10.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 456/185


P9_TA(2021)0023

Mitigazzjoni tal-konsegwenzi tat-terremoti fil-Kroazja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tat-terremoti fil-Kroazja (2021/2504(RSP))

(2021/C 456/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 174, l-Artikolu 175, it-tielet paragrafu, u l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (1), emendat bir-Regolament (UE) Nru 661/2014 (2) u r-Regolament (UE) 2020/461 (3),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (4), emendata bir-Regolament (UE) 2018/1475 (5) u d-Deċiżjoni (UE) 2019/420 (6),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2018 u l-aġġornament sussegwenti tal-14 ta' Jannar 2020 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi (COM(2020)0023),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (7), emendat bir-Regolament (UE) 2015/1839 (8), ir-Regolament (UE) 2016/2135 (9), ir-Regolament (UE) 2017/825 (10), ir-Regolament (UE) 2017/1199 (11), ir-Regolament (UE) 2017/2305 (12), ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (13), ir-Regolament (UE) 2018/1719 (14), ir-Regolament (UE) 2019/711 (15), ir-Regolament (UE) 2020/460 (16), ir-Regolament (UE) 2020/558 (17), ir-Regolament (UE) 2020/1041 (18), ir-Regolament (UE) 2020/1542 (19),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni (20), emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/521 (21),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Mewġa ta' Rinnovazzjoni għall-Ewropa – l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja” (COM(2020)0662),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (“l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”) (22), ikkoreġut b'Rettifika fl-24 ta' April 2014 (23),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (24), emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (25), ir-Regolament (KE) Nru 219/2009 (26) u r-Regolament (UE) 2019/1243 (27),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (28), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu, u l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (29),

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Kroazja u lill-Polonja fir-rigward ta' diżastru naturali u biex jipprovdi għall-pagament ta' avvanzi lill-Kroazja, lill-Ġermanja, lill-Greċja, lill-Ungerija, lill-Irlanda, lill-Portugal u lil Spanja b'rabta ma' emerġenza tas-saħħa pubblika (COM(2020)0960),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Ottubru 2020 li tadotta l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 9 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 (30),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 9/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 li jakkumpanja l-proposta biex jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jipprovdi assistenza lill-Kroazja u lill-Polonja fir-rigward tad-diżastri naturali u jipprovdi għal pagament minn qabel lill-Kroazja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Portugall u Spanja fir-rigward ta' emerġenza tas-saħħa pubblika (31),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 li jappellaw għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' protezzjoni ċivili b'sistema ta' assistenza reċiproka Ewropea li tibni fuq l-approċċ modulari tal-protezzjoni ċivili,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2007 dwar l-impatt reġjonali tat-terremoti (32),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri (33),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi matul l-aħħar sena l-Kroazja ntlaqtet minn terremoti kbar u devastanti, wieħed minnhom laqat il-belt ta' Zagreb u l-kontej ta' Zagreb u ta' Krapina-Zagorje fit-22 ta' Marzu 2020 b'qawwa ta' 5,5, u tlieta oħra laqtu l-kontea ta' Sisak-Moslavina fit-28 u fid-29 ta' Diċembru 2020 b'qawwa ta' 5,2 u 6,4 rispettivament, u l-aħħar wieħed fis-6 ta' Jannar 2021 b'qawwa ta' 5,0;

B.

billi t-terremot li seħħ f'Marzu 2020 kien l-iktar wieħed qawwi li laqat iż-żona ta' Zagreb mill-1880, u li għamel ħsara lil iktar minn 26 000 binja, li minnhom 1 900 ġew iddikjarati inutilizzabbli, u kkawża ħsara ta' iktar minn EUR 11,5 biljun;

C.

billi l-belt ta' Zagreb u l-kontej ta' Zagreb u ta' Krapina-Zagorje għadhom qed jirkupraw mit-terremot li ħalla persuna mejta, 26 persuna midruba u kellu riperkussjonijiet soċjoekonomiċi, kulturali u infrastrutturali enormi, u effetti psikoloġiċi dejjiema;

D.

billi f'Novembru 2020 il-Parlament Ewropew approva allokazzjoni ta' EUR 683,7 miljun mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-terremot ta' Zagreb li seħħ f'Marzu 2020;

E.

billi l-iktar terremoti reċenti fil-Kroazja ċentrali prattikament qered il-belt ta' Petrinja u laqat ħafna l-bliet fil-qrib ta' Glina, Sisak, Hrvatska Kostajnica, Majske Poljane u rħula oħra fil-kontea ta' Sisak-Moslavina, kif ukoll il-kontej ta' Zagreb u ta' Karlovac;

