17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/82


P9_TA(2021)0045

L-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u fuq l-isport

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u fuq l-isport (2020/2864(RSP))

(2021/C 465/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-Protokoll (Nru 2) tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,

wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2020 dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2020 dwar il-futur tal-edukazzjoni Ewropea fil-kuntest tal-COVID-19 (5),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u l-isport (O-000074/2020 – B9-0005/2021),

wara li kkunsidra r-Regoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

A.

billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (6), il-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa qed tolqot liż-żgħażagħ b'mod sproporzjonat qawwi u x'aktarx li jġarrbu effetti negattivi serji u fit-tul għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi, is-saħħa u l-benesseri tagħhom, inklużi opportunitajiet mitlufa ta' edukazzjoni, volontarjat u taħriġ fi stadju kruċjali tal-iżvilupp tagħhom;

B.

billi l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-funzjonament tal-programmi tal-UE għaż-żgħażagħ u l-edukazzjoni fuq il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-volontarjat, fuq is-sistemi edukattivi nazzjonali, fuq l-impjiegi u l-introjtu, u fuq il-libertajiet ċivili qed jiggrava l-inugwaljanzi, kif tixhed l-istatistika tal-OECD, li turi li madwar nofs biss tal-istudenti tal-iskola jistgħu jaċċessaw il-kurrikulu kollu jew kważi kollu, minkejja l-isforzi tal-pajjiżi biex jipprovdu soluzzjonijiet ta' tagħlim online; billi din is-sitwazzjoni qed tiggrava l-konsegwenzi tad-distakk diġitali u qed ixxekkel l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali meħtieġa, filwaqt li l-aċċess għall-kurrikuli tal-iskejjel mhux dejjem ifisser li l-istudenti f'diffikultà jkunu jistgħu jitgħallmu;

C.

billi ż-żgħażagħ huma fil-qalba ta' azzjonijiet motivati mis-solidarjetà biex iwieġbu għall-ħtiġijiet fil-komunitajiet tagħhom fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, minn tmexxija ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-ħidma fuq quddiem nett bħala parti mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, għal inizjattivi oħra ta' volontarjat;

D.

billi l-effetti negattivi tal-pandemija tant huma estensivi li komplew jikkontribwixxu għat-tiċkin tal-ispazju ċiviku fl-Istati Membri madwar l-Ewropa u probabbilment ħafna organizzazzjonijiet tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-isport se jkollhom jagħlqu, u dan se jkollu impatt negattiv fuq l-istrutturi stabbiliti tal-kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali u se jillimita sostanzjalment l-impenn ċiviku;

E.

billi l-effetti psikosoċjali tal-COVID-19 jaffettwaw is-saħħa mentali u l-kapaċità ta' soċjalizzazzjoni taż-żgħażagħ kemm minħabba fatturi immedjati kif ukoll minħabba fatturi aktar fit-tul; billi n-nuqqas ta' attivitajiet ta' divertiment u restrizzjonijiet soċjali għandhom effett sproporzjonat fuq it-tfal u ż-żgħażagħ b'diżabilità;

F.

billi l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt devastanti fuq l-isport u setturi u industriji relatati; billi l-impatt ekonomiku fuq l-isport professjonali kien enormi peress li d-dħul naqas drastikament minħabba li bosta avvenimenti fil-livelli kollha kellhom jiġu kkanċellati jew kellhom isiru mingħajr spettaturi;

G.

billi l-impatt tal-pandemija li għadu għaddej fuq l-isport semiprofessjonali u għad-dilettanti u fuq ir-rikreazzjoni huwa devastanti u ħafna mill-klabbs sportivi qed jiffaċċjaw theddida eżistenzjali minħabba li huma intrinsikament mingħajr skop ta' qligħ u fil-biċċa l-kbira jaħdmu fuq bażi volontarja u għalhekk joperaw mingħajr riżervi finanzjarji;

H.

billi r-restrizzjonijiet tal-pandemija tal-COVID-19 u n-nuqqas ta' possibilitajiet suffiċjenti għal taħriġ u prattika regolari fl-isports b'kuntatt fiżiku huma ta' detriment għall-progress u l-iżvilupp tal-atleti;

I.

