|
12.1.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 15/137 |
P9_TA(2021)0249
L-impatti tar-regoli tal-UE fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi: il-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE bħala għodda għat-tqabbil tal-ħtiġijiet u l-ħiliet tas-suq tax-xogħol
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2021 dwar l-impatti tar-regoli tal-UE fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi: il-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE bħala għodda għat-tqabbil tal-ħtiġijiet u l-ħiliet tas-suq tax-xogħol (2020/2007(INI))
(2022/C 15/12)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 45, 56, 153, 154 u 174 tat-TFUE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), ipproklamat mill-Kunsill Ewropew, mill-Parlament u mill-Kummissjoni f'Novembru 2017, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), |
|
— |
wara li kkunsidra l-istandards fundamentali tax-xogħol stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar l-amministrazzjoni tax-xogħol u l-ispezzjonijiet tax-xogħol, |
|
— |
wara li kkunsidra l-acquis legali estensiv tal-Unjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (1) u d-direttivi individwali u relatati tagħha, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2020 dwar it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet bħala bażi biex jiżdiedu s-sostenibilità u l-impjegabilità, fil-kuntest ta' appoġġ għall-irkupru ekonomiku u l-koeżjoni soċjali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-“Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019-2024: Unjoni li tirsisti għal aktar”, ippreżentati mill-kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea s-Sa Ursula von der Leyen, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar network Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (4), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/170 tat-2 ta' Frar 2018 dwar l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u għall-analiżi tad-data sabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament tan-network tal-EURES, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2019 dwar l-attività tal-EURES minn Jannar 2016 sa Ġunju 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (9), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta' Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (11), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (12), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (13), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (14), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta' Ġunju 1999 dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta' xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (AKESB) u l-Federazzjoni tal-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport (FUĦT) (15), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta' Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (16), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (17), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (18), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (19), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta' rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (20), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1181 tat-8 ta' Lulju 2019 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (21), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2016/344 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar ta' xogħol mhux iddikjarat (22), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u li tħassar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (23), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 (24), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa (25), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi bħala strateġija biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa (26), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Lulju 2020 dwar “Il-Pjan ta' rkupru għall-Ewropa u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali mill-2021 sal-2027”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-5 ta' Mejju 2020 dwar “Sustainable funding for lifelong learning and development of skills, in the context of a shortage of skilled labour” (Finanzjament sostenibbli għat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet, fil-kuntest ta' nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa) (Opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Kroata), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni bit-titolu “L-eżodu tal-imħuħ fl-UE: nindirizzaw l-isfida fil-livelli kollha” (C 141/34), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza” (COM(2020)0274) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawha (SWD(2020)0121) u (SWD(2020)0122), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 bit-titolu “Ewropa soċjali b'saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti” (COM(2020)0014), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2019 bit-titolu “L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2020” (COM(2019)0650), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu “Aġenda ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa” (COM(2016)0381), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal rapport konġunt dwar l-impjiegi mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2019 li takkumpanja l-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu “Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-25 ta' Settembru 2019 dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (COM(2019)0426), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni tal-2019 dwar il-Mobilità Intra-UE tal-Ħaddiema, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tas-Cedefop bit-titolu “Skills forcast trends and challenges to 2030” (Xejriet u sfidi tat-tbassir tal-ħiliet sal-2030), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound bit-titolu “Posted workers in the European Union (2010)” (Ħaddiema stazzjonati fl-Unjoni Ewropea (2010)) (27) u r-rapporti nazzjonali, |
|
— |
wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni għar-Rebbiegħa 2020 tas-6 ta' Mejju 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tal-24 ta' April 2020 bit-titolu “COVID-19: lura lejn il-post tax-xogħol – l-adattament tal-postijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ħaddiema”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju tal-2015 tal-Parlament bit-titolu “EU Social and Labour Rights and EU Internal Market Law” (Drittijiet Soċjali u tax-Xogħol tal-UE u d-Dritt tas-Suq Intern tal-UE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2020 dwar il-ħaddiema staġjonali fl-UE fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2020 dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tal-ħaddiema staġjonali u ta' ħaddiema mobbli oħra, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tal-2015 bit-titolu “Study on wage setting systems and minimum rates of pay applicable to posted workers in accordance with Directive 96/71/EC in a selected number of Member States and sectors” (Studju dwar sistemi tal-iffissar tal-pagi u r-rati minimi ta' salarju applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati skont id-Direttiva 96/71/KE f'għadd magħżul ta' Stati Membri u setturi), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2020 rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema matul it-tifqigħa tal-COVID-19, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – COVID-19”(2020/C 169/03), |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju tal-Eurofound tal-2015 bit-titolu “Social dimension of intra-EU mobility: Impact on public services” (Id-dimensjoni soċjali tal-mobilità intra-UE: L-impatt fuq is-servizzi pubbliċi), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0066/2021), |
