12.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/196


P9_TA(2021)0260

Rotot Ġodda għall-Migrazzjoni Legali tal-Ħaddiema

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2021 dwar rotot ġodda għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema (2020/2010(INI))

(2022/C 15/21)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 79 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, b'mod partikolari l-Artikolu 2 tal-Protokoll 4,

—

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 45 tagħha,

—

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

—

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-Prinċipji 5, 6, 10, 12 u 16 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-istandards internazzjonali tax-xogħol dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema adottati mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 1990,

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bl-isem “Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” (COM(2015)0240),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tas-6 ta' April 2016 bit-titolu “Għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u għat-tisħiħ ta' rotot legali lejn l-Ewropa” (COM(2016)0197) u tat-12 ta' Settembru 2018 bit-titolu “It-tisħiħ tar-rotot legali lejn l-Ewropa: parti indispensabbli minn politika dwar il-migrazzjoni bbilanċjata u komprensiva” (COM(2018)0635),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2020 dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (COM(2020)0609),

—

wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni u d-dikjarazzjoni politika adottati mis-Summit bejn l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni, li sar fil-Belt Valletta fil-11 u t-12 ta' Novembru 2015, b'mod partikolari l-partijiet rispettivi tagħhom dwar il-migrazzjoni legali u l-mobilità,

—

wara li kkunsidra l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari tal-10 ta' Diċembru 2018,

—

wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni (1),

—

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tiegħu tal-15 ta' Jannar 2016 dwar l-iżvilupp ta' possibilitajiet ta' migrazzjoni ekonomika legali adegwati (2),

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027” (COM(2020)0758),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 (3),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol (4),

—

wara li kkunsidra l-istudji mid-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu ta' Settembru 2015 bit-titolu “Exploring new avenues for legislation for labour migration to the European Union” (L-esplorazzjoni ta' possibilitajiet ġodda għal-leġiżlazzjoni għall-migrazzjoni ekonomika lejn l-Unjoni Ewropea) u ta' Ottubru 2015 bit-titolu “EU cooperation with third countries in the field of migration” (Il-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni), u l-istudju tal-EPRS ta' Marzu 2019 bit-titolu “The cost of non-Europe in the area of legal migration” (L-ispiża tan-non-Ewropa fil-qasam tal-migrazzjoni legali),

—

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Fitness Check on the EU Legislation on Legal Migration” (Kontroll tal-Idoneità dwar il-Leġiżlazzjoni tal-UE rigward il-Migrazzjoni Legali) tal-Kummissjoni tad-29 ta' Marzu 2019 (il-“Kontroll tal-Idoneità”),

—

wara li kkunsidra l-istudju taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2020 bit-titolu “Immigrant key workers: Their contribution to Europe's COVID-19 response” (Il-Ħaddiema ewlenin immigranti: Il-Kontribut tagħhom għar-Rispons tal-Ewropa għall-COVID-19) u l-istudju tekniku tiegħu tad-19 ta' Mejju 2020 bit-titolu “A vulnerable workforce: Migrant workers in the COVID-19 pandemic” (Forza tax-xogħol vulnerabbli: Il-ħaddiema migranti fil-pandemija tal-COVID-19),

—

wara li kkunsidra l-istudji min-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni,

—

wara li kkunsidra l-istudji mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi,

—

wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti,

—

wara li kkunsidra l-ħidma, r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa,

—

wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni,

—

wara li kkunsidra l-acquis tal-UE dwar il-migrazzjoni legali tax-xogħol żviluppat bejn l-2004 u l-2016, li jirregola l-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza u d-drittijiet tal-ħaddiema nazzjonali ta' pajjiżi terzi, li jinkludi:

—

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta' Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjieg bi kwalifiki għoljin (5) (id-Direttiva dwar il-Karta Blu),

—

Id-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar proċedura ta' applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru u dwar ġabra komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta' pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (6) (id-Direttiva dwar il-Permess Uniku),

—

Id-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bħala ħaddiema staġonali (7) (id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġonali),

—

Id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiż terz fil-qafas ta' trasferiment intra-azjendali (8) (id-Direttiva dwar it-Trasferiment Intra-Azjendali),

—

Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (9),

—

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2016 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjieg b'ħiliet għolja (COM(2016)0378), u l-pożizzjonijiet rispettivi adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-2017,

