12.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 194/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strateġija għall-SMEs tal-ġenerazzjoni li jmiss — It-tisħiħ ta’ implimentazzjoni effettiva u rapida”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 194/02)

Relatur:

Milena ANGELOVA

Korelatur

Panagiotis GKOFAS

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.3.2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

13.12.2021

Adottata fil-plenarja

19.1.2022

Sessjoni plenarja Nru

566

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

235/1/7

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE, għaldaqstant, l-irkupru ekonomiku jiddependi l-aktar minn kemm se jadattaw u joperaw b’suċċess fir-realtà l-ġdida ta’ wara l-pandemija, imsawra mill-bidliet profondi imposti mit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Sabiex ikunu jistgħu mhux biss ikampaw, iżda wkoll jirnexxu, jikbru u jespandu b’suċċess, jagħtu spinta lill-ekonomija tal-UE, u joħolqu impjiegi ta’ kwalità u benesseri għaċ-ċittadini, l-SMEs jeħtieġu aktar sforzi mill-UE u mill-Istati Membri biex jipprovdulhom ambjent tan-negozju favorevoli u finanzjament u miżuri ta’ appoġġ adatti.

1.2.

Politika u qafas regolatorju adatti għall-futur għandhom jipprovdu ċertezza, konsistenza, ċarezza, u kundizzjonijiet ekwivalenti lill-SMEs, b’rispett għall-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar (1), u kontrolli tal-kompetittività meta tiġi introdotta kwalunkwe miżura politika ġdida jew meta jiġu riveduti miżuri politiki eżistenti, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ standard ta’ protezzjoni ambjentali u soċjali. Il-KESE jappella għal proċeduri amministrattivi simplifikati sabiex jiġi evitat li r-riżorsi jiffokaw fuq attivitajiet li jxekklu l-isforzi għall-iżvilupp tan-negozju.

1.3.

Il-KESE jtenni l-proposta tiegħu li jinħoloq u jiġi żviluppat network ta’ “Ombudsmen finanzjarji u ta’ finanzjament”, li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-miżuri mmirati lejn it-titjib fil-likwidità tal-SMEs fuq terminu ta’ żmien qasir. Network bħal dan: jippromovi l-aċċess tal-SMEs għall-fondi; jiġbor u janalizza data kwalitattiva biex isir jaf dwar jekk u kif il-banek intermedjarji jużaw strumenti finanzjarji sabiex jilħqu lill-SMEs l-aktar fil-bżonn ta’ riżorsi finanzjarji u r-raġuni għalfejn ma jingħatawx kreditu; u jista’ wkoll ikun medjatur għal tilwim aktar ġenerali bejn l-SMEs u l-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u ta’ likwidità. Il-KESE jissuġġerixxi li l-KE u l-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw malajr proċess ta’ applikazzjoni unika għall-SMEs, biex jiffaċilitaw u jaċċelleraw l-aċċess tagħhom għall-fondi tal-UE.

1.4.

Il-KESE jqis li l-operat fluwidu kemm tas-swieq interni kif ukoll tas-swieq internazzjonali huwa miżura ta’ politika importanti fuq terminu ta’ żmien qasir, u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu sforz speċjali biex jipprovdu opportunitajiet lill-SMEs biex jitfgħu offerti għal kuntratti pubbliċi u jirbħuhom, u jħaffu l-investimenti pubbliċi b’mod ġenerali sabiex jiżdied il-fatturat tal-kumpaniji, flimkien ma’ applikazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard (2). Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-KE li testendi l-Qafas Temporanju għall-Għajnuna mill-Istat sa Ġunju 2022, li jipprovdi pont għal kundizzjonijiet ta’ wara l-COVID-19 ibbażati fuq is-suq.

1.5.

