17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/87


P9_TA(2021)0050

Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna (2019/2202(INI))

(2021/C 465/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, inkluż Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (FA/DCFTA), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2017, u l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni relatata,

wara li kkunsidra d-dħul fis-seħħ ta' sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Ukrajna fil-11 ta' Ġunju 2017, b'riżultat tal-emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 magħmula mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna, b'mod partikolari dawk tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna (2), u tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (3), kif ukoll ir-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020 (4),

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) dwar l-Ukrajna, b'mod partikolari t-30 rapport dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u fil-belt ta' Sevastopol, fl-Ukrajna, tad-19 ta' Ġunju 2020,

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar ir-Rapport rigward l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar l-Ukrajna tat-12 ta' Diċembru 2019 (SWD(2019)0433),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-22 Summit bejn l-UE u l-Ukrajna tas-6 ta' Ottubru 2020,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u l-attivitajiet tal-Assemblea Parlamentari Euronest, tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u tar-rappreżentanti l-oħra tas-soċjetà ċivili fl-Ukrajna,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna tad-19 ta' Diċembru 2019,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tiegħu għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Ukrajna tal-31 ta' Marzu u tal-21 ta' April 2019, u għall-elezzjonijiet parlamentari bikrija tal-21 ta' Lulju 2019,

wara li kkunsidra l-iżborż ta' self ta' EUR 500 miljun lill-Ukrajna fid-29 ta' Mejju 2020, bħala parti mir-raba' programm ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-pakketti ta' assistenza mingħajr preċedent li ddaħħlu fis-seħħ mill-UE biex tgħin lill-pajjiżi ġirien fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, u b'mod partikolari s-self b’terminu twil ta' EUR 1,2 biljun li sar disponibbli għall-Ukrajna b’termini vantaġġużi ħafna permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2020 dwar il-forniment ta' assistenza makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 (5),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni NATO-Ukrajna tal-31 ta' Ottubru 2019,

wara li kkunsidra l-ħames rapport ta' monitoraġġ għal kull pajjiż tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI), ippubblikata f'Settembru 2017, u l-konklużjonijiet dwar l-Ukrajna fir-rigward tal-istat tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2017, ippubblikati f'Ġunju 2020,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri (6) dwar il-miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali jew l-identità tal-ġeneru, u l-istandards adottati mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE, tal-21 ta' Lulju 2019, dwar l-elezzjonijiet presidenzjali bikrija fl-Ukrajna,

wara li kkunsidra l-klassifika tal-2019 skont il-perċezzjoni tal-korruzzjoni mfassla minn Transparency International li tpoġġi lill-Ukrajna fil-126 post minn 180 pajjiż u territorju eżaminati (bl-ewwel post tal-klassifika jkun l-aħjar),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji, adottata fil-5 ta' Novembru 1992,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-liġi dwar l-appoġġ għall-funzjonament tal-lingwa Ukrena bħala l-lingwa tal-Istat u l-opinjoni tagħha dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-edukazzjoni, tal-5 ta' Settembru 2017, dwar l-użu tal-lingwa tal-Istat, tal-lingwi minoritarji u ta' lingwi oħra fl-edukazzjoni,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-10 ta' Diċembru 2020 dwar il-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukrajna,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0219/2020),

A.

billi l-FA/DCFTA jikkostitwixxi l-pedament li fuqu jinbnew ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Ukrajna, ibbażati fuq l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika, u jikkostitwixxi pjan direzzjonali għar-riformi, li l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom għandha titqies li tippermetti avviċinament kontinwu lejn l-Unjoni, li twassal għal integrazzjoni gradwali fis-suq intern tal-Unjoni u lejn l-isfruttament bis-sħiħ tal-potenzjal u tal-benefiċċji tal-FA/DCFTA;

B.

billi l-Ukrajna għandha perspettiva Ewropea skont l-Artikolu 49 TUE u tista' tapplika biex issir membru tal-Unjoni, dment li taderixxi mal-kriterji ta' Copenhagen kollha u mal-prinċipji tad-demokrazija, u li tirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u li tiżgura l-istat tad-dritt;

C.

billi t-22 Summit UE-Ukrajna rrikonoxxa l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukrajna u laqa' favorevolment l-għażla Ewropea tagħha, irrikonoxxa l-progress notevoli li għamlet l-Ukrajna fil-proċess ta' riforma tagħha u apprezza r-riżultati li diġà kisbet fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u s-suċċess tad-DCFTA;

D.

billi fl-2019 l-Ukrajna għaddiet minn perjodu elettorali delikat, kemm fil-livell presidenzjali kif ukoll f'dak parlamentari, u billi l-mod kif ħadet ħsieb il-proċessi u t-tranżizzjoni paċifika u ordnat tal-poter li segwiet, għandhom jiġu mfaħħra;

E.

billi l-elezzjonijiet lokali li saru fin-nazzjon kollu fil-25 ta' Ottubru 2020 jirrappreżentaw test ieħor għall-istat tad-demokrazija u opportunità ta' konsolidament ulterjuri; billi, fiż-żmien immedjatament qabel l-elezzjonijiet lokali tal-25 ta' Ottubru 2020, kien hemm tentattivi biex jinbidel il-Kodiċi Elettorali waqt li kienet għaddejja l-kampanja elettorali, u billi n-nuqqas ta' miżuri ċari dwar il-mod kif għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-COVID-19 jibqa' punt ta' tħassib kbir, bil-ħsieb li jiġu adottati standards ġodda biex jiggarantixxu votazzjoni sikura;

F.

billi l-Missjoni Limitata ta' Osservazzjoni Elettorali tal-ODIHR ikkonkludiet li l-elezzjonijiet lokali tal-25 ta' Ottubru 2020 fl-Ukrajna kienu partikolarment importanti wara r-riformi reċenti ta' deċentralizzazzjoni li kienu għaddew setgħat u riżorsi sinifikanti lill-gvernijiet lokali, li l-proċess elettorali kien ġeneralment kalm, organizzat tajjeb u trasparenti, u li l-proċeduri kienu fil-biċċa l-kbira segwiti, u li, b'mod ġenerali, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Ukrajna kienet laħqet l-iskadenzi legali kollha u operat b'mod imparzjali, miftuħ u trasparenti;

G.

billi s-soċjetà ċivili u l-esperti elettorali rrappurtaw li l-organizzazzjonijiet tal-partiti lokali, il-kandidati u l-membri tal-kummissjonijiet elettorali ma setgħux jippreparaw ruħhom kif suppost għar-reġistrazzjoni tal-kandidati, peress li l-Kodiċi Elettorali kien ġie adottat ftit qabel il-proċess elettorali;

H.

billi l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ta' kontroll minn fuq għall-attwazzjoni tal-prinċipju tal-mandat imperattiv, kif ukoll is-subordinazzjoni tal-listi tal-partiti għan-numru minimu ta' 10 000 votant, idgħajfu n-natura demokratika tal-elezzjonijiet;

I.

billi s-soċjetà ċivili kkritikat id-deċiżjoni biex ma jsirux l-elezzjonijiet fi 18-il komunità lokali fiż-żoni kkontrollati mill-gvern tal-oblast' ta' Donetsk u ta' Luhansk mingħajr ma l-amministrazzjoni ċivili-militari tat motivazzjoni ċara għal din id-deċiżjoni, b'hekk fil-fatt ċaħdet id-dritt tal-vot lil madwar 475 000 elettur li jgħixu f'dawn il-komunitajiet;

J.

billi, b'mod partikolari waqt it-tieni semestru tal-2019, biex titwettaq malajr ir-riforma mwiegħda matul il-kampanji elettorali, l-attività leġiżlattiva mxiet b'ritmu partikolarment sostnut, kultant askapitu tal-iskrutinju parlamentari, tat-trasparenza u tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni;

K.

billi, minkejja l-Ukrajna għamlet progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tagħha tal-impenji relatati mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u fl-integrazzjoni mal-Unjoni, jeħtieġ li jitlestew bosta riformi minn fost dawk mibdija, partikolarment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, tal-governanza tajba u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, billi, avolja sar progress notevoli, il-korruzzjoni mifruxa għadha xxekkel il-proċess ta' riforma tal-Ukrajna; billi l-kriżi kostituzzjonali li għaddejja bħalissa hija theddida għall-kapaċità tal-President u tal-Verkhovna Rada li jwettqu riformi; billi jidher li l-oligarki qed jerġgħu jiksbu influwenza politika; billi, , hemm bżonn li jiġu adottati ċerti miżuri oħra biex tkun evitata regressjoni, b'attenzjoni partikolari għas-sistema ġudizzjarja;

L.

billi l-potenzjal sħiħ tar-riformi adottati għadu ma ġiex sfruttat minħabba d-dinamika tal-proċess ta' riforma u l-isfidi istituzzjonali relatati; billi r-riformi għadhom qed ikunu ostakolati mill-instabbiltà istituzzjonali u mill-kontradizzjonijiet interni, min-nuqqas ta' parametri ta' riferiment ċari, mill-kapaċitajiet dgħajfa, mir-riżorsi limitati u minn fatturi esterni bħall-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll minn nuqqas ta' rieda politika biex tiġi aċċettata u garantita l-indipendenza totali tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u ekonomiċi u jiġi evitat użu selettiv tal-ġustizzja;

M.

billi id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni NATO-Ukrajna tal-31 ta' Ottubru 2019 tistieden lill-Ukrajna tottempera ruħha mal-obbligi u mal-impenji internazzjonali, tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi u timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja rigward il-liġi dwar l-edukazzjoni;

N.

billi l-aktar rapport reċenti tal-OHCHR jenfasizza n-nuqqas ta' progress fil-proċedimenti kriminali fir-rigward tal-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem kommess, allegatament, mill-forzi tal-Ukrajna, kif ukoll dewmien u progress insuffiċjenti fl-investigazzjonijiet dwar id-delitti relatati ma' pjazza Maidan;

O.

billi, skont l-aħħar rapport ta' Transparency International, il-perċezzjoni tal-korruzzjoni fl-Ukrajna reġgħet lura għal-livelli tal-2017;

P.

billi għad hemm appoġġ ferm qawwi għall-modernizzazzjoni, għad-deoligarkizzazzjoni, għar-riforma u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fost iċ-ċittadini tal-Ukrajna, u dawn l-aspettattivi għandhom ikunu sodisfatti mill-aktar fis;

Q.

billi qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 l-ekonomija tal-Ukrajna kienet irkuprat l-istabbiltà u kienet qiegħda turi tkabbir sodisfaċenti u tnaqqis fil-qgħad, imrawmin mill-progress li sar fl-isfruttament tal-potenzjal tal-FA/DCFTA;

R.

billi l-Ukrajna teħtieġ iżżomm l-istabbiltà makroekonomika tagħha u tirrispetta l-impenji tagħha mal-Fond Monetarju Internazzjonali u timplimenta l-politiki strutturali kollha f'terminu medju maqbula fl-ambitu tal-programm ta' assistenza makrofinanzjarja tal-UE, kif ukoll tiżgura li l-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna jibqa' b'saħħtu u indipendenti;

S.

billi l-kriżi globali li għaddejja bħalissa tirrikjedi approċċ ikkoordinat u pakketti ta' miżuri ta' appoġġ eċċezzjonali; billi kwalunkwe miżura ta' emerġenza jeħtiġilha tkun proporzjonata u limitata fiż-żmien u trid tirrispetta l-libertajiet fundamentali;

T.

billi l-UE baqgħet qrib il-poplu tal-Ukrajna mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, u tat appoġġ finanzjarju u materjali permezz ta' programmi bilaterali u reġjonali, bħal dawk li l-Unjoni poġġiet għad-dispożizzjoni tal-Ukrajna f'Marzu, f'April u f'Mejju 2020;

U.

billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat il-problemi tas-sistema tas-saħħa tal-Ukrajna; billi, minkejja l-fatt li d-dritt tal-Ukrajna jipprevedi assistenza tas-saħħa b'xejn, mhijiex din ir-realtà li bosta ċittadini tal-pajjiż jgħaddu minnha meta jkollhom bżonn kuri mediċi; minħabba l-passi ta' riforma mtawla b'mod irraġonevoli mill-Ministeru tas-Saħħa tal-Ukraina;

V.

billi, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, huwa saħansitra aktar importanti li tibqa' tingħata għajnuna umanitarja u li l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE, l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar ikunu jistgħu jaċċedu mingħajr ostakli għaż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern;

W.

billi l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-konfini tagħha rikonoxxuti f'livell internazzjonali, kif ukoll il-kapaċità tagħha li timplimenta r-riformi ekonomiċi u soċjali neċessarji, għadhom qegħdin jiġu kompromessi b'mod gravi minn kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati, attakki informatiċi u theddid ibridu ieħor, kif ukoll mill-kunflitt mhux riżolt fil-Lvant tal-pajjiż, ikkawżat mill-aggressjoni militari u mill-okkupazzjoni Russa li għaddejjin f'partijiet imdaqqsin tal-oblast' ta' Donetsk u Luhansk, kif ukoll mill-okkupazzjoni u mill-annessjoni illegali min-naħa tar-Russja tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol, ċirkostanzi li ġiegħlu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tmur għall-agħar u jirrappreżentaw ostaklu għall-konsolidament tal-prosperità, tal-istabbiltà u tat-tkabbir tal-pajjiż;

X.

billi l-UE kkundannat bis-saħħa l-aggressjoni Russa li għaddejja fil-konfront tal-Ukrajna, inkluża l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta' Sevastopol, bi ksur tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-pajjiż, u stabbiliet u se tkompli politika ta' nonrikonoxximent ta' dan u, f'dan il-kuntest, tkompli timplimenta miżuri restrittivi fil-konfront ta' individwi u entitajiet involuti f'dan il-ksur tad-dritt internazzjonali;

Y.

billi l-UE żżomm l-impenn tagħha fil-konfront tal-isforzi li saru mill-Format tan-Normandija, mill-OSKE, mill-grupp ta' kuntatt tripartitiku u mill-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukrajna, laqgħet pożittivament l-approċċ kostruttiv tal-Ukrajna fil-Format tan-Normandija u fil-grupp ta' kuntatt tripartitiku u stiednet lir-Russja tirrikambja;

Z.

billi fis-17 ta' Lulju 2014 l-ajruplan tat-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines bejn Amsterdam u Kuala Lumpur tniżżel bi sparar waqt li kien qiegħed itir fuq l-oblast' ta' Donetsk fil-kuntest tal-isforzi tar-Russja biex tikkomprometti l-integrità territorjali tal-Ukrajna, fatt li wassal għall-mewt tal-298 passiġġier u membru tal-ekwipaġġ kollha; billi l-Iskwadra ta' Investigazzjoni Konġunta (SIK) immexxija min-Netherlands ikkonfermat li l-ajruplan tat-titjira MH17 tniżżel b'missila mill-wiċċ għall-ajru Buk fornut mit-53 brigata kontra l-attakki mill-ajru tal-Forzi tal-Art Russi, stazzjonati f'Kursk;

AA.

billi, bis-saħħa tal-kooperazzjoni tal-Ukrajna fl-ambitu tas-SIK, fid-9 ta' Marzu 2020 inbeda, skont id-dritt Netherlandiż, proċess fil-konfront tal-erba' suspettati prinċipali tat-tniżżil tal-ajruplan tat-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines; billi fl-10 ta' Lulju 2020 in-Netherlands ippreżentaw rikors interstatali fil-konfront tal-Federazzjoni Russa quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fid-dawl tar-rwol tagħha fit-tniżżil tal-ajruplan tat-titjira MH17; billi r-Russja eżerċitat pressjoni fuq l-Ukrajna biex fl-iskambju ta' priġunieri li sar fis-7 ta' Settembru 2019 tkun inkluża persuna oħra, il-ħames waħda, infurmata dwar il-fatti, Volodymyr Tsemakh; billi fil-15 ta' Ottubru 2020 ir-Russja waqfet unilateralment tipparteċipa fil-konsultazzjonijiet trilaterali għall-aċċertament tal-verità mal-Awstralja u man-Netherlands, billi r-Russja ostakolat kostantement l-isforzi kollha li saru biex jiġi żgurat li dawk responsabbli jittellgħu quddiem il-ġustizzja, fost affarijiet oħra permezz ta' rifjut tal-konklużjonijiet tas-SIK, il-promozzjoni tad-diżinformazzjoni dwar it-titjira MH17 u billi eżerċitat is-setgħa ta' veto tagħha fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex timpedixxi l-ħolqien ta' tribunal internazzjonali;

AB.

billi l-UE kkundannat lir-Russja talli waqfet tikkoopera fil-każ tat-titjira MH17; billi l-UE ħeġġet b'mod qawwi lir-Russja tikkoopera bis-sħiħ fl-investigazzjonijiet u fil-proċedimenti ġudizzjarji relatati mat-titjira MH17;

