|
11.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 117/88 |
P9_TA(2021)0388
L-identifikazzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità elenkat fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2021 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità elenkat fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE (2021/2035(INL))
(2022/C 117/09)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 8,10 u 19, l-Artikolu 83(1) u l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 1 sa 4, 6 sa 8, 10 sa 12, 21, 23 sa 26, 47 u 49 tagħha, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapporti ta' monitoraġġ tal-pajjiżi mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025)”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-25 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (Gender Action Plan, GAP) III – Aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2021 bit-titolu “l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' April 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (1), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni (2), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (3), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti numru 5 “Ugwaljanza bejn il-Ġeneri”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 33 dwar l-aċċess tan-nisa għall-ġustizzja tat-3 ta' Awwissu 2015 tal-Kumitat dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 35 dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa, li taġġorna r-rakkomandazzjoni ġenerali Nru 19, tal-14 ta' Lulju 2017 tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu “Violence against women: an EU-wide survey” (Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha), ippubblikat fl-2014, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu “Crime, safety and victims' rights”, ippubblikat fl-2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Pekin adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti finali sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin + 5 (2000), + 10 (2005), Pekin + 15 (2010) u Pekin + 20 (2015), |
|
— |
wara li kkunsidra l-glossarju tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet miftiehma tal-ħamsa u sittin sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tan-Nisa li saret bejn il-15 u s-26 ta' Marzu 2021; |
|
— |
wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa, u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-vjolenza kontra n-nisa, inkluża d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta' Diċembru 1993, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar il-projbizzjoni de facto tad-dritt tal-abort fil-Polonja (9), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (11), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-10 ta' Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (12), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2021 dwar l-isfidi li ġejjin għad-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa: aktar minn 25 sena wara d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni (13), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, ippubblikati fl-10 ta' Diċembru 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dokument informattiv tan-Nazzjonijiet Uniti “COVID-19 and Ending Violence Against Women and Girls” (Il-COVID-19 u Tmiem tal-Vjolenza Kontra n-Nisa u l-Bniet), ippubblikat fl-2020 (14), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni legali tal-Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li għandha l-għan li tiċċara l-inċertezza tad-dritt jekk u kif l-Unjoni tista' tikkonkludi u tirratifika l-Konvenzjoni, li saret fil-11 ta' Marzu 2021 (15), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0249/2021), |
|
A. |
billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur ewlieni tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u rikonoxxut fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”); billi d-dritt għat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta; billi t-tmiem tal-vjolenza tal-irġiel kontra n-nisa u l-bniet huwa prerekwiżit għall-kisba ta' ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel; |
|
B. |
billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi li l-Unjoni, fl-attivitajiet kollha tagħha, għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza, bejn in-nisa u l-irġiel; |
|
C. |
billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm online kif ukoll offline, u n-nuqqas ta' aċċess għal protezzjoni adegwata huma l-aktar manifestazzjoni serja ta' diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet fundamentali kif minqux fil-Karta, bħad-dritt għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-integrità fiżika u mentali, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew pieni inumani jew degradanti, il-projbizzjoni tal-jasar u tax-xogħol furzat, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà u d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja; |
|
D. |
billi, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), abbażi tal-iżviluppi fil-kriminalità, il-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni li tidentifika oqsma oħra ta' kriminalità partikolarment serji b'dimensjoni transfruntiera li tirriżulta min-natura jew l-impatt ta' dawn ir-reati jew minn ħtieġa speċjali li jiġu miġġielda fuq bażi komuni; |
|
E. |
billi, meta jadotta deċiżjoni bħal din skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew; |
|
F. |
billi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-“Konvenzjoni ta' Istanbul”) jiddefinixxu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa bħala vjolenza diretta kontra mara minħabba li hija mara jew vjolenza li taffettwa lin-nisa b'mod sproporzjonat; billi “vjolenza kontra n-nisa” tfisser kwalunkwe att ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jirriżulta fi, jew li x'aktarx jirriżulta fi, ħsara jew tbatija fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika għan-nisa, inkluż it-theddid ta' tali atti, il-ġegħil jew it-tiċħid arbitrarju tal-libertà, kemm jekk iseħħu fil-pubbliku kif ukoll fil-ħajja privata; |
|
G. |
billi l-persuni LGBTIQ+ huma wkoll vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru minħabba l-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess tagħhom; |
|
H. |
billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra persuni LGBTIQ+ tinkludi vjolenza fiżika, vjolenza psikoloġika, żwiġijiet imġiegħla, vjolenza sesswali, inklużi l-istupru u l-fastidju sesswali “korrettivi”, il-mutilazzjonijiet ġenitali ta' nisa u persuni intersesswali, l-isterilizzazzjoni mġiegħla ta' persuni trans u intersesswali, l-hekk imsejħa reati tal-“unur”, it-terapija ta' konverżjoni, id-diskors ta' mibegħda kemm online kif ukoll offline, il-bullying u l-fastidju, it-tiċħid soċjoekonomiku u l-vjolenza li jseħħu fi ħdan il-familja u/jew l-unità domestika; |
|
I. |
billi, skont il-Konvenzjoni ta' Istanbul, il-ġeneru huwa definit bħala “r-rwoli, l-imġibiet, l-attivitajiet u l-attributi mibnija soċjalment li soċjetà partikolari tikkunsidra xierqa għan-nisa u l-irġiel”, li jfakkar li ħafna forom ta' vjolenza kontra n-nisa għandhom l-għeruq tagħhom fl-inugwaljanzi fil-poter bejn in-nisa u l-irġiel; |
|
J. |
billi l-espressjoni “fid-diversità kollha tagħhom” f'din ir-riżoluzzjoni tfakkar li l-pożizzjoni li n-nisa, l-irġiel u l-persuni mhux binarji jaqgħu f'kategoriji eteroġeni, inkluż iżda mhux limitat għal dak li għandu x'jaqsam mar-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f'minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess, l-istat ta' saħħa, l-istat ċivili jew l-istatus ta' migrant jew refuġjat; billi dik l-espressjoni tafferma l-impenn li ħadd ma jitħalla lura u li tinkiseb Ewropa ugwali bejn il-ġeneri għal kulħadd; billi ma jista' jsir l-ebda progress reali fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri mingħajr approċċ intersezzjonali; |
|
K. |
billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha l-għeruq tagħha fl-istereotipi marbutin mal-ġeneru, l-istrutturi eteropatrijarkali u l-asimmetriji ta' poter u inugwaljanzi strutturali u istituzzjonali; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru taffettwa l-oqsma kollha tas-soċjetà; |
|
L. |
billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija mmirata lejn in-nisa u t-tfajliet fid-diversità kollha tagħhom u l-persuni LGBTIQ, xprunata minn xewqa li jiġu kkastigati dawk li jitqiesu li jmorru kontra n-normi soċjali dwar il-ġerarkija tal-ġeneri, l-espressjoni tal-ġeneru, u s-sistemi binarji tal-ġeneru; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha l-għan li tistabbilixxi, tinforza jew tipperpetwa l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u ssaħħaħ in-normi u l-istereotipi tal-ġeneri; |
