1.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/178


P9_TA(2021)0356

Hong Kong, b'mod partikolari l-każ ta' Apple Daily

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2021 dwar Hong Kong, b'mod partikolari l-każ ta' Apple Daily (2021/2786(RSP))

(2022/C 99/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti kollha tiegħu dwar Hong Kong, b'mod partikolari dawk tal-21 ta' Jannar 2021 dwar ir-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika f'Hong Kong (1), tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong (2), tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong (3) u tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' Mejju 2021 dwar il-kontrosanzjonijiet Ċiniżi fuq entitajiet tal-UE, Membri tal-PE u Deputati nazzjonali (5), tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina (6) u tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina (7),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina (8),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Membri tal-Parlament Ewropew David McAllister u Reinhard Bütikofer dwar il-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà nazzjonali f'Hong Kong tal-1 ta' Lulju 2020,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar l-għeluq tal-operazzjonijiet f'Hong Kong ta' Apple Daily u tas-17 ta' April 2021 dwar is-sentenzjar ta' attivisti favur id-demokrazija f'Hong Kong, id-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ġunju 2021 tal-VP/RGħ dwar il-bidliet fis-sistema elettorali ta' Hong Kong, id-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ f'isem l-UE tal-11 ta' Marzu 2021 dwar is-sistema elettorali ta' Hong Kong u tas-7 ta' Jannar 2021 dwar l-arrest tal-massa ta' persuni involuti fl-elezzjonijiet primarji favur id-demokrazija ta' Lulju 2020, u l-istqarrijiet u d-dikjarazzjonijiet l-oħrajn kollha dwar is-sitwazzjoni f'Ħong Kong,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tat-2 ta' Mejju 2021 f'isem l-UE fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għal-Libertà tal-Istampa,

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-UE dwar l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi fl-2020 tat-12 ta' Marzu 2021,

wara li kkunsidra t-13-il Djalogu Strutturat Annwali, li sar f'Hong Kong fit-28 ta' Novembru 2019,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Lulju 2020 dwar Hong Kong,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tas-16 ta' Diċembru 1966, u t-tħassib imqajjem mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-Lista ta' Kwistjonijiet tiegħu dwar Hong Kong tas-26 ta' Awwissu 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Ġunju 2021 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, li l-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà nazzjonali ta' Hong Kong kienet qed twassal lill-ġurnalisti biex “jiċċensuraw lilhom infushom” biex jevitaw li jħabbtu wiċċhom ma' “reati fformulati b'mod vag”, u d-dikjarazzjoni tagħha tal-21 ta' Ġunju 2021 waqt is-47 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-appell tal-esperti tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2020 għal miżuri deċiżivi favur il-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali fiċ-Ċina,

wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali f'Hong Kong mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż fit-30 ta' Ġunju 2020,

wara li kkunsidra l-komunikat tas-Summit tal-G7 tat-13 ta' Ġunju 2021 u d-dikjarazzjoni tal-G7 tat-12 ta' Marzu 2021 dwar il-bidliet elettorali f'Hong Kong,

wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (HKSAR), adottata fl-4 ta' April 1990, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2019 bit-titolu “UE-Ċina – Perspettiva strateġika” (JOIN(2019)0005),

wara li kkunsidra l-politika ta' “Ċina Waħda” tal-UE u l-prinċipju ta' “pajjiż wieħed, żewġ sistemi”,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fil-qofol tar-relazzjoni twila ta' bejn l-UE u ċ-Ċina, bi qbil mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha u l-interess li wriet iċ-Ċina li tirrispettahom fl-iżvilupp u fil-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;

B.

