|
24.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 474/2 |
P9_TA(2021)0071
Lejn mekkaniżmu tal-UE ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera kompatibbli mad-WTO
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2021 lejn mekkaniżmu tal-UE ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera kompatibbli mad-WTO (2020/2043(INI))
(2021/C 474/01)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport tal-2019 tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titolu “Global Warming of 1.5 oC” (It-Tisħin Globali ta' 1,5 oC), u r-rapport speċjali tal-IPCC dwar l-oċean u l-krijosfera, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2020 dwar it-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 (COM(2020)0562) u l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjaha (SWD(2020)0176), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019 u tas-17-21 ta' Lulju 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta' Lulju 2020 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-rapport speċjali tagħha Nru 18/2020, tal-15 ta' Settembru 2020 intitolat “Is-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet: l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti kienet teħtieġ immirar aħjar”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (3), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar il-mira tal-klima għall-2030, jiġifieri tnaqqis ta' 60 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra meta mqabbla mal-livelli tal-1990 (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Industrija, l-Enerġija u r-Riċerka, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0019/2021), |
|
A. |
billi l-impatti avversi tat-tibdil fil-klima jirrappreżentaw theddida diretta għall-għajxien tal-bniedem u l-ekosistemi terrestri u tal-baħar, kif ikkonfermat mir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali ta' 1,5 oC, u dwar l-oċean u l-krijosfera; billi dawn l-impatti huma ddistribwiti b'mod mhux uniformi, u l-effetti l-aktar negattivi tagħhom jinħassu mill-pajjiżi u l-persuni ifqar; |
|
B. |
billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), mill-2030, it-tibdil fil-klima huwa mistenni li jikkontribwixxi biex imutu madwar 250 000 ruħ fis-sena, minħabba malnutrizzjoni, malarja, dijarea u stress mis-sħana; |
|
C. |
billi l-medja tat-temperatura globali diġà żdiedet b'aktar minn 1,1 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali (5); |
|
D. |
billi l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom skont il-Ftehim ta' Pariġi li jwettqu azzjoni klimatika abbażi tal-aħħar evidenza xjentifika disponibbli u issa għandhom l-objettiv li jiksbu n-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; |
|
E. |
billi matul dawn l-aħħar deċennji, l-UE rnexxielha tiddiżakkoppja b'suċċess l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-tkabbir ekonomiku, bi tnaqqis ta' 24 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra, filwaqt li l-PDG kiber b'aktar minn 60 % bejn l-1990 u l-2019; billi dan ma jqisx l-emissjonijiet tal-UE inkorporati fil-kummerċ internazzjonali tagħha u għalhekk jissottovaluta l-impronta tal-karbonju globali tagħha; |
|
F. |
billi fl-2015 il-proporzjon tal-emissjonijiet importati fl-UE meta mqabbla mal-emissjonijiet esportati mill-UE kien ta' madwar 3:1, b'1,317 biljun tunnellata ta' CO2 importati u 424 miljun tunnellata esportati (6); |
|
G. |
billi l-liġi eżistenti tal-UE wriet li hija effettiva biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi adottati s'issa; billi d-disinn attwali tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS), b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, ma pprovdiex inċentivi effettivi għad-dekarbonizzazzjoni meħtieġa ta' ċerti setturi, b'mod partikolari fl-industrija, u f'xi każijiet wassal għal profitti mhux mistennija u mhux ġustifikati għall-kumpaniji benefiċjarji, kif enfasizzat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (7); |
|
H. |
billi l-Kummissjoni għandha tkompli l-ħidma tagħha fuq l-iżvilupp ta' metodoloġiji biex taċċerta l-impronta tal-karbonju u l-impronta ambjentali ta' prodott, billi tuża approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ u tiżgura li l-kontabbiltà tal-emissjonijiet inkorporati fil-prodotti tirrifletti kemm jista' jkun ir-realtà, inklużi l-emissjonijiet mit-trasport internazzjonali; |
|
I. |
billi l-Kummissjoni għandha tistudja wkoll it-traċċabbiltà tal-prodotti u s-servizzi sabiex tidentifika b'mod aktar preċiż l-impatti kollha taċ-ċikli tal-ħajja tagħhom, bħall-estrazzjoni u l-użu ta' materjali, il-proċess ta' manifattura, l-użu tal-enerġija u l-mod ta' trasport użat, bil-għan li jiġu stabbiliti bażijiet tad-data; |
|
J. |
billi madwar 27 % tal-emissjonijiet globali tas-CO2 mill-kombustjoni tal-fjuwil bħalissa huma relatati ma' prodotti nnegozjati internazzjonalment (8); billi 90 % tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija jitwettaq bil-baħar, u dan iwassal għal emissjonijiet sinifikanti ta' gassijiet serra; billi kienu biss l-emissjonijiet ta' gassijiet serra min-navigazzjoni domestika fuq l-ilma li ġew inklużi fil-kontribut inizjali stabbilit fil-livell nazzjonali (NDC) tal-UE; billi dan huwa soġġett għal reviżjoni fid-dawl tal-mira msaħħa tal-UE għall-2030; |
