29.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-azzjoni tal-UE għall-perjodu ta’ wara l-COVID-19: irkupru aħjar permezz tal-isport”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 290/02)

Relatur:

Pietro Vittorio BARBIERI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

23.3.2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

7.3.2022

Adottata fil-plenarja

24.3.2022

Sessjoni Plenarja Nru

568

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

148/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Wara l-perjodu twil tal-pandemija, li kellu impatt serju fuq is-settur kollu tal-isport u fuq l-assoċjazzjonijiet sportivi lokali b’mod partikolari, li wassal għall-għeluq ta’ ħafna faċilitajiet, huwa meħtieġ approċċ strateġiku biex jissaħħaħ u jiġi promoss ir-rwol tal-isport u tal-attività fiżika fil-bini ta’ soċjetà aktar reżiljenti u sostenibbli. Tali għażla għandha titqies bħala parti mill-proċess usa’ ta’ rkupru ekonomiku u soċjali, f’tentattiv biex jiġu identifikati objettivi biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ rispons tas-settur tal-isport għall-kriżijiet li qed jaffettwawna dejjem aktar.

1.2.

L-isport u l-attività fiżika għandhom jiġu integrati fi strateġiji ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali, b’nisġa ta’ rabtiet transsettorjali aktar mifruxa, b’mod partikolari mas-saħħa pubblika, l-edukazzjoni, u l-inklużjoni soċjali. L-isport huwa fattur għas-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali li trawwem l-irkupru, toħloq opportunitajiet ġodda ta’ impjieg u negozju bbażati fuq l-isport. Se jkun importanti wkoll li jitrawwem id-djalogu soċjali dwar il-benesseri u l-attività fiżika fuq il-post tax-xogħol, bl-involviment tal-imsieħba soċjali. Għaldaqstant, il-KESE jitlob li jsiru studji li juru r-rabta bejn l-isport u l-benesseri ġenerali taċ-ċittadini.

1.3.

Fl-iskola u fid-diversi stadji tat-tagħlim, bħalma ngħallmu kif wieħed għandu jwettaq biċċa xogħol, kif jitgħallem u kif jikber, jeħtieġ li ngħallmu lill-bniet u lis-subien dwar dak kollu li huwa relatat mal-għarfien dwar il-ġisem. L-għoti ta’ spinta lill-edukazzjoni dwar il-ġisem fl-iskola, mill-perspettiva tal-logħob, tad-divertiment u ta’ diversi dixxiplini, titlob il-ħolqien ta’ għodda unika li tipproduċi riżultati, serenità, koeżistenza u fuq kollox suċċess fl-iskola u li tippromovi stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa. Dan ifisser li nagħrfu l-valur tal-isport u l-attività fiżika bl-istess mod bħal oqsma oħra, b’mod partikolari fl-edukazzjoni tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, u tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni interni u liż-żoni li huma żvantaġġati minħabba speċifiċitajiet reġjonali.

1.4.

It-Trattat ta’ Lisbona jiddeskrivi d-dimensjoni Ewropea tal-valur soċjali u ekonomiku tal-isport. Wara l-emerġenza tas-saħħa, hemm bżonn li l-valuri li l-isport u l-attività fiżika jirrappreżentaw isiru aktar prominenti fil-politika Ewropea, u b’hekk jingħataw dinjità sħiħa daqs il-politiki Ewropej l-oħra. Għalhekk, mhumiex meħtieġa politiki ta’ koeżjoni biss, iżda perkors reali ta’ awtonomizzazzjoni, jiġifieri l-viżjoni ta’ tranżizzjoni sportiva ġenwina li tisfrutta b’mod sinifikanti l-effett fuq il-benesseri tal-persuni u l-kwalità tal-ħajja.

1.5.