billi l-isport huwa settur ekonomiku importanti li jammonta għal 2,12 % tal-PDG totali u 2,72 % tal-impjiegi totali fl-UE u jirrappreżenta madwar 5,67 miljun impjieg;

J.

billi l-isport jissodisfa funzjonijiet soċjetali importanti, billi pereżempju jippromwovi l-inklużjoni soċjali, l-integrazzjoni, il-koeżjoni u valuri bħar-rispett u l-fehim reċiproku, is-solidarjetà, id-diversità u l-ugwaljanza inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-isport u l-attivitajiet volontarji assoċjati jistgħu jtejbu s-saħħa fiżika u mentali u l-impjegabilità taż-żgħażagħ b'mod partikolari, kif ukoll jgħinu biex iż-żgħażagħ jevitaw li jinvolvu ruħhom f'imġieba vjolenti, inklużi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-kriminalità u l-użu tad-droga;

Żgħażagħ

1.

Huwa mħasseb li, minħabba s-sensittività partikolari tas-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ għaċ-ċikli ekonomiċi u għall-kriżijiet ekonomiċi, l-impjieg taż-żgħażagħ jintlaqat aktar mir-riperkussjonijiet tal-pandemija attwali, filwaqt li jiġu amplifikati x-xejriet negattivi ta' settur fil-biċċa l-kbira ddominat minn impjiegi part-time instabbli b'pagi baxxi u bi protezzjoni legali u standards tas-sigurtà soċjali aktar dgħajfa;

2.

Jissottolinja l-impatt partikolarment akut li l-pandemija attwali kellha fuq iż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-problemi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ minn gruppi vulnerabbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqiesu d-disparitajiet konsiderevoli bejn il-ġeneri fir-rigward tal-proporzjon ta' NEETs;

3.

Jissottolinja li s-setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema spiss ikkaratterizzati minn pagi baxxi, bħall-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, l-akkomodazzjoni, it-turiżmu u s-servizzi tal-ikel, li tipikament jimpjegaw ħaddiema żgħażagħ b'livell baxx ta' ħiliet u studenti li jaħdmu, ġew affettwati bl-aktar mod drammatiku; jinnota li l-qgħad u l-faqar fost iż-żgħażagħ żdiedu b'mod kostanti minn mindu faqqgħet il-pandemija; jemmen li huwa probabbli li l-qgħad fost iż-żgħażagħ se jkompli jiżdied fuq żmien qasir u jista' jibqa' ogħla mil-livelli ta' qabel il-pandemija għal żmien twil;

4.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkumbattu l-effetti diżastrużi fuq l-impjiegi taż-żgħażagħ, inkluż permezz ta' politiki makroekonomiċi (fiskali u monetarji) li jidderieġu n-nefqa pubblika lejn l-għoti ta' sussidji għar-reklutaġġ jew garanziji għaż-żgħażagħ b'appoġġ għal skemi mfassla apposta għaż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi u għat-titjib tal-ħiliet u ta' taħriġ mill-ġdid li jkunu mfassla għaż-żgħażagħ, kif ukoll investiment fis-setturi ekonomiċi li għandhom il-potenzjal li jassorbu liż-żgħażagħ li jkunu qed ifittxu impjieg billi joffru impjiegi ta' kwalità u kundizzjonijiet ta' xogħol u remunerazzjoni diċenti;

5.

Ifakkar fir-rwol tal-volontarjat fl-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħajja u tax-xogħol għaż-żgħażagħ; iqis li l-volontarjat appoġġat finanzjarjament għandu l-potenzjal li jgħin liż-żgħażagħ qiegħda jirreżistu x-xokk ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19 filwaqt li jikkontribwixxu għas-soċjetà u jiksbu esperjenza siewja li tiffaċilita t-tranżizzjoni tagħhom lejn impjieg regolari fit-tul; iqis li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jista' jgħin liż-żgħażagħ Ewropej iwessgħu l-opportunitajiet tagħhom lil hinn mir-realtajiet lokali tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tipprovdi ċarezza u linji gwida uniformi għall-implimentazzjoni ta' programmi f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u t-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni kkawżati, fost l-oħrajn, min-nuqqas ta' flessibilità fil-finanzjament, it-tnaqqis fil-finanzjament, iż-żieda fir-restrizzjonijiet fuq l-għoti ta' viżi lil voluntiera minn pajjiżi sħab, u n-nuqqas li jiġi żgurat l-istatus legali taż-żgħażagħ bħala voluntiera;

6.