|
A. |
billi n-nondiskriminazzjoni hija prinċipju fundamentali minqux fit-Trattati; billi l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni; billi l-prinċipju ta' trattament ugwali, minqux fl-Artikolu 45(2) TFUE jistipula li l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema trid timplika l-abolizzjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri rigward l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol u tal-impjieg; |
|
B. |
billi l-Artikolu 3(3) TUE jistipula li l-Unjoni “għandha tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali”; billi l-Artikolu 9 TFUE jistipula li “fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”; |
|
C. |
billi l-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-provvista ta' servizzi huma prinċipji fundamentali tas-suq intern; |
|
D. |
billi l-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi għandu jirrispetta l-prinċipji minquxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; billi l-impenn tal-Unjoni għall-Aġenda 2030 tan-NU u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, inklużi l-protezzjoni u l-promozzjoni ta' pagi ġusti, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg deċenti, iridu jiġu integrati fil-politiki kollha tas-suq intern, biex b'hekk jitqiesu kif xieraq il-kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali; |
|
E. |
billi l-moviment liberu tal-ħaddiema, inkluż tal-ħaddiema staġjonali, huwa essenzjali għall-integrazzjoni Ewropea; billi dan jista' jkun ta' benefiċċju reċiproku kemm għall-Istati Membri emittenti kif ukoll dawk riċeventi, u jappoġġja l-għanijiet ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; billi l-Unjoni u l-Istati Membri jeħtiġilhom jibbenefikaw bis-sħiħ mill-potenzjal tal-mobilità intra-UE filwaqt li jinfurzaw b'mod effikaċi l-konformità mar-regoli applikabbli dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol; |
|
F. |
billi l-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni fl-Unjoni u joħloq opportunitajiet ta' impjiegi; billi s-suq uniku jista' jkun sostenibbli biss u jżid il-prosperità jekk ikun ibbażat fuq regoli ġusti u komuni u fuq il-prinċipju ta' trattament ugwali, speċjalment fir-rigward tal-movimenti liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi; |
|
G. |
billi l-Unjoni għandha tkompli taqdi rwol ewlieni biex tappoġġja l-iskambju ta' prattiki tajba fil-livelli kollha ta' gvern u fl-iżvilupp ta' gwida u rakkomandazzjonijiet f'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali dwar li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg deċenti għal kulħadd, inkluż għall-gruppi vulnerabbli ta' ħaddiema; |
|
H. |
billi l-implikazzjonijiet soċjali tal-moviment liberu tas-servizzi jistgħu jaffettwaw lir-reġjuni ta' oriġini u lir-reġjuni li jospitaw ħaddiema mobbli b'mod pożittiv u/jew negattiv; billi n-nuqqas ta' ħaddiema u r-rata ta' eżodu ta' mħuħ, ikkawżati mill-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali attwali bejn ir-reġjuni tal-Unjoni, speċjalment wara l-kriżi finanzjarja, laħqu livelli kritiċi f'xi Stati Membri, li wasslu għal aktar problemi bħal żbilanċi demografiċi, nuqqasijiet fil-provvista tal-kura u persunal mediku, u żieda ġenerali fl-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni; billi ż-żoni rurali u remoti huma partikolarment affettwati minn dawn il-fenomeni; billi hemm bżonn ta' politika industrijali sostenibbli u politika ta' koeżjoni robusta biex jinżammu u jinħolqu impjiegi ta' kwalità fis-setturi u r-reġjuni li għaddejjin minn trasformazzjoni sabiex jiġu evitati l-eżodu ta' mħuħ u l-mobilità involontarja; |
|
I. |
billi l-kompetizzjoni dwar il-kost lavorattiv hija ta' dannu għall-koeżjoni fost l-Istati Membri; billi approċċ ikkoordinat fil-livell tal-Unjoni huwa meħtieġ sabiex tiġi evitata kompetizzjoni inġusta fil-kost lavorattiv u biex tiżdied il-konverġenza soċjali 'l fuq għal kulħadd; billi regolamentazzjoni effikaċi u ftehimiet kollettivi huma kruċjali biex ikunu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg diċenti, servizzi ta' kwalità u kompetizzjoni ġusta; |
|
J. |
billi l-ħaddiema transfruntiera joħolqu l-ġid għan-nisġiet soċjoekonomiċi ta' ċerti reġjuni; |
|
K. |
billi sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema mobbli, tissaħħaħ il-konformità b'regoli applikabbli u jitrawmu kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji kollha, huwa kruċjali li jittejjeb, jiġi allinjat u kkoordinat l-infurzar transfruntier tar-regoli tal-Unjoni dwar il-mobilità tal-ħaddiema, u li jiġi indirizzat l-abbuż, inkluż ix-xogħol mhux iddikjarat; |
|
L. |
billi l-maġġoranza tal-ħaddiema fl-Unjoni huma impjegati minn intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs); billi l-MSMEs u l-persuni li jaħdmu għal rashom huma l-aktar vulnerabbli għall-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni; billi leġiżlazzjoni nazzjonali konfliġġenti, piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa u kompetizzjoni inġusta huma sors ewlieni ta' diffikultajiet għall-MSMEs, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji bona fide fis-suq intern; billi l-inizjattivi mmirati lejn l-MSMEs u n-negozji l-ġodda għandhom jgħinu lin-negozji jikkonformaw mar-regoli attwali, u m'għandhomx jirriżultaw f'piżijiet amministrattivi bla bżonn, standards doppji jew standards ta' protezzjoni aktar baxxi għall-ħaddiema; |
|
M. |
billi d-diġitalizzazzjoni tipprovdi opportunità bla preċedent biex tiġi ffaċilitata l-mobilità, filwaqt li tgħin biex tiġi vverifikata l-konformità stretta mar-regoli tal-Unjoni dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol; |
|
N. |
billi ġiet stabbilita Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) sabiex tgħin fit-tisħiħ tal-ġustizzja u l-fiduċja fis-suq intern, il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema, l-istazzjonar tal-ħaddiema, u servizzi mobbli ħafna, biex tiġi mmonitorjata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-mobilità tax-xogħol u l-koordinazzjoni tal-arranġamenti tas-sigurtà soċjali, kif ukoll biex jittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattiki u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u s-sħab soċjali f'li jiżguraw mobilità tax-xogħol ġusta u jindirizzaw xogħol mhux iddikjarat; billi l-promozzjoni ta' pagi ġusti, ugwaljanza bejn il-ġeneri kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg diċenti għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien ta' suq uniku li jiffunzjona tajjeb, ġust u sostenibbli; |
|
O. |
billi l-ELA, korp li nħoloq reċentement, mistennija tilħaq il-kapaċità operazzjonali sħiħa tagħha sal-2024; |
|
P. |
billi l-istazzjonar tal-ħaddiema, ix-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija u x-xogħol staġjonali huma temporanji min-natura tagħhom stess u mid-definizzjoni legali tagħhom; |
|
Q. |
billi nuqqas ta' protezzjoni legali adegwata u aċċess għal sistemi ta' sigurtà soċjali għall-ħaddiema spiss jirriżultaw minn forom abbużivi ta' impjieg mhux standard, arranġamenti artifiċjali, bħal impjieg indipendenti fittizju, arranġamenti ta' xogħol on-call bla ħlas u/jew imħallsa ħażin biss, l-hekk imsejħa kuntratti ta' “żero sigħat”, użu abbużiv ta' kuntratti temporanji u internships bħala sostituzzjoni għal kuntratti ta' impjieg regolari, inkluż fis-settur pubbliku, u l-użu ta' kumpaniji tal-isem; billi dawn il-kwistjonijiet għandhom għalhekk jiġu indirizzati; billi l-użu dejjem akbar ta' diversi arranġamenti ta' sottokuntrattar jista' jirriżulta wkoll f'abbuż, li jeħtieġ kontromiżuri; billi l-mobilità tal-ħaddiema intra-UE bbażata b'mod dirett fuq l-Artikolu 45 TFUE tista' naturalment tikkontribwixxi wkoll biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet fit-tul tal-ħaddiema permezz ta' forom standard ta' impjiegi miftuħa għaċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità; |