Il-KESE jisħaq li t-tisħiħ tal-kompetenzi u l-ħiliet, inklużi l-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, huwa essenzjali għall-SMEs. Din il-ħtieġa tapplika kemm għall-imprendituri u l-maniġers tal-intrapriżi kif ukoll għall-ħaddiema. Id-domanda għal ħiliet ġodda tirrikjedi kemm aġġustament fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll titjib fi-ħiliet u taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet. Id-djalogu soċjali għandu rwol importanti fl-iżvilupp tal-ħiliet, u l-prattiki tajba tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) għandhom jiġu promossi u skambjati permezz ta’ inizjattivi rilevanti tal-UE f’kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-SMEs, l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri.

1.6.

B’mod partikolari, l-intrapriżi mikro u żgħar, in-negozji tal-familja u tradizzjonali u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jeħtieġu appoġġ prattiku fil-livell lokali, kampanji, għodod u pariri speċifiċi. Għandu jsir ħafna aktar biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ servizzi ta’ konsulenza suffiċjenti u applikabbli, anke bl-appoġġ indispensabbli tal-organizzazzjonijiet tal-SMEs. Il-KESE jilqa’ t-tnedija tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali (3) mill-KE.

1.7.

It-tisħiħ tan-networking, il-kooperazzjoni u s-sħubijiet ma’ negozji u partijiet ikkonċernati oħra jgħinu wkoll biex jitħaffu l-irkupru, id-diġitalizzazzjoni u l-kapaċità ta’ ekoloġizzazzjoni tal-SMEs, inkluż permezz tal-involviment mill-qrib tal-SMEs fit-tħejjija tal-perkorsi ta’ tranżizzjoni għall-ekosistemi industrijali. Minkejja li l-pandemija tal-COVID-19 tat spinta għall-adozzjoni tad-diġitalizzazzjoni għal dawk l-SMEs li huma minn ta’ quddiem fil-qasam diġitali, hija żiedet ukoll id-distakk diġitali għall-SMEs li għadhom lura. Hemm ukoll ħtieġa evidenti għal ħidma aktar fil-fond biex jiġu vvalutati l-opportunitajiet u l-isfidi li l-SMEs, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli bl-inqas riżorsi, jiffaċċjaw minħabba t-tranżizzjoni ekoloġika, u biex jiġi appoġġat is-suċċess tagħhom f’dan ir-rigward. Dan il-proċess jista’ jiġi ffaċilitat u assistit mill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs, u għal dan l-għan, għandhom jitfasslu u jiġu offruti miżuri speċjali ta’ appoġġ u finanzjament għal azzjonijiet konġunti lil dawn l-organizzazzjonijiet.

1.8.

Il-KESE jenfasizza r-rwol ċentrali tan-Network ta’ Rappreżentanti tal-SMEs, tan-Network Enterprise Europe (EEN) u tal-organizzazzjonijiet tal-SMEs fil-promozzjoni u fit-tixrid tal-informazzjoni dwar il-miżuri kollha ta’ appoġġ lill-akbar udjenza possibbli tal-SMEs, u jħeġġiġhom jiżviluppaw l-istrutturi u l-metodi ta’ ħidma tagħhom sabiex jissodisfaw aħjar dawn il-ħtiġijiet. Il-KESE jissuġġerixxi li r-relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet tal-SMEs fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u n-Network ta’ Rappreżentanti għall-SMEs għandhom jissaħħu aktar, bil-għan li jinkiseb mudell aktar interattiv, fejn ikun hemm kemm rabta kostanti u diretta, kif ukoll konnessjoni konsistenti, mill-qrib u komprensiva mal-SMEs u mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, u fehim u għarfien aħjar tar-rwol tar-Rappreżentant għall-SMEs. Huma r-Rappreżentanti għall-SMEs li se jsarrfu u jfasslu l-politiki tal-UE f’miżuri konkreti u skemi ta’ appoġġ fl-Istati Membri rilevanti tagħhom u jadattaw il-miżuri prattiċi sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni partikolari ta’ kull SME, sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Il-KESE jistenna b’interess il-ħatra ta’ Rappreżentant tal-UE għall-SMEs sabiex verament imexxi dan il-proċess.

2.   Background

2.1.