|
K. |
billi l-kriżi tal-COVID-19 għallmitna lezzjonijiet importanti, u għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal strument ġdid għall-irkupru – Next Generation EU – tissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-awtonomija u r-reżiljenza Ewropej u l-ħtieġa ta' ċirkwiti qosra, b'mod partikolari ktajjen tal-provvista tal-ikel iqsar; |
|
L. |
billi huwa essenzjali li l-Kummissjoni jkollha viżjoni integrata tal-politiki dwar il-klima, pereżempju biex tindirizza miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, bħal dawk għat-trasport marittimu, b'koordinazzjoni mal-istrateġiji ta' pprezzar tal-karbonju; |
|
M. |
billi l-iżgurar ta' pprezzar tal-karbonju effettiv u sinifikanti, bħala parti minn ambjent regolatorju usa' jista' jservi ta' inċentiv ekonomiku biex jiġu żviluppati metodi ta' produzzjoni b'impronta tal-gassijiet serra aktar baxxa u jista' jagħti spinta lill-investimenti fl-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda, filwaqt li jipprovdi għad-dekarbonizzazzjoni u ċ-ċirkolarità tal-ekonomija tal-Unjoni; billi Mekkaniżmu effettiv ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera (CBAM) jista' jkollu rwol f'dak il-kuntest; |
|
N. |
billi l-kummerċ jista' jkun għodda importanti għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u biex jgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; billi s-suq uniku tal-UE huwa t-tieni l-akbar suq tal-konsumaturi fid-dinja, u jqiegħed lill-Unjoni f'pożizzjoni unika bħala entità li tistabbilixxi l-istandards globali; |
|
O. |
billi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija fattur fil-kompetittività u l-ġustizzja soċjali, u toffri potenzjal maġġuri f'termini ta' żvilupp industrijali, ħolqien tal-impjiegi, innovazzjoni u żvilupp reġjonali; |
|
P. |
billi l-Artikolu XX tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) jippermetti lill-membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jimplimentaw il-miżuri li huma meħtieġa għall-protezzjoni tal-ħajja jew is-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali jew tal-pjanti (b), jew tar-riżorsi naturali (g); |
|
Q. |
billi l-UE għandha taċċetta li pajjiż terz jista' jistabbilixxi CBAM jekk dak il-pajjiż jimplimenta prezz tal-karbonju ogħla; |
|
R. |
billi l-President tal-Istati Uniti Joe Biden ħa pożizzjoni favorevoli permezz tal-pjattaforma elettorali tiegħu biex “jimponi tariffi jew kwoti ta' aġġustament tal-karbonju fuq prodotti b'intensità qawwija ta' karbonju li qed jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi klimatiċi u ambjentali tagħhom”; billi dan joħloq opportunità ġdida għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-istabbiliment mill-ġdid ta' din is-sħubija ewlenija; |
|
S. |
billi ż-żieda fl-ambizzjoni tal-UE fir-rigward tat-tibdil fil-klima m'għandhiex twassal għar-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-industriji Ewropej; |
Rimarki ġenerali
|
1. |
Huwa mħasseb ħafna li attwalment l-ebda wieħed mill-NDCs ippreżentati, inklużi dawk tal-UE u l-Istati Membri tagħha, mhuwa konformi mal-objettiv li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm, kif previst mill-Ftehim ta' Pariġi, għal ferm inqas minn 2 oC, filwaqt li jsiru sforzi biex iż-żieda fit-temperatura globali tiġi limitata għal 1,5 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali; |
|
2. |
Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' kooperazzjoni minn xi wħud mis-sħab kummerċjali tal-UE fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima matul dawn l-aħħar ftit snin, li, kif ġie osservat reċentement fil-COP25, jimmina l-kapaċità globali kollettiva tagħna li nilħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jappoġġjaw sforz globali kollettiv u bbażat fuq ix-xjenza li jista' jwassal għall-kisba ta' dawn l-għanijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isostnu proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti, ġust u inklużiv fil-UNFCCC; |
|
3. |
Jisħaq li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ir-responsabbiltà u l-opportunità li jkomplu jassumu rwol ewlieni fl-azzjoni klimatika globali flimkien mal-emittenti globali ewlenin l-oħra; jirrimarka li l-UE tinsab quddiem nett fl-azzjoni klimatika globali, kif evidenzjat mill-adozzjoni tagħha tal-objettiv li tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 u l-pjan tagħha li żżid il-mira tagħha ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra sal-2030; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw id-diplomazija klimatika tagħhom qabel u wara l-adozzjoni tal-proposta leġiżlattiva għal CBAM, u jiżguraw b'mod partikolari djalogu kontinwu mas-sħab kummerċjali, biex jinċentivaw l-azzjoni klimatika globali; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' sforzi diplomatiċi paralleli biex jiġi żgurat li l-pajjiżi tal-viċinat tal-UE jkunu involuti minn kmieni; |