billi fis-17 ta' Ġunju 2021, 500 pulizija armat ta' Hong Kong wettqu rejd fl-uffiċċji tal-akbar gazzetta favur l-oppożizzjoni, l-Apple Daily, ġiegħlu lill-ġurnalisti jitilqu min-newsroom, u fittxew fil-kompjuters, telefons u materjal ġurnalistiku tal-ġurnalisti, fl-ewwel każ li fih l-awtoritajiet qiesu li xi artikli tal-midja setgħu kisru l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali ta' Hong Kong; billi ħamsa mill-eżekuttivi għolja u l-edituri tal-karta ġew arrestati, inklużi l-Kap Editur Ryan Law, il-Kap Eżekuttiv Cheung Kim-hung, l-Uffiċjal Operattiv Ewlieni Royston Chow, il-Pubblikatur Assoċjat Chan Puiman u d-Direttur ta' Apple Daily Digital Cheung Chi-wai;

C.

billi, skont kelliem tal-pulizija ta' Hong Kong, id-diriġenti u l-edituri tal-gazzetta ġew arrestati minħabba r-rwol tagħhom fil-pubblikazzjoni ta' aktar minn 30 artiklu li kienu jitolbu lill-pajjiżi barranin jimponu sanzjonijiet b'rabta mal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali; billi dawn it-talbiet ġew ikkunsidrati mill-awtoritajiet ta' Hong Kong bħala kollużjoni ma' pajjiżi barranin li tipperikola s-sigurtà nazzjonali;

D.

billi fit-23 ta' Ġunju 2021, il-pulizija arrestat ukoll lill-kittieb editorjali tar-rivista China Beat ta' Apple Daily Yeung Ching-kee (magħruf ukoll bħala Li Ping) u akkużatu wkoll b'“konfoffa biex jikkolludi ma' forzi barranin”, filwaqt li l-kittieb editorjali anzjan ta'Apple Daily Fung Wai-kwong (magħruf ukoll bħala Lo Fung) ġie arrestat fis-27 ta' Ġunju 2021 għall-istess reat;

E.

billi, wara l-iffriżar tal-assi kollha tagħha (madwar EUR 2 miljun) mill-awtoritajiet ta' Hong Kong abbażi tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali, Apple Daily ġiet imġiegħla tagħlaq definittivament fl-24 ta' Ġunju 2021 wara 26 sena ta' attività; billi aktar minn 800 membru tal-persunal ta' Apple Daily tilfu l-impjieg tagħhom u x'aktarx ma jerġgħux jiġu impjegati f'Hong Kong;

F.

billi l-fundatur ta' Apple Daily, Jimmy Lai, qed jiskonta piena ta' 20 xahar ħabs għall-involviment tiegħu fil-moviment ta' protesta tal-2019 u qed jiffaċċja aktar akkużi fl-ambitu tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali li possibbilment iwasslu għal sentenza ta' għomor il-ħabs; billi Apple Daily dejjem kienet vuċi miftuħa u kritika fil-konfront tat-tmexxija taċ-Ċina u ta' Hong Kong u kienet l-unika gazzetta bil-lingwa Ċiniża f'Hong Kong li kienet ħielsa mill-kontroll tal-Gvern Ċiniż;

G.

billi l-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali ppermettiet li uffiċjal wieħed, jiġifieri s-Segretarju għas-Sigurtà ta' Hong Kong, jiffriża l-assi kollha ta' Apple Daily, mingħajr akkuża formali jew proċess ġust, sempliċiment abbażi ta' allegazzjonijiet ta' ksur tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali; billi tali proċedura tista' tiġi applikata għal kwalunkwe entità kkwotata fil-borza jew għal kwalunkwe kumpanija li sempliċiment tagħmel negozju f'Hong Kong;

H.