Il-KESE appella għall-elaborazzjoni ta’ “Strateġija tal-UE għall-SMEs tal-Ġenerazzjoni li Jmiss” li twieġeb għas-sitwazzjoni l-ġdida (4), hekk kif il-Kummissjoni Ewropea nediet l-istrateġija tal-UE għall-SMEs eżatt qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 (5). Barra minn hekk, meta tiġi konkluża l-ħidma fuq il-QFP għall-perjodu 2021-2027 u fuq il-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza fl-ambitu tan-Next Generation EU, huwa importanti li jiġi vvalutat jekk l-għan li l-miżuri ta’ appoġġ għall-SMEs jitpoġġew fil-qalba ta’ dawn il-programmi kollha ntlaħaqx verament. Dan huwa partikolarment urġenti u importanti, peress li bosta rakkomandazzjonijiet u proposti li għamlu l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs għad iridu jiġu integrati aħjar fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u reġjonali biex jiġi ssalvagwardjat it-twettiq fil-pront u b’suċċess.

2.2.

Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tiffoka, billi tibni fuq l-Opinjoni preċedenti (6), u mingħajr ma tirrepeti r-rakkomandazzjonijiet tagħha, fuq kif il-ħtiġijiet ta’ promozzjoni u ta’ appoġġ tal-SME jistgħu jintlaħqu aħjar. Dawn il-ħtiġijiet jirriżultaw mhux biss mir-realtà l-ġdida ta’ wara l-COVID-19, iżda wkoll mill-fatt li l-SMEs tal-UE, li għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-irkupru u r-reżiljenza tal-ekonomija u tas-soċjetà fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, jeħtiġilhom jikkonformaw ma’ wieħed mill-oqfsa leġiżlattivi l-aktar ikkumplikati. It discusses how EU funds and other policy support measures help tap the potential of SMEs and what can be done to accelerate implementation and guarantee successful and swift delivery on the SME strategy, including possible adjustments based on recent experiences and developments.

3.   Sfidi, opportunitajiet u l-kapaċitajiet differenti tal-SMEs

3.1.

L-SMEs jiffaċċjaw sfidi serji fir-rigward mhux biss tal-irkupru ekonomiku mill-pandemija u l-adattament għaċ-ċirkostanzi l-ġodda ta’ wara l-pandemija, iżda wkoll għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali kif ukoll it-tibdil demografiku. Is-sitwazzjoni l-ġdida tiġġenera wkoll opportunitajiet għall-SMEs, speċjalment jekk ikun hemm miżuri ta’ appoġġ adegwati, imfassla apposta għad-differenzi sinifikanti fil-karatteristiċi tal-SMEs u l-kapaċitajiet tagħhom li jirkupraw, jiddiġitalizzaw u jsiru aktar ekoloġiċi (7).

3.2.

Il-pandemija biddlet l-ambjent operattiv tal-SMEs b’mod radikali, minħabba l-bidliet notevoli li kkawżat ukoll fis-swieq globali u ż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija u l-merkanzija, li dan l-aħħar ġew aggravati mill-inflazzjoni dejjem tiżdied u mir-rati negattivi tal-imgħax. Barra minn hekk, l-SMEs intlaqtu minn: tnaqqis fid-domanda u d-dħul mill-klijenti, b’impatt negattiv fuq il-fluss tal-flus u d-disponibbiltà tal-kapital, tfixkil fil-katina tal-provvista (nuqqas ta’ materja prima u żieda fil-prezzijiet), u sfidi relatati mal-ibbilanċjar tal-kapaċità, il-benesseri u d-diskrepanzi fil-ħiliet tal-impjegati. In-nuqqas ta’ likwidità, id-dewmien fil-pagamenti u ż-żieda fid-domanda għall-finanzjament huma wkoll sfidi kbar li ġew aggravati matul il-pandemija.

3.3.