F.

billi t-theżżiżiet ħallew tmien persuni mejta u 36 persuna midruba, filwaqt li 30 persuna ġew salvati mit-tifrik; billi iktar minn 45 000 binja (34) sofrew ħsara u iktar minn 70 000 persuna ġew milquta direttament, u t-terremot inħass ukoll fis-Slovenja, fl-Awstrija, fl-Italja, fl-Ungerija, fil-Bożnija-Ħerzegovina, fis-Serbja, kif ukoll, sa ċertu punt, fil-Ġermanja, fis-Slovakkja u fiċ-Ċekja;

G.

billi fit-22 ta' Marzu u fid-29 ta' Diċembru 2020 il-Kroazja attivat il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u talbet tined tax-xitwa, sistemi tad-dawl u torrijiet tad-dawl, heaters tal-elettriku, sodod li jingħalqu, sleeping bags u containers għall-akkomodazzjoni;

H.

billi fl-4 ta' Jannar 2021 il-Gvern Kroat iddikjara stat ta' katastrofi fil-kontej li ntlaqtu l-iktar ħażin, b'mod partikolari fil-kontea ta' Sisak-Moslavina u f'partijiet mill-kontej ta' Zagreb u ta' Karlovac;

I.

billi r-repliki komplew fil-ġimgħat ta' wara u għadhom qed jinħassu fiż-żoni milquta u lil hinn sew mill-epiċentru tat-terremot; billi n-nies qed jiffaċċjaw tensjoni kostanti fost l-inċertezza u l-biżgħat ta' terremot oħra possibbli, li qed ikomplu jseħħu ta' kuljum u joħolqu riskju ta' kollass ulterjuri tal-bini minħabba terremoti sussegwenti; billi dan kollha qed iseħħ waqt il-pandemija tal-COVID-19, u dan jista' joħloq problemi ta' saħħa mentali u mard postrawmatiku fil-perjodu li ġej;

J.

billi r-reġjuni u l-bliet milquta sofrew ħsara materjali u soċjoekonomika tremenda li ilu ma jkun hemm bħalha mill-Gwerra għall-Patrija fis-snin disgħin, u jeħtieġ li jinbnew mill-ġdid b'mod urġenti u rapidu, barra minn programm ta' rkupru dejjiemi; billi t-terremoti wasslu lil għadd kbir ta' abitanti taż-żoni milquta f'xifer id-disprament, u kkawżaw diversi forom indiretti ta' ħsara fiż-żoni tal-madwar; billi ż-żoni inkwistjoni diġà kienu żvantaġġjati soċjalment u foqra immens f'termini ekonomiċi, u billi t-terremoti reċenti se jkollhom konsegwenzi finanzjarji u soċjopsikoloġiċi negattivi ulterjuri għar-residenti tagħhom u għar-reġjun kollu;

K.

billi skont l-estimi, madwar 90 % tad-djar f'Petrinja jeħtieġ li jitwaqqgħu; billi lokalitajiet u rħula iżgħar li jinsabu madwar Glina, bħal Majske Poljane, kellhom biss aċċess parzjali għall-elettriku u l-ilma anke qabel it-terremot, u dan issa ħalla lir-residenti iktar iżolati mill-infrastruttura u s-servizzi bażiċi;

L.

billi hemm indikazzjonijiet li t-terremoti kkawżaw ħsara sinifikanti lill-imbankmenti u lis-sistemi tad-difiża kontra l-għargħar, li jistgħu jikkawżaw iktar ħsara liż-żoni li diġà huma devastati fl-istaġun attwali b'iktar xita u għargħar;

M.

billi l-infrastruttura lokali u reġjonali saritilha ħsara serja, il-wirt storiku u kulturali inqered, u l-attivitajiet ekonomiċi twaqqfu, b'mod partikolari l-agrikoltura, it-trobbija tal-bhejjem u l-annimali, li l-popolazzjoni lokali tiddependi l-iktar fuqhom;

N.

billi l-faċilitajiet agrikoli lokali, bħall-bini, il-makkinarju, it-tagħmir, kif ukoll l-għelieqi tal-produzzjoni u l-ħażniet tal-għalf saritilhom ħsara kbira, u billi għadd sinifikanti ta' bhejjem u annimali domestiċi mietu jew tħallew fil-post u sofrew il-konsegwenzi tat-terremot;

O.

