15.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 506/23


P9_TA(2021)0133

Oġġezzjoni għal att ta’ implimentazzjoni: Il-livelli massimi ta' residwi għal ċerti sustanzi, inkluż il-flonikamid

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ April 2021 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livelli massimi tar-residwi għal aċekinoċil, aċibenżolar-S-metil, Bacillus subtilis tar-razza IAB/BS03, emamektina, flonikamid, flutolanil, fosetil, imażamoks u oksatijapiprolin f'ċerti prodotti jew fuqhom (D063854/04 – 2021/2608(RPS))

(2021/C 506/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livelli massimi tar-residwi għal aċekinoċil, aċibenżolar-Smetil, Bacillus subtilis tar-razza IAB/BS03, emamektina, flonikamid, flutolanil, fosetil, imażamoks u oksatijapiprolin f'ċerti prodotti jew fuqhom (D063854/04,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 14(1)(a) tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-18 ta' Frar 2020 mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (2),

wara li kkunsidra l-opinjoni motivata adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-27 ta' Mejju 2019 u ppubblikata fit-2 ta' Awwissu 2019 (3),

wara li kkunsidra l-opinjoni motivata adottata mill-EFSA fis-17 ta' Awwissu 2018, u ppubblikata fil-25 ta' Settembru 2018 (4),

wara li kkunsidra l-opinjoni motivata adottata mill-EFSA fid-29 ta' Awwissu 2018, u ppubblikata fit-18 ta' Settembru 2018 (5),

wara li kkunsidra l-konklużjoni adottata mill-EFSA fit-18 ta' Diċembru 2009, u ppubblikata fis-7 ta' Mejju 2010 (6),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-5 ta' Ġunju 2013 (7) tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) u l-Artikolu 5a(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.

billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (9) tippromwovi “tranżizzjoni dinjija lejn sistemi sostenibbli ta' ikel agrikolu, f'konformità mal-objettivi ta' din l-Istrateġija u mal-SDGs”;

B.

billi l-flonikamid huwa insettiċida sistemiku u selettiv li jaġixxi billi jfixkel t-tmigħ, il-moviment u mġiba oħra tal-insetti, li jwassal għal tbatija tal-ġuħ u deidratazzjoni segwiti mill-mewt (10);

C.

billi l-perjodu ta' approvazzjoni tal-flonikamid bħala sustanza attiva diġà ġie estiż mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2069 (11);

D.

billi l-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, fl-opinjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2013 (12), jirrapporta dwar ir-riżultati tal-esperimenti fuq firien li jwasslu għal żieda fil-piż plaċentali, dewmien fil-ftuħ tal-vaġina, tnaqqis fil-piż tal-utru u tal-ovarji, tnaqqis fl-estradiol u żieda fil-livelli ta' LH, iżda jsibhom li mhumiex relatati jew li mhumiex rilevanti; billi l-Awtorità Kompetenti tal-Istat Membru Daniż tosserva “effetti ċari fuq malformazzjonijiet vixxerali li jseħħu f'livelli tossiċi mhux materni fil-fniek” (13);

E.

billi d-Deċiżjoni ta' Rieżami tar-Reġistrazzjoni Interim (Kawża Numru 7436) tal-14 ta' Diċembru 2020 tal-Aġenzija tal-Ħarsien tal-Ambjent (EPA) tal-Istati Uniti dwar il-flonikamid sabet li “ma tistax titwettaq valutazzjoni aktar kompluta tar-riskju għan-naħal mingħajr data tad-dakkara ta' grad ogħla”, li “l-istudju dwar it-tossiċità orali akuta ta' Grad I disponibbli ma kienx adegwat għall-użu kwantitattiv, u l-istudji ta' dakkara ta' Grad II u ta' Grad III mhumiex disponibbli għall-flonikamid f'dan iż-żmien” u li “t-test tat-tossiċità orali akuta tan-naħal tal-għasel adulti u r-rekwiżiti tad-data tan-naħal tal-għasel ta' Grad II u III (jiġifieri, studji semiprattiċi/prattiċi) jibqgħu mhux issodisfati” (14);

F.

billi l-Avukat Ġenerali ta' California, Xavier Becerra, fil-kummenti tiegħu tat-2 ta' Novembru 2020 (15) għad-Deċiżjoni ta' Rieżami tar-Reġistrazzjoni Interim proposta, jikkritika li l-EPA ma għandhiex biżżejjed informazzjoni biex tikkaratterizza r-riskji tal-flonikamid għad-dakkara;

G.

billi l-Avukat Ġenerali jkompli jispjega, b'referenza għall-valutazzjoni tar-riskju ekoloġiku tal-EPA, li studju kroniku ġdid tan-naħal tal-għasel kien jinkludi perjodu estiż ta' osservazzjoni mfassal biex jidentifika t-tossiċità mdewma tal-flonikamid, peress li l-effetti spiss ma jiġux osservati sa ħafna jiem aktar tard, wara li l-insetti jkunu mietu bil-ġuħ; billi l-istudju l-ġdid sab li l-flonikamid huwa estremament tossiku għan-naħal adulti; billi, abbażi ta' dawn ir-riżultati, l-EPA ddeterminat li l-użu rreġistrat tal-flonikamid jesponi lin-naħal għal 17 sa 51 darba l-ammont ta' flonikamid li jikkawża ħsara sostanzjali; billi, matul il-perjodu estiż ta' osservazzjoni, il-mortalità kompliet tiżdied fil-konċentrazzjonijiet sperimentali kollha b'mod dipendenti mid-doża; billi l-mortalità ma stabbilizzatx ruħha sa tmiem il-perjodu estiż ta' osservazzjoni fil-fergħat ta' flonikamid tal-istudju;

