26.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nagħmlu l-imballaġġ industrija sikura, affordabbli u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 323/04)

Relatur:

Matteo Carlo BORSANI

Korelatur:

Dirk JARRÉ

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

21.10.2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-sezzjoni

11.3.2022

Adottata fil-plenarja

19.5.2022

Sessjoni plenarja Nru

569

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

201/1/5

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-imballaġġ huwa teknoloġija abilitanti essenzjali fil-biċċa l-kbira tal-ktajjen tal-provvista. L-impatt tiegħu jmur ferm lil hinn mill-ekosistema tiegħu stess u għal din ir-raġuni huwa essenzjali għall-ekonomija tal-Ewropa u għas-Suq Uniku tagħha u biex jiġi appoġġjat l-irkupru u jitrawwem tkabbir ekonomiku sostenibbli. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali, abbażi ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija tal-imballaġġ jieħdu inizjattivi tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti sabiex jippromovu l-proċessi tal-ekonomija ċirkolari, jinkoraġġixxu l-konsum sostenibbli u jimmiraw li tiġi żgurata l-prevenzjoni tal-iskart u li r-riżorsi użati jinżammu fl-ekonomija tal-UE għall-itwal żmien possibbli.

1.2.

Fid-dawl tal-isfidi soċjetali tal-lum, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-industrija u lill-ħaddiema, il-gvernijiet, il-korpi pubbliċi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi kollha għandhom isibu soluzzjonijiet innovattivi biex iżidu s-sostenibbiltà tal-industrija tal-imballaġġ, meta jitqies li l-imballaġġ ċirkolari għandu rwol ċentrali fil-protezzjoni tal-pjaneta.

1.3.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ bil-qawwa t-tnedija ta’ djalogu soċjali Ewropew bejn il-federazzjonijiet tat-trade unions u l-federazzjonijiet ta’ min iħaddem fis-settur tal-imballaġġ. Djalogu Ewropew bħal dan, artikolat tajjeb mal-livell nazzjonali u dak tal-kumpaniji, jipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea bl-appoġġ meħtieġ biex tfassal u timplimenta l-inizjattivi tagħha, u jippermetti lill-imsieħba soċjali jinnegozjaw tranżizzjoni ġusta.

1.4.

Il-KESE jirrakkomanda li jiġi introdott imballaġġ “adattat għall-iskop” bħala miżura ġdida għall-imballaġġ kollu, li jfisser li l-imballaġġ kollu għandu jiġi żviluppat skont il-prinċipji tal-“ekodisinn”: għandu jkun adattat għall-prodott b’minimu ta’ spazju vojt u piż, u b’hekk jipprevjeni l-imballaġġ żejjed u l-imballaġġ insuffiċjenti, u l-iskart u l-ħela mhux meħtieġa assoċjati. Dan jottimizza wkoll l-impronta tal-karbonju tat-trasport ta’ prodotti ppakkjati, u b’hekk jippermetti li jintlaħqu l-miri tal-emissjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea.

1.5.

L-ambitu tal-bidla għadu ma laħaqx biżżejjed lill-partijiet ikkonċernati, u għalhekk il-KESE jappella sabiex l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu responsabbiltà u tmexxija aktar b’saħħithom fil-ġestjoni ta’ dan il-proċess.

Dan jinkludi l-preżentazzjoni tal-partijiet regolatorji neqsin b’mod li jkunu faċli biex jinftiehmu u jiġu implimentati, kif ukoll azzjonijiet ta’ appoġġ fl-ekosistema kollha, b’enfasi partikolari fuq l-entitajiet l-aktar sensittivi, bħall-SMEs u l-individwi privati.

1.6.

Il-KESE jħeġġeġ approċċ olistiku biex jiġu vvalutati r-rwol u l-impatt ġenerali tal-imballaġġ: jekk l-imballaġġ jitqies b’mod iżolat, dan jista’ jinfluwenza b’mod negattiv il-qafas regolatorju u jħeġġeġ lill-kumpaniji jsegwu strateġiji li huma għaljin, ineffiċjenti u fl-aħħar mill-aħħar inqas sostenibbli. L-elementi essenzjali li għandhom jitqiesu huma s-sikurezza u l-protezzjoni tal-prodotti ppakkjati b’referenza partikolari għall-ikel u x-xorb (1), sabiex l-imballaġġ ikun kemm sostenibbli kif ukoll effettiv. F’dan ir-rigward, approċċ orjentat lejn is-sostenibbiltà fid-disinn tal-imballaġġ m’għandux jimmina dawn il-funzjonalitajiet.

1.7.