—

wara li kkunsidra d-direttivi li jirregolaw il-kundizzjonijiet ta' dħul fit-territorju u residenza u d-drittijiet ta' kategoriji oħra aktar ġenerali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, bħad-direttivi dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja (10) u dwar l-istatus taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti fit-tul (11),

—

wara li kkunsidra d-direttivi li jirregolaw il-kundizzjonijiet tad-dħul fit-territorju u ta' soġġorn għal kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex qed jidħlu fl-UE sabiex jaħdmu, iżda huma permessi li jagħmlu dan, bħad-direttivi li jagħtu lill-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali d-dritt ta' aċċess għal impjieg u impjieg indipendenti b'rikonoxximent tal-istatus tagħhom, jew li jagħtu lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali aċċess għas-suq tax-xogħol mhux aktar tard minn disa' xhur wara li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet ippreżentata,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0143/2021),

A.

billi l-qafas leġiżlattiv attwali tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni legali tal-ħaddiema huwa fframmentat, u jinkludi direttivi settorjali li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tad-dħul u r-residenza għal kategoriji speċifiċi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi;

B.

billi taħlita ta' regoli bbażati fuq is-27 approċċ nazzjonali trendi lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha destinazzjoni mhux attraenti għall-migrazzjoni legali;

C.

billi, minkejja l-intenzjoni spjegata fl-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni li jiġi segwit approċċ komprensiv, il-migrazzjoni legali bil-kemm tissemma fl-iżvilupp tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni mill-2015 'il hawn;

D.

billi l-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil ma jinkludi l-ebda proposta speċifika dwar il-migrazzjoni legali tal-ħaddiema, minkejja li l-migrazzjoni legali tal-ħaddiema hija indispensabbli għal politika komprensiva tal-migrazzjoni u l-ażil;

E.

billi l-qafas leġiżlattiv attwali huwa inklinat lejn l-impjiegi jew ma' korporazzjonijiet multinazzjonali (id-Direttiva dwar it-Trasferiment Intra-Azjendali) jew dawk f'setturi tas-swieq tax-xogħol tal-Unjoni b'livell għoli ta' ħiliet jew b'pagi għoljin (id-Direttiva dwar il-Karta l-Blu), filwaqt li direttiva waħda biss hija mmirata lejn il-migrazzjoni b'pagi aktar baxxi (id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġonali);

F.

billi hemm nuqqas ta' ħaddiema fl-UE għal livelli ta' ħiliet, setturi u okkupazzjonijiet speċifiċi, inkluż għal okkupazzjonijiet b'livell baxx ta' ħiliet (12); billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-tisħiħ tar-rotot legali lejn l-Ewropa tirrikonoxxi li hemm skarsezzi fis-“snajja'” u fl-“okkupazzjonijiet li jirrikjedu anqas ħiliet formali”;

G.

billi l-pandemija tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher id-dipendenza qawwija li għandna fuq il-ħaddiema tal-ewwel linja u r-rwol ewlieni li l-ħaddiema migranti jaqdu fl-għoti ta' servizzi tal-ewwel linja fl-UE, fejn il-popolazzjonijiet qed jixjieħu b'mod rapidu u fejn 13 % tal-ħaddiema ewlenin huma, bħala medja, immigranti (13); billi l-COVID-19 affettwat b'mod sinifikanti lill-migranti, lill-familji tagħhom, lill-komunitajiet ospitanti u lill-pajjiżi ta' oriġini, u aggravat il-vulnerabbiltajiet eżistenti li l-ħaddiema migranti u l-familji tagħhom jiffaċċjaw madwar l-UE, filwaqt li xekklet il-mobilità, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, id-dritt għal kundizzjonijiet diċenti tax-xogħol u l-aċċess għall-kura soċjali u tas-saħħa tagħhom;

H.

billi l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari jtejjeb il-kooperazzjoni fir-rigward tal-migrazzjoni, u jirrikonoxxi r-responsabbiltajiet kondiviżi tal-istati kollha li jindirizzaw il-ħtiġijiet u t-tħassib ta' xulxin fir-rigward tal-migrazzjoni, u l-obbligu globali li jirrispettaw, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha, irrispettivament mill-istatus ta' migrazzjoni tagħhom, filwaqt li jippromwovu s-sigurtà u l-prosperità tal-komunitajiet kollha;

1.

