1.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/2


P9_TA(2021)0327

Sikurezza u sinjalar ferrovjarji: valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tal-użu tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2021 dwar is-sikurezza u s-sinjalar ferrovjarji: valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tal-użu tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) (2019/2191(INI))

(2022/C 99/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE, u b'mod partikulari l-Artikolu 47(2) tiegħu (2) (ir-Regolament dwar it-TEN-T),

wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/6 tal-5 ta' Jannar 2017 dwar il-pjan Ewropew ta' mobilitazzjoni għas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (3),

wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 13/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-3 ta' Ottubru 2017 bit-titolu “Sistema Ewropea unika tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju: l-għażla politika qatt se ssir realtà?”,

wara li kkunsidra l-Patt Ekoloġiku Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2020 bit-titolu “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur” (COM(2020)0789),

wara li kkunsidra s-seba' rapport ta' monitoraġġ tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2021 dwar l-iżvilupp tas-suq ferrovjarju skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2021)0005),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2020/2228 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2020 dwar is-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021) (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-kompetittività tal-industrija tal-provvista ferrovjarja Ewropea (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0181/2021),

A.

billi s-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) hija l-istandard tal-UE għall-protezzjoni awtomatika tal-ferroviji, li toħloq sistema ferrovjarja interoperabbli fl-Ewropa;

B.

billi erba' memoranda ta' qbil dwar il-kooperazzjoni għall-implimentazzjoni tal-ERTMS ġew iffirmati mill-Kummissjoni u l-fabbrikanti tal-linji, il-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji Ewropej, u l-aħħar wieħed ġie ffirmat f'Settembru 2016;

C.

billi ttieħdu passi leġiżlattivi importanti, inkluża l-adozzjoni f'Ġunju 2016 tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju – li jirregola l-kwistjonijiet ta' governanza ferrovjarja u jsaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (l-Aġenzija) bħala l-awtorità tas-sistema għall-ERTMS – kif ukoll ir-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta' interoperabbiltà (TSI) relatati mas-subsistemi tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni abbord il-ferroviji u maġenb il-binarji (TSI tas-CCS) adottati permezz tar-Regolament (UE) 2016/919 (6), li jagħti status ġuridiku lill-ispeċifikazzjonijiet tas-Sistema Ewropea ta' Kontroll tal-Ferroviji (ETCS) Linja Bażi 3 Verżjoni 2) u tal-GSM-R (Sistema Globali għall-Komunikazzjoni Mobbli – Ferroviji) Linja Bażi 1;

D.

billi fil-5 ta' Jannar 2017 ġie adottat pjan Ewropew ta' implimentazzjoni (PEI) ġdid tal-ERTMS (7), li jistabbilixxi l-kalendarju għall-implimentazzjoni tal-ERTMS fuq il-kurituri tan-network ewlieni (KNE);

E.

billi ERTMS kompletament implimentata tkun tippermetti żieda fil-kapaċità tat-traffiku sa massimu ta' 30 % fuq l-infrastruttura ferrovjarja eżistenti;

F.

billi l-Kummissjoni ppubblikat ukoll Pjan ta' Azzjoni tal-ERTMS (8), li jidentifika l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-implimentazzjoni u l-interoperabbiltà tal-ERTMS u li għandu l-għan li jilħaq il-mira li jaqleb madwar terz tal-kurituri tan-network ewlieni sal-2023;

G.

billi bejn l-2014 u l-2020, il-baġit tal-UE appoġġa l-implimentazzjoni tal-ERTMS b'baġit totali stmat ta' EUR 2,7 biljun, li minnhom EUR 850 miljun ġew mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) (9) u EUR 1,9 biljun ġew mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni) fir-reġjuni eliġibbli;

H.

billi l-implimentazzjoni tal-ERTMS trid bilfors tinvolvi d-dekummissjonar tal-installazzjoni tas-sistemi tal-Klassi B tal-komponenti ta' maġenb il-binarji tal-ETSC flimkien mal-immodifikar retroattiv mifrux tal-vetturi ferrovjarji b'subsistemi interoperabbli tal-unitajiet abbord tal-ERTMS;

I.

billi ma hemm l-ebda obbligu legali fis-seħħ li l-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiżguraw li l-impriżi ferrovjarji jinvestu fl-ERTMS;

J.

billi l-QEA wissiet li implimentazzjoni sħiħa tan-network ewlieni tal-ERTMS bħalissa għadha lura ħafna u mhux se titlesta sal-iskadenza tal-2030, filwaqt li tirreferi għan-nuqqas ta' koordinazzjoni tal-Istati Membri bħala waħda mir-raġunijiet primarji ta' dan id-dewmien;

K.

billi l-inċident tal-ferrovija f'Alvia f'Santiago de Compostela fl-24 ta' Lulju 2013 ikkawża l-mewt ta' 80 persuna u ħalla 144 persuna oħra midruba;

L.