L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jippromovu standards minimi biex jappoġġjaw lill-kumpaniji Ewropej tal-imballaġġ ħalli jindirizzaw l-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik ġusta, li japplikaw ukoll għall-imballaġġ kollu li jidħol fis-suq intern minn pajjiżi terzi. Il-KESE jappella sabiex dawk li jfasslu l-politika jiżguraw li l-kriterji ta’ sostenibbiltà fil-ftehimiet kummerċjali jiġu nfurzati u li l-importazzjonijiet jinkludu kriterji ta’ verifika rigward il-konvenzjoni tal-ILO dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema, u dan tul il-katina kollha tal-valur tas-settur tal-imballaġġ. Dan ikun jipprevedi kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq.

1.8.

Il-KESE jħeġġeġ li l-Kummissjoni tippromovi kampanji ta’ edukazzjoni, informazzjoni u sensibilizzazzjoni fil-livell tal-UE, biex tippromovi sensibilizzazzjoni dwar l-importanza ta’ prattiki orjentati lejn is-sostenibbiltà, fil-livelli kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-imballaġġ, u b’hekk torjenta l-imġiba kollettiva jew fil-produzzjoni sostenibbli, għażliet ta’ xiri sostenibbli, jew l-aħjar prattiki fir-rimi u r-riċiklaġġ tal-imballaġġ.

1.9.

Il-leġiżlazzjoni u l-azzjoni futuri tal-UE m’għandhomx jiffukaw biss fuq l-imballaġġ innifsu, iżda fuq il-katina kollha: il-produzzjoni, il-konsum u t-trattament tal-iskart. Il-KESE jirrakkomanda t-trawwim ta’ investimenti fl-innovazzjoni teknoloġika billi jiġu appoġġjati d-domanda għal u l-provvista ta’ materjali riċiklabbli rinnovabbli u ta’ kwalità għolja.

1.10.

L-imballaġġ għandu jappoġġja ekonomija ċirkolari, b’enfasi fuq l-ekodisinn, it-teknoloġiji eżistenti stabbiliti sew u tar-riċiklaġġ u l-prevenzjoni tad-dispersjoni. Il-KESE jirrakkomanda d-definizzjoni ta’ strateġiji effiċjenti għall-ġestjoni tar-riżorsi adattati għan-natura tar-riżorsi individwali, abbażi ta’ prinċipji komuni għall-ġestjoni tar-riżorsi, il-konservazzjoni u r-restawr.

1.11.

Il-ġbir u r-riċiklaġġ adegwati tal-imballaġġ huma essenzjali biex jitnaqqas kwalunkwe ħela ta’riżorsi. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li l-leġiżlazzjoni futura tal-UE dwar l-imballaġġ tippromovi b’mod qawwi l-politika u l-imġiba pubbliċi mmirati lejn it-titjib fis-separazzjoni, fil-ġbir u fir-rimi tal-iskart mill-imballaġġ. Barra minn hekk, dan se jappoġġja t-tilħiq tal-miri tar-riċiklabbiltà tal-UE għall-materjal kollu tal-imballaġġ. Il-KESE jirrakkomanda wkoll l-evalwazzjoni tal-inizjattivi tal-Iskema ta’ Kapparra u Ritorn bħala mod possibbli biex jiżdiedu l-attivitajiet ta’ riċiklaġġ tal-imballaġġ f’xi setturi speċifiċi.

1.12.

Il-KESE jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ kriterji armonizzati għar-regoli dwar ir-riċiklaġġ tal-imballaġġ u l-iskemi ta’ ġbir li qed jitħaddmu lokalment fl-Istati Membri, inkluż modulazzjoni tat-tariffi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur u fl-aħħar mill-aħħar għat-tikkettar tal-imballaġġ riċiklabbli. Ir-regoli tal-UE dwar l-imballaġġ u l-prodotti ppakkjati għandhom jitfasslu f’konformità mal-prinċipji tas-Suq Uniku u jappoġġjaw l-implimentazzjoni armonizzata tagħhom fl-UE kollha. Huwa essenzjali li l-Kummissjoni Ewropea tiżgura l-applikabbiltà u l-infurzar ugwali tar-rekwiżiti regolatorji tas-sostenibbiltà fit-territorju kollu tal-UE, bil-għan li jiġu evitati l-frammentazzjoni u l-ostakli tekniċi interni.

1.13.

Huma meħtieġa miżuri ta’ politika bbażati fuq l-evidenza sabiex jiġi żgurat l-aħjar eżitu ambjentali. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li r-reviżjoni li ġejja tad-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ (2) tippermetti aktar innovazzjoni billi tistabbilixxi miri li huma allinjati mal-ħsieb dwar iċ-ċiklu tal-ħajja, huma appoġġjati minn data u evidenza xjentifika b’saħħithom u jiksbu l-aħjar eżitu ambjentali ġenerali, li jagħti wkoll attenzjoni kif imiss għal kwalunkwe impatt fuq il-prodotti li jinsabu fl-imballaġġ.