|
R. |
billi l-koeżjoni soċjali hija wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-Unjoni; billi, madankollu, fl-Unjoni għad hemm differenzi sostanzjali fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol; billi pagi u PDG ogħla, sigurtà soċjali robusta, aċċess aktar faċli għas-suq tax-xogħol u rati ogħla ta' impjieg huma fost l-aktar fatturi rilevanti ta' attrazzjoni għall-mobilità intra-UE (28); billi, min-naħa l-oħra, il-faqar, l-esklużjoni soċjali, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol ħżiena u n-nuqqas ta' assistenza soċjali huma fatturi ta spinta għall-mobilità intra-UE; billi n-nuqqas persistenti ta' ħaddiema f'xi setturi kritiċi f'xi Stati Membri jista' jiġi spjegat ukoll fil-biċċa l-kbira minn kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u livelli baxxi ta' pagi; billi tali nuqqasijiet għandhom jiġu indirizzati billi jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'dawn is-setturi, speċjalment permezz tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, minflok ma kundizzjonijiet ta' xogħol ħżiena jitħallew lill-ħaddiema migranti u mobbli, inklużi ħaddiema transfruntiera u tal-fruntiera, u/jew ħaddiema mhux iddikjarati; |
|
S. |
billi l-għażla li wieħed jeżerċita d-dritt għal-libertà ta' moviment għandha dejjem tkun volontarja u mhux sfurzata minn nuqqas ta' opportunitajiet fl-Istat Membru tar-residenza; billi mobilità ġusta bbażata fuq drittijiet soċjali u tax-xogħol sodi hija prekundizzjoni għal integrazzjoni Ewropea sostenibbli, koeżjoni soċjali u tranżizzjoni ġusta; |
|
T. |
billi prattiki abbużivi, bħad-dumping soċjali u ambjentali, idgħajfu l-appoġġ pubbliku għall-Unjoni u jżidu l-integrazzjoni Ewropea, jagħmlu ħsara lill-funzjonament tas-suq intern u l-kompetittività tan-negozji, b'mod partikolari l-MSMEs u dawk impjegati għal rashom, u ddgħajjef id-drittijiet tal-ħaddiema; billi, għalhekk, il-monitoraġġ tal-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli trid tkun imsaħħa; billi l-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” għandu jitqies kif xieraq fil-livell tal-Unjoni meta jitħejjew proposti leġiżlattivi; billi għandhom jiġu evitati dispożizzjonijiet konfliġġenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jinħolqu ostakli għall-MSMEs; |
|
U. |
billi l-prinċipju ta' trattament ugwali huwa prerekwiżit għall-ekonomija soċjali tas-suq u l-konverġenza soċjali 'l fuq, bil-ħtieġa ta' konformità mal-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet kollettivi applikabbli tal-pajjiż tad-destinazzjoni, u b'hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-ħaddiema lokali u mobbli, kif ukoll bejn il-fornituri tas-servizzi lokali u dawk barranin; |
|
V. |
billi aktar minn 8 % tal-ħaddiema mobbli huma impjegati fis-settur tal-kura tas-saħħa u tax-xogħol soċjali, aktar minn 7 % fis-settur tas-servizzi tat-trasport, u aktar minn 10 % fl-industriji tal-akkomodazzjoni u tal-catering; billi l-ħaddiema mobbli u staġjonali ta' spiss huma essenzjali għall-Istati Membri pereżempju fis-setturi tal-kura tas-saħħa u l-kura għall-anzjani jew il-persuni b'diżabilità, jew fis-settur tal-kostruzzjoni; |
|
W. |
billi tal-anqas 80 miljun ħaddiem fl-Ewropa għandhom nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet f'termini ta' kwalifiki u aktar minn 5 minn 10 impjiegi li diffiċli biex jimtlew jinsabu f'okkupazzjonijiet b'livelli għoljin ta' ħiliet (29); |
|
X. |
billi l-pandemija tal-COVID-19 għal darb'oħra wriet li ħaddiema mobbli ħafna li ta' spiss jiċċaqalqu fi ħdan l-Unjoni huma essenzjali; billi l-pandemija wriet ukoll li l-ħaddiema staġjonali, stazzjonati, migranti u mobbli, inklużi l-ħaddiema transfruntiera u fruntaliera, ikkontribwew immens għas-sopravivenza tal-ekonomija tal-Unjoni kif ukoll għall-kummerċ internazzjonali tal-Unjoni matul il-pandemija; billi bħala ħaddiema l-aktar esposti għamlu dan f'riskju kbir għas-saħħa kemm għalihom kif ukoll għall-familji tagħhom; billi l-ħaddiema staġjonali wrew li huma essenzjali biex ħafna azjendi agrikoli Ewropej jibqgħu joperaw; billi fl-istess waqt il-ħaddiema mobbli ħafna jibqgħu wkoll l-aktar vulnerabbli u l-inqas protetti; billi matul l-ewwel fażi tal-pandemija tal-COVID-19, dawn il-ħaddiema kienu fost dawk l-aktar affettwati mill-miżuri mhux ikkoordinati tal-ġestjoni tal-fruntieri; |
|
Y. |
billi matul il-pandemija tal-COVID-19, il-ħaddiema staġjonali u stazzjonati spiss ma kellhomx kura tas-saħħa bażika, akkomodazzjoni deċenti, tagħmir protettiv personali u informazzjoni adegwata; billi dawn spiss kellhom biss aċċess inadegwat jew l-ebda aċċess għall-iskemi ta' protezzjoni soċjali fl-Istati Membri ospitanti, inklużi l-paga għall-mard u skemi għall-qgħad għal żmien qasir; billi f'xi każijiet saħansitra ġew deportati; billi l-mobilità tal-ħaddiema tiddependi ħafna fuq il-mezzi tat-trasport disponibbli, u l-ħaddiema mill-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni huma affettwati b'mod partikolari; billi l-għeluq tal-fruntieri affettwa wkoll lill-ħaddiema transfruntiera u fruntaliera billi għamilha aktar diffiċli għalihom li jmorru fil-postijiet tax-xogħol tagħhom u lura lejn il-familji tagħhom, u billi llimitaw l-aċċess tagħhom għas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa; billi, f'xi każijiet il-ħaddiema mobbli sofrew diskriminazzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien ħżiena li wasslu għal tifqigħat tal-infezzjoni tal-COVID-19; |
|
Z. |
billi t-tifqigħa tal-COVID-19 kixfet u aggravat il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien diffiċli u ħafna drabi deplorabbli ta' mijiet ta' eluf ta' ħaddiema staġjonali fl-UE, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom huma ħaddiema mobbli, u wħud minn aktar mill-miljun ħaddiem stazzjonat fl-UE; billi l-kundizzjonijiet diġà prekarji tagħhom qed ikompli jiġu mdgħajfa minn każijiet ta' diskriminazzjoni strutturata fis-suq tax-xogħol u nuqqas ta' infurzar xieraq tal-liġijiet u r-regolamenti attwali; |
|
AA. |
billi l-pandemija tal-COVID-19 żvelat bosta nuqqasijiet strutturali fl-oqfsa regolatorji Ewropej u nazzjonali; billi ħafna minn dawn in-nuqqasijiet ma kinux relatati biss mal-pandemija; billi dawn in-nuqqasijiet għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri bħala kwistjoni ta' urġenza biex jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u t-trattament ugwali fis-suq intern; billi l-pandemija tal-COVID-19 qed ikollha impatt fundamentali u fit-tul fuq is-swieq tax-xogħol Ewropej; |
|
AB. |
billi l-mobilità tal-forza tax-xogħol u b'mod partikolari l-istazzjonar tal-ħaddiema ma jridux jirriżultaw f'kompetizzjoni bbażata fuq kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol u impjegati li jevadu l-obbligi tagħhom, u/jew l-evitar tal-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet kollettivi nazzjonali applikabbli fl-Istati Membri ospitanti peress li tali prattiki abbużivi jirriżultaw biss f'tensjonijiet bejn l-Istati Membri, kompetizzjoni inġusta bejn in-negozji, dumping soċjali u nuqqas ta' fiduċja fost il-ħaddiema; billi dawn l-effetti negattivi, inkluż l-eżodu ta' mħuħ u l-kompetizzjoni inġusta, jistgħu jkunu dovuti wkoll għan-nuqqas ta' konverġenza soċjali 'l fuq; billi l-mobilità tal-ħaddiema għandha tiġi perċepita bħala opportunità, tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-ħiliet, u l-esperjenza professjonali u tippromwovi l-konverġenza soċjali 'l fuq; billi r-regoli dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-istazzjonar tal-ħaddiema m'għandhomx jirriżultaw f'piż amministrattiv sproporzjonat; billi r-regoli dwar l-istazzjonar japplikaw ukoll għal ċittadini stazzjonati minn Stat Membru għal ieħor, li huma partikolarment vulnerabbli għall-isfruttament, u għalhekk jeħtieġu attenzjoni partikolari mill-ispettorati nazzjonali tax-xogħol u mill-ELA; |