L-SMEs huma diversi u eteroġeni ħafna u l-kapaċità tagħhom li jirkupraw u jiżviluppaw tvarja wkoll, skont jekk dawn jipproduċux prodotti u servizzi għas-swieq tal-konsumaturi, jew jipprovdux prodotti intermedji lil ditti akbar. Barra minn hekk, l-irkupru tal-SMEs li joperaw prinċipalment fil-livell nazzjonali jew saħansitra lokali jiddependi ħafna mir-rilanċ tal-kundizzjonijiet nazzjonali, filwaqt li dawk li jinnegozjaw fis-Suq Uniku huma affettwati mill-operat fluwidu tiegħu u dawk li joperaw fuq livell internazzjonali se jserrħu fuq it-tiswija, id-delokalizzazzjoni jew id-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-valur internazzjonali mfixkla u l-implimentazzjoni rapida tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles.

3.4.

Sfortunatament, il-livell ta’ diġitalizzazzjoni tal-SMEs tal-UE-27 huwa aktar lura minn dak tal-pari tagħhom fir-Renju Unit, fin-Norveġja, fl-Istati Uniti u fl-Asja. Għalkemm il-perjodu tal-pandemija għen biex titqajjem kuxjenza dwar is-sinifikat tad-diġitalizzazzjoni, il-pandemija aggravat ukoll id-distakk diġitali bejn dawk l-SMEs li jinsabu minn ta’ quddiem u l-oħrajn li jinsabu warajhom, u għad hemm il-problema ta’ nuqqas ta’ għarfien espert u ta’ riżorsi fi ħdan l-SMEs sabiex jibbenefikaw minnha, jiġifieri minħabba nuqqas ta’:

sensibilizzazzjoni, żvilupp tal-ħiliet, u disponibbiltà tat-teknoloġija u l-għodod diġitali meħtieġa għad-diġitalizzazzjoni;

konnettività tajba, għodod u servizzi diġitali;

ħin u finanzjament;

il-kapaċità li strateġija diġitali tiġi kkombinata ma’ mudell ta’ negozju konkret (inkluż in-nuqqas ta’ ħila biex it-teknoloġija l-ġdida tiġi integrata ma’ proċessi eżistenti tat-teknoloġija u tan-negozju, jew li ssir migrazzjoni minn sistemi preċedenti/teknoloġiji antiki dekummissjonati).

3.5.

Is-sejbiet ta’ stħarriġ dwar l-SMEs jagħtu prova tal-validità tal-konklużjonijiet preċedenti tal-KESE (8), billi 72 % tal-SMEs huma tal-fehma li aċċess aħjar għall-iskemi ta’ appoġġ pubbliku jkun utli biex jippermettilhom isegwu d-diġitalizzazzjoni, flimkien ma’ appoġġ biex jinstabu l-ħiliet jew l-għarfien espert meħtieġa u jinkiseb aċċess għan-networks (għal 61 % u 62 %), u assistenza fil-ġbir ta’ fondi (50 %). L-SMEs kollha jibbenefikaw aktar minn għotjiet u finanzjament pubbliku sussidjat milli minn strumenti finanzjarji.

3.6.

L-assi tan-negozju intanġibbli, bħall-immaġni jew ir-relazzjonijiet fit-tul mal-klijenti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li qed jinbidlu u jiżdiedu b’mod kostanti u l-livell ogħla ta’ kompetizzjoni minħabba s-sostenibbiltà, huma wkoll dejjem aktar importanti għall-SMEs. Id-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni jimxu id f’id fis-sens li d-diġitalizzazzjoni tgħin lill-intrapriżi jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi u jnaqqsu l-impatti ambjentali, filwaqt li l-impatti negattivi tad-diġitalizzazzjoni fuq il-klima u l-ambjent għandhom jiġu indirizzati wkoll, l-aktar f’livell usa’ tas-sistemi.

3.7.

