24.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/205


P9_TA(2021)0421

Is-sitwazzjoni umanitarja fit-Tigray

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fit-Tigray (2021/2902(RSP))

(2022/C 132/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja (1),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Ġunju 2021 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, u tal-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Janez Lenarčič, dwar il-qtil ta' tliet ħaddiema umanitarji fit-Tigray,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-24 ta' Ġunju 2021 tal-VP/RGħ u tal-Kummissarju Lenarčič dwar l-attakk mill-ajru fir-reġjun tat-Tigray,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' Ottubru 2021 mill-VP/RGħ f'isem l-Unjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni li seba' uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti jitkeċċew,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Ġunju 2021 mill-UE u l-Istati Uniti wara d-diskussjoni madwar mejda dwar l-emerġenza umanitarja fit-Tigray,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta' Lulju 2021 dwar l-Etjopja,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 47/13 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-13 ta' Lulju 2021 bit-titlu “Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tat-Tigray fl-Etjopja”,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2417 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-24 ta' Mejju 2018 li tikkundanna bħala metodu tal-gwerra t-tattika li biha l-popolazzjoni ċivili titħalla bil-ġuħ u ċ-ċaħda illegali tal-aċċess umanitarju għall-popolazzjonijiet ċivili,

wara li kkunsidra l-kummenti tas-26 ta' Awwissu 2021 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, għal-laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Etjopja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' Settembru 2021 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Settembru 2021 mill-President Joe Biden dwar id-Digriet Eżekuttiv rigward il-kriżi fl-Etjopja,

wara li kkunsidra l-kummenti tat-30 ta' Settembru 2021 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, wara t-tkeċċija ta' seba' uffiċjali tan-NU mill-Etjopja,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Etjopja, adottata fit-8 ta' Diċembru 1994, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tlieta dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet demokratiċi,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Pajżani fi żmien ta' Gwerra, u l-Protokolli Addizzjonali tal-1977 u l-2005 tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar ir-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2286 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-3 ta' Mejju 2016 dwar il-protezzjoni tal-midruba u l-morda, il-persunal mediku u l-persunal umanitarju f'kunflitti armati,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 47/13 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-13 ta' Lulju 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tat-Tigray tal-Etjopja,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Mejju 2021 tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-reġjun tat-Tigray tar-Repubblika Demokratika Federali tal-Etjopja,

wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-11 ta' Marzu 2021 tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u tal-UE dwar id-demokrazija u r-rispett għall-kostituzzjonijiet fil-pajjiżi tal-UE u tal-AKP,

wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International tal-10 ta' Awwissu 2021 bit-titlu “I don't know if they realized I was a person: Rape and other sexual violence in the conflict in Tigray, Ethiopia” (Ma nafx jekk irrealizzawx li jien bniedem: Stupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali fil-kunflitt fit-Tigray, l-Etjopja),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-waqfien mill-ġlied unilaterali ddikjarat mill-Gvern Etjopjan fit-28 ta' Ġunju 2021 ma waqqafx il-ġlied, u l-partijiet fil-kunflitt taw bidu għal offensivi ġodda; billi l-kunflitt issa qed jinfirex għar-reġjuni ġirien tal-Afar u l-Amhara u hemm riskju li l-impatt jinfirex għall-Qarn tal-Afrika kollu; billi dan il-kunflitt ta' 11-il xahar qajjem kriżi kkawżata mill-bniedem u din it-tbatija umana fuq skala wiesgħa tista' tiġi evitata għalkollox;

B.