billi t-30 ta' Ġunju 2021 kien l-ewwel anniversarju tad-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali; billi l-awtoritajiet kienu ħabbru li l-liġi kien se jkollha fil-mira tagħha biss “minoranza estrema” li thedded is-sigurtà pubblika; billi, madankollu, matul perjodu ta' sena, il-liġi ġiet applikata biex iżżarma kompletament is-soċjetà ħielsa ta' Hong Kong fuq kważi kull front, abbażi ta' sensiela ta' akkużi definiti b'mod vag bħal “subverżjoni”, “seċessjoni” u “kollużjoni ma' forzi barranin”, u ttrasformat għall-aħħar ix-xenarju politiku u ġuridiku ta' Hong Kong u ħonqot il-libertà tal-istampa u l-espressjoni libera tal-opinjonijiet; billi s-sigurtà nazzjonali ntużat biex tiġġustifika ċ-ċensura, il-fastidju, l-arresti u l-prosekuzzjonijiet li sistematikament kellhom fil-mira tagħhom lir-rappreżentanti politiċi u eletti, lill-attivisti, lill-istudenti u lill-ġurnalisti fil-kamp favur id-demokrazija; billi huwa stmat li 128 persuna ġew arrestati fl-ambitu tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali u 64 persuna ġew akkużati formalment, li minnhom 47 bħalissa jinsabu f'arrest preventiv; billi l-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali tikser kompletament il-prinċipju ta' “pajjiż wieħed, żewġ sistemi”; billi l-erożjoni tal-libertajiet tal-istampa tmur ukoll kontra l-aspirazzjoni ta' Hong Kong bħala ċentru kummerċjali internazzjonali;

I.

billi, mid-dħul fis-seħħ tagħha, il-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali ntużat biex tintimida, tattakka u saħansitra tagħmel ħsara lill-ġurnalisti u lill-media, li kienu diġà bdew iħallu l-impjieg tagħhom b'riżultat ta' dan; billi mill-inqas 10 ġurnalist u difensuri tal-libertajiet tal-istampa bħalissa qed jiffaċċjaw sentenzi potenzjali ta' għomor il-ħabs; billi l-għeluq furzat ta' Apple Daily, ibbażat fuq akkużi li l-attivitajiet tagħha jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà nazzjonali, jikkostitwixxi t-tmiem definittiv tal-libertà tal-media u tal-libertà tal-espressjoni f'Hong Kong;

J.

billi fis-27 ta' Ġunju 2021, Stand News, entità tal-media indipendenti oħra, ħabbret li kienet ħassret l-artikoli kollha tal-opinjoni mis-sit web tagħha filwaqt li sitt diretturi tagħha rriżenjaw; billi l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti ta' Hong Kong wissiet sabiex ma jkunx hemm aktar arresti ta' ġurnalisti u rrappurtat li l-awtoritajiet fasslu lista ta' individwi li għandhom jiġu arrestati fl-ambitu tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali;

K.

billi mill-inqas żewġ imħallfin barranin irriżenjaw mill-pożizzjoni tagħhom u kkwotaw l-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali bħala r-raġuni ewlenija; billi f'Ġunju ta' din is-sena l-leġiżlaturi favur Beijing intervjenew b'suċċess, għall-ewwel darba, fil-ħatra ta' mħallef anzjan fil-Qorti tal-Appell Finali ta' Hong Kong, f'dak li jidher li huwa l-ewwel pass konkret fit-tentattiv li tiġi mminata l-indipendenza tal-ġudikatura;

L.

billi l-awtoritajiet ta' Hong Kong introduċew hotline għall-informaturi fil-qafas tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali; billi l-materjal edukattiv u l-kurrikuli fl-iskejjel primarji u sekondarji, inklużi l-iskejjel internazzjonali li fihom jattendu t-tfal barranin, issa qed jiġu eżaminati abbażi tal-prinċipji tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali;

M.

billi 10 personalitajiet prominenti favur id-demokrazija, jiġifieri Martin Lee, Albert Ho, Jimmy Lai, Margaret Ng, Cyd Ho, Lee Cheuk-yan, Leung Kwok-hung, Au Nok-hin, Leung Yiu-chung u Yeung Sum, fis-16 ta' April 2021 f'Hong Kong, ġew ikkundannati f'żewġ każijiet separati, għall-involviment paċifiku tagħhom fil-protesti; billi s-sentenzi tagħhom ivarjaw minn sentenzi ta' ħabs li jvarjaw bejn 8 u 18-il xahar, u sentenzi ta' ħabs sospiżi li jvarjaw minn 8 sa 12-il xahar f'ħamsa mill-każijiet; billi dawn l-aħħar deċiżjonijiet isegwu l-kundanna ta' Joshua Wong u Sze-yiu Koo fit-13 ta' April 2021; billi l-priġunerija twila ta' wħud mill-individwi għal atti mhux vjolenti meta eżerċitaw drittijiet ċiviċi protetti hija sinjal ulterjuri tat-tnaqqis kontinwu tal-ispazju demokratiku u l-erożjoni tal-libertajiet fundamentali f'Hong Kong;