Jisħaq fuq l-importanza vitali tat-tagħlim informali u mhux formali, l-arti, l-isport, il-volontarjat u l-attivitajiet soċjali biex iħeġġu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-koeżjoni soċjali bħala għodda li jista' jkollha impatt enormi fuq il-komunitajiet lokali u tista' tgħin biex jiġu indirizzati ħafna mill-isfidi soċjetali tal-lum il-ġurnata;

7.

Jenfasizza li, fil-ftehim konkluż fil-21 ta' Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew kellu jkun aktar ambizzjuż fl-appoġġ tiegħu għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ – il-futur tal-Ewropa – partikolarment billi jinkludi appoġġ aktar b'saħħtu għaż-żgħażagħ fil-pjanijiet ta' rkupru billi jalloka 10 % għall-edukazzjoni u 20 % bħala kontribuzzjoni għall-Istrateġija Diġitali Ewropea u l-ksib ta' suq uniku diġitali; jissottolinja f'dan il-kuntest li l-programmi settorjali li għandhom enfasi diretta fuq iż-żgħażagħ, bħal Erasmus+, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Garanzija għat-Tfal jew li għandhom il-potenzjal li jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn Ewropa aktar ġusta, u aktar soċjalment u ambjentalment sostenibbli, iridu jiġu mobilizzati b'tali mod sabiex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tagħhom, għax hemm riskju li l-miri ambizzjużi tagħhom mhux se jkunu jistgħu jintlaħqu u dan se jikkawża diżappunt kbir għaż-żgħażagħ u għall-ġenerazzjonijiet futuri;

8.

Jissottolinja li l-pandemija attwali aggravat id-distakk diġitali fl-UE u b'hekk jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi promoss il-litteriżmu diġitali għal kulħadd u li jitħeġġu l-użu mifrux, ir-rikonoxximent u l-validazzjoni ta' alternattivi, inklużi opportunitajiet ta' tagħlim informali u mhux formali, bħat-tagħlim u t-taħriġ online u diġitali; jitlob b'mod partikolari li l-istudenti żgħażagħ li esperjenzaw telf ta' introjtu fl-edukazzjoni teknika doppja u fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jingħatawlhom attenzjoni u appoġġ partikolari, filwaqt li jiġu żviluppati u użati b'mod estensiv għodod diġitali ta' kwalità, materjal u kontenut tat-tagħlim u tal-apprendiment sabiex jiġi evitat li l-persuni jitilqu mill-edukazzjoni u tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel u effettiva mill-iskola; jisħaq li minkejja l-kuntest speċifiku tal-COVID-19, huwa importanti li jinżamm it-tagħlim personali biex żgur ħadd ma jibqa' lura, b'mod partikolari fil-każ ta' tfal żgħar, gruppi vulnerabbli u żgħażagħ minn ambjenti soċjoekonomiċi diffiċli mingħajr mezzi jew ħiliet teknoloġiċi;

9.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-investiment f'soluzzjonijiet u litteriżmu diġitali għall-iżvilupp ta' ħiliet prattiċi, kompetenzi u kwalifiki, u biex l-aċċess għal-litteriżmu diġitali jkun disponibbli għal kulħadd, u jippromwovu l-iżvilupp ta' għodod ta' apprendiment online indipendenti, multilingwi, inklużivi u mingħajr ħlas sabiex itejbu l-livell ġenerali tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027); jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati kompetenzi fost l-għalliema, il-ħarrieġa, il-kapijiet tal-għalliema, il-ġenituri u l-maniġers bil-għan li jitjieb il-forniment tal-apprendiment online, mill-bogħod u mħallat b'enfasi partikolari fuq programmi ta' żvilupp tal-ħiliet;

10.

