8.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 494/149


P9_TA(2021)0113

Ir-Rapporti 2019-2020 dwar il-Kosovo

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2021 dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni 2019–2020 dwar il-Kosovo (2019/2172(INI))

(2021/C 494/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2016,

wara li kkunsidra l-Aġenda Ewropea għar-Riforma Ewropea (ERA) għall-Kosovo, imnedija fi Pristina fil-11 ta' Novembru 2016, kif ukoll it-tnedija ta' ERA 2 f'Ottubru 2020,

wara li kkunsidra l-ftehim qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni, li ilu fis-seħħ mill-1 ta' Awwissu 2017,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Salonka fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit UE–Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-10 ta' Ġunju 1999, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza fir-rigward tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni 64/298 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Settembru 2010 li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħet id-disponibbiltà tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,

wara li kkunsidra l-ewwel ftehim dwar il-prinċipji li jirregolaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijet bejn il-gvernijiet tas-Serbja u l-Kosovo tad-19 ta' April 2013, u l-ftehimiet tal-25 ta' Awwissu 2015, u d-djalogu ffaċilitat mill-UE li għadu għaddej għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/792 tal-11 ta' Ġunju 2020 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX Kosovo), li estendiet it-tul tal-missjoni sal-14 ta' Ġunju 2021,

wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-attivitajiet tal-Missjoni Temporanja ta' Amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK), inkluż l-aktar rapport reċenti tal-31 ta' Marzu 2020, u r-rapporti dwar l-operazzjonijiet tal-Forzi tal-Kosovo (KFOR) tas-7 ta' Frar 2018,

wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin varat fit-28 ta' Awissu 2014,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kopresidenti tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (KPSA) bejn l-UE u l-Kosovo wara s-sitt laqgħa tal-KPSA, li saret fi Strasburgu fl-14 ta' Frar 2019,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 bit-titolu “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0057),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2020 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-sħab tal-Balkani tal-Punent fil-qasam tal-migrazzjoni u s-sigurtà,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 bit-titolu ''Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2019'' (COM(2019)0260), akkumpanjata mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Kosovo 2019 Report” (Rapport 2019 dwar il-Kosovo) (SWD(2019)0216),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 bit-titolu ''Komunikazzjoni tal-2020 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE'' (COM(2020)0660), akkumpanjata mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Kosovo 2020 Report” (Rapport 2020 dwar il-Kosovo) (SWD(2020)0356),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0641), u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Guidelines for the Implementation of the Green Agenda for the Western Balkans” (Linji Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent) tas-6 ta' Ottubru 2020 (SWD(2020)0223),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tat-8 ta' April 2020 tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà bit-titolu “Komunikazzjoni dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19” (JOIN(2020)0011), u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 bit-titolu “Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija” (COM(2020)0315),

wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2020 dwar il-Programm ta' Riforma Ekonomika tal-Kosovo 2020–2022 (SWD(2020)0065) u l-konklużjonijiet konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija adottati mill-Kunsill fid-19 ta' Mejju 2020,

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE (EUEOM) dwar l-elezzjonijiet leġiżlattivi bikrija li saru fis-6 ta' Ottubru 2019 fil-Kosovo,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Mejju 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (Kosovo) (COM(2016)0277) u għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Marzu 2019 li jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (1), billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020 (2)

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Zagreb adottata fis-Summit UE–Balkani tal-Punent li sar permezz ta' vidjokonferenza fis-6 ta' Mejju 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tas-Summit tal-Kelliema tal-Balkani tal-Punent, imsejjaħ mill-President tal-Parlament Ewropew mal-mexxejja tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent, fit-28 ta' Jannar 2020,

wara li kkunsidra s-Summit UE–Balkani tal-Punent li sar fl-10 ta' Novembru 2020 fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tagħha,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0031/2021),

A.

billi l-Kosovo jrid jiġi ġġudikat, bħal kwalunkwe pajjiż li jaspira li jsir Stat Membru tal-UE, fuq il-merti tiegħu stess f'termini ta' twettiq, implimentazzjoni u konformità mas-sett ta' kriterji u valuri komuni meħtieġa għall-adeżjoni, u billi l-kwalità tar-riformi meħtieġa u d-dedikazzjoni tagħhom jiddeterminaw l-iskeda ta' żmien u l-progress tal-adeżjoni;

B.

billi l-Kosovo jeħtieġ li jiffoka fuq riformi fundamentali biex jindirizza n-nuqqasijiet strutturali fl-oqsma tal-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività;

C.

billi l-Kosovo għadu jbati minħabba l-instabbiltà politika, b'mod partikolari mill-elezzjonijiet leġiżlattivi bikrija tas-6 ta' Ottubru 2019; billi t-tmiem tal-gvern Kurti kixef diversi kwistjonijiet strutturali, inkluża interferenza indebita minn atturi esterni fil-ħidma tal-Gvern u tal-Assemblea tal-Kosovo, l-indipendenza tal-Qorti Kostituzzjonali, u n-nuqqas ta' ċarezza dwar il-legalità tal-votazzjoni għall-gvern;

D.

billi dan l-aħħar kien hemm nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-atturi trans-Atlantiċi, u l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti se tipprovdi opportunità ġdida għal kooperazzjoni aħjar;

E.

billi l-Kosovo jibqa' l-uniku pajjiż fil-Balkani tal-Punent li ċ-ċittadini tiegħu jeħtieġu viża biex jivvjaġġaw lejn iż-Żona Schengen għalkemm il-parametri referenzjarji kollha għal-liberalizzazzjoni tal-viża ilhom li ġew issodisfati mill-2018;

F.

billi l-ekonomija li ma tidhirx tal-Kosovo qed ixxekkel l-iżvilupp ġenerali ta' ekonomija vijabbli fil-pajjiż;

G.

billi l-Kosovo jrid iżid l-isforzi tiegħu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u jrid jibni istituzzjonijiet b'saħħithom, koerenti u indipendenti biex jissolvew dawn il-kwistjonijiet;

H.

billi l-eks President Hashim Thaçi rriżenja fil-5 ta' Novembru 2020 biex jiffaċċja akkużi ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità fl-Awli Speċjalizzati għall-Kosovo f'The Hague; billi fit-30 ta' Novembru 2020 ġie kkonfermat l-att tal-akkuża kontra Thaçi; billi Vjosa Osmani, l-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali tal-Kosovo, qed taġixxi bħala President tal-Kosovo;

I.

billi l-Kosovo għamel progress fl-adattament tal-qafas ġuridiku tiegħu għall-acquis tal-UE iżda jeħtieġ li jżid l-isforzi u r-riżorsi tiegħu sabiex jimplimenta effettivament liġijiet u regoli ġodda, b'aktar impenn u serjetà fl-oqsma tal-politika;

J.

billi, skont il-Gvern tal-Kosovo, 117-il pajjiż irrikonoxxew l-indipendenza tal-Kosovo, inklużi 22 mis-27 Stat Membru tal-UE;

K.

billi l-pandemija tal-COVID-19 tirrappreżenta piż bla preċedent għas-saħħa, l-ekonomija u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali tal-Kosovo, u wriet b'mod ċar li l-UE u l-Balkani tal-Punent iridu jkomplu jindirizzaw l-isfidi komuni flimkien;