billi saħansitra qabel ma beda l-ġlied, kien hemm 15,2-il miljun ruħ fi bżonn ta' assistenza umanitarja fl-Etjopja, 2 miljuni minnhom fir-reġjun tat-Tigray; billi kważi miljun ruħ qed jgħixu f'kundizzjonijiet ta' karestija u, billi b'konsegwenza diretta tal-vjolenza, 5,2 miljuni minn 6 miljuni fit-Tigray qed jiffaċċjaw sitwazzjoni ta' nuqqas ta' sigurtà akuta tal-ikel; billi 91 % tal-popolazzjoni għandhom bżonn kbir ħafna ta' għajnuna umanitarja u 100 000 tifel u tifla se jiffaċċjaw malnutrizzjoni akuta serja u potenzjalment fatali matul it-12-il xahar li ġejjin; billi f'Ġunju 2021 in-NU kienu diġà wissew li 5,5 miljun ruħ fit-Tigray u fir-reġjuni ġirien tal-Amhara u tal-Afar kienu fi bżonn ta' għajnuna alimentari u 350 000 kienu qed jiffaċċjaw karestija; billi fir-reġjun tat-Tigray jgħixu 100 000 ruħ spostati u 96 000 rifuġjat Eritrean; billi fih jinsabu diversi kampijiet tar-rifuġjati kbar li, skont l-NGOs, 44 % ta' dawk li jgħixu fihom huma tfal; billi minn Lulju 2021, il-kunflitt ikkawża l-ispostament ta' madwar 1,9 miljun ruħ fit-Tigray;

C.

billi hemm diversi rapporti serji ta' allegazzjonijiet ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, tad-dritt umanitarju u tad-dritt dwar ir-rifuġjati mwettaq mill-partijiet kollha fil-kunflitt; billi dawn ir-rapporti jinkludu attakki fuq persuni ċivili, qtil extraġudizzjarju, tortura, għajbien sfurzat, detenzjonijiet tal-massa, sakkeġġi sistematiċi u l-qerda sistematika u intenzjonata tas-servizzi bażiċi, tas-sistemi tal-ilma, tal-għelejjel u ta' forom ta' għajxien;

D.

billi, minkejja l-impenn espress mill-Gvern Etjopjan li jimpenja ruħu favur l-obbligu ta' rendikont għall-vjolenza sesswali (2), l-istupru u vjolenza sesswali oħra kontra n-nisa u l-bniet għadhom qed jintużaw b'mod wiesa' mill-forzi armati reġjonali Etjopjani, Eritreani u tal-Amhara minbarra t-theddid ta' mewt, l-użu ta' insulti etniċi, u l-ħtif f'kundizzjonijiet ta' skjavitù sesswali; billi l-forzi u l-uffiċjali tal-gvern iffastidjaw u heddew organizzazzjonijiet umanitarji u fornituri nazzjonali tas-saħħa li jappoġġjaw lis-superstiti tal-vjolenza sesswali;

E.

billi kien hemm diversi rapporti ta' qtil extraġudizzjarju mill-bidu tal-kunflitt fit-Tigray, inklużi l-massakri li allegatament seħħew f'Mai-Kadra fil-lejl tad-9 ta' Novembru 2020, f'Axum fit-28 ta' Novembru 2020 u f'Mahbere Dego f'Jannar 2021; billi f'Awwissu 2021, l-awtoritajiet Sudaniżi rrappurtaw li l-iġsma ta' madwar 50 persuna nstabu fix-Xmara Tekeze, li tmiss mal-punent tat-Tigray u s-Sudan; billi nstabet evidenza ta' aktar minn 250 allegat massakru fit-Tigray mill-bidu tal-gwerra ċivili f'Novembru 2020; billi ġie rrappurtat li l-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu tat-Tigray wettaq ukoll qtil extraġudizzjarju fir-reġjuni ġirien tat-Tigray f'Awwissu 2021, bħal f'Chenna u Kobo;

F.

billi skont sorsi kredibbli, kemm il-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu tat-Tigray kif ukoll il-Forza tad-Difiża Nazzjonali Etjopjana wettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tigray; billi l-forzi Eritreani infiltraw fit-Tigray u f'partijiet oħra tal-Etjopja u kienu qed iwettqu wkoll ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-maġġoranza tal-allegazzjonijiet huma relatati ma' ksur imwettaq mill-Forza tad-Difiża Nazzjonali Etjopjana u l-forzi Eritreani;

G.

billi fit-13 ta' Settembru 2021 il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tkellmet dwar ksur ''mill-partijiet kollha''; billi l-UE appoġġjat b'mod konsistenti l-ħidma tal-Kummissarju Għoli Bachelet;

H.

billi r-rapport finali tal-investigazzjoni konġunta mill-Uffiċjal tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni Etjopjana għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja u tar-rifuġjati mwettaq mill-partijiet kollha fil-kunflitt fit-Tigray se jiġi ppubblikat fl-1 ta' Novembru 2021;

I.