billi għall-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid, skont il-metodoloġija tat-trekkjar klimatiku tal-UE għan-nefqa tal-UE, l-ERTMS tirrappreżenta 40 % tal-kontribut għall-objettivi tal-klima u tal-ambjent u billi 30 % tan-nefqa fil-qafas tal-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni u l-InvestEU, 37 % fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (10) u 60 % fil-qafas tal-FNE jridu jiġu allokati għal azzjonijiet li jiġġieldu lit-tibdil fil-klima;

M.

billi l-RRF jistabbilixxi li 20 % tal-investimenti għandhom ikunu orjentati lejn l-aspett diġitali u billi fil-metodoloġija tiegħu għall-ittaggjar diġitali stabbilita fl-Anness VII tar-Regolament dwar l-RRF, 100 % tal-investiment fl-ERTMS huwa diġitali;

1.   

Jissottolinja li l-ferroviji huma l-mod ta' trasport tal-massa tal-passiġġieri u tal-merkanzija l-aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u li l-potenzjal tagħhom għadu ma ġiex sfruttat bis-sħiħ, minkejja l-iżviluppi pożittivi fis-settur, bħaż-żieda kostanti fil-volumi ta' passiġġieri bil-ferrovija u l-volumi ta' merkanzija ferrovjarja, anke jekk dawn żdiedu b'mod irregolari matul dawn l-aħħar ftit snin;

2.   

Jirrimarka li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jitlob li jkun hemm bidla modali kbira lejn il-ferroviji u li l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti l-ġdida tistabbilixxi l-istadji importanti għall-irduppjar tat-traffiku ferrovjarju b'veloċità għolja sal-2030 u tat-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija sal-2050 li jirrikjedu żieda fis-sehem tal-kapaċità li ma tistax tinkiseb mingħajr aċċellerazzjoni fuq skala kbira tal-introduzzjoni tal-ERTMS mal-UE kollha;

3.   

Jisħaq li wieħed mill-objettivi ewlenin tal-UE għall-koordinazzjoni ferrovjarja hi li ssaħħaħ ir-robustezza tan-network ewlieni u li żżid is-sehem tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u tal-passiġġieri;

4.   

Ifakkar li l-ERTMS ġiet varata fis-snin disgħin u li l-għan tagħha huwa li tiżgura s-sikurezza tat-traffiku ferrovjarju, li tinkoraġġixxi l-interoperabbiltà fost in-networks ferrovjarji nazzjonali u t-trasport ferrovjarju transfruntier, li tnaqqas l-ispejjeż tax-xiri u l-manutenzjoni tas-sistemi ta' sinjalar u li żżid il-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja u l-affidabbiltà tas-sistema tat-trasport ferrovjarju;

5.   

Jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ERTMS se tgħin biex tinħoloq żona ferrovjarja unika Ewropea, hija essenzjali biex is-settur ferrovjarju Ewropew isir adattat għall-era diġitali, se żżid il-profittabbiltà tat-trasport ferrovjarju, se tippermetti li tiżdied id-densità operattiva ta' linja ferrovjarja, u hija prerekwiżit biex il-ferroviji fl-aħħar ikunu kompetittivi ma' modi oħra ta' trasport; jilqa', għalhekk, il-fatt li l-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti l-ġdida tikkonferma li l-ERTMS għandha tkun prijorità ewlenija sabiex tinħoloq sistema tat-trasport verament intelliġenti u effiċjenti billi jintlaħqu objettivi bħall-allokazzjoni suffiċjenti tal-kapaċità u l-ġestjoni tat-traffiku kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija;

6.   

Jenfasizza li l-ERTMS saret standard globali għall-kontroll u l-komunikazzjoni tal-ferroviji, u ġiet implimentata fi kważi 50 pajjiż madwar id-dinja, u toħloq opportunitajiet eċċellenti sabiex jiżdied in-negozju b'valur miżjud għoli u jinħoloq l-għarfien espert fi ħdan l-UE u għall-implimentazzjoni fi ħdan il-pajjiżi mhux tal-UE; jappella għall-istabbiliment ta' sistema Ewropea ta' ġestjoni tat-traffiku standardizzata, u jemmen li jrid jiġi żviluppat malajr standard Ewropew qabel ma jiġi impost fuq l-UE standard ta' sistema globali ta' ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tuża l-kooperazzjonijiet bilaterali tal-UE biex tippromwovi l-implimentazzjoni tal-ERTMS f'pajjiżi mhux tal-UE;

7.   

Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi qafas ta' arkitettura tas-CCS biex jiġi żgurat li l-ferroviji jħaddnu bis-sħiħ id-diġitalizzazzjoni li fuqha hija bbażata l-ERTMS, li għandu jippermetti aġġornamenti u titjib aktar faċli u aktar affordabbli bis-saħħa tal-istandardizzazzjoni u l-modularizzazzjoni ulterjuri, l-introduzzjoni tal-prinċipju “plug-and-play” u l-armonizzazzjoni tal-immuddellar tad-data;

Governanza

8.