AC.

billi, minn mindu faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna tal-Lvant, inqatlu madwar 13 000 ruħ, kwart minnhom ċivili, u ndarbu saħansitra 30 000; billi madwar miljun ċittadin Ukren u nofs kellhom jaħarbu minn darhom minħabba l-kunflitt armat bi gruppi armati sostnuti mir-Russja; billi r-Russja u l-alleati tagħha tefgħu l-ħabs mijiet ta' ċittadini Ukreni, filwaqt li l-post fejn jinsabu ħafna mill-konċittadini tagħhom għadu sal-lum mhux magħruf; billi l-kunflitt militari li għaddej ikkawża kriżi umanitarja b'konsegwenzi devastanti għal 4,4 miljun ruħ, li minnhom madwar miljun u nofs huma persuni spostati internament (IDPs); billi t-3,4 miljun ruħ li qegħdin jgħixu tul il-linja ta' kuntatt għandhom bżonn assistenza umanitarja u protezzjoni; billi, minħabba attakki fuq l-infrastrutturi pubbliċi, il-popolazzjonijiet lokali għandhom aċċess limitat għall-faċilitajiet tal-assistenza tas-saħħa, għall-iskejjel, għall-ilma u għas-servizzi tas-sanità;

AD.

billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żoni okkupati tal-Ukrajna tal-Lvant u fil-peniżola okkupata tal-Krimea marret lura b'mod sinifikanti, filwaqt li l-ksur tal-libertà tal-kelma, il-libertà tar-reliġjon, id-drittijiet ta' proprjetà, ir-restrizzjonijiet severi imposti fuq id-drittijiet tal-edukazzjoni u tal-lingwi, l-abbuż fil-konfront tal-midja u l-impożizzjoni furzata taċ-ċittadinanza Russa saru prassi sistematika u l-libertajiet u d-drittijiet tal-bniedem fundamentali mhumiex garantiti; billi l-awtoritajiet awtoproklamati tal-Krimea okkupata għadhom iwettqu vessazzjonijiet fil-konfront tat-Tatari tal-Krimea, ħarrku għexieren minnhom abbażi ta' akkużi foloz ta' terroriżmu; billi ċ-Ċentru għal-Libertajiet Ċivili fl-Ukrajna jistima li mill-inqas 94 ċittadin tal-Ukrajna ġew ippersegwitati minħabba raġunijiet politiċi fil-Krimea jew fir-Russja, 71 minnhom huma Tatari tal-Krimea, fosthom Marlen Asanov, Memet Belyalov, Timur Ibragimov, Seyran Saliyev, Server Mustafayev, Server Zekiryayev u Edem Smailov, li f'Settembru 2020 ingħataw piena ta' priġunerija ta' bejn 13 u 19-il sena;

AE.

billi l-Ukrajna okkupat is-96 post fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2020; billi l-Ukrajna adottat għadd ta' riformi, inkluża liġi dwar it-trasparenza tas-sjieda tal-midja, iżda hemm bżonn tagħmel aktar biex teħles lill-mezzi ta' informazzjoni mill-ħakma tal-oligarki, tinkoraġġixxi l-indipendenza editorjali u tiġġieled kontra l-impunità għar-reati vjolenti fil-konfront tal-ġurnalisti;

AF.

billi l-panorama tal-mezzi ta' informazzjoni fl-Ukrajna għadu taħt l-influwenza qawwija eżerċitata mill-istruttura oligarkika tas-sidien tal-midja u billi l-operaturi fil-midja, partikolarment il-ġurnalisti li jinvestigaw fuq każijiet ta' korruzzjoni u frodi, huma kontinwament esposti għat-theddida ta' vjolenza, intimidazzjonijiet u mewt, bħal fil-każ tal-ġurnalist Vadym Komarov fl-2019, u xogħolhom spiss huwa ostakolat, fost affarijiet oħra, minn aċċess limitat għall-informazzjoni, minn pressjonijiet ġuridiċi, bħal fil-każ tal-proċediment kriminali fil-konfront tas-sit Bihus.info u minn attakki informatiċi;

AG.

billi l-Ukrajna għandha problema sinifikanti fil-qasam tal-inugwaljanza tal-ġeneri; billi l-ugwaljanza quddiem il-liġi ma tfissirx ugwaljanza effettiva u li fil-prattika n-nisa għadhom isibu quddiemhom ostakli notevoli, b'mod partikolari fuq il-post tax-xogħol; billi, fl-Indiċi globali ta' Disparità bejn is-Sessi mfassal fl-2018 mill-Forum Ekonomiku Dinji, l-Ukrajna tinsab fil-65 post minn 149 pajjiż; billi, skont l-indikatur tal-inugwaljanza fl-introjtu fl-Ukrajna, għal kull USD 100 ta' introjtu li jaqilgħu l-irġiel, in-nisa jaqilgħu biss USD 63,1;

AH.

billi l-persuni LGBTI u l-attivisti femministi huma kontinwament suġġetti għal diskors ta' mibegħda u attakki vjolenti u r-Rom huma vittmi ta' lingwaġġ diskriminatorju u diskors ta' mibegħda min-naħa tal-awtoritajiet statali u lokali u tal-midja;

AI.

billi l-l-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi rrifjutaw f'bosta okkażjonijiet li jibdew investigazzjonijiet fir-rigward ta' kwereli ppreżentati minn persuni LGBTI, partikolarment minn dimostranti tal-Prides, rigward reati ta' mibegħda jew diskors ta' mibegħda, minħabba l-assenza, fil-Kodiċi Kriminali, ta' dispożizzjonijiet dwar il-persegwiment tar-reati ta' inċitament għall-mibegħda jew ta' vjolenza bbażata fuq l-orjentament sesswali jew l-identità tal-ġeneru; billi l-ECRI rrakkomandat li l-Kodiċi Kriminali jiġi emendat biex jikkontempla tali mottivi u biex iqishom ċirkostanzi aggravanti;

AJ.

billi l-Parlament jirrikonoxxi r-rwol ta' tmexxija u r-rieda politika tal-awtoritajiet tal-Ukrajna biex jagħtu protezzjoni suffiċjenti lill-Prides nazzjonali; billi d-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda fil-konfront tal-persuni LGBTI għadhom madankollu mifruxa u li l-protezzjoni tal-pulizija mhijiex dejjem garantita, kif muri mill-attakki vjolenti li saru waqt il-Pride ta' Kiev, meta d-dimostranti ma setgħux jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt universali tagħhom għal-libertà ta' għaqda paċifika waqt li jkunu protetti mill-vjolenza;

AK.

billi l-FA/DCFTA mmira lejn l-objettiv ta' approssimazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-Ukrajna u tal-istandards nazzjonali tagħha ma' dawk tal-UE, anki fl-ambitu soċjali; billi, minkejja dawn l-impenji, l-implimentazzjoni tal-FA/DCFTA fl-ambitu soċjali għadha insodisfaċenti; billi l-Ukrajna rratifikat l-istrumenti internazzjonali prinċipali, iżda għadha tonqos milli timplimentahom;

AL.

billi, minkejja l-obbligi li ġejjin mill-FA, u l-bosta appelli indirizzati mit-trade unions lill-gvern biex jiġu applikati l-miżuri neċessarji biex jitmexxa 'l quddiem id-djalogu soċjali, il-kunċett ta' konsultazzjonijiet tripartitiċi għadu fundamentalment diżapplikat; billi, wara aktar minn għaxar snin minn mindu twaqqaf, il-Kunsill Soċjali u Ekonomiku Tripartitiku Nazzjonali għadu dgħajjef u ineffikaċi bl-ebda influwenza reali fuq id-djalogu soċjali u jbati kostantement minn nuqqas ta' persunal u inkonsistenza fil-koordinament tal-attivitajiet tiegħu; billi fl-2019 terz biss mill-177 trade union totalment Ukreni rreġistrati mill-Ministeru għall-Ġustizzja kellu l-opportunità li jieħu sehem fin-negozjar kollettiv;

Valuri komuni u prinċipji ġenerali

1.

Josserva li l-FA/DCFTA jirrappreżenta rifless tal-ambizzjoni kondiviża mill-UE u mill-Ukrajna li jimxu lejn assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika li jista' jagħmilha ta' pjan ta' riforma, u jenfasizza l-importanza enormi tiegħu, speċjalment fiż-żminijiet eċċezzjonali tal-lum; iħeġġeġ li l-ftehim jiġi implimentat b'mod sħiħ u li l-potenzjal tiegħu jiġi sfruttat; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jżommu l-implimentazzjoni tiegħu fuq nett fl-aġendi tagħhom, minkejja l-isfidi maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19; jisħaq li l-assistenza tal-UE lill-Ukrajna hija suġġetta għal kundizzjonalità rigoruża u jtenni l-bżonn li l-Ukrajna turi impenn imġedded favur ir-riformi u r-rispett tal-prinċipji tal-Unjoni; ifakkar fil-bżonn li l-FA/DCFTA jiġi aġġornata biex jieħu debitament kont tal-evoluzzjoni tal-oqfsa regolatorji u tal-bżonnijiet ta' żvilupp ekonomiku u biex isaħħaħ il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ; jirrakkomanda li l-UE u l-Ukrajna jieħdu vantaġġ mir-rieżami regolari li jmiss dwar l-ilħuq tal-objettivi tal-FA sabiex jeżaminaw il-possibbiltajiet li jaġġornaw l-elementi kummerċjali u settorjali;

2.

Jilqa' favorevolment il-pakketti ta' għajnuna mingħajr preċedent, inkluża l-assistenza makrofinanzjarja, li l-Unjoni għamlet disponibbli għall-Ukrajna fil-qafas ta' Team Europe, biex tgħin lill-pajjiżi sħab jindirizzaw l-emerġenza tal-COVID-19; jinnota li din hija turija kruċjali tas-solidarjetà tal-UE fi żmien ta' kriżi bla preċedent; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukrajna joħolqu klima favorevoli għall-investimenti u jimplimentaw malajr il-kundizzjonijiet maqbula għall-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-UE stabbilita fil-Memorandum ta' Qbil; ifakkar lill-Gvern tal-Ukrajna li l-iżborż, f'Diċembru 2020, tal-ewwel parti ta' EUR 1,2 biljun ta' għajnuna makrofinanzjarja, li jammonta għal EUR 600 miljun, mingħajr l-ebda kundizzjonijiet speċifiċi ta' politika kienet eċċezzjoni unika marbuta man-natura ta' emerġenza ta' dan l-appoġġ u ma jistax jiġi abbużat biex ireġġa' lura r-riformi maqbula;

3.

Jinsab sodisfatt li l-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR, bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew, ivvalutaw l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari tal-2019 kumplessivament bħala kompetittivi, amministrati sewwa u ġestiti b'mod effiċjenti, u dan jikkonferma l-adeżjoni tal-Ukrajna għall-valuri demokratiċi tal-Unjoni u dan jixraqlu b'mod partikolari li jiġi nnutat fil-kuntest tal-isforzi Russi attwali biex jiddestabbilizzaw l-Ukrajna; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati fid-dikjarazzjonijiet tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u jsegwu r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti finali tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR; jibqa' jkun għassa ta' kemm jiġu rispettati l-istandards demokratiċi dwar l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet liberi u ġusti fl-Ukrajna hekk kif il-pajjiż organizza l-ewwel elezzjonijiet lokali wara r-riforma ta' deċentralizzazzjoni tant apprezzata; jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jiżgura kampanji elettorali liberi u ġusti, li fihom la jkun hemm metodi ta' finanzjament mhux xierqa u lanqas lok għal xiri ta' voti; jisħaq li l-proċess elettorali u l-proċeduri tal-votazzjoni f'jum l-elezzjonijiet għandhom isiru fir-rispett ta' standards ta' sikurezza aktar rigorużi u bl-adozzjoni ta' miżuri ta' sikurezza speċifiċi għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-COVID-19; josserva li, waqt l-elezzjonijiet parlamentari bikrija li saru fl-2019 fl-Ukrajna, il-konfini tad-distretti elettorali uninominali ġew delimitati b'mod mhux favorevoli għar-rappreżentanza tal-minoranzi nazzjonali; josserva li f'xi reġjuni, bħat-Transkarpazja, ġew osservati abbużi elettorali, bħall-preżentazzjoni ta' kandidati “kloni”, u dan naqqas l-possibbiltajiet tal-membri tal-minoranza Ungeriża li jkunu eletti fil-parlament;

4.

Jilqa' pożittivament il-Kodiċi Elettorali l-ġdid adottat f'Diċembru 2019, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar id-dritt tal-persuni spostati internament; ifakkar, madankollu, li l-emendi kontinwi tal-Kodiċi Elettorali matul l-iżvolġiment ta' elezzjoni jmorru kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, jikkawżaw inċertezza ġuridika u jħallu impatt negattiv fuq il-ħidma tal-kummissjonijiet elettorali; iħeġġeġ lill-Ukrajna tindirizza wkoll il-kampanji illegali, ix-xiri ta' voti, l-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi u l-inċertezza ġuridika li hemm madwar il-kampanji fuq il-midja soċjali;

5.

Jinsisti fuq il-fatt li l-Kodiċi Elettorali għandu jitjieb u jiġi allinjat mal-istandards internazzjonali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-kampanji fuq il-midja soċjali, it-trasparenza tal-infiq għall-kampanji elettorali u l-aċċess tal-kandidati indipendenti għall-proċess elettorali; jisħaq fuq l-importanza, għal dak li għandu x'jaqsam mal-elezzjonijiet lokali, li jiġu eliminati l-ostakli burokratiċi li l-persuni spostati internament ikollhom quddiemhom biex jinkitbu fil-listi elettorali, li jiġi ffissat finanzjament massimu għall-kampanji elettorali u li titħalla l-parteċipazzjoni ta' kandidati individwali, anki billi jerġa' jiġi kkunsidrat il-pjan għall-introduzzjoni ta' garanzija fi flus għall-kandidati fil-komunitajiet iż-żgħar;

Riformi u qafas istituzzjonali

6.

Jisħaq fuq l-importanza tar-riformi favur id-demokrazija u tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet bħala mekkaniżmi ta' sikurezza l-aktar effiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-mekkaniżmi stabbiliti biex tiffaċilita u ssostni l-implimentazzjoni tar-riformi min-naħa tal-Ukrajna; jissuġġerixxi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni, f'kooperazzjoni stretta mas-soċjetà ċivili, ta' mekkaniżmi kwalitattivi u kwantittativi, li jinkludu parametri ta' riferiment ċari, rakkomandazzjonijiet u prinċipji ta' kundizzjonalità, għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-riformi min-naħa tal-Ukrajna biex jintużaw ħalli titjieb il-metodoloġija tar-rapporti annwali ta' implimentazzjoni, li għandhom isiru strumenti effikaċi ta' gwida għar-riformi;

7.

Jisħaq fuq il-bżonn li jitjiebu l-mekkaniżmi ta' tmexxija u rapportar għall-valutazzjoni tal-progress li tagħmel l-Ukrajna, b'mod partikolari f'dawk li huma r-riformi fis-setturi tal-ġustizzja, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, tal-governanza tal-impriżi ta' proprjetà tal-Istat u tal-enerġija, li jkunu marbuta mal-appoġġ ekonomiku u mal-investimenti;

8.

Jirrakkomanda li l-isforzi politiċi, l-appoġġ finanzjarju u l-assistenza teknika jkunu ċċentrati fuq numru limitat ta' prijoritajiet, bil-għan li jkunu żviluppati b'mod effikaċi l-kapaċitajiet istituzzjonali meħtieġa biex jiżguraw is-suċċess fit-tul tar-riformi, mhux biss fil-leġiżlazzjoni iżda wkoll fil-prattika; isostni t-tisħiħ tal-kooperazzjoni settorjali bejn l-UE u l-Ukrajna f'setturi prijoritarji, bħall-ekonomija diġitali, l-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-kummerċ; jilqa' pożittivament l-ambizzjonijiet tal-Ukrajna biex toqrob lejn il-politiki tal-UE rigward is-suq uniku diġitali u l-Patt Ekoloġiku Ewropew permezz tal-implimentazzjoni tal-acquis rilevanti;

9.