L.

billi l-UE mmobilizzat appoġġ finanzjarju ta' aktar minn EUR 3,3 biljun għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jindirizzaw l-kriżi tas-saħħa immedjata u jimmitigaw l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 fir-reġjun;

M.

billi l-UE hija l-akbar fornitur ta' assistenza u għajnuna lill-Kosovo biex ittaffi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19; billi l-Kosovo rċieva EUR 5 miljun f'appoġġ immedjat għas-settur tas-saħħa, EUR 63 miljun f'appoġġ għall-irkupru soċjali u ekonomiku, EUR 60 miljun f'fondi ta' assistenza u EUR 100 miljun f'assistenza makrofinanzjarja;

N.

billi l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent se jiffaċilita l-irkupru fit-tul wara l-pandemija tal-COVID-19, billi jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku u r-riformi fir-reġjun;

O.

billi l-Kosovo bbenefika mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), b'allokazzjoni indikattiva totali ta' EUR 602,1 miljun għall-2014–2020, u billi l-Kosovo jeħtieġ li jtejjeb aktar il-kapaċità ta' assorbiment tiegħu f'dan ir-rigward;

P.

billi l-impenn tal-UE mal-Balkani tal-Punent imur lil hinn minn dak ta' kwalunkwe sieħeb ieħor u juri impenn strateġiku reċiproku;

L-impenn għat-tkabbir

1.

Jilqa' l-impenn kontinwu u b'saħħtu tal-Kosovo għall-mixja tiegħu 'l quddiem fil-perkors Ewropew u għall-aċċelerazzjoni tar-riformi, kif ukoll l-appoġġ qawwi għall-integrazzjoni Ewropea fost il-popolazzjoni tal-Kosovo u l-identità Ewropea tagħha;

2.

Jiddispjaċih dwar il-progress limitat fl-implimentazzjoni ta' ERA 1, filwaqt li jirrikonoxxi l-impenn tal-gvern għal proċess ta' riforma wiesa' kif previst mill-ERA 2; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jieħdu f'idejhom is-sjieda tal-proċess, juru aktar rieda politika u jtejbu l-kapaċità amministrattiva sabiex itejbu l-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-UE;

3.

Jesprimi tħassib dwar ix-xoljiment tal-Ministeru għall-Integrazzjoni fl-UE, u jistieden lill-Gvern tal-Kosovo biex jintegra b'mod sħiħ u xieraq l-istrutturi preċedenti tal-Ministeru kif previst mir-Regolament li għadu kif ġie approvat dwar l-Istruttura Organizzattiva tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kif ukoll biex jiżgura li l-istruttura l-ġdida tingħata l-livell ta' kompetenza u responsabbiltajiet xierqa biex jiġu żgurati l-koordinazzjoni u t-tmexxija xierqa tal-proċess ta' integrazzjoni;

4.

Jilqa' t-tmexxija paċifika u ordnata tal-elezzjonijiet leġiżlattivi bikrija li saru fis-6 ta' Ottubru 2019 u fl-14 ta' Frar 2021, iżda jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' kompetizzjoni, il-libertà tal-għażla u l-espressjoni fil-komunità Serba tal-Kosovo, kif ukoll dwar il-problemi relatati mal-voti ta' dawk bi dritt għall-vot li jgħixu barra l-Kosovo; jisħaq fuq l-importanza li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kollha identifikati u r-rakkomandazzjonijiet tal-EUEOM; jistenna li l-forzi politiċi kollha jonoraw il-kultura demokratika u r-rieda taċ-ċittadini tal-Kosovo meta jiffurmaw gvern ġdid u jeleġġu President ġdid;

5.

Jiddispjaċih li l-Kosovo qed ikompli jitħabat mal-instabbiltà politika wara l-elezzjonijiet u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-forzi politiċi kollha fil-Kosovo biex jirriformaw is-sistema politika permezz ta' bidliet kostituzzjonali sabiex itejbu ċ-ċertezza tad-dritt u l-proċess għall-formazzjoni ta' gvernijiet ġodda;

6.

Jilqa' l-konferma tal-Kummissjoni fir-rapport tal-Kosovo 2020 tagħha tal-valutazzjoni tagħha dwar il-kapaċità tal-Kosovo li jibbenefika mir-reġim ta' liberalizzazzjoni tal-viża, u jistieden lill-Kunsill jipproċedi b'mod urġenti bl-adozzjoni ta' sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Kosovo; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-Kosovo qed ikompli jissodisfa l-parametri referenzjarji kollha tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża, kif ikkonfermat b'mod konsistenti mill-Kummissjoni minn Lulju 2018;

7.

Jiddispjaċih li matul l-2020 il-Kunsill xorta ma rnexxilux jadotta liberalizzazzjoni tal-viża għall-Kosovo; huwa tal-fehma li l-liberalizzazzjoni tal-viża se ttejjeb l-istabbiltà u tqarreb lill-Kosovo lejn l-UE billi tiffaċilita l-ivvjaġġar u n-negozju; jinnota li l-iżolament taċ-ċittadini tal-Kosovo qed ikollu impatt fuq l-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE, u li n-nuqqas ta' deċiżjoni tal-Kunsill qed iżomm lura l-opportunitajiet meħtieġa b'mod urġenti miċ-ċittadini tal-Kosovo, filwaqt li jdgħajjef il-kredibbiltà tal-UE, u jista' jkollu impatt fuq id-Djalogu Belgrad–Pristina;

8.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE juru impenn kontinwu għat-tkabbir, u jsegwu politika ta' komunikazzjoni dwar it-tkabbir aktar effettiva fil-konfront taċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju tal-UE fil-Kosovo biex iżidu l-isforzi tagħhom fil-promozzjoni tar-rwol, ir-rekwiżiti u l-benefiċċji ta' sħubija aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Kosovo;

9.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Kosovo li jneħħi t-tariffi fuq l-importazzjonijiet mis-Serbja u l-Bożnija-Ħerzegovina, li ppermettiet it-tkomplija tad-djalogu ffaċilitat mill-UE;

10.

Jinnota l-firma ta' ftehimiet għan-normalizzazzjoni ekonomika mill-Kosovo u s-Serbja fl-4 ta' Settembru 2020 f'Washington; jiddispjaċih, madankollu, għad-dispożizzjonijiet fit-test li jirrikjedu li l-Kosovo jieqaf ifittex sħubija f'organizzazzjonijiet internazzjonali; jilqa' l-impenn imġedded tal-Istati Uniti, u jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Uniti jsaħħu s-sħubija u l-koordinazzjoni tagħhom fil-Balkani tal-Punent; jissottolinja li l-kooperazzjoni trans-Atlantika hija fattur importanti għall-istabbiltà fir-reġjun, u jenfasizza r-rwol ewlieni tal-UE bħala medjatur fil-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja;

11.

Jiddispjaċih għall-ftuħ tal-Ambaxxata tal-Kosovo għall-Iżrael f'Ġerusalemm, li jmur kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-soluzzjoni ta' żewġ stati għat-tilwima bejn Iżrael u l-Palestina;

12.

Jirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-Forza tal-Kosovo (KFOR) u l-Istati parteċipanti fiż-żamma ta' ambjent sikur u sigur, u l-libertà tal-moviment għaċ-ċittadini kollha fil-Kosovo, kif ukoll fl-iffaċilitar tal-integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-Balkani tal-Punent;

13.