|
M. |
billi l-EIGE jiddefinixxi l-“femminiċidju” bħala l-qtil tan-nisa u tal-bniet minħabba l-ġeneru tagħhom; billi l-femminiċidju jista' jieħu forom differenti bħall-qtil tan-nisa bħala riżultat ta' vjolenza minn sieħeb intimu, il-qtil tan-nisa u l-bniet minħabba l-ġeneru tagħhom, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess, il-mutilazzjonijiet ġenitali femminili u intersesswali u l-hekk imsejħa “qtil għall-unur”; billi l-femminiċidji huma l-manifestazzjoni estrema ta' forom eżistenti ta' vjolenza kontra n-nisa u jirrappreżentaw l-att aħħari ta' vjolenza, li hija esperjenzata f'kontinwazzjoni ta' vjolenza; billi ħafna tipi ta' femminiċidju ma jingħaddux fiċ-ċifri uffiċjali u jibqgħu inviżibbli; |
|
N. |
billi l-esponiment għall-vjolenza minn sieħeb intimu, kemm jekk fiżika, sesswali jew psikoloġika, għandu impatt serju fuq it-tfal u jipperpetwa l-abbuż għall-ġenerazzjonijiet futuri peress li t-tfal li jkunu esposti għal vjolenza minn sieħeb intimu kontra ommhom jew wieħed mill-ġenituri tagħhom għandhom aktar ċans li jesperjenzaw tali vjolenza aktar tard fil-ħajja, kemm bħala vittmi kif ukoll bħala awturi ta' reat; billi l-liġijiet li jipproteġu d-dinjità tat-tfal u li tirrikonoxxi t-tfal bħala vittma f'dawn il-każijiet għandha rwol kruċjali fil-protezzjoni kemm tan-nisa kif ukoll tat-tfal vittmi; billi l-liġijiet dwar il-kustodja jridu jkunu mfassla b'mod li ma jagħtux drittijiet ta' kustodja lill-awturi ta' vjolenza kontra s-sieħeb jew sieħba intima tagħhom; |
|
O. |
billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tinkludi ħafna tipi ta' vjolenza, inkluża l-vjolenza mingħand sieħeb intimu u l-vjolenza domestika; billi l-EIGE, b'mod simili għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, jiddefinixxi l-vjolenza domestika bħala l-atti kollha ta' vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika li jseħħu fi ħdan il-familja jew l-unità domestika, irrispettivament mir-rabtiet bijoloġiċi jew legali tal-familja, jew bejn il-konjuġi jew is-sħab attwali jew preċedenti, kemm jekk l-awtur ikun qiegħed jikkondividi jew kien jikkondividi l-istess residenza mal-vittma kif ukoll jekk le; |
|
P. |
billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq l-internet u l-fastidju sesswali fuq l-internet huma ta' natura transfruntiera; billi l-vjolenza fil-forma ta' vjolenza ċibernetika, inkluż il-fastidju online, il-bullying ċibernetiku, is-cyberstalking, id-diskors ta' mibegħda sessista, l-iżvelar mingħajr kunsens ta' ritratti sesswali, l-iżvelar ta' informazzjoni privata (doxing), is-serq tal-identità jew il-hacking, jaffettwaw b'mod sproporzjonat lin-nisa u lill-bniet; |
|
Q. |
billi l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet hija waħda mill-aktar forom ta' ksur mifruxa tad-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa; billi l-istħarriġiet imwettqa mill-Unjoni juru li waħda minn kull tliet nisa fl-Unjoni, li tirrappreżenta 62 miljun mara, esperjenzat vjolenza fiżika u/jew sesswali sa mill-età ta' 15-il sena u waħda minn kull żewġ nisa (55 %) esperjenzat fastidju sesswali; billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrapporta li madwar id-dinja, kważi terz (27 %) tan-nisa ta' bejn il-15 u d-49 sena li kienu f'relazzjoni rrapportaw li kienu soġġetti għal xi forma ta' vjolenza fiżika u/jew sesswali mis-sieħeb intimu tagħhom; billi d-WHO tirrapporta li madwar 38 % tal-qtil kollu tan-nisa jitwettaq minn sħab intimi; |
|
R. |
billi hemm nuqqas ta' data diżaggregata aġġornata, komprensiva u komparabbli dwar kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru madwar l-Unjoni; billi n-nuqqas ta' data komparabbli huwa wkoll ir-riżultat ta' nuqqas ta' armonizzazzjoni fid-definizzjonijiet marbuta mal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi data diżaggregata komprensiva u komparabbli hija essenzjali biex tiġi dokumentata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tal-persuna u l-kawżi ewlenin tagħha; billi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ppubblikat l-aħħar stħarriġ tagħha dwar il-vjolenza kontra n-nisa fl-2014, u billi l-aktar ċifri reċenti humiex disponibbli; |
|
S. |
billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru ġġib magħha kosti importanti għas-soċjetajiet Ewropej tagħna, kemm f'termini ta' produzzjoni ekonomika mitlufa jew il-provvista ta' servizzi, inklużi servizzi tas-saħħa, legali, soċjali u speċjalizzati; billi, madankollu, l-ogħla kosti huma mġarrba mill-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jkollhom jgħixu b'mod permanenti bil-konsegwenzi emozzjonali ta' dawk l-esperjenzi trawmatiċi; billi l-benesseri tal-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandu jiggwida l-azzjoni tal-Unjoni; |
|
T. |
billi l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 irriżulta f'żieda drammatika fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru, b'mod partikolari l-vjolenza minn sieħeb intimu, inklużi l-vjolenza fiżika u psikoloġika, il-kontroll koerċittiv, u l-vjolenza online; billi l-Istati Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-Ewropa rrapportaw żieda ta' 60 % f'telefonati ta' emerġenza min-nisa soġġetti għall-vjolenza mis-sieħeb intimu tagħhom; billi l-miżuri ta' lockdown għamluha aktar diffiċli għall-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu li jfittxu l-għajnuna peress li ta' spiss huma kkonfinati ma' dawk li jabbużaw minnhom, u għandhom aċċess limitat għas-servizzi ta' appoġġ, u peress li strutturi u riżorsi insuffiċjenti ta' appoġġ aggravaw pandemija “parallela” diġà eżistenti; |
|
U. |
billi l-edukazzjoni għandha rwol ċentrali x'taqdi sabiex tipprevjeni l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, b'mod partikolari billi tisfida n-normi soċjali negattivi li jmexxu dan il-fenomenu u billi tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ biex jirrikonoxxu, jindirizzaw u jipprevjenu dawk l-atti; |
|
V. |
billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadha mhix irrappurtata biżżejjed fl-Unjoni; billi żewġ terzi tal-vittmi ma jirrappurtawx il-vjolenza abbażi tal-ġeneru lill-awtoritajiet (16); |
|
W. |
billi, skont l-EIGE, il-vittimizzazzjoni sekondarja, magħrufa wkoll bħala vittimizzazzjoni mill-ġdid, “tiġri meta l-vittma tbati aktar ħsara mhux bħala riżultat dirett tal-att kriminali iżda minħabba l-mod kif l-istituzzjonijiet u individwi oħrajn jittrattaw lill-vittma”; billi, skont l-EIGE, “il-vittimizzazzjoni sekondarja tista' tiġi kkawżata, pereżempju, minn esponiment ripetut tal-vittma għall-awtur, interrogazzjoni ripetuta dwar l-istess fatti, l-użu ta' lingwaġġ mhux xieraq jew kummenti insensittivi magħmula minn dawk kollha li jiġu f'kuntatt mal-vittmi”; |
|
X. |
billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tista' titwettaq minn persuni f'pożizzjonijiet ta' awtorità, waqt li jitqiegħdu f'ambjenti ta' kustodja bħal ħabsijiet, faċilitajiet tas-saħħa mentali, ċentri ta' detenzjoni, faċilitajiet ta' assistenza soċjali u kampijiet tar-refuġjati; billi sitwazzjonijiet ta' affollament eċċessiv, livelli għoljin ta' stress u nuqqas ta' privatezza jistgħu jwasslu wkoll għal vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi, bl-iżgurar li l-uffiċjali tal-pulizija jkunu mħarrġa b'mod speċjali biex ikollhom il-ħiliet personali biex jisimgħu, jifhmu u jirrispettaw lin-nisa kollha li esperjenzaw vjolenza abbażi tal-ġeneru, dawn ikunu jistgħu jgħinu biex jindirizzaw in-nuqqas ta' rappurtar, ir-rivittimizzazzjoni u joħolqu ambjent aktar sikur għas-superstiti ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; |
|
Y. |
billi l-iżgurar ta' aċċess bi prezz raġonevoli u sikur għal sistema ġudizzjarja indipendenti huwa indispensabbli għall-promozzjoni ta' ambjent aktar sikur għas-superstiti kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi l-ġlieda effettiva kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru timplika l-istabbiliment ta' programmi ta' taħriġ għall-professjonisti involuti bħall-ħaddiema soċjali, il-fornituri tal-kura tas-saħħa, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, il-persuni li jaħdmu fis-sistema ġudizzjarja, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw, jindirizzaw u jirrispondu għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru; |
|
Z. |