Jirrikonoxxi l-istat ta' sħubija assoċjata tal-Ukrajna u tal-firmatarji l-oħra tal-FA u tad-DCFTAs u jitlob li jkun hemm djalogu politiku msaħħaħ magħhom bil-għan li jkompli jsir progress fl-integrazzjoni ekonomika u fl-armonizzazzjoni leġiżlattiva; jistieden lill-UE, bi qbil mal-prinċipju “aktar għal aktar”, tqis il-possibbiltà li toħloq għat-tliet pajjiżi assoċjati, fosthom l-Ukrajna, strateġija ta' kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tar-riformi u tal-investimenti, li tkun subordinata għal interventi f'oqsma bħal, fost oħrajn, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' investiment, it-trasport, l-enerġija, il-ġustizzja u l-ekonomija diġitali, li tkun twitti t-triq għal aġenda ambizzjuża ta' integrazzjoni fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Ukrajna u lill-pajjiżi assoċjati l-oħra mal-UE, f'koordinament mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, proposta ekonomika u ta' investiment dettaljata, imfassla apposta u suġġetta għal kundizzjonijiet sa tmiem l-2020, fil-kuntest tal-ġestjoni tal-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19; jistieden, barra minn hekk, lill-istituzzjonijiet tal-UE janalizzaw il-possibbiltà li jinkludu bħala osservaturi lill-Ukrajna u lill-pajjiżi assoċjati l-oħra fl-attivitajiet tal-kumitati stabbiliti skont l-Artikolu 291 TFUE u r-Regolament (UE) Nru 182/2011 (7), kif ukoll fil-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma u tal-kumitati tal-Kunsill, biex jintwera l-impenn tal-UE favur integrazzjoni ulterjuri u biex jissaħħaħ l-orjentament lejn ir-riformi u l-kompetenzi amministrattivi tal-pajjiżi;

10.

Isostni r-rieżami komprensiv tal-FA/DCFTA bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim u biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tiegħu ta' assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika, inkluża żieda fl-integrazzjoni settorjali tal-Ukrajna mal-UE;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-oqsma ttraskurati fil-FA/DCFTAs fir-rigward ta' oqsma ta' politika importanti bħall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-indirizzar tal-kriżijiet tas-saħħa, filwaqt li tiżgura li dawn ma jmorrux kontra l-bżonn essenzjali tal-azzjoni ambjentali u klimatika jew l-inizjattivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-investimenti f'setturi b'potenzjal għall-iżvilupp, it-tkabbir u l-kompetittività fl-UE, u li jistgħu jrawmu aktar diversifikazzjoni ekonomika, bħall-enerġija sostenibbli u l-klima, is-suq uniku diġitali u ċ-ċibersigurtà u t-trasport;

13.

Jilqa' pożittivament il-progress li għamlet l-Ukrajna biex tonora l-impenji tal-pajjiż minquxa fil-FA, b'mod partikolari fl-oqsma tal-agrikoltura, l-enerġija, il-banek, id-deċentralizzazzjoni, l-ekonomija diġitali, l-ambjent u l-proċeduri elettorali; jinsab, madankollu, imħasseb li skont il-mekkaniżmu ta' reviżjoni tal-FA (“Pulse of the AA”), 37 % biss tal-kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-FA tlestew fl-2019 (meta mqabbel ma' 52 % fl-2018); jirrikonoxxi t-tentattivi li saru fit-tieni semestru tal-2019 biex jitħaffef ir-ritmu tar-riformi, iżda jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-Ukrajna ma jipprivileġġawx ir-rapidità tal-proċess leġiżlattiv milli l-kwalità tal-leġiżlazzjoni adottata, u jisħaq fuq l-importanza li jkomplu jonoraw l-impenji tagħhom;

14.

Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-Ukrajna ma għandhiex tissottovaluta l-fatt li l-livell tal-appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju mill-UE se jiddependi minn kemm se tirrispetta l-impenji li ħadet fil-konfront tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, speċjalment fir-rigward tal-proċess ta' riforma, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-minoranzi u tal-libertajiet fundamentali u tal-ħolqien ta' stat tad-dritt awtentiku u effikaċi;

15.

Jilqa' favorevolment il-Pjan Direzzjonali Konġunt bejn il-Gvern u l-Parlament adottat fl-2018 u l-ħolqien ta' pjattaforma komuni għall-integrazzjoni Ewropea f'Novembru 2019 u jittama li dawn l-inizjattivi jissarrfu f'koordinament imsaħħaħ bejn id-diversi istituzzjonijiet involuti fil-proġettazzjoni, fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tar-riformi; jinkoraġġixxi lill-Parlament u lill-Gvern tal-Ukrajna jtejbu l-użu tagħhom ta' dan l-istrument b'mod aktar effiċjenti u jirrieżaminaw il-kooperazzjoni ta' bejniethom f'dik li hi l-implimentazzjoni tal-impenji relatati mal-FA u l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni biex jiġu massimizzati s-sinerġiji, b'mod partikolari fl-għarfien espert tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-valutazzjonijiet ta' konformità;

16.

Ifaħħar lill-Ukrajna għall-progress li għamlet fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u jisħaq fuq l-importanza li ma jitnaqqasx ir-ritmu tal-progress ulterjuri u li kwalunkwe ħatra temporanja matul il-perjodu tal-COVID-19 tkun suġġetta mill-aktar fis possibbli għal proċeduri ta' reklutaġġ meritokratiċi; huwa konxju mill-isfida importanti li din tirrappreżenta għall-governanza, għall-istituzzjonijiet u għall-amministrazzjoni pubblika fl-Ukrajna u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tagħti appoġġ tekniku u finanzjarju adegwat;

17.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati miksuba mir-riforma għad-deċentralizzazzjoni u t-trasferiment ta' poteri lill-muniċipalitajiet mibdija fl-2014, li wriet li kienet waħda mir-riformi li s'issa rnexxiet l-aktar; jirrikonoxxi s-sostenn tal-proġett U-LEAD, li wassal għall-formazzjoni volontarja ta' kważi 1 000 komunità lokali unifikata li jirrappreżenta madwar 11,7-il miljun ċittadin; jivvaluta pożittivament il-miżuri adottati s'issa biex jiddeċentralizza l-awtorità pubblika u l-finanzi pubbliċi bis-saħħa ta' pakkett ta' atti ġuridiċi u l-implimentazzjoni prattika tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tistudja mill-qrib id-dettalji tar-riforma ta' deċentralizzazzjoni u potenzjalment tużaha bħala studju tal-każ ta' suċċess għal pajjiżi oħra;

18.

Iħeġġeġ lill-Ukrajna tlesti r-riforma għad-deċentralizzazzjoni fi djalogu wiesa' u miftuħ, b'mod partikolari mal-amministrazzjonijiet lokali awtonomi u mal-assoċjazzjonijiet tagħhom, bil-għan li żżid l-awtonomija u l-kompetenzi tal-gvernijiet lokali u tinkoraġġixxi skambji regolari bejn il-gvern ċentrali u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-gvernijiet lokali u reġjonali rigward kwalunkwe politika li jista' jkollha impatt territorjali;

19.

Jilqa' pożittivament l-organizzazzjoni tal-ewwel ċiklu ta' elezzjonijiet lokali fil-25 ta' Ottubru 2020, b'36 % tal-elettorat li ħareġ jivvota, li kienu liberi u ġusti, iżda flimkien magħhom saret konsultazzjoni pubblika parallela li, skont l-OSKE/ODIHR, ħolqot vantaġġ politiku indebitu u ċajpret is-separazzjoni bejn Stat u partit; jistieden lill-awtoritajiet statali jirrispettaw l-awtonomija tal-amministrazzjonijiet lokali awtonomi u jsostnu l-kapaċitajiet amministrattivi tal-muniċipalitajiet u tal-bliet; jitlob l-introduzzjoni tal-kunċett ta' entità pubblika territorjali bħala persuna ġuridika, li hija l-prattika stabbilita fl-Unjoni Ewropea u hija rikonoxxuta fil-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokal; jilqa' favorevolment il-modifika tal-leġiżlazzjoni dwar il-baġit, li tipprevedi l-garanzija ta' sehem tas-60 % tat-taxxa lokali fuq l-introjtu tal-persuni fiżiċi bħala kontribut neċessarju għas-sodezza tal-finanzi pubbliċi fil-livell lokali; iwissi kontra l-ħolqien ta' strutturi paralleli fil-livell lokali li jafu jagħtu lok għal ġlidiet fuq il-kompetenzi, iżda jissuġġerixxi li tiġi kkunsidrata l-assenjazzjoni ta' kompetenzi doppji lid-detenturi ta' karigi, b'hekk ikunu jassumu kemm kompetenzi lokali kif ukoll, fl-istess ħin, jiffunzjonaw bħala l-awtorità statali fl-aktar livell baxx; jieħu nota tar-riżoluzzjoni tal-Verkhovna Rada tas-17 ta' Lulju 2020 dwar il-formazzjoni u x-xoljiment tar-rajon, skont liema d-dispożizzjonijiet relatati mal-konsolidament tar-rajon se jkun, bħala regola, applikabbli anki għat-territorji tal-Krimea u għad-distretti tar-reġjuni ta' Donetsk u ta' Luhansk li attwalment mhumiex ikkontrollati mill-Gvern tal-Ukrajna;

Kooperazzjoni fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)

20.

Jirrikonoxxi l-esperjenza u l-għarfien espert uniċi tal-Ukrajna, u jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fil-missjonijiet, fil-gruppi tattiċi u fl-operazzjonijiet fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), il-kontribut tagħha fil-gruppi tattiċi tal-UE u l-allinjament dejjem akbar tagħha mal-istqarrijiet u mad-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar kwistjonijiet internazzjonali u reġjonali, u jifraħ lill-Ukrajna għall-istatus il-ġdid tagħha ta' “Sieħeb b'Opportunitajiet Imsaħħa” (Enhanced Opportunities Partner) tan-NATO;

21.

Jilqa' favorevolment il-progress pożittiv li sar fil-qasam tal-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, inkluża l-industrija spazjali, u fil-qasam tad-difiża, b'mod partikolari l-konverġenza fis-segmenti operattivi, edukattivi u istituzzjonali, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-bidliet interni neċessarji f'dawn is-setturi; ifaħħar id-disponibbiltà tal-Ukrajna li tipparteċipa f'Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u fil-programmi ta' riċerka tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA); josserva l-kooperazzjoni produttiva bejn il-Ministeru tad-Difiża tal-Ukrajna u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u jinkoraġġixxi l-iżvilupp ulterjuri tagħha; jistieden lill-UE u lill-Ukrajna jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, billi jagħtu attenzjoni partikolari lill-kunflitt fl-Ukrajna tal-Lvant u lit-tentattivi tar-Russja li tipperikola s-sovranità tal-Ukrajna u li tikser l-integrità territorjalitagħha, permezz tar-rikonċiljazzjoni, il-kooperazzjoni fis-settur taċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, kif ukoll iħabirku biex isaħħu r-reżiljenza tal-familji, tal-komunitajiet u tal-istituzzjonijiet statali;

22.

Isostni l-parteċipazzjoni possibbli tal-Ukrajna fi proġetti tal-PSDK magħżula, anki fil-kooperazzjoni mal-EDA u b'mod partikolari fl-ambitu tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) dment li tissodisfa ġabra ta' kundizzjonijiet politiċi, sostanzjali u ġuridiċi maqbula, l-istess bħal fil-każ ta' pajjiżi oħra; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni reċenti tal-UE li tistieden lill-Ukrajna tipparteċipa fl-operazzjoni ALTHEA tal-UE fil-Bożnija-Ħerzegovina u jinkoraġġixxi liż-żewġ naħat – l-UE u l-Ukrajna – ikomplu jwessgħu l-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;

23.

Jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet tal-Ukrajna u s-settur pubbliku u dak privat Ewropej bil-għan li jiġġieldu kontra t-theddid ibridu li ġej prinċipalment mir-Russja u li jimmira, fost oħrajn, li jxerred informazzjoni falza, jinċita għall-vjolenza u jippromwovi sentimenti antigovernattivi u anti-Ewropej; iqis li jixraq u li wasal iż-żmien li l-UE u l-Ukrajna jibdew, mill-aktar fis possibbli, djalogu dwar kwistjonijiet informatiċi u jappoġġa l-idea li titwessa' l-portata tad-djalogu dwar is-sigurtà u d-difiża, bil-għan li jkun hemm reazzjoni adegwata għat-theddid attwali u futur, b'mod partikolari bi qbil mal-istrateġija globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà;

L-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna

24.

Itenni l-appoġġ sod u l-impenn tal-Unjoni favur l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-konfini tagħha rikonoxxuti f'livell internazzjonali, kif ukoll l-appoġġ tagħha għal sanzjonijiet ikkoordinati f'livell internazzjonali fil-konfront tal-Gvern u tal-aġenti Russi li jikkompromettu s-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiż, sakemm ma jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti kollha għat-tneħħija tas-sanzjonijiet, fosthom l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk u r-ripristinu tal-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-konfini tagħha rikonoxxuti f'livell internazzjonali;

25.

Jibqa' jikkundanna l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta' Sevastopol u l-okkupazzjoni de facto ta' ċerti żoni ta' Donetsk u Luhansk; jistieden lill-Federazzjoni Russa tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha, tirtira l-forzi militari tagħha mit-territorju tal-Ukrajna u timplimenta b'mod sħiħ ir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-integrità territorjali tal-Ukrajna u dwar il-Krimea u Sevastopol;

26.

Jissottolinja li kwalunkwe ftehim mal-Federazzjoni Russa jrid jirrispetta l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk u t-twettiq tar-riżoluzzjonijiet tan-NU dwar l-istatus tal-Krimea u r-rispett għall-integrità territorjali tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa;

27.

Jilqa' b'sodisfazzjon, wara stall li dam tliet snin, li fid-9 ta' Diċembru 2019 f'Pariġi ssuktaw it-taħditiet ta' paċi fil-qafas tal-Kwartett tan-Normandija; iħeġġeġ liż-żewġ naħat jaderixxu għall-ftehim ta' waqfien mill-ġlied; jisħaq fuq l-importanza li jiġu identifikati oqsma oħra ta' diżimpenn, jinbdew attivitajiet ta' tneħħija tal-mini u jinfetħu punti ta' kontroll fuq il-fruntiera tul il-linja ta' kuntatt, u jistieden lir-Russja tuża l-influwenza deċiżiva tagħha fuq il-formazzjonijiet armati appoġġati minnha biex jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ l-impenji meħuda fl-ambitu tal-Ftehim ta' Minsk u tal-laqgħat reċenti tal-Kwartett tan-Normandija u tal-grupp ta' kuntatt tripartitiku; itenni, kif maqbul f'Minsk u fl-hekk imsejħa “Formula Steinmeier”, li l-elezzjonijiet lokali fiż-żoni okkupati tal-Ukrajna tal-Lvant għandhom isiru skont il-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna u taħt is-superviżjoni tal-OSKE; jissottolinja li s-sitwazzjoni attwali ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet liberi u ġusti f'Donetsk u Luhansk; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-pjan biex jiġu inklużi s-separatisti sostnuti mir-Russja fit-taħditiet tal-grupp ta' kuntatt tripartitiku ġie abbandunat; jiddispjaċih bil-kummenti li saru minn membri ta' livell għoli tad-delegazzjoni Ukrena fi ħdan il-grupp ta' kuntatt tripartitiku li ċaħdu l-involviment militari tar-Russja fil-kunflitt fir-reġjun tad-Donbas;

28.

Jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet destabbilizzanti u l-involviment militari tar-Russja fl-Ukrajna; jesprimi tħassib għall-kostruzzjoni attwali, min-naħa tar-Russja, ta' strutturi u installazzjonijiet militari fil-peniżola tal-Krimea, inkluż l-iskjerament ta' ferm aktar minn 30 000 truppa, sistemi ġodda ta' missili mill-wiċċ għall-ajru u mill-wiċċ għall-wiċċ, sottomarini b'kapaċitajiet nukleari u bombers strategiċi; jikkundanna l-azzjonijiet illegali tar-Russja mmirati li tieħu f'idejha l-kontroll tal-Istrett ta' Kerch, inkwantu jikkostitwixxu ksur tad-dritt marittimu internazzjonali u tal-impenji internazzjonali tar-Russja, b'mod partikolari l-bini tal-pont ta' Kerch u tal-kollegament ferrovjarju tiegħu mingħajr il-kunsens tal-Ukrajna, it-tqegħid ta' kejbils sottomarini kif ukoll l-għeluq u l-militarizzazzjoni tal-Baħar ta' Azov, li jxekkel b'mod gravi l-attivitajiet ekonomiċi tal-Ukrajna; jistieden lill-Federazzjoni Russa tiżgura passaġġ liberu u mingħajr restrizzjonijiet minn u lejn il-Baħar ta' Azov, bi qbil mad-dritt internazzjonali, u l-aċċess għat-territorji okkupati tad-Donbas u għall-Krimea annessa għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali u l-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali; ifakkar, f'dan il-kuntest, li r-reġim ta' spezzjoni marittima mniedi fl-2018 mir-Russja għall-bastimenti kollha li jgħaddu mill-Istrett ta' Kerch ikkontrollat mir-Russja fit-triqthom lejn il-Baħar Azov u ġejjin minnu għadu qed iħalli konsegwenzi ekonomiċi negattivi għar-reġjun; jitlob il-ħelsien tal-priġunieri Ukreni kollha u tal-priġunieri tal-gwerra kollha fir-Russja, fil-Krimea u fiż-żoni tad-Donbas mhux ikkontrollati mill-Gvern tal-Ukrajna; jesprimi tħassib, madankollu, dwar l-inklużjoni furzata ta’ ċittadini Russi ssuspettati li kienu involuti fit-twaqqigħ tal-ajruplan tat-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines fl-iskambju ta’ detenuti bejn l-Ukrajna u r-Russja;

29.