Jappella għall-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda għal djalogu politiku u ta' politika ta' livell għoli mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, permezz ta' summits regolari UE–-Balkani tal-Punent u kuntatti ministerjali intensifikati; jappella għall-parteċipazzjoni attiva u għall-inklużjoni xierqa tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa;

Id-demokrazija u l-istat tad-dritt

14.

Jilqa' l-progress fl-adattament tal-qafas legali dwar l-istat tad-dritt, inkluża l-Liġi dwar ir-responsabbiltà dixxiplinarja tal-imħallfin u l-prosekuturi u l-Liġi dwar il-medjazzjoni, kif ukoll l-introduzzjoni ta' sistema elettronika ta' ġestjoni tal-każijiet u reġistru ċentrali tar-rekords kriminali; jiddispjaċih, madankollu, għal-livell dgħajjef ta' implimentazzjoni;

15.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jżidu l-isforzi tagħhom fl-infurzar tal-liġijiet għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħhom, kif ukoll jiżguraw koordinazzjoni aħjar ta' diversi programmi tal-istat tad-dritt appoġġjati minn diversi donaturi, inkluż l-iżvilupp ta' rieżami ġenerali u strateġija sussegwenti għas-settur kollu tal-istat tad-dritt;

16.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-tneħħija tat-task force speċjali kontra l-korruzzjoni fi ħdan il-Pulizija tal-Kosovo (KP); jissottolinja li hemm bżonn ta' rieda politika qawwija biex il-korruzzjoni tiġi miġġielda b'mod effettiv, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo juru determinazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha;

17.

Iħeġġeġ lill-gvern joħloq u jżomm entitajiet b'saħħithom u dedikati li jindirizzaw il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, u jitlob li tintemm kwalunkwe bidla fl-infurzar tal-liġi u fl-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni bbażati fuq interessi politiċi tal-partiti;

18.

Jistieden lill-Kosovo jtejjeb l-implimentazzjoni tal-miżuri regolatorji tiegħu relatati mal-iffriżar, il-konfiska u l-irkupru tal-assi, u fir-rigward tal-kundanni finali f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli, kriminalità organizzata u finanzjarja, ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, inklużi miżuri ta' sospensjoni għall-uffiċjali pubbliċi akkużati b'reati bħal dawn, u biex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda interferenza fl-attivitajiet operazzjonali tal-korpi tal-infurzar tal-liġi u tal-uffiċċju tal-prosekutur;

19.

Jinsab imħasseb li minkejja qafas normattiv adegwat, is-sistema ġudizzjarja tal-Kosovo għadha mxekkla minn nuqqasijiet ta' responsabbiltà, kwistjonijiet ta' trasparenza, u interferenza politika; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' riżultati tanġibbli fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, u jistenna li jsir aktar progress fit-titjib tar-rekord tiegħu dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' korruzzjoni ta' livell għoli u każijiet ta' kriminalità organizzata, inklużi każijiet ta' traffikar ta' bnedmin u drogi, u ċiberkriminalità;

20.

Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo ta' miżuri li jgħinu biex jillimitaw l-interferenza esterna u l-influwenza mhux dovuta fi proċedimenti ġudizzjarji; jilqa' wkoll iż-żieda fl-għadd ta' sentenzi finali tal-qorti ppubblikati; jemmen li huma meħtieġa miżuri oħra biex tiġi żgurata indipendenza akbar u depolitiċizzazzjoni tal-ġudikatura u biex titwaqqaf l-interferenza mhux dovuta f'każijiet ta' profil għoli;

21.

Jistieden lill-Kosovo jiżgura li r-rapporti finanzjarji u tal-awditjar tal-finanzjament tal-partiti politiċi jkunu disponibbli b'mod konsistenti, u li s-sanzjonijiet jiġu applikati meta jkunu meħtieġa; jinnota wkoll il-ħtieġa li jittejbu s-sorveljanza finanzjarja u r-responsabbiltà tal-intrapriżi bi sjieda pubblika; jilqa' f'dan ir-rigward il-proposta għal-Liġi l-ġdida dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi, u jħeġġeġ lill-Assemblea tal-Kosovo tadotta qafas legali li jirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja;

22.

Itenni li s-selezzjonijiet u l-ħatriet għal pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet ta' livell għoli fis-servizz pubbliku u fl-intrapriżi pubbliċi jibqgħu ta' tħassib kbir, u jinnota li l-ħatriet għal tali pożizzjonijiet jeħtieġ li jsiru abbażi ta' proċess ibbażat fuq il-mertu, ġust u kompetittiv; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Gvern tal-Kosovo billi jiffirma l-memoranda ta' qbil mar-Renju Unit biex jissorvelja dan il-proċess; itenni t-talba tiegħu għal progress u impenn politiku ċar għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika li tista' tinkiseb billi titmexxa 'l quddiem l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

23.

Jilqa' t-titjib fl-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea Nazzjonali tal-Kosovo u l-ġestjoni ta' seduti plenarji bbażati fuq ir-regoli ta' proċedura tiegħu; jiddispjaċih, madankollu, għan-nuqqas frekwenti ta' kworum, u waqfien kontinwu fil-ħidma parlamentari, li kienu partikolarment ta' ħsara fil-proċess tal-adozzjoni tal-pakkett ta' għajnuna relatat mal-pandemija;

24.

Jiddispjaċih li l-Assemblea tal-Kosovo ma setgħetx tgħaddi t-tieni pakkett ta' rkupru ekonomiku mal-ewwel tentattiv, jissottolinja l-importanza tal-istabbiltà politika, u jistieden lill-Assemblea u lill-gvern jaħdmu flimkien fi spirtu ta' kostruttività, u jaderixxu mal-aħjar prattika parlamentari;

25.

Ifaħħar l-isforzi tal-Kosovo fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, it-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, inkluż fil-ġlieda kontra l-ħruġ ta' ġellieda barranin; jissottolinja li huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jiġi indirizzat il-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll ir-riabbiltazzjoni u r-riintegrazzjoni tal-ġellieda barranin;

26.

Jappella għal kooperazzjoni reġjonali attiva u koordinazzjoni u skambju ta' informazzjoni akbar bejn is-servizzi tas-sigurtà tar-Repubblika tal-Kosovo u l-UE u l-Istati Membri tagħha fil-ġlieda kontra attivitajiet terroristiċi potenzjali; iħeġġeġ lill-Kosovo jindirizza r-radikalizzazzjoni online u l-influwenzi estremisti esterni, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jassistu lill-Kosovo f'dan l-isforz importanti;

27.

Jinsab imħasseb dwar l-isforzi ta' pajjiżi terzi biex jappoġġjaw ir-radikalizzazzjoni, speċjalment taż-żgħażagħ, ħafna drabi billi jiffinanzjaw jew jipprovdu riżorsi sinifikanti bħal istituzzjonijiet edukattivi fil-Kosovo, li jistgħu jkunu postijiet fejn titnissel ir-radikalizzazzjoni, u li s-sitwazzjoni attwali relatata mal-COVID jista' jkollha effetti detrimentali fuq l-isforzi ta' deradikalizzazzjoni, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika li sejra għall-agħar;

28.

