|
24.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 474/41 |
P9_TA(2021)0074
Implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2021 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini (ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini) (2020/2028(INI))
(2021/C 474/03)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini (1) (ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini – CPR) |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (ir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni), |
|
— |
wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2019 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini (SWD(2019)1770), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni tar-rilevanza tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 31(4) li jirċievu finanzjament mill-Unjoni skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (COM(2019)0800), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (4), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' merkanzija kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-futur tal-istandardizzazzjoni Ewropea (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 dwar enerġija nadifa għall-Ewropej kollha (COM(2016)0860), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva (COM(2020)0098), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll il-punt (e) tal-Artikolu 1(1) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0012/2021), |
|
A. |
billi l-industrija tal-bini tipprovdi direttament 18-il miljun impjieg fl-Ewropa u tiġġenera 9 % tal-PDG (8); |
|
B. |
billi l-għan tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini (CPR) huwa li jitneħħew l-ostakli tekniċi għall-kummerċ fil-prodotti għall-bini sabiex jissaħħaħ il-moviment liberu tagħhom fis-suq intern filwaqt li jiġi żgurat li dawk il-prodotti jkunu tajbin għall-użu maħsub tagħhom u jissodisfaw il-prestazzjoni ddikjarata tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-aspetti tas-saħħa, tas-sikurezza u ambjentali relatati mal-użu tagħhom, irrispettivament minn fejn jiġu manifatturati; |
|
C. |
billi s-sistema Ewropea ta' regolamentazzjoni teknika u standardizzazzjoni wriet li hija mutur għall-kompetittività u l-innovazzjoni, filwaqt li tikkontribwixxi għas-sikurezza tal-konsumatur u tnaqqas ir-rati ta' inċidenti, u b'hekk tagħmel l-istandards tal-UE punt ta' riferiment globali; |
|
D. |
billi l-adozzjoni kajmana u n-nuqqas ta' referenza tal-istandards armonizzati huma problematiċi, peress li l-proċess ta' adozzjoni mhuwiex qed iżomm il-pass mal-iżviluppi fis-settur, u b'hekk joħloq inċertezza għan-negozji; billi n-nuqqas ta' standards armonizzati u n-natura inkompleta tal-istandards eżistenti kkontribwew għal rekwiżiti nazzjonali addizzjonali għall-prodotti għall-bini li joħolqu ostakli għall-moviment liberu tagħhom fis-suq uniku; billi dawn ir-rekwiżiti jistgħu jkunu ta' detriment għall-konsumaturi u għall-Istati Membri biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tas-sikurezza strutturali, is-saħħa, il-protezzjoni tal-ambjent, kwistjonijiet oħra relatati mal-bini u l-protezzjoni tal-konsumatur; |
|
E. |
billi r-regoli dwar ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jitfasslu u jitwettqu b'mod li jiggarantixxi s-sikurezza tal-ħaddiema u tal-konsumaturi u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, u dan jista' jkollu wkoll impatt fuq ir-rekwiżiti għall-prodotti għall-bini; |
|
F. |
billi l-ispejjeż ta' konformità mas-CPR jirrappreżentaw minn 0,6 % sa 1,1 % tal-fatturat tas-settur tal-bini, imġarrba prinċipalment mill-manifatturi, u dan jista' jkun ta' piż kbir għall-SMEs; |
1.
Jilqa' l-evalwazzjoni u r-rieżami attwali tas-CPR tal-Kummissjoni, li jfittxu li jindirizzaw ulterjorment l-ostakli fis-suq intern għall-prodotti għall-bini u jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari filwaqt li jqisu l-iżviluppi teknoloġiċi u l-innovazzjoni;
2.
Jindika n-natura speċifika tas-CPR, li hija differenti mill-prinċipji ġenerali tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid (NLF), prinċipalment minħabba li ma tarmonizzax rekwiżiti speċifiċi jew livelli minimi ta' sikurezza għall-prodotti għall-bini, iżda minflok tiddefinixxi biss lingwaġġ tekniku komuni, li huwa l-istess għall-prodotti kollha għall-bini li jaqgħu taħt is-CPR għall-kejl tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini fuq il-karatteristiċi essenzjali tagħhom, stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati;
3.