Jenfasizza l-bżonn ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt fl-Ukrajna tal-Lvant; jitlob lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jintensifikaw l-isforzi tagħhom favur riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt, billi jsostnu l-isforzi tan-naħat kollha involuti fil-proċess ta' paċi, kif ukoll iżidu l-miżuri biex tissaħħaħ il-fiduċja u jappoġġaw mandat għall-iskjerament ta' missjoni għaż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti fit-territorju okkupat kollu tal-Ukrajna; jitlob li, malli s-sitwazzjoni tippermetti u bħala parti mill-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk, titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet involuti fil-kunflitt missjoni ċivili fl-ambitu tal-PSDK immexxija mill-UE, biex tgħin fil-kompiti bħat-tneħħija tal-mini, it-tħejjija tal-elezzjonijiet lokali u l-garanzija tal-aċċess liberu għall-organizzazzjonijiet li jagħtu għajnuna umanitarja; jistieden parallelament lill-istituzzjonijiet tal-UE jkunu lesti li jsaħħu s-sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja jekk is-sitwazzjoni tirrikjedi hekk, anki fil-każ jekk ir-Russja tonqos milli tirrispetta l-obbligi tagħha li ġejjin mill-Protokoll ta' Minsk, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-kwistjonijiet ta' sigurtà;

30.

Iħeġġeġ lill-Ukrajna tonora l-impenji tagħha fil-qasam tar-riforma tal-kontrolli statali fuq l-esportazzjonijiet skont ir-rekwiżiti u l-istandards tal-UE u f'dik li hi l-implimentazzjoni ta' politika konsistenti u sistematika dwar is-sanzjonijiet; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw aħjar l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE, anki permezz ta' superviżjoni aħjar tal-attivitajiet tal-awtoritajiet fl-Istati Membri inkarigati mill-implimentazzjoni tar-regoli komuni tal-UE;

31.

Jistieden lis-SEAE jiżviluppa rwol aktar attiv għall-UE, irrappreżentata mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt li għaddej fl-Ukrajna tal-Lvant, anki fil-qafas tal-Format tal-Kwartett tan-Normandija; jirrakkomanda li titqies il-possibbiltà li jinħatar Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Krimea u r-reġjun tad-Donbas;

32.

Itenni l-appell tiegħu għal format internazzjonali ta' negozjati għall-waqfien tal-okkupazzjoni tal-peniżola tal-Krimea bil-parteċipazzjoni attiva tal-UE; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu l-appoġġ neċessarju għall-ħolqien ta' Pjattaforma Internazzjonali għall-Krimea, li jkun jippermetti li jiġu kkoordinati, fformalizzati u sistematizzati l-isforzi għar-ripristinu tal-integrità territorjali tal-Ukrajna; iqis li hu importanti li l-Mejlis tal-poplu Tataru tal-Krimea, bħala l-uniku organu rappreżentattiv rikonoxxut f'livell internazzjonali tat-Tatari tal-Krimea, fl-attivitajiet ta' din il-Pjattaforma;

33.

Ifakkar, fil-frattemp, li skont id-dritt umanitarju internazzjonali, il-Federazzjoni Russa, inkwantu l-Istat okkupanti, għandha r-responsabbiltà totali li tissodisfa l-bżonnijiet tal-popolazzjoni tal-peniżola tal-Krimea temporanjament okkupata, anki għal dak li għandu x'jaqsam mal-provvista ta' ilma tagħha; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, barra minn dan, skont ir-raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, li tagħha r-Russja hija parti, potenza okkupanti ma tistax tobbliga lir-residenti tat-territorju okkupat iservu fil-forzi armati jew awżiljarji tagħha;

34.

Jikkundanna l-Federazzjoni Russa talli insedjat ċittadini Russi fil-Krimea okkupata u fit-territorji ta' Donetsk u Luhansk, b'hekk ikkompromettiet il-bilanċ bejn id-detenturi ta' passaporti Russi u l-Ukreni, il-ħruġ kontinwu ta' passaporti Russi lir-residenti tat territorji Ukreni temporanjament okkupati, bi ksur tas-sovranità tal-Ukrajna u tal-objettivi u d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ta' Minsk, kif ukoll it-tentattivi tagħha li torganizza elezzjonijiet lokali fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea fl-Ukrajna fit-13 ta' Settembru 2020; jafferma li l-elezzjoni tal-gvernatur ta' Sevastopol kienet illegali u kisret id-dritt internazzjonali, l-istess bħall-vot għar-rappreżentanti fl-hekk imsejjaħ Kunsill tal-Istat tar-“Repubblika tal-Krimea”, fl-hekk imsejħa Assemblea Leġiżlattiva tal-belt ta' Symferopol u fl-hekk imsejjaħ Kunsill Rurali tar-reġjun ta' Razdolno; jistieden lill-UE timponi sanzjonijiet lil dawk responsabbli mill-organizzazzjoni u mill-iżvolġiment tal-elezzjonijiet; jiddeplora l-azzjonijiet li ħadet ir-Russja biex iddaħħal bil-lieva lil ġuvintur fil-Krimea okkupata ħalli jservu fil-forzi armati Russi, li minnhom 85 % ntbagħtu biex iservu fil-Federazzjoni Russa; jistieden lir-Russja ma tibqax taqbad bil-lieva lill-persuni fil-Krimea u tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra;

35.

Jesprimi s-sostenn sħiħ tiegħu għall-isforzi biex tinkiseb ġustizzja għall-298 vittma kollha tat-tniżżil tal-ajruplan tat-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines permezz ta' missila mill-wiċċ għall-ajru fornuta mir-Russja u għal qrabathom, anki għal li għandu x'jaqsam mal-proċedimenti kriminali mibdija skont id-dritt Netherlandiż u bis-sostenn tal-komunità internazzjonali fil-konfront ta' erba' suspettati u l-proċediment mibdi kontra r-Russja quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; ifaħħar lill-Ukrajna għall-kollaborazzjoni kostanti tagħha fl-ambitu tas-SIK biex taċċerta l-verità, tidentifika s-suspettati u ttella' lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja; jikkundanna l-irtirar unilaterali tar-Russja mill-konsultazzjonijiet trilaterali mal-Awstralja u man-Netherlands għall-aċċertament tal-verità; jistieden lir-Russja tikkoopera bis-sħiħ fl-isforzi kollha li għaddejjin biex tiġi aċċertata r-responsabbiltà ta' kwalunkwe persuna jew entità involuta fit-tniżżil tal-ajruplan tat-titjira MH17, billi tissokta, fost oħrajn, id-djalogu għall-aċċertament tal-verità mal-Awstralja u man-Netherlands, tiżgura l-kooperazzjoni tagħha mar-rikors interstatali fir-rigward tal-materja ppreżentat min-Netherlands fil-konfront tar-Russja quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u testradixxi lil Volodymyr Tsemakh lejn in-Netherlands; iħeġġeġ lir-Russja tieqaf tippromwovi d-diżinformazzjoni fir-rigward tat-titjira MH17;

36.

Jistieden lill-Ukrajna tassisti lill-gvern ċentrali tal-Moldova fl-isforzi tiegħu biex jerġa' jikseb il-kontroll tat-Transnistrija abbażi tal-integrità territorjali tal-Moldova;

37.

Jieħu nota tal-adozzjoni tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali f'Ġunju 2018 u tal-liġi relatata mal-akkwist fil-qasam tad-difiża u mal-intelligence fl-2020; iħeġġeġ, madankollu, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni addizzjonali bil-għan li tillimita l-kompetenzi tas-Servizz tas-Sigurtà tal-Ukrajna (SSU) biex tittrasformah f'aġenzija inkarigata purament mill-counter-intelligence u mill-ġlieda kontra t-terroriżmu u tissottoponi s-settur tas-sigurtà kollu kemm hu għall-kontroll parlamentari;

Ġustizzja, libertà, sigurtà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni

38.

Itenni li l-ksib ta' riżultati tanġibbli fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni huwa essenzjali biex jinżamm fost iċ-ċittadini livell għoli ta' appoġġ favur il-proċess ta' riforma, anki biex jitjieb il-kuntest tan-negozju u biex jinġibdu investimenti diretti barranin; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jagħmlu aktar progress f'dawk li huma riformi, partikolarment fis-settur tal-istat tad-dritt u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jiżguraw l-indipendenza u t-tkomplija tal-ħidma tal-istituzzjonijiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; ifaħħar, f'dan ir-rigward, lir-rikostituzzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u d-dħul fis-seħħ f'Jannar 2020 tal-liġijiet il-ġodda dwar l-arrikkiment illeċitu u dwar l-informaturi ta' irregolaritajiet, kif ukoll il-bidu tal-attivitajiet tal-Qorti Superjuri kontra l-Korruzzjoni f'Settembru 2019;

39.

Jinsab, madankollu, imħasseb bl-eżitu tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tas-27 ta' Ottubru 2020, li ħolqot vojt ġuridiku fl-arkitettura antikorruzzjoni Ukrena u dgħajfet serjament l-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni; jirrikonoxxi l-isforzi attivi li beda l-President Zelenskyy, segwit f'dan mill-partijiet politiċi kkonċernati, biex jerġa' jistabbilixxi l-leġiżlazzjoni u l-kredibbiltà tal-arkitettura antikorruzzjoni Ukrena; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jkomplu l-isforzi tagħhom biex jerġgħu jistabbilixxu arkitettura istituzzjonali totalment operattiva, effikaċi u komprensiva għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, anki fil-ġudikatura, filwaqt li jippreservaw totalment l-indipendenza ta' din tal-aħħar mill-poter eżekuttiv u minn dak leġiżlattiv; jissottolinja li Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni mgħammra bis-setgħat neċessarji kollha taqdi rwol kruċjali f'dan il-kuntest u li s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali ma għandhiex tintuża bħala pretest biex din tiddgħajjef jew tkun ostakolata; jesprimi t-tħassib serju li għandu dwar tentattivi apparenti ta' ċerti gruppi ta' interess biex jimminaw ir-riżultati li kiseb il-pajjiż fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u fir-riformi demokratiċi b'mod ġenerali, partikolarment it-tentattivi ta' ċerti oligarki Ukreni li jerġgħu jaħtfu taħt idejhom il-poter politiku, u b'hekk dgħajfu l-maġġoranza riformatriċi fil-Verkhovna Rada, kif juru wkoll id-diffikultajiet misjuba biex jimtela l-vojt leġiżlattiv li ħalliet is-sentenza kontroversjali tas-27 ta' Ottubru 2020 tal-Qorti Kostituzzjonali; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha jġeddu l-impenn tagħhom favur ir-riformi li l-eletturi Ukreni esiġew u li huma kruċjali biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, tinqered il-korruzzjoni u tinkiseb prosperità aqwa għall-popolazzjoni tal-Ukrajna;

40.

Jisħaq fuq l-importanza li tkun żgurata l-indipendenza tal-Qorti Superjuri kontra l-Korruzzjoni u ta' istituzzjonijiet oħra impenjati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jitlob li fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet impenjati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni jiġi adottat approċċ oġġettiv u imparzjali biex ikunu garantiti l-fiduċja u l-appoġġ pubbliku fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jieħu nota tal-ewwel sentenzi maqtugħa u tar-rispett tal-istandards professjonali rigorużi ta' din il-Qorti; jitlob, madankollu, li tkun intensifikata l-ħidma tal-Qorti Superjuri kontra l-Korruzzjoni biex tiżdied ir-rata ta' kundanni, anki fil-każijiet ta' livell għoli;

41.

Jifraħ bix-xogħol li għamel l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna, li x'aktarx huwa l-istituzzjoni impenjata fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni l-aktar effikaċi tal-pajjiż; jenfasizza barra minn hekk il-bżonn li tissaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna; iħeġġeġ għaldaqstant li l-liġi dwar l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tkun allinjata mal-Kostituzzjoni mad-deċiżjoni reċenti tal-Qorti Kostituzzjonali u li jkunu previsti preċeduri ta' selezzjoni trasparenti, depolitiċizzati u meritokratiċi għal-Kapijiet ta' tali Uffiċċju, tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat fil-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u tal-Uffiċċju Investigattiv tal-Istat, billi ssir ukoll verifika kredibbli tal-integrità tagħhom;

42.

Jiddispjaċih bit-tentattivi li jsiru attakki fuq l-istituzzjonijiet impenjati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li dawk jiġu kompromessi, minn membri tal-Verkhovna Rada, b'mod partikolari t-tentattivi biex jitkeċċa d-Direttur tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna u l-proċess ta' selezzjoni opak tad-Direttur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat fil-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni; josserva n-nuqqas ta' protezzjoni tal-attivisti tal-NGOs u tal-ġurnalisti li jikxfu u jiddenunzjaw każijiet ta' korruzzjoni u jitlob l-implimentazzjoni effettiva tal-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet, li daħlet fis-seħħ f'Jannar 2020;

43.

Jilqa' pożittivament l-abbozz ta' Strateġija tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni għall-perjodu 2020-2024 u jistenna li l-Verkhovna Rada ma ddumx ma tadotta strateġija komprensiva, u żżomm l-elementi fundamentali kollha tal-abbozz; jirrikonoxxi li d-diversi forom ta' pressjoni u sabotaġġ li għalihom huma suġġetti l-istituzzjonijiet impenjati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma r-rifless ta' ġlieda dejjem aktar effikaċi u ta' suċċess kontra l-korruzzjoni; jinsisti li l-istituzzjonijiet impenjati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħall-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat fil-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u l-Qorti Superjuri kontra l-Korruzzjoni għandhom jibqgħu indipendenti, effikaċi u mgħammra b'riżorsi adegwati; ifaħħar l-adozzjoni, f'Diċembru 2019, tal-liġi l-ġdida dwar il-ħasil ta' flus, li saħħet it-trasparenza tal-istrutturi relatati mas-sjieda tal-impriżi fl-Ukrajna u tirrappreżenta titjib notevoli tal-qafas ġuridiku rilevanti;

44.

Jinsab imħasseb bil-kbir dwar il-livell għoli tal-pressjoni politika sistematika u l-atti ta' intimidazzjoni li saru, sfortunatament mhux għall-ewwel darba, fil-konfront tal-President tal-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna u li wasslu għar-riżenja tiegħu f'Lulju 2020; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jastjenu milli jeżerċitaw pressjoni politika fuq l-istituzzjonijiet ekonomiċi indipendenti u fuq l-awtoritajiet tal-infurzar, u jiggarantixxu li l-indipendenza tagħhom tkun ippreservata bħala garanzija tal-funzjonament korrett tas-suq u ta' kundizzjonijiet ta' parità għall-operaturi ekonomiċi kollha;

45.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ġudikatura għadha waħda mill-istituzzjonijiet li l-aktar mhijiex fdata fl-Ukrajna u jinsab imħasseb serjament bl-istat li spiċċat fih b'segwitu għar-riforma ta' Ottubru 2019, li wasslet għaż-żarmar u għar-rikostituzzjoni tal-Kummissjoni Superjuri għall-Kwalifiki tal-Imħallfin u rriżultat fis-sospensjoni tal-proċess ta' rivalutazzjoni u ta' reklutaġġ tal-imħallfin, b'hekk tħallew vakanti madwar 2 000 kariga ta' mħallef; jiddispjaċih bil-fatt li fl-imgħoddi l-Kummissjoni Superjuri għall-Kwalifiki tal-Imħallfin ma ħaditx kont tal-opinjoni tal-Kunsill għall-Integrità Pubblika fir-rivalutazzjoni tagħha tal-imħallfin, u jħeġġiġha tagħmel hekk fil-ġejjieni biex tkopri l-postijiet vakanti fil-qrati ta' grad inferjuri bi mħallfin li jissodisfaw l-istandards etiċi u ta' integrità f'konformità sħiħa mal-Opinjoni nru 969/2019 tal-Kummissjoni ta' Venezja; jinsisti fuq ir-rikostituzzjoni bikrija tal-Kummissjoni Superjuri għall-Kwalifiki tal-Imħallfin abbażi ta' emenda tal-Liġi nru 3711 f'konformità mad-deċiżjoni nru 4-p/2020 tal-11 ta' Marzu 2020 tal-Qorti Kostituzzjonali Ukrena, bil-għan li titwaqqaf Kummissjoni Superjuri għall-Kwalifiki tal-Imħallfin indipendenti bbażata fuq proċedura ta' selezzjoni trasparenti, bil-parteċipazzjoni ta' esperti internazzjonali; itenni li Kummissjoni Superjuri għall-Kwalifiki tal-Imħallfin mgħammra bis-setgħat għandha tkun tista' tagħmel selezzjoni effikaċi tal-imħallfin il-ġodda u tivvaluta l-imħallfin fil-kariga, bi qbil mar-regoli u mal-proċeduri adottati mill-istess Kummissjoni Superjuri għall-Kwalifiki tal-Imħallfin fl-ambitu tal-mandat tagħha; jinsisti bil-qawwa biex issir verifika tal-integrità tal-Kunsill Superjuri tal-Ġustizzja li għadu ma ġiex riformat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jkomplu u jaċċeleraw ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja biex ma tkunx kompromessa l-ħidma tal-istituzzjonijiet impenjati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jastjenu minn proċessi politikament motivati u mill-istrumentalizzazzjoni tal-ġudikatura kontra l-avversarji politiċi u jikkompletaw il-qafas ġuridiku għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod eżistenti u ġodda fil-qasam tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba biex timmonitorja u tivvaluta l-progress li għamlet l-Ukrajna, b'mod partikolari t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE u l-Mekkaniżmu tal-Istat tad-Dritt, sabiex jiġi żgurat skrutinju mill-qrib tar-riformi li għaddejjin u l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni xierqa tan-nuqqasijiet possibbli f'dawn ir-riformi;

47.