1.14.

L-approċċ normattiv li għandhom jieħdu l-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE f’dan is-settur jeħtieġ li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Huwa essenzjali li l-qafas regolatorju fis-seħħ ikun affidabbli u jiżgura ċ-ċertezza legali. Mingħajr dan, l-intrapriżi għandhom it-tendenza li jipposponu l-investimenti jew jistgħu jagħmlu investimenti li ma jkunux allinjati mad-domandi regolatorji. Dan, bla dubju, jwassal biex jhedded l-objettivi ġenerali u jwassal għal ħela ta’ riżorsi u telf ta’ impjiegi fis-settur.

1.15.

Jeħtieġ li jitrawmu r-riċerka u l-innovazzjoni f’teknoloġiji ġodda, kif ukoll it-taħriġ tal-ħaddiema settorjali. Barra minn hekk, l-imsieħba soċjali għandhom jaħdmu flimkien biex jidentifikaw liema ħiliet ġodda huma meħtieġa fl-industrija, u flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi jiżviluppaw u jippromovu t-taħriġ tal-impjegati fil-produzzjoni u r-rimi tal-imballaġġ.

1.16.

Il-KESE jirrakkomanda li l-leġiżlazzjoni futura tqis ukoll il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni għall-avvanz trasformattiv fl-industrija tal-imballaġġ.

1.17.

Minħabba ċ-ċentralizzazzjoni unika tal-imballaġġ f’kull settur tal-ekonomija, il-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi wkoll Forum annwali dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, bejn il-partijiet ikkonċernati u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet Ewropej, biex tissorvelja l-implimentazzjoni tad-Direttiva, isir skambju ta’ informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-industrija u biex jiġu identifikati u promossi prattiki tajbin fir-rigward ta’ regolamenti dwar l-imballaġġ sostenibbli.

1.18.

Il-Kummissjoni Ewropea hija mitluba torganizza djalogu mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imressqa f’din l-Opinjoni u sabiex isir skambju dwar il-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni f’miżuri ta’ segwitu xierqa.

2.   Il-kuntest tal-ekosistema tal-imballaġġ u l-qafas regolatorju

2.1.

L-industrija tal-imballaġġ taqdi varjetà wiesgħa ta’ skopijiet fil-ħajja tagħna ta’ kuljum: il-protezzjoni, il-promozzjoni, l-informazzjoni, il-konvenjenza, l-użu, l-immaniġġjar u t-tnaqqis tal-iskart. L-imballaġġ, li huwa infrastruttura soċjetali u kummerċjali ewlenija, ippermetta l-benesseri u l-kummerċ fis-soċjetà u huwa element meħtieġ fl-appoġġ tal-irkupru u fit-trawwim ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli.

2.2.

L-industrija tal-imballaġġ topera f’ekosistema li kulma jmur qed issir dejjem aktar kumplessa, li tikkonsisti f’ħafna atturi, mill-produtturi tal-materja prima użata fl-imballaġġ, għall-bejjiegħa bl-imnut li jbigħu l-prodott ippakkjat, il-ħaddiema settorjali, il-konsumaturi u l-kumpaniji li jimmaniġġjaw l-iskart mill-imballaġġ fi tmiem il-ħajja tiegħu.

2.3.

L-industrija tal-imballaġġ tal-UE hija t-tieni l-akbar fid-dinja u tinkludi produtturi u utenti ta’ prodotti b’imballaġġ tal-ħġieġ, metalli ferrużi u aluminju, plastik, injam u karti u timpjega aktar minn 6,5 miljun persuna fl-Ewropa (3). Is-suq Ewropew tal-imballaġġ tal-konsumatur huwa mistenni jirreġistra rata komposta ta’ tkabbir annwali ta’4 % matul il-perjodu ta’ tbassir 2021-2026. L-innovazzjoni teknoloġika, is-sostenibbiltà u l-ekonomiji attraenti huma fost ir-raġunijiet għat-tkabbir notevoli mistenni fl-imballaġġ tal-konsumatur (4).

2.4.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (il-Kummissjoni Ewropea, 2019), apparti mill-mira ġenerali tiegħu li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, jistabbilixxi għanijiet ta’ politika importanti għall-avvanz ulterjuri tat-tranżizzjoni sostenibbli tal-katina tal-valur tal-imballaġġ, li jinkludu:

l-iżgurar li l-imballaġġ kollu fis-suq tal-UE jkun riutilizzabbli jew riċiklabbli b’mod ekonomikament vijabbli sal-2030;

id-definizzjoni ta’ miżuri biex jitnaqqas l-iskart mill-imballaġġ;

il-promozzjoni ta’ suq uniku robust għall-materja prima sekondarja biex jiżdied ir-riċiklaġġ.