Jilqa' l-kompiti l-ġodda fdati lill-Aġenzija fil-qafas tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju, u jirrikonoxxi r-rwol prominenti tal-Aġenzija bħala punt uniku ta' servizz li jiżgura l-konsistenza fl-iżvilupp tal-ERTMS interoperabbli, li l-implimentazzjoni tal-ERTMS tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet fis-seħħ, u li l-programmi Ewropej tar-riċerka u l-innovazzjoni relatati mal-ERTMS ikunu kkoordinati mal-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ERTMS; jiddispjaċih, għalhekk, minħabba t-tnaqqis reċenti tal-baġit annwali tal-Aġenzija;

9.

Jemmen li l-Aġenzija għandha tingħata r-riżorsi finanzjarji u umani xierqa u tingħata setgħa akbar sabiex tegħleb l-isfidi tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-ERTMS li għadhom jeżistu (l-armonizzazzjoni tar-regoli u r-rekwiżiti operattivi, il-manutenzjoni u t-tibdil tal-ispeċifikazzjonijiet, il-proċeduri tal-konformità mat-tip u tat-tul tat-tip u l-proċeduri tal-akkwist pubbliku, eċċ.), iżżid il-kompetittività u tmexxi l-introduzzjoni teknika tat-teknoloġiji ġodda;

10.

Jenfasizza r-rwol tal-Koordinatur tal-ERTMS biex jiġi determinat liema huma l-linji u l-kurituri li għandhom bżonn jiġu mgħammra bl-ERTMS bħala kwistjoni ta' prijorità, u biex jiżgura li tiġi implimentata bl-aktar mod kosteffiċjenti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati;

11.

Jemmen li r-rwol tal-Koordinatur tal-ERTMS jeħtieġ li jittejjeb b'mod sinifikanti, kemm f'dawk li huma riżorsi kif ukoll f'dawk li huma setgħat ta' implimentazzjoni, biex il-miri tal-implimentazzjoni jintlaħqu; jilqa', għalhekk, l-opportunità li r-rwol tal-Koordinatur tal-ERMTS jissaħħaħ fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament dwar it-TEN-T billi jingħata, pereżempju, rwol deċiżiv fl-għażla tal-proġetti, responsabbiltajiet ta' sorveljanza estiżi u billi r-riċeviment ta' għotjiet tal-FNE jsir kontinġenti fuq il-kunsens tieghu, b'mod partikolari fir-rigward tal-konnessjonijiet transfruntiera ewlenin;

12.

Jilqa' l-fatt li l-Koordinatur tal-ERTMS jirrapporta lura lill-Parlament fuq bażi annwali;

13.

Jissottolinja li approċċ ikkoordinat bejn l-Istati Membri kollha u mmexxi mill-Koordinatur tal-ERTMS, f'dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni tal-ERTMS, huwa l-unika triq biex tingħeleb is-sitwazzjoni attwali ta' frammentazzjoni, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-proġetti transfruntiera; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas għad-diskussjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri, il-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji dwar l-implimentazzjoni tal-ERTMS immexxija mill-Koordinatur tal-ERTMS, bl-għan li jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prattiki, jiġu inkoraġġiti l-azzjonijiet konġunti għall-implimentazzjoni tal-ERTMS fuq il-kurituri transfruntiera, jittejbu l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni tal-konfromità, u jiżdied l-impenn ġenerali tal-Istati Membri; ifakkar li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi mill-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja b'mod kollettiv biex jgħammru lill-ERTMS u jibdew iħaddmuha fis-sezzjonijiet transfruntiera b'mod simultanju u b'mod teknikament konsistenti;

14.

Jemmen li hemm bżonn ta' qafas regolatorju għad-diġitalizzazzjoni tas-sistema ferrovjarja li tpoġġi lill-ERTMS fil-qalba ta' evoluzzjoni diġitali tas-sistema ferrovjarja; jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn tas-settur ferrovjarju li jagħmel possibbli l-industrijalizzazzjoni tal-ERTMS u l-kontribut tal-Impriża Konġunta Shift2Rail (S2R JU) għar-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li tiġi indirizzata t-tneħħija tal-ostakli tekniċi li fadal li qed iżommu lura lis-settur ferrovjarju f'dik li hi interoperabbiltà u tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn suq ferrovjarju tal-UE aktar integrat, effiċjenti u sikur, filwaqt li tiġi garantita l-interkonnessjoni xierqa ta' soluzzjonijiet tekniċi u bil-għan li s-sistema ferrovjarja tal-UE ssir aktar sostenibbli, diġitali, kompetittiva, affidabbli u attraenti; jappoġġa b'saħħa l-inizjattiva suċċessur ġdida tiegħu, il-pilastru tas-Sistema tal-Impriżi Konġunti Ferrovjarji tal-Ewropa, li jikkoordina l-evoluzzjoni tas-sistema, l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, il-pjanijiet ta' migrazzjoni teknoloġika, l-industrijalizzazzjoni u l-implimentazzjoni, speċjalment għall-ERTMS, bil-ħsieb li jiġu żgurati kollaborazzjoni aktar effiċjenti u użu aħjar tar-riżorsi skarsi;

15.