billi, minbarra s-sakkeġġ u l-qerda tal-għelejjel, ġew osservati ġradijiet tad-deżert fiż-żona tal-Lbiċ ta' Mekele fit-Tigray; billi l-kunflitt u s-sitwazzjoni umanitarja attwali rrendew l-isforzi għall-prevenzjoni mill-COVID-19 u għat-tilqim kontra l-virus impossibbli f'ħafna żoni;

J.

billi 10 % biss tal-provvisti umanitarji għar-reġjun mifni tat-Tigray tħallew jidħlu fiż-żona matul l-aħħar xahar; billi 100 trakk huma meħtieġa kuljum biex jipprovdu biżżejjed provvisti umanitarji lit-Tigray; billi mit-12 ta' Lulju 2021, 525 trakk biss daħlu fit-Tigray minħabba fruntieri magħluqa, aċċess ikkontrollat mill-forzi armati, il-qerda ta' infrastruttura bħal pontijiet, nuqqas ta' sigurtà għas-sewwieqa, nuqqas kbir ta' fjuwil u flus kontanti biex dawn jirritornaw lejn il-punti tal-provvista u dewmien estiż fl-ikklerjar tal-provvisti umanitarji;

K.

billi l-attakki fuq il-ħaddiema umanitarji huma meqjusa bħala delitt tal-gwerra u delitt kontra l-umanità; billi tliet membri tal-persunal ta' Médecins Sans Frontières inqatlu fil-25 ta' Ġunju 2021 waqt li kienu qed iwasslu l-għajnuna lil dawk li l-aktar jeħtiġuha; billi 23 ħaddiem umanitarju nqatlu fir-reġjun minn Novembru 2020; billi fit-22 ta' Ġunju 2021, forzi tal-Gvern Etjopjan kienu mblokkaw l-ambulanzi milli jirrispondu għal attakk mill-ajru f'suq f'Togoga; billi l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (UNOCHA) irrapporta li fis-17 ta' Ġunju 2021, il-forzi tal-Gvern tal-Eritrea kienu waqqfu u attakkaw tim tat-tilqim f'Asgede Woreda; billi s-sakkeġġ ta' faċilitajiet tas-saħħa huwa rrappurtat li jseħħ ta' spiss fit-Tigray; billi l-forzi u l-uffiċjali tal-Gvern iffastidjaw u heddew organizzazzjonijiet umanitarji u fornituri nazzjonali tas-saħħa li jappoġġjaw lis-superstiti tal-vjolenza sesswali;

L.

billi aktar minn żewġ miljun ruħ ġew spostati minn djarhom; billi ġie rapportat li kważi 76 500 ruħ fl-Afar u madwar 200 000 fl-Amhara ġew spostati wara li l-forzi Tigrayani daħlu f'dawn ir-reġjuni; billi ġie rapportat li 55 000 rifuġjat u persuna li qed ifittxu ażil mill-Etjopja qed ifittxu kenn fis-Sudan;

M.

billi xi kampijiet tar-rifuġjati fit-Tigray inqerdu; billi r-rifuġjati Eritreani li jgħixu fit-Tigray qed jiffaċċjaw sekwestri u ritorni furzati; billi l-kura tas-saħħa mhijiex disponibbli u l-ilma tax-xorb nadif qed jiġi eżawrit fil-kampijiet tar-rifuġjati fit-Tigray;

N.

billi hemm rapporti ta' tfal li ġew reklutati fil-kunflitt mill-partijiet fil-kunflitt, inklużi l-forzi Tigrayani; billi l-użu ta' suldati tfal jikkostitwixxi delitt tal-gwerra;

O.

billi l-awtoritajiet Etjopjani wettqu arresti arbitrarji u kienu responsabbli għall-għajbien furzat ta' Tigrayani etniċi fil-belt kapitali tal-Etjopja, u wettqu abbużi oħra fil-konfront tagħhom bħall-għeluq ta' negozji li s-sidien tagħhom huma Tigrayani; billi l-inċitament għall-mibegħda u d-diskriminazzjoni u l-livelli dejjem jiżdiedu ta' retorika infjammatorja kontra t-Tigray huma evidenti fl-Etjopja kollha, inkluż minn uffiċjali governattivi ta' livell għoli;

P.

