15.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 506/20


P9_TA(2021)0132

Oġġezzjoni għal att ta’ Implimentazzjoni: Il-livelli massimi ta' residwi għal ċerti sustanzi, inkluż il-lufenuron

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2021 dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livelli massimi ta' residwi għall-aklonifen, l-akrinatrina, il-Bacillus pumilus QST 2808, il-klorantraniliprol, l-etirimol, il-lufenuron, il-pentijopirad, il-pikloram u l-Pseudomonas sp. tar-razza DSMZ 13134 f'ċerti prodotti jew fuqhom (D070113/03 – 2021/2590(RPS))

(2021/C 506/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livelli massimi ta' residwi għall-aklonifen, l-akrinatrina, il-Bacillus pumilus QST 2808, il-klorantraniliprol, l-etirimol, il-lufenuron, il-pentijopirad, il-pikloram u l-Pseudomonas sp. tar-razza DSMZ 13134 f'ċerti prodotti jew fuqhom (D070113/03,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 14(1)(a) tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fl-4 ta' Diċembru 2020 mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (2),

wara li kkunsidra l-opinjoni motivata adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-15 ta' Lulju 2020, u ppubblikata fit-18 ta' Awwissu 2020 (3),

wara li kkunsidra l-opinjoni motivata adottata mill-EFSA fit-18 ta' Novembru 2016, u ppubblikata fil-5 ta' Jannar 2017 (4),

wara li kkunsidra r-rapport xjentifiku approvat mill-EFSA fit-30 ta' Settembru 2008, u ppubblikat fit-22 ta' Ġunju 2009 (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3), u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.

billi l-lufenuron huwa pestiċida tal-benżoilurea li jinibixxi l-produzzjoni taċ-ċitina fl-insetti, u jintuża bħala pestiċida u fungiċida; billi l-approvazzjoni tal-Unjoni tal-lufenuron skadiet fil-31 ta' Diċembru 2019 u ma tressqet l-ebda applikazzjoni għat-tiġdid fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7); billi l-lufenuron ma għadux approvat għall-użu fl-Unjoni, iżda huwa esportat bħala pestiċida agroalimentari; billi skont studju tal-Aġenzija Ġermaniża għall-Ambjent (8), il-lufenuron jissodisfa l-kriterji għal sustanzi li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi, li huma stipulati fl-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

B.

billi l-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-prinċipju ta' prekawzjoni bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni;

C.

billi l-Artikolu 168(1) tat-TFUE jiddikjara li “livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni”;

D.

billi d-Direttiva 2009/128/KE għandha l-għan li tikseb użu sostenibbli tal-pestiċidi fl-Unjoni billi tnaqqas ir-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent billi tippromwovi approċċi alternattivi;

E.

billi l-Konvenzjoni ta' Stokkolma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Pollutanti Organiċi Persistenti u l-laqgħa tal-Kumitat ta' Reviżjoni tal-2012 għall-Pollutanti Organiċi Persistenti (10) identifikaw il-potenzjal għoli tal-lufenuron li jissodisfa l-kriterji persistenti tal-pollutanti organiċi persistenti;

F.

billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija Mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (11) tippromwovi “tranżizzjoni globali għal sistemi agroalimentari sostenibbli” mhux biss fil-fruntieri tal-Unjoni iżda wkoll barra minnha, u għandha l-għan li “tqis l-aspetti ambjentali hija u tivvaluta t-talbiet għat-tolleranzi għall-importazzjoni għas-sustanzi pestiċidi li ma għadhomx approvati fl-UE filwaqt li tħares l-istandards u l-obbligi tad-WTO”;

G.

billi l-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni ġie propost wara applikazzjoni mressqa għat-tolleranzi ta' importazzjoni għal-lufenuron użat fil-Brażil fuq il-grejpfrut u l-kannamieli li tiddikjara li huma meħtieġa livelli massimi ta' residwi (MRLs) ogħla sabiex jiġu evitati ostakli kummerċjali mhux tariffarji għall-importazzjoni ta' dawk l-għelejjel;

