24.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/186


P9_TA(2021)0418

Il-każ ta' Paul Rusesabagina fir-Rwanda

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar Il-każ ta' Paul Rusesabagina fir-Rwanda (2021/2906(RSP))

(2022/C 132/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Rwanda, partikolarment dik tal-11 ta' Frar 2021 dwar ir-Rwanda: il-każ ta' Paul Rusesabagina (1),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li kien irratifikat mir-Rwanda fl-1975,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji gwida dwar id-Dritt għal Proċess Ġust u għall-Assistenza Legali fl-Afrika,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

wara li kkunsidra r-regoli standard minimi tal-NU dwar it-trattament tal-priġunieri (ir-“Regoli Nelson Mandela”), kif riveduti fl-2015,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Kampala dwar il-Kundizzjonijiet tal-Ħabs fl-Afrika,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar ir-Rieżami Perjodiku Universali tal-25 ta' Marzu 2021 dwar ir-Rwanda,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-komunità internazzjonali li fihom ikkundannaw l-irregolaritajiet u ikkundannaw in-nuqqas ta' proċessi ġusti fir-Rwanda, anki mill-Gvern tal-Belġju, id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti u l-Gvern tar-Renju Unit,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-Federazzjoni Ewropea tal-Avukati, iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni Amerikana tal-Avukati u diversi organizzazzjonijiet stabbiliti tad-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Rwanda,

wara li kkunsidra l-istrumenti tal-NU u tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fid-29 ta' Settembru 2021, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem, iċ-ċittadin Belġjan u r-residenti tal-Istati Uniti, Paul Rusesabagina ġie ddikjarat ħati u kkundannat għal 25 sena ħabs mill-Kamra għad-Delitti Internazzjonali u Transfruntieri tal-Qorti Superjuri tar-Rwanda wara l-arrest tiegħu f'Kigali fil-31 ta' Awwissu 2020; billi s-Sur Rusesabagina ġie akkużat b'disa' kapijiet ta' akkuża relatati mat-terroriżmu u miżmum bħala kriminalment responsabbli għal attivitajiet attribwiti lill-Moviment Rwandiż għat-Tibdil Demokratiku/Front Nazzjonali għal-Liberazzjoni (MRCD-FLN), koalizzjoni ta' partiti politiċi tal-oppożizzjoni u l-fergħa militari tiegħu;

B.

billi l-arrest tas-Sur Rusesabagina f'Awwissu 2020 kien arbitrarju, imwettaq taħt pretenzjonijiet foloz u involva trasferiment illegali lejn ir-Rwanda, għajbien furzat u detenzjoni f'iżolament; billi ma ġie prodott l-ebda mandat għall-arrest tiegħu f'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 37 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali tar-Rwanda tal-2019 u ma ġiet ippreżentata l-ebda akkuża qabel il-kundanna tiegħu, bi ksur tal-Artikolu 68 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali tar-Rwanda; billi s-Sur Rusesabagina ddikjara pubblikament diversi drabi li ma setax jirritorna lejn il-pajjiż nattiv tiegħu minħabba l-biża' ta' retribuzzjoni;

C.

billi l-ministru tal-ġustizzja tar-Rwanda, Johnston Busingye, ammetta r-rwol tal-gvern tiegħu fl-għajbien furzat u fit-trasferiment tas-Sur Rusesabagina f'Awwissu 2020, fil-ħlas għat-titjira għat-trasferiment, u fil-ksur tad-dritt tas-Sur Rusesabagina għal proċess ġust; billi fl-10 ta' Marzu 2021 il-qorti ddeċidiet li t-trasferiment tas-Sur Rusesabagina kien legali u li huwa ma kienx maħtuf;

D.

billi meta ngħata l-verdett, tħabbret evidenza addizzjonali li ma kinitx instemgħet qabel mill-qorti jew ippreżentata matul il-proċess relatat mal-allegazzjoni li s-Sur Rusesabagina kien ġabar fondi għall-grupp armat FLN; billi xi wħud mill-provi msemmija jirriżultaw minn dikjarazzjonijiet li s-Sur Rusesabagina jsostni li saru taħt pressjoni u mingħajr avukat;

E.

billi t-tim ta' avukati tas-Sur Rusesabagina li inizjalment irrappreżentah ma kienx tal-għażla tiegħu u billi l-avukati tal-għażla tiegħu li eventwalment kiseb aċċess għalihom minn April 2021 ma tħallewx jiltaqgħu miegħu, u dan imur kontra l-Artikolu 68 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali tar-Rwanda;

F.

billi l-kundizzjoni medika tas-Sur Rusesabagina f'detenzjoni ġiet irrappurtata bħala inkwetanti ħafna, peress li huwa superstitu tal-kanċer u jbati minn kundizzjoni kardjovaskulari; billi skont l-avukati tiegħu huwa tilef żewġ skrinings għal kanċer u l-awtoritajiet tal-ħabs ċaħduh l-aċċess għall-mediċina bir-riċetta pprovduta mit-tabib Belġjan tiegħu, u dan ikkawża diffikultà mentali u fiżika bi ksur tal-Artikoli 12 u 14 tal-Kostituzzjoni tar-Rwanda dwar id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-integrità fiżika, u l-protezzjoni kontra trattament inuman jew degradanti;

G.