Jappella li l-koordinament bejn l-Aġenzija u l-S2R JU jkompli jissaħħaħ sabiex l-investimenti jiġu prijoritizzati aħjar fid-diġitalizzazzjoni tal-ferroviji Ewropej; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-Aġenzija għandu jkollha rwol aktar prominenti minn sempliċement dak ta' osservatur tal-bord ta' tmexxija tal-S2R JU;

Interoperabbiltà u implimentazzjoni

16.

Jilqa' r-riżultati sodisfaċenti li wriet l-ERTMS f'dawk li huma veloċità, kapaċità u sikurezza kull fejn ġiet implimentata; jiddispjaċih, għalhekk, li, meta mqabbel mal-miri stabbiliti fil-PEI, fi tmiem l-2020 madwar 13 % biss tal-kurituri tan-network ewlieni tħaddmu f'konformità mal-ERTMS, u l-implimentazzjoni tal-ERTMS fil-biċċa l-kbira tal-kurituri kienet tvarja bejn is-7 % u t-28 %; jirrimarka, barra minn hekk, li l-investiment fl-ERTMS mhuwiex mira sistematika għan-network ewlieni – minkejja l-pjanijiet ta' implimentazzjoni tat-TEN-T u l-linji gwida li jirrakkomandaw tali investiment – jew saħansitra fuq sezzjonijiet iżolati li mhux konnessi man-network ewlieni; jemmen, għalhekk, li għandu jissaħħaħ approċċ ta' kuritur sabiex jingħelbu l-ostakli għall-implimentazzjoni tal-ERTMS, b'mod partikolari fil-kurituri bl-aktar rati baxxi ta' implimentazzjoni bħall-kuritur tal-Atlantiku, u speċjalment fi ħdan il-Peniżola Iberika; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni telenka l-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera fuq in-network ewlieni fejn ma nkisbitx l-implimentazzjoni sħiħa tal-ERTMS maġenb il-binarji u tippubblika s-sejbiet tagħha sabiex tiġbed l-attenzjoni għall-valur miżjud tal-UE tal-implimentar sħiħ tal-ERTMS fuq dawn il-konnessjonijiet ferrovjarji;

17.

Jemmen li hemm il-ħtieġa urġenti li l-pass tal-implimentazzjoni tal-ERTMS jiżdied b'għaxar darbiet sabiex tkun tista' tinkiseb it-tranżizzjoni diġitali u tittejjeb is-sikurezza tas-sistema ferrovjarja tal-UE, tal-passiġġieri u tal-ħaddiema ferrovjarji; huwa tal-fehma li l-ERTMS jeħtieġ li tiġi introdotta fin-network ewlieni sal-2030 u fin-network komprensiv sal-2040; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi evitat id-dewmien għall-installazzjonijiet u l-attivazzjonijiet tal-ERTMS, li jista' jikkomprometti s-sikurezza; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex iżżomm u ssaħħaħ in-natura vinkolanti tal-miri fir-reviżjonijiet tagħha tal-linji gwida tat-TEN-T, tal-Pjanijiet Ewropej għall-Implimentazzjoni tal-ERTMS u tat-TSI tas-CCS;

18.

Jemmen li l-isfruttament tal-potenzjal kollu tal-ERTMS jiddependi bla dubju mit-tlestija tan-network ewlieni tat-TEN-T; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-koordinaturi tan-network ewlieni fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament tat-TEN-T u tinkludi miżuri dwar il-ġestjoni mill-UE tal-infrastruttura tan-network ewlieni;

19.

Jirrimarka li bħalissa għad hemm madwar 30 sistema nazzjonali differenti ta' sinjalar, speċjalment fiż-żoni bi traffiku li fil-biċċa l-kbira jkun domestiku u lokali, fejn is-sistemi eżistenti tal-Klassi B fadlilhom ħajja ekonomika, u li din id-diversità tas-sistemi tispjega sa ċertu punt il-frammentazzjoni u l-varjabilità fl-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-ERTMS; jenfasizza li s-sistemi tal-Klassi B huma ostaklu għall-introduzzjoni tal-ERTMS u għall-operazzjonijiet transfruntiera tat-traffiku ferrovjarju fin-network tal-UE, peress li jeħtieġu awtorizzazzjoni tas-sikurezza aktar għalja u diffiċli għall-operaturi tat-trasport ferrovjarju u jikkostitwixxu ostaklu mill-akbar għall-kompetittività tat-trasport ferrovjarju, li jfixkel il-kompatibbiltà teknika u operattiva tal-ferroviji madwar l-UE u jirriżulta fi spejjeż addizzjonali għas-settur, inklużi l-ispejjeż tal-manutenzjoni;

20.