Jenfasizza li s-CPR attwali jiżgura ċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti għall-bini fl-Unjoni, filwaqt li l-Istati Membri jżommu l-kontroll tar-regoli dwar xogħlijiet ta' kostruzzjoni; jinnota, f'dan ir-rigward, li r-regoli tal-Istati Membri jirrikjedu li x-xogħlijiet ta' kostruzzjoni jitfasslu u jiġu eżegwiti sabiex ma jkunx hemm periklu għas-sikurezza ta' persuni, annimali domestiċi u proprjetà u sabiex ma ssirx ħsara lill-ambjent; jirrimarka li r-regolamenti dwar il-bini stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri huma ġeneralment influwenzati mill-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini li huma integrati fix-xogħlijiet;
Lingwaġġ tekniku komuni, inklużi standards
|
4. |
Jinnota li l-lingwaġġ tekniku komuni introdott mis-CPR huwa definit minn standards Ewropej armonizzati, u mid-Dokumenti Ewropej ta' Valutazzjoni (EADs) għal prodotti li mhumiex – jew mhumiex kompletament – koperti minn standards armonizzati; jirrikonoxxi li l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) huma l-organizzazzjonijiet kompetenti għall-abbozzar ta' standards armonizzati, filwaqt li l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Valutazzjoni Teknika (EOTA) u l-Korpi tal-Valutazzjoni Teknika (TAB) huma responsabbli mit-tħejjija tal-EADs; |
|
5. |
Jirrimarka li għall-kuntrarju ta' leġiżlazzjoni oħra tal-NLF, l-użu ta' standards armonizzati skont is-CPR huwa obbligatorju, u dan jirrikjedi sistema effettiva għall-adozzjoni tagħhom sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-industrija u jiġu riflessi l-aktar prattiki effettivi tagħha, titwitta t-triq għall-innovazzjoni, jinżamm il-pass mal-iżviluppi teknoloġiċi, jiġu żgurati ċ-ċarezza tad-dritt u kundizzjonijiet ekwi għall-SMEs, u jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet regolatorji tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, għal dak il-għan, biex tiżgura l-involviment attiv tal-industrija u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti sabiex jiġi żgurat li l-istandards il-ġodda jkunu rilevanti kemm jista' jkun; jinnota l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-Istati Membri fil-proċess ta' standardizzazzjoni; |
|
6. |
Huwa mħasseb dwar il-fatt li mill-444 standard armonizzat eżistenti għall-prodotti għall-bini, 12-il standard ġdid biss inħarġu wara l-adozzjoni tas-CPR; jemmen li ż-żmien meħtieġ għall-iżvilupp u r-referenza tal-istandards, ix-xogħol b'lura għar-reviżjoni u l-aġġornament tal-istandards eżistenti (l-acquis tas-CPR), in-nuqqas ta' ċarezza tad-dritt fil-qafas leġiżlattiv attwali u n-nuqqas ta' djalogu produttiv bejn is-sħab kollha attwalment involuti fil-proċess huma fost l-aktar problemi sinifikanti assoċjati mal-implimentazzjoni tas-CPR; |
|
7. |
Jirrimarka l-fatt li għadd sinifikanti ta' standards ma jkoprux bis-sħiħ ir-rekwiżiti bażiċi kollha meħtieġa għall-użu tal-prodotti għall-bini f'xogħlijiet ta' kostruzzjoni; jinsab imħasseb li din in-natura inkompleta tal-armonizzazzjoni wasslet parzjalment għal rekwiżiti nazzjonali addizzjonali u marki nazzjonali obbligatorji għall-prodotti għall-bini, li jservu biex joħolqu ostakli mhux ġustifikati, jifframmentaw u jdgħajfu s-suq intern u joħolqu inċertezzi legali għan-negozji, il-bennejja, il-kuntratturi, il-pjanifikaturi u l-periti, u dan iwassal għal riskji potenzjali għas-sikurezza tax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni; |
|
8. |
Jistieden b'urġenza lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni rapida u vijabbli biex ittejjeb il-proċessi ta' standardizzazzjoni u tneħħi l-akkumulazzjoni ta' standards mhux ikkwotati; jappoġġja, f'dan ir-rigward, taħlita ta' miżuri fuq perjodu qasir biex jiġu indirizzati x-xogħol b'lura u n-nuqqasijiet regolatorji flimkien ma' miżuri fit-tul biex jittejjeb il-proċess tad-definizzjoni tal-lingwaġġ tekniku komuni permezz ta' standards armonizzati komprensivi; |
|
9. |