Jilqa' l-konklużjoni ta' Arranġament ta' Ħidma bejn il-Pulizija tal-Kosovo u l-Europol, li se jikkostitwixxi l-bażi għal kooperazzjoni msaħħa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu kif ukoll il-kriminalità organizzata transnazzjonali, u jappella għall-implimentazzjoni tiegħu mill-aktar fis possibbli;

29.

Jirrimarka li skont stimi reċenti hemm madwar 250 000 arma illegali fil-pussess taċ-ċittadini tal-Kosovo; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar din is-sitwazzjoni allarmanti li għandha impatt negattiv fuq is-sigurtà pubblika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw din il-problema u jniedu programm effettiv għall-konfiska jew iċ-ċediment volontarju ta' dawn l-armi lill-pulizija;

30.

Ifaħħar lill-Kosovo għall-kooperazzjoni kontinwa u kostruttiva tiegħu dwar il-migrazzjoni u t-tnaqqis kontinwu fl-għadd ta' talbiet għall-ażil u r-riammissjonijiet taċ-ċittadini tal-Kosovo, kif ukoll għall-kooperazzjoni tajba tal-awtoritajiet tal-Kosovo dwar ir-riammissjoni;

31.

Jieħu nota pożittiva tal-adozzjoni tar-Regolament dwar l-Integrazzjoni tal-Barranin, u jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tiegħu; jenfasizza li jenħtieġu azzjonijiet ulterjuri biex tiġi żgurata kapaċità amministrattiva u ta' infurzar suffiċjenti biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni, inkluża l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali;

32.

Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-Awli Speċjalizzati għall-Kosovo (KSC) u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, li huma dimostrazzjoni importanti tal-impenn tal-Kosovo għall-istat tad-dritt, u li l-ħidma tagħhom hija wkoll fl-interess tal-Kosovo; jisħaq fuq l-importanza li l-Awli Speċjalizzati jkunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom b'mod indipendenti, mingħajr l-ebda interferenza esterna; jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tal-mandat tal-KSC u l-ħidma tagħhom f'The Hague;

33.

Jilqa' l-estensjoni tal-mandat tal-missjoni EULEX, u jitlob lill-Kosovo jikkoopera bis-sħiħ mal-EULEX u mal-Awli Speċjalizzati u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat in bona fide; jiddispjaċih dwar it-tentattivi biex jiġi mminat il-mandat tal-EULEX; itenni t-talba tiegħu lill-EULEX biex iżżid l-effikaċja tagħha u żżomm l-ogħla standards ta' trasparenza u approċċ ta' tolleranza żero għall-korruzzjoni;

34.

Jilqa' l-adozzjoni tal-liġi dwar l-Aċċess għad-Dokumenti Pubbliċi; jirrakkomanda aktar sforzi biex tiżdied it-trasparenza u jittejjeb il-monitoraġġ tal-infiq pubbliku, inkluż billi tittejjeb is-sistema tal-akkwist pubbliku;

35.

Jilqa' l-passi li ttieħdu fil-bini tal-kapaċità taċ-ċibersigurtà, b'mod partikolari bl-adozzjoni tal-ewwel Strateġija Nazzjonali tagħha dwar iċ-Ċibersigurtà; iqis li huwa kruċjali li jinżamm dan il-momentum biex ikun possibbli l-infurzar sħiħ tal-inizjattivi leġiżlattivi f'dan il-qasam u biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' professjonisti kwalifikati fl-ICT u ċ-ċibersigurtà;

Ir-rispett għal-libertajiet fundamentali u għad-drittijiet tal-bniedem

36.

Jinnota li l-qafas ġuridiku u istituzzjonali jiggarantixxi b'mod wiesa' l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, tal-minoranzi u tal-bniedem; jissottolinja li għad hemm sfidi fl-implimentazzjoni tiegħu, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet lingwistiċi, inkluż ix-xandir multilingwi, li n-nuqqas tiegħu għandu impatt fuq l-aċċess għall-informazzjoni mill-komunitajiet minoritarji, u li kien partikolarment ta' ħsara matul il-pandemija tal-COVID-19;

37.

Jistieden lill-Kosovo jipprovdi edukazzjoni statali ugwali u nondiskriminatorja bil-lingwi minoritarji, u jiżgura aċċess għad-dokumenti uffiċjali fil-lingwi uffiċjali kollha madwar il-Kosovo, kif ukoll opportunitajiet indaqs, rappreżentanza adegwata fil-ħajja politika, u aċċess għall-amministrazzjoni pubblika u għall-ġudikatura;

38.

Jappella għal aktar protezzjoni u inklużjoni ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, inklużi r-Rom, l-Ashkali, l-Eġizzjani, is-Serbi, il-Bożnijaċi, it-Torok u l-Gorani, kif ukoll persuni b'diżabilità u persuni spostati, billi jingħataw kura tas-saħħa u protezzjoni soċjali adegwati, b'mod partikolari matul il-pandemija tal-COVID-19 u fid-dawl tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha;

39.

Iħeġġeġ sabiex isiru sforzi akbar biex jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni u l-anti-Żingariżmu; jinsab partikolarment imħasseb dwar id-diskriminazzjoni soċjali kontra l-komunitajiet Rom, Ashkali u Eġizzjani, l-esklużjoni tagħhom mit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u soċjali, u n-nuqqas kontinwu ta' riżorsi u aċċess għal opportunitajiet ta' impjieg, ġustizzja, servizzi pubbliċi, akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, sistemi tad-drenaġġ, u ilma ġieri;

40.

Jinnota b'dispjaċir li l-petizzjoni ta' kważi 500 persuna, li storikament identifikaw lilhom infushom bħala Bulgari, li ġiet irreġistrata fl-Assemblea tal-Kosovo f'Mejju 2018, għadha ma ġietx ikkunsidrata mill-Assemblea; jissottolinja l-ħtieġa li tiżdied kategorija “Bulgara” fit-tieni ċensiment nazzjonali fil-Kosovo, skedat li jsir fl-2021;

41.

Jinnota n-nuqqas li tiġi żgurata l-libertà finanzjarja u editorjali tax-xandar pubbliku; itenni l-ħtieġa li tiġi garantita t-trasparenza tal-midja, inkluża s-sjieda tal-midja, kif ukoll l-indipendenza tal-midja, filwaqt li jiġi żgurat li tkun ħielsa minn kwalunkwe influwenza politika; jitlob li jinħatar malajr il-Kap tal-Aġenzija għall-Informazzjoni u l-Privatezza;

42.

Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-theddid u l-attakki kontra l-ġurnalisti, u li tintemm l-impunità għal dawn ir-reati; jirrikonoxxi li minkejja dawn l-isfidi, il-libertà tal-espressjoni hija minquxa fil-Kostituzzjoni tal-Kosovo, u li hemm ambjent medjatiku pluralistiku u vivaċi;

43.

Iħeġġeġ l-istabbiliment ta' xandar pubbliku multinazzjonali u multilingwi li jgħaqqad lin-nies u jippromwovi paċi u rikonċiljazzjoni fost l-Istati fl-Ewropa tax-Xlokk, fuq l-eżempju ta' ARTE;

44.