Huwa mħasseb li l-kriżi tal-COVID-19 żiedet l-ansjetà u l-biża' fost iż-żgħażagħ, bir-riskju li dan ikollu impatt konsiderevoli fuq ħajjithom u fuq it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol; jappella għall-użu estensiv ta' servizzi tas-saħħa mentali mfassla apposta, appoġġ psikosoċjali u attivitajiet sportivi, kemm jekk bħala miżuri awtonomi jew modulari, u għal appoġġ imtejjeb għall-benesseri mentali fi ħdan l-istituzzjonijiet tat-taħriġ u tal-edukazzjoni sabiex ikun żgurat li l-pandemija ma tħallix effetti psikoloġiċi dejjiema; jenfasizza l-impatt tal-pandemija fuq iż-żgħażagħ b'diżabilità u ż-żgħażagħ li jgħixu f'żoni rurali u remoti u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet ta' dan il-grupp billi jadattaw il-miżuri u s-servizzi ta' appoġġ disponibbli;

11.

Jappella għal approċċ, ibbażat fuq id-drittijiet u msejjes fuq il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza, li jrid jittieħed għad-diversi politiki sabiex jiġu indirizzati d-diversi forom ta' diskriminazzjoni mġarrba miż-żgħażagħ matul il-kriżi tal-COVID-19, u jfakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fil-ħtieġa ta' approċċ speċjali għall-appoġġ u l-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli, bħaż-żgħażagħ b'diżabilità, u ż-żgħażagħ minn ambjenti żvantaġġati u f'riskju ta' vjolenza domestika, il-migranti u r-rifuġjati żgħażagħ u żgħażagħ tal-komunità LGTBIQ+; jisħaq fuq l-importanza ta' aċċess liberu għal informazzjoni ta' kwalità dwar il-COVID-19 u l-pandemija b'mod ġenerali, adattata għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ;

12.

Jirrimarka li l-attivitajiet sportivi u tal-ħidma fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa huma mhedda fuq kollox fid-diversità tal-forom tagħhom, li qed jirriżulta fit-tiċkin tal-ispazju ċiviku, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jippreservaw l-istrutturi u jiżguraw diversità tal-provvista fl-oqsma taż-żgħażagħ u l-isport; ifakkar fil-ħtieġa ta' involviment mill-qrib tal-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali fl-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet imfassla biex jappoġġaw liż-żgħażagħ, u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u sportivi; jenfasizza l-importanza ta' koeżjoni soċjali tal-organizzazzjonijiet sportivi u taż-żgħażagħ organizzati;

L-isport

13.

Huwa mħasseb ħafna dwar il-possibilità ta' ħsara dejjiema lis-settur tal-isport, mhux biss f'termini ekonomiċi u tal-impjieg, iżda anki għas-soċjetà kollha kemm hi;

14.

Jissottolinja li l-isport u l-eżerċizzju fiżiku huma partikolarment importanti fiċ-ċirkostanzi kkawżati mill-pandemija, peress li jsaħħu r-reżiljenza fiżika u mentali; jilqa' l-fatt li skont id-data, il-lockdowns wasslu biex ċerti persuni jibdew jipprattikaw ċertu sport individwali b'mod aktar frekwenti u attiv; min-naħa l-oħra, huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' attività fiżika osservat fost ħafna żgħażagħ matul il-lockdown u l-konsegwenzi li dan jista' jkollu għas-saħħa pubblika;

15.

Jisħaq li l-mudell Ewropew tal-isport jeħtieġ li jiġi ppreservat u promoss peress li s-solidarjetà, l-ekwità u approċċ ibbażat fuq il-valuri se jkunu importanti aktar minn qatt qabel għall-irkupru tas-settur tal-isport u għas-sopravivenza tal-isport għad-dilettanti;

16.

Ifakkar li l-isport jippromwovi u jgħallem valuri bħar-rispett u l-fehim reċiproku, is-solidarjetà, id-diversità, l-ekwità, il-kooperazzjoni u l-involviment ċiviku, u jrawwem il-koeżjoni u l-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati; jenfasizza li l-isport m'għandux fruntieri u jgħaqqad lil persuni minn ambjenti soċjoekonomiċi u etniċi differenti; iqis li l-isport għad-dilettanti b'mod partikolari għandu rwol essenzjali fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali ta' persuni b'inqas opportunitajiet jew li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli u ta' persuni b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, issaħħaħ l-inklużjoni permezz tal-isport u tesplora mezzi ġodda sabiex timmassimizza l-impatt u l-firxa tagħha; jappella għal żieda fl-appoġġ li jrid jingħata lil familji b'introjtu baxx, sabiex uliedhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fl-isport u f'attivitajiet ta' divertiment oħra;

17.