Għalhekk, jeħtieġ li:

1.5.1.

tiġi inkluża r-rata tal-privazzjoni tal-prattika tal-isport – jiġifieri r-rata ta’ esklużjoni mit-tgawdija ta’ ben essenzjali, id-dritt li wieħed jipprattika l-isport – fil-lista tal-indiċijiet tal-Eurostat biex titkejjel il-privazzjoni materjali;

1.5.2.

il-finanzjament kollu tal-UE għall-perjodu 2021-2027, kemm jekk b’ġestjoni diretta kif ukoll b’ġestjoni indiretta, ikun disponibbli għas-settur sportiv, billi l-isport u l-attività fiżika jitqiesu bħala investiment fil-benesseri tal-individwu u dak kollettiv tal-komunitajiet;

1.5.3.

jiġi previst sehem akbar tal-ammont totali ta’ finanzjament allokat għall-isport u l-kooperazzjoni transsettorjali, inkluż l-isport, fil-programm Erasmus+. Il-finanzjamenti għandhom jiġu mhux biss mill-fondi ta’ koeżjoni iżda wkoll minn dawk previsti għall-missjonijiet differenti fil-Fond għall-Irkupru, peress li l-finanzjament għall-isport huwa mnaqqsas ħafna. Barra minn hekk, ikun tajjeb li ssir riallokazzjoni sinifikanti tar-riżorsi bejn l-isport kompetittiv ta’ prestazzjoni għolja u dak maħsub għall-iżvilupp soċjali;

1.5.4.

jiġu żviluppati pjani ta’ għajnuna għall-isport f’każ ta’ kriżijiet u emerġenzi (ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa), inklużi l-pjani għat-tħejjija għalihom, anke permezz tal-forom meħtieġa ta’ semplifikazzjoni amministrattiva biex tingħeleb il-burokrazija qawwija, speċjalment għall-klabbs sportivi tal-massa. Għalhekk, l-azzjoni, speċjalment dik biex tappoġġja l-isport tal-massa, għandha tkun prijorità, peress li dan għandu rwol inklużiv għall-persuni b’diżabilità jew f’sitwazzjonijiet fraġli u vulnerabbli, minbarra li jippermetti interazzjoni interkulturali sinifikanti;

1.5.5.

jitħeġġeġ l-appoġġ għan-networks ta’ ċittadinanza attiva bil-għan li jintlaħqu dawn l-objettivi fil-livell lokali, permezz ta’ sħubijiet u kodisinn bejn il-politiki u n-networks pubbliċi, sabiex tingħata spinta lil forom ta’ innovazzjoni soċjali, u jiġu promossi esperjenzi ta’ amministrazzjoni kondiviża u sussidjarjetà ċirkolari. Titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-imsieħba u l-organizzazzjonijiet soċjali.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Fl-isfond ta’ pandemija li qed tkompli tkun ta’ sfida, u filwaqt li qed nissieltu biex nipproteġu l-ħajjiet u l-għajxien, ma għandniex ninsew il-fatt li qed niffaċċjaw għażliet li se jiddeterminaw il-futur tas-sistemi soċjoekonomiċi tal-UE u l-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.

2.2.

L-emerġenza tas-saħħa enfasizzat li, minħabba l-multidimensjonalità tal-problemi li qed jolqtuna, huwa impossibbli li jinkisbu livelli ta’ reżiljenza b’tali mod li s-sistemi soċjoekonomiċi tal-UE jkunu sikuri għalkollox. Jeħtieġ li tittieħed azzjoni sabiex nadattaw is-soċjetà tagħna għall-kriżijiet u għall-bidliet, billi nippromovu mudelli ta’ reżiljenza bbażati fuq il-kapaċità li nantiċipaw il-kriżijiet u li niffaċċjawhom b’“għodod” adegwati.

2.3.

Il-pandemija tal-coronavirus bidlet il-prospetti ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa għas-snin li ġejjin, u magħhom inbidel ukoll l-approċċ fir-rigward tal-istrateġiji ta’ żvilupp u ta’ koeżjoni. Jeħtieġ li nagħżlu jekk inkomplux nagħmlu dak li dejjem għamilna sal-lum, jew jekk nibdlux u nadattawx il-paradigma li hija l-bażi tal-politiki ta’ żvilupp u ta’ koeżjoni, filwaqt li nqisu l-kwistjonijiet kritiċi li ħarġu u l-esperjenzi miksuba mill-emerġenza tal-COVID-19.

2.4.