N.

billi l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali de jurede facto qed tikser b'mod ċar id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 u l-Liġi Bażika tal-1990 tal-HKSAR, li tiggarantixxi l-awtonomija u l-indipendenza tal-poteri eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji tal-pajjiż, kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi bħal-libertà tal-kelma, tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni u tal-istampa għal 50 sena wara t-trasferiment tas-sovranità; billi l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali timpedixxi wkoll lil Hong Kong milli jikkonforma mal-obbligi internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-ICCPR; billi kemm id-Dikjarazzjoni Konġunta kif ukoll il-Liġi Bażika jistabbilixxu l-prinċipju ta' “pajjiż wieħed, żewġ sistemi” kif miftiehem bejn iċ-Ċina u r-Renju Unit;

O.

billi l-UE u l-Parlament Ewropew dejjem appoġġjaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' “pajjiż wieħed, żewġ sistemi” u l-preservazzjoni tal-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong f'konformità mal-Liġi Bażika u l-impenji internazzjonali, u billi l-UE għandha interess qawwi fit-tkomplija tal-istabbiltà u l-prosperità ta' Hong Kong skont dan il-prinċipju; billi fiċ-ċirkostanzi attwali dawn il-prinċipji qegħdin jiddgħajfu u jinġiebu fix-xejn b'mod inevitabbli u irriversibbli;

P.

billi l-UE għad għandha tħassib serju rigward il-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal Hong Kong; billi din hija kwistjoni sensittiva, b'konsegwenzi estensivi għal Hong Kong u l-poplu tiegħu, għaċ-ċittadini tal-UE u dawk barranin, għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE u internazzjonali, kif ukoll għall-fiduċja kummerċjali f'Hong Kong; billi d-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali jżid ir-riskji għaċ-ċittadini tal-UE;

Q.

billi, skont ir-rapport annwali ta' Human Rights Watch, iċ-Ċina tinsab f'nofs l-aktar perjodu oskur tagħha f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem minn mindu seħħ il-massakru tal-Pjazza Tiananmen;

R.

billi l-ġurnalisti li jaħdmu max-xandar pubbliku tal-Macao ġew ordnati jippromwovu “l-patrijottiżmu, ir-rispett u l-imħabba” lejn iċ-Ċina, u mill-inqas sitt ġurnalisti rriżenjaw wara l-introduzzjoni ta' regoli editorjali ġodda, liema fatt juri li t-tħassib rigward il-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali jaffettwa wkoll reġjuni oħra; billi l-Liġi Bażika tal-Macao tipproteġi wkoll il-libertà tal-istampa u se tibqa' fis-seħħ sal-2049;

S.

billi dikjarazzjoni konġunta maħruġa mill-Kanada f'isem 44 Stat, l-ogħla għadd ta' firmatarji sa issa, fosthom 23 Stat Membru tal-UE, ġiet adottata fis-sessjoni li għaddejja bħalissa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

1.

Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-għeluq furzat tal-gazzetta Apple Daily, it-tkomplija tal-iffriżar tal-assi tagħha u l-arresti tal-ġurnalisti tagħha bħala pass ieħor min-naħa tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex iżżarma s-soċjetà ħielsa f'Hong Kong u ttemm b'mod definittiv il-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni f'Hong Kong;

2.

Jinsab allarmat bid-deterjorament mgħaġġel tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Hong Kong u b'mod aktar speċifiku bl-attakki miftuħa kontra l-libertà tal-kelma u l-libertà tal-istampa, hekk kif ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina qed tkompli twettaq repressjoni bla preċedent fuq il-libertajiet fundamentali, li żvolġiet f'emerġenza tad-drittijiet tal-bniedem, u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tieħu azzjoni urġenti u determinata;

3.