billi t-terremot fixkel b'mod sinifikanti l-funzjonament tal-istituzzjonijiet pubbliċi u tas-saħħa u l-infrastruttura bħat-toroq u l-elettriku; billi għandha ssir enfasi speċjali fuq il-bini tal-infrastruttura bażika li kienet nieqsa qabel it-terremot u billi l-aċċess għall-ħtiġijiet u s-servizzi bażiċi għandhom jiġu stabbiliti mill-ġdid minnufih fil-partijiet kollha taż-żoni milquta;

P.

billi għadd sinifikanti ta' skejjel se jkollhom jitwaqqgħu kompletament u xi binjiet universitarji, bħall-Fakultajiet tal-Metallurġija u tat-Taħriġ tal-Għalliema f'Sisak, ma jistgħux jibqgħu jintużaw biex iwettqu l-attivitajiet edukattivi tagħhom fil-bidu tas-semestru skolastiku ġdid; billi dawn l-istituzzjonijiet diġà tqiegħdu taħt pressjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19, u issa t-tfal la jistgħu jattendu l-klassijiet fiżikament u lanqas jużaw il-faċilitajiet edukattivi online minn djarhom;

Q.

billi ċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Sisak kellu jiġi evakwat malajr mumenti wara t-terremot, u dan espona lill-pazjenti tal-COVID-19 u lil pazjenti oħra għal iktar riskji għas-saħħa, inklużi l-persuni b'diżabilità u t-tfal; billi ċ-ċentri tas-saħħa fi Glina u f'Petrinja, inklużi l-ispiżeriji, ġarrbu ħsarat kbar; billi t-terremoti poġġew piż addizzjonali fuq is-sistemi mediċi u tal-kura Kroati u aċċelleraw it-tixrid tal-COVID-19, b'mod partikolari fiż-żoni milquta;

R.

billi xi territorji fl-Unjoni Ewropea huma iktar vulnerabbli u għandhom riskju sismiku għoli; billi l-isforzi ta' rikostruzzjoni sostenibbli u proġetti ta' kostruzzjoni reżiljenti u reżistenti għat-terremoti jeħtieġu li jiġu kkoordinati u mmonitorjati b'mod xieraq sabiex jiġi rimedjat it-telf ekonomiku u soċjali, filwaqt li jiġu rrispettati t-trasparenza, l-aqwa prattiki u r-regoli tal-akkwist pubbliku;

S.

billi r-reazzjoni rapida u professjonali tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-unitajiet tal-protezzjoni ċivili u s-salvataġġ, il-Forzi Armati Kroati, diversi organizzazzjonijiet umanitarji u b'mod partikolari mijiet ta' voluntiera, taffew bil-kbir il-konsegwenzi immedjati tat-terremot;

T.

billi l-kriżi tal-COVID-19 u t-tixrid tal-virus ikomplu jikkumplikaw l-eżekuzzjoni tal-attivitajiet ta' salvataġġ u rkupru; billi l-pandemija tal-COVID-19 hija piż fuq l-ekonomija Kroata u teħtieġ riżorsi finanzjarji addizzjonali;

1.

Jesprimi l-akbar solidarjetà u simpatija mal-individwi kollha li ntlaqtu mit-terremoti u ma' qrabathom, u mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali Kroati involuti fl-isforzi ta' sokkors;

2.

Ifaħħar l-isforzi rapidi u bla waqfien mill-unitajiet tas-salvataġġ, mill-forzi tal-protezzjoni ċivili, mill-Forzi Armati Kroati, mill-voluntiera, mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, mill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, u mill-atturi rilevanti l-oħra kollha fiż-żoni devastati biex isalvaw il-ħajjiet, jikkontrollaw il-ħsara u jerġgħu jistabbilixxu l-attivitajiet bażiċi komuni meħtieġa biex jinżamm standard ta' għajxien deċenti; jesprimi l-gratitudni tiegħu lejn l-individwi, l-organizzazzjonijiet u l-inizjattivi kollha li ħaffew dawn l-isforzi u bagħtu appoġġ u assistenza;

3.

Jilqa' s-solidarjetà tal-Istati Membri u ta' pajjiżi oħra li qed jagħtu l-appoġġ tagħhom b'rispons għal din l-emerġenza fil-forma ta' assistenza reċiproka, inklużi ħtiġijiet bażiċi, għajnuna finanzjarja, voluntiera u assistenza oħra, u li b'hekk qed jgħinu jittaffa l-piż tal-interventi; jilqa' s-solidarjetà murija mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-komunità internazzjonali permezz ta' assistenza reċiproka f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili biex titrawwem il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili fl-Ewropa kollha f'sitwazzjonijiet diffiċli u biex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti ta' avvenimenti eċċezzjonali;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Kroati jidentifikaw il-modi kollha possibbli biex jipprovdu għajnuna u appoġġ immedjati biex jiżguraw kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti u sikuri għall-ħafna persuni mċaħħda minn djarhom u li għadhom nieqsa minn akkomodazzjoni sikura, tal-inqas fil-forma ta' containers, li jistgħu jipprovdu livell minimu ta' kenn matul il-kundizzjonijiet xitwin ħorox tax-xhur li ġejjin;

5.

Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-persuni b'diżabilità, lill-anzjani kif ukoll lit-tfal u l-adolexxenti bi bżonnijiet kritiċi, bħala l-iktar individwi vulnerabbli tas-soċjetà; jilqa' f'dan ir-rigward kull assistenza diġà pprovduta minn organizzazzjonijiet fuq il-post;

6.

Jisħaq fuq l-importanza li tingħata attenzjoni partikolari għal għadd kbir ta' bhejjem, annimali tar-razzett u annimali domestiċi midruba jew imferrxa wara t-terremot; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi konsiderevoli u l-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Agrikoltura, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-NGOs tal-benessri tal-annimali;

7.

Jissottolinja l-gravità tas-sitwazzjoni fuq il-post, li qed tpoġġi pressjoni finanzjarja konsiderevoli u qawwija fuq l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali fil-Kroazja u li tista' twassal għal tnaqqis irriversibbli fil-popolazzjoni fiż-żoni milquta b'konsegwenzi soċjali u ekonomiċi devastanti, kif ukoll bi pressjonijiet psikoloġiċi u soċjali estremi fuq il-persuni milquta;

8.

Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Kroati, flimkien mal-esperti tal-Kummissjoni, biex jivvalutaw malajr u bir-reqqa l-ħsara ġenerali fil-kontea ta' Sisak-Moslavina sabiex jibdew ix-xogħol ta' rinnovazzjoni u rikostruzzjoni reżistenti għat-terremoti malli l-kundizzjonijiet jippermettu; jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata importanza kbira lill-istimolu tar-rivitalizzazzjoni ekonomika sostenibbli u l-għajxien tan-nies meta jibda x-xogħol ta' rkupru u rikostruzzjoni reġjonali;

9.

Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali Kroati biex jimmonitorjaw mill-qrib u jiżguraw li l-attivitajiet ta' rikostruzzjoni ta' wara t-terremot ikunu konformi mar-rekwiżiti għal bini u infrastruttura reżistenti għat-terremoti, kif ukoll japplikaw l-aqwa prattiki professjonali u l-għarfien espert minn Stati Membri oħra; jistieden lill-awtoritajiet Kroati u lill-istituzzjonijiet responsabbli jqisu l-esperjenzi mill-proċess ta' rikostruzzjoni ta' wara l-gwerra fiż-żoni milquta sabiex jiġi ċċarat jekk irregolaritajiet fil-prattiki tal-bini wasslux għal kwalità fqira u kkontribwew għall-konsegwenzi devastanti tat-terremoti reċenti; jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern Kroat li jippubblika r-reġistru tal-kumpaniji li kienu ħadu sehem fil-proċess ta' rikostruzzjoni bħala l-ewwel pass għal dan il-għan;

10.

Jenfasizza l-problemi ta' tbassir assoċjati mas-sistemi tat-terremoti fir-reġjuni b'sismiċitá għolja ħafna tax-Xlokk tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, isaħħu r-riċerka u l-edukazzjoni tagħhom bil-ħsieb li tiġi stabbilita sistema li tiżgura tħejjija aħjar sabiex jiġu evitati u ġestiti kriżijiet simili u jiġi minimizzat l-impatt ta' diżastri simili;

11.

Jappella għal iktar koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-żvilupp tal-Istati Membri, b'mod partikolari dawk li qed jiffaċċjaw riskji simili; jappella biex jittejbu s-sistemi ta' twissija bikrija fl-Istati Membri u biex jinħolqu u jissaħħu r-rabtiet bejn is-sistemi differenti ta' twissija bikrija;

12.

Jistieden lill-awtoritajiet Kroati biex jipprijoritizzaw ir-rinnovazzjoni fil-pjan tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, u jagħtu attenzjoni partikolari lil rinnovazzjonijiet preventivi komprensivi li jiżguraw l-ogħla standards sismiċi għall-akkomodazzjoni u l-binjiet bl-ikbar riskju fir-reġjuni bl-ikbab ċans ta' terremoti;

13.