Jilqa' pożittivament ir-riforma tal-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali li nbdiet f'Settembru 2019 u jitlob li titlesta l-attestazzjoni tal-prosekuturi, biex b'hekk jiġi żgurat li l-prosekuturi l-ġodda fil-livelli kollha jintgħażlu fi proċess trasparenti u politikament imparzjali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni jsaħħu l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jtejbu l-qafas leġiżlattiv, kif ukoll il-kooperazzjoni u l-koordinament bejn l-aġenziji responsabbli tal-infurzar tal-liġi;

48.

Jappella bil-qawwa lill-awtoritajiet Ukreni biex jastjenu mill-prattika ħażina preċedenti tagħhom li jsegwu kawżi ġudizzjarji motivati politikament; jissottolinja f'dan ir-rigward li d-diverġenzi dwar kwistjonijiet politiċi għandhom jiġu indirizzati fil-fora politiċi kompetenti u mhux fl-isfera ġudizzjarja;

49.

Jinsab imħasseb bil-fatt li l-Ukrajna hija elenkata mill-Kummissjoni bħala pajjiż ta' prijorità tal-“kategorija 2”, jiġifieri d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mhumiex protetti u infurzati biżżejjed; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kontrolli doganali u l-infrastruttura għal titjib fil-prevenzjoni tad-dħul u t-tranżitu ta' prodotti kontrafatti lejn l-Ukrajna u fiha; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tassisti lill-Ukrajna fit-tfassil ta' abbozzi ta' liġijiet ġodda dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

50.

Jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jkompli l-investigazzjoni tad-delitti kommessi minn membri tal-forzi Ukreni fil-konfront ta' attivisti waqt il-protesti tal-Euromaidan u jipprovdi ġustizzja lill-vittmi u l-familji tagħhom minnufih;

51.

Iħeġġeġ lill-Ukrajna tirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;

52.

Jilqa' pożittivament l-emendi tal-Kodiċi Kriminali Ukrena li jiddefinixxu l-istupru u l-vjolenza sesswali bħala nuqqas ta' kunsens u jħeġġeġ l-iżvilupp rapidu ta' metodoloġija għall-investigazzjoni ta' reati ta' vjolenza sesswali; jiddispjaċih għall-fatt li minħabba n-nuqqas ta' tali metodoloġija, l-ebda każ ta' prosekuzzjoni dwar stupru jew vjolenza sesswali fuq il-bażi ta' nuqqas ta' kunsens ma tressaq fl-2019;

Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali

53.

Jikkundanna bil-qawwa l-ksur fuq skala kbira u permanenti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni, ir-reliġjon jew it-twemmin u l-assoċjazzjoni, kif ukoll id-dritt għal assemblea paċifika, imwettqa mill-forzi ta' okkupazzjoni Russi fit-territorju okkupat temporanjament tal-Krimea u mill-gruppi armati sostnuti mir-Russja fiż-żoni tad-Donbas li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-gvern, inklużi l-lieva furzata, id-deportazzjoni, l-impożizzjoni illegali u furzata ta' passaporti, ir-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-edukazzjoni u tal-lingwi, id-detenzjoni arbitrarja, it-tortura u kundizzjonijiet oħra ta' detenzjoni ħarxa, kif ukoll miżuri restrittivi bħall-għeluq unilaterali ta' punti ta' kontroll u l-aċċess miċħud lin-NU, li jqajmu tħassib serju fiż-żmien tal-pandemija attwali;

54.

Ifakkar li l-ħajja u l-benessri tal-popolazzjoni ċivili għadhom f'riskju mill-gwerra flUkrajna tal-Lvant u jinnota li t-tnaqqis tal-ostilitajiet fl-Ukrajna tal-Lvant matul il-waqfien mill-ġlied li daħal fis-seħħ fis-27 ta' Lulju 2020 ikkontribwixxa għal tnaqqis ta' 53 % fl-inċidenti tas-sigurtà u tnaqqis fl-għadd ta' vittmi ċivili; jilqa' favorevolment il-programm “EU4ResilientRegions”, li jinkludi EUR 30 miljun, bil-għan li jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ukrajna tal-Lvant u tan-Nofsinhar fir-rigward tal-impatti negattivi tal-kunflitt li għaddej bħalissa, inkluż theddid ibridu u fatturi destabbilizzanti oħra;

55.

Jinsab madankollu mħasseb ħafna bid-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fit-territorji tal-Lvant li bħalissa mhumiex ikkontrollati mill-Gvern tal-Ukrajna, speċjalment fid-dawl tal-emerġenza attwali tal-COVID-19; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali de facto jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjoni, inkluż l-aċċess għall-faċilitajiet tas-saħħa u għall-kuri mediċi ta' kwalità tajba, jiġu ssodisfati, u jikkooperaw bis-sħiħ mal-Gvern leġittimu Ukren għal dak il-għan;

56.

Jissottolinja li fl-Ukrajna tal-Lvant, aktar minn 3,5 miljun persuna fuq iż-żewġ naħat tal-linja ta' kuntatt għadhom jiddependu mill-assistenza u mill-protezzjoni umanitarja, filwaqt li qed iħabbtu wiċċhom ma' qtugħ tal-provvisti tal-ilma u tal-elettriku; jinnota li l-pandemija attwali tal-COVID-19 aggravat l-isfidi li għandhom quddiemhom dawn in-nies; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mal-korpi tan-NU, iżżid l-isforzi tagħha biex tipprovdi assistenza matul din il-kriżi umanitarja, f'konformità mal-Ħarsa Ġenerali lejn il-Ħtiġijiet Umanitarji (Humanitarian Needs Overview);

57.

Jiddispjaċih li, mill-bidu tal-okkupazzjoni, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea marret għall-agħar, peress li sa mill-bidu tal-okkupazzjoni r-Russja naqqset drastikament il-libertajiet ta' għaqda, espressjoni, assoċjazzjoni, aċċess għall-informazzjoni u reliġjon; jiddeplora l-politiki diskriminatorji imposti mill-awtoritajiet awtoproklamati Russi kontra, b'mod partikolari, il-minoranza etnika Tatara tal-Krimea, il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà tagħhom, l-intimidazzjoni dejjem akbar ta' dik il-komunità u ta' dawk li jopponu l-annessjoni illegali permezz ta' lieva furzata, persekuzzjonijiet, perkwiżizzjonijiet, detenzjonijiet u għajbien furzat, u, kif imsemmi hawn fuq, in-nuqqas ta' libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni, reliġjon u moviment fil-peniżola; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet taċ-ċittadini Ukreni detenuti kollha illegalment u miżmuma l-ħabs fil-peniżola tal-Krimea u fir-Russja, inklużi l-attivisti Tatari tal-Krimea; jistieden, barra minn hekk, lir-Russja tinvestiga l-atroċitajiet imwettqa kontra t-Tatari tal-Krimea u tiggarantixxi u tissalvagwardja d-dritt tat-Tatari tal-Krimea, tal-Ukreni u tal-komunitajiet etniċi u reliġjużi kollha biex iżommu u jiżviluppaw il-kultura, it-tradizzjonijiet, l-edukazzjoni u l-identità tagħhom stess;

58.

Jiddispjaċih li hemm madwar miljun persuna u nofs spostata internament fl-Ukrajna, li jagħmilha d-disa' l-akbar pajjiż fid-dinja f'termini tan-numru ta' IDPs; jinnota li r-responsabbiltà primarja għal dan hija tal-Federazzjoni Russa u tar-rappreżentanti tagħha; jistieden lill-awtoritajiet Ukreni jagħmlu sforzi addizzjonali biex itaffu t-tbatija tal-persuni milquta mill-kunflitt u jimplimentaw miżuri biex jipproteġu d-drittijiet tal-IDPs; jistieden lill-Ukrajna tagħti lill-IDPs drittijiet ċivili u politiċi sħaħ, u taderixxi mal-istandards internazzjonali rigward it-trattament tal-IDPs; jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni u l-garanzija tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-Ukrajna fit-territorji okkupati temporanjament, inkluża s-semplifikazzjoni tal-proċeduri biex wieħed jirċievi l-pensjonijiet, jinkisbu ċ-ċertifikati tat-twelid għat-tfal u b'hekk jiġi evitat ir-riskju li jitħallew apolidi u vulnerabbli;

59.

Iħeġġeġ lill-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE timplimenta l-mandat tagħha, u tagħmel skambji regolari mal-vittmi u x-xhieda ta' persekuzzjonijiet, ma' avukati, NGOs u rappreżentanti tal-midja bħala mezz ulterjuri ta’ ta’ valutazzjoni tas-sitwazzjoni fit-territorji temporanjament okkupati fil-Krimea kif ukoll fl-Ukrajna tal-Lvant; jitlob lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iħares b'attenzjoni kontinwa lejn is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea u fiż-żoni tal-Ukrajna tal-Lvant li mhumiex ikkontrollati mill-gvern;

60.

Jinnota li l-Pjan ta' Azzjoni ta' ħames snin għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ukrajna jiskadi fl-2020 u jitlob li jsir rieżami bir-reqqa tal-kisbiet ewlenin tiegħu qabel ma jiġu stabbiliti għanijiet għal pjan ta' azzjoni ta' segwitu; jagħti attenzjoni mill-qrib lill-appoġġ ipprovdut mill-Gvern Ukren lill-popolazzjoni Tatara tal-Krimea, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' finanzjament fl-abbozz ta' baġit tal-2021, ippreżentat lill-Verkhovna Rada f'Settembru 2020, għall-programm ta' risistemazzjoni u akkomodazzjoni tat-Tatari tal-Krimea u ta' persuni ta' nazzjonalitajiet oħra deportati mit-territorju tal-Ukrajna; jistieden lill-Ukrajna tadotta l-liġijiet dwar il-popli indiġeni tal-Ukrajna, dwar l-istatus tal-poplu indiġenu tat-Tatari tal-Krimea, u li temenda l-Kostituzzjoni tagħha biex tirrikonoxxi l-awtonomija nazzjonali-territorjali tal-poplu tat-Tatari tal-Krimea fl-Ukrajna, u b'mod partikolari l-Krimea, li tirriżulta mid-dritt inaljenabbli tal-poplu indiġenu tat-Tatari tal-Krimea għall-awtodeterminazzjoni; jinsisti li l-awtoritajiet Ukreni jindirizzaw il-problemi tal-uniku stazzjon televiżiv bil-lingwa Tatara tal-Krimea, l-ATR, u joffru mekkaniżmu stabbli għal appoġġ finanzjarju u tekniku sabiex l-istazzjoni televiżiv ikun jista' jkompli jxandar fil-Krimea okkupata mir-Russja; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Ukrajna biex tiżviluppa l-Istrateġija għall-Iżvilupp u l-Popolarizzazzjoni tal-Lingwa Tatara tal-Krimea għal perjodu li jwassal sal-2032;

61.

Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jagħmlu operattiv reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, (leġiżlazzjoni Ewropea tat-tip Magnitsky),, li tippermetti li jiġu applikati sanzjonijiet fil-konfront ta' individwi u kumpaniji involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b'attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni fit-territorji okkupati temporanjament tal-Ukrajna fil-Krimea u f'partijiet tar-reġjuni ta' Donetsk u ta' Luhansk, kif ukoll sanzjonijiet kontra dawk u responsabbli għal reati oħra, inkluża l-korruzzjoni; jistieden lill-Ukrajna ssegwi dan l-eżempju u tintroduċi verżjoni Ukrena tagħha;

62.

Jieħu nota tal-liġi dwar l-appoġġ għall-funzjonament tal-lingwa Ukrena bħala l-lingwa tal-Istat u jitlob lill-awtoritajiet Ukreni jimplimentaw il-liġi b'mod sħiħ f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħha u f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni nru 960/2019 tal-Kummissjoni ta' Venezja, jiġifieri li jiġi rrispettat id-dritt tal-komunitajiet li jiżviluppaw u jużaw bis-sħiħ il-lingwa tagħhom stess u jipproċedu bl-ogħla livell ta' kunsiderazzjoni u bilanċ lejn il-minoranzi nazzjonali, il-lingwi tagħhom u d-drittijiet tagħhom għall-edukazzjoni;

63.

Jistieden lill-Ukrajna tagħti setgħat lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Lingwa Uffiċjali, jew lil kwalunkwe entità stabbilita għall-istess għan, biex jimmonitorja l-konformità mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi dwar l-użu tal-lingwi minoritarji u dwar il-popli indiġeni;

64.

Jappoġġa l-libertà tat-twemmin, tal-opinjoni u tal-espressjoni, u jisħaq fuq l-importanza li jingħata aċċess ugwali lill-minoranzi nazzjonali, etniċi u lingwistiċi kollha għall-informazzjoni bħala elementi fundamentali ta' kwalunkwe demokrazija; jikkundanna d-diskors ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-oriġini etnika jew il-lingwa, u aħbarijiet foloz u miżinformazzjoni mmirati lejn minoranzi nazzjonali, etniċi u lingwistiċi;

65.

Jinnota li huma meħtieġa miżuri għat-tisħiħ tal-infrastruttura tad-drittijiet tal-minoranzi u għat-tisħiħ tal-fiduċja biex id-drittijiet tal-minoranzi jiġu protetti kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika; jirrimarka li tali miżuri għandhom jinkludu t-tisħiħ tal-protezzjoni ġuridika, it-tisħiħ tal-attenzjoni istituzzjonali għall-kwistjonijiet tal-minoranzi u l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' konsultazzjoni aktar b'saħħithom u permanenti; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' azzjoni xierqa meħuda mill-awtoritajiet Ukreni biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u d-diskors ta' mibegħda mmirati lejn il-gruppi minoritarji, speċjalment il-komunità Rom, li kienet il-vittma ta' inċidenti ta' diskriminazzjoni, vjolenza mmotivata mir-razziżmu u manifestazzjonijiet ta' intolleranza; jistieden lill-Ukrajna ssaħħaħ il-kommemorazzjoni tal-vittmi tal-Olokawst billi tingħaqad mal-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawst (IHRA) u billi tadotta u tapplika d-definizzjoni ta' antisemitiżmu mill-IHRA; jitlob ukoll lill-Ukrajna tkompli bil-kommemorazzjoni tal-vittmi tat-totalitariżmu; jappella lill-Kummissjoni tistieden lill-Ukrajna tipparteċipa fil-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini”;

66.

Jinkoraġġixxi x-xogħol tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej biex irawmu il-ġenerazzjoni tal-mexxejja politiċi li jmiss fl-Ukrajna;

67.

Jinkoraġġixxi t-tisħiħ tad-djalogu u l-kooperazzjoni mal-knejjes u mal-komunitajiet u mal-organizzazzjonijiet reliġjużi f'oqsma bħalma huma l-konsolidament tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, u b'hekk isaħħu l-fiduċja f'soċjetà ġusta u ħielsa, kif ukoll fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fis-servizzi soċjali bażiċi;

Ix-xenarju tal-midja

68.

Jinnota l-isforzi ta' riforma li għaddejjin bħalissa fil-qasam tal-midja; jisħaq li r-riforma għandha tiżgura b'mod partikolari l-indipendenza, l-imparzjalità u r-responsabbiltà tal-korp regolatorju, it-trasparenza tas-sjieda tal-midja u l-opportunitajiet indaqs għall-mezzi ta' informazzjoni b'kompetizzjoni ġusta fis-suq; jesprimi tħassib dwar il-pjanijiet li l-aġenzija regolatorja tingħata kompetenzi ġodda u estensivi li għandhom ir-riskju li jaffettwaw il-libertà tal-midja u l-kontenut tal-midja online u dak stampat; jisħaq li, fir-rigward tal-abbozz ta' liġi dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, l-abbozz attwali jista' jwassal għal indħil wiesa' mill-Istat fil-kontenut tal-midja u fl-attivitajiet tal-ġurnaliżmu għad-detriment tal-libertà tal-midja u mhux se jkun effiċjenti fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; iħeġġeġ li tiġi organizzata konsultazzjoni usa' mal-komunità tal-midja u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti biex jiġu evitati r-riskji għal-libertà tal-espressjoni;

69.