Jissottolinja l-fatt li l-persuni b'diżabilità jiffaċċjaw sfidi finanzjarji u organizzattivi konsiderevoli biex jieħdu sehem fl-isport kemm fil-kuntest tal-attivitajiet għad-dilettanti kif ukoll fil-livell professjonali, li ġew aggravati matul il-pandemija tal-COVID-19, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza b'mod speċifiku din il-problema fl-istrateġija li jmiss tagħha dwar id-diżabilità;

18.

Jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 qed tħalli konsegwenzi devastanti fuq is-settur kollu kemm hu fil-livelli kollha, speċjalment fuq organizzazzjonijiet u klabbs sportivi, kampjonati u ċentri ta' fitness, atleti, coaches, persunal u negozji relatati mal-isport, inkluż l-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi u l-media sportiva; iqis li t-triq lejn l-irkupru se tkun sfida u jissottolinja l-ħtieġa ta' miżuri ta' għajnuna mmirati;

19.

Iqis li l-istrumenti għall-irkupru ġenerali adottati mill-UE b'reazzjoni għall-kriżi jridu jgħinu biex jappoġġaw lis-settur tal-isport fuq żmien qasir u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-fondi ta' appoġġ nazzjonali, il-fondi strutturali u l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jkunu ta' benefiċċju għas-settur tal-isport minkejja l-karatteristiċi speċifiċi u l-istrutturi organizzattivi tiegħu;

20.

Jisħaq fuq l-importanza ta' pakketti ta' salvataġġ li jkopru l-isport kollu; jenfasizza li filwaqt li l-isports ewlenin bl-ispettaturi spiss intlaqtu l-aktar finanzjarjament, dawn m'għandhomx ikunu l-uniċi li jikkwalifikaw għall-għajnuna finanzjarja jew jingħataw prijorità għaliha;

21.

Jemmen li l-appoġġ finanzjarju eżistenti jista' ma jkunx biżżejjed u jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi kollha possibbli biex tipprovdi appoġġ speċifiku addizzjonali kemm għall-isport għad-dilettanti kif ukoll għall-isport professjonali bil-għan li tiżdied il-vijabilità tas-settur kollu;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-irkupru u r-reżiljenza għall-kriżijiet tas-settur tal-isport b'mod ġenerali u tal-isport għad-dilettanti b'mod partikolari, permezz ta' programmi disponibbli tal-UE u li għalihom is-settur huwa eliġibbli, inklużi l-programm Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u jiżguraw l-aċċess sħiħ tal-isport għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, għall-Fond ta' Koeżjoni, għall-Fond Soċjali Ewropew Plus u għall-EU4Health; jissottolinja li l-inkorporazzjoni tal-isport fir-regolamenti rispettivi u t-tneħħija tal-ostakli kollha fil-proċess ta' applikazzjoni fil-livell nazzjonali huma fundamentali f'dan ir-rigward;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-isport fl-Istati Membri kollha u, abbażi tar-riżultati ta' din il-valutazzjoni, tiżviluppa approċċ Ewropew biex tindirizza l-isfidi u timmitiga l-konsegwenzi possibbli;

24.

Jappella għal skambju strutturat u sistematiku tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri fit-trattament tal-effetti tal-kriżi fuq l-isport u għal analiżi sistematika tad-data u l-informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni fl-isport u l-impatt tal-COVID-19; iqis li huwa utli li jiġi esplorat l-iżvilupp ta' modi ġodda ta' kif wieħed jipprattika l-isport f'sitwazzjonijiet li jeħtieġu tbegħid fiżiku;

25.

Huwa tal-fehma li kooperazzjoni transettorjali wiesgħa hija meħtieġa b'mod urġenti sabiex jingħelbu l-isfidi li feġġew fis-settur tal-isport b'riżultat tal-pandemija tal-COVID-19; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-kollaborazzjoni fil-livelli kollha, inkluż dawk kollha involuti fl-isport, is-settur tan-negozju relatat mal-isport u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, għandha titħeġġeġ aktar;

26.