Bosta SMEs qed jiffaċċjaw inċertezza u nuqqas ta’ għarfien u fehim tal-politiki speċifiċi dwar il-klima u l-ambjent, inkluż dwar ir-rekwiżiti tal-għodod finanzjarji l-ġodda kollha. Il-Patt Ekoloġiku u l-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, fost l-oħrajn, jistgħu jaffettwaw lill-SMEs permezz ta’ rekwiżiti diretti, jew indirettament permezz ta’ żieda fl-ispejjeż tar-riżorsi, u titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-materjal u l-loġistika jista’ jirriżulta wkoll fi ffrankar tal-ispejjeż, u prodotti aktar sostenibbli jistgħu joħolqu benefiċċji fis-swieq, skont l-aspettattivi tal-konsumaturi. Iż-żieda fid-domanda nazzjonali u dik globali għat-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet ambjentali u klimatiċi ovvjament hija opportunità għan-negozji li jipprovdu soluzzjonijiet lil negozji oħra jew lis-settur pubbliku. Hemm ukoll xejra ċara ta’ aspettattivi dejjem akbar dwar is-sostenibbiltà mill-investituri u l-finanzjaturi.

3.8.

Barra minn hekk, il-pożizzjoni ta’ SME fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali huwa affettwat minn dan li ġej:

id-daqs tal-SMEs li jaffettwa d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tar-riżorsi. Minkejja li l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju huma simili f’termini tal-proporzjon tal-valur miżjud li jiġġeneraw, in-numru ta’ intrapriżi f’kull waħda minn dawn il-kategoriji jvarja b’mod konsiderevoli (93,3 %, 5,7 % u 0,9 % rispettivament, fl-2020). Il-predominanza tal-mikrointrapriżi, li għandhom l-inqas riżorsi, turi n-natura u d-daqs tal-isfidi;

id-differenzi fil-pożizzjoni tagħhom fis-suq u s-setturi li joperaw fihom – eż. l-intrapriżi li jiżviluppaw u jipprovdu teknoloġiji u soluzzjonijiet għad-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni huma f’pożizzjoni differenti minn dawk li jadottaw u jużaw dawn is-soluzzjonijiet;

l-intensità tal-età u t-tkabbir tal-intrapriżi. In-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu għandhom probabbiltà ikbar li jużaw teknoloġiji diġitali avvanzati minn SMEs oħra;

l-ambjent tan-negozju ġenerali, li jrid ikun attraenti u ta’ appoġġ għall-intraprenditorija, l-innovazzjoni, l-investiment u l-kummerċ;

id-differenzi bejn l-Istati Membri – f’termini tat-tranżizzjoni diġitali, dawn jirreferu l-aktar għall-infrastruttura diġitali u għall-ħiliet diġitali, filwaqt li d-differenzi f’termini tat-tranżizzjoni ekoloġika jirriżultaw minn, pereżempju, l-intensità tar-riżorsi naturali tal-ekonomija u t-tradizzjonijiet u l-kulturi differenti fil-ġestjoni ambjentali;

diversi postijiet – il-kundizzjonijiet tal-oqsfa għall-SMEs ivarjaw, pereżempju, bejn il-bliet u ż-żoni rurali.

3.9.

Peress li l-imprendituri tal-UE qed jikbru fl-età, il-KE għandha tippromovi u tiffaċilita t-trasferimenti tan-negozji peress li huma ta’ benefiċċju għall-ekonomija kollha billi jiġu salvagwardjati l-impjiegi u l-kumpaniji, u għandha tgħin lill-SMEs jissodisfaw il-ħtiġijiet futuri, peress li jistgħu jfissru tħejjija u ħiliet aħjar għad-diġitalizzazzjoni, l-ekoloġizzazzjoni u t-tiġdid tan-negozju. Permezz ta’ trasferiment ta’ negozju ta’ suċċess, il-mudell ta’ negozju jista’ jiġi aġġornat u ttrasformat biex isir diġitali u sostenibbli, filwaqt li t-trasferimenti ta’ negozji li ma rnexxewx jew mhux realizzati fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għat-telf ta’ impjiegi u ta’ tkabbir ekonomiku. Il-promozzjoni tad-diversità fl-intraprenditorija, pereżempju, biex jiġu inklużi n-nisa u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, tista’ ġġib valur miżjud u tħaffef it-tkabbir ta’ diversi setturi f’industriji strateġiċi u f’setturi tan-negozju. Il-mudelli tal-ekonomija soċjali bħal kooperattivi li huma proprjetà tal-ħaddiema għandhom ukoll rwol x’jaqdu.