Jirrimarka l-fatt li l-problemi fl-iżvilupp tal-istandards armonizzati jeħtieġ li jiġu indirizzati fl-istadji kollha tal-proċess ta' tħejjija; jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta mill-qrib lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha f'din il-fażi preparatorja, f'konformità mar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni, u jenfasizza l-importanza ta' rappreżentanza bbilanċjata u tat-trasparenza u l-ftuħ tal-partijiet kollha involuti sabiex jinstabu soluzzjonijiet fattibbli; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li t-talbiet ta' standardizzazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni jkunu ta' kwalità għolja u l-ħtieġa li tingħata gwida ċara u prammatika; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida komprensivi u orizzontali għall-korpi ta' standardizzazzjoni, li jiddeskrivu l-istruttura u r-rekwiżiti ta' standard mitlub; jissuġġerixxi li jiġu stabbiliti perjodi ta' żmien definiti b'mod ċar sabiex il-Kummissjoni tivvaluta l-istandards imħejjija u skadenzi ċari għall-partijiet kollha biex tiġi żgurata reviżjoni ulterjuri jekk jinstab li talba ta' standardizzazzjoni jew ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni ma jkunux ġew irrispettati; iqis li huwa importanti li jiġi definit il-kamp ta' applikazzjoni tal-istandards b'mod aktar preċiż sabiex il-manifatturi jkun jista' jkollhom gwida ċara meta jiddikjaraw li l-prodotti tagħhom jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni; |
|
10. |
Jemmen li minħabba n-natura obbligatorja tal-istandards fil-kuntest tas-CPR u l-fatt li huma kkunsidrati parti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-testi tal-istandards armonizzati maħruġa għandhom ikunu disponibbli bil-lingwi kollha tal-Unjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess għal traduzzjoni ta' kwalità għolja mingħajr spejjeż addizzjonali u li jittejjeb l-involviment tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni fil-proċess tat-traduzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja u tissimplifika l-arranġamenti finanzjarji għat-traduzzjoni tal-istandards armonizzati; |
|
11. |
Huwa mħasseb dwar il-fatt li filwaqt li l-alternattiva għal prodotti mhux koperti jew mhux koperti kompletament minn standards armonizzati ġiet inkluża fis-CPR biex prodotti innovattivi jkunu jistgħu jidħlu fis-suq, il-maġġoranza l-kbira tal-EADs ma jikkonċernawx prodotti innovattivi; |
|
12. |
Jemmen, konsegwentement, li l-prestazzjoni insuffiċjenti attwali tas-sistema ta' standardizzazzjoni hija fattur wieħed li qed iwassal għal użu dejjem akbar tar-rotta tal-EOTA bħala mezz alternattiv ta' standardizzazzjoni; |
|
13. |
Jindika t-tul u l-ispiża għolja tal-alternattiva tal-EOTA, li mhijiex favorevoli għall-SMEs u fil-biċċa l-kbira hija affordabbli biss għall-atturi l-kbar tas-suq; jenfasizza li minkejja l-ħtieġa ta' titjib ġenerali fil-proċess ta' standardizzazzjoni, il-proċedura attwali għall-iżvilupp tal-EADs tista' tkun utli bħala rotta supplimentari biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' prodotti innovattivi u l-parteċipazzjoni tal-SMEs, iżda għandha wkoll tindirizza l-għan tal-manifatturi li jqiegħdu prodotti innovattivi fis-suq malajr kemm jista' jkun filwaqt li jiġu rrispettati r-rekwiżiti tal-prodotti tal-Unjoni, u m'għandhiex titqies bħala alternattiva permanenti għas-sistema ta' standardizzazzjoni; |
|
14. |
Jissottolinja li lingwaġġ tekniku komuni jista' jgħin biex tiġi promossa ekonomija ċirkolari peress li jippermetti li l-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini tiġi ddikjarata b'mod komuni; iqis li għandha tingħata attenzjoni akbar lill-istandards li jistgħu jgħinu fil-promozzjoni ta' ekonomija ċirkolari fl-Ewropa; |
Il-marka CE u d-Dikjarazzjoni tal-Prestazzjoni (DoP)
|
15. |
Jinnota li l-marka CE hija mezz li jippermetti li prodotti għall-bini mqiegħda fis-suq legalment fi Stat Membru wieħed jiġu kkummerċjalizzati fit-territorju ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor; jesprimi tħassib, madankollu, dwar il-fatt li peress li l-marka CE skont is-CPR hija differenti minn leġiżlazzjoni oħra tal-NLF, billi tirreferi biss għall-prestazzjoni tal-prodott u mhux għall-konformità ma' rekwiżiti speċifiċi tal-prodott, differenza bħal din fl-approċċ minn leġiżlazzjoni oħra tal-NLF tista' toħloq konfużjoni fir-rigward tal-marka CE u tnaqqas il-valur tagħha; jindika, f'dan ir-rigward, it-trikkib fl-informazzjoni meħtieġa mill-marka CE u d-Dikjarazzjoni tal-Prestazzjoni (DoP); jemmen li din id-duplikazzjoni toħloq piżijiet amministrattivi u spejjeż addizzjonali żejda għan-negozji u għandha tiġi indirizzata, inkluż permezz ta' użu msaħħaħ ta' soluzzjonijiet diġitali; |