Id-dinja tal-isport intlaqtet ħafna mill-kriżi tal-COVID-19 fl-Ewropa kollha, iżda jeħtieġ li nissottolinjaw kif is-settur tal-isport tal-massa ħabbat wiċċu mal-agħar problemi u sfidi. L-impatt tal-kriżi fil-qasam tal-isport affettwa l-aktar liż-żgħażagħ, billi llimita d-“dritt” tagħhom li jipprattikaw l-isport u l-attività fiżika. Bl-istess mod, is-settur kollu tal-assoċjazzjonijiet sportivi u tal-industrija tal-isport ġarrab l-effetti tal-kriżi tas-saħħa b’konsegwenzi li se jikkundizzjonaw l-irkupru tiegħu anke fuq perjodu medju ta’ żmien.

3.   Ir-rwol tal-isport fil-proċessi ta’ żvilupp u ta’ koeżjoni

3.1.

L-isport jippermetti lis-soċjetà ċivili tikkonverġi l-kapaċitajiet tagħha b’mod kostruttiv, billi jagħniha b’valuri pożittivi skont approċċ uniku u multidimensjonali li jikkontribwixxi għall-benesseri fiżiku u mentali, u jtaffi l-problemi soċjali permezz tal-kapaċità li jgħaqqad komunitajiet ta’ kulturi differenti. L-isport huwa mezz ta’ sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali fiċ-ċirkostanzi li din l-Opinjoni qed tipprova tiddefinixxi; l-isport iżid il-livelli ta’ riġenerazzjoni u attraenza tar-reġjuni u l-lokalitajiet u jappoġġja l-proċess ta’ rkupru għax jippermetti li jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u ta’ negozju bbażati fuq l-isport.

3.2.

F’termini ekonomiċi, l-isport jista’ jħeġġeġ il-ħolqien ta’ attivitajiet intraprenditorjali ġodda, jew isaħħaħ dawk eżistenti, permezz tat-titjib tal-proċessi ta’ innovazzjoni soċjali u teknoloġika; l-isport jista’ joħloq opportunitajiet ġodda ta’ xogħol, inkluż permezz ta’ korsijiet ta’ taħriġ formali u mhux formali għall-benefiċċju taż-żgħażagħ; l-isport jirrappreżenta għodda li ttejjeb u ssaħħaħ is-saħħa u l-ħiliet tal-ħaddiema, u peress li huwa essenzjalment ibbażat fuq il-kontribut tal-bniedem, jirrappreżenta lieva effettiva għall-ħolqien tal-impjieg fil-livell lokali.

3.3.

F’termini soċjali, l-isport huwa kkaratterizzat mill-kapaċità li jinteraġixxi ma’ firxa wiesgħa ta’ gruppi soċjali, inaqqas id-differenzi u jgħaqqad il-komunitajiet lokali, kif ukoll jinvolvi l-gruppi soċjali fraġli u vulnerabbli fil-ħajja tal-komunità. Barra minn hekk, il-proġetti sportivi jistgħu jikkontribwixxu għar-riġenerazzjoni soċjali f’żoni territorjali kkaratterizzati minn “żvantaġġi” bħall-periferiji tal-bliet, u ż-żoni rurali u interni tar-reġjuni Ewropej.

3.4.

Mil-lat ambjentali, l-isport jirrappreżenta għodda strateġika biex jintlaħqu l-għanijiet b’reazzjoni għall-isfidi tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-prattika tal-isport hija għodda għall-promozzjoni tal-mobilità sostenibbli u r-riġenerazzjoni ambjentali taż-żoni urbani bl-għan li jadattaw għat-tibdil fil-klima. L-infrastrutturi sportivi, jekk jinbidlu f’faċilitajiet sportivi b’użu ta’ kważi żero enerġija (1), se jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għanijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali, flimkien mal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti b’impronta tal-karbonju baxxa. Fl-aħħar nett, l-avvenimenti sportivi jirrappreżentaw mezz mill-aqwa għat-tixrid u x-xandir ta’ messaġġi pożittivi dwar l-ambjent.

3.5.