H.

billi l-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni jagħti lok għal tħassib dwar is-sikurezza tal-lufenuron abbażi tal-prinċipju ta' prekawzjoni, minħabba n-nuqqasijiet ta' data relatati mal-effett tal-lufenuron fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent;

I.

billi fl-opinjoni tagħha tal-15 ta' Lulju 2020, l-EFSA tinnota li: “In accordance with Article 6 of Regulation (EC) No 396/2005, Syngenta Crop Protection AG submitted an application to the competent national authority in Portugal (evaluating Member State, EMS) to set import tolerances for the active substance lufenuron in various crops and products of animal origin on the basis of authorised uses of lufenuron in Brazil, Chile and Morocco. The EMS drafted an evaluation report in accordance with Article 8 of Regulation (EC) No 396/2005, which was submitted to the European Commission and forwarded to the European Food Safety Authority (EFSA) on 24 May 2019” (F'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, Syngenta Crop Protection AG ippreżentat applikazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-Portugall (Stat Membru ta' evalwazzjoni, EMS) biex tistabbilixxi tolleranzi ta' importazzjoni għas-sustanza attiva lufenuron f'diversi għelejjel u prodotti ta' oriġini mill-annimali abbażi tal-użi awtorizzati tal-lufenuron fil-Brażil, fiċ-Ċilì u fil-Marokk. L-EMS abbozza rapport ta' evalwazzjoni f'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, li ġie ppreżentat llil-Kummissjoni Ewropea u mgħoddi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fl-24 ta' Mejju 2019); billi l-EMS ippropona li jiżdiedu l-MRLs għal-lufenuron fil-grejpfrut (x30) u fil-kannamiela (x2) mill-Brażil, u wkoll li jiżdiedu l-MRLs għal-lufenuron fil-prodotti ta' oriġini mill-annimali;

J.

billi l-konklużjonijiet li waslet għalihom l-EFSA fl-opinjoni tagħha tal-15 ta' Lulju 2020 jiġġustifikaw iż-żieda tal-MRLs għal-lufenuron biss abbażi tal-ħtieġa li jkun hemm konformità mal-valuri normattivi fil-Brażil, u jħallu barra kwalunkwe konsiderazzjoni dwar l-effett kumulattiv fit-tul tal-lufenuron fuq it-tossiċità riproduttiva, in-newrotossiċità tal-iżvilupp u l-potenzjal immunotossiku tiegħu wara inġestjoni fit-tul;

1.

Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.

Iqis li dan l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni mhux kompatibbli mal-għan u mal-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 396/2005;

3.

Iqis li l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jeċċedi s-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 396/2005; jinnota li l-premessa 5 ta' dak ir-Regolament tiddikjara li l-MRLs għandhom jiġu stabbiliti fl-aktar livell baxx li jista' jinkiseb bil-għan li jiġu protetti gruppi vulnerabbli bħat-tfal u t-tfal mhux imwielda;

4.

Jinnota li, skont l-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni, l-MRLs eżistenti tal-lufenuron se jiżdiedu minn 0,01 mg/kg għal 0,30 mg/kg għall-grejpfrut u minn 0,01 mg/kg għal 0,02 mg/kg għall-kannamieli;

5.

Jinnota li rapport xjentifiku reċenti kkonkluda li l-lufenuron jista' jikkawża effetti teratoġeniċi u bidliet istopatoloġiċi għall-fwied u l-kliewi fil-firien, li jissuġġerixxi li nisa tqal u t-tfal mhux imwielda tagħhom jistgħu jkunu f'riskju (12);

6.

Jinnota li l-esponiment għall-insettiċidi jinduċi bidliet bijokimiċi, inkluż stress ossidattiv, u li l-esponiment ambjentali matern għall-pollutanti kimiċi ġie kklassifikat reċentement bħala t-tieni l-aktar kawża importanti tal-mortalità tat-trabi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (13);

7.