2.5.

Dawn l-għanijiet ġenerali ġew spjegati aktar fid-dettall fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari 2.0 (5), li jippjana għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ. Din tal-aħħar, li daħlet fis-seħħ fl-1994, tinsab fil-qalba tal-qafas regolatorju attwali. Bħalissa, il-Kummissjoni qed tirrevedi din id-Direttiva – ara il- konsultazzjoni (6) rispettiva u l- evalwazzjoni tal-impatt (7) korrispondenti – bl-intenzjoni ġenerali li jitnaqqas l-iskart mill-imballaġġ) u li l-flussi lineari ta’ prodotti u materjali (jiġifieri, produzzjoni -> użu -> skart) jiġu sostitwiti bi flussi ċirkolari.

3.   It-trawwim ta’ ekonomija ċirkolari

3.1.

Is-settur tal-imballaġġ huwa kruċjali fit-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija ċirkolari minħabba l-kapaċità tiegħu li jirriċikla l-materjali. Aktar u aktar materjali tal-imballaġġ jew qed jiġu rriċiklati jew huma stess prodotti ta’ materjali riċiklati minn setturi oħra tal-manifattura. Fl-istess ħin, dan għandu l-potenzjal li jagħlaq iċ-ċirku tal-ekonomija ċirkolari billi jevita l-esportazzjoni ta’ materjali ta’ skart dubjużi (8) u ma jippermettix aċċess għas-swieq Ewropej għall-importaturi ta’ imballaġġ li ma jikkonformax mal-aħjar prattiki ambjentali. Il-kwistjoni tal-kompetizzjoni inġusta minn kumpaniji mhux tal-UE għadha ta tħassib kbir, speċjalment għall-SMEs, li jkunu tal-ewwel li jiġu affettwati fis-suq.

3.2.

F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari 2.0, l-imballaġġ kollu għandu jerġa’ jintuża jew jiġi rriċiklat sal-2030. Għaldaqstant, il-materjali kollha tal-imballaġġ għandhom jitqiesu bħala siewja bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari, b’enfasi fuq l-ekodisinn, it-teknoloġiji eżistenti stabbiliti sew u dawk ġodda tar-riċiklaġġ u t-tisħiħ tal-miżuri biex tiġi miġġielda d-dispersjoni. Popolazzjoni globali li qed tikber, flimkien ma’ żieda fil-konsum per capita, qed tagħmel pressjoni dejjem akbar fuq ir-riżorsi eżistenti.

3.3.

Il-materjal ibbażat fuq il-fibra u materjal naturali ieħor li juża l-imballaġġ jista’ jappoġġja tkabbir li jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Dan isir minn materjali rinnovabbli, filwaqt li jservi għal żmien twil, ikun attraenti, riċiklabbli u bijodegradabbli. Studji reċenti indikaw li l-imballaġġ tal-fibra jista’ jiġi rriċiklat aktar minn 25 darba, u dan juri li huwa komponent essenzjali tal-ekonomija ċirkolari.

3.4.

Bl-istess mod, l-aluminju u l-azzar, bħala materjali permanenti uniċi, jistgħu wkoll jagħtu kontribut deċiżiv fl-appoġġ ta’ ekonomija ċirkolari. Permezz ta’ riċiklaġġ multiplu, il-prodotti u l-imballaġġ magħmula minn materjali permanenti, bħall-metalli u l-ħġieġ, jinżammu fiċ-ċirku materjali u jistgħu jsiru riżorsi għal prodotti u imballaġġ oħrajn.

3.5.

Huma meħtieġa aktar miżuri biex jappoġġjaw l-użu ta’ polimeri b’bażi bijoloġika minħabba l-fatt li l-Istati Membri lesti li jappoġġjaw l-infrastruttura meħtieġa għall-ġbir u l-ikkompostjar tal-imballaġġ kompostabbli huma biss ftit. Fir-rigward tal-plastik, jeħtieġ li jiġu appoġġjati proġetti u investimenti f’teknoloġiji innovattivi emerġenti, bħar-riċiklaġġ tal-plastik mekkaniku jew kimiku, filwaqt li jiġi żgurat li dawn inaqqsu l-impatt ambjentali ġenerali f’perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja.

3.6.