billi r-rati ta' kundanna għal dawk li jwettqu l-vjolenza kontra n-nisa, u b'mod partikolari l-vjolenza sesswali li tinkludi l-istupru u l-attakk sesswali, huma baxxi b'mod inaċċettabbli fl-Istati Membri kollha, u dan juri li hemm nuqqasijiet sistematiċi fil-mod kif l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jindirizzaw il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u billi dan jirriżulta f'kultura mifruxa ta' impunità u ta' xkiel serju għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; |
|
AA. |
billi l-vjolenza sesswali hija parti minn kontinwazzjoni ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess u ġeneru u vjolenza marbuta mill-qrib ma' inugwaljanzi persistenti u attakki usa' fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet; |
|
AB. |
billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija l-aktar strument komprensiv fl-Ewropa fil-ġlieda kontra forom speċifiċi ta' vjolenza maskili fuq in-nisa u l-bniet, kif ukoll kontra l-vjolenza domestika; billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tistabbilixxi qafas komprensiv ta' miżuri legali u ta' politika għall-prevenzjoni ta' vjolenza bħal din, għall-appoġġ lill-vittmi u għall-ikkastigar tal-awturi; |
|
AC. |
billi l-kampanji ta' diżinformazzjoni li jimminaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jimblukkaw ukoll il-progress dwar il-kwistjoni li tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa, kif ġie osservat fir-rigward tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, u dan iwassal għal oppożizzjoni pubblika u deċiżjonijiet politiċi dannużi f'xi Stati Membri; |
|
AD. |
billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul ġiet iffirmata mill-Istati Membri kollha u rratifikata minn 21; billi l-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul; billi l-Polonja ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirtira mill-Konvenzjoni ta' Istanbul; billi l-irtirar tat-Turkija mill-Konvenzjoni ta' Istanbul jistabbilixxi preċedent ħażin; billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul għadha ma ġietx ratifikata mill-Unjoni; |
|
AE. |
billi l-ksur tad-drittijiet tan-nisa huwa ta' natura internazzjonali, transfruntiera u mal-Ewropa kollha; billi n-nisa u l-bniet fl-Ewropa u vittmi oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru ma jibbenefikawx mill-istess livell ta' protezzjoni kontra l-vjolenza madwar l-Unjoni, minħabba oqfsa leġiżlattivi nazzjonali differenti u l-mekkaniżmi ta' protezzjoni u prevenzjoni; |
|
AF. |
billi l-azzjoni tal-Unjoni li għandha l-għan li teqred il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru tesiġi li l-Kummissjoni ssegwi diversi toroq paralleli, kemm leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi, inkluż li tipproponi l-identifikazzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ta' reat li jilħaq il-kriterji speċifikati fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE u, fl-istess ħin tipproponi direttiva dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru bl-użu ta' dak l-artikolu bħala bażi legali; |
|
AG. |
billi l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija prijorità ewlenija tal-Istrateġija tal-Unjoni għall-Ugwaljanza bejn l-Ġeneri u tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; billi fil-programm ta' ħidma tagħha għall-2021, il-Kummissjoni ħabbret proposta leġiżlattiva ġdida għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bbażata fuq l-Artikoli 82, 83 u 84 tat-TFUE, kif ukoll proposta speċifika biex tiġi estiża l-lista tal-oqsma ta' reati partikolarment serji b'dimensjoni transfruntiera stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE biex tinkludi kull forma ta' reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda; billi l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija fost il-prijoritajiet tal-President tal-Kummissjoni (17). |
Il-kawżi u l-impatt tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-iżgurar ta' approċċ olistiku fil-prevenzjoni tagħha
|
1. |
Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fid-diversità kollha tagħhom u f'forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, bħall-vjolenza kontra l-persuni LGBTIQ+ abbażi tal-ġeneru, tal-identità tal-ġeneru, tal-espressjoni tal-ġeneru jew tal-karatteristiċi tas-sess, li titqies li tirreferi għal atti differenti ta' vjolenza online u offline li jirriżultaw fi, jew x'aktarx li jirriżultaw fi, ħsara jew tbatija fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika; |
|
2. |
Jenfasizza li, minħabba l-lockdown u l-miżuri ta' tbegħid soċjali matul il-pandemija tal-COVID-19, kien hemm żieda inkwetanti fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru esperjenzata min-nisa u mill-bniet madwar l-Unjoni, inklużi l-vjolenza mis-sħab intimi, il-vjolenza fiżika, sesswali, ekonomika u psikoloġika, il-kontroll koerċittiv u l-vjolenza ċibernetika, li jirriżultaw fi ħtieġa kbira ta' servizzi ta' appoġġ għal dawk il-vittmi; |
|
3. |
Jinsisti li meta tiġi indirizzata l-vjolenza kontra n-nisa, id-definizzjoni ta' “nisa” trid tinkludi bniet taħt l-età ta' 18-il sena; |
|
4. |
Jiddenunzja l-femminiċidju bħala l-forma l-aktar estrema ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet; jissottolinja li l-femminiċidju huwa ksur serju ħafna tad-drittijiet tal-bniedem u li l-Unjoni għandha tiżviluppa pjan biex tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza, jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet ta' riskju, jingħata appoġġ u protezzjoni lill-vittmi; |
|
5. |
Jisħaq li l-vjolenza kontra n-nisa u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru għadhom mistura fis-silenzju u huma r-riżultat tal-manifestazzjoni kontinwa ta' aċċess u tqassim tal-poter u r-riżorsi storikament mhux ugwali, li wasslu għal dominazzjoni fuq in-nisa u diskriminazzjoni kontrihom mill-irġiel kif ukoll vjolenza diretta fil-konfront tal-persuni LGBTIQ+, b'impatt kbir fuq il-vittmi, il-familji u l-komunitajiet tagħhom; |
|
6. |
Jilqa' l-moviment #MeToo, li jissimbolizza l-vuċi tan-nisa li jegħlbu s-silenzju marbut mal-fastidju sesswali u l-vjolenza sesswali fuq in-nisa fid-diversità kollha tagħhom fost l-etajiet, is-setturi u l-postijiet kollha; jiddenunzja l-fatt li f'xi pajjiżi l-vittmi tal-fastidju sesswali u l-vjolenza sesswali qegħdin jiġu mixlija dejjem aktar u saħansitra kkundannati għall-malafama, u b'hekk joħolqu effett dissważiv, vittimizzazzjoni mill-ġdid u jsikktu lin-nisa li jazzardaw jitkellmu; |
|
7. |
Jirrikonoxxi li sar progress lejn l-ugwaljanza bis-saħħa tat-taqbida qalila femminista kontra l-oppressjoni globali tan-nisa u l-bniet; |
|
8. |
Jissottolinja li din is-sitwazzjoni hija aggravata mill-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi u t-tnaqqis sinifikanti fil-finanzjament disponibbli speċjalment waqt żmien ta' kriżi, bl-effett konsegwenti tad-differenza fil-pagi u l-pensjonijiet, il-femminilizzazzjoni ta' xogħol prekarju u kundizzjonijiet ta' għajxien aktar prekarji għan-nisa; jenfasizza li dawk l-inugwaljanzi u l-iżbilanċi fil-poter huma ta' natura trasversali u globali, komuni għat-territorju kollu tal-Unjoni, u mhux limitati għal Stati Membri speċifiċi; |
|
9. |
Jissottolinja li n-normi riġidi dwar il-ġeneru bbażati fuq stereotipi patrijarkali jikkontribwixxu għad-diskriminazzjoni u s-sottomissjoni tan-nisa, inklużi l-leżbjani, in-nisa bisesswali, trans u intersesswali, iwasslu għal żieda fl-esponiment għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru għal kull min ma jikkonformax magħhom u jikkontribwixxu għall-inviżibbiltà tal-vjolenza mġarrba mill-irġiel omosesswali, bisesswali u intersesswali; |
|
10. |
Jisħaq fuq l-importanza li, permezz tal-edukazzjoni, jiġu indirizzati u promossi l-istatus ugwali u r-relazzjoni tal-poter bejn l-irġiel u n-nisa u bejn is-subien u l-bniet, u jiġu eliminati l-preġudizzji u l-istereotipi marbuta mal-ġeneru li jwasslu għal normi soċjali dannużi tal-ġeneri; jiddeplora l-għadd għoli ta' każijiet ta' vjolenza mmirati lejn in-nisa fid-diversità kollha tagħhom, inklużi l-leżbjani, in-nisa bisesswali u trans, kif ukoll il-persuni trans, intersesswali u mhux binarji; |
|
11. |
Jissottolinja l-firxa wiesgħa ta' impatti psikoloġiċi li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha fuq il-vittmi, inklużi l-istress, li wieħed iħossu mhux sigur u vulnerabbli, il-problemi ta' konċentrazzjoni, l-ansjetà, l-attakki ta' paniku, l-iżolament soċjali, stima personali baxxa, dipressjoni, disturb minn stress postrawmatiku, nuqqas ta' fiduċja u sens ta' kontroll, kif ukoll biża' jew ħsibijiet suwiċidali; jissottolinja l-importanza tal-forniment ta' servizzi tas-saħħa mentali għall-vittmi ta' dawk ir-reati, li spiss jiġu pprovduti wkoll mill-NGOs u mill-atturi tas-soċjetà ċivili; |