|
AC. |
billi n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u n-nuqqas ta' ħiliet jippreżentaw sfidi importanti għas-suq tax-xogħol u għas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ tal-Unjoni; billi dan jiżvela ħtieġa sostanzjali ta' titjib fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biex dawn isiru aktar validi għall-futur u jħarsu 'l quddiem kif ukoll ta' titjib fis-sistema tat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema; billi, madankollu, għad m'hemm l-ebda statistika jew indikatur uffiċjali biex jitkejjel l-ispariġġ fil-ħiliet fis-swieq tax-xogħol Ewropej; |
|
AD. |
billi l-polarizzazzjoni tal-impjiegi hija mistennija li tiżdied aktar, u se jkun hemm aktar impjiegi fil-livelli ta' fuq u t'isfel tal-ispettru tal-ħiliet; |
|
AE. |
billi d-distakk diġitali bejn l-urban u r-rurali u l-impatt tal-fatturi soċjoekonomiċi dwar id-distakk diġitali jibqgħu l-isfidi ewlenin li jeħtieġ jiġu indirizzati mingħajr dewmien; billi hemm nuqqas kbir ta' ħiliet diġitali u ekoloġiċi fost il-forza tax-xogħol li għandu jiġi indirizzat, fost l-oħrajn permezz ta' tagħlim tul il-ħajja; |
|
AF. |
billi l-investiment korporattiv fit-taħriġ u fl-edukazzjoni kif ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi huwa strument importanti biex jiġu attirati l-ħaddiema tas-sengħa; billi r-rikonoxximent reċiproku u t-trasparenza tal-kwalifiki għandhom rwol ewlieni fil-kisba tal-konverġenza tal-professjonijiet, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-mobilità ġusta tal-ħaddiema; |
|
AG. |
billi, f'dan il-kuntest, għandu jitqies l-iżvilupp tas-sistema għar-rikonoxximent ta' għarfien u ħiliet miksuba b'mod informali, pereżempju fil-każ tal-persuni li jindukraw b'mod informali; billi dan l-iżvilupp huwa estremament importanti fid-dawl tal-isfidi u x-xejriet demografiċi attwali relatati ma' soċjetajiet li qed jixjieħu fl-Istati Membri; |
|
AH. |
billi djalogu tripartitiku effikaċi u d-djalogu soċjali jista' jikkomplementa b'suċċess l-isforzi tal-gvern u tal-istituzzjonali biex jingħelbu t-tensjonijiet u d-diviżjonijiet attwali fl-UE; billi l-involviment tas-sħab soċjali għandu l-potenzjal li jtejjeb it-tfassil tal-politika, l-implimentazzjoni u l-infurzar, u jeħtieġ li jissaħħaħ aktar fil-livelli politiki kollha; |
|
AI. |
billi ma hemm l-ebda eżerċizzju ta' ġbir sistematiku ta' data fis-seħħ fl-UE kollha biex tiġi pprovduta data adegwata dwar ħaddiema mobbli jew biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jistabbilixxu l-istatus tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tagħhom u jitolbu diversi intitolamenti akkumulati; billi l-aċċess għall-informazzjoni dwar ir-regoli applikabbli kif ukoll il-konformità, il-monitoraġġ u l-infurzar effikaċi huma prekundizzjonijiet meħtieġa ta' mobilità ġusta u l-ġlieda kontra l-abbużi tas-sistema; billi t-teknoloġija diġitali, li tista' tiffaċilita s-superviżjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni li tissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema mobbli, għandha għalhekk tiġi promossa u użata, f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; |
|
1. |
Jinnota li d-dispożizzjoni ta' pajjiż ta' destinazzjoni huwa l-prinċipju li jiggwida d-Direttiva dwar is-Servizzi, u jqis li din id-dispożizzjoni m'għandhiex tinbidel; jenfasizza l-fatt li l-moviment liberu tas-servizzi jrid jintlaħaq mingħajr ma jdgħajjef id-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet soċjali; ifakkar li l-prinċipji tat-trattament ugwali u l-moviment liberu ma japplikawx biss għal fornituri tas-servizzi, iżda japplikaw b'mod ugwali għall-ħaddiema; iqis li l-moviment liberu tas-servizzi jmur id f'id mal-mobilità ħielsa u ġusta tal-ħaddiema li jipprovdu dawn is-servizzi, u li s-suq intern jibbenefika meta jiġu rispettati r-regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jitħarsu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema mobbli; jissottolinja li l-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-EPSR bħala standard minimu tista' tikkontribwixxi biex jittejbu d-drittijiet u l-protezzjoni tal-ħaddiema Ewropej; |
|
2. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mal-moviment liberu tas-servizzi ma trid bl-ebda mod taffettwa l-eżerċitar tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, inkluż id-dritt li wieħed jistrajkja jew li jieħu azzjoni oħra koperta mis-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali speċifiċi fl-Istati Membri, f'konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, lanqas ma trid taffettwa d-dritt tan-negozjar, li jiġu konklużi u infurzati ftehimiet kollettivi, jew li tittieħed azzjoni kollettiva f'konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li l-leġiżlazzjoni ta' kwalità u l-implimentazzjoni effikaċi tagħha huma investiment fit-tul; |
|
3. |
Ifakkar li l-protezzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien tal-ħaddiema mobbli bbażati fuq il-prinċipju ta' trattament ugwali trid tkopri l-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll il-libertà tal-provvista tas-servizzi; jinsab imħasseb dwar in-nuqqasijiet persistenti fil-protezzjoni tal-ħaddiema mobbli, inklużi l-ħaddiema transfruntiera u fruntalieri, enfasizzati mill-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza l-fatt li l-ħaddiema ma jeħtiġilhomx jiffaċċjaw żvantaġġi bħala riżultat li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-moviment jew minħabba r-regoli tal-Unjoni dwar il-provvista libera tas-servizzi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas regolatorju fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali mingħajr dewmien żejjed; jissottolinja, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjoni applikabbli dwar l-aċċess għad-drittijiet soċjali u l-protezzjoni tas-sigurtà soċjali, inklużi l-portabilità tagħhom, ir-rikonoxximent tad-diplomi, il-kwalifiki u l-ħiliet u l-aċċess għat-taħriġ, trid tiġi rispettata fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll tal-moviment liberu tas-servizzi; ifakkar li kwalunkwe restrizzjoni fil-fruntieri fi ħdan l-UE, anke jekk tkun ġiet adottata b'rispons għall-kriżi serja tas-saħħa pubblika, għandha tqis l-impatt tagħhom fuq il-ħaddiema mobbli, u għandha tirrispondi għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom; |
|
4. |
Huwa mħasseb dwar in-nuqqas attwali ta' interpretazzjoni armonizzata tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri, bħad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema (30) riveduta reċentement, li twassal għal nuqqas ta' ċarezza legali u piżijiet burokratiċi għall-kumpaniji li jipprovdu servizzi f'aktar minn Stat Membru wieħed; jistieden lill-Kummissjoni tassisti b'mod dirett lill-Istati Membri matul il-proċess kollu ta' traspożizzjoni sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tal-liġi Ewropea; |
|
5. |
Jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-ħaddiema li jirrisjedu fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea u l-ħtieġa li tiġi appoġġjata l-mobilità ta' dawn il-ħaddiema lejn il-kontinent u viċi versa kif ukoll bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi nfushom; |
|
6. |
Jiddispjaċih li fl-2019, 4,2 % biss taċ-ċittadini tal-UE fl-età tax-xogħol jirrisjedu f'pajjiż ieħor tal-UE apparti dak taċ-ċittadinanza tagħhom (31); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-ostakli għall-mobilità għall-ħaddiema u n-negozji; |