Jibda mill-prinċipju li l-migrazzjoni hija xi ħaġa normali u li n-nies qegħdin kontinwament jiċċaqalqu; jirrikonoxxi l-kontribu li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jagħtu lis-soċjetajiet, lill-ekonomiji u lill-kulturi tagħna u jenfasizza li l-migrazzjoni jeħtieġ li tiġi ġestita b'mod ordnat, sikur u regolari; jemmen li biex jiġu stabbiliti rotot ġodda għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema, l-UE għandha tistabbilixxi għanijiet ambizzjużi u li jibqgħu validi fil-futur, filwaqt li fl-istess ħin tagħmel użu effettiv tal-oqfsa legali u ta' politika eżistenti u ttejjibhom;

Il-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE

2.

Jinnota li l-Artikolu 79 TFUE jipprevedi l-amministrazzjoni tal-migrazzjoni legali fil-livell tal-Unjoni u jimpenja lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politika komuni dwar l-immigrazzjoni, inklużi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul fit-territorju u residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u definizzjonijiet tad-drittijiet li huma jgawdu ladarba jkunu residenti legalment fl-Unjoni, inklużi kundizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta' moviment lejn Stati Membri oħra u ta' residenza fi Stati Membri oħra; jirrikonoxxi li l-Artikolu 79(5) TFUE jirriżerva d-dritt lill-Istati Membri li jiddeterminaw il-volumi ta' ammissjoni ta' ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jiġu fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu impjieg;

3.

Jissottolinja l-effetti pożittivi tal-qafas tal-UE dwar il-migrazzjoni legali tal-ħaddiema identifikati mill-Kummissjoni fil-Kontroll tal-Idoneità tagħha; jinnota l-eżistenza ta' grad ta' armonizzazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet, il-proċeduri u d-drittijiet, u żieda fiċ-ċertezza tad-dritt għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, għal min iħaddem u għall-amministrazzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali; jinnota, barra minn hekk, il-benefiċċji li dik l-armonizzazzjoni għandha għall-kompetizzjoni fis-swieq tax-xogħol tal-UE;

4.

Jissottolinja li approċċ tal-UE għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema ma jeskludix awtomatikament il-ħtieġa ta' oqfsa leġiżlattivi nazzjonali; ifakkar, madankollu, li l-qafas eżistenti tal-Unjoni li jirregola l-migrazzjoni legali lejn l-Unjoni huwa frammentat, jiffoka fuq kategoriji speċifiċi ta' ħaddiema, primarjament ħaddiema impjegati f'setturi b'pagi għoljin, ma jittrattax lil dawk il-kategoriji ta' ħaddiema bl-istess mod, inkluż billi jipprevedi livelli differenti ta' drittijiet, u jippermetti l-eżistenza ta' oqfsa leġiżlattivi nazzjonali paralleli; jenfasizza li t-taħlita asimmetrika attwali ta' liġijiet nazzjonali u tal-UE, filwaqt li tirrifletti differenzi bejn is-swieq tax-xogħol nazzjonali, tpoġġi lil dawk l-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali f'kompetizzjoni bejniethom u mal-qafas tal-Unjoni, ħaġa li timplika, b'estensjoni, proċeduri burokratiċi kemm għall-ħaddiema prospettivi u kemm għall-impjegaturi;

5.

Jemmen li approċċ bħal dan iservi biss biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-futur qrib u mhuwiex konformi mal-għan tal-Unjoni li jkollha approċċ komprensiv għall-politika dwar il-migrazzjoni; huwa tal-fehma li, jekk tkun imfassla tajjeb u ġestita tajjeb, il-migrazzjoni legali tal-ħaddiema tista' tkun sors ta' prosperità, innovazzjoni u tkabbir, kemm għall-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll għal dawk ospitanti;

6.

Jenfasizza li fil-Kontroll tal-Idoneità tagħha, il-Kummissjoni waslet għal konklużjoni simili u identifikat il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-inkonsistenzi, il-lakuni u n-nuqqasijiet permezz ta' firxa wiesgħa ta' miżuri, inklużi miżuri leġiżlattivi; jinnota, barra minn hekk, l-effetti favorevoli ta' rotot ġodda għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema fit-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari, li hija perikoluża għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li qed ifittxu impjieg fl-Unjoni, u li jista' jkollha effetti negattivi fuq is-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri;

7.