Jesprimi l-akbar solidarjetà tiegħu mal-ġurnalisti kollha ta' Hong Kong li, minkejja d-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali, baqgħu jirsistu biex jiddefendu l-libertà tal-midja u l-ġurnaliżmu indipendenti u biex ikomplu jirrappurtaw dwar l-evoluzzjoni drammatika tal-avvenimenti f'Hong Kong; jistieden lill-awtoritajiet ta' Hong Kong itemmu l-fastidju ġuridiku kollu u l-intimidazzjoni kollha diretti lejn il-ġurnalisti u jistinkaw għall-protezzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti kontra kull forma ta' vjolenza, pressjoni, diskriminazzjoni, proċedimenti ġuridiċi inġusti u t-tentattivi kollha li għandhom l-għan li jżommuhom milli jwettqu l-missjoni tagħhom jew li jdgħajfu l-kapaċità tagħhom li jagħmlu dan skont in-normi internazzjonali, speċjalment l-Artikoli 19 u 21 tal-ICCPR dwar id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal-libertà tal-għaqda paċifika;

4.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' Hong Kong jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-ġurnalisti kollha, kif ukoll lid-dimostranti paċifiċi, lill-attivisti u lir-rappreżentanti politiċi kollha, li sempliċement eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u drittijiet oħra tal-bniedem u li sfaw arrestati fuq akkużi skont il-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali, u jħeġġiġhom iwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jitlob li jieqfu l-prosekuzzjonijiet politikament motivati u proċeduri ġuridiċi oħra fil-konfront tad-dimostranti paċifiċi bil-għan li jsikktu l-vuċijiet ta' kritika u jiskoraġġixxu lin-nies milli jipparteċipaw fl-isfera pubblika;

5.

Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali fit-30 ta' Ġunju 2020, liġi li tikser l-impenji u l-obbligi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika, u tikkostitwixxi attakk komprensiv fuq il-livell għoli ta' awtonomija, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali tal-belt; jirrikonoxxi li l-liġi ntużat bosta drabi bħala bażi biex kandidati elettorali u politiċi jiġu skwalifikati u mitfugħin il-ħabs, biex studenti jiġu arrestati minħabba pubblikazzjonijiet li jkunu tellgħu fuq il-midja soċjali u biex jiġu pprojbiti slogans ta' protesta komuni; jisħaq li l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali timpedixxi li jkun hemm relazzjoni ta' fiduċja bejn iċ-Ċina u l-UE, iddgħajjef il-kooperazzjoni futura u twassal għad-deterjorament ulterjuri tal-kredibbiltà ta' Beijing fix-xena internazzjonali;

6.

Jikkundanna kwalunkwe tentattiv biex l-attivisti favur id-demokrazija jiġu mġiegħla jisktu, inkluż l-imblukkar ta' siti web favur id-demokrazija, fuq il-bażi tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali; itenni li l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni hija dritt fundamentali minqux fid-dritt nazzjonali ta' Hong Kong u f'dak internazzjonali;

7.

Jesprimi tħassib serju dwar il-prattiki rappurtati ta' detenzjoni sigrieta, tortura u trattament ħażin, kif ukoll konfessjonijiet furzati min-naħa tal-forza tal-pulizija ta' Hong Kong u fil-ħabsijiet ta' Hong Kong, inkluż tħassib dwar individwi li bħalissa qed jistennew proċess u li qed jinżammu f'iżolament għal perjodi twal;

8.

Jikkundanna r-restrizzjonijiet emerġenti fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u ż-żieda fil-politiċizzazzjoni tal-qrati; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġi evitat, bħala l-pass li jmiss, l-iżmantellar tal-ġudikatura indipendenti ta' Hong Kong u jistieden lis-SEAE jħejji rapport pubbliku dettaljat dwar l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura flimkien mar-rapport annwali dwar Hong Kong;

9.