|
7. |
Ifakkar li l-moviment liberu tal-ħaddiema għandu jkun żgurat sabiex jinżammu l-impjiegi u l-ekonomija ta' ċerti reġjuni u tiġi żgurata ż-żamma ta' ċerti attivitajiet bħall-attivitajiet agrikoli; |
|
8. |
Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw u jimmonitorjaw id-Direttiva riveduta dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema b'mod korrett u fil-ħin biex il-ħaddiema stazzjonati jiġu protetti u l-libertà tagħhom li jipprovdu servizzi matul l-istazzjonijiet tagħhom billi jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet obbligatorji dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema; |
|
9. |
Jitlob lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibilità li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol inklużi fil-ftehimiet kollettivi kollha għall-ħaddiema stazzjonati fl-UE, u biex tiġi żgurata paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post għall-ħaddiema, u kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva riveduta dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema; |
|
10. |
Jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka fil-fond dwar ix-xejriet li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi stazzjonati; jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri ta' politika possibbli fil-livell tal-Unjoni jew f'dak nazzjonali abbażi tal-eżitu ta' din ir-riċerka; huwa mħasseb ħafna dwar iż-żieda attwali fis-sehem ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi f'setturi b'reputazzjoni għal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u każijiet ta' abbuż; jissottolinja li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ta' spiss ikunu aktar vulnerabbli għal sfruttament u għalhekk jeħtieġu protezzjoni; jenfasizza li l-isfruttament jinkludi prattiki abbużivi bħal stazzjonar fittizju, impjieg indipendenti fittizju, esternalizzazzjoni u aġenziji ta' reklutaġġ frawdolenti, kumpaniji fittizji u xogħol mhux iddikjarat; jissottolinja li l-ħaddiema ċittadini ta' pajjiżi terzi jistgħu jaħdmu b'permessi tax-xogħol fl-UE, bil-prekundizzjoni li s-salvagwardji kollha fil-liġi nazzjonali u tal-Unjoni dwar ix-xogħol jiżguraw b'mod effikaċi protezzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti għal ċittadini ta' pajjiżi terzi ukoll, u li dan ma jirriżultax f'distorsjonijiet fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw konformità mal-liġijiet u r-regoli applikabbli dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg meta jittrattaw ma' ċittadini ta' pajjiżi terzi, sabiex jiġu eliminati l-abbużi; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-dispożizzjonijiet protettivi fid-Direttiva 2009/52/KE, filwaqt li jiżguraw mekkaniżmi ta' lment aċċessibbli u effikaċi li jagħmluha possibbli li jintalbu b'mod effikaċi l-pagi dovuti u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; |
|
11. |
Ifakkar fin-natura tal-katini ta' provvista li huma mifruxa madwar l-Ewropa f'setturi industrijali strateġiċi li huma sors ewlieni ta' impjiegi u attività għall-ħaddiema mobbli u l-kumpaniji tas-servizzi, u li huma affettwati ħafna minn miżuri mingħajr koordinazzjoni, bħal regoli differenti rigward l-ittestjar u l-kwarantini tal-COVID-19, adottati mill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-pandemija; jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-istess importanza lill-iżgurar ta' kundizzjonijiet sikuri għall-ħaddiema bħar-restawr tal-libertà tal-moviment u l-fluss tal-merkanzija; |
|
12. |
Ifakkar li n-nuqqas ta' perjodi ta' kwarantina, rekwiżiti ta' ttestjar u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar armonizzati fl-Unjoni joħolqu sfida sinifikanti għal ħafna kumpaniji u ħafna ħaddiema mobbli u l-familji tagħhom, speċjalment f'setturi b'mobilità għolja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkoordinaw l-isforzi biex jestendu l-kopertura tas-sigurtà soċjali, l-aċċess għal paga għall-mard u skemi tal-qgħad temporanji biex jipproteġu wkoll lill-ħaddiema fruntaliera, transfruntiera u mobbli, u speċjalment dawk milquta mill-kriżi li għalhekk qed ibatu l-faqar, il-qgħad, l-esklużjoni soċjali, u l-kundizzjonijiet tal-għajxien ħżiena; |
|
13. |
Itenni li, għall-ħajja ta' kuljum tan-nies, huwa kruċjali li l-konsenja ta' prodotti essenzjali bħal ikel, tagħmir mediku jew tagħmir protettiv tibqa' għaddejja fl-UE kollha fi kwalunkwe mument; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-moviment liberu kontinwu ta' prodotti u servizzi essenzjali fi ħdan is-suq intern fi żminijiet ta' kriżi bħal pandemija; |
|
14. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu lill-ħaddiema mobbli fi ktajjen tal-provvista tal-manifattura strateġiċi, eż. għat-tagħmir mediku u oħrajn, bħala essenzjali jew kritiċi, u għalhekk jiġi rieżaminat ir-rekwiżit ta' kwarantina applikabbli jekk ma hemmx riskju għas-saħħa u s-sikurezza pubblika, ippruvat minn ittestjar rilevanti f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat għat-restrizzjoni tal-moviment liberu bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19; |
|
15. |
Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-lakuni fil-protezzjoni bil-għan li tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti għall-ħaddiema mobbli u tipprevjeni prattiki abbużivi, u tinforza kif xieraq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sottokuntrattar; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura obbligazzjoni in solidum ġenerali tul il-katina kollha ta' esternalizzazzjoni sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema; jenfasizza li inizjattiva bħal din għandha żżid it-trasparenza u ssaħħaħ ir-responsabilità tal-kuntratturi ewlenin fil-katini tas-sottokuntrattar billi tiggarantixxi legalment il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-intitolamenti tal-ħaddiema kollha dovuti, u billi tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jimponu sanzjonijiet dissważivi b'mod effikaċi kull meta jkun meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, u lill-Istati Membri jiggarantixxu, aċċess għat-trade unions għall-postijiet tax-xogħol kollha, inklużi l-postijiet tax-xogħol barra l-pajjiż tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex isaħħu u jippromwovu d-djalogu soċjali u l-awtonomija tas-sħab soċjali u jħeġġu lill-ħaddiema jorganizzaw ruħhom, peress li dan huwa strument ewlieni biex jinkisbu standards għoljin tal-impjieg; |
|
16. |
Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-iżviluppi negattivi relatati mal-mobilità tal-ħaddiema, b'mod partikolari l-fenomenu tal-eżodu ta' mħuħ f'ċerti setturi u reġjuni; jenfasizza li l-miżuri biex jiġu miġġielda l-eżodu tal-imħuħ iridu jmorru id f'id ma' dawk li jippromwovu l-konverġenza soċjali 'l fuq; jinsisti li, minkejja l-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri għandhom jippermettu u jiffaċilitaw il-qsim bejn il-fruntieri tal-ħaddiema għal raġunijiet professjonali, kull meta l-attività professjonali fis-setturi kkonċernati hija permessa fl-Istat Membru ospitanti, sabiex jiġi salvagwardjat it-trattament ugwali bejn il-ħaddiema lokali u mobbli; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi ċari, b'mod partikolari fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-pubblikazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, sabiex jiġu żgurati l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-konformità mar-regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni tressaq rakkomandazzjonijiet biex tiżgura kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol ġusti, ekwi u deċenti għall-ħaddiema mobbli; |
|
17. |