Jinsab konxju li l-qafas attwali tal-Unjoni li jirregola l-migrazzjoni legali ġie żviluppat, parzjalment, biex jipprevjeni l-isfruttament tal-ħaddiema u jipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema ċittadini ta' pajjiżi terzi; jinnota, madankollu, li d-direttivi eżistenti kellhom biss impatt limitat fuq il-prevenzjzoni tal-isfruttament tal-ħaddiema, u li l-ħaddiema migranti għadhom qed jesperjenzaw trattament inugwali u sfruttament tal-ħaddiema; jistieden lill-Unjoni tieħu azzjoni kkoordinata biex tindirizza tali trattament inugwali u sfruttament; iqis li l-użu ta' permessi ta' durata limitata f'każijiet ta' sfruttament huwa prattika tajba li għandha tiġi promossa madwar l-Unjoni kollha; jissottolinja l-ħtieġa ta' miżuri li jtejbu l-aċċessibilità u l-effiċjenza tal-monitoraġġ tal-post tax-xogħol; jenfasizza li għandu jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi effettivi tal-ilmenti biex jipproteġu lill-ħaddiema migranti kollha kontra l-isfruttament, f'konformità mad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra Min Iħaddem tal-2009 (14), u tali mekkaniżmi għandhom, b'mod partikolari, jiggarantixxu aċċess effettiv għall-ġustizzja u r-rimedju, u b'hekk jiżguraw kundizzjonijiet ekwi;

L-adozzjoni ta' approċċ simplifikat

8.

Jirrimarka li l-qafas legali attwali u l-implimentazzjoni diverġenti tad-direttivi eżistenti mill-Istati Membri rriżultaw f'ħafna inkonsistenzi għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fir-rigward ta' trattament ugwali, kundizzjonijiet ta' dħul fit-territorju u dħul mill-ġdid, awtorizzazzjoni ta' xogħol, status ta' residenza, mobilità intra-UE, is-sigurtà soċjali, rikonoxximent ta' kwalifiki u riunifikazzjoni tal-familja; jinnota li dawn l-inkonsistenzi jistgħu jxekklu l-integrazzjoni; jisħaq, barra minn hekk, li dawn l-inkonsistenzi joħolqu wkoll diffikultajiet għan-negozji li jimpjegaw liċ-ċiittadini ta' pajjiżi terzi (15) u għall-awtoritajiet lokali li jipprovdu servizzi ta' integrazzjoni; jitlob li fil-livell nazzjonali tixxerred informazzjoni rilevanti għan-negozji;

9.

Jenfasizza l-valur miżjud tal-fatt li jkollna qafas komprensiv tal-Unjoni għall-migrazzjoni legali bħala parti minn approċċ olistiku għall-migrazzjoni, peress li jipprovdi opportunitajiet permezz ta' rotot legali u sikuri għall-migrazzjoni relatata max-xogħol, itejjeb l-aċċess taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għas-suq tax-xogħol tal-Unjoni, jinkoraġġixxi migrazzjoni aktar ordnata, jattira lill-ħaddiema, lill-istudenti u lin-negozji li s-swieq tax-xogħol tal-UE u nazzjonali jeħtieġu, jgħin biex jidgħajjef il-mudell kummerċjali kriminali tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin u tat-traffikanti tal-bnedmin, jiżgura li l-ħaddiema ċittadini ta' pajjiżi terzi jiġu ttrattati f'konformità mad-drittijiet fundamentali, itejjeb l-aċċess għal kundizzjonijiet diċenti tax-xogħol, u jrawwem l-integrazzjoni fuq bażi ugwali għan-nisa u għall-irġiel; jemmen li approċċ olistiku bħal dan huwa ta' benefiċċju għall-ħaddiema ċittadini ta' pajjiżi terzi u l-familji tagħhom, il-komunitajiet ospitanti u l-pajjiżi ta' oriġini;

10.

Itenni li implimentazzjoni aħjar u aktar konsistenti tal-qafas leġiżlattiv attwali, infurzar aħjar tad-drittijiet stabbiliti fid-direttivi eżistenti, u tixrid aħjar tal-informazzjoni biex issir sensibilizzazzjoni dwar il-proċeduri applikabbli huma l-ewwel passi prattiċi li jridu jittieħdu;

11.

Jirrakkomanda li l-qafas leġiżlattiv jiġi ssimplifikat u armonizzat billi jiġu allinjati d-dispożizzjonijiet fid-direttivi kollha eżistenti dwar il-migrazzjoni legali dwar il-proċeduri tal-applikazzjoni, ir-raġunijiet għall-ammissjoni u ċ-ċaħda, is-salvagwardji proċedurali, it-trattament ugwali, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, inkluż id-dritt li dak li jkun jibdel min iħaddmu, ir-riunifikazzjoni tal-familja f'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-mobilità intra-UE;

12.