Jesprimi tħassib dwar il-bidliet li ġew adottati dan l-aħħar fil-liġi elettorali ta' Hong Kong, li jintroduċu prinċipju ta' “patrijotti biss” u jistabbilixxu kumitat ta' skrutinju biex jeżamina l-kandidati elettorali kollha, li se jiskarta l-aħħar vuċijiet ta' dissens u li jmur totalment kontra l-impenji favur rappreżentanza demokratika akbar minquxa fil-Liġi Bażika ta' Hong Kong;

10.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrevokaw il-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali, li hija ta' ħsara għall-istatus internazzjonali ta' Hong Kong, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' Hong Kong jerġgħu jistabbilixxu bis-sħiħ ir-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-livell għoli ta' awtonomija skont il-prinċipju ta' “pajjiż wieħed, żewġ sistemi”, kif minqux fil-Liġi Bażika ta' Hong Kong u f'konformità mal-obbligi nazzjonali u internazzjonali tiegħu;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali bħala prijorità ewlenija fl-aġenda tal-laqgħat kollha bejn l-UE u ċ-Ċina, inkluż fil-konsultazzjonijiet diplomatiċi bi tħejjija għal dawk il-laqgħat; ifakkar kemm huwa importanti li, f'kull djalogu politiku u f'kull djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, l-UE tkompli tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari fil-każ tal-minoranzi fit-Tibet u fix-Xinjiang, u li tagħmel dan f'konformità mal-impenn tagħha li titkellem b'vuċi waħda, ċara u b'saħħitha fl-approċċ tagħha lejn iċ-Ċina; ifakkar li ċ-Ċina ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati u konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u għalhekk jenfasizza kemm huwa importanti li jitkompla d-djalogu maċ-Ċina biex jiġi żgurat li ċ-Ċina żżomm l-impenn tagħha li tikkonforma mal-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

12.

Jesprimi dispjaċir profond dwar il-fatt li, fil-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE ta' April, ma ġewx adottati konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Hong Kong; jappoġġja bil-qawwa lill-VP/RGħ biex jippreżenta abbozz ta' konklużjonijiet kemm jista' jkun malajr u jħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw l-impass u jadottaw miżuri ġodda inklużi sanzjonijiet immirati fl-ambitu tar-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem – fosthom l-implimentazzjoni ta' projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi – fil-konfront ta' individwi u entitajiet f'Hong Kong u fiċ-Ċina għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali f'Hong Kong, inklużi Carrie Lam, Teresa Yeuk-wah Cheng, Xia Baolong, Zhang Xiaoming, Luo Huining, Zheng Yanxiong, Chris Tang Ping-keung, Stephen Lo Wai-chung u John Lee Ka-chiu, kif ukoll istituzzzjonijiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li għandhom rwol kruċjali biex jadottaw miżuri u azzjonijiet kompliċi li jdgħajfu l-livell għoli ta' awtonomija u libertajiet ta' Hong Kong;

13.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-Investiment, kif espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2021, inkluża l-ħtieġa urġenti li jiġu adottati miżuri mmirati addizzjonali fl-ambitu tar-reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, kif meħtieġ, maħsuba biex ikomplu jindirizzaw ir-repressjoni fix-Xinjiang u f'Hong Kong u bil-għan li ċ-Ċina ttemm il-ksur kollu;

14.

Jistieden lis-SEAE u lill-Kunsill ikomplu jivvalutaw il-pakkett ta' miżuri adottat f'Lulju 2020 u jagħmlu progress fih, kif ukoll jistabbilixxu skeda ta' żmien ċara għall-implimentazzjoni tat-tali miżuri; jistieden lis-SEAE jkompli jivvaluta l-effetti ekstraterritorjali possibbli tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali, b'mod partikolari l-Artikolu 38 tagħha, li jipprevedi li l-liġi hija applikabbli wkoll għal dawk li ma humiex residenti permanenti ta' Hong Kong, u jistiednu jħejji tweġibiet konkreti għat-tali effetti; jilqa' d-deċiżjoni tal-Istati Membri tal-UE u ta' sħab internazzjonali oħra li jissospendu t-trattati ta' estradizzjoni ma' Hong Kong; itenni t-talba tiegħu li l-għaxar trattati ta' estradizzjoni li fadal ta' Stati Membri maċ-Ċina jiġu sospiżi;

15.