Jinnota bi tħassib li s-suq tal-midja televiżiva fl-Ukrajna, għalkemm huwa pluralistiku, għadu kkaratterizzat mill-influwenza eċċessiva tal-oligarki; iħeġġeġ lill-Ukrajna trawwem midja ħielsa u indipendenti u ssaħħaħ il-pluraliżmu tal-midja; jissottolinja l-importanza ta' xandar tas-servizz pubbliku sostenibbli, regolatur tal-midja indipendenti u soċjetà ċivili fil-bini tar-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni u fatturi destabbilizzanti oħra; jistieden lill-Verkhovna Rada u lill-Gvern jirrispettaw l-impenji tal-Istat lejn ix-xandar pubbliku u jiżguraw appoġġ finanzjarju u politiku għall-modernizzazzjoni, l-indipendenza u l-kapaċità ulterjuri tiegħu fi twettiq ta' ġurnaliżmu investigattiv;

70.

Itenni l-ħtieġa li l-UE tkompli tappoġġa lill-Ukrajna fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu u fl-indirizzar tad-diżinformazzjoni u tal-aħbarijiet foloz, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-midja indipendenti u l-komunikazzjonijiet strateġiċi tal-litteriżmu medjatiku, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ukrajna; jilqa' t-tħabbira tat-tnedija tad-djalogu ċibernetiku bejn l-UE u l-Ukrajna;

71.

Jesprimi tħassib dwar id-deterjorament tal-ambjent tax-xogħol għar-rappreżentanti tal-midja, b'mod partikolari l-ġurnalisti investigattivi li jirrappurtaw dwar il-korruzzjoni u l-frodi; jiddeplora kwalunkwe att li għandu l-għan li jillimita l-ħidma tal-ġurnalisti, inkluż ir-restrizzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni, l-investigazzjonijiet kriminali, il-pressjoni biex jiġu żvelati s-sorsi u d-diskors ta' mibegħda, b'mod partikolari d-diskors ta' mibegħda kontra l-midja indipendenti; jinsab imħasseb li, skont analiżi reċenti mwettqa mill-pjattaformi tal-ġurnalisti investigattivi Ukreni, il-membri tal-Verkhovna Rada sfaw vittmi jew saħansitra għenu intenzjonalment biex ixerrdu kampanji mmirati ta' diżinformazzjoni;

72.

Jiddispjaċih għall-bosta attakki fuq ġurnalisti u attivisti ċivili rreġistrati fil-perjodu 2017-2019; jistieden lill-awtoritajiet Ukreni jħarrku lil dawk responsabbli u jiżguraw is-sikurezza tal-ħaddiema tal-midja u tal-ġurnalisti, u jħeġġiġhom jadottaw approċċ proporzjonat meta jirregolaw il-midja;

73.

Jiddispjaċih għall-fatt li l-klima politika fil-pajjiż marret għall-agħar, bl-użu ta' intimidazzjoni, ta' diskors ta' mibegħda u ta' pressjoni politika li qed jintużaw b'mod ġenerali għal skopijiet politiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jikkundannaw bil-qawwa u jipprojbixxu l-operazzjonijiet ta' gruppi u ta' siti web estremisti u li jinċentivaw il-mibegħda, bħal Myrotvorets, li jinċitaw it-tensjonijiet fis-soċjetà u jużaw b'mod abbużiv id-data personali ta' mijiet ta' persuni, inklużi ġurnalisti, politiċi u membri ta' gruppi ta' minoranza;

74.

Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' xenarju tal-midja demokratiku, indipendenti, pluralistiku u bbilanċjat fl-Ukrajna, li jtemm il-persekuzzjoni politikament motivata tal-mezzi ta' informazzjoni, inkluż ir-revoka tal-liċenzji, u jiżgura l-protezzjoni tal-ġurnalisti lokali, opinjonisti u vuċijiet dissidenti minn fastidju u intimidazzjoni, jippermetti aċċess nondiskriminatorju għal informazzjoni online u offline u parteċipazzjoni ċivika sinifikanti, u jissalvagwardja u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ċivili; jisħaq li l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-avukati difensuri għandhom ikunu jistgħu jaħdmu indipendentement u mingħajr indħil u intimidazzjoni indebiti; jilqa' pożittivament il-ħidma tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ukrajna u tal-prosekutur tal-Krimea li jirreġistra, temporanjament operattiv mill-Ukrajna kontinentali, il-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi investigat u li l-awturi tar-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tal-LGBTI

75.

Jissottolinja li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prekundizzjoni ewlenija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv; iħeġġeġ lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jimplimentaw miżuri u jkomplu jtejbu r-rappreżentanza tan-nisa u t-trattament ugwali fil-livelli kollha tal-ħajja politika u tas-soċjetà, kif ukoll jiġġieldu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jintegraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki, fl-appoġġ finanzjarju, fil-programmi u fl-attivitajiet kollha tagħhom fir-rigward tal-Ukrajna, b'mod partikolari meta jkollhom l-għan li jtaffu l-effetti negattivi kkawżati mill-COVID-19, peress li n-nisa, inklużi l-imprendituri nisa, kienu fost dawk l-aktar milquta mill-konfinament strett;

76.

Jikkundanna l-attakki vjolenti u r-reati ta' mibegħda fil-konfront ta' persuni LGBTI u jistieden lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Ukrajna jinvestigaw b'mod effettiv dawn l-attakki; iħeġġeġ lill-Ukrajna tistabbilixxi u timplimenta b'mod effettiv leġiżlazzjoni sekondarja komprensiva li tiżgura l-libertà tat-twemmin, tiġġieled id-diskriminazzjoni kontinwa kontra persuni LGBTI, attivisti femministi, persuni b'diżabilità u minoranzi, u ssaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna u lill-atturi politiċi kollha jagħmlu sforzi biex joħolqu soċjetà inklużiva u tolleranti;

77.

Jiddispjaċih għall-fatt li l-Artikolu 161 tal-Kodiċi Kriminali għadu ma jipprevedix pieni għall-inċitament għall-mibegħda jew il-vjolenza fuq bażi ta' orjentament sesswali jew identità tal-ġeneru, u li dawn ir-raġunijiet la huma kkunsidrati bħala ċirkostanti aggravanti ta' reati u lanqas ma huma kkontemplati fid-dispożizzjonijiet ġenerali dwar ċirkostanzi aggravanti skont l-Artikolu 67(1)(3); ifakkar li l-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem ippreveda l-inklużjoni tar-raġunijiet tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru bħala ċirkostanzi aggravanti fl-Artikolu 67 tal-Kodiċi Kriminali; ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tal-ECRI u jistieden lill-Ukrajna temenda l-Kodiċi Kriminali f'dan is-sens;

Kummerċ u kooperazzjoni ekonomika, saħħa pubblika, xogħol u affarijiet soċjali, mobbiltà tal-ħaddiema

78.

Jenfasizza li l-Ukrajna hija sieħeb ġeopolitiku, ġeostrateġiku u kummerċjali importanti għall-Unjoni; jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda sinifikanti fil-fluss kummerċjali bejn UE-Ukrajna, li wassal biex l-Unjoni bħalissa hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Ukrajna; jiddispjaċih, madankollu, dwar l-ammont relattivament baxx ta' investimenti diretti barranin dieħel fil-pajjiż;

79.

Jilqa' favorevolment ir-riżultati pożittivi kontinwi miksuba fl-2019 fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bilaterali, b'żieda fl-importazzjonijiet mill-Ukrajna ta' 12,3 % u b'żieda fl-esportazzjonijiet ta' 9,7 %, jiġifieri total ta' EUR 43,3 biljun; jissottolinja li l-kummerċ bejn l-UE u l-Ukrajna żdied b'49 % u li l-UE tibqa' s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Ukrajna, u li fl-2019 kienet tirrappreżenta 40 % tal-kummerċ tal-Ukrajna, filwaqt li l-Ukrajna hija t-18 l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE, u tirrapreżenta 1,1 % tal-kummerċ totali tal-UE; jinnota li d-defiċit kummerċjali tal-Ukrajna mal-UE żdied għal EUR 5,1 biljun;

80.

Jinkoraġġixxi liż-żewġ naħat jintensifikaw il-kooperazzjoni f'livell bilaterali u f'fora internazzjonali fl-indirizzar tal-isfidi ppreżentati mill-COVID-19, b'mod partikolari billi jagħmlu l-ktajjen tal-provvista aktar reżiljenti u diversifikati u billi jaħdmu flimkien biex jindirizzaw ix-xejriet protezzjonistiċi; jinnota li l-objettiv tal-UE li tikseb awtonomija strateġika miftuħa jista' joħloq opportunitajiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-viċinat tagħha;

81.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Ukrajna biex tidentifika l-oqsma li jistgħu jkomplu jrawmu d-diversifikazzjoni ekonomika u ħalli tagħtihom prijorità fil-proċess tal-implimentazzjoni sħiħa tad-DCFTA;

82.

Itenni li l-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq intern tal-UE, kif previst fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-assoċjazzjoni u tappoġġa, f'dan il-kuntest, l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet għal relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mtejba bejn l-Ukrajna u l-UE, kif ukoll proċess usa' ta' approssimazzjoni leġiżlattiva li jiddependi mill-implimentazzjoni sħiħa tad-DCFTA u l-konformità mar-regolamenti u l-istandards ġuridiċi, ekonomiċi u tekniċi rilevanti;

83.

Jinnota li ġew introdotti għadd ta' riformi, li wasslu għad-deregolamentazzjoni tal-ekonomija, trasparenza akbar tal-finanzi pubbliċi u titjib fir-regolamenti dwar il-konċessjonijiet u s-sħubija pubblika-privata, li jipprovdu opportunitajiet ġodda kemm għall-investituri lokali kif ukoll għal dawk barranin;

84.

Jinnota, madankollu, li ma nkiseb l-ebda effett viżibbli fid-deoligarkizzazzjoni tal-pajjiż, peress li l-oligarki għad għandhom impatt qawwi fuq l-ekonomija u l-politika tal-Ukrajna, b'mod partikolari fis-sjieda tal-midja u l-influwenza fuq il-ġudikatura u s-sistema tal-infurzar tal-liġi; iqis li l-ħolqien ta' regoli ċari u ugwali għal kulħadd fl-ekonomija u fil-politika jista' jkun metodu effettiv ta' tnaqqis de facto fil-grad tal-influwenza mhux uffiċjali ta' grupp żgħir tal-aktar imprendituri sinjuri fuq il-funzjonament tal-Istat, inkluża l-leġiżlazzjoni, u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet Ukreni jħaffu l-proċess tad-deoligarkizzazzjoni;

85.

Jiddispjaċih, barra minn hekk, għaż-żieda fl-impriżi tal-Istat u jħeġġeġ lill-Ukrajna tkompli tmexxi 'l quddiem il-privatizzazzjoni tal-impriżi tal-Istat sabiex timmodernizza u ttejjeb il-funzjonament tal-ekonomija tagħha u tevita l-oligarkizzazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa għal impenn imġedded min-naħa tal-Ukrajna fil-ġlieda kontra l-influwenza ta' interessi personali li, jekk jiġu ttraskurati, jistgħu jimminaw serjament ir-riżultati tar-riformi miksuba s'issa u tal-miżuri ta' appoġġ tal-Ukrajna fit-totalità tagħhom;

86.

Jappella lill-Ukrajna u lill-UE jisaħħu l-kooperazzjoni dwar il-liberalizzazzjoni ulterjuri tal-kummerċ bilaterali, inkluż il-konklużjoni tal-ftehim ACAA, kif ukoll il-kooperazzjoni dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji, u d-dwana; jitlob, barra minn hekk, aktar kooperazzjoni settorjali bejn l-UE u l-Ukrajna fl-edukazzjoni u r-riċerka, fl-innovazzjoni, fis-settur tal-ICT u fid-diġitalizzazzjoni, kif ukoll fit-teknoloġiji ekoloġiċi, bil-għan li jiġu kondiviżi l-għarfien u l-aħjar prattiki; jappella, barra minn hekk, li jkun hemm aktar kooperazzjoni u integrazzjoni settorjali differenzjata b'mod gradwali tal-Ukrajna fl-unjoni tal-enerġija, fil-Komunità tat-Trasport u fis-suq uniku diġitali, fost oqsma oħra;

87.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jiftħu s-suq tal-avjazzjoni tal-pajjiż għall-kumpaniji Ewropej, inklużi l-kumpaniji b'tariffibaxxi, u jappoġġa l-iffirmar tal-ftehim dwar iż-żona ta' avjazzjoni komuni mill-aktar fis possibbli;

88.

Jilqa' pożttivament il-progress li sar fil-kooperazzjoni bejn l-Ukrajna u l-UE fil-qasam diġitali u jinkoraġġixxi approfondiment ulterjuri ta' tali kooperazzjoni, immirata biex jingħata trattament tas-suq intern lil xulxin, inkluż f'setturi oħra ta' interess reċiproku; jisħaq fuq l-importanza tal-passi meħuda lejn it-tranżizzjoni diġitali u l-governanza elettronika, kif ukoll il-progress fl-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna ma' dik tal-UE fis-servizzi fiduċjarji elettroniċi u l-komunikazzjonijiet elettroniċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-isforzi tal-Ukrajna rigward il-litteriżmu medjatiku u tal-informazzjoni, il-governanza elettronika u l-ekonomija diġitali biex jirriflettu l-era diġitali attwali u l-integrazzjoni gradwali fis-suq uniku diġitali tal-UE, kif ukoll li tesplora modi kif jitnaqqsu t-tariffi tar-roaming bejn l-UE u l-Ukrajna; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-programm il-ġdid tal-UE ta' EUR 25 miljun li jappoġġa l-governanza elettronika u l-ekonomija diġitali fl-Ukrajna; iħeġġeġ l-espansjoni taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) għall-Ukrajna ladarba tkun issodisfat ir-rekwiżiti tekniċi u ġuridiċi kollha;

89.

Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jagħmlu valutazzjoni kredibbli tal-ħtiġijiet għar-reġjun tad-Donbas biex jistabbilixxu strateġija għall-irkupru soċjoekonomiku tiegħu u jissuġġerixxi l-ħolqien ta' qafas internazzjonali xieraq għar-rikostruzzjoni tad-Donbas;

90.

Jistieden lill-awtoritajiet Ukreni jkomplu bir-riformi fis-sistema tas-saħħa pubblika, speċjalment meta jitqies l-impatt devastanti li l-pandemija tal-COVID-19 kellha fuq is-sistema tas-saħħa tal-Ukrajna; jinnota li, skont l-UNICEF, il-COVID-19 ħolqot mhux biss kriżi tal-kura tas-saħħa pubblika, iżda wkoll kriżi soċjoekonomika, li tista' żżid ir-rata tal-faqar fl-Ukrajna minn 27,2 % għal 43,6 % jew saħansitra għal 50,8 %; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Gvern tal-Ukrajna jimplimenta miżuri komprensivi ta' protezzjoni soċjali biex itaffi l-effetti tal-COVID-19;

91.

Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Ukrajna ngħaqdet mal-Kumitat tal-UE għas-Sigurtà tas-Saħħa u s-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Rispons biex tieħu sehem fil-koordinament pan-Ewropew tal-azzjonijiet ta' rispons għall-COVID-19 fis-saħħa pubblika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Ukrajna jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tar-reżiljenza tas-saħħa pubblika, jiskambjaw l-aħjar prattiki u jaħdmu mas-soċjetà ċivili biex jistabbilixxu strateġiji epidemiċi li jiffukaw fuq l-aktar gruppi vulnerabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti appoġġ lill-Gvern tal-Ukrajna biex jikseb aċċess għall-vaċċini kontra l-COVID-19;

92.

Jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jiżgura li kwalunkwe miżura restrittiva b'reazzjoni għall-COVID-19 ikollha bażi ġuridika, tkun strettament neċessarja u proporzjonata mal-objettiv tiġi protetta s-saħħa pubblika u jiġu salvati l-ħajjiet (abbażi ta' parir xjentifiku), tkun soġġetta għal rieżami kostanti u titneħħa meta ma tibqax meħtieġa, u tiġi applikata b'mod nondiskriminatorju; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-gruppi vulnerabbli u emarġinati ma jkunux żvantaġġati b'mod sproporzjonat mir-rispons għall-COVID-19, u jieħdu passi biex jindirizzaw l-inugwaljanzi li kienu jeżistu qabel;

93.