Jilqa' r-rieżami ppjanat tal-Kummissjoni tad-Direttiva dwar il-Permess Uniku; jissuġġerixxi li biex tintlaħaq kategorija usa' ta' ħaddiema, il-kamp ta' applikazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva għandhom jiġu estiżi; jilqa' wkoll ir-rieżami ppjanat mill-Kummissjoni tad-Direttiva dwar ir-Residenti għat-Tul, li jippreżenta opportunità biex il-mobilità tittejjeb u l-proċeduri jiġu ssimplifikati u armonizzati; jistenna bil-ħerqa r-rapport ta' implimentazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġonali, li għandu jeżamina fid-dettall id-dispożizzjonijiet dwar l-istatus ta' residenza, it-trattament ugwali u l-perjodu massimu ta' soġġorn; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li ssir reviżjoni leġiżlattiva tad-direttiva msemmija hawn fuq wara l-evalwazzjoni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi azzjoni leġiżlattiva xierqa biex ittejjeb id-direttivi eżistenti billi tallinjahom mad-dispożizzjonijiet l-aktar favorevoli;

It-titjib tal-mobilità intra-UE

13.

Jenfasizza l-fatt li l-mobilità intra-UE taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi hija komponent ewlieni tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni legali, peress li tipprovdi valur miżjud ċar li ma jistax jinkiseb fil-livell tal-Istati Membri; ifakkar li l-moviment liberu tal-ħaddiema jgħin biex id-domanda tiġi mlaqqa' mal-provvista fis-swieq tax-xogħol tal-UE u jista' jikkontribwixxi wkoll għall-aġġustamenti tas-suq tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku ġenerali fi żminijiet ta' kriżi;

14.

Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali f'dak li jirrigwarda skemi dwar il-mobilità intra-UE ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-ġbir tad-data, l-istatistika u l-evidenza, jissaħħu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali biex jittejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-acquis, u li jiġi sfruttat bis-sħiħ kemm jista' jkun il-valur miżjud tal-UE;

15.

Jenfasizza li regoli aktar armonizzati u flessibbli li jiffaċilitaw il-mobilità intra-UE jkunu jservu ta' inċentiv għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, jirrappreżentaw miżura pożittiva għal min iħaddem, u jgħinu lill-Istati Membri jimlew il-lakuni fis-swieq tax-xogħol tagħhom u jagħtu spinta lill-ekonomiji tagħhom; jisħaq, barra minn hekk, li mobilità intra-UE mtejba tkun tippermetti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li diġà jinsabu fl-UE jtejbu l-prospetti tagħhom ta' integrazzjoni;

16.

Jinnota li d-direttivi adottati aktar reċentement dwar l-istudenti, ir-riċerkaturi u l-ħaddiema bi trasferiment intraazjendali jagħtu drittijiet ta' mobilità aktar estensivi liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi milli jagħtu d-direttivi dwar il-migrazzjoni legali adottati preċedentement, bħad-Direttiva oriġinali dwar il-Karta Blu u d-Direttiva dwar ir-Residenti għat-Tul;

17.

Jirrakkomanda li, bħala l-ewwel pass lejn is-simplifikazzjoni, id-drittijiet għall-mobilità intra-UE jissaħħu fid-direttivi eżistenti dwar il-migrazzjoni legali; itenni li l-Kummissjoni għandha tipproponi azzjoni leġiżlattiva xierqa;

It-twaqqif ta' riżerva ta' talent

18.

Jissottolinja li hemm bżonn ta' għodod ġodda biex min iħaddem ikun jista' jitlaqqa' ma' impjegati prospettivi, jiġu indirizzati l-iskarsezzi fis-suq tax-xogħol, u jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet formali ta' pajjiżi terzi fil-livell tal-UE; jenfasizza l-fatt li hija meħtieġa informazzjoni aħjar dwar il-migrazzjoni legali lejn l-UE għal min iħaddem u għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, u li jeħtieġ li jiżdied id-djalogu strutturat u sinifikanti mal-pajjiżi terzi rilevanti dwar il-migrazzjoni legali;

19.

Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' pjattaforma tal-UE għar-riżerva ta' talent u t-tlaqqigħ ta' dan it-talent mad-domanda biex isservi bħala punt uniku ta' servizz għall-ħaddiema ċittadini ta' pajjiżi terzi, għal min iħaddem fl-UE u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali; jinnota l-pjan tal-Kummissjoni li tesplora l-iżvilupp ta' tali riżerva ta' talent; jirrakkomanda li dan għandu jkopri s-setturi kollha tal-impjieg għall-ħaddiema b'livell ta' ħiliet baxx, medju u għoli, u għall-ħaddiema b'salarju u għal dawk li jaħdmu għal rashom, inkluż f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u f'negozji ġodda; jinnota li l-involviment tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, inkluż fil-livell lokali, fi pjattaforma bħal din kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi ta' oriġini jista' jgħin biex jittejbu s-sħubijiet u tinbena l-fiduċja bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi, tinħoloq klima ta' investiment, u tingħata tweġiba aktar xierqa għall-ħtiġijiet tal-impjiegi jew għall-iskarsezzi fis-suq tax-xogħol; jirrakkomanda li l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi f'tali riżerva ta' talenti tiġi ffaċilitata, pereżempju online jew permezz tar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri;

20.

Jenfasizza li tali riżerva ta' talenti tal-UE tista' sservi bħala għodda ġdida importanti għat-tlaqqigħ u l-ġestjoni tal-provvista tal-ħiliet mas-swieq tax-xogħol nazzjonali, u li l-UE jista' jkollha rwol importanti fl-istabbiliment, il-monitoraġġ u s-sorveljanza ta' tali għodda, inkluż permezz tal-finanzjament u l-kondiviżjoni tal-għarfien; jirrakkomanda li l-pjattaforma tintuża biex jiġu ċċarati u allinjati aħjar ir-rekwiżiti ta' edukazzjoni u taħriġ bejn l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi terzi; iqis li qafas armonizzat fil-livell tal-UE għall-applikazzjonijiet, ibbażat fuq dik ir-riżerva ta' talent, jgħin biex titnaqqas il-burokrazija fil-livell tal-Istati Membri; jemmen li l-UE jista' jkollha rwol importanti fl-iskrinjar ta' qabel tal-kwalifiki, il-livelli tal-lingwi u l-ħiliet tal-kandidati; jenfasizza kemm ikun importanti t-tixrid immirat tal-informazzjoni fil-promozzjoni tal-pjattaforma għar-riżerva ta' talent u t-tlaqqigħ ta' dan it-talent mad-domanda fil-pajjiżi terzi u fl-Istati Membri parteċipanti;

21.

Jirrakkomanda li l-valutazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku u ċ-ċertifikazzjoni ta' diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħra, inkluż l-akkwist formali u mhux formali ta' ħiliet f'pajjiżi terzi, isiru aktar faċli, malajr, ġusti u issimplifikati fl-Istati Membri kollha billi jiġu implimentati proċeduri aċċelerati u billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni; huwa tal-fehma li dan isaħħaħ il-mobilità intra-UE; jenfasizza li l-qafas Ewropew tal-kwalifiki jipprovdi bażi tajba li fuqha s-sistemi ta' kwalifiki ta' pajjiżi terzi jistgħu jiġu relatati ma' qafas ta' referenza komuni tal-UE;

22.

jinsisti li l-Istati Membri jistabbilixxu immedjatament mekkaniżmi u arranġamenti għall-validazzjoni tal-esperjenza professjonali u tat-tagħlim mhux formali u informali f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 (16); jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet nazzjonali jikkondividu l-aħjar prattiki; jinsisti fuq l-importanza li l-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u n-networks tad-dijaspora u l-ħaddiema ċittadini ta' pajjiżi terzi infushom, kif ukoll l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali (b'mod partikolari l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)), jiġu involuti f'diskussjonijiet dwar id-definizzjoni tal-ħiliet, li għandhom jinkludu t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol, il-kwalifiki informali u l-esperjenza ta' xogħol;

It-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi u t-titjib tar-rotot legali

23.

Jisħaq li minħabba li l-popolazzjoni tal-UE qed tixjieħ u l-forza tax-xogħol tagħha qed tonqos, l-iskemi tal-mobilità tal-ħaddiema għandhom il-potenzjal li jiggavalnizzaw is-swieq tax-xogħol tal-UE u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku;

24.

Jappoġġja l-kooperazzjoni globali u reġjonali dwar il-migrazzjoni bħala mod wieħed biex jissaħħu d-disponibilità u l-flessibilità ta' rotot għall-migrazzjoni regolari; jibqa' konvint li t-tisħiħ ta' kanali ta' migrazzjoni legali xierqa jgħin biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari, idgħajjef il-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi kriminali ta' dħul klandestin, inaqqas it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament tal-ħaddiema, itejjeb l-opportunitajiet ugwali għall-ħaddiema kollha u joffri rotta legali għal dawk li qed jikkunsidraw li jemigraw lejn l-Unjoni; f'dak ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tirregola l-aġenziji tar-reklutaġġ, potenzjalment permezz tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA);

25.