Ifakkar u jtenni l-kundanna tiegħu tal-kompliċità tal-banek ibbażati fl-UE fl-iffriżar tal-assi u l-kontijiet bankarji li jappartjenu lil eks leġiżlaturi favur id-demokrazija; jistieden lis-SEAE jevalwa l-livell ta' konformità, involviment u kollaborazzjoni ta' kumpaniji bbażati fl-UE mal-awtoritajiet ta' Hong Kong fl-infurzar tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali u jistieden lill-Istati Membri jikkomunikaw mal-banek ibbażati fl-UE biex jirrilaxxaw l-assi li jappartjenu lil attivisti ta' Hong Kong favur id-demokrazija;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt kummerċjali fit-tul għall-kumpaniji tal-UE li joperaw f'Hong Kong fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali ta' Hong Kong, b'referenza għat-tibdil fl-istat tad-dritt u l-fluss liberu ta' informazzjoni u ta' kapital fil-belt; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu japplikaw u jiżviluppaw mekkaniżmi xierqa ta' kontroll tal-esportazzjoni biex iċaħħdu liċ-Ċina u lil Hong Kong mill-aċċess għal teknoloġiji użati biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem, u jistedinhom jikkunsidraw regoli għall-prevenzjoni ta' investiment Ewropew f'kumpaniji li huma kompliċi fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u f'Hong Kong, inkluża l-għażla ta' lista ta' entitajiet;

17.

Jilqa' bil-kbir il-passi meħuda mir-Renju Unit, mill-Awstralja u mill-Kanada biex jiftħu skemi bil-għan li joffru liċ-ċittadini ta' Hong Kong l-opportunità li jgħixu u jaħdmu fil-pajjiżi rispettivi tagħhom; itenni l-appell urġenti tiegħu lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-implimentazzjoni ta' “skema ta' salvataġġ” għall-attivisti favur id-demokrazija u għall-mexxejja politiċi f'Hong Kong wara dan id-deterjorament dejjem jikber tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u biex joħorġu dokumenti tal-ivvjaġġar ta' emerġenza għall-ġurnalisti f'Hong Kong li jinsabu f'riskju ta' arrest fil-qafas tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali;

18.

Iħeġġeġ lill-membri kollha tal-persunal diplomatiku tal-UE u tal-Ewropa jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipprovdu protezzjoni u appoġġ lill-attivisti paċifiċi u lill-mexxejja politiċi f'Hong Kong, inkluż billi jattendu l-proċessi ġudizzjarji, jitolbu żjarat fil-ħabs u jżommu l-kuntatt b'mod konsistenti u determinat mal-awtoritajiet lokali, filwaqt li japplikaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u politiki rilevanti oħra tal-UE, inkluż il-Pjan ta 'Azzjoni l-ġdid tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; jistenna li s-SEAE u l-Kunsill ifasslu miżuri konkreti biex iżidu l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-midja ta' Hong Kong, bħall-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija għal proġetti li jinsabu fix-Xlokk tal-Asja, kif ukoll involviment attiv mad-dijaspora ta' Hong Kong;

19.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-poplu msikket ta' Hong Kong jingħata lura l-vuċi billi jassistu fl-arkivjar, ir-reklamar u d-dokumentar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jistedinhom jiġġieldu kontra r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina billi jagħmlu kotba pprojbiti f'Hong Kong disponibbli online b'mod mifrux; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi minn stazzjonijiet televiżivi internazzjonali, bħal Deutsche Welle u France 24, biex jirrappurtaw regolarment dwar l-iżviluppi f'Hong Kong;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jirrifjutaw l-istediniet indirizzati lil rappreżentanti tal-gvern u lil diplomatiċi biex jattendu l-Olimpjadi tax-Xitwa f'Beijing fl-2022 sakemm il-Gvern Ċiniż ma jurix titjib verifikabbli fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Hong Kong, fir-Reġjun Uyghur tax-Xinjiang, fit-Tibet, fil-Mongolja Interna u fi bnadi oħra fiċ-Ċina;

