tal-attivitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 3(1), u bla ħsara għall-Artikolu 3(3), għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li:
|
(a) |
il-postijiet fejn isiru l-attivitajiet msemmija aktar 'il fuq għandhom:
|
|
(b) |
jitwarrbu żoni fejn il-ħaddiema jistgħu jieklu u jixorbu mingħajr ir-riskju ta' tniġġis mit-trab tal-asbestos; |
|
(c) |
il-ħaddiema jiġu pprovduti b'ilbies tax-xogħol xieraq jew protettiv; dan l-ilbies tax-xogħol jew protettiv jibqa' ġewwa l-impriża; iżda, jista' jinħasel fi stabbilimenti barra l-impriza li huma mgħammra għal dan it-tip ta' xogħol kemm-il darba l-impriża stess ma tagħmilx it-tindif; f'dak il-każ l-ilbies għandu jinġarr f'kontenituri magħluqa; |
|
(d) |
jiġu pprovduti postijiet separati għaż-żamma tal-ilbies tax-xogħol jew protettiv u l-ilbies ta' barra; |
|
(e) |
il-ħaddiema jiġu pprovduti b'faċilitajiet xierqa għall-ħasil u twaletta, inklużi doċoċ fil-każ ta' ħidmiet fit-trab; |
|
(f) |
l-apparat protettiv jitqiegħed f'post definit tajjeb u jiġi kkontrollat u mnaddaf wara kull darba li jintuża u għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jissewwa jew jinbidel apparat difettuż qabel ma jerġa' jintuża.” |
(20) It-test eżistenti huwa kif ġej:
“Barra mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, u bla ħsara għall-Artikolu 3(3), għandhom jittieħdu miżuri xierqa li jiżguraw li:”.
(21) It-test eżistenti huwa kif ġej: “1. Bla ħsara għall-Artikolu 3(3), għandhom jittieħdu l-miżuri mniżżla fil-paragrafi 2 sa 5.”
(22) It-test eżistenti huwa kif ġej:
“2. Għandha tkun disponibbli stima tal-istat tas-saħħa ta' kull ħaddiem qabel ma jibdew ikunu esposti għall-asbestos jew għall-materjali li jkun fihom l-asbestos fuq il-post tax-xogħol.
Dik l-istima għandha tinkludi eżami speċifiku tas-sider. L-Anness I jagħti rakkomandazzjonijiet prattiċi li l-Istati Membri jistgħu jirriferu għalihom għas-sorveljanza klinika tal-ħaddiema. a. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 18a li jemendaw l-Anness I, sabiex jiġi adattat għall-progress tekniku.
Fejn, f’każijiet debitament ġustifikati u eċċezzjonali li jinvolvu riskji imminenti, diretti u serji għas-saħħa u s-sikurezza fiżiċi tal-ħaddiema u ta’ persuni oħra, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jeħtieġu azzjoni f’perijodu qasir ħafna ta’ żmien, il-proċedura prevista fl-Artikolu 18b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.
Stima ġdida għandha tkun disponibbli mill-inqas darba kull tliet snin sakemm tkompli l-espożizzjoni.
Għandu jitwaqqaf rekord individwali tas-saħħa, skont il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali għal kull ħaddiem imsemmija fl-ewwel subparagrafu.”
(23) It-test eżistenti huwa kif ġej: “1. Bla ħsara għall-Artikolu 3(3) għandhom jittieħdu l-miżuri msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4.”
(24) It-test eżistenti huwa kif ġej: “L-Istati Membri jridu jżommu reġistru tal-każijiet kollha magħrufa ta' asbestożi u tal-mesoteljoma.”