Iqis li djalogu usa' dwar il-migrazzjoni, pereżempju permezz ta' summits regolari bejn l-UE u diversi pajjiżi terzi, jista' jiffaċilita l-issodisfar tal-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol tal-UE u l-iżvilupp ta' sħubijiet bilanċjati, inkluż fuq l-inizjattiva tan-negozji u s-soċjetà ċivili, li jistgħu jgħinu fit-tħejjija għall-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol tal-pajjiż ta' destinazzjoni u jistgħu jsaħħu t-trasferiment sostenibbli tal-ħiliet miksuba bejn il-pajjiżi ta' oriġini u ta' destinazzjoni; jenfasizza li tista' tinstab ispirazzjoni fil-ftehimiet eżistenti bbażati fuq il-ħiliet dwar l-iżvilupp ta' sħubijiet ta' talent li jippermettu lill-pajjiż ta' destinazzjoni jkun involut direttament fit-tiswir tas-settijiet tal-ħiliet taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi potenzjalment interessati li jemigraw lejn l-UE, inkluż billi jistabbilixxu faċilitajiet u programmi ta' taħriġ għall-pajjiżi terzi, u jindirizzaw il-ħtieġa tat-trasparenza tas-sħubijiet ma' pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-ħtieġa li jiġu involuti s-sħab soċjali;

26.

Jissottolinja r-rwol importanti tar-rimessi tal-emigranti u l-benefiċċji li l-migrazzjoni sikura, regolari u ordnata għandha kemm għall-pajjiżi li jibagħtu kif ukoll għal dawk li jirċievu; jappoġġja l-isforzi biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' “eżodu ta' mħuħ” u “kisba ta' mħuħ” billi jiġu żviluppati aktar strumenti li jippermettu migrazzjoni ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni, f'dak ir-rigward, tanalizza l-benefiċċji u l-iżvantaġġi tal-mudelli eżistenti applikati minn pajjiżi oħra, bħal sistema bbażata fuq il-punti u mudelli bbażati fuq espressjonijiet ta' interess; bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni ċirkolari, jirrakkomanda l-introduzzjoni tal-mobilità ppreferuta, u l-aċċess għal permessi rinnovabbli, id-dritt ta' dħul mill-ġdid, u l-estensjoni tal-perjodu permess ta' assenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi biex ikunu jistgħu jirritornaw lejn pajjiżhom;

L-iżvilupp tal-qafas leġiżlattiv tal-UE

27.

Ifakkar li l-UE għadha lura fil-kompetizzjoni globali għat-talent; jinnota li l-unika proposta dwar il-migrazzjoni legali tal-ħaddiema ppreżentata mill-Kummissjoni preċedenti kienet għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Karta Blu; jibqa' impenjat li jfittex li ssir reviżjoni sinifikanti u robusta tad-Direttiva dwar il-Karta Blu biex iġġib valur miżjud f'dawk li huma armonizzazzjoni, rikonoxximent ta' ħiliet, simplifikazzjoni ta' proċeduri u mobilità intra-UE mtejba;

28.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' djalogu strutturat u konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, is-sħab soċjali u n-netwerks tad-dijaspora, il-ħaddiema ċittadini ta' pajjiżi terzi nfushom, u l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali (b'mod partikolari l-IOM, l-ILO u l-OECD), meta jkun qed jiġi kkunsidrat l-iżvilupp futur tal-qafas leġislattiv tal-UE;

29.

Huwa tal-fehma li l-politiki tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-migrazzjoni legali għandhom jiffokaw fuq li jirrispondu għall-iskarezzi tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet; jistieden lill-Kummissjoni, għal dan il-għan, tanalizza l-ineffiċjenzi fit-testijiet tas-suq tax-xogħol u fl-iskemi tal-migrazzjoni tal-ħaddiema li ma jirrispondux għall-ħtiġijiet reali tas-suq tax-xogħol; jirrakkomanda li l-Unjoni tiżviluppa l-qafas leġiżlattiv tagħha biex tkopri, b'mod aktar wiesa', liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed ifittxu x-xogħol f'impjieg b'livell baxx jew medju ta' ħiliet (17);

30.