Minkejja l-fatt li fl-istrateġiji internazzjonali ewlenin kollha (l-Aġenda 2030; il-Politika ta’ Koeżjoni 2021-2027; il-Pjan ta’ Azzjoni Globali tad-WHO dwar l-Attività Fiżika għas-snin 2018-2030) l-isport huwa identifikat bħala għodda ta’ prijorità għall-ilħuq tal-għanijiet ta’ żvilupp, ta’ sostenibbiltà u ta’ koeżjoni, sfortunatament f’ħafna Stati Membri dan l-approċċ għadu ma ġiex implimentat bis-sħiħ u, f’ħafna każijiet, l-attività fiżika u l-prattika tal-isport għadhom jitqiesu li għandhom funzjoni ta’ logħob u rikreazzjoni.

3.6.

L-emerġenza tal-COVID-19 tirrappreżenta riskju li l-kriżi twassal biex l-attività tal-isport titnaqqas jew ma tkunx tista’ ssir. Fin-nuqqas ta’ miżuri speċifiċi u “innovattivi” li kapaċi jindirizzaw il-problemi b’mod effettiv u jsibu soluzzjonijiet, il-katina ta’ avvenimenti li tikkaratterizza d-dimensjoni soċjali u ekonomika ta’ din il-prekarjetà se jkollha impatt diżastruż, billi tillimita ċerti attivitajiet essenzjali li jiżguraw il-kwalità tal-ħajja, il-benesseri u s-saħħa tan-nies. Din is-sitwazzjoni, minbarra li tipperikola s-“sopravvivenza” ta’ ħafna korpi, assoċjazzjonijiet u kumpaniji attivi fil-qasam tal-isport, se toħloq problema soċjali, relatata mal-kwalità tal-ħajja tan-nies, u waħda ekonomika, li tikkonċerna n-nuqqas ta’ sors ta’ introjtu għal min l-għajxien tiegħu jiddependi minn dawn l-attivitajiet. Bl-istess mod, it-tbatija ekonomika kkawżata mill-kriżi se tagħmilha impossibbli għal ħafna nies biex iġarrbu l-ispejjeż tal-attivitajiet sportivi ta’ wliedhom, jew tagħhom stess, b’impatt negattiv fuq il-benesseri fiżiku u fuq is-saħħa.

3.7.

Għall-gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni, pereżempju l-persuni b’diżabilità, ir-riskji tal-privazzjoni tal-prattika tal-isport se jaggravaw sitwazzjonijiet diġà kritiċi li f’ċerti Stati Membri jikkostitwixxu limitazzjonijiet sistemiċi. Fir-rigward tas-saħħa mentali, b’mod partikolari, il-pandemija naqqset bil-qawwi l-parteċipazzjoni attiva ta’ utenti, membri tal-familja, operaturi, ċittadini u assoċjazzjonijiet sportivi f’termini ta’ servizzi u dipartimenti dedikati, u ċaħħdet lin-nies bi problemi ta’ saħħa mentali mill-prattika tal-isport bħala għodda li toħloq u żżomm relazzjonijiet ta’ solidarjetà li jikkombattu l-iżolament u l-emarġinazzjoni li jiġu mill-mard. Il-benesseri kollettiv huwa fatt li jolqot lil kulħadd, mhux biss lil dawk li jagħtu l-kura u lil dawk li jirċevuha.

3.8.

Minħabba wkoll il-limitazzjoni drastika ta’ okkażjonijiet soċjali li affettwat b’mod sinifikanti lit-tfal u liż-żgħażagħ, se jkun meħtieġ li jerġgħu jitniedu l-opportunitajiet ta’ sport u ta’ attività fiżika, edukazzjoni u taħriġ, li jiffokaw fuq is-sikurezza tal-postijiet fejn jipprattikaw, għall-protezzjoni tat-tfal u tal-adolexxenti. L-isport huwa qasam li fih jiltaqgħu ta’ kuljum għadd kbir ta’ tfal u żgħażagħ kif ukoll l-għalliema, it-tekniċi u l-coaches tagħhom. Dan l-ambjent huwa fost dawk l-aktar delikati għall-iżvilupp fiżiku u mentali ta’ min jipprattika l-isport, u jirrikjedi l-ħtieġa li jiġu adottati politiki speċifiċi, biex huma jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji kollha li tista’ tagħti l-attività f’ambjent protett. L-isport għal kulħadd ma għandux ifisser sport akkost ta’ kollox.