|
4. |
Jenfasizza r-rwol ċentrali taċ-ċittadini u l-konsumaturi fit-tranżizzjoni enerġetika, u l-importanza li tiġi stimulata u appoġġjata l-għażla tal-konsumatur sabiex jitnaqqsu l-effetti tat-tibdil fil-klima billi jiġu promossi attivitajiet sostenibbli u benefiċċji kollaterali li jwasslu għal kwalità ta' ħajja ogħla; |
|
5. |
Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-mira klimatika tal-UE għall-2030 għal “tnaqqis nett tal-emissjonijiet ta' mill-inqas 55 %” meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jenfasizza l-fatt, madankollu, li l-Parlament adotta mira ogħla ta' 60 %; |
|
6. |
Jinnota li, filwaqt li l-UE kienet naqqset l-emissjonijiet domestiċi tagħha ta' gassijiet serra, l-emissjonijiet ta' gassijiet serra inkorporati f'importazzjonijiet lejn l-UE qed jiżdiedu b'mod kostanti, u dan jimmina l-isforzi tal-Unjoni biex tnaqqas l-impronta globali tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħha; jissottolinja li l-importazzjonijiet netti ta' prodotti u servizzi fl-UE jirrappreżentaw aktar minn 20 % tal-emissjonijiet domestiċi ta' CO2 tal-Unjoni; iqis li l-kontenut ta' gassijiet serra tal-importazzjonijiet għandu jiġi mmonitorjat aħjar sabiex jiġu identifikati miżuri possibbli biex titnaqqas l-impronta globali tal-gassijiet serra tal-UE; |
Id-disinn ta' CBAM kompatibbli mad-WTO
|
7. |
Jappoġġja l-introduzzjoni ta' CBAM, dment li dan ikun kompatibbli mar-regoli tad-WTO u l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) tal-UE billi ma jkunx diskriminatorju jew jikkostitwixxi restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ internazzjonali; iqis li, bħala tali, CBAM joħloq inċentiv għall-industriji Ewropej u s-sħab kummerċjali tal-UE biex jiddekarbonizzaw l-industriji tagħhom, u għalhekk jappoġġja politiki dwar il-klima kemm tal-UE kif ukoll globali favur in-newtralità fir-rigward tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra f'konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; jiddikjara b'mod inekwivoku li CBAM għandu jkun iddisinjat esklużivament biex javvanza l-objettivi tal-klima u ma jintużax ħażin bħala għodda biex issaħħaħ il-protezzjoniżmu, id-diskriminazzjoni mhux ġustifikabbli jew ir-restrizzjonijiet; jisħaq li dan il-mekkaniżmu għandu jappoġġja l-objettivi ekoloġiċi tal-UE, b'mod partikolari biex jiġu indirizzati aħjar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra inkorporati fl-industrija tal-UE u fil-kummerċ internazzjonali, filwaqt li jkun nondiskriminatorju u jistinka biex jinkisbu kundizzjonijiet ekwi globali; |
|
8. |
Jisħaq li l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u l-Istati Gżejjer Żgħar li Qed Jiżviluppaw għandhom jingħataw trattament speċjali sabiex iqisu l-ispeċifiċitajiet tagħhom u l-impatti negattivi potenzjali tas-CBAM fuq l-iżvilupp tagħhom; |
|
9. |
Ifakkar fil-limitazzjonijiet u l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi, ikkumplikati, b'mod partikolari, minħabba l-pożizzjoni remota, l-insularità u d-daqs limitat tas-suq tagħhom, u jitlob li s-CBAM, f'konformità mal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), iqis b'mod speċjali l-ispeċifiċitajiet tagħhom; |
|
10. |
Itenni li l-introduzzjoni ta' CBAM għandha tkun parti minn pakkett ta' miżuri leġiżlattivi biex jiġi żgurat it-tnaqqis rapidu tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġejjin mill-produzzjoni u l-konsum tal-UE, b'mod partikolari billi jiżdiedu l-effiċjenza enerġetika u l-enerġiji rinnovabbli; jisħaq li s-CBAM għandu jkun akkoppjat ma' politiki li jkollhom l-għan li jippermettu u jippromwovu investimenti fi proċessi industrijali b'livell baxx ta' karbonju, inkluż permezz ta' għodod ta' finanzjament innovattivi, il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari u politika industrijali usa' tal-UE li tkun kemm ambjentalment ambizzjuża kif ukoll soċjalment ġusta, bil-ħsieb li tidderieġi r-riindustrijalizzazzjoni dekarbonizzata tal-Ewropa biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità fil-livell lokali u tiġi żgurata l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, filwaqt li tiġi ssodisfata l-ambizzjoni klimatika tal-UE u jiġu offruti prevedibbiltà u ċertezza biex jiġu żgurati investimenti favur in-newtralità klimatika; |
|
11. |
Jenfasizza li l-istandards tal-prodott jistgħu jiżguraw manifattura b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u effiċjenti fir-riżorsi kif ukoll jgħinu biex jiġu ggarantiti impatti ambjentali negattivi minimi mill-użu tal-prodott; jitlob, għalhekk lill-Kummissjoni tipproponi, bħala komplement għall-introduzzjoni ta' CBAM, normi u standards vinkolanti u aktar ambizzjużi fuq il-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE f'termini ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u ffrankar tar-riżorsi u l-enerġija, b'appoġġ għall-Qafas ta' Politika tal-Prodott Sostenibbli u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari; |