Il-mod kif il-konsumaturi jaraw u jinteraġixxu mal-imballaġġ qed jinbidel ukoll. Skont l-Istudju Ewropew dwar il-Perċezzjonijiet tal-Konsumatur fir-rigward tal-Imballaġġ, imwettaq b’mod indipendenti minn Perspectus Global u kkummissjonat minn Pro Carton fl-2021, kważi żewġ terzi tar-rispondenti sostnew li bidlu l-prodotti li jixtru minħabba tħassib dwar l-imballaġġ, u saħansitra iżjed ikunu lesti li jħallsu aktar għal imballaġġ aktar ekoloġiku. Dawn ix-xejriet jistgħu jissaħħu aktar permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni.

3.7.

Hemm potenzjal sinifikanti li fl-Ewropa jiżdied il-ġbir tal-materjal tal-imballaġġ, is-separazzjoni, u r-riċiklaġġ. Fl-istess ħin, l-imballaġġ sostenibbli jista’ joħloq ukoll ħsara ambjentali sinifikanti, jekk ma jinġabarx, jintrema jew jiġi rriċiklat b’mod korrett. Filwaqt li huwa essenzjali li l-industrija tal-imballaġġ tiġi mbuttata lejn prattiki aktar sostenibbli, l-awtoritajiet pubbliċi, l-entitajiet tal-immaniġġjar tal-iskart, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-konsumaturi għandhom ikunu involuti direttament ukoll biex tiżdied l-effiċjenza tal-ġbir, tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tal-iskart. Dan l-aspett għandu jiġi promoss b’mod qawwi fil-leġiżlazzjoni futura u fil-politiki pubbliċi sabiex jintlaħqu l-miri ta’ riċiklabbiltà tal-UE għall-materjali kollha tal-imballaġġ, anke bil-għan li jgħin fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, u b’hekk jikkontribwixxi għall-aġenda ta’ tranżizzjoni ekoloġika tal-UE.

3.8.

Ħafna mill-aġġustamenti meħtieġa se jkunu jistgħu jsiru permezz tad-diġitalizzazzjoni. It-teknoloġiji diġitali jipprovdu l-possibbiltà għal avvanzi trasformattivi fl-industrija tal-imballaġġ peress li t-traċċabbiltà, il-konvenjenza u l-identifikazzjoni tat-tbagħbis jistgħu jiġu ottimizzati. Dan imur id f’id ma’ titjib fil-prestazzjoni operazzjonali, u b’hekk tiġi pprovduta l-kapaċità li l-klijenti jiġu moqdija aħjar u megħjuna fid-disinn għaċ-ċirkolarità permezz ta’ imballaġġ intelliġenti li fil-qalba tiegħu jkollu s-sostenibbiltà. Barra minn hekk, l-imballaġġ intelliġenti jiffaċilita r-riċiklaġġ billi jippermetti aċċess aktar faċli għall-informazzjoni dwar il-materja prima użata fl-imballaġġ.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Is-sostenibbiltà għandha tkompli tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-industriji tal-imballaġġ tal-UE. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Pjan ta’ Azzjoni Ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari (9), l-industrija tal-imballaġġ għandha tieħu inizjattivi tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti.

4.2.

Il-politiki li jaffettwaw il-qafas leġiżlattiv li fih topera l-industrija tal-imballaġġ, inklużi r-regoli dwar l-iskart mill-imballaġġ, għalhekk għandhom effett kbir fuq l-industriji u l-attivitajiet soċjali kollha li jużaw l-imballaġġ. Pereżempju, fir-rigward tal-imballaġġ tal-ikel, l-imballaġġ jiżgura s-sigurtà u l-protezzjoni tal-prodotti, iżomm l-ikel tajjeb biex jittiekel għal perjodu itwal, jimminimizza l-ħela ta’ ikel, u għandu rwol ewlieni fl-ixprunar u ż-żamma tal-aċċess għal ikel affordabbli għal kulħadd.

4.3.

Fid-dawl tal-isfidi soċjetali tal-lum, il-partijiet ikkonċernati kollha jeħtieġ li jaħdmu flimkien biex isibu soluzzjonijiet innovattivi biex iżidu s-sostenibbiltà tal-industrija tal-imballaġġ, meta jitqies li l-imballaġġ ċirkolari għandu rwol ċentrali fil-protezzjoni tal-pjaneta. L-atturi soċjali kollha għandhom jistabbilixxu djalogu ċar li jirrispetta r-rwoli u l-kompetenzi tagħhom stess fil-kisba tal-miri ta’ hawn fuq.

4.4.