|
12. |
Ifakkar li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha wkoll impatt demokratiku, soċjali u ekonomiku, bħan-nuqqas ta' aċċess għall-impjiegi, l-iżolament, l-irtirar mill-ħajja pubblika jew in-nuqqas ta' riżorsi materjali jew finanzjarji, li jsaħħu l-pożizzjoni żvantaġġata tan-nisa; jisħaq li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija eżerċitata bħala forma ta' kontroll koerċittiv fuq in-nisa li jipprevjeni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-mobbiltà soċjali, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomija u l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni, inkluż il-parteċipazzjoni ċivika sħiħa tagħhom u l-iżvilupp liberu ta' ħajjithom mingħajr vjolenza; |
|
13. |
Jenfasizza l-impatt ekonomiku detrimentali li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u l-kwistjonijiet sussegwenti dwar is-saħħa mentali li tikkawża, jista' jkollhom fuq il-vittmi, inkluża l-kapaċità tagħhom li jfittxu impjieg u l-piż finanzjarju impost fuqhom billi jieħdu azzjoni legali u jindika li l-ispejjeż tas-soċjetà annwali stmati tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru (EUR 290 biljun) (bejn EUR 49 biljun u EUR 89.3 biljun għall-fastidju ċibernetiku u l-imblukkar ċibernetiku) jaqbżu l-kostijiet annwali stmati ta' reati partikolarment serji kif elenkati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE (18); |
|
14. |
Jisħaq li l-Konvenzjoni ta' Istanbul tibqa' l-istandard internazzjonali u għodda ewlenija għall-qerda tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru billi jsegwi approċċ olistiku u kkoordinat li jqiegħed id-drittijiet tal-vittma fiċ-ċentru u jindirizza l-kwistjonijiet minn firxa wiesgħa ta' perspettivi; itenni l-appell tiegħu biex tiġi konkluża r-ratifika mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul abbażi ta' adeżjoni wiesgħa, u jenfasizza l-importanza tar-ratifika tagħha mill-Bulgarija, miċ-Ċekja, mill-Ungerija, mil-Latvja, mil-Litwanja u mis-Slovakkja; jinnota bi tħassib it-tentattivi f'xi Stati Membri biex tixxerred diżinformazzjoni dwar il-Konvenzjoni ta' Istanbul, bħaċ-ċaħda tal-eżistenza ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jikkundanna l-fatt li din id-diżinformazzjoni qed taqbad fl-Ewropa u b'hekk qed tikkontribwixxi għad-diffikultà tal-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa; |
|
15. |
Jindika li l-Konvenzjoni ta' Istanbul għandha tinftiehem bħala l-istandard minimu biex tinqered il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u li l-Unjoni għandha ssegwi miżuri leġiżlattivi saħansitra aktar deċiżivi u effettivi f'dan ir-rigward; ifakkar li tali miżuri leġiżlattivi ġodda għandhom fi kwalunkwe każ ikunu konsistenti mad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti mill-Konvenzjoni ta' Istanbul u għandhom ikunu komplementari għar-ratifika tagħha; jistieden lill-Istati Membri jqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika u jtejbu l-liġi nazzjonali biex tiġi allinjata aktar mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Istanbul sabiex jiġu żgurati implimentazzjoni u infurzar xierqa; |
|
16. |
Jiddenunzja l-fatt li l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija affettwata b'mod negattiv mill-attakki fuq id-drittijiet tan-nisa u tal-bniet u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jikkundanna l-azzjonijiet ta' movimenti kontra l-ġeneru u kontra n-nisa fl-Ewropa u madwar id-dinja li sistematikament jattakkaw id-drittijiet tan-nisa u l-LGBTIQ+, inklużi d-drittijiet sesswali u riproduttivi, u għandhom l-għan li jibdlu l-liġijiet eżistenti li jipproteġuhom, u b'hekk ipoġġu f'periklu r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jikkundanna d-diżinformazzjoni kollha li tinxtered b'mod deliberat dwar il-Konvenzjoni ta' Istanbul u għodod u inizjattivi oħra għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fl-Unjoni, li jxekklu l-protezzjoni tan-nisa mill-vjolenza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirċievu appoġġ u finanzjament mill-Unjoni ma jippromwovux id-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri; |
|
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni żżid u tiżgura finanzjament fit-tul iddedikat għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru permezz tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, inkluż l-appoġġ għal organizzazzjonijiet ta' kenn u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f'dak il-qasam; itenni l-importanza li jintużaw punti ta' riferiment u indikaturi biex jitkejjel il-progress; |
|
18. |
Jisħaq li hemm differenzi sostanzjali fid-definizzjoni legali u t-trattament ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-Istati Membri; jindika li dan ifixkel bil-kbir l-azzjonijiet leġiżlattivi tal-Unjoni kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inklużi d-Direttivi 2012/29/UE, 2011/36/UE u 2011/99/UE; |
|
19. |
Jenfasizza l-importanza tal-miżuri preventivi fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet; jinnota li tali miżuri jeħtieġu attenzjoni aktar ċara kemm fil-ġudikatura kollha kif ukoll fl-iskejjel u fil-kura tas-saħħa biex jiġi evitat u minimizzat ir-riskju tal-vjolenza; |
|
20. |
Jinsisti fuq azzjonijiet li jindirizzaw l-kawżi sottostanti tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż il-ġlieda kontra s-sessiżmu, l-istereotipi marbuta man-normi patrijarkali tal-ġeneru u l-valuri; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' riċerka u għarfien li jiffurmaw il-pedament għal politika u tfassil tal-liġi effettivi fil-prevenzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden, għalhekk, lill-EIGE u lill-Eurostat jaġixxu bħala hub ta' għarfien dwar il-vjolenza kontra l-bniet fl-Unjoni; jissottolinja l-fatt li l-vjolenza tal-irġiel kontra n-nisa tibda bil-vjolenza tas-subien kontra l-bniet; jikkunsidra, għalhekk, li l-miżuri preventivi jridu jibdew minn età bikrija; jissottolinja l-ħtieġa li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jkollha post ċentrali fl-edukazzjoni u jappella għal miżuri edukattivi mmirati lejn iż-żgħażagħ u implimentati magħhom, inkluża informazzjoni adatta għall-età, edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità, l-iżvilupp ta' relazzjonijiet mhux vjolenti, taħriġ ta' awtodifiża femminili fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 12(6) tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-paragrafu 125(g) tal-objettiv strateġiku D.1. tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, u azzjonijiet aktar ġenerali biex jiġu miġġielda s-segregazzjoni, l-inugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diskriminazzjoni; |
|
21. |
Jisħaq li l-attakk kontra d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ħafna drabi huwa dimensjoni waħda ta' deterjorament usa' fis-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkunsidraw il-ksur tad-drittijiet tan-nisa u l-LGBTIQ+ fil-kuntest tal-proċedimenti li għaddejjin tal-Artikolu 7 tat-TUE; |
|
22. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni madwar l-Unjoni kollha li jinkludu informazzjoni mmirata lejn l-edukazzjoni ta' ċittadini iżgħar fl-età tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u dwar l-impatt tal-vjolenza online u offline abbażi tal-ġeneru, li jappoġġja l-isforzi biex jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet ikunu jistgħu jgħixu ħajjithom b'mod liberu u sikur fl-oqsma kollha; |
|
23. |
Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tiżgura li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tiġi indirizzata b'mod effettiv fil-kurrikuli nazzjonali kollha; jilqa' proposta tal-Kummissjoni għal kampanja madwar l-Ewropa dwar l-istereotipi abbażi tal-ġeneru inklużi fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-impenn tagħha fir-rigward ta' “l-edukazzjoni tas-subien u tal-bniet minn età bikrija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-appoġġ għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet mhux vjolenti” bħala essenzjali għal prevenzjoni effettiva; |
|
24. |
Jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-kwistjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li tippermetti wkoll lill-Istati Membri b'politiki ta' suċċess li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki; |
|
25. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu d-disponibbiltà u l-komparabbiltà ta' data diżaggregata ta' kwalità dwar kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali u għall-armonizzazzjoni ta' sistemi ta' ġbir ta' data fost l-Istati Membri permezz ta' kooperazzjoni mal-Eurostat, mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u mal-EIGE; jemmen li data ta' kwalità se tkun essenzjali għal miri ċari u li jistgħu jitkejlu fl-eliminazzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jilqa' t-tħabbira ta' stħarriġ ġdid madwar l-Unjoni kollha mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-prevalenza u d-dinamika ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa; |
|
26. |
Jisħaq li sabiex nifhmu aktar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru fi ħdan l-Unjoni, jeħtieġ li jiġi żgurat li tal-inqas il-kategoriji li ġejjin jiġu inklużi fil-ġbir tad-data, fil-livell ta' intervent tal-infurzar tal-liġi: (a) il-ġeneru tal-vittma; (b) il-ġeneru tal-awtur ta' reat; (c) ir-relazzjoni bejn il-vittma u l-awtur ta' reat; (d) l-eżistenza ta' dimensjoni ta' vjolenza sesswali; (e) jekk il-vjolenza għandhiex motivazzjoni abbażi tal-ġeneru, u (f) karatteristiċi soċjodemografiċi oħra rilevanti għal analiżi intersezzjonali; jisħaq li, minbarra dik id-data, huwa neċessarju li jkun hemm data ġenerali dwar in-numru ta' lmenti, in-numru u t-tipi ta' ordnijiet ta' protezzjoni maħruġa, ir-rati ta' tkeċċija u rtirar ta' ilmenti, ir-rati ta' prosekuzzjoni u kundanni, iż-żmien meħud għall-għeluq ta' każijiet, l-informazzjoni dwar is-sentenzi imposti fuq l-awturi u r-riparazzjoni, inkluż kumpens ipprovdut lill-vittmi, inċidenti rrapportati bħala għajnuna jew servizzi tas-saħħa u servizzi soċjali li jittrattaw każijiet ta' vjolenza kontra n-nisa u stħarriġiet kampjunarji; |
L-indirizzar ta' kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru
|
27. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni u politiki mmirati b'approċċ intersezzjonali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jesperjenzaw forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni bbażati fuq il-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess u fuq raġunijiet oħra bħar-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f'minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat tas-saħħa, l-istat ċivili jew l-istat ta' migrazzjoni jew ta' refuġjat; jenfasizza l-ħtieġa fit-tfassil tal-politika u l-liġijiet li jiżdiedu impriżi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, inkluż dawk relatati ma' gruppi protetti mid-diskriminazzjoni mid-dritt tal-Unjoni u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea; |
|
28. |
Jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħhom biex jiġġieldu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru biex jiżguraw li l-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi kollha jkunu mmirati li jeqirdu l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, speċifikament li jinkludu lin-nisa fid-diversità u l-vjolenza kollha tagħhom kontra l-persuni LGBTIQ+ abbażi tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess; ifakkar li l-Parlament preċedentement ħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jadottaw liġijiet u politiki li jipprojbixxu t-terapija ta' konverżjoni, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u intersesswali u l-prattiki ta' sterilizzazzjoni furzata; |
|
29. |
Jisħaq li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità li tista' tieħu l-forma ta' vjolenza psikoloġika, fiżika, sesswali u ekonomika, u tinkludi, fost l-oħrajn, il-femiċidji, il-vjolenza minn sieħeb intimu, il-fastidju sesswali, il-vjolenza ċibernetika, l-istalking, l-istupru, iż-żwieġ bikri u mġiegħel, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, ir-reati mwettqa f'isem l-hekk imsejjaħ “unur”, l-abort imġiegħel, l-isterilizzazzjoni mġiegħla, l-isfruttament sesswali u t-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza istituzzjonali, il-vjolenza tat-tieni ordni, il-vjolenza permezz ta' terzi u l-vittimizzazzjoni sekondarja; |
|
30. |
Ifakkar li t-traffikar ta' bnedmin u l-isfruttament sesswali huma forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet u jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ sensittiv għall-ġeneru lejn it-traffikar tal-bnedmin; |
|
31. |
Jikkundanna l-fenomeni ta' vjolenza tat-tieni ordni li hija l-vjolenza fiżika jew psikoloġika, tpattija, l-umiljazzjoni u l-persekuzzjoni eżerċitata kontra persuni li jappoġġjaw lill-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jisħaq li dawk l-atti jfixklu l-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-appoġġ u l-irkupru tan-nisa f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; |
|
32. |
Huwa mħasseb ħafna dwar in-natura, il-firxa u l-gravità tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol; jilqa' f'dak ir-rigward il-Konvenzjoni Nru 190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol li ġiet adottata reċentement u jistieden lill-Istati Membri biex jirratifikawha u jimplimentawha mingħajr dewmien; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkompletaw b'mod adegwat il-qafas eżistenti għal miżuri effettivi biex jipprojbixxu l-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll miżuri preventivi, aċċess effettiv għal mekkaniżmi ta' rikors u soluzzjoni tat-tilwim li jirrispondu għall-ġeneru, sikuri u effettivi, kampanji ta' taħriġ u sensibilizzazzjoni, servizzi ta' appoġġ u rimedji psikoloġiċi; |
|
33. |
Jinsisti li l-vjolenza ċibernetika, inkluż il-fastidju sesswali u psikoloġiku fuq l-internet, is-cyberbullying, is-cyberstalking, it-tixrid mingħajr kunsens ta' ritratti sesswali, id-diskors sessist ta' mibegħda fuq l-internet u forom ġodda ta' fastidju online bħaż-zoom bombing jew theddid online, tikkostitwixxi forom ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; |
|
34. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-vjolenza ċibernetika taffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u lill-bniet u qed issir dejjem aktar komuni; ifakkar li l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru hija kontinwazzjoni tal-vjolenza offline, u hija inseparabbli minnha, peress li t-tnejn huma interkonnessi; jisħaq li l-vjolenza ċibernetika thedded il-progress fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għandha effett ta' trażżin, li huwa ta' detriment għall-prinċipji demokratiċi tal-Unjoni; jesprimi dispjaċir għall-fatt li n-nisa bi profil pubbliku, bħal politiċi, ġurnalisti, artisti u attivisti, ħafna drabi jkunu l-mira ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru bl-intenzjoni li tiġi skoraġġuta l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-ħajja pubblika u fl-isferi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet; |
|
35. |
Jisħaq fuq in-natura transfruntiera tal-vjolenza ċibernetika, bl-awturi jużaw pjattaformi jew mowbajls konnessi ma' Stati Membri għajr fejn tinsab il-vittma, jew ospitati minnhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ ikkoordinat tal-Unjoni biex jittejbu għodod ta' rapportar f'waqthom u aċċessibbli, mekkaniżmi effettivi għat-tneħħija tal-kontenut, u kooperazzjoni effettiva bejn il-pjattaformi online u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri għall-ġlieda kontra l-vjolenza online abbażi tal-ġeneru f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali; |
|
36. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jadottaw miżuri speċifiċi biex tinqered kull forma ta' vjolenza online, inkluż permezz ta' taħriġ xieraq għall-uffiċċjali tal-infurzar, li jaffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u lill-bniet, u jindirizzaw b'mod speċifiku ż-żieda f'dawn il-forom ta' vjolenza matul il-pandemija tal-COVID-19; |
|
37. |
Ifakkar li l-ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi, inklużi l-vjolenza sesswali, il-vjolenza ġinekoloġika u ostetrika u l-prattiki dannużi, huma forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet u persuni transġeneru u mhux binarji, kif rifless fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ, u huma xkiel għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
|
38. |
Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi skambji regolari ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati dwar id-drittijiet sesswali u riproduttivi, fil-proposti tagħha għal miżuri addizzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra forom ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; |
|
39. |