Jenfasizza li l-proċess tad-dekommissjonar tal-Klassi B miexi bil-mod; jiddispjaċih li ftit Stati Membri biss adottaw pjanijiet biex jiddekummissjonaw is-sistemi ta' sinjalar tal-Klassi B fil-pjanijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali tal-ERTMS tagħhom u jiddispjaċih ukoll li fil-preżent ma hemm l-ebda obbligu legali u lanqas kalendarju ta' żmien fil-livell tal-UE għad-dekummissjonar tas-sistemi tal-Klassi B;

21.

Jemmen li implimentazzjoni effiċjenti u rapida tal-ERTMS tista' tinkiseb biss permezz tal-istabbiliment ta' miri vinkolanti, imsaħħa b'penalitajiet għall-maniġers tal-infrastruttura fil-każ li jkunu tqiegħdu disponibbli baġit u riżorsi adegwati, iżda ma tkunx ġiet osservata l-iskadenza tal-implimentazzjoni;

22.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq strateġija globali ta' dekummissjonar ġenerali għas-sistemi tal-Klassi B bi skadenzi regolatorji allinjati mal-miri vinkolanti li jridu jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE; jemmen li l-effikaċja ta' din l-istrateġija u s-siwi tagħha fit-tul għall-investiment jiddependu mill-involviment tal-atturi kkonċernati kollha, inklużi l-impriżi u l-fornituri ferrovjarji, u r-rieda tal-Istati Membri li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fl-ambitu tar-Regolament tat-TEN-T;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tintroduċi dispożizzjoni regolatorja biex tiżgura li l-pjanijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali tal-ERTMS ikunu legalment allinjati – kemm mil-lat regolatorju u kemm minn dak ġeografiku – mal-miri vinkolanti għall-implimentazzjoni tal-ERTMS stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE, sabiex titlesta l-introduzzjoni tagħha fi ħdan in-network ewlieni sal-2030 u fi ħdan in-network komprensiv sal-2040;

24.

Jirrimarka li r-regoli nazzjonali attwali u n-nuqqas ta' armonizzazzjoni tar-rekwiżiti operattivi relatati mal-ERTMS, bħar-regoli tal-inġinerija, u l-ostakli tekniċi, bħall-gauges varjabbli tal-fus, il-vultaġġ u d-daqs tal-vaguni, li jistgħu jvarjaw tul in-network kollu kemm hu, jaffettwaw l-interoperabbiltà, billi jxekklu t-tħaddim bla xkiel tan-network ferrovjarju tal-UE u jxekklu l-profitabbiltà tal-operaturi ferrovjarji;

25.

Jenfasizza li l-ispiża tat-titjib tas-sistemi ta' maġenb il-binarji u dawk abbord tvarja ħafna skont in-network; jinnota li t-tul tal-ħajja tat-tagħmir jimplika perjodu twil ta' deprezzament tal-investimenti, li huwa kriterju ekonomiku ewlieni għall-investimenti futuri; jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet assoċjati mal-bidliet frekwenti fl-istandards, li jillimitaw it-tul tal-ħajja tat-tagħmir b'mod mhux prevedibbli għas-settur ferrovjarju, u dan jirriżulta f'diżinċentiv għall-investiment; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza tal-istabbiltà regolatorja sabiex ikun jista' jkun hemm redditu fuq l-investiment li jkun sar; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza bir-reqqa aktar bidliet meta tkun qed taġġorna t-TSI għall-2030 u tiżgura l-kompatibbiltà;

26.

Jiddeplora l-fatt li fil-ħames snin sa nofs l-2019 kważi 80 % tal-vetturi l-ġodda li bdew jintużaw fl-Ewropa kienu jew soġġetti għal deroga jew kienu eżentati mir-rekwiżit li jkunu mgħammra bl-ERTMS; jemmen li minħabba l-implimentazzjoni tal-ERTMS fin-network komprensiv, lill-vetturi ferrovjarji ġodda ma għandha tingħatalhom l-ebda deroga jew eżenzjoni mir-rekwiżit li jiġu mgħammra bl-ERTMS; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tieħu inizjattivi konkreti biex tindirizza din il-kwistjoni b'mod determinat billi tadotta qafas regolatorju xieraq u tiżgura li jkun hemm fis-seħħ sett ta' inċentivi ekonomiċi biex jiġu inkoraġġiti l-investimenti tal-impriżi ferrovjarji fl-unitajiet tal-ERTMS abbord;

27.