Huwa fundamentali li, internament, is-swieq uniċi tal-UE għandhom jiżguraw l-applikabbiltà u l-infurzar ugwali tar-rekwiżiti regolatorji tas-sostenibbiltà fit-territorju kollu tal-UE, filwaqt li jevitaw il-frammentazzjoni u l-ostakli tekniċi interni. Ir-regoli tal-UE dwar l-imballaġġ u l-prodotti ppakkjati għandhom jitfasslu f’konformità mal-prinċipji tas-Suq Uniku u jappoġġjaw l-implimentazzjoni armonizzata tagħhom fl-UE kollha. Dan jirrikjedi li jiġu minquxa prinċipji ewlenin, miri u definizzjonijiet ċari fil-korp tal-leġiżlazzjoni u l-atti ta’ implimentazzjoni tagħha, u b’hekk, qabel xejn, jiġu evitati miżuri nazzjonali diverġenti. L-implikazzjonijiet tas-Suq Uniku ta’ kwalunkwe miżura nazzjonali ma għandhomx jintroduċu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-imballaġġ u tal-prodotti ppakkjati, li jkunu sproporzjonati u/jew mhux meħtieġa mil-lat ta’ protezzjoni ambjentali u jistgħu jikkawżaw distorsjonijiet tas-suq inġusti tal-UE.

4.5.

Il-kontribut tal-imballaġġ għas-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali huwa essenzjali. Ħarsa lejn l-imballaġġ waħdu jista’ jinfluwenza b’mod negattiv ukoll il-qafas regolatorju. Fil-fatt, il-prodotti ġeneralment jirrappreżentaw ħafna aktar riżorsi u għandhom valur inerenti ferm ogħla mill-imballaġġ li jintuża biex jipproteġihom. Għalhekk, it-telf tal-prodott minħabba l-imballaġġ bi prestazzjoni baxxa x’aktarx li jikkawża effetti negattivi ħafna akbar fuq l-ambjent. Pereżempju, fl-Industrija tal-ikel, 30 % (10) tal-ikel kollu prodott fid-dinja jintilef jew jintrema tul il-katina tal-provvista; l-aqwa imballaġġ possibbli jista’ jkun fost is-soluzzjonijiet biex titnaqqas din ir-rata. It-telf u l-ħela ta’ ikel – fil-ktajjen tal-provvista u mill-konsumaturi – jammontaw għal madwar kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-ikel, jiġifieri 6 % tal-emissjonijiet globali totali (11).

4.6.

L-appoġġ għall-industrija Ewropea tal-imballaġġ huwa importanti għal ħafna raġunijiet. Pereżempju, għalkemm teżisti leġiżlazzjoni biex tiżgura li l-materjali tal-imballaġġ jikkonformaw mal-istandards ambjentali, il-produtturi Ewropej tal-imballaġġ jiddeċiedu wkoll fuq bażi volontarja li jsegwu għadd ta’ linji gwida, bħaċ-ċertifikazzjoni FSC għall-imballaġġ tal-karta, tal-kartun jew tal-injam, sabiex inaqqsu l-emmissjonijiet u jippromovu l-aħjar prattiki ambjentali. Il-kompetituri mhux Ewropew, għalkemm huma meħtieġa jikkonformaw mal-legiżlazzjoni Ewropea, jistgħu ma jsegwux dawn il-kodiċijiet volontarji jew l-istandards li jsegwu l-kumpaniji Ewropej.

Is-settur tal-imballaġġ jeħtieġ forza tax-xogħol b’ħiliet għoljin u aktar attraenza għall-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa. Is-settur għandu jagħmel ħiltu biex itejjeb kontinwament il-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li joħloq għażliet ta’ taħriġ u jiffoka fuq il-motivazzjoni ta’ speċjalisti b’ħiliet għoljin u diġitali biex jissieħbu fl-industrija.

4.7.

Għalhekk, it-taħriġ settorjali tal-ħaddiema, kif ukoll aġġornament kostanti tal-proċess ta’ diliġenza dovuta, huma kruċjali għall-industrija tal-imballaġġ u għandhom jiġu promossi.

4.8.

Għalhekk, it-tranżizzjoni doppja li se tinteressa lill-ekonomija tal-UE fis-sena li ġejja se tkun ukoll prijorità ċentrali fis-settur tal-imballaġġ. F’dan ir-rigward, il-mekkaniżmu ta’ “tranżizzjoni ġusta” għandu jitqies fir-ridefinizzjoni l-ġdida tal-qafas regolatorju, biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   L-ottimizzazzjoni tad-disinn tal-imballaġġ tgħin biex jiġi evitat u jitnaqqas l-iskart mill-imballaġġ.