3.9.

L-attività fiżika regolari hija effettiva wkoll f’termini ta’ tixjiħ attiv u jista’ jkollha rwol fundamentali fit-titjib tal-kapaċitajiet funzjonali tal-anzjani u tal-kwalità tal-ħajja tagħhom. Barra minn hekk, l-effetti tal-eżerċizzju fiżiku jiżdiedu jekk fl-istess ħin l-anzjani jinvolvu ruħhom f’attivitajiet soċjali u produttivi. Għalhekk l-isport għandu rwol preventiv, u b’hekk il-ħaddiema jkunu f’saħħithom u b’fiżiku tajjeb meta jirtiraw.

3.10.

L-iżvilupp tal-attività fiżika għall-akbar numru possibbli ta’ ċittadini jitlob ukoll innovazzjonijiet soċjali u soċjetali, li għandhom jiġu ttestjati l-ewwel nett mis-soċjetà ċivili organizzata u mill-imsieħba soċjali. Id-dimensjoni tal-ħajja ta’ kuljum, u l-kunsiderazzjoni tar-ritmi tal-ħaddiema, tal-istudenti żgħażagħ u tfal huma fundamentali, bħall-kapaċità li jiġu previsti postijiet fejn il-ġenituri jistgħu jagħmlu attività fiżika sakemm it-tfal tagħhom jagħmlu l-attività tagħhom. Il-pandemija ġegħlitna niskopru mill-ġdid l-eżerċizzju fil-miftuħ, li jista’ jippromovi xejriet innovattivi bħall-isport urban u rurali, biex nirriġeneraw l-ispazji u nikkondividu l-flessibbiltà tagħhom. Il-ħtieġa ta’ innovazzjoni soċjali hija enormi u għandha tissaħħaħ u tiġi mħeġġa biex tikkumbatti n-nuqqas ta’ ħin tal-parti l-kbira taċ-ċittadini biex jipprattikaw xi sport, anke meta jkunu jixtiequ jagħmlu dan.

3.11.

Ir-rwol tal-istrutturi privati tal-viċinat (ċentri sportivi), li għandhom il-kapaċitajiet kollha li jaħdmu ma’ kumpaniji u ma’ strutturi oħra (pereżempju, ċentri ta’ akkoljenza għall-persuni b’diżabilità) tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għandu jiġi enfasizzat fl-iżvilupp ta’ programmi kollettivi għall-benefiċċju tal-ħaddiema u taċ-ċittadini kollha.

3.12.

F’dan il-kuntest, il-kontribut tas-soċjetà ċivili u tal-atturi soċjali kollha hija ċentrali. Billi jinċentivaw l-impenn ċiviku u jqanqlu d-djalogu soċjali, huma jistgħu jippromovu l-istrateġiji dwar il-kwalità tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol, anke bħala parti mill-ftehimiet kollettivi; jagħmlu kampanji biex iħeġġu lill-ħaddiema jirreġistraw f’gym u/jew fi klabbs sportivi; iħeġġu lill-ħaddiema sportivi jipproteġu l-interessi tagħhom; jintroduċu waqfiet fuq ix-xogħol biex issir attività fiżika. Għandu jiġi enfasizzat u msaħħaħ ir-rwol tal-professjonisti tas-saħħa, bħal dak tal-għalliema li jaħdmu mat-tfal żgħar, għas-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-isport, biex jinħolqu kultura ġdida u inċentivi minn min iħaddem favur l-isport.

3.13.