ANNESS III GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Ir-rikonoxximent u l-kumpens tal-mard relatat mal-asbestos
Il-Parlament Ewropew jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta, wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali kif previst fl-Artikolu 154, abbażi tal-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE, proposta għal direttiva li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għar-rikonoxximent tal-mard okkupazzjonali, inkluż il-mard kollu relatat mal-asbestos, u kumpens adegwat għall-individwi kkonċernati. Il-proposta mill-Kummissjoni għandha tal-anqas tqis l-elementi li ġejjin:
|
(1) |
lista ta' mard okkupazzjonali li jikkwalifika għal kumpens u soġġett għal miżuri preventivi li għandhom jiġu rikonoxxuti mill-Istati Membri u jkunu mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali aktar favorevoli, abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2003 dwar l-iskeda Ewropea tal-mard okkupazzjonali, u aġġornata skont l-aktar għarfien xjentifiku reċenti disponibbli; |
|
(2) |
l-istabbiliment ta' punti uniċi ta' kuntatt bħala punti ta' kuntatt għall-individwi kkonċernati li jittrattaw il-kwistjonijiet kollha dwar il-mard okkupazzjonali; |
|
(3) |
l-istabbiliment ta' funzjoni nazzjonali, bħal ombudsperson biex jassisti lill-vittmi tal-mard okkupazzjonali fi proċeduri ta' rikonoxximent kif ukoll iż-żieda fl-appoġġ u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma', fost l-oħrajn, trade unions u assoċjazzjonijiet tal-vittmi fir-rigward tal-proċeduri ta' rikonoxximent; |
|
(4) |
li jinqaleb l-oneru tal-provi għar-rikonoxximent tal-mard okkupazzjonali jew tal-anqas is-simplifikazzjoni effettiva tiegħu, pereżempju billi jiġi previst li fejn l-esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol jista' jiġi stabbilit b'mod raġonevoli, tista' tiġi preżunta rabta bejn l-esponiment u s-sintomi sussegwenti; |
|
(5) |
dispożizzjonijiet għal kumpens adegwat ta' mard okkupazzjonali rikonoxxut. |
ANNESS IV GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Aġġornament tad-Direttiva 2010/31/UE – L-iskrinjar tal-asbestos qabel xogħlijiet ta' rinnovazzjoni tal-enerġija
Il-Parlament Ewropew jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 194(2) tat-TFUE, proposta għal emenda għad-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, abbażi tar-rakkomandazzjoni li ġejja:
L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 7
Bini eżistenti
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li meta xi bini jgħaddi minn rinovazzjoni maġġuri, ir-rendiment tal-bini jew tal-parti minnu rinovata fl-użu tal-enerġija tiġi aġġornata sabiex tissodisfa r-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija stabbiliti skont l-Artikolu 4 sa fejn dan ikun teknikament, funzjonalment u ekonomikament vijabbli.
Dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġu applikati għall-bini rinovat jew l-unità tal-bini li jiġi meqjus bħala ħaġa waħda. Addizzjonalment jew alternattivament, jistgħu jiġu applikati rekwiżiti għall-elementi rinovati tal-bini.
Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li meta element tal-bini li jifforma parti mill-involukru tal-bini u għandu impatt sinifikanti fuq ir-rendiment tal-involkru tal-bini fl-użu tal-enerġija, meta jkun ġie irranġat jew mibdul, ir-rendiment tal-element ta' bini fl-użu tal-enerġija tissodisfa r-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija sa fejn dan huwa teknikament, funzjonalment u eknomikament vijabbli.
L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw dawn il- prestazzjonijiet minimi tal--enerġija skont l-Artikolu 4.