|
12. |
Iqis li għall-prevenzjoni ta' distorsjonijiet possibbli fis-suq intern u tul il-katina tal-valur, CBAM għandu jkopri l-importazzjonijiet kollha ta' prodotti u komoditajiet koperti mill-EU ETS, inkluż meta jkunu inkorporati fi prodotti intermedji jew finali; jisħaq, bħala punt tat-tluq (diġà mill-2023) u wara valutazzjoni tal-impatt, li s-CBAM għandu jkopri s-settur tal-enerġija u s-setturi industrijali intensivi fl-enerġija bħas-siment, l-azzar, l-aluminju, ir-raffinar taż-żejt, il-karta, il-ħġieġ, is-sustanzi kimiċi u l-fertilizzanti, li qed ikomplu jirċievu allokazzjonijiet sostanzjali bla ħlas, u li għadhom jirrappreżentaw 94 % tal-emissjonijiet industrijali tal-Unjoni; |
|
13. |
Jissottolinja li l-kontenut tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-importazzjonijiet għandu jittieħed kont tiegħu fuq il-bażi ta' punti ta' riferiment trasparenti, affidabbli u aġġornati speċifiċi għall-prodott fil-livell tal-installazzjonijiet f'pajjiżi terzi u li, b'mod prestabbilit, jekk l-importatur ma jagħmilx id-data disponibbli, għandu jittieħed kont tal-medja ta' kontenut globali tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-prodotti individwali, imqassma skont il-metodi differenti ta' produzzjoni b'intensitajiet varji ta' emissjonijiet; iqis li l-ipprezzar tal-karbonju tal-importazzjonijiet għandu jkopri kemm l-emissjonijiet diretti kif ukoll dawk indiretti u għalhekk iqis ukoll l-intensità tal-karbonju speċifika għall-pajjiż tal-grilja elettrika jew, jekk l-importatur jagħmel id-data disponibbli, l-intensità tal-karbonju tal-konsum tal-enerġija fil-livell tal-installazzjoni; |
|
14. |
Jinnota li l-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta l-għażliet differenti kollha għall-introduzzjoni ta' CBAM, li jvarjaw minn strumenti tat-taxxa sa mekkaniżmi li jużaw l-EU ETS; jisħaq li l-modalitajiet għad-disinn ta' CBAM għandhom jiġu esplorati flimkien mar-reviżjoni tal-EU ETS sabiex jiġi żgurat li jkunu komplementari u konsistenti, u biex jiġi evitat trikkib li jwassal għal protezzjoni doppja tal-industriji tal-UE; jissottolinja l-importanza ta' proċess trasparenti wara CBAM, inkluż bl-involviment mad-WTO u s-sħab kummerċjali tal-UE b'koordinazzjoni mal-Parlament Ewropew u billi jitwettqu valutazzjoni u qabbil bir-reqqa tal-effikaċja, l-effiċjenza u l-fattibbiltà legali ta' forom differenti ta' CBAM bil-ħsieb li jitnaqqsu l-emissjonijiet globali totali ta' gassijiet serra; jinsisti li l-għan primarju tas-CBAM huwa ambjentali u li għalhekk il-kriterji ambjentali għandu jkollhom rwol essenzjali fl-għażla tal-istrument, filwaqt li jiġi żgurat prezz tal-karbonju prevedibbli u għoli biżżejjed li jinċentiva l-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi; |
|
15. |
Jisħaq fuq l-importanza li jiġu vvalutati l-impatti ta' kull għażla fuq l-istandards tal-għajxien tal-konsumaturi, speċjalment dawk tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq id-dħul; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-valutazzjoni tal-impatt tinkludi wkoll il-konsegwenzi għall-baġit tal-UE tad-dħul iġġenerat mis-CBAM bħala riżorsa proprja, skont id-disinn u l-modalitajiet magħżula; |
|
16. |
Iqis li sabiex jiġi indirizzat ir-riskju potenzjali tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju filwaqt li tinżamm konformità mar-regoli tad-WTO, is-CBAM jeħtieġ li jimponi ħlas għall-kontenut tal-karbonju tal-importazzjonijiet b'mod li jirrifletti l-ispejjeż tal-karbonju mħallsa mill-produtturi tal-UE; jisħaq li l-ipprezzar tal-karbonju fl-ambitu tas-CBAM għandu jirrifletti l-evoluzzjoni dinamika tal-prezz tal-kwoti tal-UE fl-ambitu tal-EU ETS filwaqt li jiżgura l-prevedibbiltà u anqas volatilità fil-prezz tal-karbonju; huwa tal-fehma li l-importaturi għandhom jixtru l-kwoti minn pul separat ta' kwoti għall-EU ETS, li l-prezz tal-karbonju tagħhom jikkorrispondi għal dak tal-jum tat-tranżazzjoni fl-EU ETS; jissottolinja li l-introduzzjoni tas-CBAM hija biss waħda mill-miżuri fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u trid tkun akkumpanjata wkoll mill-miżuri meħtieġa fis-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS kif ukoll riforma ambizzjuża tal-EU ETS biex jiġi żgurat li din twassal għal ipprezzar tal-karbonju sinifikanti li jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, u biex tikkontribwixxi għat-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra f'konformità mal-mira klimatika aġġornata tal-UE għall-2030 u l-mira ta' emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra għall-2050, inkluż billi jiġi indirizzat il-fattur ta' tnaqqis lineari, bażi mill-ġdid tal-limitu massimu u valutazzjoni tal-ħtieġa potenzjali ta' prezz minimu tal-karbonju; |
|
17. |