Jiddispjaċih dwar l-għadd dejjem jikber ta' kawżi SLAPP (kawżi Strateġiċi Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika), li jintużaw biex jheddu u jħarrku ġurnalisti u individwi sabiex isikktuhom u jagħmlu d-dibattitu pubbliku impossibbli;

45.

Jilqa' l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi, u jinkoraġġixxi l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tagħha; jitlob, f'dan ir-rigward, li jinħatar malajr il-Kummissarju għall-Aġenzija għall-Informazzjoni u l-Privatezza;

46.

Jinsab imħasseb dwar kampanji ta' diżinformazzjoni biex jiġi ddeleġitimizzat l-istat tal-Kosovo; jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea mal-Kosovo dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u t-theddid ibridu li jfittxu li jimminaw il-perspettiva Ewropea tar-reġjun, u li jiġu miġġielda l-kampanji ta' diżinformazzjoni reġjonali, inkluż billi tiġi enfasizzata b'mod aktar strateġiku r-rilevanza tal-UE għaċ-ċittadini fir-reġjun;

47.

Ifakkar fir-rabta qawwija li hemm bejn in-nuqqasijiet fil-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni u l-opportunitajiet għall-atturi lokali u barranin biex jimmanipulaw il-fatti u jxerrdu d-diżinformazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkooperaw mill-qrib fuq tali rabtiet u sfidi li jikkoinċidu, kif ukoll irawmu l-ħolqien ta' ċentru ta' eċċellenza dwar id-diżinformazzjoni ffukat fuq il-Balkani;

48.

Jilqa' d-deċiżjoni unanima mill-Assemblea tar-Repubblika tal-Kosovo fil-25 ta' Settembru 2020 li tagħti effett dirett lill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul); jistenna li l-Gvern tal-Kosovo jimxi malajr biex jimplimenta l-kontenut tal-Konvenzjoni u jipprovdi r-riżorsi u l-infrastruttura meħtieġa għal dan il-għan;

49.

Jilqa' l-adozzjoni tal-programm tal-Kosovo għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll il-ħidma tal-Caucus tan-Nisa fl-Assemblea tal-Kosovo; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jżidu l-isforzi biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jsaħħu l-pożizzjoni ekonomika tan-nisa, inkluż billi jagħtu prijorità lill-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u aktar kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa, kif ukoll billi joħolqu ambjent li jwassal għar-rappreżentazzjoni aħjar tan-nisa f'pożizzjonijiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u billi jiġi żgurat li l-kotba tal-iskola ma jrawmux sterjotipi u diskriminazzjoni; jitlob, f'dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tim tan-negozjar responsabbli għad-djalogu Belgrad–Pristina; jitlob bl-istess mod li n-naħa tal-UE tappoġġja dan il-kompitu u dawn l-isforzi billi taderixxi mar-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq stess;

50.

Jinsab imħasseb dwar ir-rata ta' inattività tan-nisa, inkluż minħabba d-diskriminazzjoni kontinwa bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jtejbu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Kosovo jadatta l-Liġi tax-Xogħol il-ġdida biex tirregola wkoll il-liv sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru fid-drittijiet relatati mal-liv tal-maternità, mal-liv tal-paternità u mal-liv tal-ġenituri;

51.

Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-iskala tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jilqa' r-reviżjonijiet tal-Kodiċi Kriminali f'dan ir-rigward, kif ukoll it-titjib osservat fir-rapport tal-EULEX f'ċerti aspetti tat-trattament mill-pulizija tal-Kosovo ta' każijiet ta' vjolenza sesswali; jinnota, madankollu, li n-nuqqas ta' prosekuzzjonijiet u kastigi serji, l-impunità tal-awturi, sistemi insuffiċjenti għat-traċċar u l-bażijiet tad-data tal-każijiet, in-nuqqas ta' riżorsi u servizzi adegwati għall-vittmi (rifuġji, ċentri ta' eżami mediku, appoġġ għat-trawma, konsulenza), taħriġ eċċellenti u protokolli ta' trattament istituzzjonalizzati għas-sistema ġudizzjarja kollha għadhom ta' tħassib;

52.

Jisħaq fuq il-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt ta' ħsara fuq in-nisa u l-minoranzi billi żiedet l-inugwaljanza, aggravat il-problemi eżistenti, inkluża l-vjolenza domestika, u jappella lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Kosovo biex iqisu dawn il-kwistjonijiet fir-risponsi tagħhom għall-pandemija;

53.

Jilqa' l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal bħala pass sinifikanti fil-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-Kosovo; jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal; jenfasizza li huma meħtieġa riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tagħha; jindika l-ħtieġa partikolari li tiġi indirizzata l-problema persistenti taż-żwiġijiet tat-tfal u furzati, speċjalment fil-komunitajiet Rom, Ashkali u Eġizzjani, billi tiġi introdotta età legali għaż-żwieġ u jiġu żgurati azzjonijiet adegwati minn u rappurtar lill-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja;

54.

Jilqa' l-progress fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fil-livell leġiżlattiv u tal-politika; jinnota, madankollu, l-ħtieġa ta' implimentazzjoni sħiħa tal-qafas kontra d-diskriminazzjoni attwali, u jitlob li ssir investigazzjoni xierqa tal-każijiet ta' reati ta' mibiegħda kontra persuni LGBTI; jistieden lill-gvern jinkludi sħubijiet bejn persuni tal-istess sess fl-abbozz tal-Kodiċi Ċivili, kif iggarantit mill-Kostituzzjoni tal-pajjiż;

55.

Ifaħħar l-isforzi kontinwi tal-awtoritajiet tal-Kosovo biex itejbu l-kapaċità tas-soċjetà ċivili li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-iżvilupp tal-politika; jitlob aktar titjib tal-kooperazzjoni bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili, u parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki; itenni l-ħtieġa għal aktar responsabbiltà u trasparenza fil-finanzjament pubbliku għas-soċjetà ċivili;

56.

Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' koordinazzjoni ta' donaturi internazzjonali, imsemmija minn diversi organizzazzjonijiet attivi fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kosovo jieħu azzjoni biex jevita li jirdoppja l-isforzi u t-trikkib bla bżonn, u biex jimmaniġġja r-relazzjonijiet tiegħu mad-donaturi internazzjonali b'mod aktar effettiv;

57.

Ifaħħar il-ħidma tal-Ombudsman uxxenti fil-promozzjoni ta' kultura ta' drittijiet tal-bniedem, u jilqa' ż-żieda fl-għadd ta' rakkomandazzjonijiet tiegħu li qed jiġu implimentati mill-awtoritajiet tal-Kosovo, li jikkontribwixxu b'mod effettiv, inter alia, għall-prevenzjoni tat-tortura u trattament krudili, inuman u degradanti ieħor;

Ir-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet ta' viċinat tajbin

58.

Jilqa' l-isforzi tal-Kosovo fiż-żamma ta' relazzjonijiet ta' viċinat kostruttivi fir-reġjun kollu, u fl-allinjament proattiv mal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) tal-UE; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kosovo għal inizjattivi reġjonali u jitlob li jkun hemm implimentazzjoni tal-obbligi fi ħdan diversi oqfsa reġjonali li jmexxu 'l quddiem is-suq reġjonali komuni;

59.