L-Istati Membri għandhom iħeġġu, fir-rigward ta' bini li tkunqed issirlu rinnovazzjoni maġġuri, sistemi alternattivi b'effiċjenza għolja, sa fejn dan ikun teknikament, funzjonalment u ekonomikament fattibbli, u għandhom jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' kondizzjonijiet klimatiċi ta' ġewwa tajbin għas-saħħa, is-sikurezza kontra n-nirien u riskji relatati ma' attività sismika qawwija.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu obbligatorju l-iskrinjar tal-bini għall-asbestos u materjali perikolużi oħra qabel il-bidu tax-xogħlijiet ta' rinnovazzjoni. Ir-riżultat tal-iskrinjar għandu jiġi rrappurtat f'ċertifikat li jispeċifika l-preżenza jew l-assenza tal-asbestos jew ta' materjali perikolużi oħra. Fl-ewwel każ, iċ-ċertifikat għandu jispeċifika t-tipi ta' materjali li jkun fihom tali sustanzi u l-post eżatt tagħhom. Meta r-riżultat tal-esplorazzjoni u l-investigazzjonijiet ma jkunx jista' jeskludi l-preżenza tal-asbestos f'materjal, il-prinċipju ta' prekawzjoni għandu japplika. It-tneħħija u r-rimi ta' materjali li ser jiġu affettwati mir-rinnovazzjoni għandhom isiru b'mod ordnat u sikur f'konformità mad-Direttiva 2009/148/KE, ir-Regolament (UE) Nru 305/2011, u ma' atti leġiżlattivi rilevanti oħra. ”
ANNESS V GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
L-iskrinjar tal-asbestos ta' bini għall-bejgħ jew għall-kiri
Il-Parlament Ewropew jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 169(3) u l-Artikolu 114(1) tat-TFUE, proposta għal direttiva li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikati tal-asbestos għall-bini mibni qabel l-2005 jew qabel is-sena tal-projbizzjoni nazzjonali tal-asbestos ekwivalenti, tkun liema tkun l-ewwel, u li jinbiegħ jew jinkera. Il-proposta għandha tikkunsidra bħala minimu l-elementi li ġejjin:
|
(1) |
obbligu għas-sidien tal-bini (pubbliku u privat) mibni qabel l-2005 jew qabel is-sena ta' projbizzjoni nazzjonali tal-asbestos ekwivalenti, tkun liema tkun l-ewwel, li jikkummissjonaw skrinjar tal-bini biex isibu u jidentifikaw il-preżenza jew l-assenza tal-materjali li fihom l-asbestos qabel ma jinbiegħ jew jinkera l-bini (jew parti minnu); |
|
(2) |
l-iskrinjar għandu jsir biss minn operaturi ċċertifikati, f'konformità mad-Direttiva 2009/148/KE, mal-liġi u l-prattika nazzjonali, u taħt is-superviżjoni ta' korp nazzjonali kompetenti; |
|
(3) |
sabiex l-utenti jew l-okkupanti jiġu protetti bl-aktar mod effettiv possibbli, l-iskrinjar u, jekk meħtieġ, it-tneħħija, jew jekk teknikament mhux possibbli, l-inkapsulament, għandhom jitwettqu minn operaturi kkwalifikati u ċċertifikati f'konformità mad-Direttiva 2009/148/KE u l-liġi u l-prattika nazzjonali, u taħt is-superviżjoni ta' korp nazzjonali kompetenti; |
|
(4) |
l- operatur iċċertifikat għandu jikkomunika r-riżultati tal-iskrinjar lis-sid u korp nazzjonali kompetenti (punt uniku ta' kuntatt) għandu joħroġ ċertifikat irreġistrat f'reġistru nazzjonali msemmi fil-punt (5) u jagħti informazzjoni u pariri lis-sidien dwar il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, inkluż dwar it-tneħħija korretta u sikura tal-asbestos identifikat, u l-appoġġ finanzjarju disponibbli mill-fondi SIE rilevanti; |
|
(5) |
iċ-ċertifikati tal-asbestos għandu jkun fihom ir-riżultat tal-iskrinjar, inkluża lista tat-tipi ta' materjali li jkun fihom l-asbestos misjuba, il-post eżatt fejn jinsabu, l-istat attwali tagħhom ta' konservazzjoni flimkien ma' notifika tax-xogħol u s-sorveljanza meħtieġa biex jiġi evitat dannu għas-saħħa tal-okkupanti, kunċett għat-tneħħija sikura u informazzjoni dwar żoni potenzjali tal-bini li ma kienx possibbli li jiġu skrinjati jew fejn l-investigazzjonijiet ma jistgħux jeskludu l-preżenza tal-asbestos; |
|
(6) |
iċ-ċertifikat li jispeċifika l-preżenza tal-asbestos għandu jkollu perjodu ta' validità adegwat li jirrifletti s-sorveljanza meħtieġa, sabiex tiġi evitata multiplikazzjoni tal-iskrinjar; |
|
(7) |
iċ-ċertifikati għandhom jiġu integrati fir-reġistri eżistenti tal-asbestos, magħmula disponibbli għall-kumpaniji u għall-ħaddiema li jwettqu xogħlijiet fil-bini, annessi ma' kwalunkwe ftehim ta' bejgħ relatat mal-proprjetà u magħmula disponibbli għal kwalunkwe inkwilin tal-proprjetà; |
|
(8) |
għandhom jiġu stabbiliti multi effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-bejjiegħa u l-kerrejja ta' bini li ma jikkummissjonawx l-iskrinjar preskritt u jirrappurtawh lill-korp kompetenti qabel ma jbigħu jew jikru l-proprjetà; |
|
(9) |
reġimi ta' responsabbiltà adegwati għandhom jiġu stabbiliti f'każ ta' nuqqas ta' konformità. |
Il-korp nazzjonali kompetenti għandu jippubblika lista ta' operaturi ċċertifikati, kif imsemmi fil-punt (2) tal-ewwel paragrafu.