Fir-rigward tad-dimensjoni tal-ġeneru, il-Karta Ewropea tad-Drittijiet tan-Nisa fl-Isport (2) żgur tirrappreżenta pjan ta’ ħidma biex jissokta t-tagħlim dwar id-differenzi u jiġu esplorati attivitajiet ġodda, u jitkompla d-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet differenti b’mod partikolari dwar it-tema tal-komunikazzjoni, li ilha żmien twil ikkaratterizzata minn relazzjoni eqreb bejn in-nisa u l-media, biex jitħeġġeġ lingwaġġ ġurnalistiku rispettuż u attent, favur sport orjentat biex jiġġieled kull xorta ta’ vjolenza, diskriminazzjoni, disparità ekonomika, u għal kultura ta’ mobilità dejjem aktar akkoljenti u inklużiva.

4.   L-isport fl-Aġenda 2030

4.1.

L-isport huwa lingwa universali li tgħaqqad lill-persuni, il-popli u l-kulturi; il-valuri tal-isport huma valuri ta’ universalità u armonija. L-isport huwa għodda fundamentali biex tgħin l-azzjoni mmirata biex tittrasforma s-soċjetajiet tagħna f’“ambjenti” b’sens akbar ta’ riflessjoni orjentati lejn is-sostenibbiltà. L-isport jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda 2030 billi jafferma l-prinċipji tar-rispett, tal-fehim, tal-integrazzjoni u tad-djalogu, u jikkontribwixxi biex il-persuni jiżviluppaw u jirnexxu irrispettivament mill-età, il-ġeneru, l-oriġini, it-twemmin u l-opinjonijiet tagħhom.

4.2.

Minkejja n-natura trasversali tal-isport bħala għodda li tappoġġja l-implimentazzjoni tal-prinċipji ddikjarati fl-Aġenda 2030, huwa ċar li mis-17-il għan tal-Aġenda 2030 hemm uħud li jistgħu jibbenefikaw aktar minn oħrajn mill-vantaġġ li joffri l-isport.

4.3.

L-isport huwa qasam fejn ir-responsabbiltajiet tal-UE huma relattivament ġodda u ġew introdotti biss mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. L-UE hija responsabbli għall-iżvilupp tal-politiki bbażati fuq l-evidenza, kif ukoll għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni u tal-ġestjoni ta’ inizjattivi li jappoġġjaw l-attività fiżika u l-isport fl-Ewropa. Fil-perjodu 2014-2020, għall-ewwel darba fl-ambitu tal-programm Erasmus+ (3) ġiet introdotta linja baġitarja speċifika biex tappoġġja proġetti u networks fis-settur tal-isport. Matul il-perjodu 2021-2027, l-intervent tal-UE b’appoġġ għall-isport se jinżamm u jissaħħaħ.

5.   L-isport u l-politika ta’ koeżjoni

5.1.

L-UE taħdem biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ ekwità u ftuħ akbar fil-kompetizzjonijiet sportivi u protezzjoni akbar tal-integrità morali u fiżika ta’ dawk li jipprattikaw l-isport, filwaqt li titqies in-natura speċifika tiegħu. B’mod partikolari, l-UE tkopri tliet oqsma ta’ attività fis-settur tal-isport: 1) ir-rwol soċjali tal-isport; 2) id-dimensjoni ekonomika tiegħu; 3) il-qafas politiku u ġuridiku tas-settur. Għal dawn is-setturi, minbarra l-azzjoni appoġġjata bi strumenti finanzjarji b’ġestjoni diretta, l-UE tippromovi l-użu u l-komplementarjetà tal-opportunitajiet li toffri l-politika ta’ koeżjoni.

5.2.

L-isport u l-attività fiżika wrew il-kapaċità tagħhom li jinteraġixxu ma’ firxa wiesgħa ta’ gruppi soċjali, inaqqsu d-differenzi u jgħaqqdu l-komunitajiet lokali, kif ukoll jinvolvu l-gruppi soċjali esklużi fil-ħajja tal-komunità. Barra minn hekk, il-proġetti sportivi jistgħu jikkontribwixxu għal sensiela ta’ għanijiet politiċi: il-promozzjoni tal-innovazzjoni; ir-riġenerazzjoni urbana; l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kontribut għall-investimenti interni fir-reġjuni Ewropej.

6.   L-isport u l-Pjan ta’ Azzjoni Globali tad-WHO dwar l-Attività Fiżika għas-snin 2018-2030

6.1.