Jenfasizza li l-iskadenzi għall-proċessi ta' awtorizzazzjoni għall-proġetti ta' modifika retroattiva, speċjalment għall-proċessi ta' awtorizzazzjoni tal-konformità mat-tip għall-vetturi ferrovjarji għaż-żona nazzjonali tal-użu biss, għadhom ivarjaw minħabba valutazzjonijiet diverġenti mill-aġenziji nazzjonali tas-sikurezza dwar il-ħtieġa li ċerti modifiki jiġu awtorizzati mill-ġdid, u dan iwassal biex kull vettura ferrovjarja tieħu sa xahar biex tiġi awtorizzata mill-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi leġiżlattivi, inklużi aġġornamenti tar-regolamenti ta' implimentazzjoni attwali, biex tiżgura li l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni li jsegwu proċessi ta' awtorizzazzjoni tat-tip, speċjalment il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni tal-konformità mat-tip relatati mal-modifika retroattiva ta' subsistemi tal-ERTMS abbord għaż-żona nazzjonali tal-użu, jiġu ssimplifikati u armonizzati permezz ta' operazzjonijiet ta' kontroll rapidi sabiex jitnaqqas iż-żmien meħtieġ biex jingħataw iċ-ċertifikati tal-konformità mat-tip; jemmen, barra minn hekk, li l-proċessi tal-konformità għandhom ikomplu jsaħħu l-involviment fi stadju bikri tal-fornituri industrijali u l-aġenziji nazzjonali tas-sikurezza kkonċernati sabiex jiġi evitat li l-impriżi ferrovjarji jiġu skoraġġuti milli jwettqu proġetti ta' implimentazzjoni fuq skala kbira u ambizzjużi; jappella, barra minn hekk, għal aktar involviment tal-Aġenzija fil-proċeduri tal-konformità mat-tip li jitwettqu meta l-vetturi ferrovjarji modifikati retroattivament ikunu destinati biss għaż-żona nazzjonali tal-użu;

28.

Jappella għal approċċ sistematiku għall-introduzzjoni tal-ERTMS, kemm abbord kif ukoll maġenb il-binarji;

29.

Ifakkar li skont l-istudju tal-vijabbiltà reċenti dwar id-disa' kurituri tan-network ewlieni, l-istrateġija doppja tal-migrazzjoni abbord għall-implimentazzjoni tal-ERTMS, li tiffoka fuq li l-flotta l-ewwel tiġi mgħammra bl-ERTMS, għandha eżitu ekonomiku aħjar meta mqabbla mal-istrateġija doppja tal-migrazzjoni ta' maġenb il-binarji;

30.

Jinnota li l-pass bil-mod tal-installazzjoni maġenb il-binarji jiddiżinċentiva l-implimentazzjoni mingħajr skossi tal-ERTMS; jemmen li l-istrateġija tal-migrazzjoni tal-binarji, li tiffoka fuq l-installazzjoni tal-ERTMS fuq sistemi ta' legat li jinżammu operattivi sakemm il-flotta kollha tiġi mgħammra, għandha wkoll tiġi aċċellerata, speċjalment fid-dawl tal-allinjament li jmiss tar-Regolament dwar il-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija (11) mar-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T, u f'dan ir-rigward jappella għal aktar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA), l-amministraturi tal-infrastruttura u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza biex tinkiseb kompatibbiltà sħiħa bejn il-verżjonijiet tal-ERTMS ta' maġenb il-binarji; ifakkar li l-inkompatibilitajiet bejn il-verżjonijiet differenti tal-ERTMS ta' maġenb il-binarji li diġà huma implimentati jridu jiġu solvuti u trid tiġi żgurata l-kompatibbiltà futura tal-linji ERTMS kollha, u f'dan is-sens jappella għal aktar kooperazzjoni bejn l-ERA u l-maniġers tal-infrastruttura u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis it-tagħmir tal-ERTMS meta tkun qed tfassal l-indiċi tal-konnettività ferrovjarja;

32.

Jisħaq li l-prototipi huma wieħed mill-akbar ostakli għall-modifika retroattiva abbord minħabba n-natura kkumplikata, li tieħu ħafna ħin u li tiswa l-flus tal-iżvilupp tagħhom; jirrimarka, barra minn hekk, ir-riskju possibbli attwali li l-istess proġett prototip jirċievi finanzjament minn diversi sorsi tal-UE; jappella għall-ħolqien ta' pjattaforma tal-UE għall-iżvilupp ta' prototipi, sabiex jiġu ffavoriti ekonomiji ta' skala kbar, l-armonizzazzjoni u l-kompetittività, kif ukoll il-ħolqien ta' reġistru trasparenti ta' soluzzjonijiet li diġà jkunu ġew iffinanzjati;

33.

Jissottolinja li mingħajr interfaċċji standardizzati b'teknoloġija “plug-and-play” – kemm maġenb il-binarji kif ukoll abbord – is-sistema ferrovjarja mhux ser tkun tista' tintroduċi u taħtaf il-benefiċċji tal-fatturi ta' bidla tal-ERTMS bħall-operazzjoni awtomatika tal-ferroviji, is-sistema futura tal-komunikazzjoni mobbli bir-radju, il-pożizzjonament bis-satellita jew it-teknoloġija Livell 3; jistieden lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-teknoloġija GSM-R, li kienet l-aktar teknoloġija avvanzata meta l-ERTMS ġiet varata l-ewwel darba, qed issir irrilevanti minħabba l-introduzzjoni tal-4G u l-5G;

34.