H.

billi l-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-prinċipju ta' prekawzjoni bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni;

I.

billi l-Artikolu 168(1) tat-TFUE jgħid li “livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni”;

J.

billi d-Direttiva 2009/128/KE għandha l-għan li jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi fl-Unjoni billi jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u billi jiġi promoss l-użu ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara (IPM) u ta' approċċi jew tekniki alternattivi, bħall-alternattivi mhux kimiċi għall-pestiċidi;

K.

billi meta jiġu stabbiliti l-livelli massimi ta' residwi (MRLs), jeħtieġ li jitqiesu l-effetti kumulattivi u sinerġistiċi filwaqt li huwa tal-akbar importanza li jiġu żviluppati b'mod urġenti metodi xierqa għal din il-valutazzjoni;

L.

billi, skont l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni, l-MRLs għall-flonikamid jiżdiedu minn 0,03 mg/kg, li jikkorrispondi għal-limitu attwali ta' detezzjoni, għal 0,7 mg/kg għall-frawli, għal 1 mg/kg għat-tut u l-lampun, għal 0,7 mg/kg għall-ward Skoċċiż, iċ-ċawsli, l-għanżalori, it-tut tas-sebuqa, u frott żgħir u frott żgħir artab ieħor, għal 0,8 mg/kg għat-tut żerq, il-cranberries, il-passolina, ir-ribes bix-xewk, għal 0,3 mg/kg għal ħxejjex oħra tal-għeruq u tat-tuberi b'mod ġenerali, iżda għal 0,6 mg/kg għar-ravanell, għal 0,07 mg/kg għall-ħass u l-pjanti tal-insalata, u għal 0,8 mg/kg għall-bus u l-ħemes;

1.

Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.

Iqis li l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni mhuwiex kompatibbli mal-għan u mal-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 396/2005;

3.

Jagħraf li l-EFSA qiegħda taħdem fuq metodi biex tivvaluta r-riskji kumulattivi, iżda jinnota wkoll li l-problema tal-valutazzjoni tal-effetti kumulattivi tal-pestiċidi u tar-residwi ilha magħrufa għal għexieren ta' snin; jitlob għaldaqstant lill-EFSA u lill-Kummissjoni jindirizzaw il-problema bħala kwistjoni ta' urġenza assoluta;

4.

Jissuġġerixxi li l-MRL għall-flonikamid għandu jibqa' 0,03 mg/kg;

5.

Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament tagħha u tippreżenta wieħed ġdid lill-kumitat;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.

(3)  “EFSA reasoned opinion on modification of the existing maximum residue levels for flonicamid in strawberries and other berries” (L-opinjoni motivata tal-EFSA dwar il-modifika tal-livelli massimi ta' residwu eżistenti għall-flonikamid fil-frawli u fi frott artab ieħor), EFSA Journal 2019; 17 2019; 17(7):5745, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5745

(4)  “EFSA reasoned opinion on modification of the existing maximum residue level for flonicamid in various crops” (L-opinjoni motivata tal-EFSA dwar il-modifika tal-livelli massimi ta' residwu eżistenti għall-flonikamid f'bosta għelejjel), EFSA Journal 2018; 16(9):5410, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5410

(5)  “EFSA reasoned opinion on modification of the existing maximum residue levels for flonicamid in various root crops” (L-opinjoni motivata tal-EFSA dwar il-modifika tal-livelli massimi ta' residwu eżistenti għall-flonikamid f'bosta għelejjel tal-għeruq), EFSA Journal 2018; 16(9):5414, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5414

(6)  “EFSA conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance flonicamid” (Konklużjoni tal-EFSA dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva flonikamid), EFSA Journal 2010; 8(5):1445, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/1445

(7)  Opinjoni tal-5 ta' Ġunju 2013 tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji li tipproponi klassifikazzjoni u tikkettar armonizzati tal-flonikamid fil-livell tal-UE, https://echa.europa.eu/documents/10162/0916c5b3-fa52-9cdf-4603-2cc40356ed95

(8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(9)  COM(2020)0381.

(10)  https://www.regulations.gov/document/EPA-HQ-OPP-2014-0777-0041

(11)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2069 tat-13 ta' Novembru 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni għas-sustanzi attivi flonicamid (IKI-220), metalassil, penoxsulam u proquinazid (ĠU L 295, 14.11.2017, p. 51).

(12)  Opinjoni tal-5 ta' Ġunju 2013 tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji li tipproponi klassifikazzjoni u tikkettar armonizzati tal-flonikamid fil-livell tal-UE, https://echa.europa.eu/documents/10162/0916c5b3-fa52-9cdf-4603-2cc40356ed95

(13)  L-Anness 2 tal-opinjoni tal-5 ta' Ġunju 2013 tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji li tipproponi klassifikazzjoni u tikkettar armonizzati tal-flonikamid fil-livell tal-UE, https://echa.europa.eu/documents/10162/0916c5b3-fa52-9cdf-4603-2cc40356ed95

(14)  Numru tad-Docket EPA-HQ-OPP-2014-0777, https://www.regulations.gov/document/EPA-HQ-OPP-2014-0777-0041, p. 13 u p. 18.

(15)  https://oag.ca.gov/sites/default/files/FINAL%20Flonicamid%20PID%20Comment%Letter.pdf