|
16. |
Jiddispjaċih li l-marka CE skont is-CPR hija mifhuma ħażin bħala marka ta' kwalità u ma tiddeterminax jekk prodott għall-bini huwiex sikur jew jistax jintuża f'xogħlijiet ta' kostruzzjoni; jemmen li huma meħtieġa aktar soluzzjonijiet biex l-utenti finali jingħataw informazzjoni preċiża u ċara dwar in-natura tal-marka CE, fir-rigward tas-sikurezza tal-prodotti għall-bini u l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti nazzjonali tas-sikurezza tal-bini u x-xogħlijiet ta' kostruzzjoni; |
|
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra u tivvaluta bir-reqqa l-possibbiltà li gradwalment ittejjeb is-CPR billi tinkludi fih obbligi ta' informazzjoni addizzjonali u rekwiżiti tal-prestazzjoni tal-prodott fir-rigward tas-saħħa, is-sikurezza u l-aspetti ambjentali wara valutazzjoni tal-impatt u l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet regolatorji tal-Unjoni u tal-Istati Membri għal kull kategorija ta' prodotti; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tevalwa liema approċċ ikun effikaċi għas-CPR; |
|
18. |
Jinnota n-nuqqas ta' diġitalizzazzjoni fis-settur tal-bini u jenfasizza l-importanza li jiġu sfruttati bis-sħiħ it-teknoloġiji diġitali, li jistgħu jippermettu li tiġi pprovduta informazzjoni ċara, trasparenti u affidabbli lill-operaturi ekonomiċi u lill-utenti finali, jindirizzaw it-trikkib fir-rekwiżiti tal-informazzjoni u jippermettu lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iwettqu l-attivitajiet tagħhom b'mod aktar effettiv; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-benefiċċji tal-użu ta' tali teknoloġiji u tiżviluppa soluzzjonijiet lejn l-integrazzjoni intelliġenti ta' data eżistenti li tista' tintuża f'sistemi ta' informazzjoni differenti; |
|
19. |
Jemmen li soluzzjonijiet diġitali jistgħu jtejbu t-trasparenza tas-suq tal-prodotti għall-bini u jiżguraw il-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta fid-DoP, kif ukoll jiffaċilitaw il-komparabbiltà tal-prodotti għall-bini abbażi tal-prestazzjoni ddikjarata tagħhom, inklużi l-prestazzjoni tas-sikurezza u dik ambjentali, biex b'hekk l-operaturi ekonomiċi u l-utenti finali jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-informazzjoni pprovduta mill-manifatturi billi jivvalutaw u jqabblu malajr ir-rekwiżiti għal xogħlijiet ta' kostruzzjoni mal-informazzjoni pprovduta fid-DoP; |
|
20. |
Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost l-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi, fir-rigward tal-marka CE u tad-DoP, inkluż permezz tal-gateway diġitali unika; jemmen li approċċ bħal dan iżid il-fiduċja fl-armonizzazzjoni tal-Unjoni u l-kwalità tal-istandards armonizzati u jgħin biex titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq uniku; jenfasizza li l-Punti ta' Kuntatt għall-Prodotti għall-Bini (PCPC) nazzjonali għandhom ir-rwol importanti li jinfurmaw lill-operaturi ekonomiċi dwar l-applikazzjoni tas-CPR u jipprovdu informazzjoni affidabbli dwar id-dispożizzjonijiet fit-territorju ta' Stat Membru dwar ir-rekwiżiti għax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni applikabbli għall-użu maħsub ta' kull prodott għall-bini; jissuġġerixxi li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-eżistenza ta' dawn il-punti ta' kuntatt, peress li 57 % biss tal-partijiet ikkonċernati kienu konxji minnhom fl-2018; |
Sorveljanza tas-suq
|
21. |
Huwa mħasseb dwar il-fatt li s-sorveljanza tas-suq għall-prodotti għall-bini hija meqjusa bħala insuffiċjenti u ineffettiva mill-industrija; jenfasizza li sitwazzjoni bħal din iddgħajjef il-kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni, għall-benefiċċju ta' kummerċjanti diżonesti, li ma jagħmlux dan; jirrimarka li sorveljanza tas-suq dgħajfa u inkonsistenti tista' twassal għal żieda ta' prodotti li ma jissodisfawx il-prestazzjoni ddikjarata tagħhom, u b'hekk ipoġġu lill-utenti finali f'riskju; |