billi f'Settembru 2020, l-awtoritajiet tar-Rwanda naqsu milli jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-Belġju dwar l-arrest tas-Sur Rusesabagina bi ksur tal-prinċipju stabbilit fid-dritt internazzjonali dwar l-assistenza konsulari; billi s-Servizz Korrezzjonali tar-Rwanda (RCS) kiseb aċċess għall-komunikazzjonijiet u d-dokumenti legali skambjati bejn is-Sur Rusesabagina u l-avukati tiegħu; billi l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Belġjan bagħat diversi noti verbali lill-kontroparti Rwandiża tagħha fejn talbet li d-drittijiet tas-Sur Rusesabagina jiġu rispettati, iżda l-Gvern tar-Rwanda rrifjuta kull talba;

H.

billi f'Lulju 2021 ġie rrappurtat li l-awtoritajiet tar-Rwanda kienu użaw il-Pegasus spyware tal-Grupp NSO biex potenzjalment ikollhom fil-mira aktar minn 3 500 attivist, ġurnalist u politikant; billi skont analiżi forensika tat-telefown tagħha, is-software spyware ntuża wkoll biex jinfetta t-telefown ta' Carine Kanimba, bint is-Sur Rusesabagina; billi l-awtoritajiet tar-Rwanda ċaħdu dan;

I.

billi r-Rwanda hija firmatarja tal-Ftehim ta' Cotonou, li jistipula li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa element essenzjali ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku; billi t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem huma l-oqsma prijoritarji ewlenin tal-ipprogrammar tal-UE għar-Rwanda;

J.

billi t-tieni laqgħa ministerjali bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE se ssir f'Kigali fil-25 u l-26 ta' Ottubru 2021;

1.

Ifakkar lill-Gvern tar-Rwanda fl-obbligi tiegħu li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali, inklużi l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust, kif previst fil-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Ftehim ta' Cotonou, b'mod partikolari l-Artkoli 8 u 96 tiegħu;

2.

Jissottolinja li r-Rwanda trid tissalvagwardja l-indipendenza tal-ġudikatura tagħha u tiddefendiha fil-kostituzzjoni u l-liġijiet kollha tagħha, peress li huwa d-dmir tal-istituzzjonijiet governattivi u istituzzjonijiet oħra kollha li jirrispettaw u josservaw l-indipendenza tal-ġudikatura;

3.

Ifakkar li l-estradizzjoni ta' kwalunkwe suspettat lejn pajjiż ieħor għandha ssir biss permezz ta' proċedimenti ta' estradizzjoni ssorveljati b'mod indipendenti sabiex tiġi ggarantita l-legalità tat-talba għall-estradizzjoni u jiġi żgurat li d-drittijiet tal-persuna suspettata għal proċess ġust ikunu ggarantiti bis-sħiħ fil-pajjiż li qed jagħmel it-talba;

4.

Jikkundanna bil-qawwa, għalhekk, l-arrest, id-detenzjoni u l-kundanna illegali ta' Paul Rusesabagina, li jiksru id-dritt internazzjonali u dak tar-Rwanda; iqis il-każ tas-Sur Rusesabagina bħala eżempju ċar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Rwanda u jixħet dubju fuq l-ekwità tal-verdett, li allegatament ma kellux garanziji għal proċess ġust f'konformità mal-aħjar prattiki internazzjonali ta' rappreżentanza, id-dritt li wieħed jinstema' u l-preżunzjoni tal-innoċenza;

5.

Jitlob il-ħelsien immedjat tas-Sur Rusesabagina għal raġunijiet umanitarji u għar-ripatrijazzjoni tiegħu mingħajr preġudizzju għall-ħtija jew l-innoċenza tiegħu; jitlob li d-Delegazzjoni tal-UE għar-Rwanda u r-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri jwasslu din it-talba bil-qawwa fl-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet tar-Rwanda;

6.

Jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jiggarantixxi, fiċ-ċirkostanzi kollha, l-integrità fiżika u l-benessri psikoloġiku tas-Sur Rusesabagina u jippermettilu jieħu l-mediċina tas-soltu tiegħu; jinsisti li l-Gvern tar-Rwanda jeħtieġlu jirrispetta d-dritt tal-Gvern tal-Belġju li jipprovdi assistenza konsulari lis-Sur Rusesabagina sabiex jissalvagwardja saħħtu u jiżgura l-aċċess xieraq tiegħu għad-difiża;

7.

Jiddeplora s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fir-Rwanda u b'mod partikolari l-persekuzzjoni mmirata ta' fehmiet kuntrarji; jikkundanna l-proċessi politikament motivati u l-prosekuzzjoni tal-avversarji politiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Rwanda jiżguraw is-separazzjoni tas-setgħat, b'mod partikolari l-indipendenza tal-ġudikatura;

8.

Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex isaħħu d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mar-Rwanda fl-ogħla livelli fil-qafas tal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, sabiex jiżguraw li l-pajjiż jirrispetta l-impenji bilaterali u internazzjonali tiegħu; jenfasizza li, fil-kuntest tal-ħidma internazzjonali għall-iżvilupp fir-Rwanda, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, u governanza trasparenti u reattiva għandhom jingħataw wisq aktar prijorità;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi b'mod kritiku l-appoġġ tal-UE lill-Gvern u lill-istituzzjonijiet statali tar-Rwanda biex tiżgura li dan jippromwovi bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u ma jkollu l-ebda riperkussjonijiet negattivi fuq il-libertajiet ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, il-pluraliżmu politiku, ir-rispett għall-istat tad-dritt u soċjetà ċivili indipendenti;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tar-Repubblika tar-Rwanda, lill-iSpeaker tal-Parlament tar-Rwanda, u lill-Unjoni Afrikana, u lill-istituzzjonijiet tagħha.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2021)0055.