Jenfasizza l-fatt li l-isfurzar riproduttiv u ċ-ċaħda ta' kura sikura u legali għall-abort huma wkoll forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jisħaq li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet f'diversi okkażjonijiet li l-liġijiet restrittivi dwar l-abort u n-nuqqas ta' implimentazzjoni jiksru d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa; jisħaq li l-awtonomija tal-bniet u n-nisa u l-kapaċità ta' deċiżjonijiet liberi u indipendenti dwar ġisimhom u ħajjithom huma prerekwiżiti għall-indipendenza ekonomika tagħhom, għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għall-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jikkundanna bil-qawwa l-attakk kontra d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni, b'mod partikolari l-ostaklu għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa u l-projbizzjoni de facto tal-abort sikur u legali fil-Polonja; |
|
40. |
Jiddeplora n-nuqqasijiet viżibbli fis-sistema tal-infurzar tal-liġi, li jirriżultaw f'rati baxxi ta' kundanni f'każijiet ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet, u impunità għall-awturi ta' reat; jistieden lill-Istati Membri kollha jemendaw id-definizzjonijiet tal-“vjolenza sesswali” u l-“istupru” fil-liġi nazzjonali tagħhom sabiex ikunu bbażati fuq in-nuqqas ta' kunsens, kif stabbilit fil-Konvenzjoni ta' Istanbul; |
|
41. |
Huwa mħasseb dwar is-sesswalizzazzjoni tat-tfal, speċjalment is-sesswalizzazzjoni tal-bniet mill-irġiel; jikkunsidra li huwa essenzjali li tissaħħaħ il-protezzjoni pprovduta skont il-liġijiet kriminali dwar ir-reati sesswali kontra t-tfal, b'mod partikolari meta l-awtur juri negliġenza fir-rigward tal-età tat-tfal; |
|
42. |
Jissottolinja li n-nisa u l-bniet b'diżabilità huma darbtejn sa ħames darbiet aktar probabbli li jesperjenzaw diversi forom ta' vjolenza; jenfasizza li l-Unjoni hija obbligata, bħala parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, tieħu miżuri biex tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha tan-nisa u tal-bniet b'diżabilità; jinnota li l-Unjoni għandha tmexxi 'l quddiem l-isforzi tagħha f'dik id-direzzjoni, fost l-oħrajn, billi tirratifika l-Konvenzjoni ta' Istanbul; |
|
43. |
Jisħaq li n-nisa minn minoritajiet, u b'mod partikolari, nisa Rom u Musulmani, inklużi dawk li jilbsu lbies reliġjuż, huma affettwati b'mod sproporzjonat minn vjolenza abbażi tal-ġeneru, b'mod partikolari, fl-ispazju pubbliku, fuq il-post tax-xogħol u online; jenfasizza li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa Rom u Musulmani għandha tiġi indirizzata b'approċċ intersezzjonali li jqis id-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru flimkien mad-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon u l-etniċità; |
|
44. |
Jinnota li l-Kummissjoni jeħtiġilha tindirizza s-sitwazzjoni partikolari tal-protezzjoni tan-nisa migranti kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, b'mod partikolari każijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu fejn l-istatus ta' residenza tal-vittma jiddependi mill-koabitazzjoni jew l-istat ċivili, u jfakkar li skont id-Direttiva 2012/29/UE, l-aċċess għal protezzjoni xierqa, għal servizzi ta' appoġġ u għal rimedji effettivi jrid ikun disponibbli għall-vittmi kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż id-dritt li jirċievu informazzjoni u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fi proċedimenti kriminali, u li d-drittijiet kollha jridu japplikaw b'mod mhux diskriminatorju, inkluż fir-rigward tal-istatus ta' residenza tagħhom; |
|
45. |
Jissottolinja li l-biċċa l-kbira tal-liġijiet attwali dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati fl-Ewropa ma jindirizzawx il-vulnerabbiltà tan-nisa migranti u refuġjati, li l-konsegwenzi tagħhom jinkludu żieda fl-esponiment għal vjolenza abbażi tal-ġeneru waqt li jkunu għaddejjin, kundizzjonijiet ta' akkoljenza perikolużi, miżuri ta' protezzjoni insuffiċjenti u nuqqas ta' aċċess għall-ġustizzja għall-migranti fl-Unjoni; |
|
46. |
Jikkunsidra li l-vjolenza minn sieħeb intimu mhijiex biss delitt kontra l-vittma ta' vjolenza iżda għandha titqies bħala delitt kontra kwalunkwe minorenni li jkun xhud tagħha, inkluż minħabba l-effetti negattivi fit-tul fuq il-benesseri u l-iżvilupp tal-minorenni; jiddenunzja l-fatt li t-tfal tal-awturi ta' vjolenza kontra s-sieħeb jew sieħba intima tagħhom ħafna drabi jkunu soġġetti għal trattament ħażin bħala mod kif jeżerċitaw il-poter u l-vjolenza kontra l-omm, fenomenu magħruf bħala vjolenza indiretta u forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; |
Il-Protezzjoni, l-Appoġġ u r-Reparazzjoni
|
47. |
Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu u jiżguraw appoġġ u reparazzjonijiet għan-nisa u l-bniet fid-diversità kollha tagħhom u għas-superstiti kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u jippromwovu u jiżguraw il-protezzjoni tagħhom kontra kull forma ta' vjolenza, ifakkar li tali miżuri għandhom ikunu adegwati, attribwiti b'mod f'waqtu, olistiċi u proporzjonati għall-gravità tal-ħsara mġarrba u b'attenzjoni xierqa għall-ħtiġijiet ta' dawk li jesperjenzaw forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni u vjolenza; |
|
48. |
Jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw mal-Konvenzjoni ta' Istanbul billi jipprovdu miżuri protettivi u ta' appoġġ għan-nisa bbażati fuq fehim bejn il-ġeneri tal-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza bejn sħab intimi u li jiffukaw fuq id-drittijiet tal-bniedem u s-sikurezza tal-vittma, biex b'hekk tiġi evitata l-vjolenza istituzzjonali kkaġunata lill-vittmi minħabba liġijiet, jew prattiki amministrattivi jew ta' infurzar li mhumiex sensittivi għall-kunsiderazzjonijiet dwar il-ġeneru u/jew nuqqas ta' għarfien u proċeduri xierqa, li jistgħu jwasslu għal impunità għall-awtur kif ukoll għall-vittimizzazzjoni mill-ġdid; |
|
49. |
Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li anki t-tfal jiġu kkunsidrati bħala vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru f'każijiet ta' vjolenza kontra s-sieħeb jew sieħba intima, u li d-dinjità u s-sikurezza tagħhom ikunu ta' importanza kbira; jilqa', f'dak ir-rigward, il-liġijiet li jikkriminalizzaw tfal għal vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiżguraw li l-liġijiet dwar il-kustodja jkunu konformi ma' dak il-prinċipju, fis-sens li ma jingħatawx drittijiet ta' kustodja lil ġenitur li jkun l-awtur ta' vjolenza kontra s-sieħeb jew sieħba intima; |
|
50. |
Jissottolinja l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li jkun hemm appoġġ u servizzi adegwati għas-superstiti ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, inkluż fi żminijiet ta' kriżi; ifakkar fl-importanza, f'dak il-kuntest, tal-provvista ta' appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u għall-organizzazzjonijiet ta' kenn tan-nisa, li huma l-organizzazzjonijiet bl-għarfien meħtieġ biex jiżguraw il-protezzjoni tan-nisa; |
|
51. |
Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess għall-vittmi għal servizzi ta' appoġġ u servizzi essenzjali, inklużi servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, u li jiggarantixxu dan l-aċċess anki f'żoni rurali; jappoġġja bis-sħiħ id-disponibbiltà tas-servizzi pubbliċi matul l-istadji kollha tal-proċessi ta' reparazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta' appoġġ psikoloġiku, legali u ta' impjieg essenzjali li jfittex appoġġ; |
|
52. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqajmu kuxjenza u jiżguraw li l-informazzjoni lill-vittmi u lill-awturi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru tkun disponibbli fil-lingwi kollha tal-Unjoni, bl-għan li tiżgura li d-drittijiet tal-vittmi jiġu rispettati meta jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom għall-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni; |
|
53. |
Jistieden lill-Istati Membri, b'kunsiderazzjoni tal-kuntest strutturali tad-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza, jżidu l-ħidma tagħhom sabiex jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess ugwali għall-ġustizzja u għal sistema ġudizzjarja indipendenti li huma fiżikament, ekonomikament, soċjalment u kulturalment disponibbli għall-vittmi kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiggarantixxu li d-drittijiet tal-vittma jitqiegħdu fuq quddiem nett sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni, it-trawmatizzazzjoni jew il-vittimizzazzjoni matul proċedimenti ġudizzjarji, mediċi u tal-pulizija permezz tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru matul il-proċess kollu; |
|
54. |