billi fit-30 ta' Settembru 2021, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Etjopja ddikjara seba' membri tal-persunal tan-NU (mill-Unicef, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u l-UNOCHA) personae non gratae fl-Etjopja;

Q.

billi kien hemm restrizzjonijiet u waqfien intermittenti tal-internet u tat-telekomunikazzjonijiet fit-Tigray u fir-reġjuni ġirien; billi ġurnalisti ġew attakkati u diversi liċenzji ta' stabbilimenti tal-media ġew sospiżi, u dan ixekkel il-kapaċità li tiġi mmonitorjata s-sitwazzjoni fil-post; billi s-servizzi bażiċi, inklużi l-elettriku u s-servizzi bankarji, għadhom ristretti;

R.

billi l-istat attwali tan-nuqqas ta' stabbiltà fl-Etjopja huwa r-riżultat ta' storja twila ta' diviżjoni etnika u tensjoni etnika;

S.

billi l-unità tal-Etjopja, bħala stat multietniku, hija ta' importanza kbira ħafna għall-istabbiltà tar-reġjun u tal-kontinent Afrikan kollu kemm hu;

T.

billi b'popolazzjoni ta' aktar minn 110 miljun ruħ u l-fatt li tinsab strateġikament qrib il-Qarn tal-Afrika, l-Etjopja hija pajjiż ewlieni fil-kontinent Afrikan u sieħba potenzjali ta' importanza strateġika għall-UE u l-Istati Membri tagħha;

U.

billi bħala d-donatur umanitarju ewlieni fid-dinja, l-UE tkompli tesprimi solidarjetà ma' dawk fil-bżonn permezz tal-finanzjament umanitarju tagħha; billi mill-bidu tal-kunflitt fl-Etjopja, l-UE kompliet tippromwovi b'mod konsistenti aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr xkiel f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

V.

billi l-komunikazzjoni adottata dan l-aħħar dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE tipprevedi t-tisħiħ tal-proċessi li jpoġġu l-promozzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali b'mod konsistenti fil-qalba tal-azzjoni esterna tagħna;

W.

billi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI-Ewropa Globali) iqis l-iżvilupp tal-bniedem, il-governanza u l-konsolidazzjoni tal-paċi fl-Etjopja bħala oqsma ta' prijorità għal azzjoni, b'65 % tal-programm indikattiv pluriennali ddedikat għal dawn l-oqsma;

X.

billi l-Kummissjoni inkludiet azzjonijiet umanitarji b'valur ta' EUR 5 miljun fl-Amhara u fl-Afar sabiex tindirizza l-iżviluppi reċenti tal-kriżi, bħala parti mill-finanzjament umanitarju totali li diġà ġie mobilizzat u kkuntrattat fl-2021, u li jammonta għal EUR 53,7 miljun, biex jiġu appoġġjati l-persuni fil-bżonn fl-Etjopja; billi ġew mobilizzati EUR 118-il miljun għall-assistenza lir-rifuġjati tat-Tigray u tal-Etjopja fis-Sudan; billi b'riżultat tal-kunflitt li għaddej, l-UE pposponiet l-iżborżi tal-appoġġ baġitarju lill-Etjopja;

Y.

billi f'Settembru 2021 l-UE ppruvat torganizza pont umanitarju bl-ajru permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (DĠ ECHO) tal-Kummissjoni sabiex twassal prodotti umanitarji meħtieġa b'mod urġenti lir-reġjun tat-Tigray, iżda ffaċċjat ostakli kbar mill-Gvern Etjopjan; billi b'riżultat ta' dan twettqet titjira ta' pont umanitarju waħda biss tal-UE, bi proporzjon żgħir biss tal-merkanzija umanitarja tagħha kkonsenjata;

Z.

billi fil-21 ta' Ġunju 2021 l-UE ħatret lil Annette Weber bħala r-Rappreżentant Speċjali l-ġdid tal-UE għall-Qarn tal-Afrika; billi wara mandat mill-VP/RGħ, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Finlandiż Pekka Haavisto żar ir-reġjun darbtejn aktar kmieni din is-sena biex jiddiskuti l-kriżi li għaddejja fl-Etjopja u l-impatti reġjonali tagħha;

AA.

billi fis-26 ta' Awwissu 2021, l-Unjoni Afrikana ħatret lill-ex President Niġerjan Olusegun Obasanjo bħala medjatur għall-kunflitt;