Jenfasizza li dazju tas-sisa (jew taxxa) fuq il-kontenut tal-karbonju tal-prodotti kollha kkunsmati, kemm domestiċi kif ukoll importati, ma jindirizzax bis-sħiħ ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, ikun teknikament ta' sfida minħabba l-kumplessità tat-traċċar tal-karbonju fil-ktajjen tal-valur globali u jaf ipoġġi piż sinifikanti fuq il-konsumaturi; jirrikonoxxi li dazju fiss jew taxxa fissa fuq l-importazzjonijiet jistgħu jkunu għodda sempliċi biex jingħata sinjal ta' prezz ambjentali b'saħħtu u stabbli għall-karbonju importat; jemmen, madankollu, li minħabba n-natura fissa tagħha, taxxa bħal din tkun għodda inqas flessibbli biex tirrifletti l-prezz li jevolvi tal-EU ETS; jisħaq li, fil-prattika, taxxa li tevolvi li awtomatikament tirrifletti l-prezz tal-EU ETS tkun ekwivalenti għal ETS virtwali; jirrikonoxxi li, jekk is-CBAM ikun ta' natura fiskali, hemm possibbiltà li jiġi introdott mekkaniżmu bbażat fuq l-Artikolu 192(2) TFUE; |
|
18. |
Jisħaq li l-importaturi għandu jkollhom l-għażla li juru, f'konformità mal-istandards tal-UE għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifikazzjoni tal-EU ETS, li l-kontenut tal-karbonju tal-prodotti tagħhom huwa aktar baxx minn dawk il-valuri, u li jibbenefikaw minn ammont pagabbli adattat b'mod korrispondenti, sabiex jitħeġġu l-innovazzjoni u l-investiment f'teknoloġiji sostenibbli madwar id-dinja; iqis li dan m'għandux jimponi piż sproporzjonat fuq l-SMEs; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu se jkun meħtieġ li tkun sostnuta minn sett ta' standards tal-UE li ma jippermettux li dan il-mekkaniżmu jiġi evitat jew użat ħażin, u se tkun teħtieġ infrastruttura indipendenti u b'saħħitha biex tkun tista' tiġi amministrata; |
|
19. |
Jisħaq li s-CBAM għandu jiżgura li l-importaturi minn pajjiżi terzi ma jiġux iċċarġjati darbtejn għall-kontenut tal-karbonju tal-prodotti tagħhom, biex jiġi żgurat li dawn jiġu trattati fuq l-istess livell u mingħajr diskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-impatt tal-għażliet differenti tas-CBAM fuq il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati; |
|
20. |
Jenfasizza li, għall-kuntrarju tal-ETS, il-mekkaniżmu ma għandux jittratta l-ħruq tal-injam għall-fjuwil bħala newtrali għall-karbonju u li, fl-ambitu tal-qafas rivedut u aġġornat, il-karbonju inkorporat fl-injam maqtugħ u l-ħamrija fqira għandu jkollu prezz; |
|
21. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timminimizza r-riskju li l-esportaturi lejn l-Unjoni jippruvaw jevitaw il-mekkaniżmu jew jikkompromettu l-effikaċja tiegħu, pereżempju billi jorjentaw mill-ġdid il-produzzjoni bejn is-swieq jew billi jesportaw prodotti semimanifatturati; |
Aspetti relatati mal-kummerċ ta' CBAM
|
22. |
Jitlob li l-Ftehim ta' Pariġi u l-għanijiet tiegħu jsiru wieħed mill-prinċipji gwida ewlenin tal-politika kummerċjali, u li l-inizjattivi kummerċjali kollha u l-għodod ta' politika tagħhom iridu jiġu aġġustati għalih, billi jiġi inkluż, fost l-oħrajn, fl-FTAs bħala element essenzjali; jinsab konvint li tali politika kummerċjali mfassla apposta tista' tkun mutur importanti biex l-ekonomiji jitmexxew lejn id-dekarbonizzazzjoni, sabiex jinkisbu l-objettivi klimatiċi stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi u fil-Patt Ekoloġiku Ewropew; |
|
23. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-erożjoni tas-sistema kummerċjali multilaterali; jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha b'mod attiv mal-gvernijiet tas-sħab kummerċjali biex tiżgura djalogu kontinwu dwar din l-inizjattiva, u b'hekk tipprovdi inċentivi għal azzjoni klimatika kemm fl-Unjoni kif ukoll mis-sħab kummerċjali tagħha; jissottolinja li l-politika kummerċjali tista' u għandha tintuża biex tippromwovi aġenda ambjentali pożittiva u biex jiġu evitati differenzi maġġuri fil-livelli ta' ambizzjoni ambjentali bejn l-UE u l-bqija tad-dinja, u li CBAM għandu jiġi ddisinjat bħala azzjoni li tikkomplementa azzjonijiet fl-ambitu tal-kapitoli tal-kummerċ u tal-iżvilupp sostenibbli tal-FTAs tal-UE; jissottolinja li azzjoni globali li tagħmel is-CBAM superfluwu trid tkun l-għan aħħari tal-inizjattiva, waqt li l-bqija tad-dinja tilħaq il-livell ta' ambizzjoni li l-UE stabbiliet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2; huwa, għalhekk, tal-fehma li s-CBAM għandu jitqies bħala mezz biex jgħin fl-aċċelerazzjoni ta' dan il-proċess u mhux bħala mezz ta' protezzjoniżmu; jistenna li l-Kummissjoni tibda negozjati dwar approċċ globali fil-qafas tad-WTO jew tal-G20; |
|
24. |
Iqis li l-kummerċ internazzjonali u l-politika kummerċjali huma faċilitaturi ewlenin tat-tranżizzjoni lejn ekonomija globali newtrali għall-klima, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari u, bħala tali, jappoġġjaw l-isforzi globali lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u l-Ftehim ta' Pariġi; iqis li hemm ħtieġa urġenti li ssir riforma komprensiva tad-WTO, li tippermettilha tiggarantixxi kummerċ ġust, filwaqt li fl-istess ħin tiġġieled it-tisħin globali; jinnota li r-regoli tal-GATT imorru lura għall-1947 u huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġu konċepiti mill-ġdid fil-kuntest attwali tal-kriżi klimatika; jistenna li l-Kummissjoni tieħu inizjattivi urġenti għar-riforma tad-WTO, sabiex tinkiseb kompatibbiltà mal-objettivi klimatiċi; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha biex jinkiseb prezzar globali tas-CO2 u jiġi ffaċilitat il-kummerċ f'teknoloġiji ta' protezzjoni tal-klima u l-ambjent, pereżempju permezz ta' inizjattivi ta' politika kummerċjali bħall-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali tad-WTO. |