21.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-għadd ta' opportunitajiet akkademiċi u ta' taħriġ fil-kuntest tal-programm Erasmus għall-istudenti u l-gradwati żgħażagħ minn Hong Kong; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiżviluppaw u jikkoordinaw miżuri biex jipproteġu l-libertà akkademika tal-istudenti u x-xjenzjati ta' Hong Kong fl-universitajiet Ewropej kontra l-pressjoni mill-awtoritajiet Ċiniżi;

22.

Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri kollha tagħha biex jaħdmu b'mod magħqud u determinat lejn l-organizzazzjoni ta' sessjoni speċjali jew dibattitu urġenti dwar iċ-Ċina fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lejn it-tnedija ta' investigazzjoni indipendenti tan-NU dwar iċ-Ċina; jenfasizza l-appoġġ internazzjonali dejjem jikber għat-tnedija ta' inkjesta indipendenti;

23.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkoraġġixxu lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jikkunsidra l-mekkaniżmi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu bil-għan li jiżgura monitoraġġ u rappurtar indipendenti dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, inkluż il-ħatra ta' Mibgħut Speċjali tan-NU; jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jaħdmu mal-komunità internazzjonali biex jistabbilixxu grupp ta' kuntatt internazzjonali dwar Hong Kong u jqiegħdu lil Hong Kong fuq l-aġenda ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra fuq bażi regolari;

24.

Iħeġġeġ lill-membri tan-NU jorganizzaw avvenimenti pubbliċi regolari ta' sensibilizzazzjoni dwar il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-Gvern Ċiniż, inklużi delitti kontra l-umanità, u ksur ieħor tad-dritt internazzjonali, inkluża mill-inqas laqgħa waħda bil-formula “Arria” tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jilqa' l-eventwalità li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jikkunsidraw li jikkommemoraw l-1 ta' Lulju bħala Jum ta' Solidarjeta ma' Hong Kong sabiex kull sena l-pubbliku Ewropew isir aktar konxju tas-sitwazzjoni f'Hong Kong; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jressqu każ quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja li fih isostnu li d-deċiżjoni taċ-Ċina li timponi l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali fuq Hong Kong u l-applikazzjoni tagħha jiksru d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika u l-ICCPR;

25.

Jiddeplora d-deċiżjoni tal-pulizija ta' Hong Kong li jipprojbixxu l-velja annwali tal-4 ta' Ġunju fil-Pjazza Tiananmen u l-marċ annwali tal-1 ta' Lulju filwaqt li taw permess speċjali għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19 biex l-uffiċjali ta' Hong Kong ikunu jistgħu jiċċelebraw il-mitt sena mit-twaqqif tal-Partit Komunista Ċiniż;

26.

Jistieden lill-VP/RGħ jikkoopera mill-qrib ma' pajjiżi u sħab tal-istess fehma biex is-sitwazzjoni tal-libertajiet ta' Hong Kong tieqaf tiddeterjora; jilqa' d-djalogu bilaterali li għadu kif ġie stabbilit bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċina u jinsisti li koordinazzjoni aktar b'saħħitha dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż b'enfasi fuq is-sitwazzjoni f'Hong Kong, għandha tkun objettiv ewlieni;

27.

Josserva li l-politika tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li tabbanduna l-approċċ ta' “pajjiż wieħed, żewġ sistemi” aljenat ħafna lill-popolazzjoni tat-Tajwan u jisħaq fuq irrieda tiegħu li jikkoopera mas-sħab internazzjonali bil-għan li jgħin biex tiġi żgurata d-demokrazija fit-Tajwan;

28.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif ukoll lill-Kap Eżekuttiv u lill-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2021)0027.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2020)0174.

(3)  ĠU C 165, 4.5.2021, p. 2.

(4)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 78.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2021)0255.

(6)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 103.

(7)  ĠU C 399, 24.11.2017, p. 92.

(8)  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 156.