Jissottolinja li l-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri jridu jiġu riflessi wkoll fl-approċċ għas-suq uniku, filwaqt li jiġu promossi standards soċjali u ambjentali għoljin bħala prerekwiżit għal żidiet fil-produttività; jenfasizza l-importanza tal-akkwist pubbliku biex jintlaħqu dawn l-objettivi; |
|
18. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ELA ssir kompletament operattiva bħala kwistjoni ta' prijorità sabiex timmonitorja u tippromwovi l-applikazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni relatat mal-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja u ssaħħaħ il-kapaċità u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll is-sħab soċjali, sabiex tiġi żgurata mobilità ġusta bbażata fuq id-drittijiet, informazzjoni adegwata lill-ħaddiema u l-impjegaturi dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, u l-infurzar transfruntier effikaċi tad-drittijiet tal-ħaddiema, inkluża l-portabilità tad-drittijiet u l-intitolamenti, u biex tindirizza b'mod effikaċi l-frodi tas-sigurtà soċjali u l-prattiki abbużivi; jemmen li l-ELA għandha tiffoka fuq infurzar u implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni attwali sabiex il-kompetizzjoni fis-suq uniku tkun ġusta u xierqa; jenfasizza li sabiex l-ELA tkun effikaċi fil-ġlieda kontra l-prattiki illegali, għandha tagħti prijorità lill-iżvilupp ta' bażi tad-data f'ħin reali biex tivvalida l-informazzjoni minn fornituri tas-servizzi barranin; jisħaq li l-ELA jrid ikollha biżżejjed riżorsi biex twettaq il-kompiti tagħha; jissottolinja li l-integrazzjoni tal-EURES fl-ELA għandha ssaħħaħ ir-rabta bejn il-promozzjoni tal-libertà ta' moviment u l-għoti ta' informazzjoni u l-konformità mal-qafas leġiżlattiv rilevanti li jipproteġi lill-ħaddiema u liċ-ċittadini mobbli; |
|
19. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas Ewropew għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni inġusta dwar il-kost lavorattiv sabiex jiġi żgurat rispett sħiħ tal-prinċipju tat-trattament ugwali u li fl-istess post, għal xogħol ugwali, paga ugwali u spejjeż ugwali tax-xogħol; |
|
20. |
Ifakkar li l-Parlament ripetutament talab lill-Kummissjoni tirtira l-proposti tagħha dwar e-Card Ewropea tas-servizzi u dwar reviżjoni tal-proċedura ta' notifika tas-servizzi; jilqa' l-fatt li dan finalment sar fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2021; |
|
21. |
Jisħaq li d-diġitalizzazzjoni tal-iskambji tad-data bejn l-Istati Membri tista' tiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema fuq bażi ġusta u ekwitabbli kif ukoll l-infurzar tar-regoli rilevanti tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex wara impatt tal-valutazzjoni, tniedi l-proposta tagħha dwar numru tas-sigurtà soċjali Ewropew diġitali (NSSE) mingħajr aktar dewmien, filwaqt li tiżgura li n-NSSE se jkun soġġett għal regoli stretti dwar il-protezzjoni tad-data, li huma meħtieġa biex tiġi żgurata ċertezza legali għall-ħaddiema u n-negozji, il-mobilità ġusta u l-protezzjoni, il-portabilità, it-traċċabilità u l-infurzar effikaċi tad-drittijiet tal-ħaddiema, kif ukoll tappoġġja kompetizzjoni ġusta, filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ekwi għan-negozji; iqis li l-NSSE għandu jikkomplementa n-numri tas-sigurtà soċjali nazzjonali u r-regolamenti u jiffaċilita l-Iskambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI), sabiex jittejbu l-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; jirrimarka li l-EESSI għandu jippermetti li ssir verifika rapida u preċiża tal-istatus tal-assigurazzjoni tas-sigurtà soċjali, filwaqt li jipprovdi lill-individwi u l-awtoritajiet b'mekkaniżmu ta' monitoraġġ biex jiġu vverifikati faċilment il-kopertura u l-kontribuzzjonijiet; |
|
22. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar allinjament u koordinazzjoni tar-regolamenti dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-proċeduri ta' monitoraġġ, inklużi standards uniformi ta' kontroll, spezzjonijiet konġunti u skambju ta' informazzjoni, taħt il-gwida tal-ELA u f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; jitlob li l-ELA jkollha setgħa reali ta' spezzjoni tax-xogħol f'każijiet transfruntiera, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; jistieden lill-ELA ttejjeb il-ġbir tad-data u tistabbilixxi bażijiet tad-data f'ħin reali dwar il-mobilità tal-ħaddiema, għall-fini ta' analiżi u valutazzjonijiet tar-riskju, kif ukoll tħejji kampanji ta' informazzjoni u spezzjonijiet immirati; ifakkar li l-ILO tirrakkomanda li jiġi stabbilit punt ta' riferiment ta' spettur wieħed tax-xogħol għal kull 10 000 ħaddiema; |
|
23. |
Jenfasizza li l-finanzjament u l-għotjiet tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu għal xogħol deċenti sabiex jiġu promossi l-iżvilupp u l-progress soċjali sostenibbli; |
|
24. |
Ifakkar fl-importanza tad-djalogu soċjali, u f'dan ir-rigward jinkoraġġixxi l-involviment akbar tas-sħab soċjali fl-aġenziji tal-Unjoni, l-awtoritajiet pubbliċi, il-kumitati u l-istituzzjonijiet sabiex jiġu żgurati inizjattivi u leġiżlazzjoni orjentati lejn il-prattika li jqisu d-diversi mudelli differenti tas-suq tax-xogħol Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi msaħħaħ id-djalogu tripartitiku fil-livell tal-UE fid-disinn u l-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar id-dispożizzjoni tas-servizzi u l-mobilità tal-ħaddiema, kif ukoll ir-rikonoxximent reċiproku tal-professjonisti, id-diplomi, il-kwalifiki u l-ħiliet, f'konformità mal-prinċipji minquxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali biex ifasslu u jimplimentaw l-istrutturi ta' appoġġ meħtieġa għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, l-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi rilevanti u l-provvista ta' impjiegi ta' kwalità; |
|
25. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-protezzjoni tal-involviment tal-ħaddiema u s-sħab soċjali titpoġġa fil-qalba tad-dritt tal-Unjoni f'dan il-qasam sabiex jiġu żgurati funzjonament demokratiku, tkabbir ekonomiku u standards soċjali u ambjentali għolja; |
|
26. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr kemm jista' jkun Qafas Strateġiku ġdid dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol ta' wara l-2020 u timpenja ruħha li telimina l-imwiet relatati max-xogħol sal-2030; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposti għal direttiva dwar l-istress relatat max-xogħol u d-disturbi muskoloskeletali, għal direttiva dwar il-benessri mentali fuq il-post tax-xogħol, u strateġija tal-UE għas-saħħa mentali sabiex jiġu protetti l-ħaddiema kollha fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tippreżenta reviżjoni aktar ambizzjuża tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni, u tinkludi valuri limitu għal minimu ta' 50 sustanza fid-Direttiva dwar l-esponiment għall-karċinoġeni u l-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol; jappella għall-inklużjoni ta' sustanzi b'effetti dannużi dwar is-sistema riproduttiva fid-Direttiva; |
|
27. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ta' xogħol sikuri u tajbin għas-saħħa għall-ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom, inkluż fokus speċjali fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema, u jiggarantixxulhom kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' għajxien deċenti, speċjalment fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tal-Qafas Strateġiku tal-Unjoni dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw il-problema tax-xogħol mhux iddikjarat, inkluż xogħol staġjonali mhux iddikjarat, permezz ta' kooperazzjoni msaħħa mal-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat, inkluż billi trawwem għarfien aħjar fost il-ħaddiema u min iħaddem dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jimponu miżuri b'mod uniformi u mingħajr diskriminazzjoni; |