|
25. |
Jistieden lill-Kummissjoni twettaq riformi multilaterali tad-WTO li jġibu d-dritt kummerċjali internazzjonali f'konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u ma' aspetti oħra tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); jirrimarka li CBAM ikun kompatibbli mar-regoli tad-WTO jekk ikun iddisinjat b'objettiv ambjentali ċar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra u jekk jirrispetta l-ogħla integrità ambjentali; |
|
26. |
Jissottolinja li s-CBAM jista' jgħin fil-kontribut għall-SDGs; ifakkar li l-promozzjoni ta' xogħol deċenti hija wkoll SDG u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE jiġu manifatturati taħt kundizzjonijiet li jirrispettaw il-konvenzjonijiet tal-ILO; |
|
27. |
Jinnota li, sabiex ikunu kompatibbli mar-regoli tad-WTO, id-dispożizzjonijiet tal-GATT, bħall-Artikolu I (il-prinċipju tat-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit), l-Artikolu III (il-prinċipju tat-trattament nazzjonali) u, jekk ikun meħtieġ, l-Artikolu XX (eċċezzjonijiet ġenerali) jistgħu jkunu l-bażi għal kwalunkwe disinn tas-CBAM, li l-unika loġika tiegħu għandha tkun strettament ta' bixra ambjentali – it-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tas-CO2 u l-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; |
|
28. |
Jissottolinja l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu III tal-GATT; jisħaq li t-trattament bl-istess mod tal-importazzjonijiet u tal-produzzjoni domestika huwa kriterju ewlieni biex ikun żgurat li kwalunkwe miżura tkun kompatibbli mad-WTO; jenfasizza li s-CBAM għandu joħloq kundizzjonijiet ekwi bejn il-produtturi barranin u l-produtturi domestiċi tal-UE billi tiġi applikata imposta ekwivalenti għall-ETS fuq l-emissjonijiet tal-karbonju inkorporati tal-prodotti importati f'dawk is-setturi, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, biex b'hekk tiġi żgurata protezzjoni sħiħa mir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-industrija Ewropea u jiġu evitati trasferimenti tal-emissjonijiet lejn pajjiżi terzi; jenfasizza li l-implimentazzjoni tas-CBAM għandha tevita l-protezzjoni doppja għall-installazzjonijiet tal-UE, filwaqt li tivvaluta l-impatt fuq l-esportazzjonijiet u s-setturi dipendenti tul il-katina tal-valur; jenfasizza li d-disinn tas-CBAM għandu jsegwi prinċipju sempliċi li bih tunnellata waħda ta' karbonju m'għandhiex tiġi protetta darbtejn; |
|
29. |
Jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi globali għall-kompetittività tal-industriji Ewropej mingħajr ma jiġu ġġenerati effetti dannużi fuq il-klima u l-ambjent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tikkunsidra l-introduzzjoni possibbli ta' ribassi fuq l-esportazzjoni, iżda biss jekk tkun tista' turi bis-sħiħ l-impatt pożittiv tagħhom fuq il-klima u l-kompatibbiltà tagħhom mar-regoli tad-WTO; jisħaq li bil-għan li tipprevjeni effetti klimatiċi perversi bl-inċentivazzjoni ta' metodi ta' produzzjoni inqas effiċjenti għall-industriji esportaturi Ewropej u biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mad-WTO, kwalunkwe forma ta' appoġġ potenzjali għall-esportazzjoni għandha tkun trasparenti, proporzjonata u ma twassal għall-ebda tip ta' vantaġġ kompetittiv għall-industriji esportaturi tal-UE f'pajjiżi terzi, u għandha tkun strettament limitata għall-installazzjonijiet l-aktar effiċjenti sabiex jinżammu l-inċentivi għat-tnaqqis tal-gassijiet serra għall-kumpaniji esportaturi tal-UE; |
|
30. |
Jisħaq li kwalunkwe mekkaniżmu jrid joħloq inċentiv għall-industriji fl-UE u barra minnha biex jipproduċu prodotti nodfa u kompetittivi, u jevitaw ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, mingħajr ma jipperikolaw l-opportunitajiet kummerċjali; |
|
31. |
Jinnota li s-CBAM huwa parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u għodda biex jintlaħaq l-għan tal-UE ta' emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra sal-2050; jinnota li l-parti l-kbira tas-setturi industrijali intensivi fl-użu tal-karbonju u tal-kummerċ jistgħu potenzjalment jiġu affettwati mis-CBAM, direttament jew indirettament, u li għandhom jiġu kkonsultati matul il-proċess; jinnota wkoll li s-CBAM jista' jinfluwenza l-ktajjen tal-provvista b'tali mod li dawn jinternalizzaw l-ispejjeż tal-karbonju; jisħaq li kwalunkwe CBAM għandu jkun faċli biex jiġi amministrat u ma jpoġġix piż finanzjarju u amministrattiv żejjed fuq l-intrapriżi, speċjalment l-SMEs. |
Is-CBAM u r-riżorsi proprji
|
32. |
Jirrikonoxxi li s-CBAM jista' jiġi implimentat jew bħala estensjoni tar-reġim attwali tad-dazji doganali jew bħala skema komplementari fil-qafas eżistenti tal-EU ETS; jenfasizza li ż-żewġ approċċi jistgħu jkunu kompletament konsistenti ma' inizjattiva tar-riżorsi proprji; |