Jirrimarka l-ħtieġa li jiġu żgurati sinerġiji bejn l-ERTMS u s-Sistema Globali Ewropea ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) malajr kemm jista' jkun, speċjalment peress li d-disponibbiltà tas-sinjali tal-GNSS tiddependi mill-balises virtwali, li jkunu jiswew inqas biex jiġu implimentati u miżmuma, peress li din tħaffef l-introduzzjoni tal-ERTMS u peress li ssaħħaħ il-kompetittività tal-ERTMS barra mill-UE; jappella lill-industrija ferrovjarja tal-UE tiżviluppa soluzzjonijiet tekniċi sabiex il-GNSS tabilita lill-ERTMS fuq skala kbira; jappella, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tqis li tintroduċi l-GNSS fir-reviżjoni li jmiss tat-TSI CCS tal-ERTMS sabiex tneħħi d-diskrepanzi teknoloġiċi li fadal u tħaddan l-innovazzjoni; jistieden lill-ERA tikkoordina mill-qrib, tappoġġa u tissimplifika l-proġetti ta' riċerka u żvilupp tal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-ispazju u f'dak ferrovjarju sabiex id-data dwar il-lokalizzazzjoni GNSS tal-ferroviji tiġi inkluża fl-ERTMS kemm jista' jkun malajr; jappella, barra minn hekk, li l-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-Aġenzija tal-GNSS tiżdied sabiex il-GNSS tiddaħħal gradwalment fl-istandards tal-ERTMS;

35.

Jissottolinja l-ineffiċjenzi u d-diffikultajiet attwali fl-akkwist pubbliku għat-tħaddim tal-ERTMS; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Aġenzija biex tistabbilixxi format komuni tal-UE għall-offerti għall-akkwisti, ibbażat fuq il-proposta maqbula mis-settur fl-2018, u biex tindirizza fi proposta leġiżlattiva l-aspetti tekniċi kollha biex jiġu żgurati l-akkwist b'suċċess (eż. klawżoli ta' manutenzjoni) u l-kompatibilità mal-linji bażi l-aktar reċenti disponibbli tal-ERTMS;

36.

Jirrikonoxxi li l-ERTMS hija l-aqwa xempju tas-saħħa innovattiva tal-industrija tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal strateġija industrijali tal-ERTMS bħala parti mill-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, li tindirizza l-kapaċità industrijali insuffiċjenti, in-nuqqas ta' ħwienet tax-xogħol adattati għall-modifika retroattiva, in-nuqqas ta' baġit adegwat, stabbli u prevedibbli u n-nuqqas ta' persunal kwalifikat u li tiżgura t-tranżizzjoni mill-approċċ attwali bbażat fuq il-proġetti għall-industrijalizzazzjoni tal-introduzzjoni tal-ERTMS;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku, jagħtu spinta lit-taħriġ vokazzjonali doppju għal impjiegi ġodda maħluqa mid-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni fir-rigward tal-isfidi l-ġodda ġġenerati mill-implimentazzjoni tal-ERTMS, billi jipprovdu appoġġ biżżejjed għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema ferrovjarji, bħat-taħriġ dwar is-sistema ta' sinjalazzjoni;

Finanzjament

38.

Ifakkar li l-funzjonament xieraq tan-network ferrovjarju tal-UE jiddependi minn investiment xieraq fl-infrastruttura u fil-vetturi ferrovjarji u minn manutenzjoni tajba;

39.

Jinnota li bejn l-2014 u l-2020, il-baġit tal-UE appoġġa l-implimentazzjoni tal-ERTMS b'baġit totali stmat ta' EUR 2,7 biljun, li minnhom EUR 850 miljun ġew mill-FNE u EUR 1,9 biljun ġew mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni) fir-reġjuni eliġibbli;

40.

Jisħaq li l-investiment meħtieġ biex l-ERTMS tiġi implimentata fin-network ewlieni huwa stmat li hu ta' EUR 12-il biljun għas-sistemi ta' maġenb il-binarji u EUR 5 biljun għas-sistemi abbord;

41.

Jenfasizza li l-investimenti fl-implimentazzjoni tal-ERTMS jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri ta' integrazzjoni klimatiċi u diġitali tal-istrumenti finanzjarji tal-UE, u għaldaqstant għandhom jitqiesu bħala prijorità fl-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti;

42.

Ifakkar li l-appoġġ finanzjarju tal-UE huwa disponibbli għall-investimenti tal-ERTMS kemm maġenb il-binarji kif ukoll abbord, iżda li dan jista' jkopri biss ammont limitat tal-ispiża ġenerali tal-implimentazzjoni, filwaqt li jħalli lill-maniġers tal-infrastrutturi individwali u lill-impriżi ferrovjarji jġarrbu l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż; jemmen li hemm il-ħtieġa li jittejbu l-istrumenti finanzjarji fis-seħħ sabiex jiġu inċentivati investimenti fuq skala kbira fl-ERTMS; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tfassal linji gwida komprensivi b'appoġġ għal strateġija fuq skala kbira għall-finanzjament tal-ERTMS kemm maġenb il-binarji kif ukoll abbord;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika ġabra ta' miżuri li l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jistgħu jieħdu sabiex iżidu l-implimentazzjoni tal-ERTMS abbord filwaqt li jiżguraw li n-negozji jkunu vijabbli għall-impriżi involuti, u b'kunsiderazzjoni xierqa tar-rwol tal-maniġers tan-network bħala fornituri potenzjali;

44.