Jenfasizza li n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo hija prijorità u prekundizzjoni għall-adeżjoni tal-UE taż-żewġ pajjiżi, u tkun essenzjali wkoll biex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-prosperità fir-reġjun usa'; jirrikonoxxi l-involviment miżjud taż-żewġ naħat fid-djalogu ffaċilitat mill-UE u jappella għal involviment attiv u kostruttiv fid-djalogu ffaċilitat mill-UE u mmexxi mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE, li jfittex ftehim komprensiv, sostenibbli u legalment vinkolanti skont id-dritt internazzjonali;

60.

Itenni t-talba tiegħu biex tissokta l-implimentazzjoni sħiħa, in bona fide u f'ħin opportun, tal-ftehimiet kollha li diġà ntlaħqu, inkluż l-istabbiliment tal-Assoċjazzjoni/Komunità tal-muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba mingħajr aktar dewmien; jistieden lis-SEAE jistabbilixxi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u l-verifika tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kollha li ntlaħqu s'issa u jirrapporta perjodikament lill-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali; itenni, f'dan ir-rigward, l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Djalogu Belgrad-Pristina, Miroslav Lajčák;

61.

Iħeġġeġ lill-Gvernijiet tas-Serbja u l-Kosovo joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' ddgħajjef il-fiduċja bejn il-partijiet, u tpoġġi f'riskju l-kontinwazzjoni kostruttiva tad-djalogu; itenni l-importanza tan-natura multietnika kemm tal-Kosovo kif ukoll tas-Serbja u li l-objettiv fir-reġjun ma għandux ikun il-ħolqien ta' stati etnikament omoġenji;

62.

Jistieden lill-Kosovo jindirizza l-problemi interni attwali rigward l-approċċ tiegħu għad-djalogu, joħloq tim iddedikat għan-negozjati, kif ukoll pjattaforma ta' negozjar konġunta u djalogu bejn il-koalizzjoni fil-gvern u l-partiti tal-oppożizzjoni; jisħaq li d-djalogu Belgrad–Pristina jrid isir b'mod miftuħ u trasparenti, u li l-uffiċjali inkarigati minnu għandhom regolarment jikkonsultaw lill-Assemblea tal-Kosovo dwar l-iżviluppi tiegħu; jistieden lill-gvern jikkomunika aħjar ir-riżultati tad-djalogu liċ-ċittadini tal-Kosovo;

63.

Jinnota li ħames Stati Membri tal-UE għadhom ma rrikonoxxewx il-Kosovo, u jerġa' jitlobhom biex jagħmlu dan, u jafferma mill-ġdid l-impenn Ewropew kredibbli fil-proċess tat-tkabbir; jenfasizza li l-indipendenza tal-Kosovo hija irriversibbli, u li r-rikonoxximent ikun ta' benefiċċju għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja, isaħħaħ u jikkonsolida l-istabbiltà tar-reġjun, u jiffaċilita l-integrazzjoni fl-UE taż-żewġ stati;

64.

Jilqa' r-rikonoxximent reċenti tal-indipendenza tal-Kosovo mill-Iżrael fi ħdan il-qafas tal-ftehimiet iffirmati f'Washington, iżda jikkundanna l-kampanja ta' nonrikonoxximent tas-Serbja kontra l-Kosovo, li wasslet għall-irtirar tar-rikonoxximent minn bosta pajjiżi;

65.

Ifaħħar il-kooperazzjoni reġjonali tajba bejn il-Kosovo u s-Serbja fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19, inkluż il-kooperazzjoni bejn is-sindki tat-Tramuntana u n-Nofsinhar ta' Mitrovica, u l-komunikazzjoni bejn il-ministri tas-Saħħa;

66.

Jiddispjaċih ukoll li l-Pont ta' Mitrovica għadu ma nfetaħx għat-traffiku kollu, minkejja t-tlestija tax-xogħol ta' rinnovazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tas-Serbja u l-Kosovo jippromwovu l-kuntatti interpersonali bejn il-komunitajiet lokali sabiex isaħħu d-djalogu, inkluż fil-livell mhux governattiv; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Kunsill jappoġġjaw lill-Prim Ministru u lit-tim tiegħu fid-djalogu intern ta' rikonċiljazzjoni mas-Serbi tal-Kosovo li se jipprovdi garanziji konkreti ta' sigurtà u opportunitajiet għall-integrazzjoni soċjoekonomika,

67.

Jinnota li l-ivvjaġġar mingħajr viża bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo huwa prekundizzjoni meħtieġa għall-espansjoni tal-kooperazzjoni reġjonali;

68.

Jilqa' pożittivament l-isforzi tal-Kummissjoni maħsuba biex isiru investimenti b'mod aktar strateġiku fil-Balkani tal-Punent permezz ta' Pjan Ekonomiku u ta' Investiment (PEI) speċifiku; jirrikonoxxi l-importanza tal-EIP fl-appoġġ tal-konnettività sostenibbli, il-kapital uman, il-kompetittività u t-tkabbir inklużiv, kif ukoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali u transfruntiera; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe investiment irid ikun konformi mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-miri tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE;

69.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva biex tiġi stabbilita Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward id-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fit-territorju tal-eks Jugoslavja (RECOM); jenfasizza l-importanza tal-ħidma mwettqa mill-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO), u jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Kosovo; itenni l-ħtieġa li jintlaħqu ż-żgħażagħ mill-muniċipalitajiet tat-Tramuntana, u li jiġu integrati fl-istrutturi soċjoekonomiċi tal-pajjiż;

70.

Jitlob sforzi akbar fl-indirizzar tat-talbiet ta' membri tal-familja ta' persuni nieqsa, il-ftuħ tal-arkivji kollha ta' żmien il-gwerra, u biex tiġi żvelata informazzjoni dwar persuni li għadhom elenkati bħala nieqsa mill-gwerra tal-Kosovo tal-1998–1999; iħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Kunsill tal-Prosekuzzjoni tal-Kosovo dwar id-delitti tal-gwerra li għadha mxekkla severament minn kwistjonijiet politiċi, nuqqas ta' riżorsi u nuqqas ta' kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali;

71.

Jissottolinja l-importanza ta' informazzjoni dwar siti ta' oqbra u tal-investigazzjoni u l-aġġudikazzjoni tad-delitti tal-gwerra kollha sabiex issir ġustizzja għall-vittmi; jistieden lis-Serbja tinvestiga l-fdalijiet tat-tliet iġsma li s'issa eżumaw matul it-tiftix f'qabar tal-massa fil-villaġġ ta' Kizevak tal-muniċipalità ta' Raska qrib il-fruntiera tal-Kosovo skoperti f'Novembru 2020, li huwa maħsub li huma Albaniżi tal-Kosovo;

72.

Ifaħħar lill-Kosovo għall-koeżistenza paċifika tal-komunitajiet reliġjużi, u jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni kontinwa tal-wirt kulturali u d-drittijiet tal-proprjetà tal-komunitajiet reliġjużi kollha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jużaw il-wirt kulturali bħala mezz biex jgħaqqdu flimkien komunitajiet differenti u jippromwovu b'mod aktar effettiv il-wirt kulturali u reliġjuż multietniku tal-pajjiż;

73.