Id-disinn tal-imballaġġ huwa sinifikanti biex tiġi ddefinita l-prestazzjoni ambjentali tiegħu tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott. Imballaġġ imfassal tajjeb, fornut b’sors responsabbli u prodott b’mod effiċjenti li jintuża b’mod adegwat u jiġi rriċiklat b’mod effettiv jipprovdi bosta benefiċċji, billi jnaqqas il-ħsara li ssir lill-prodotti, jestendi l-ħajja utli tagħhom, jiffaċilita l-ħżin, it-trasport u d-distribuzzjoni effiċjenti, jagħti aċċess sikur u konvenjenti għall-prodotti, ikun attraenti u jikkomunika informazzjoni siewja lill-konsumatur. Għalhekk, l-imballaġġ ma jistax jitqies b’mod iżolat mill-prodott tiegħu, minħabba l-fatt li l-materjal, il-format u d-disinn tiegħu huma marbuta b’mod inseparabbli mal-funzjonalitajiet li l-imballaġġ jeħtieġ li jissodisfa għal kull prodott speċifiku. Madankollu, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-funzjonalità tal-imballaġġ hija essenzjali, huwa ċar li l-imballaġġ bi ffrankar tar-riżorsi u sostenibbli għandu jiġi żviluppat skont il-prinċipji tal-ekodisinn. Dan jinkludi:

l-imminimizzar tal-użu tal-materja prima;

il-massimizzazzjoni tal-użu ta’ materjali riċiklabbli u riċiklati (filwaqt li jiġu rispettati r-rekwiżiti legali);

iż-żieda fl-effiċjenza tal-proċessi tal-produzzjoni;

l-ottimizzazzjoni tal-ġestjoni loġistika;

it-tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni dwar il-valur u l-użu mill-ġdid tal-imballaġġ;

it-titjib tal-ġbir, tat-trattament u tar-riċiklaġġ tal-imballaġġ.

Huwa essenzjali li jitqiesu kemm is-sostenibbiltà kif ukoll il-funzjonalità tal-imballaġġ.

Indipendentement mit-tip ta’ imballaġġ użat, l-imballaġġ eċċessiv għandu dejjem jiġi evitat, speċjalment fil-kummerċ elettroniku u fil-prodotti li jaslu fid-djar, fejn il-proporzjon bejn l-imballaġġ u l-prodotti huwa ta’ 1:1. F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni wkoll lir-riċerka u lis-soluzzjonijiet innovattivi li jnaqqsu l-piż ambjentali tal-imballaġġ tal-prodotti mwassla sad-dar.

5.2.   Huma meħtieġa miżuri ta’ politika bbażati fuq l-evidenza sabiex jiġi żgurat l-aħjar eżitu ambjentali.

L-isfidi tat-tibdil fil-klima jipprovdu opportunità għall-Ewropa biex tibni bażi industrijali sostenibbli u orjentata lejn il-futur. Fir-rigward tal-imballaġġ, l-inizjattivi ta’ politika kollha li ġejjin għandhom ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika u fuq fehim sod tal-impatt reali tagħhom fuq l-ambjent. Huwa ta’ għajnuna strateġika li jiġi appoġġjat l-użu tal-metodoloġija tal-Analiżi taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA) bħala għodda għar-rieżami tal-impatt ambjentali tal-prodotti tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom.

5.3.   Il-materjali tal-imballaġġ kompletament riċiklabbli u rinnovabbli jrawmu l-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari.

Il-leġiżlazzjoni u l-azzjoni futuri tal-UE għandhom jappoġġjaw id-domanda għal materjali riċiklabbli, rinnovabbli u ta’ kwalità għolja, li jrawwem aktar investiment fl-innovazzjoni fl-imballaġġ. B’mod aktar speċifiku, il-leġiżlazzjoni u l-azzjoni tal-UE ma għandhomx jiffukaw biss fuq l-imballaġġ innifsu, iżda fuq il-katina kollha tal-produzzjoni: eż. kif il-materjali jiġu akkwistati u pproċessati, ir-riżorsi u l-enerġija meħtieġa fil-proċess tal-produzzjoni, u kemm il-materjal/il-prodott jista’ jiġi rriċiklat faċilment u effettivament jiġi rriċiklat. L-UE għandha żżid ukoll id-disponibbiltà u ttejjeb il-kwalità tal-materjali riċiklati, u tagħmel enfasi fuq il-kapaċità ta’ materjal li jżomm il-proprjetajiet inerenti tiegħu wara r-riċiklaġġ, u l-kapaċità tiegħu li jissostitwixxi materja prima ewlenija f’applikazzjonijiet futuri (12).

5.4.   L-armonizzazzjoni tal-iskemi lokali ta’ ġbir u riċiklaġġ hija kritika biex jintlaħqu l-miri tar-riċiklaġġ tal-imballaġġ.

L-UE għandha għan li żżid ir-rati tar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ, iżda biex dan jintlaħaq se jkun jiddependi wkoll minn kif l-awtoritajiet lokali jżidu u jtejbu l-ġbir.