Jenfasizza li f'każijiet ta' terremoti qawwija, bħal dawk li rajna reċentement fil-Kroazja, il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tieħu żmien konsiderevoli, u li din għandha titqies fil-każ ta' reviżjoni futura tal-FSUE sabiex jiġi żgurat żmien suffiċjenti ta' assorbiment tal-finanzjament lil hinn mill-iskadenzi attwali għall-applikazzjoni; jissottolinja wkoll l-importanza li jissaħħaħ l-infiq tal-FSUE mhux biss għat-tiswija tal-ħsara, iżda wkoll għar-reżiljenza fir-rigward tat-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali u l-emerġenzi tas-saħħa pubblika, sabiex noħorġu aktar sodi mid-diżastri;

14.

Jilqa' l-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond ta' Koeżjoni għall-prevenzjoni tar-riskju ta' diżastri, ir-reżiljenza, l-enerġija u l-adattament sismiku fil-perjodu finanzjarju attwali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kroati jinkludu dawn il-miżuri fl-ippjanar u l-programmazzjoni tagħhom għall-allokazzjonijiet tal-baġit tal-UE 2021-2027 skont dan; jistieden lill-Kummissjoni turi flessibbiltà fir-rigward tal-programmazzjoni u l-emendar tal-programmi operattivi nazzjonali fir-rigward tal-indirizzar tad-diżastri naturali;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Kroazja, biex tfassal mod rapidu għat-tqassim tal-assistenza finanzjarja u assistenza oħra meħtieġa biex tiżgura rkupru rapidu taż-żoni milquta, biex tagħmel disponibbli l-mezzi finanzjarji kollha possibbli biex tgħin lill-Kroazja tissorvelja rkupru rapidu u tipprovdi assistenza lill-persuni kollha fil-bżonn, u biex timminimizza l-piż amministrattiv fl-aċċess għall-għajnuna u l-appoġġ għall-persuni fuq il-post;

16.

Jisħaq fuq l-importanza li tingħata prijorità lir-residenti taż-żoni milquta għat-tilqim kontra l-COVID-19; iħeġġeġ lill-Gvern Kroat jimplimenta d-deċiżjoni li kien ħabbar, jiġifieri li jidderieġi mill-ġdid proporzjon sinifikanti tal-provvista tal-vaċċin tiegħu lill-kontea ta' Sisak-Moslavina sabiex is-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post, ta' dawk li qed jgħinu u tar-residenti kollha, tiġi protetta b'mod immedjat; jilqa' f'dan ir-rigward id-deċiżjoni tal-Istati Membri li jagħtu parti mill-provvisti tal-vaċċin tagħhom lill-Kroazja;

17.

Jirrimarka lill-Kummissjoni li l-ħsara ġdida kkawżata mit-terremoti reċenti lil binjiet li kienu diġà ġarrbu ħsara minħabba t-terremot ta' Marzu 2020 se teħtieġ valutazzjoni u proġetti ta' rinnovazzjoni ulterjuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tinkludi miżuri mmirati biex it-terremoti u l-konsegwenzi tagħhom jiġu indirizzati fl-ippjanar u l-leġiżlazzjoni fl-ambitu tal-inizjattiva “mewġa ta' rinnovazzjoni”;

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tal-Kroazja, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali taż-żoni milquta, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(2)  ĠU L 189, 27.6.2014, p. 143.

(3)  ĠU L 99, 31.3.2020, p. 9.

(4)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.

(5)  ĠU L 250, 4.10.2018, p. 1.

(6)  ĠU L 77 I, 20.3.2019, p. 1.

(7)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(8)  ĠU L 270, 15.10.2015, p. 1.

(9)  ĠU L 338, 13.12.2016, p. 34.

(10)  ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1.

(11)  ĠU L 176, 7.7.2017, p. 1.

(12)  ĠU L 335, 15.12.2017, p. 1.

(13)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(14)  ĠU L 291, 16.11.2018, p. 5.

(15)  ĠU L 123, 10.5.2019, p. 3.

(16)  ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5.

(17)  ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1.

(18)  ĠU L 231, 17.7.2020, p. 4.

(19)  ĠU L 356, 26.10.2020, p. 1.

(20)  ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1.

(21)  ĠU L 117, 15.4.2020, p. 3.

(22)  ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1.

(23)  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 122.

(24)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

(25)  ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1.

(26)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 109.

(27)  ĠU L 198, 25.7.2019, p. 241.

(28)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(29)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(30)  ĠU C 372 I, 4.11.2020, p. 1.

(31)  Testi adottati, P9_TA(2020)0313.

(32)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 269.

(33)  ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 15.

(34)  Skont l-estimi preliminari mill-Ministeru Kroat għall-Ippjanar Fiżiku, il-Kostruzzjoni u l-Assi tal-Istat (https://mgipu.gov.hr/en)