|
33. |
Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża d-dħul iġġenerat mis-CBAM bħala riżorsi proprji ġodda għall-baġit tal-UE, u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza sħiħa dwar l-użu ta' dak id-dħul; jenfasizza, madankollu, li r-rwol baġitarju tas-CBAM għandu jkun biss prodott sekondarju tal-istrument; jemmen li dak id-dħul ġdid għandu jippermetti appoġġ akbar għall-azzjoni klimatika u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, bħat-tranżizzjoni ġusta u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-Ewropa, u żieda fil-kontribut tal-UE għall-finanzjament internazzjonali għall-klima favur il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u l-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw, li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari biex jappoġġjahom sabiex jgħaddu minn proċess ta' industrijalizzazzjoni bbażat fuq teknoloġiji nodfa u dekarbonizzati; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-effetti soċjali tal-mekkaniżmu fil-proposta tagħha li jmiss bil-ħsieb li timminimizzahom; jisħaq li d-dħul iġġenerat minn CBAM bl-ebda mod ma għandu jintuża bħala sussidji moħbija għal industriji Ewropej b'livell għoli ta' tniġġis, peress li fl-aħħar mill-aħħar dan jikkomprometti l-kompatibbiltà tiegħu mad-WTO; |
|
34. |
Ifakkar li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar il-ħolqien ta' riżorsi proprji ġodda, inkluż is-CBAM, matul il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss fil-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (9); jisħaq li, jekk il-flussi finanzjarji li jiġu ġġenerati mis-CBAM jiġu assenjati lill-baġit tal-UE, dan jgħin biex jittaffew il-kwistjonijiet ta' ekwivalenza fiskali u jiġu żgurati distribuzzjoni ekwa tal-impatt bejn l-Istati Membri kif ukoll struttura simplifikata bi spejjeż amministrattivi minimi; jikkonkludi, għalhekk, li d-definizzjoni tar-rikavati bħala riżorsa proprja tal-UE tnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING) fil-finanzjament tal-baġit tal-UE, u b'hekk tgħin biex l-impatt tas-CBAM jiġi distribwit b'mod ekwu bejn l-Istati Membri kollha; iqis li kwalunkwe ffrankar fil-livell nazzjonali minħabba kontribuzzjonijiet aktar baxxi tal-ING se jżid l-ispazju fiskali tal-Istati Membri; |
|
35. |
Jieħu nota tad-diversi stimi prudenti tad-dħul, li jvarjaw minn EUR 5 biljun sa EUR 14-il biljun fis-sena, skont il-kamp ta' applikazzjoni u d-disinn tal-istrument il-ġdid; jenfasizza l-fatt li l-baġit tal-UE, fi kwalunkwe każ, huwa perfettament adatt biex jassorbi l-fluttwazzjonijiet fid-dħul jew saħansitra l-effetti rigressivi fit-tul; |
|
36. |
Huwa determinat li jiżgura li r-riżorsa proprja bbażata fuq is-CBAM tkun parti minn sett ta' riżorsi proprji li jkun biżżejjed biex ikopri l-livell tan-nefqa globali mistennija tal-ispejjeż tal-ħlas lura tal-kapital u l-imgħax tas-self imġarrba fl-ambitu tal-istrument Next Generation EU, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-universalità; ifakkar, barra minn hekk, li kwalunkwe surplus mill-pjan ta' ħlas lura xorta jrid jibqa' fil-baġit tal-UE bħala dħul ġenerali; |
|
37. |
Jisħaq li l-introduzzjoni ta' sett ta' riżorsi proprji ġodda, kif previst fil-pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda skont il-FII, tista' tiffaċilita enfasi aħjar tan-nefqa fil-livell tal-UE fuq oqsma ta' prijorità u beni pubbliċi komuni b'żidiet kbar fl-effiċjenza meta mqabbla mal-infiq nazzjonali; ifakkar li kwalunkwe nuqqas li jiġu rrispettati t-termini maqbula fil-FII minn waħda mit-tliet istituzzjonijiet jista' jesponiha għal kontestazzjoni legali mill-oħrajn; |
|
38. |
Jistieden lill-istituzzjonijiet isegwu b'mod attiv l-ispirtu u l-ittra tal-pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda skont il-FII, li jistipula li din ir-riżorsa proprja ġdida għandha tidħol fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2023. |
L-implimentazzjoni tas-CBAM u aspetti oħra
|
39. |
Jisħaq li l-implimentazzjoni tas-CBAM trid tkun akkumpanjata bit-tneħħija tal-forom kollha ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent mogħtija lil industriji intensivi fl-enerġija fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-prattiki differenti tal-Istati Membri f'dik il-kwistjoni fid-dawl tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas; |
|
40. |
Jitlob li s-CBAM jiġi mmonitorjat permezz ta' korp indipendenti, taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni, li għandu jirrapporta regolarment u jipprovdi informazzjoni trasparenti lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fuq talba u mill-inqas darbtejn fis-sena; |
|
41. |
Jinnota li l-UE hija l-akbar importatur dinji tal-karbonju u li l-kontenut tal-karbonju tal-prodotti esportati mill-UE huwa ferm anqas mill-kontenut tal-karbonju tal-prodotti importati; jiddeduċi li l-isforzi Ewropej fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huma akbar mill-isforz internazzjonali medju; jenfasizza li sabiex jitkejjel l-impatt klimatiku globali tal-Unjoni, hemm bżonn ta' metodu ta' rappurtar solidu li jqis l-emissjonijiet tal-prodotti u s-servizzi importati fl-UE; |