Iħeġġeġ lill-Ukrajna tindirizza l-klijenteliżmu u l-korruzzjoni mifruxa li għadhom jeżistu fis-settur tal-kura tas-saħħa tagħha, u speċjalment fil-Ministeru tas-Saħħa, u tinvestiga b'mod effettiv kwalunkwe attività korrotta, b'mod partikolari tentattivi biex jinkiseb apparat mediku u vaċċini tal-COVID-19 bi prezzijiet għoljin b'mod sproporzjonat waqt il-pandemija;

94.

Jirrikonoxxi l-ħidma tajba tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa tal-Ukrajna fl-istabbiliment ta' sistema trasparenti bil-kompitu li tiffinanzja t-trattamenti speċifiċi pprovduti lill-pazjenti; jistieden lill-Ministeru tas-Saħħa jappoġġa l-ħidma tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa tal-Ukraina;

95.

Ifaħħar il-progress fl-approssimazzjoni regolatorja mal-acquis tal-UE u l-adozzjoni f'Novembru 2019 ta' strateġija sanitarja u fitosanitarja, li tinkludi aktar minn 200 att normattiv tal-Unjoni li għandhom jiġu implimentati fid-dritt Ukren;

96.

Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress suffiċjenti fl-approssimazzjoni tal-istandards tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali;

97.

Jilqa' favorevolment l-adozzjoni f'Marzu 2020 tal-liġi dwar il-fatturat tal-art agrikola, li għandha tikkontribwixxi għall-isfruttament tal-potenzjal tas-settur agrikolu Ukren, kif ukoll l-adozzjoni, f'Mejju 2020, tal-liġi dwar it-titjib ta' ċerti strumenti tar-regolamentazzjoni tal-attività bankarja, li ssaħħaħ is-sistema bankarja u tipprevjeni lill-PrivatBank milli jiġi ritornat lis-sidien preċedenti tiegħu;

98.

Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Ukrajna ngħaqdet mal-Arranġament Proviżorju ta' Arbitraġġ tal-Appell bejn Bosta Partijiet, u b'hekk ikkontribwiet biex jingħeleb l-imblokk ikkawżat mill-paraliżi tal-Korp tal-Appell u biex jiġi żgurat li l-membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ikunu jistgħu jibbenefikaw minn sistema ta' soluzzjoni ta' tilwim f'żewġ stadji fi ħdan id-WTO sakemm il-Korp tal-Appell jerġa' jibda jopera;

99.

Jistieden lill-Ukrajna taderixxi mad-deċiżjonijiet futuri tal-Bord tal-Arbitraġġ rigward il-moratorju fuq l-esportazzjonijiet tal-injam mhux ipproċessat, filwaqt li tinforza d-diliġenza dovuta obbligatorja tul il-katina tal-valur kollha tal-prodotti forestali bażiċi u ttejjeb il-governanza fis-settur tal-forestrija;

100.

Jinnota bi tħassib li reċentement l-Ukrajna bdiet żewġ investigazzjonijiet ta' salvagwardja dwar l-importazzjonijiet ta' nitroġenu u fertilizzanti kumplessi mill-UE; jirrikonoxxi li l-Ukrajna ddeċidiet li ttemm iż-żewġ investigazzjonijiet ta' salvagwardja fl-aħħar minuta, filwaqt li qed jitħejjew aktar investigazzjonijiet ta' salvagwardja; iwissi li azzjonijiet simili jistgħu jimminaw il-fiduċja reċiproka bejn iż-żewġ naħat;

101.

Ifakkar li l-laħam tat-tjur huwa prodott sensittiv fl-UE; jirrikonoxxi s-soluzzjoni li nstabet għall-esportazzjoni ta' qatgħat “oħra” tat-tjur billi jiġu emendati l-preferenzi kummerċjali għal-laħam tat-tjur u għall-preparati tal-laħam tat-tjur, u b'hekk ġiet indirizzata lakuna fil-ftehim; jistieden lill-Ukrajna tastjeni minn prattiki simili u tirrispetta u timplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet kollha tad-DCFTA in bona fide; jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ bir-reqqa tal-implimentazzjoni tad-DCFTA u tuża l-miżuri kollha disponibbli biex tegħleb kwalunkwe prattika li tfixkel is-suq u l-isfruttament potenzjali tal-lakuni fil-liġi;

102.

Iħeġġeġ li jiġi indirizzat id-distakk rurali-urban fl-Ukrajna permezz ta' inċentivi finanzjarji u tekniċi effikaċi għal mikroimpriżi, impriżi żgħar u ta' daqs medju (MSMEs), bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar u impriżi tal-familja f'żoni rurali u suburbani, u permezz tat-titjib tal-konnettività tal-bniedem u tal-infrastruttura bejn il-bliet u l-pajżaġġ bil-għan li titrawwem il-koeżjoni soċjali;

103.

Jilqa' pożittivament ir-riżultati miksuba fl-ambitu tal-Faċilità tad-DCFTA għall-SMEs f'termini ta' titjib tal-aċċess għall-finanzi u ftuħ ta' opportunitajiet kummerċjali; jenfasizza li kampanja xierqa ta' informazzjoni tista' tippermetti lill-SMEs jibbenefikaw aktar mill-opportunitajiet offruti mid-DCFTA;

104.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti appoġġ tekniku għaċ-ċentri tal-impjiegi reġjonali sabiex tistimula l-impjiegi, issostni liż-żgħażagħ u lill-programmi ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli, u tinvesti fihom, li jiffavorixxu l-imprenditorija soċjali, u tiffoka fuq iż-żgħażagħ minn żoni rurali bil-għan li tissaħħaħ is-sistema edukattiva permezz tad-domanda tas-suq tax-xogħol sabiex jiġu protetti dawk l-aktar vulnerabbli u jiġi evitat nuqqas ta' opportunitajiet soċjoekonomiċi;

105.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja l-effetti tad-DCFTA fir-rigward tad-drittijiet tax-xogħol u l-libertà ta' assoċjazzjoni marbuta mal-kummerċ mal-UE; jitlob lill-Gvern tal-Ukrajna biex jiffoka wkoll fuq id-dimensjoni soċjali tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u jimmonitorja mill-qrib l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-implimentazzjoni tad-DCFTA; jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jirrispetta u jinforza l-istandards tax-xogħol, u jirratifika u jimplimenta bis-sħiħ il-konvenzjonijiet kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ukrajna jkompli l-approssimazzjoni tal-istandards tax-xogħol tiegħu ma' dawk tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertà tal-għaqda u d-djalogu soċjali; jilqa' pożittivament l-inizjattiva għar-riforma tax-xogħol, iżda jenfasizza l-ħtieġa għal konsultazzjonijiet wiesgħa mat-trade unions u mas-soċjetà ċivili, u jirrakkomanda li jsir użu mill-għarfien espert mill-ILO dwar il-kwistjoni;

106.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-trade unions, kif ukoll is-soċjetà ċivili fid-diversità kollha tagħha, ikunu involuti fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna u lill-Kummissjoni jappoġġjaw l-NGOs li jinvestigaw ksur tad-DCFTA, b'mod partikolari fl-isfera soċjali;

107.

Jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jintroduċi sistema ta' inċentivi u sanzjonijiet biex jiġġieled kontra n-numru għoli ta' impjiegi fis-settur tal-impjiegi informali;

108.

Jirrikonoxxi ż-żieda fil-mobbiltà tal-forza tax-xogħol bejn l-Ukrajna u l-UE, b'rati ta' emigrazzjoni ta' bejn 2,2 u 2,7 miljun individwu, ekwivalenti għal bejn 13 u 16 % tal-impjiegi totali fl-Ukrajna, li min-naħa waħda tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-offerta ta' ħaddiema fl-Ukrajna u n-nuqqas ta' ħaddiema f'ċerti professjonijiet, u min-naħa l-oħra tikkostitwixxi wieħed mill-fatturi li jgħolli ż-żieda fil-pagi għall-ħaddiema li jibqgħu fil-pajjiż u jikkostitwixxi sors ta' influss ta' rimessi minn migranti li għandu impatt notevoli ta' 8 % fuq l-ekonomija Ukrena, filwaqt li jirrappreżenta sors ta' influss ta' rimessi ekwivalenti għal aktar minn 8 % tal-PDG; jitlob li ssir analiżi ulterjuri tal-benefiċċji ekonomiċi u soċjali u tal-impatti tal-mewġa tal-emigrazzjoni tax-xogħol ta' wara l-2014, kemm fuq l-ekonomiji kif ukoll fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Ukrajna u tal-Istati Membri; jissottolinja li huwa essenzjali li jkun hemm approċċ governattiv għall-iżvilupp ta' ambjent tax-xogħol li jipprovdi kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-impjegati tal-impriżi Ukreni, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, impjiegi ddikjarati legalment b'kopertura tas-sigurtà soċjali tal-Istat, salarji mħallsa fil-ħin u bis-sħiħ, id-dritt għal sħubija fi trade union u rappreżentanza tal-interessi, u negozjar kollettiv sinifikanti li jwassal għal ftehimiet kollettivi vinkolanti; itenni l-ħtieġa li jiġi indirizzat l-eżodu ta' mħuħ fl-Ukrajna billi ssir promozzjoni għall-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u inklużivi, u jinħolqu opportunitajiet ta' impjieg bil-ħsieb li jiġu pprovduti perspettivi soċjoekonomiċi għaż-żgħażagħ u l-familji fil-komunitajiet lokali tagħhom;

109.

Jilqa' b'sodisfazzjon u jappella għal aktar żvilupp tal-programmi ffinanzjati mill-UE li jipprovdu appoġġ kemm għall-modernizzazzjoni tas-sistema tal-edukazzjoni vokazzjonali fl-Ukrajna (“EU4Skills: Better Skills for Modern Ukraine”), kif ukoll għall-ambjent tan-negozju li għandu rwol ewlieni għall-persuni rimpatrijati potenzjali u għall-imprendituri nazzjonali (il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-appoġġ għall-SMEs, ir-riforma doganali u fil-qasam tat-taxxa, eċċ.) – kemm permezz ta' għotjiet settorjali kif ukoll bħala kundizzjonijiet fil-programmi ta' assistenza makrofinanzjarja tal-UE;

110.

Jistieden lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jagħti prijorità lill-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali tax-xogħol u l-leġiżlazzjoni u l-prattiki tal-UE fl-oqsma tal-politika soċjali, l-impjiegi u x-xogħol, ir-regolamenti tan-negozjar kollettiv, id-djalogu soċjali, l-indirizzar tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri u r-riforma tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol, sabiex jiġi żgurat li l-interessi tas-sħab soċjali jkunu bbilanċjati u li d-drittijiet tal-impjegati jkunu protetti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (l-Artikoli 419-421 u 424) u l-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO (81, 87, 98, 117, 122, 129, 144, 154 u 173); ifakkar lill-Gvern tal-Ukrajna li l-isforzi tiegħu li jtejjeb il-klima tan-negozju, li jattira investimenti diretti u li jippromwovi t-tkabbir ekonomiku m'għandhomx isiru għad-detriment tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jindirizza u jappoġġa sistematikament u b'mod istituzzjonali d-djalogu soċjali u li jagħmel sforzi biex il-Kunsill Soċjali u Ekonomiku Nazzjonali Tripartitiku jsir strument effettiv ta' djalogu soċjali;

111.

Jinnota bi tħassib li l-kapaċità tat-trade unions li jeżerċitaw drittijiethom fl-Ukrajna hija limitata minħabba leġiżlazzjoni imperfetta u vaga;

Enerġija, ambjent u tibdil fil-klima

112.

Jilqa' pożitivament it-tlestija tas-separazzjoni ta' Naftohaz fl-2019 u l-ħolqien ta' operatur ġuridikament indipendenti tas-sistema ta' trażmissjoni tal-gass (GTSO) f'konformità mat-tielet pakkett tal-enerġija tal-UE; jistieden, madankollu, lill-awtoritajiet Ukreni jsaħħu l-indipendenza teknika tal-GTSO minn Naftohaz; jilqa' pożitivament il-liberalizzazzjoni u l-ftuħ ta' suq tal-gass kompetittiv għall-unitajiet domestiċi; jiddispjaċih, madankollu, għall-aktar attakki reċenti fuq it-tmexxija ta' Naftohaz, inkluż il-bord superviżorju tal-kumpanija, li jdgħajfu l-indipendenza tagħha u l-progress tar-riforma fil-qasam miksub s'issa;

113.

Jissottolinja r-rwol tal-Ukrajna bħala pajjiż ta' tranżitu strateġiku għall-gass u l-ħtieġa li s-sistema nazzjonali ta' trażmissjoni tal-gass tagħha tiġi modernizzata, kif ukoll l-importanza tal-integrazzjoni tagħha mas-suq tal-enerġija tal-UE abbażi tal-implimentazzjoni effettiva tal-Anness XXVII aġġornat tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-kuntratt ta' tranżitu tal-gass fit-tul iffaċilitat mill-UE; jesprimi tħassib dwar il-bini tal-gassdott Nord Stream 2 u jtenni r-riskji politiċi, ekonomiċi u ta' sigurtà fundamentali fit-tul tiegħu; jinnota li l-gassdott isaħħaħ id-dipendenza tal-UE mill-provvisti tal-gass Russi, jhedded is-suq intern tal-UE, mhuwiex konformi mal-politika tal-enerġija tal-UE jew l-interessi strateġiċi tagħha u għandu konsegwenzi negattivi possibbli għall-Ukrajna mifnija bil-gwerra; għalhekk, f'konformità mal-pożizzjonijiet preċedenti tiegħu, jistieden lill-partijiet interessati kollha, u b'mod partikolari lil dawk fl-Istati Membri u fl-Ewropa, biex jagħmlu użu mill-klawsoli ġuridiċi disponibbli biex iwaqqfu l-proġett;

114.

Jitlob li l-Kummissjoni tgħarbel il-konformità tal-Ukrajna mal-acquis tal-Unjoni Ewropea fl-isfera tal-enerġija bil-għan li jkun hemm aktar integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija; jappoġġa bis-sħiħ l-integrazzjoni tal-Ukrajna mal-grilja kontinentali Ewropea (ENTSO-E); iħeġġeġ lill-Ukrajna ttejjeb il-koordinament tal-politiki u l-azzjonijiet internazzjonali (eż. il-Kummissjoni, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Dinji, il-KfW, l-ENTSO-E u l-Komunità tal-Enerġija) u l-istituzzjonijiet Ukreni li jappoġġaw is-settur Ukren tal-enerġija;

115.

Jikkundanna l-estrazzjoni tal-gass, min-naħa tar-Russja, mill-blata Ukrena fiż-żona ekonomika esklussiva tal-Ukrajna u jiddikjara li l-UE ma tirrikonoxxix is-sekwestru taż-żoni tal-gass mill-Federazzjoni Russa fil-Baħar ta' Azov u fil-Baħar l-Iswed u għandha tappoġġa l-azzjonijiet legali tal-awtoritajiet Ukreni biex iwaqqfu dawn l-estrazzjonijiet illegali;

116.

Jiddispjaċih li s-suq il-ġdid tal-operaturi tal-elettriku li beda jopera fl-Ukrajna f'Lulju 2019 għadu mhux kompetittiv skont l-istandards tal-UE; iħeġġeġ lill-Ukrajna, għalhekk, tlesti r-riforma tagħha u ttejjeb il-livell ta' konformità mad-dritt tal-UE, l-ewwel u qabel kollox billi ssaħħaħ l-indipendenza ta' Ukrenerho u tevita s-sussidjar reċiproku; jistieden lill-Ukrajna taġġorna l-impjanti tal-enerġija eżistenti tagħha biex tilħaq l-istandards ambjentali u ta' sikurezza stretti Ewropej;

117.

Jilqa' favorevolment il-pożizzjoni tal-Gvern tal-Ukrajna li jirrispetta l-impenn, meħud fi ħdan il-Komunità tal-Enerġija, li jikkonforma mad-dritt applikabbli tal-UE, inkluża l-politika ambjentali u ta' sikurezza, u b'hekk ma jippermettix l-importazzjoni tal-elettriku minn impjanti tal-enerġija f'pajjiżi ġirien li qed jinbnew mingħajr konformità mar-rekwiżiti tal-konvenzjonijiet internazzjonali u tal-ogħla standards internazzjonali ambjentali u ta' sikurezza;

118.

Jiddispjaċih għall-fatt li fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-Ukrajna għadha ma ssodisfatx l-obbligi tagħha lejn l-investituri, u li d-dewmien fil-pagamenti lill-produtturi tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli jhedded l-iżvilupp ulterjuri ta' sorsi ta' enerġija nadifa fl-Ukrajna;

119.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni jlestu b'mod urġenti l-modernizzazzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari u jinvestigaw id-dewmien f'dawn il-proċessi, b'mod partikolari l-aġġornament tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Zaporizhzhia;

120.

Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied il-kooperazzjoni fl-infrastruttura fir-reġjun, id-diversifikazzjoni ulterjuri tal-provvisti tal-enerġija tal-Ukrajna, l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-konnettività tas-settur tal-enerġija tal-Ukrajna, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali; jinnota li l-appoġġ u l-promozzjoni tal-kummerċ intrareġjonali fost il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant se joħolqu wkoll opportunitajiet ekonomiċi ġodda, inkluż għall-SMEs;

121.

Ifaħħar l-adozzjoni mill-Gvern tal-Ukrajna fi Frar 2019 tal-istrateġija għall-politika ambjentali tal-istat sal-2030 u l-pjan nazzjonali għall-ġestjoni tal-iskart, il-liġijiet dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, u l-liġijiet adottati fil-qasam tal-politika dwar il-klima; iħeġġeġ lill-Ukrajna tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fl-implimentazzjoni tagħha tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima, fl-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha tat-tfassil tal-politika, kif ukoll biex iżżid l-isforzi tagħha dwar l-impenji nazzjonali relatati mal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015;

122.

Iħeġġeġ lill-Ukrajna tiġġieled b'mod effettiv il-qtugħ illegali tas-siġar skont il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-istandards tal-protezzjoni ambjentali, u li tieħu azzjoni biex ittemm il-ħsara ambjentali kkawżata mill-isfruttament illegali u insostenibbli tar-riżorsi naturali, bħall-qtugħ illegali tas-siġar fil-foresti primordjali tal-Karpazji, li hija wkoll ir-raġuni ewlenija għall-għargħar fir-reġjun; jistieden lill-UE tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam b'rabta mal-proġett illegali għal ċentru ta' skijjar fis-Svydovets, kif ukoll il-metodu illegali u ta' ħsara għall-ambjent tal-estrazzjoni tal-ambra; iħeġġeġ lill-Ukrajna tinvesti f'infrastruttura turistika ekoloġikament u ambjentalment sikura u sostenibbli, u jistieden lill-awtoritajiet Ukreni jevitaw proġetti futuri milli jagħmlu ħsara lill-ambjent billi jtejbu l-iskrutinju, it-trasparenza u l-implimentazzjoni ta' valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u diliġenza dovuta; iħeġġeġ lill-Ukrajna tagħti aċċess miftuħ u konvenjenti għall-informazzjoni ambjentali, tespandi ż-żoni protetti u tħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal sustanzi niġġiesa ewlenin minn impjanti kbar tal-kombustjoni; jinkoraġġixxi lill-Ukrajna tadotta leġiżlazzjoni għall-iżvilupp ta' trasport sostenibbli; iħeġġeġ lill-Ukrajna tnaddaf u tarmi sustanzi kimiċi agrikoli perikolużi ħafna b'mod sikur u konxju mil-lat ambjentali, b'mod partikolari l-pestiċidi li m'għadhomx jintużaw fl-oblast' ta' Kherson u fir-reġjuni l-oħra tal-Ukrajna;

123.

Jinsab imħasseb ħafna dwar l-impatt ambjentali tal-kunflitt fl-Ukrajna tal-Lvant, inklużi l-perikli kkawżati mill-għargħar tal-minjieri interkonnessi; jitlob li ssir evalwazzjoni fil-fond tal-impatt ambjentali tal-kunflitt bi pjan ta' reazzjoni mfassal biex jipprevjeni kollass ekoloġiku; jipproponi programm ta' “tneħħija tal-mini mid-Donbas” li jinvolvi l-awtoritajiet Ukreni u l-komunità internazzjonali;

124.

Jinsab imħasseb ħafna wkoll fir-rigward ta' madwar 1 200 sors radjuattiv – użati għal skopijiet mediċi, industrijali jew xjentifiċi – li jinsabu fir-reġjun ta' Donetsk u fl-inħawi ta' madwaru, li joħolqu riskji serji għas-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent; jistieden lill-OSKE, lill-grupp ta' kuntatt trilaterali u lill-Kwartett tal-Format tan-Normandija biex jiġġieldu kontra l-proliferazzjoni ta' attivitajiet radjuattivi u l-kuntrabandu ta' sustanzi radjuattivi f'konformità mar-reġim ta' nonproliferazzjoni nukleari; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jikkollaboraw mal-partijiet interessati rilevanti sabiex jittrasportaw b'mod sikur sorsi radjuattivi mhux użati ta' attività għolja mir-reġjun tad-Donbas;

125.

Jilqa' favorevolment l-ambizzjoni tal-Ukrajna li tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa b'mod adegwat l-isforzi tal-Ukrajna, fost l-oħrajn billi tistabbilixxi djalogu strutturat rilevanti, pjan direzzjonali u skambju ta' informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-DCFTA ma tikkontradix l-objettivi u l-inizjattivi ambjentali stabbiliti fiha;

126.

Jilqa' pożittivament l-programm tal-UE ta' EUR 10 miljun “Pakkett dwar il-klima għal ekonomija sostenibbli” li se joffri appoġġ lill-Ukrajna fl-iżvilupp ta' approċċ olistiku biex tirristruttura s-setturi ekonomiċi ewlenin tagħha lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

Kuntatti interpersonali u l-ġestjoni tal-fruntieri

127.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-mobbiltà transfruntiera fit-tisħiħ tal-kuntatti interpersonali u jilqa' pożittivament l-implimentazzjoni kontinwa u ta' suċċess tar-reġim mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Ukrajna, li ppermetta liċ-ċittadini Ukreni jagħmlu aktar minn 40 miljun vjaġġ lejn pajjiżi tal-UE minn Ġunju 2017; jissottolinja l-importanza li jkomplu jiġu ssodisfati l-parametri ta' riferimenti għal-liberalizzazzjoni tal-viża u li jiġu aċċelerati l-isforzi ta' riforma relatati; jesprimi l-fehma li r-reġim mingħajr viżi rriżulta f'żieda fl-ivvjaġġar mill-Ukrajna lejn l-UE, u għalhekk f'fehim aħjar bejn is-soċjetajiet rispettivi, li huwa l-aħjar bażi għal avviċinament kontinwu; jissottolinja li dan l-approċċ għandu jitkompla u, maż-żmien, għandu jiġi estiż;

128.

Ifakkar fl-importanza tal-integrazzjoni tal-Ukrajna fl-oqfsa tal-UE, bħal Erasmus+, Orizzont Ewropa, u Ewropa Kreattiva, u l-ħtieġa li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni rilevanti fil-qafas tal-programmi attwali u futuri; huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni tal-istudenti Ukreni, kif ukoll tal-għalliema universitarji u tal-iskejjel, fil-programmi Erasmus+ għandha tiġi estiża b'mod viżibbli;

129.

Jinnota li ż-żieda fl-għadd ta' żjarat minn ċittadini Ukreni fil-pajjiżi ta' Schengen irrappreżentat sfida għall-punti ta' qsim tal-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna, li huma konġestjonati u li la l-infrastruttura tagħhom u lanqas il-kapaċità tagħhom ma huma adegwati biex jipprovdu kundizzjonijiet deċenti u umani għan-nies li jaqsmu l-fruntiera; jinnota li waħda mill-aktar problemi akuti fil-fruntiera bejn l-UE u l-Ukrajna, speċjalment fis-sezzjonijiet Ungerija-Ukrajna u Polonja-Ukrajna, kienet iż-żmien twil ta' stennija għall-qsim tal-fruntiera; jappella lill-Kummissjoni tniedi djalogu bil-għan li tiżgura li l-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri jkunu fil-pront u mingħajr korruzzjoni permezz ta', fost l-oħrajn, investimenti, taħriġ tal-persunal u mekkaniżmu effettiv għall-ilmenti tal-qsim tal-fruntieri; jinkoraġġixxi lill-UE tappoġġa l-istabbiliment ta' punti ta' qsim tal-fruntieri ġodda u l-espansjoni ta' dawk eżistenti fil-fruntiera bejn l-UE u l-Ukrajna permezz ta' monitoraġġ strett tal-finanzjament biex jiġu eliminati l-abbużi tal-passat;

130.

Jappoġġa kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Ukrajna, b'mod partikolari dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, is-sistemi nazzjonali ta' ġestjoni tal-ażil u tal-identità bbażati fuq mezzi bijometriċi, il-ġlieda kontra l-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-kriminalità internazzjonali serja, u l-approfondiment tal-kooperazzjoni bejn l-Ukrajna u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX);

131.

Jinnota li sar aktar progress fir-rigward tal-allinjament tal-proċeduri doganali u tal-fruntieri tal-Ukrajna ma' dawk tal-Unjoni, kif ukoll ir-riformi istituzzjonali li għaddejjin tal-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa u tad-Dwana; jilqa' favorevolment il-liġi dwar l-Entità Ġuridika Unika għas-Servizz Doganali Statali, kif ukoll il-liġijiet dwar l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati, u dwar l-introduzzjoni tas-Sistema Nazzjonali ta' Tranżitu Elettroniku, li ġew adottati fil-ħarifa tal-2019; jilqa' pożttivament ukoll l-adozzjoni f'Lulju 2020, tal-“Istrateġija għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri sal-2025” u l-pjan ta' azzjoni sussegwenti għall-2020-2022; jiddispjaċih, madankollu, dwar l-istall tal-proġett iffinanzjat mill-UE għall-modernizzazzjoni ta' sitt punti ta' kontroll fil-fruntiera mal-Unjoni u jiddeplora l-ħinijiet twal ħafna ta' stennija li għadhom irreġistrati f'dawk il-fruntieri; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni, barra minn hekk, jadottaw il-miżuri u r-regolamenti pendenti kollha meħtieġa biex jagħmlu s-sistema dwar l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati u tas-Sistema Nazzjonali ta' Tranżitu Elettroniku kompletament operattivi u jiżguraw li l-ġestjoni l-ġdida tas-Servizz Doganali Statali tinħatar malajr minn fost il-kandidati kompetenti permezz ta' proċedura ta' selezzjoni pubblika trasparenti u imparzjali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni jikkriminalizzaw il-kuntrabandu tal-oġġetti kollha bħala element kruċjali tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri;

132.

Jappella lill-UE u lill-awtoritajiet Ukreni u Moldovani jħaffu l-proċess għall-waqfien tal-kummerċ illegali u l-għeluq tal-kanali ta' kuntrabandu fit-Transnistrija bħala rifuġju sikur għat-traffikanti li ġie sfruttat minn kriminali u oligarki, filwaqt li jservi biex isaħħaħ l-influwenza Russa u kien wieħed mill-fatturi ewlenin li jtawwal il-kunflitt;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

133.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-eżitu tas-summit bejn l-UE u l-Ukrajna tat-6 ta' Ottubru 2020, l-ewwel summit bilaterali li sar fiżikament fi Brussell minn mindu faqqgħet il-pandemija, u d-dikjarazzjonijiet ċari taż-żewġ naħat għal impenn kontinwu fit-tisħiħ tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tal-Ukrajna mal-Unjoni Ewropea;

134.

Jinnota bi pjaċir l-eżitu tal-laqgħat u l-attivitajiet li għaddejjin bħalissa fil-kuntest tad-Djalogi Jean Monnet tal-Parlament Ewropew għall-Paċi u d-Demokrazija mal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna u jappoġġa bis-sħiħ il-kontinwazzjoni tagħhom; huwa konvint li l-approfondiment tal-kultura parlamentari tad-djalogu se jiżgura Verkhovna Rada tal-Ukrajna b'saħħitha, indipendenti, trasparenti u effikaċi, essenzjali għall-futur demokratiku u Ewropew tal-pajjiż u li hija konformi mal-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Ukreni;

135.

Iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-Verkhovna Rada tkompli b'mod attiv ir-riforma istituzzjonali tagħha li għandha l-għan li, fost l-oħrajn, iżżid il-kapaċità leġiżlattiva u l-kwalità, is-superviżjoni politika tal-eżekuttiv, kif ukoll it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-konfront taċ-ċittadini, bil-għan li tissemplifika u tagħti prijorità lill-adozzjoni ta' abbozzi ta' liġi relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, kif ukoll li tistabbilixxi salvagwardji istituzzjonali li jimblokkaw il-leġiżlazzjoni li tikser l-impenji meħuda skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, pereżempju permezz ta' rwol aktar b'saħħtu għall-Kumitat għall-Integrazzjoni Ewropea, li l-opinjonijiet tiegħu għandhom ikunu vinkolanti; jissottolinja l-importanza tal-kollaborazzjoni kontinwa tal-Parlament Ewropew mal-Verkhovna Rada sabiex jingħata appoġġ għal tali proċess ta' riforma; jisħaq fuq l-importanza li titkompla l-kooperazzjoni interparlamentari u l-kuntatti interpersonali bl-aħjar mod possibbli fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19;

136.

Jisħaq fuq l-importanza ta' appoġġ kontinwu għall-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea (EUAM) fl-Ukrajna u r-rwol tagħha fir-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili; jilqa' favorevolment il-ftuħ tal-uffiċċju lokali tagħha f'Mariupol, u jittama li jkun hemm riżultati tanġibbli, f'konformità mal-mandat tal-Missjoni; jitlob li l-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet Ukreni involuti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA; jitlob li l-Kummissjoni tfassal l-għodod meħtieġa għall-appoġġ tal-allinjament kontinwu tal-Ukrajna mal-acquis tal-UE, f'konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tat-22 Summit Ukrajna-UE;

137.

Itenni l-appell tiegħu għat-twaqqif ta' Università tas-Sħubija tal-Lvant fl-Ukrajna; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jsaħħu u jespandu l-programmi ta' taħriġ għall-professjonisti legali Ukreni li jixtiequ jispeċjalizzaw fid-dritt tal-UE u jsaħħu l-kapaċità tal-Ukrajna li tipparteċipa f'Orizzont Ewropa, fost modi oħra biex jagħtu spinta lill-kuntatti interpersonali, u l-kooperazzjoni akkademika u edukattiva bejn l-UE u l-Ukrajna;

138.

Jilqa' pożittivament l-appoġġ tal-UE għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u l-korsijiet ta' taħriġ għall-impjegati tas-servizz pubbliku Ukren organizzati mill-Kulleġġ tal-Ewropa ta' Natolin;

139.

Jappella lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet Ukreni jiżviluppaw kampanji biex jinfurmaw aħjar liċ-ċittadini dwar l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant u l-implimentazzjoni tal-FA/DCFTA, jissensibilizzaw dwar il-vantaġġi ta' assoċjazzjoni eqreb u jorbtuhom mal-iżviluppi pożittivi fis-swieq tax-xogħol fl-Ukrajna u fil-pajjiżi assoċjati l-oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni jikkomunikaw aħjar il-vantaġġi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA u tal-assistenza tal-UE liċ-ċittadini tal-Ukrajna u jagħmlu aktar sforzi biex jiżguraw li l-opportunitajiet offruti mill-FA/DCFTA u l-assistenza u l-programmi tal-UE jilħqu l-livell lokali, inkluż fiż-żoni remoti tal-pajjiż, b'mod partikolari ż-żoni rurali, sabiex l-abitanti jkunu jistgħu jagħmlu pressjoni għal bidliet pożittivi fil-komunitajiet tagħhom;

140.

Ifaħħar lis-soċjetà ċivili, liż-żgħażagħ u lill-NGOs tal-Ukrajna għall-attivitajiet tagħhom fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika u politika u, b'mod partikolari, għall-appoġġ tagħhom għall-implimentazzjoni tal-FA/DCFTA, għall-indirizzar tal-isfidi tal-pandemija tal-COVID-19, għall-ġlieda kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni, għall-għoti ta' assistenza u għajnuna lill-IDPs u lil gruppi vulnerabbli oħra u għat-tisħiħ tar-reżiljenza soċjetali u l-litteriżmu medjatiku fost il-poplu Ukren; iħeġġeġ lill-gvernijiet ċentrali u lokali tal-Ukrajna jkomplu jrawmu kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili, inkluż billi jipprovdu aktar appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-appoġġ għal dawn l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-programm “Faċilità tas-Soċjetà Ċivili” li jinkludi EUR 20 miljun, li se jappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-ħajja pubblika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni, fid-dawl ta' diversi abbozzi ta' liġi dwar il-funzjonament u l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u assoċjazzjonijiet oħra, ma jadottaw l-ebda liġi li mhijiex konformi mal-obbligi nazzjonali u internazzjonali tal-Ukrajna dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jiggarantixxu l-funzjonament tas-soċjetà ċivili mingħajr indħil indebitu;

o

o o

141.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1)  ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39.

(2)  ĠU C 388, 13.11.2020, p. 116.

(3)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0167.

(5)  ĠU L 165, 27.5.2020, p. 31.

(6)  CM/Rec(2010)5, disponibbli fis-sit https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectID=09000016805cf40a

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.