AB.

billi f'Diċembru 2018 il-Gvern tal-Etjopja li kien għadu kif inħatar waqqaf il-Kummissjoni għar-Rikonċiljazzjoni Etjopjana u l-Ministeru għall-Paċi; billi s'issa, iż-żewġ istituzzjonijiet naqsu milli jonoraw il-mandati inizjali tagħhom li jinkoraġġixxu l-paċi u jipprevjenu u jsolvu l-kunflitt armat fl-Etjopja fl-ambjent diffiċli wara l-ħolqien tagħhom;

AC.

billi matul il-kunflitt li għaddej, il-Partit għall-Prosperità Etjopjana, immexxi minn Abiy Ahmed, iddikjara lilu nnifsu r-rebbieħ ta' elezzjoni ġenerali li kienet ibbojkottjata u li r-riżultat tagħha kien ikkundannat minn xi partiti tal-oppożizzjoni; billi ma kien hemm l-ebda proċess elettorali fit-Tigray; billi l-UE ma bagħtitx missjoni ta' osservazzjoni elettorali;

AD.

billi l-Etjopja hija firmatarja tal-Ftehim ta' Cotonou, li l-Artikolu 96 tiegħu jistipula li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali tal-kooperazzjoni bejn l-AKP u l-UE,

1.

Jitlob il-waqfien immedjat tal-ostilitajiet mill-partijiet kollha, li huwa prerekwiżit neċessarju għal titjib tant meħtieġ fis-sitwazzjoni umanitarja fit-Tigray u f'reġjuni oħra, b'mod partikolari fl-Afar u fl-Amhara; jappella għal ritorn immedjat għall-ordni kostituzzjonali u għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ tal-waqfien mill-ġlied;

2.

Jistieden lill-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali kkonċernati kollha jippermettu, b'mod immedjat u mingħajr xkiel, aċċess u għajnuna umanitarja lill-popolazzjonijiet milquta fit-Tigray, biex jintemm l-imblokk de facto fuq l-assistenza umanitarja u l-provvisti kritiċi, inklużi l-ikel, il-mediċini u l-fjuwil, u jiffaċilitaw l-assistenza lill-popolazzjonijiet fil-bżonn fir-reġjuni tal-Amhara u l-Afar;

3.

Jikkundanna bil-qawwa l-attakki intenzjonati fuq il-popolazzjoni ċivili mill-partijiet ostili kollha u r-reklutaġġ irrapportat ta' tfal minn partijiet fil-kunflitt, inklużi l-forzi Tigrayani, u l-użu kontinwu tal-istupru l-vjolenza sesswali; ifakkar li l-attakki intenzjonati fuq il-popolazzjoni ċivili u r-reklutaġġ u l-użu ta' suldati tfal jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;

4.

Jiddeplora bil-qawwa l-qtil ta' persuni ċivili, rifuġjati, u ħaddiema umanitarji u mediċi; jistieden lill-forzi tan-naħat kollha jirrispettaw id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar ir-rifuġjati u jiżguraw il-protezzjoni tal-persuni fiż-żoni milquta; jitlob għar-responsabbilizzazzjoni tad-delitti mwettqa matul il-kunflitt li għaddej bħalissa u biex dawk responsabbli jinstabu u tittieħed azzjoni ġudizzjarja fil-konfront tagħhom; jitlob li dawk suspettati li wettqu stupru jew skjavitù sesswali jiġu investigati għal tali delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità bħal stupru, skjavitù sesswali, tortura u persekuzzjoni;

5.

Iħeġġeġ lill-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu tat-Tigray iwaqqaf l-offensiva tiegħu u jirtira l-forzi tiegħu minnufih mir-Reġjuni tal-Amhara u tal-Afar; jistieden lill-gvern reġjonali tal-Amhara jirtira l-forzi tiegħu miż-żona tal-Punent tat-Tigray, u lill-Gvern tal-Eritrea jirtira l-forzi tiegħu minnufih u b'mod permanenti mill-Etjopja; jistieden lill-pajjiżi ġirien joqogħdu lura mill-interventi politiċi u militari kollha li jistgħu jkomplu jqanqlu l-kunflitt;

6.