Jissottolinja bi tħassib li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għad għandhom kwistjonijiet bit-traspożizzjoni kompleta jew korretta u/jew applikazzjoni prattika tad-Direttiva 2012/29/UE, kif riflessa fl-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, u jistieden lill-Istati Membri jittrasponuha b'mod debitu u diliġenti fuq bażi sħiħa u korretta; |
|
55. |
Jissottolinja li n-nuqqas li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' fiduċja u kunfidenza fl-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u fis-sistema ġudizzjarja mis-superstiti ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru huwa kontributur importanti għan-nuqqas ta' rappurtar; jistieden lill-Istati Membri jtejbu r-riżorsi u t-taħriġ tal-prattikanti u tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, inklużi l-ġudikaturi u l-prosekuturi pubbliċi, l-esperti forensiċi u l-professjonisti oħrajn kollha li jittrattaw il-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri jevalwaw il-possibbiltà li jistabbilixxu qrati speċjalizzati għal dak il-għan; jinsab konvint li l-iżgurar li l-uffiċjali tal-pulizija u l-imħallfin jiġu mgħammra b'aktar għarfien, u ħiliet personali biex jisimgħu, jifhmu u jirrispettaw b'attenzjoni s-superstiti kollha tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, għandu jikkontribwixxi għall-indirizzar tan-nuqqas ta' rappurtar u l-vittimizzazzjoni mill-ġdid u se joħloq ambjent aktar sikur għas-superstiti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; |
|
56. |
Jistieden lill-Istati Membri kollha jikkonformaw bis-sħiħ mal-Konvenzjoni ta' Istanbul billi jadottaw programmi ta' trattament indirizzati lill-awturi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika bl-għan li jipprevjenu aktar vjolenza, jipprovdu għarfien dwar in-normi tal-ġeneru distruttivi, ir-relazzjonijiet ta' poter asimetriċi u l-valuri li jirfdu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiżguraw li s-sikurezza u d-drittijiet tal-bniedem tal-vittmi jkunu t-tħassib ewlieni; |
|
57. |
Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat aċċess għall-ġustizzja għas-superstiti kollha tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż l-aċċess għal assistenza legali ta' kwalità, u r-responsabbiltà sħiħa għall-awturi kollha ta' reati relatati ma' kunflitti abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet, kif ukoll kontra l-irġiel u s-subien, billi jiġu attivati l-proċeduri legali fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, b'mod partikolari permezz tal-Istatut ta' Ruma u tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; |
|
58. |
Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttivi 2011/99/UE, 2012/29/UE u 2011/36/UE; |
|
59. |
Jissottolinja li n-nuqqas ta' att legali tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u d-disparitajiet fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri jwasslu għal livelli differenti ta' protezzjoni għas-superstiti; |
|
60. |
Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li testendi l-oqsma tar-reati elenkati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE biex jinkludu r-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess bħala bażi ta' diskriminazzjoni koperta b'mod speċifiku minn dak l-Artikolu; jikkunsidra li din il-miżura hija essenzjali biex tiżgura l-protezzjoni tal-persuni LGBTIQ+ fl-Unjoni; |
|
61. |
Jindika l-importanza li jsir użu sħiħ mill-possibbiltajiet ta' taħriġ disponibbli għall-Istati Membri permezz tad-diversi programmi u korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ rikorrenti u effettiv li jinkludi l-perspettiva tal-ġeneru u tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi jkollhom id-dritt għal għajnuna legali pubblika ta' kwalità għolja ffinanzjata mill-pubbliku qabel u matul il-proċedimenti ġudizzjarji; |
|
62. |
Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li toħroġ bi proposta fl-2021 għal direttiva biex tipprevjeni u tiġġieled il-vjolenza abbażi tal-ġeneru sabiex timplimenta l-istandards tal-Konvenzjoni ta' Istanbul; jisħaq li dik id-direttiva l-ġdida trid tkun komplementari għall-miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi eżistenti u futuri sabiex tinkiseb azzjoni koerenti tal-Unjoni fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll ratifika eventwali tal-Konvenzjoni ta' Istanbul; itenni għalhekk l-appell tiegħu lill-Unjoni biex tirratifika l-Konvenzjoni ta' Istanbul; ifakkar ukoll fl-impenn tal-President tal-Kummissjoni biex jestendi l-oqsma tal-kriminalità biex jinkludi forom speċifiċi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru f'konformità mal-Artikolu 83(1) tat-TFUE; |
Il-passi li jmiss fil-livell tal-Unjoni
|
63. |
Jisħaq li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm online kif ukoll offline, hija reat partikolarment serju u ksur mifrux tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fl-Unjoni li jeħtieġ li jiġi indirizzat b'effiċjenza u determinazzjoni akbar fuq bażi komuni; jisħaq li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija r-riżultat ta' differenzi strutturali u sistemiċi bejn il-ġeneri li għandhom dimensjoni transfruntiera; jindika, b'mod partikolari, il-movimenti dejjem jikbru kontra l-ġeneru, kontra l-LGBTIQ+ u kontra n-nisa, li huma organizzati tajjeb u li għandhom natura transfruntiera; jikkunsidra, barra minn hekk, li d-dimensjoni transfruntiera tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u l-impatt kbir individwali, ekonomiku u soċjetali tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-Istati Membri kollha jirriaffermaw il-ħtieġa li tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fid-dimensjonijiet multipli tagħha fuq bażi komuni tal-Unjoni; |
|
64. |
Jitlob lill-Unjoni biex tindirizza b'urġenza ż-żieda fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru matul il-pandemija tal-COVID-19; jistieden, f'dak ir-rigward, lill-Kummissjoni tiżviluppa protokoll tal-Unjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru fi żminijiet ta' kriżi u biex tinkludi servizzi ta' protezzjoni għall-vittmi, bħal linji telefoniċi għall-għajnuna, akkomodazzjoni sikura u servizzi tas-saħħa bħala “servizzi essenzjali” fl-Istati Membri, sabiex tiġi evitata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiġu appoġġjati l-vittmi tal-vjolenza domestika waqt kriżijiet bħall-pandemija tal-COVID-19; |
|
65. |
Jisħaq li l-adozzjoni ta' strumenti reġjonali u internazzjonali, bħall-Konvenzjoni ta' Istanbul, id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa u riżoluzzjonijiet oħra tan-Nazzjonijiet Uniti, turi wkoll il-ħtieġa li tiġi miġġielda kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq bażi komuni; |
|
66. |
Jisħaq li l-ħtieġa speċjali li tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq bażi komuni tirriżulta wkoll mill-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati u sanzjonijiet kriminali, inkluża definizzjoni komuni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif ukoll regoli minimi li jikkonċernaw il-kwistjonijiet ewlenin ta' prevenzjoni, sottorappurtar, protezzjoni tal-vittmi, appoġġ u reparazzjoni, u l-prosekuzzjoni tal-awturi ta' reat; jissottolinja li l-approċċi u l-livelli ta' impenn tal-Istati Membri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru jvarjaw b'mod sinifikanti u, għalhekk, li approċċ ta' bażi komuni jikkontribwixxi wkoll għall-infurzar tal-liġi f'operazzjonijiet transfruntiera; |
|
67. |
Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tidentifika l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità li jissodisfa l-kriterji speċifikati f'dak l-Artikolu, skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta' hawn taħt u jitlob lill-Kummissjoni tuża dak il-qasam il-ġdid ta' kriminalità bħala bażi ġuridika għal direttiva olistika tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm online kif ukoll offline; |
|
68. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi direttiva komprensiva dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru li timplimenta l-istandards tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u standards internazzjonali oħra bħar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u tinkludi l-elementi li ġejjin:
|
|
69. |
Jistieden lill-Kummissjoni taħtar koordinatur kontra l-vjolenza fuq in-nisa u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; |
o
o o
|
70. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill. |
(1) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(2) ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.