Ifakkar fis-sejba tal-QEA li, b'mod ġenerali fl-UE, 50 % tal-fondi tat-TEN-T oriġinarjament allokati għall-proġetti tal-ERTMS ġew diżimpenjati u li d-dewmien fl-implimentazzjoni u t-tnaqqis fl-ambitu tal-proġett kienu r-raġunijiet ewlenin ta' dan; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw din il-problema;

45.

Ifakkar li l-fondi tal-UE mhumiex biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet kollha mistennija u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib u jieħdu impenji ta' ppjanar, finanzjament u ta' politika biex itejbu aktar l-attraenza tal-investiment fl-ERTMS, u biex jiggarantixxu ċ-ċertezza tad-dritt għall-investituri privati; jinnota li d-durata tal-ftehimiet ta' għotja tal-FNE tista' tiġi estiża biex tirrifletti aħjar it-tul ta' żmien realment meħtieġ biex il-proġetti tal-ERTMS jiġu implimentati;

46.

Jisħaq fuq il-fatt li l-finanzjament tat-tagħmir għall-konnessjonijiet transfruntiera huwa ta' natura prijoritarja; huwa tal-fehma li peress li r-rati ta' kofinanzjament tal-UE għall-ERTMS mhumiex biżżejjed, dawn għandhom jiżdiedu; jappella, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tevalwa l-opportunità li tagħti lill-proġetti tal-ERTMS fattur ta' kofinanzjament saħansitra ogħla minn 50 % fl-ambitu tal-finanzjament tal-FNE meta tali proġetti jkunu inkorporati fi pjanijiet aċċellerati ambizzjużi fuq skala kbira biex titkabbar l-implimentazzjoni tal-ERTMS, sabiex jiġu inċentivati strateġiji ambizzjużi għall-ERTMS fl-Istati Membri;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, jippromwovu u jiffaċilitaw sinerġiji bejn l-istrumenti finanzjarji kollha tal-UE bħall-FNE u l-Faċilità ta' Taħlit tagħha, il-Fondi ta' Koeżjoni u l-InvestEU, u l-aċċess għan-Next Generation EU, u jappella lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu l-ERTMS waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħhom fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza nazzjonali tagħhom;

48.

Ifakkar fl-importanza strateġika tan-Next Generation EU u tal-RRF fl-appoġġ għal pjan ambizzjuż ta' implimentazzjoni fuq skala kbira għall-ERTMS fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Istati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament tal-ERTMS jingħata rilevanza adegwata matul il-fażi preparatorja tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

49.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-proġetti ġodda ta' linji ferrovjarji jingħataw fondi tal-UE biss jekk ikunu jinkludu t-tagħmir tal-ERTMS; jappella, barra minn hekk, biex l-Aġenzija tivvaluta b'mod sistematiku l-konformità tal-proġetti ffinanzjati mill-UE mat-TSIs biex jiġu evitati d-diffikultajiet dwar il-kompatibbiltà tal-verżjonijiet tal-ERTMS installati;

50.

Jistieden lill-Istati Membri jagħtu tnaqqis ta' 75 % fit-tariffi tal-aċċess għall-binarji għal 10 snin lill-impriżi ferrovjarji li jkun irnexxielhom jgħammru 100 % tal-lokomottivi tagħhom bil-Linja Bażi 3 tal-ERTMS;

51.

Jisħaq li l-metodu ta' kalkolu tal-għajnuna tal-UE għal tagħmir tal-ERTMS, abbażi ta' kilometraġġ b'rata fissa għal kull kilometru, huwa adattat għas-sezzjonijiet lineari iżda huwa inqas adattat għal nodi urbani li jeħtieġu bosta oġġetti maġenb il-binarji u konfigurazzjonijiet kumplessi tal-ERTMS fuq distanza qasira; jissuġġerixxi li titqies ir-ripartizzjoni tal-ispejjeż skont l-għadd ta' settijiet ta' devjaturi fuq il-binarji;

o

o o

52.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44

(2)  ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.

(3)  ĠU L 3, 6.1.2017, p. 6.

(4)  ĠU L 437, 28.12.2020, p. 108.

(5)  ĠU C 86, 6.3.2018, p. 140.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/6.

(8)  Id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2017 bit-titolu “It-twettiq ta' Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) effettiva u interoperabbli – it-triq 'il quddiem”, SWD(2017)0375.

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010(ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv freight (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22).