|
28. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-ELA jinvestigaw id-diversi każijiet ta' nuqqas ta' għoti ta' aċċess għas-suq tax-xogħol, kif ukoll l-abbużi u d-diskriminazzjoni relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, abbażi taċ-ċittadinanza, li saru viżibbli ħafna matul il-kriżi tal-COVID-19; jistieden lill-ELA tiżgura proċeduri aċċessibbli, trasparenti u mhux diskriminatorji għas-sħab soċjali nazzjonali biex iressqu każijiet quddiem l-ELA, u assigurazzjonijiet għas-segwitu effettiv tagħhom f'konformità mar-Regolament ta' twaqqif (UE) 2019/1149; |
|
29. |
Jistieden lill-Istati Membri japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni dwar l-adozzjoni, il-koordinazzjoni u t-tneħħija ta' miżuri relatati mal-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, jistabbilixxu protokoll komuni tal-kura tas-saħħa għall-ħaddiema mobbli, inklużi l-ħaddiema transfruntiera u fruntaliera, filwaqt li jitqiesu l-linji gwida taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Mard (ECDC); jisħaq li l-prinċipji ta' gwida għal kwalunkwe miżura meħuda għall-kriżi u t-triq lejn l-irkupru għandha tkun is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema kollha, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, inkluż it-trattament ugwali bejn il-ħaddiema lokali u mobbli, filwaqt li fl-istess ħin tiġi rikonoxxuta s-sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tal-ħaddiema fruntaliera, stazzjonati, staġjonali, transfruntiera u ħaddiema mobbli oħra matul il-pandemija tal-COVID-19 u s-segwitu tagħha; ifakkar fid-dritt kostituzzjonali tal-Istati Membri li jmorru lil hinn mil-livelli minimi stabbiliti mid-direttivi tal-Unjoni Ewropea bħala parti mill-proċessi leġiżlattivi demokratiċi nazzjonali tagħhom sabiex jilħqu l-objettivi ta' politika bħall-iżgurar ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità u livell għoli ta' protezzjoni tal-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent; |
|
30. |
Jenfasizza li l-libertà ta' moviment intlaqtet serjament mill-għeluq totali jew parzjali tal-fruntieri, mill-Istati Membri, matul il-pandemija tal-COVID-19; jesprimi dispjaċir għall-għeluq ta' malajr u mhux ikkoordinat tal-fruntieri u l-introduzzjoni ta' miżuri ta' akkumpanjament wasslu biex il-persuni li kienu fi tranżitu tħallew l-art u laqtu serjament lil dawk li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera billi llimitawlhom il-kapaċità li jaqsmu l-fruntiera għal skopijiet ta' xogħol, biex ifornu u jirċievu servizzi jew biex iżuru lill-ħbieb jew lill-familjari; jisħaq fuq l-effett detrimentali li kellu l-għeluq tal-fruntieri interni u esterni fuq in-negozju internazzjonali kif ukoll is-setturi tax-xjenza u tat-turiżmu; jisħaq fuq il-fatt li minflok ma jintroduċu kontrolli fil-fruntieri, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jippermettu lill-persuni jaqsmu l-fruntieri, filwaqt li jiżguraw l-ogħla sikurezza u jħarsu s-saħħa; |
|
31. |
Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-persuni li jindukraw speċjalment matul il-pandemija; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-mobilità tagħhom sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet ta' Stati Membri u reġjuni differenti, fid-dawl ta' sfidi demografiċi u kwalunkwe pandemija futura jew sfidi għas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali, tintroduċi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja protokoll komuni u bbażat fuq ix-xjenza fl-Unjoni kollha għal-libertà tal-moviment matul kriżijiet tas-saħħa u sitwazzjonijiet oħra ta' kriżi, u biex tikkunsidra mill-qrib ir-rwol tal-ELA f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx u ma implimentawx il-Konvenzjoni Nru 189 tal-ILO dwar il-ħaddiema domestiċi biex jirratifikawha u jimplimentawha mingħajr dewmien; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu oqfsa legali li jiffaċilitaw l-impjieg legali tal-ħaddiema u l-persuni li jindukraw domestiċi; |
|
32. |
Jissottolinja l-ħtieġa ta' aktar użu ta' għodod ta' armonizzazzjoni u rikonoxximent reċiproku għar-rikonoxximent ta' diplomi, ħiliet u kwalifiki professjonali fl-Unjoni kollha, filwaqt li tiġi evitata l-burokrazija u jiġu ffaċilitati l-kummerċ u t-trasport, jiġi rrispettat il-prinċipju fundamentali tat-trattament ugwali u mingħajr ma jitbaxxew l-istandards edukattivi u l-mekkaniżmi ta' validazzjoni tal-Istati Membri; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jtejbu l-mekkaniżmi ta' rikonoxximent reċiproku u l-portali dwar il-mobilità fix-xogħol attwali, jiffaċilitaw u jippromwovu mobilità trasparenti, bħall-portal tal-mobilità tal-impjiegi EURES, il-pjattaforma online Europass u s-sistema ta' klassifikazzjoni Ewropea ta' ħiliet, kompetenzi, kwalifiki u impjiegi (ESCO); jistieden, b'mod partikolari, lill-Istati Membri jistabbilixxu sħubiji transfruntiera biex jgħinu lill-ħaddiema mobbli fir-reġjuni transfruntiera; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-persuni b'diżabilità fl-Unjoni, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-adozzjoni ta' definizzjoni Ewropea komuni tal-istatus ta' diżabilità f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, u rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta' diżabilità bejn l-Istati Membri; |
|
33. |
Iqis li d-dispożizzjonijiet, il-prattiki u r-regolamenti nazzjonali dwar l-aċċess u l-eżerċitar ta' professjonijiet speċifiċi, u l-aċċess għas-servizzi għall-protezzjoni tal-interess pubbliku u l-forniment tagħhom u l-protezzjoni tal-ħaddiema u/jew il-konsumaturi, mhumiex ostaklu għall-approfondiment tas-suq uniku; |
|
34. |
Jitlob lill-Istati Membri jipprovdu lill-ħaddiema mobbli b'aċċess għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid, sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' ħaddiema f'ċerti setturi u jiġu appoġġjati t-tranżizzjonijiet diġitali u miżuri lejn ekonomija newtrali għall-klima; |
|
35. |
Ifakkar fid-dritt fundamentali tal-Istati Membri li jmorru lil hinn mil-livelli minimi stabbiliti mid-direttivi tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma joħolqu ostakli sproporzjonati u bla bżonn; |
|
36. |
Jinnota bi tħassib id-diffikultajiet u n-nuqqas ta' aċċess adegwat għal sistemi ta' protezzjoni soċjali għall-ħaddiema mobbli u speċjalment ħaddiema transfruntiera u tal-fruntieri; jenfasizza l-importanza ta' azzjoni koordinata fil-livell tal-Unjoni, iżda jirrikonoxxi u jilqa' l-ftehimiet bilaterali ta' suċċess iffirmati bejn l-Istati Membri biex jiggarantixxu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema kollha kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw id-drittijiet soċjali tal-ħaddiema mobbli f'każ ta' kriżi tas-saħħa u sitwazzjonijiet oħra ta' kriżi; |
|
37. |
Ifakkar li kundizzjonijiet tajba tax-xogħol u l-impjieg huma vantaġġ kompetittiv għall-kumpaniji biex jattiraw ħaddiema tas-sengħa; jissottolinja l-importanza tal-investiment korporattiv fit-taħriġ formali u informali u fit-tagħlim tul il-ħajja sabiex jappoġġja t-tranżizzjoni ġusta lejn l-ekonomija diġitali u ċirkolari; jisħaq li l-kumpaniji li jużaw l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u teknoloġiji relatati għandhom ir-responsabilità li jipprovdu taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet adegwat għall-impjegati kollha kkonċernati sabiex ikunu jistgħu jitgħallmu kif jużaw l-għodod diġitali u jaħdmu b'cobots u b'teknoloġiji ġodda oħra, u b'hekk jadattaw għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u jibqgħu fl-impjieg; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-ftehim qafas tas-sħab soċjali Ewropej dwar id-diġitalizzazzjoni; ifakkar li l-ftehim imsemmi hawn fuq jiddeskrivi r-responsabilità tal-impjegaturi biex jiżguraw it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, b'mod partikolari fid-dawl tad-diġitalizzazzjoni tal-impjiegi; |