Il-Pjan ta’ Azzjoni Globali dwar l-Attività Fiżika għas-snin 2018-2030 (4) jiddefinixxi l-għanijiet strateġiċi li għandhom jintlaħqu permezz ta’ azzjonijiet politiċi biex in-nuqqas prevalenti globali ta’ attività fiżika fost l-adulti u l-adolexxenti jitnaqqas bi 15 % sal-2030. Il-Pjan jissottolinja l-ħtieġa ta’ approċċ transsettorjali u olistiku u l-importanza tal-investiment f’politiki soċjali, kulturali, ekonomiċi, ambjentali, edukattivi, eċċ. biex titħeġġeġ l-attività fiżika u jingħata kontribut bil-għan li jintlaħqu ħafna mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030. L-istrateġiji għat-twettiq tal-pjan għandhom jinkorporaw il-fatturi determinanti kollha li jinfluwenzaw l-istil ta’ ħajja u għandhom l-għan li jwettqu azzjonijiet effettivi ta’ promozzjoni tas-saħħa f’perspettiva transsettorjali u ta’ approċċ integrat.

6.2.

Il-promozzjoni tal-attività fiżika hija kwistjoni kumplessa li tirrikjedi tmexxija b’saħħitha u azzjoni politika mis-settur tas-saħħa, li hija kruċjali fil-livell nazzjonali, iżda wkoll interazzjoni kbira ma’ setturi oħra, bħall-edukazzjoni, il-kultura, it-trasport, l-ippjanar urban u l-ekonomija. Sabiex tiżdied l-attività fiżika u tiġi skoraġġuta l-imġiba sedentarja, huwa essenzjali li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ambjentali, soċjali u individwali kritiċi tan-nuqqas ta’ attività fiżika u jiġu implimentati azzjonijiet effettivi u sostenibbli permezz ta’ kollaborazzjoni bejn diversi setturi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali Dan għandu jsir abbażi ta’ approċċ transsettorjali li jippermetti li jiġu implimentati miżuri biex tinbidel l-imġiba ħażina għas-saħħa, kemm permezz ta’ azzjoni dwar l-istil tal-ħajja individwali kif ukoll bil-ħolqien tal-kundizzjonijiet ambjentali u soċjali li jħeġġu l-bidla tal-imġiba skorretta.

7.   Mill-istrateġiji għall-prattika

7.1.

Minkejja l-kontribut ċar li l-isport u l-attività fiżika jistgħu jagħtu biex jintlaħqu l-miri ta’ żvilupp, sostenibbiltà u koeżjoni, għadu diffiċli ħafna li l-fondi Ewropej isiru eliġibbli u aċċessibbli għall-inizjattivi mmirati lejn il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-isport. Il-kawża ewlenija ta’ din is-sitwazzjoni hija attribwibbli għan-nuqqas tal-isport bħala qasam ċar ta’ investiment fir-regolamenti dwar il-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2021-2027. Il-fatt li l-isport jissemma b’mod ċar fil-programmi ta’ implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni mhux biss jipprovdi perkors ċar ta’ dawn il-flussi ta’ finanzjament għall-isport, iżda jissemplifika wkoll il-ħidma tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-fondi fl-evalwazzjoni pożittiva ta’ proġetti li s-suġġett tagħhom ikun “l-isport u l-attività fiżika”.

7.2.

Sabiex tiġi enfasizzata n-natura strateġika tal-isport fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp u koeżjoni, ġiet mehmuża ma’ din l-Opinjoni analiżi tal-koerenza bejn l-objettivi tal-Aġenda 2030 u dawk tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 u l-azzjonijiet possibbli li għandhom jitwettqu permezz tal-isport.

Brussell, il-24 ta’ Marzu 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment favur is-sostenibbiltà ambjentali [mhux disponibbli bil-Malti].

(2)  Karta Ewropea tad-Drittijiet tan-Nisa fl-Isport [mhux disponibbli bil-Malti].

(3)  Prestazzjoni tal-Erasmus+ [mhux disponibbli bil-Malti].

(4)  Pjan ta’ Azzjoni Globali dwar l-Attività Fiżika 2018-2030 [mhux disponibbli bil-Malti].