Jinsab imħasseb dwar it-tendenza dejjem tikber lejn il-monolingwiżmu u n-nuqqas ta' fehim tal-lingwi differenti tal-komunitajiet tal-Kosovo, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa li jitgħallmu l-lingwi ta' xulxin, jintroduċu pjattaformi biex jinteraġixxu, jadattaw is-sistema edukattiva, u jindirizzaw in-nuqqas ta' rappreżentanza ta' komunitajiet mhux maġġoritarji fis-servizz ċivili;

74.

Jissottolinja li l-istabbiltà u l-prosperità fit-tul tal-Kosovo jibqgħu dipendenti fuq l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-Albaniżi tal-Kosovo u s-Serbi tal-Kosovo, u li l-forzi politiċi kollha huma responsabbli għaż-żamma u l-appoġġ ta' kultura politika bbażata fuq it-tolleranza, l-inklużjoni u l-fehim u r-rispett reċiproċi;

L-ekonomija

75.

Jinnota li appoġġ politiku qawwi, implimentazzjoni effettiva u monitoraġġ mill-qrib huma meħtieġa biex tiġi miġġielda l-ekonomija informali fuq skala kbira, li tikkostitwixxi ostaklu serju għall-iżvilupp tas-settur privat tiegħu, u taffettwa l-kapaċità tal-Istat li jipprovdi servizzi pubbliċi ta' kwalità tajba;

76.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo u lill-Kummissjoni jappoġġjaw aktar lill-SMEs sabiex jiżviluppaw ekonomija vijabbli għall-Kosovo;

77.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' implimentazzjoni urġenti ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inkluż it-titjib tal-ħiliet, l-edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ fuq il-post tax-xogħol, sabiex jiżdied l-impjieg ta' gruppi vulnerabbli; jisottolinja li s-sistema ta' taħriġ u edukazzjoni għandha tiġi riformata biex tlaħħaq mal-ħtiġijiet tax-xogħol u tas-suq, u jitlob l-inklużjoni ta' persuni li jappartjenu għal gruppi minoritarji fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' impjieg; itenni l-importanza li jinħolqu aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ u n-nisa;

78.

Jesprimi tħassib serju dwar l-emigrazzjoni massiva ta' ħaddiema b'ħiliet ta' livell għoli mill-Kosovo, u jitlob l-introduzzjoni ta' miżuri soċjoekonomiċi komprensivi biex jiġi indirizzat it-tnaqqis demografiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiżviluppaw strateġija reġjonali biex jindirizzaw il-qgħad persistenti fost iż-żgħażagħ billi jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet bejn is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol, it-titjib tal-kwalità tat-tagħlim, u l-iżgurar tal-finanzjament adegwat għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol u skemi ta' taħriġ vokazzjonali, flimkien ma' faċilitajiet adegwati għall-indukrar tat-tfal u għall-edukazzjoni ta' qabel l-iskola;

79.

Jappella għal titjib konsiderevoli fl-edukazzjoni u l-kwalità tal-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-Kosovo jaħdem biex jagħmel aktar progress fir-riforma tal-iskejjel, billi jipprovdi l-materjal ta' tagħlim meħtieġ u l-kundizzjonijiet fiżiċi xierqa għall-istudenti kollha, b'mod partikolari billi jindirizza l-problemi ta' aċċess għall-edukazzjoni matul il-pandemija attwali;

80.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kosovo li jipparteċipa fl-inizjattiva mini-Schengen bħala mezz biex jittejbu r-relazzjonijiet ta' viċinat tajbin u jiġu pprovduti opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini u n-negozji tal-Kosovo;

81.

Jilqa' l-fatt li l-Kosovo se jibbenefika wkoll mis-Suq Uniku Diġitali tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment fid-diġitalizzazzjoni bħala mod ta' kif jittejbu s-servizzi għaċ-ċittadini, jitnaqqas id-distakk diġitali u jiġi żgurat aċċess ugwali għall-internet, inkluż għall-aktar gruppi vulnerabbli u ż-żoni rurali; jieħu nota tal-potenzjal kbir tad-diġitalizzazzjoni għall-iżvilupp tal-ekonomija tal-Kosovo;

82.

Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar ir-Roaming Reġjonali l-ġdid iffirmat f'April 2019 bħala eżempju ċar ta' kif il-kooperazzjoni reġjonali tista' ġġib benefiċċji konkreti għaċ-ċittadini u n-negozji tar-reġjun;

83.

Jinnota li l-pandemija qed tpoġġi s-sistema tas-saħħa taħt pressjoni; iħeġġeġ lill-Kosovo jsaħħaħ is-settur tas-saħħa sabiex jipprovdi servizzi tas-saħħa primarja adegwati u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, b'mod partikolari permezz ta' benefiċċji soċjali bbażati fuq il-ħtiġijiet għall-gruppi l-aktar milquta mill-kriżi tal-COVID-19; jinnota li għadd kbir ta' professjonisti tas-saħħa telqu mill-Kosovo, li qed ikompli jiggrava n-nuqqas ta' professjonisti tal-kura tas-saħħa, u għandu impatt detrimentali fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa;

84.

Jinnota li d-dgħufijiet strutturali ġew aggravati mill-pandemija tal-COVID-19, b'mod partikolari minħabba d-dewmien fl-adozzjoni tal-liġi dwar l-irkupru ekonomiku, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jimplimentaw riformi strutturali effettivi biex itaffu l-impatt tal-pandemija u jaċċelleraw l-irkupru ekonomiku ta' wara l-kriżi, inkluż billi jindirizzaw in-nuqqas ta' assigurazzjoni tas-saħħa pubblika, kif ukoll il-kwistjoni tad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-President u l-Prim Ministru fil-ġestjoni tal-pandemija, kif muri meta jiġi ddikjarat stat ta' emerġenza li jippermetti lockdown fil-pajjiż kollu;

85.

Itenni l-fatt li l-UE mmobilizzat f'qasir żmien appoġġ immedjat favur il-Balkani tal-Punent biex jindirizzaw l-emerġenza sanitarja dovuta għall-pandemija tal-COVID-19 u l-irkupru soċjoekonomiku tar-reġjun; jieħu nota tal-adozzjoni ta' aktar minn EUR 138 miljun f'assistenza għall-Kosovo permezz tal-programmi IPA 2019 u IPA 2020, li minnhom EUR 50 miljun ġew riallokati biex jindirizzaw il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa fuq terminu qasir u medju;

86.

Jissottolinja l-importanza tas-solidarjetà Ewropea, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja lill-Kosovo u lill-istati l-oħra tal-Balkani tal-Punent fl-isforzi tagħhom biex irażżnu l-pandemija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu lill-Kosovo fl-akkwist konġunt tal-UE tal-vaċċini u jallokaw ammont suffiċjenti ta' vaċċini kontra l-COVID-19 liċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

87.

Jappella għal titjib fil-ġbir tad-dħul u superviżjoni aħjar tal-intrapriżi pubbliċi; ifaħħar il-progress inizjali fit-tnaqqis tad-dejn fiskali; jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi biex jiżdied id-dħul mit-taxxa billi titnaqqas l-ekonomija informali u tittejjeb l-effiċjenza tal-ġbir tad-dħul mit-taxxa, li jistgħu jiżguraw aktar finanzjament għal oqsma ta' prijorità, inklużi l-edukazzjoni u s-saħħa;

L-ambjent, l-enerġija u t-trasport

88.

Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw l-allinjament mal-istandards u l-għanijiet ta' politika tal-UE dwar il-protezzjoni tal-klima u l-ambjent, f'konformità mal-impenji fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi u l-objettiv strateġiku li tintlaħaq in-newtralità karbonika sal-2050 bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jitlob lill-Kosovo taħdem fuq l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent, li tirrifletti l-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

89.

Jilqa' l-eżitu tas-summit tal-Balkani tal-Punent li sar f'Sofija fl-10 ta' Novembru 2020 fil-qafas tal-proċess ta' Berlin, u jkompli jappoġġja kwalunkwe inizjattiva komuni biex jittejbu l-integrazzjoni u r-relazzjonijiet ta' viċinat tajbin fir-reġjun; jilqa' l-approvazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar l-Aġenda Ekoloġika li tallinja mal-Patt Ekoloġiku tal-UE, u r-rieda espressa mill-mexxejja li jieħdu miżuri u jallinjaw mal-politiki rilevanti tal-UE li jistabbilixxu l-għan li tinkiseb newtralità klimatika sal-2050;

90.

Huwa mħasseb ħafna li l-maġġoranza ferm kbira tal-enerġija fil-Kosovo ġejja mill-enerġija bil-faħam, kif ukoll dwar il-pjanijiet li jinbena impjant ġdid ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam; iħeġġeġ lill-Kosovo jżid is-sostenibbiltà tas-settur tal-enerġija tiegħu billi jiddiversifika s-sorsi tal-enerġija tiegħu, ineħħi mingħajr dewmien kull sussidju għall-faħam mhux konformi, jiddeċentralizza l-produzzjoni tal-enerġija u jimxi lejn sorsi rinnovabbli;

91.

Jinnota li l-qafas legali tal-pajjiż jeħtieġ li jkun allinjat mad-Direttivi tal-UE dwar l-impjanti kbar tal-kombustjoni u l-emissjonijiet industrijali; jistieden lill-Kosovo jwettaq valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali skont standards internazzjonali, u jadotta l-miżuri meħtieġa biex jippreserva u jipproteġi żoni ambjentalment sensittivi;

92.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jonoraw l-impenn tagħhom li jagħlqu u jiddekummissjonaw l-impjant tal-enerġija Kosovo A; jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li tassisti lill-Gvern tal-Kosovo f'dan il-proċess kemm finanzjarjament kif ukoll teknikament;

93.

Ifakkar li l-prijoritizzazzjoni u t-titjib tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, inkluża l-konverżjoni tat-tisħin distrettwali eżistenti bbażat fuq il-faħam u l-prodotti tal-petroleum f'koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u sistema bbażata fuq sorsi rinnovabbli huma fattur ewlieni biex jintlaħqu l-miri tal-klima; jenfasizza l-importanza li jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku;

94.

Jesprimi tħassib serju dwar ir-rata għolja kontinwa ta' mwiet prematuri minħabba l-arja mniġġsa li tirriżulta minn emissjonijiet li jaqbżu l-limiti massimi stabbiliti legalment għal impjanti kbar tal-kombustjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jindirizzaw it-tniġġis tal-arja immedjatament u jiżviluppaw pjan kredibbli biex jeliminaw gradwalment il-faħam b'mod kosteffikaċi; jirrikonoxxi r-reviżjoni reċenti tal-Istrateġija tas-Settur tal-Enerġija biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, u jistieden lill-Kosovo jimplimenta l-Pjan Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet tiegħu;

95.

Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Kosovo biex jagħtu aktar prijorità lill-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali u l-istandards tal-bijodiversità f'konformità mal-acquis tal-UE, kif ukoll biex jippromwovu s-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni ambjentali fost iċ-ċittadini tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-Kosovo jadotta l-Liġi dwar it-Tibdil fil-Klima mill-aktar fis possibbli, u jitlob l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima mingħajr aktar dewmien;

96.

Jistieden lill-Kosovo jkomplu jżidu l-kopertura tal-ġbir tal-iskart, b'mod partikolari bit-titjib tas-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, jintroduċi miżuri tal-ekonomija ċirkolari biex jitnaqqas l-iskart u jindirizza l-kwistjoni tal-miżbliet illegali, u biex b'mod urġenti jsib il-mezzi għar-rimi tal-iskart perikoluż;

97.

Huwa mħasseb dwar l-ammont baxx ta' riżorsi tal-ilma disponibbli; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jirrispettaw iż-żoni naturali u protetti speċjali meta jippjanaw impjanti idroelettriċi, u ma jipperikolawx is-sostenibbiltà tal-provvista tal-ilma;

98.

Jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, inkluża l-implimentazzjoni tal-acquis dwar l-għajnuna mill-Istat u l-ftuħ sħiħ tas-suq nazzjonali tal-elettriku, u l-bidla lejn l-integrazzjoni tas-suq reġjonali; iħeġġeġ il-ħidma fuq il-konnettività reġjonali u t-tlestija tas-Suq Reġjonali tal-Enerġija;

99.

Jistieden lill-Kosovo jimplimenta politiki tat-trasport pubbliku u ta' mobbiltà kredibbli u sostenibbli biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet infrastrutturali li ilhom jeżistu, inklużi rotot ta' trasport pubbliku regolari lejn it-Tramuntana ta' Mitrovica u l-bliet ewlenin kollha madwar il-pajjiż;

100.

Jilqa' l-adozzjoni tal-Programm ta' Azzjoni Annwali tal-IPA tal-2020 għall-Kosovo b'valur totali ta' EUR 90 miljun, u jinsisti li l-fondi tal-IPA jintużaw inter alia biex jippromwovu l-aġenda ekoloġika billi jsaħħu l-protezzjoni ambjentali, jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni, iżidu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, u jaċċelleraw il-bidla lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju; jappella għal aktar trasparenza u skrutinju parlamentari aktar mill-qrib tal-fondi allokati lill-Kosovo, u jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja aħjar l-użu tal-fondi tal-UE u tirrapporta kwalunkwe użu ħażin;

101.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra l-fondi tal-IPA III fuq it-tranżizzjoni demokratika li għaddejja fil-Kosovo, kif ukoll fuq il-proġetti infrastrutturali, speċjalment fid-dawl tal-problemi persistenti bil-klima tal-investimenti, il-kapaċità ta' assorbiment u l-istandards ambjentali fil-Kosovo;

102.

Jitlob li l-IPA III futur ikun fih kemm inċentivi kif ukoll kundizzjonalità; iqis li huwa essenzjali li l-IPA III jappoġġja t-tisħiħ ulterjuri tal-valuri fundamentali u l-governanza tajba, u li jitwaqqaf f'każijiet ta' theddid sistemiku għall-interessi u l-valuri tal-Unjoni; jemmen li l-prinċipju tar-riversibbiltà tal-proċess ta' adeżjoni skont il-metodoloġija mġedda għandu wkoll ikun rifless b'mod ċar fil-finanzjament ta' qabel l-adeżjoni; itenni li l-entità tal-għajnuna finanzjarja għandha taqbel mal-għan tal-perspettiva Ewropea tal-Kosovo;

o

o o

103.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Estera u ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kosovo.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2019)0319.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2020)0168.