|
22. |
Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ ir-Regolament (UE) 2019/1020, li għandu l-għan li jsaħħaħ is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, inkluż is-CPR, u jistabbilixxi l-qafas għall-kooperazzjoni mal-operaturi ekonomiċi; jenfasizza l-ħtieġa ta' infurzar konsistenti, armonizzat u uniformi ta' regoli ġodda mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq u ta' kooperazzjoni transfruntiera msaħħa f'dan ir-rigward sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi fis-settur tal-bini u kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Unjoni; |
|
23. |
Ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri, skont ir-Regolament (UE) 2019/1020, li jiddedikaw ir-riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi meħtieġa lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, inkluż li jiżguraw li jkollhom biżżejjed għarfien espert u kompetenzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, inkluż fil-livell transfruntier, u jtejbu l-kwantità, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kontrolli sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw prodotti għall-bini li ma jkunux konformi mal-prestazzjoni ddikjarata tagħhom u jipprevjenu ċ-ċirkolazzjoni tagħhom fis-suq intern; |
|
24. |
Jistieden lill-Kummissjoni tadotta malajr l-atti ta' implimentazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/1020 sabiex tkompli tallinja l-prestazzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq billi tiddetermina l-kondizzjonijiet uniformi tal-kontrolli, il-kriterji għad-determinazzjoni tal-frekwenza tal-kontrolli u l-ammont ta' kampjuni li għandhom jiġu vverifikati fir-rigward ta' ċerti prodotti jew kategoriji ta' prodotti, u billi tistabbilixxi parametri referenzjarji u tekniki għall-kontrolli fuq prodotti armonizzati, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-ispeċifiċitajiet tas-setturi involuti, inklużi l-prodotti għall-bini, u tal-impatt fuq CPR rivedut; jinnota r-rwol importanti tan-Network tal-Unjoni għall-Konformità tal-Prodotti u tal-gruppi ta' kooperazzjoni amministrattiva (AdCos) fl-iżgurar ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni strutturati bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri u l-Kummissjoni u fis-simplifikazzjoni tal-prattiki tas-sorveljanza tas-suq biex isiru aktar effettivi; |
|
25. |
Iqis li huwa kruċjali li l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq responsabbli mill-prodotti għall-bini jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kontroll tal-bini biex jiżguraw approċċ differenzjat fil-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti għall-bini użati f'xogħlijiet ta' kostruzzjoni mal-prestazzjoni ddikjarata jew l-użu maħsub, kif ukoll jiżguraw il-konformità tagħhom mar-regolamenti tal-bini, u b'hekk jiggarantixxu l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza u tal-ħaddiema li jużaw il-prodotti għall-bini u tal-utenti tax-xogħlijiet ta' kostruzzjonial-bini; |
|
26. |
Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jerfgħu r-responsabbiltà meta jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar xogħlijiet ta' kostruzzjoni, inklużi rekwiżiti relatati mas-sikurezza tal-bini matul il-bini, il-manutenzjoni u t-twaqqigħ ta' xogħlijiet ta' kostruzzjoni, billi jqisu aspetti oħra importanti għall-interess pubbliku, bħas-saħħa, is-sikurezza u s-sigurtà tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-ambjent; |
|
27. |
Jirrimarka ż-żieda fil-bejgħ online fis-settur tal-bini; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sorveljanza effettiva tas-suq tal-prodotti għall-bini mibjugħa online, speċjalment dawk mixtrija minn operaturi ekonomiċi mhux tal-UE, peress li dawn jistgħu ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u għalhekk jistgħu jinfluwenzaw il-kwalità u s-sikurezza tax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni, sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-prodotti għall-bini li jiċċirkolaw fis-suq uniku mal-prestazzjoni ddikjarata jew l-użu maħsub tagħhom, irrispettivament mill-oriġini tagħhom; jenfasizza r-rwol li s-swieq online jista' jkollhom f'dan ir-rigward; |