Jinnota, f'dan il-kuntest, li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ta' spiss huma impjegati fis-settur tas-servizzi tad-dar u tal-kura fid-dar (18); jinnota li dan huwa settur li fih il-biċċa l-kbira tal-impjegati huma nisa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni 189 tal-ILO dwar il-ħaddiema domestiċi u jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tal-istandards tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra azzjoni leġiżlattiva f'dan il-qasam;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa skema mifruxa mal-UE kollha biex tattira u tiffaċilita l-attivitajiet transfruntiera tal-persuni li jaħdmu għal rashom, tal-imprendituri, u tan-negozji ġodda – sabiex tissaħħaħ l-innovazzjoni – kif ukoll liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi iktar żgħażagħ mingħajr kwalifiki formali, pereżempju permezz ta' viżi għal min qed ifittex impjieg u viżi ta' taħriġ, filwaqt li jitqiesu s-servizzi tal-pjattaforma tal-Europass f'konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19);

32.

Jirrikonoxxi li d-direttivi settorjali la huma rimedju għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-UE u lanqas għall-kwistjoni tal-migrazzjoni legali b'mod aktar ġenerali, filwaqt li jagħraf il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom skemi nazzjonali biex jattiraw il-migranti tax-xogħol; jemmen li, fuq il-perjodu ta' żmien medju, l-UE għandha titbiegħed minn approċċ settorjali u tadotta kodiċi ta' immigrazzjoni li jistabbilixxi regoli wiesgħa li jirregolaw id-dħul fit-territorju u r-residenza għaċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi li qed ifittxu impjieg fl-Unjoni u li jarmonizza d-drittijiet li jitgawdew minn tali ċittadini ta' pajjiżi terzi u l-familja tagħhom;

33.

Jirrimarka li strument leġiżlattiv ġenerali bħal dan ikun jindirizza t-taħlita ta' proċeduri li hemm bħalissa, ineħħi r-rekwiżiti differenti stabbiliti fl-Istati Membri kollha u jipprovdi s-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni meħtieġa tar-regoli mingħajr ma jiddiskrimina kontra xi settur ta' impjieg jew tip ta' impjegat; iqis, barra minn hekk, li tali strument ikun jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-UE u pajjiżi terzi;

o

o o

34.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU C 58, 15.2.2018, p. 9.

(2)  PE573.223v01-00.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0176.

(4)  ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21.

(5)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17.

(6)  ĠU L 343, 23.12.2011, p. 1.

(7)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375.

(8)  ĠU L 157, 27.5.2014, p. 1. Il-ħaddiema bi trasferiment intra-azjendali huma ssekondati minn impriża stabbilita barra l-UE għal entità li tappartjeni lill-istess grupp ta' impriżi stabbilit fl-UE.

(9)  ĠU L 132, 21.5.2016, p. 21.

(10)  id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44).

(12)  Studji tad-Dipartiment Tematiku C dwar “Exploring new avenues for legislation for labour migration to the EU” (L-esplorazzjoni ta' possibilitajiet ġodda għal-leġiżlazzjoni għall-migrazzjoni ekonomika lejn l-UE) u dwar “EU cooperation with third countries in the field of migration” (Il-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni).

(13)  Fasani, F. and Mazza, J., Immigrant Key Workers: Their Contribution to Europe's COVID-19 Response, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020.

(14)  Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24).

(15)  Il-Kontroll tal-Idoneità identifika l-oqsma ewlenin li ġejjin li fihom instabu l-aktar kwistjonijiet ta' koerenza interna: il-proċeduri tal-applikazzjoni, il-kundizzjonijiet tal-ammissjoni u tar-residenza (inklużi r-raġunijiet għaċ-ċaħda u l-irtirar), il-kundizzjonijiet ta' trattament ugwali, il-mobilità intra-UE u r-riunifikazzjoni tal-familja.

(16)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1).

(17)  Ara pereżempju n-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni, “Determining labour shortages and the need for labour migration from third countries in the EU” (Id-determinazzjoni tan-nuqqas ta' ħaddiema u l-ħtieġa tal-migrazzjoni tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi fl-UE), il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 2015.

(18)  Ara wkoll: EPRS, The cost of non-Europe in the area of legal migration (Il-kost tan-non-Ewropa fil-qasam tal-migrazzjoni legali), Parlament Ewropew, Brussell, 2019, pp. 21–22.

(19)  Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' April 2018 dwar qafas komuni għall-għoti ta' servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) (ĠU L 112, 2.5.2018, p. 42).