Itenni li l-effetti transġenerazzjonali tal-esponiment għall-pestiċidi mhumiex studjati biżżejjed u li l-effetti tal-esponiment għall-pestiċidi fil-bnedmin fil-perjodu ta' ġestazzjoni rari jiġu studjati; jissottolinja li hemm evidenza dejjem akbar dwar ir-rwol ta' esponimenti ripetuti matul il-ħajja bikrija;

8.

Jissuġġerixxi li l-MRLs għal-lufenuron għandhom jibqgħu fl-aktar livell ta' determinazzjoni baxx;

9.

Iqis li d-deċiżjoni li jiżdiedu l-MRLs għal-lufenuron ma tistax tiġi ġġustifikata, peress li ma hemmx biżżejjed evidenza li tissuġġerixxi li r-riskju għan-nisa tqal u għat-tfal mhux imwielda tagħhom u għas-sikurezza tal-ikel huwa aċċettabbli;

10.

Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament u tippreżenta wieħed ġdid lill-kumitat, li jirrispetta l-prinċipju ta' prekawzjoni;

11.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.

(3)  L-opinjoni motivata tal-EFSA dwar l-istabbiliment ta' tolleranzi ta' importazzjoni għal-lufenuron f'diversi prodotti ta' oriġini mill-pjanti u mill-annimali, Il-Ġurnal tal-EFSA 2020; 18(8):6228, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2020.6228

(4)  L-opinjoni motivata tal-EFSA dwar ir-reviżjoni tal-livelli massimi ta' residwi eżistenti għal-lufenuron skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, Il-Ġurnal tal-EFSA 2017; 15(1):4652, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2016.4652

(5)  Ir-rapport xjentifiku tal-EFSA dwar il-konklużjoni fir-rigward tar-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva lufenuron, Il-Ġurnal tal-EFSA 2009; 7(6):189, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2009.189r.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(8)  Altenburger, R., Gündel, U., Rottter, S., Vogs, C., Faust, M., Backhaus, T., “Establishment of a concept for comparative risk assessment of plant protection products with special focus on the risks to the environment” (L-istabbiliment ta' kunċett għall-valutazzjoni komparattiva tar-riskju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'enfasi speċjali fuq ir-riskji għall-ambjent), Test 47/2017, Rapport Nru (UBA-FB) 002256/ENG, https://www.umweltbundesamt.de/sites/default/files/medien/1410/publikationen/2017-06-07_texte_47-2017_umweltrisiken-pflanzenschutzmittel.pdf

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(10)  UNEP/POPS/POPRC.8/INF/29.

(11)  COM(2020)0381.

(12)  Basal, W.t., Rahman T. Ahmed, A., Mahmoud, A.A., Omar, A.R., “Lufenuron induces reproductive toxicity and genotoxic effects in pregnant albino rats and their fetuses” (Il-lufenuron jinduċi tossiċità riproduttiva u effetti ġenotossiċi f'firien albini tqal u l-feti tagħhom), Rapporti xjentifiċi, 2020: 10:19544, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC7658361/

(13)  Cremonese, C., Freire, C., Machado De Camargo, A., Silva De Lima, J., Koifman, S., Meyer, A., “Pesticide consumption, central nervous system and cardiovascular congenital malformations in the South and Southeast region of Brazil” (Il-konsum tal-pestiċidi, is-sistema nervuża ċentrali u malformazzjonijiet konġenitali kardjovaskulari fir-reġjun tan-Nofsinhar u tax-Xlokk tal-Brażil), Il-Ġurnal Internazzjonali tal-Mediċina Okkupazzjonali u s-Saħħa Ambjentali. 2014; 27(3), p. 474-86, https://pubmed.ncbi.nlm.nih.gov/24847732/