|
28. |
Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat livell uniformi ta' prestazzjoni tal-korpi notifikati li jwettqu valutazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini, sabiex il-funzjonijiet tagħhom jitwettqu fl-istess livell u taħt l-istess kundizzjonijiet; jinnota, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-faċilitajiet ta' ttestjar tal-Unjoni introdotti mir-Regolament (UE) 2019/1020 biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-kapaċità tal-laboratorji, kif ukoll biex jiżguraw l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-ittestjar, għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri kollha; |
|
29. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-għoti u l-iskambju ta' informazzjoni dwar sustanzi potenzjalment perikolużi fil-prodotti għall-bini u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-bażijiet tad-data tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont il-leġiżlazzjoni attwali; |
|
30. |
Jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja u tindirizza b'mod effettiv l-ostakli mhux ġustifikati fis-suq intern, li jirriżultaw minn miżuri regolatorji nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa ta' djalogu u kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati l-prattiki li jimpedixxu l-moviment liberu tal-prodotti għall-bini fis-suq intern, bħall-użu kontinwu ta' marki nazzjonali u ċertifikazzjonijiet addizzjonali għall-prodotti għall-bini; |
Is-sostenibbiltà tal-prodotti għall-bini
|
31. |
Jenfasizza l-ħtieġa ġenerali ta' tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u aktar ċirkolari fil-provenjenza, il-manifattura, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' prodotti għall-bini u fl-użu tagħhom f'xogħlijiet ta' kostruzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb is-sostenibbiltà tal-prodotti għall-bini u d-disponibbiltà ta' prodotti u materjali sekondarji u rinnovabbli fis-suq; |
|
32. |
Jilqa', f'dan ir-rigward, l-objettiv tal-Kummissjoni li tagħmel is-settur tal-bini aktar sostenibbli billi tindirizza l-prestazzjoni tas-sostenibbiltà tal-prodotti għall-bini fir-reviżjoni tas-CPR, kif imħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari; jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li tallinja u tagħmel aktar konsistenti l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti għall-bini mal-politiki ambjentali orizzontali; |
|
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi l-inkorporazzjoni ta' ċerti rekwiżiti dwar il-prestazzjoni ambjentali u l-kriterji ta' sostenibbiltà tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti fl-istandards armonizzati għal kategoriji speċifiċi ta' prodotti skont is-CPR, filwaqt li tqis l-iżviluppi tas-suq u dawk teknoloġiċi u r-rekwiżiti regolatorji nazzjonali għas-settur tal-bini jew il-politiki tal-bini, sabiex il-manifatturi jingħataw qafas uniku għall-valutazzjoni u l-ittestjar ta' prodotti fejn ikun hemm rekwiżiti ta' konformità komuni rilevanti; jenfasizza l-fatt li r-rekwiżiti bażiċi attwali għax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni stabbiliti fis-CPR diġà jistgħu jikkostitwixxu l-bażi għat-tħejjija ta' mandati ta' standardizzazzjoni u speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati fir-rigward tal-prestazzjoni ambjentali u s-sostenibbiltà tal-prodotti għall-bini; jenfasizza l-importanza ta' valutazzjoni xierqa tal-kategoriji ta' prodotti li għalihom tali rekwiżiti jkunu rilevanti u l-ħtieġa li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jkunu involuti fil-proċess ta' valutazzjoni; jenfasizza li tali inkorporazzjoni m'għandhiex twassal għal żieda fil-prezzijiet tal-prodotti għall-bini; |
|
34. |
Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif is-CPR jista' jappoġġja ċ-ċirkolarità tal-prodotti għall-bini, inklużi prodotti riutilizzati jew immanifatturati mill-ġdid jew dawk immanifatturati minn materjali riċiklati; jenfasizza li dan se jirrikjedi data affidabbli dwar l-użu preċedenti tal-prodotti għall-bini, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż potenzjali involuti; jilqa', f'dan ir-rigward, l-għan tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Spazju tad-Data Ewropew għall-Applikazzjonijiet Ċirkolari Intelliġenti b'data li tirrigwarda l-informazzjoni dwar il-prodott (9); |
Rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar ir-rieżami tas-CPR
|
35. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-proċess ta' konsultazzjoni u evalwazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' valutazzjoni tal-impatt estensiva tal-għażliet regolatorji possibbli; jenfasizza l-ħtieġa ta' kondizzjonijiet ekwi u piż amministrattiv eħfef fil-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti għall-bini għan-negozji kollha, speċjalment l-SMEs, filwaqt li jitqiesu mudelli ta' negozju ġodda kif ukoll il-ħtieġa ta' kompetizzjoni ġusta fil-livell globali; jappella, f'dan ir-rigward, għal aktar kjarifika u tisħiħ tal-proċeduri ssimplifikati għall-mikrointrapriżi; |
|
36. |
Jenfasizza l-importanza li jiġu evitati duplikazzjonijiet u li tiġi żgurata l-konsistenza tas-CPR rivedut mal-leġiżlazzjoni eżistenti u ma' inizjattivi leġiżlattivi futuri; Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiċċara r-relazzjoni tas-CPR mal-leġiżlazzjoni tas-suq intern relatata, bħad-Direttiva dwar l-Ekodisinn (10), ir-Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija (11), id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (12) u d-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (13) sabiex jiġi evitat kwalunkwe trikkib li jista' jkun hemm u, fejn meħtieġ, tissimplifika d-dispożizzjonijiet rilevanti sabiex tiżgura ċ-ċarezza tad-dritt għan-negozji; |
|
37. |
Jenfasizza li kwalunkwe reviżjoni tas-CPR għandha tkun konformi mal-prinċipji u l-objettivi tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni fir-rigward tat-tħejjija ta' standards armonizzati sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-kwalità tagħhom; jenfasizza li kwalunkwe reviżjoni għandha tiżgura l-involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati kollha u tindirizza l-ħtiġijiet regolatorji tal-Istati Membri; |
|
38. |
Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċarezza tad-dritt għal perjodu tranżitorju fir-rigward ta' kwalunkwe reviżjoni tas-CPR u r-rieżami tal-acquis tas-CPR, sabiex jiġi evitat vojt ġuridiku u tiġi żgurata t-tranżizzjoni bla xkiel minn dispożizzjonijiet eżistenti għal dawk ġodda; |
|
39. |
Jinsab imħasseb li kwalunkwe reviżjoni tas-CPR u, b'mod partikolari, ir-rieżami tal-acquis tas-CPR se jieħdu żmien sinifikanti, filwaqt li l-manifatturi, il-bennejja, il-kuntratturi, il-pjanifikaturi, il-periti u utenti finali oħrajn jeħtieġu soluzzjonijiet immedjati biex jegħlbu l-inċertezza legali li tirriżulta, fost kwistjonijiet oħra, min-nuqqas ta' standards armonizzati aġġornati u lakuni regolatorji; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-kwistjonijiet bħala parti mir-rieżami mistenni tagħha tas-CPR, inkluż li taħseb f'soluzzjoni biex issib tarf tal-isfidi legali u tekniċi urġenti; |
|
40. |
Jitlob reviżjoni ambizzjuża tas-CPR bl-għan li jinħoloq qafas regolatorju solidu b'regoli effettivi, faċilment infurzabbli u armonizzati; |
o
o o
|
41. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. |
(2) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.
(3) ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1.
(4) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.
(5) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.
(7) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 56.
(8) Il-Kummissjoni Ewropea, “The European construction sector – A global partner” (Is-settur tal-bini Ewropew – Sieħeb globali), 2016.
(9) Kif iddikjarat fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari.
(10) ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.
(11) ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1.