Jitlob li jkun hemm kummissjoni ta' inkjesta indipendenti u imparzjali biex tinvestiga l-attakki mmiriati lejn gruppi etniċi u reliġjużi speċifiċi bl-intenzjoni li jinċitaw il-vjolenza interkomunitarja u jiġu pperikolati l-paċi u s-sigurtà tal-poplu Etjopjan; jistieden lill-Gvern Etjopjan jiżgura li dawk li wettqu dan l-atti jinżammu responsabbli;

7.

Ifakkar li l-Gvern Etjopjan huwa responsabbli għas-sikurezza u s-sigurtà tar-rifuġjati u tal-persuni spostati internament fit-territorju tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet Etjopjani jipprovdu protezzjoni u assistenza immedjata u adegwata lill-eluf ta' Eritreani rifuġjati u li jfittxu ażil spostati minn kampijiet fit-Tigray u jistedinhom jiddeterminaw x'sar minn eluf ta' rifuġjati Eritreani mhux irreġistrati kif ukoll l-inħawi li jinsabu fihom; jiddeplora l-lingwaġġ ta' mibegħda u xewwiexi użat minn uffiċjali ta' livell għoli u jħeġġeġ lill-atturi kollha involuti biex jagħżlu l-kliem tagħhom b'attenzjoni sabiex jevitaw eskalazzjoni ulterjuri u jipprevjenu tbatija umana addizzjonali; jitlob li l-fruntieri internazzjonali u reġjonali jibqgħu miftuħa għall-moviment sikur u liberu tal-popolazzjoni ċivili; ifakkar li l-Etjopja hija pajjiż importanti ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni għall-migranti; jinsisti li l-Gvern Federali tal-Etjopja u l-awtoritajiet reġjonali jipproteġu l-popolazzjoni u jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tagħhom;

8.

Jistieden lill-awtoritajiet Etjopjani jagħtu rendikont immedjat tal-għajbien furzat tal-popolazzjoni ċivili kollha, jeħilsu lil dawk detenuti mingħajr evidenza kredibbli ta' reat u jtemmu kull trattament diskriminatorju; jiddeplora l-użu ta' diskors ta' mibegħda minn personalitajiet pubbliċi li jista' jippromwovi l-vjolenza, l-intimidazzjoni u d-diskriminazzjoni kontra l-komunitajiet Tigrayani jew komunitajiet oħrajn, li b'hekk tinħoloq nuqqas ta' fiduċja u jiġu stigati kunflitti etniċi, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali jadottaw djalogu aktar inklużiv u jżommu lura mill-inċitament għall-vjolenza;

9.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jistabbilixxu korp ta' tip ġudizzjarju ta' ġustizzja restawrattiva inkarigat bil-kompitu li jinvestiga l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew matul dan il-kunflitt, inklużi ċ-ċirkostanzi, il-fatturi u l-kuntest ta' kwalunkwe ksur, u b'hekk jagħti lill-vittmi l-opportunità li jixhdu u jippermetti l-ħolqien ta' rekord storiku imparzjali tal-passat, u jitlob lill-korp jabbozza politika ta' riparazzjoni, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet għal miżuri għall-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-futur;

10.

Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha fuq il-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u fuq infrastruttura kritika, inklużi l-isptarijiet u l-faċilitajiet mediċi, u s-sakkeġġ u l-qerda mifruxa tal-għajnuna umanitarja; jikkundanna bil-qawwa l-imblukkar tal-ambulanzi li jippruvaw jipprovdu assistenza medika lill-midruba wara l-bumbardamenti;

11.

Jiddeplora l-fatt li seba' ħaddiema umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU mill-UNICEF, l-OHCHR, l-UNOCHA u l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji fl-Etjopja ġew iddikjarati personae non gratae mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Etjopja; jesprimi tħassib għas-sikurezza u l-benesseri tal-ħaddiema umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem indipendenti fir-reġjun u għan-newtralità tad-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja fit-Tigray; jilqa' d-dikjarazzjoni qawwija tal-UE u tas-27 Stat Membru tagħha tat-30 ta' Settembru 2021, li tikkundanna bil-qawwa t-tkeċċija ta' dawn il-ħaddiema u jistieden lill-gvern biex ireġġa' lura d-deċiżjoni tiegħu;

12.