(3) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(4) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.
(5) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 2.
(6) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 167.
(7) ĠU C 449, 23.12.2020, p. 102.
(8) ĠU C 232, 16.6.2021, p. 48.
(9) Testi adottati, P9_TA(2020)0336.
(10) Testi adottati, P9_TA(2021)0024.
(11) Testi adottati, P9_TA(2021)0025.
(12) Testi adottati, P9_TA(2021)0041.
(13) Testi adottati, P9_TA(2021)0058.
(14) https://www.unwomen.org/en/digital-library/publications/2020/04/issue-brief-covid-19-and-ending-violence-against-women-and-girls
(15) https://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?docid=238745&doclang=mt
(16) https://www.unwomen.org/en/what-we-do/ending-violence-against-women/facts-and-figures
(17) https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/political-guidelines-next-commission_mt_0.pdf
(18) Valutazzjoni tal-Valuri Miżjuda Ewropej (EAVA) interim tal-EPRS dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, p. 35.
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-identifikazzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ta' kriminalità li jissodisfa l-kriterji speċifikati fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni ta-Parlament Ewropew,
Whereas:
|
(1) |
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija fil-qalba tal-valuri tal-Unjoni u hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni minqux fit-Trattati u rikonoxxut fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). Id-dritt għat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta. It-tmiem tal-vjolenza tal-irġiel kontra n-nisa u l-bniet huwa prerekwiżit għall-kisba ta' ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel. |
|
(2) |
L-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi li l-Unjoni, fl-attivitajiet kollha tagħha, għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza, bejn in-nisa u l-irġiel. |
|
(3) |
Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, il-Kunsill jista', abbażi tal-iżviluppi fil-kriminalità, jadotta deċiżjoni li tidentifika oqsma oħra ta' kriminalità flimkien ma' dawk speċifikati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, ta' kriminalità partikolarment serja b'dimensjoni transfruntiera derivata min-natura jew mill-impatt ta' dawn ir-reati jew minn bżonn speċjali li jiġu miġġielda fuq bażi komuni. |
|
(4) |
Meta jadotta deċiżjoni bħal din skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. |
|
(5) |
L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni ta' Istanbul”) jiddefinixxu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa bħala vjolenza diretta kontra mara minħabba li hija mara jew li taffettwa lin-nisa b'mod sproporzjonat. Skont il-Konvenzjoni ta' Istanbul, id-definizzjoni ta' “vjolenza fuq in-nisa” hija l-atti kollha ta' vjolenza fuq in-nisa, u li jikkawżaw jew jistgħu jikkawżaw lin-nisa ħsara jew tbatija fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika, inkluż it-theddid ta' atti bħal dawn, l-użu ta' forza jew iċ-ċaħda arbitrarja tal-libertà, kemm jekk dan isir fil-ħajja pubblika kif ukoll fil-ħajja privata. |
|
(6) |
Il-persuni LGBTIQ+ huma wkoll vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru minħabba l-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess tagħhom. |
|
(7) |
Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra persuni LGBTIQ+ tinkludi vjolenza fiżika, vjolenza psikoloġika, żwiġijiet imġiegħla, vjolenza sesswali, inklużi l-istupru u l-fastidju sesswali “korrettivi”, il-mutilazzjonijiet ġenitali ta' nisa u persuni intersesswali, l-isterilizzazzjoni mġiegħla ta' persuni trans u intersesswali, l-hekk imsejħa reati tal-“unur”, it-terapija ta' konverżjoni, id-diskors ta' mibegħda kemm online kif ukoll offline, il-bullying u l-fastidju, it-tiċħid soċjoekonomiku u l-vjolenza li jseħħu fi ħdan il-familja u/jew l-unità domestika, minħabba l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess tal-vittmi. |
|
(8) |
Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha l-għeruq tagħha fl-istereotipi marbutin mal-ġeneru, l-istrutturi eteropatrijarkali u l-asimmetriji ta' poter u inugwaljanzi strutturali u istituzzjonali. Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru taffettwa l-oqsma kollha tas-soċjetà. |
|
(9) |
Skont il-Konvenzjoni ta' Istanbul, il-ġeneru huwa definit bħala “r-rwoli, l-imġibiet, l-attivitajiet u l-attributi mibnija soċjalment li soċjetà partikolari tikkunsidra xierqa għan-nisa u l-irġiel”, li jfakkar li ħafna forom ta' vjolenza kontra n-nisa għandhom l-għeruq tagħhom fl-inugwaljanzi fil-poter bejn in-nisa u l-irġiel. |
|
(10) |
Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm online kif ukoll offline, u n-nuqqas ta' aċċess għal protezzjoni adegwata huma l-aktar manifestazzjoni serja ta' diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet fundamentali kif minqux fil-Karta, bħad-dritt għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, u għall-integrità fiżika u mentali, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew pieni inumani jew degradanti, il-projbizzjoni tal-jasar u tax-xogħol furzat, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà u d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja. |
|
(11) |
Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm online kif ukoll offline, hija reat partikolarment serju u ksur mifrux tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fl-Unjoni li jeħtieġ li jiġi indirizzat b'effiċjenza akbar u jiġi ddeterminat fuq bażi komuni. |
|
(12) |
L-adozzjoni ta' strumenti reġjonali u internazzjonali, bħall-Konvenzjoni ta' Istanbul, id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa u riżoluzzjonijiet oħra tan-Nazzjonijiet Uniti, turi l-ħtieġa li tiġi miġġielda kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq bażi komuni. |
|
(13) |
Il-ħtieġa speċjali li tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq bażi komuni tirriżulta wkoll mill-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati u sanzjonijiet kriminali, inkluża definizzjoni komuni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif ukoll regoli minimi li jikkonċernaw il-kwistjonijiet ewlenin ta' prevenzjoni, sottorappurtar, protezzjoni tal-vittmi, appoġġ u reparazzjoni, u l-prosekuzzjoni tal-awturi ta' reat. L-approċċi u l-livelli ta' impenn tal-Istati Membri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru jvarjaw b'mod sinifikanti u, għalhekk, approċċ ta' bażi komuni jikkontribwixxi wkoll għall-infurzar tal-liġi f'operazzjonijiet transfruntiera. |
|
(14) |
Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tissodisfa l-kriterji li għandhom jiġu identifikati bħala qasam ġdid ta' kriminalità skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija b'dan identifikata bħala qasam ta' kriminalità li jissodisfa l-kriterji speċifikati fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President