|
42. |
Jenfasizza li jekk ikun hemm sforzi klimatiċi internazzjonali suffiċjenti, bħal prezzar tal-karbonju internazzjonali robust, mifrux u konsistenti u teknoloġiji, prodotti u proċessi ta' produzzjoni b'emissjonijiet baxxi kompetittivi għall-aħħar, maż-żmien dan se jwassal biex il-mekkaniżmu ma jibqax meħtieġ; iqis li t-tibdil fil-klima huwa problema globali li tirrikjedi soluzzjonijiet globali, u għalhekk jemmen li l-UE għandha tkompli tappoġġa l-istabbiliment ta' qafas globali għall-ipprezzar tas-CO2 b'konformità mal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal il-mekkaniżmu billi ssegwi kalendarju ta' żmien ċar u ambizzjuż għall-implimentazzjoni u l-evoluzzjoni tiegħu; ifakkar li ċerti soluzzjonijiet tekniċi għall-mitigazzjoni tas-CO2 għadhom fl-istadju pilota u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tissokta bl-isforzi tagħha biex tkompli tiżviluppahom; jistieden lill-Kummissjoni tfassal il-mekkaniżmu bħala parti minn pakkett ta' politika komprensiv u orjentat fit-tul li jkun konsistenti mal-kisba ta' ekonomija b'emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti u effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi sa mhux aktar tard mill-2050; |
|
43. |
Ifakkar li l-politika tal-UE dwar il-klima, il-politika industrijali u l-għan li jinżamm u jiżdied it-tkabbir ekonomiku sostenibbli għandhom jimxu id f'id; jisħaq li kwalunkwe mekkaniżmu jrid ikun integrat fl-istrateġija industrijali tagħna, u joħloq inċentiv għall-industriji biex jipproduċu prodotti nodfa u kompetittivi; |
|
44. |
Jissottolinja li mekkaniżmu li jiffunzjona tajjeb għandu jiżgura t-tnaqqis tal-emissjonijiet importati fl-UE u jipprovdi l-aktar protezzjoni effettiva tal-klima mir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju filwaqt li jirrispetta r-regoli tad-WTO; jisħaq li l-mekkaniżmu għandu jitfassal b'tali mod li jiżgura l-applikazzjoni effettiva u sempliċi tiegħu u fl-istess ħin jipprevjeni mġiba ta' ċirkomvenzjoni bħad-distribuzzjoni mill-ġdid tar-riżorsi jew l-importazzjoni ta' prodotti semimanifatturati jew finali mhux koperti mill-mekkaniżmu; |
|
45. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ u pariri tekniċi lill-industriji kemm lokalment kif ukoll barra mill-pajjiż, speċjalment għall-SMEs, fl-istabbiliment ta' sistemi affidabbli ta' kontabbiltà tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-importazzjonijiet sabiex tinżamm industrija Ewropea b'saħħitha mingħajr ma jinħolqu ostakli tekniċi għas-sħab kummerċjali; |
|
46. |
Jitlob evalwazzjoni speċjali tal-impatt tal-mekkaniżmu fuq l-SMEs u fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern; jitlob il-ħolqien, jekk ikun meħtieġ, ta' mekkaniżmu ta' appoġġ għall-SMEs biex jaġġustaw b'suċċess għar-realtà l-ġdida tas-suq, u b'hekk jiġi evitat li jisfaw vittmi ta' prattiki inġusti minn atturi fis-suq akbar; |
|
47. |
Jinnota, barra minn hekk, li sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta fis-suq Ewropew, il-mekkaniżmu m'għandu joħloq l-ebda żvantaġġ kompetittiv fost materjali li jkunu f'kompetizzjoni; jissottolinja li l-materjali li jirrispettaw l-aktar il-klima m'għandhomx isofru żvantaġġi kompetittivi; |
|
48. |
Jenfasizza l-importanza tiegħu biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej u l-interessi tagħhom ikunu rrappreżentati u fil-kontribut għall-kisba ta' prijoritajiet tal-UE bħall-protezzjoni tal-klima, it-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività internazzjonali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinvolvu bis-sħiħ lill-Parlament, bħala koleġiżlatur, fil-proċess leġiżlattiv biex jiġi stabbilit il-mekkaniżmu. |
o
o o
|
49. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0206.
(2) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(4) Emendi adottati mill-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”), (Testi adottati, P9_TA(2020)0253).
(5) L-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO), “Statement on the State of the Global Climate in 2019” (Dikjarazzjoni dwar l-Istat tal-Klima Globali fl-2019).
(6) Fezzigna, P., Borghesi, S., Caro, D., “Revising Emission Responsibilities through Consumption-Based Accounting: A European and Post-Brexit Perspective” (Reviżjoni tar-Responsabbiltajiet għall-Emissjonijiet permezz ta' Kontabbiltà bbażata fuq il-Konsum: Perspettiva Ewropea u ta' wara l-Brexit) f'Sustainability, 17 ta' Jannar 2019.
(7) Ara r-Rapport Speċjali Nru 18/2020 tal-QEA
(8) L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), "CO2 emissions embodied in international trade and domestic final demand: methodology and results using the OECD inter-country input-output database (“L-emissjonijiet tas-CO2 inkorporati fil-kummerċ internazzjonali u fid-domanda domestika finali: metodoloġija u riżultati bl-użu tal-bażi tad-data tal-input-output tal-OECD bejn il-pajjiżi”, 23 ta' Novembru 2020.