Jistieden lill-Gvern tal-Etjopja jiffirma u jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jistieden lill-partijiet fil-kunflitt jiżguraw aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-osservaturi u l-investigaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-investigaturi tan-NU u tal-Unjoni Afrikana;

13.

Jissottolinja l-ħidma importanti tal-ġurnalisti fir-reġjun u jistieden lill-atturi kollha jiżguraw aċċess liberu għall-istampa u jippermettu lill-ġurnalisti jwettqu xogħolhom fis-sikurezza;

14.

Jitlob li s-servizzi pubbliċi bażiċi bħall-elettriku u s-servizzi bankarji jerġgħu jiġu stabbiliti kompletament, u li jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq it-telekomunikazzjonijiet u l-aċċess għall-internet fit-Tigray; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-edukazzjoni u l-iskejjel għat-tfal fit-Tigray u lil hinn;

15.

Ifakkar fl-importanza tal-Etjopja għall-istabbiltà tal-Qarn tal-Afrika u l-kontinent kollu kemm hu; ifakkar li l-UE u interlokuturi internazzjonali oħra offrew li jservu ta' medjaturi bejn il-partijiet fil-kunflitt Etjopjan, iżda dawn l-offerti ma ġewx aċċettati mill-Etjopja; jistieden lill-partijiet ostili kollha biex ipoġġu mal-mejda tan-negozjati mingħajr prekundizzjonijiet; jitlob li jkun hemm djalogu politiku nazzjonali inklużiv immexxi mill-Etjopja biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi, inklużi rappreżentanti miż-żoni milquta kollha (it-Tigray, l-Amhara, il-Benishangul-Gumuz, l-Afar, l-Oromia, is-Sidama, is-Somali, in-Nazzjonijiet tan-Nofsinhar, ir-Reġjun tan-Nazzjonalitajiet u tal-Popli, u l-Gambella);

16.

Ifakkar li s-sitwazzjoni tista' tiġi solvuta biss permezz ta' mezzi paċifiċi u permezz ta' djalogu inklużiv fost il-partijiet kollha fil-kunflitt, waqfien effettiv mill-ġlied u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

17.

Itenni r-rieda tal-UE li tappoġġja, tinvolvi ruħha u torganizza djalogu, f'koordinazzjoni mill-qrib ma' oħrajn, sabiex iżżomm l-ispazju għad-djalogu miftuħ u tipprova ssawwar bażi għal taħditiet bejn iż-żewġ partijiet prinċipali fil-kunflitt;

18.

Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi ta' medjazzjoni reġjonali bħal dawk tal-medjatur tal-Unjoni Afrikana l-President Obasanjo; jilqa', barra minn hekk, il-ħatra reċenti ta' Rappreżentant Speċjali ġdid tal-UE għall-Qarn tal-Afrika;

19.

Jiddispjaċih li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU s'issa għadu ma indirizzax is-sitwazzjoni fit-Tigray; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu pressjoni fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jorganizza laqgħat pubbliċi regolari dwar it-Tigray u biex jieħu azzjoni deċiżiva biex jiżgura aċċess umanitarju mingħajr xkiel, jissalvagwardja l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, jagħmel mod li jintemm il-ksur gravi tad-dritt internazzjonali, u jiżgura li tittieħed azzjoni fil-konfront ta' dawk responsabbli għall-atroċitajiet; jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jikkunsidra l-istazzjonament ta' forzi għaż-żamma tal-paċi tan-NU fir-reġjun;

20.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jinkoraġġixxu lill-VP/RGħ jorganizza briefing intersessjonali dwar it-Tigray fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU qabel tmiem is-sena sabiex jippreżenta r-riżultati tar-rapport dwar l-investigazzjoni konġunta tal-OHCHR u l-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Etjopja; jenfasizza li l-investigazzjoni konġunta għandha tgħin biex tistabbilixxi l-pedament għal mekkaniżmu investigattiv internazzjonali robust li għandu jiġi stabbilit mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU bħala kwistjoni ta' urġenza;

21.

Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE jaġixxi b'mod rapidu, determinat u unit fl-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jindirizza b'mod effettiv is-serjetà u l-urġenza tas-sitwazzjoni fuq il-post fit-Tigray;

22.