Jinnota li l-użu ta' soluzzjonijiet diġitali bħalma huma l-apps sportivi żdied matul il-kriżi; iqis li d-diġitalizzazzjoni ulterjuri tas-settur tal-isport se żżid ir-reżiljenza tiegħu f'sitwazzjonijiet ta' kriżijiet futuri possibbli; jappella għall-iżvilupp ta' għodod diġitali li jippermettu l-finanzjament ta' attivitajiet sportivi matul il-pandemija;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-miżuri kollha meħuda biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-isport fi Pjan ta' Azzjoni tal-UE ddedikat;

28.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jagħti prijorità lill-miżuri u l-azzjonijiet immirati biex jgħinu lis-settur ilaħħaq mal-konsegwenzi tal-pandemija fuq medda qasira u twila ta' żmien fil-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport li jmiss;

29.

Iqis li sakemm il-pandemija tkompli tevolvi, jeħtieġ li jinbeda djalogu koordinat mal-federazzjonijiet Ewropej u internazzjonali tal-isport u mal-Istati Membri sabiex jiġu diskussi l-possibilitajiet ta' tkomplija b'mod sikur ta' avvenimenti u kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali ewlenin; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistinkaw għal approċċ koordinat rigward l-attendenza fl-istadji, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-ittestjar tal-COVID-19 li jippermetti l-ippjanar effettiv u l-organizzazzjoni responsabbli ta' kompetizzjonijiet sportivi pan-Ewropej;

30.

Jappella għal miżuri biex tissaħħaħ il-prevenzjoni tad-doping matul u wara l-lockdown tal-COVID-19 biex jiġu promossi s-saħħa u l-fair play tal-atleti fl-isport Ewropew;

31.

Iqis li sports differenti ġew affettwati f'livelli differenti u li f'ċerti sports, klabbs iżgħar u kompetizzjonijiet ta' diviżjonijiet aktar baxxi kif ukoll l-isport għad-dilettanti batew b'mod partikolari minħabba d-dipendenza ekonomika tagħhom fuq sponsors żgħar jew mill-kwoti tal-atleti stess; jenfasizza li l-isport għad-dilettanti huwa l-bażi għall-isport fuq livell professjonali, peress li l-klabbs tal-isport iż-żgħar għad-dilettanti jagħtu kontribut sinifikanti lill-iżvilupp ta' atleti żgħażagħ u jaħdmu l-aktar fuq bażi volontarja; jissottolinja l-importanza tas-solidarjetà fi ħdan il-komunità sportiva Ewropea bejn kull sport differenti u f'kull sport, u jappella għal aktar appoġġ għall-isports iż-żgħar jew għad-dilettanti minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi tagħhom biex jibqgħu jipprattikaw l-attivitajiet tagħhom;

32.

Jirrimarka li r-restrizzjonijiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u n-nuqqas ta' possibilitajiet suffiċjenti għal taħriġ u ripetizzjoni regolari fl-isports li jirrikjedu kuntatt fiżiku kienu ta' detriment għall-progress u l-iżvilupp tal-atleti; iqis li l-organizzaturi ta' avvenimenti, il-ħarrieġa u l-atleti nfushom għandhom ikunu konxji mill-implikazzjonijiet possibbli tan-nuqqas fit-tul ta' taħriġ intensiv; jappella għal kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet sportivi biex jappoġġaw proġetti u kunċetti li jiffukaw fuq il-ksib mill-ġdid tal-kapaċitajiet mitlufa;

33.

Iqis li l-areni u l-istadji huma fil-qalba tan-nisġa soċjali tal-isport u tal-ekosistemi kulturali fis-soċjetajiet tagħna; jirrikonoxxi li l-fatt li dawn il-postijiet ikunu jistgħu jinfetħu mill-ġdid huwa essenzjali għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tagħna u għall-irkupru ekonomiku, kemm issa kif ukoll fil-futur;

o

o o

34.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2020)0183.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0239.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0267.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2020)0282.

(6)  Rapport globali, Youth & COVID-19: Impacts on jobs, education, rights and mental well-being (Rapport Globali, Iż-Żgħażagħ u l-COVID-19: Impatti fuq l-impjiegi, l-edukazzjoni, id-drittijiet u l-benesseri mentali), il-11 ta' Awwissu 2020.