|
38. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' diġitalizzazzjoni sħiħa tal-proċeduri li jirrigwardaw il-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-istazzjonar tal-ħaddiema sabiex jittejbu l-forniment u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u biex ikun jista' jsir infurzar effikaċi, inkluż bl-istabbiliment ta' punt uniku ta' help desk għall-ħaddiema u għall-impjegaturi futuri dwar ir-regoli applikabbli tal-Unjoni, b'bażi kemm diġitali kif ukoll fiżika ġewwa l-ELA; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, sabiex jiġu ffaċilitati l-proċeduri ta' mobilità għall-ħaddiema Ewropej filwaqt li tiġi żgurata t-trasferibilità tad-drittijiet u l-konformità mal-obbligi marbuta mal-moviment liberu; jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu għodod ta' statistika aħjar biex jitkejlu l-ispariġġi fil-ħiliet fis-swieq tax-xogħol Ewropej u biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol u d-differenzi bejniethom; jenfasizza l-importanza tal-EURES, u jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-irbit tal-attivitajiet tal-EURES mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet settorjali u ta' ħiliet ta' prijorità u jkun hemm appoġġ għal dawk li qed ifittxu xogħol biex isibu impjieg ġdid; |
|
39. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi, f'perjodu ta' żmien raġonevoli, bl-evalwazzjoni tal-mandat tal-ELA, wara li l-Awtorità tkun saret operattiva bis-sħiħ għal mill-anqas sentejn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati b'għarfien profond dwar il-mudelli tas-suq tax-xogħol differenti fil-ħidma u l-evalwazzjonijiet tal-ELA; |
|
40. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas leġiżlattiv bil-għan li tirregola l-kundizzjonijiet tat-telexogħol fl-UE kollha, u tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg diċenti; |
|
41. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali u l-ELA biex jifformulaw strateġiji settorjali speċifiċi mhux biss biex jippromwovu u jiffaċilitaw il-mobilità volontarja tal-ħaddiema, iżda anke biex ifasslu u jimplimentaw l-istrutturi ta' appoġġ meħtieġa għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, filwaqt li jimplimentaw il-politiki pubbliċi rilevanti u jipprovdu opportunitajiet ta' impjiegi ta' kwalità għolja li jaqblu mal-ħiliet tal-ħaddiema; jenfasizza l-valur miżjud tar-rikonoxximent reċiproku tal-kompatibilità tal-ħiliet u l-kwalifiki, appoġġjat minn mekkaniżmi attwali għar-rikonoxximent bħall-portal tal-EURES dwar il-mobilità fix-xogħol, il-pjattaforma online tal-Europass u s-sistema ta' klassifikazzjoni tal-ESCO; |
|
42. |
Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-aċċess għall-informazzjoni għall-impjegati u għall-impjegaturi fir-rigward tal-mobilità tal-ħaddiema u s-servizzi għadu jirrappreżenta sfida; jinnota li l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-impjiegi u l-ftehimiet kollettivi li ssir disponibbli fuq siti web nazzjonali uffiċjali uniċi ta' spiss tkun limitata fin-natura tagħha u tkun aċċessibbli biss bi ftit lingwi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, ittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni billi toħloq mudell uniku għal siti web nazzjonali uffiċjali; |
|
43. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali adegwata, inkluż permezz tar-reviżjoni għaddejja tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, u permezz tat-tisħiħ tat-trasferibilità tad-drittijiet, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-portabilità tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-persuni b'diżabilità; jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni tipprovdi opportunità bla preċedent biex tiffaċilita l-operazzjonijiet transfruntiera tal-MSME filwaqt li tiżgura konformità stretta ma' regoli ġusti tal-mobilità; jenfasizza l-importanza ta' notifika minn qabel u l-applikazzjoni taċ-ċertifikati A1 qabel il-bidu tal-assenjazzjoni transfruntiera tal-ħaddiem; |
|
44. |
Jisħaq li l-infurzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-mobilità tax-xogħol irid jiżgura l-prinċipju ta' trattament ugwali, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u l-protezzjoni tal-ħaddiema, u jnaqqas il-piż amministrattiv mhux meħtieġ; |
|
45. |
Jistieden lill-Kummissjoni teżamina n-nuqqasijiet fil-protezzjoni u tqis il-ħtieġa ta' reviżjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg deċenti għal ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija; |
|
46. |
Jisħaq li l-ħaddiema b'diżabilità jibqgħu jiffaċċjaw ostakli multipli li jagħmluha diffiċli jew impossibbli għalihom biex jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-moviment liberu tas-servizzi; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw mingħajr dewmien id-Direttiva (UE) 2019/882 (l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità) sabiex ineħħu b'mod effikaċi l-ostakli għall-ħaddiema b'diżabilità u jiżguraw id-disponibilità ta' servizzi aċċessibbli, kif ukoll l-adegwatezza tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-provvista tas-servizzi; jenfasizza l-importanza fundamentali tal-kisba ta' suq uniku aċċessibbli b'mod sħiħ li jiżgura t-trattament ugwali u l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tal-ħaddiema b'diżabilità; |
|
47. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.
(2) ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21.
(3) ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1.
(4) ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1.
(5) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(6) ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.
(7) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51.
(8) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72.
(9) ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.
(10) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.
(11) ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.
(12) ĠU L 128, 30.4.2014, p. 8.
(13) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.
(14) ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35.
(15) ĠU L 167, 2.7.1999, p. 33.
(16) ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30.
(17) ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.
(18) ĠU L 173, 9.7.2018, p. 16.
(19) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.
(20) ĠU L 249, 31.7.2020, p. 49.
(21) ĠU L 185, 11.7.2019, p. 44.
(22) ĠU L 65, 11.3.2016, p. 12.
(23) ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15.
(24) Testi adottati, P9_TA(2020)0176.
(25) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 135.
(26) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 31.
(27) http://www.eurofound.europa.eu/publications/report/2010/working-conditions-industrial-relations/posted-workers-in-the-european-union
(28) Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, 2017 Annual Report on intra-EU Labour Mobility, Final Report January 2018, 2018. Kummissjoni Ewropea, Study on the movement of skilled labour, Final report (miktub minn ICF), 2018; Malmström, Cecilia, Daħla għal Rethinking the attractiveness of EU Labour Immigration Policies: Comparative perspectives on the EU, the US, Canada and beyond, editjat minn S. Carrera, E. Guild u K. Eisele, CEPS, 2018.
(29) OECD Skills for Jobs Database, https://www.oecdskillsforjobsdatabase.org/#FR/_.
(30) Id-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 173, 9.7.2018, p. 16).
(31) Kummissjoni Ewropea, Rapport Annwali 2019 dwar il-Mobilità tax-Xogħol fl-UE, Jannar 2020.