Jilqa' u jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2020 li tipposponi l-iżborżi tal-appoġġ baġitarju lill-Gvern Etjopjan; jilqa' l-isforzi diplomatiċi u d-dikjarazzjonijiet ripetuti tal-VP/RGħ u tal-Kummissjoni li fihom jappellaw għall-obbligu ta' rendikont u l-aċċess umanitarju mingħajr xkiel, u jikkundannaw l-abbużi mill-partijiet kollha; itenni bil-qawwa l-appoġġ tal-UE għall-ħidma importanti ta' Michelle Bachelet bħala Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

23.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkunsidraw l-adozzjoni ta' miżuri biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw li l-awturi ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jinżammu responsabbli, pereżempju permezz tal-Mekkaniżmu Globali tas-Sanzjonijiet tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem;

24.

Jenfasizza li l-UE tinsab fuq in-naħa tal-poplu tal-Etjopja; jenfasizza r-rieda tiegħu għal soluzzjoni paċifika għall-kunflitt; jissuġġerixxi, madankollu, l-użu ta' sanzjonijiet mill-Kummissjoni kontra membri tal-Gvern tal-Etjopja, il-Gvern tal-Eritrea u l-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu tat-Tigray u oħrajn responsabbli għal azzjonijiet li jtawlu l-kunflitt u jaggravaw is-sitwazzjoni umanitarja għal miljuni ta' Etjopjani jekk is-sitwazzjoni umanitarja ma tkunx tjiebet b'mod sinifikanti sal-aħħar ta' Ottubru 2021, b'mod partikolari wara li jkun ġie ffurmat Gvern Etjopjan ġdid;

25.

Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu l-esportazzjonijiet tal-armi u tat-teknoloġija ta' sorveljanza lejn l-Etjopja li qed jintużaw biex jiffaċilitaw l-attakki fuq il-popolazzjoni ċivili u biex iwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

26.

Jilqa' d-Digriet Eżekuttiv tal-Istati Uniti tas-17 ta' Settembru 2021 dwar il-kriżi Etjopjana, li għandha fil-mira dawk responsabbli għal u kompliċi fil-kontinwazzjoni tal-kunflitt fl-Etjopja, it-tfixkil tal-aċċess umanitarju, il-prevenzjoni tal-waqfien mill-ġlied u t-twettiq ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih, madankollu, li l-Istati Uniti kompliet l-appoġġ baġitarju tagħha u li dan fisser li l-azzjonijiet tal-Istati Uniti kienu inqas effettivi u determinati mill-azzjonijiet tal-UE;

27.

Jilqa' bil-qawwa l-appoġġ tal-Kummissjoni li jsalva l-ħajjiet fir-reġjun u jappoġġja estensjoni ulterjuri tiegħu; jitlob għall-mobilizzazzjoni ta' finanzjament addizzjonali ta' mill-inqas EUR 30 miljun mir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna f'Emerġenza tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet l-aktar akuti tal-persuni affettwati mill-kunflitt fit-Tigray u ż-żoni l-oħra affettwati direttament mit-tixrid tal-kunflitt fit-Tramuntana tal-Etjopja, b'iffukar partikolari fuq ir-reġjuni konfinanti tal-Afar u tal-Amhara;

28.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-mexxejja tal-Istati Membri tagħha jipprijoritizzaw is-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tigray u fiż-żona tat-Tramuntana tal-Etjopja matul is-summit li jmiss bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE u l-laqgħa tal-mexxejja, u jidentifikaw azzjonijiet konkreti u jippromwovu koordinazzjoni akbar fl-istrateġija u l-komunikazzjoni;

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Gvern Federali u lill-Kamra tal-Federazzjoni tal-Etjopja, lill-awtoritajiet tat-Tigray, lill-Gvern tar-Repubblika tas-Sudan, lill-Gvern tal-Istat tal-Eritrea, lill-gvernijiet tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Unjoni Afrikana u lill-Istati Membri tagħha, lill-Assemblea Parlamentari Pan-Afrikana, u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0330.

(2)  Dikjarazzjoni tat-12 ta' Awwissu 2021 dwar l-aħħar rapport minn Amnesty International dwar l-allegat stupru u vjolenza sesswali oħra fl-Istat Reġjonali tat-Tigray tar-Repubblika Demokratika Federali tal-Etjopja.