Fir-rigward tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali, ir-rati jvarjaw ħafna fl-Unjoni Ewropea, u anke f’pajjiżi b’rati ta’ riċiklaġġ simili, ir-regoli u l-metodi ta’ ġbir ivarjaw b’mod sinifikanti. Hemm il-ħtieġa ta’ armonizzazzjoni akbar tar-regoli dwar il-materjali tar-riċiklaġġ u tal-iskemi ta’ ġbir li jintużaw lokalment fl-Istati Membri, kif ukoll il-ħtieġa ta’ kriterji armonizzati għall-modulazzjoni tat-tariffi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur u fl-aħħar mill-aħħar għat-tikkettar tal-imballaġġ riċiklabbli.

Huwa kruċjali wkoll li jiġu evalwati miri speċifiċi għall-ġbir u r-riċiklaġġ għal xi kategoriji ta’ prodotti bħall-imballaġġ minn servizzi tal-ikel kemm għar-ristoranti kif ukoll għal “takeaways” kummerċjali. Permezz tad-definizzjoni ta’ miri ċari għall-ġbir u r-riċiklaġġ għall-bejjiegħa bl-imnut, l-ospitalità, il-catering, eċċ., kif ukoll għall-muniċipalitajiet, jista’ jitnaqqas l-iskart mill-imballaġġ, u b’hekk tiżdied ir-rata ta’ riċiklaġġ.

5.5.   Sistema ta’ Skemi ta’ Kapparra u Ritorn

Is-Sistema ta’ Skemi ta’ Kapparra u Ritorn tista’ tabilħaqq tinċentiva r-riċiklaġġ u tipprovdi effiċjenzi tal-ġbir għan-negozji li jistgħu jnaqqsu r-rimi fuq skala kbira speċjalment għal xi tipi ta’ konsum, bħal xorb mibjugħ fi fliexken tal-plastik u tal-ħġieġ.

5.6.   It-titjib fil-kwalità tal-ġbir tal-imballaġġ jagħti spinta lis-sostenibbiltà tal-industrija tar-riċiklaġġ

Sabiex jiġu appoġġjati l-awtoritajiet lokali, huwa essenzjali li jiġu żviluppati linji gwida ċari dwar ir-riċiklaġġ u tixxerred komunikazzjoni mmirata, abbażi ta’ konsultazzjoni mal-industrija tar-riċiklaġġ, dwar kif il-materjali riċiklabbli għandhom jiġu sseparati u ppreżentati b’mod effiċjenti għall-ġbir mill-membri tal-unitajiet domestiċi.

Brussell, id-19 ta’ Mejju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  F’ċerti industriji, bħall-industrija agroalimentari, l-imballaġġ għandu wkoll rwol importanti fil-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni kroċjata tal-ikel u x-xorb, u b’hekk jiġu evitati r-riskji għas-saħħa assoċjati.

(2)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).

(3)  Eurostat.

(4)  linkhttps://www.mordorintelligence.com/industry-reports/europe-consumer-packaging-market.

(5)  https://environment.ec.europa.eu/strategy/circular-economy-action-plan_en

(6)  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12263-Tnaqqis-fl-iskart-mill-imballagg-riezami-tar-regoli_mt

(7)  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say_mt

(8)  Pereżempju, ċerti pajjiżi Ewropej jesportaw l-iskart tal-plastik tagħhom barra mill-Ewropa. Dan għandu jiġi evitat permezz ta’ tisħiħ tal-iskema interna tal-UE għar-riċiklaġġ, li tikkonverti dan l-iskart f’materja prima riċiklata prezzjuża (https://www.theguardian.com/environment/2021/jan/12/loophole-will-let-uk-continue-to-ship-plastic-waste-to-poorer-countries).

(9)  https://environment.ec.europa.eu/strategy/circular-economy-action-plan_mt

(10)  Gerber, P.J., Steinfeld, H., Henderson, B., Mottet, A., Opio, C., Dijkman, J., Tempio, G. (2013). Tackling climate change through livestock – A global assessment of emissions and mitigation opportunities. (L-indirizzar tat-tibdil fil-klima permezz tal-bhejjem – Valutazzjoni globali tal-emissjonijiet u tal-opportunitajiet ta’ mitigazzjoni). Ruma: Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  Food waste is responsible for 6 % of global greenhouse gas emissions – Our World in Data Food waste is responsible for 6% of global greenhouse gas emissions – Our World in Data (Il-ħela tal-ikel hija responsabbli għal 6 % tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra – Id-Dinja tagħna fid-Data) (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2021 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari (2020/2077(INI)), (ĠU C 465, 17.11.2021, p. 11) punt 39.