4.   Prinċipji ewlenin għal Strateġija għall-SMEs tal-Ġenerazzjoni li Jmiss li tirnexxi

4.1.

Il-KESE jistieden lill-KE u lill-Istati Membri jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-SMEs u jadattawha skont id-diversi kundizzjonijiet, kapaċitajiet u ħtiġijiet tal-SMEs, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti hawn taħt.

4.2.

Kwalunkwe miżura li tagħti spinta lill-irkupru u r-reżiljenza fil-livell tal-UE u dak nazzjonali għandha tippromovi żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli. Għalkemm l-investiment pubbliku u l-finanzjament għandhom rwol essenzjali, dawn ma jridux joskuraw l-importanza tal-investiment privat u l-ħtieġa ta’ ambjent tan-negozju favorevoli, speċjalment fi żminijiet meta l-proċessi ta’ tfixkil iridu jiġu rregolati kif suppost ukoll. Bħala regola ġenerali, il-miżuri ta’ politika tal-UE għandhom iwasslu għal ekonomija sostenibbli wara l-pandemija, ibbażata fuq l-innovazzjoni, il-ħiliet u l-kompetizzjoni, aktar milli fuq l-għajnuna mill-Istat u l-protezzjoniżmu.

4.3.

Peress li n-negozji għandhom rwol ekonomiku u soċjetali vitali billi jiġġeneraw l-impjiegi u jtejbu l-benesseri ġenerali, il-miżuri ta’ appoġġ li jippermettulhom li jirnexxu jridu jkunu fil-qalba tal-politiki tal-UE. Din is-sejħa hija ġġustifikata wkoll mill-fatt li n-negozji huma atturi ewlenin fil-kisba kemm tat-tranżizzjonijiet doppji kif ukoll tal-objettiv ta’ ekonomija kompetittiva, diġitali, newtrali għall-klima u ċirkolari. Il-mekkaniżmi tas-suq qegħdin dejjem aktar imexxu dan l-iżvilupp, appoġġjati minn djalogu soċjali responsabbli.

4.4.

Meta jitqies li l-SMEs jammontaw għal 53 % tal-valur miżjud u 65 % tal-impjiegi ġġenerati min-negozji kollha fl-UE (fl-2020), ir-rwol kruċjali tagħhom fl-ekonomija tal-UE u l-irkupru b’suċċess tagħha huwa inkontestabbli. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet partikolari tal-mikrointrapriżi (93 % tal-SMEs kollha) u biex jissaħħaħ ir-rwol tagħhom bħala l-mutur ewlieni tal-ekonomija soċjali. Peress li l-SMEs u l-kumpaniji l-kbar huma interkonnessi b’ħafna modi, l-integrazzjoni aktar effiċjenti fl-ekosistemi u fil-ktajjen tal-valur rilevanti hija ta’ benefiċċju reċiproku.

4.5.

Billi l-SMEs ivarjaw ħafna fil-kapaċitajiet tagħhom tal-irkupru, id-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni, ma hemm l-ebda soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd. Il-miżuri ta’ appoġġ għandhom iqisu li l-kapaċità ġenerali tal-SMEs tiddependi min-natura, il-firxa u l-kawża tat-telf tal-intrapriża matul il-pandemija (ta’ spiss speċifiċi għas-settur); il-pożizzjoni tal-intrapriża fis-swieq, fil-ktajjen tal-valur u fl-ekosistemi tan-negozju; ir-rwol u l-livell tal-intrapriża fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali; ir-riżorsi finanzjarji, fiżiċi u umani tal-intrapriża; u l-ambjent operattiv fl-Istat Membru inkwistjoni.

4.6.

Peress li l-implikazzjonijiet fuq terminu ta’ żmien qasir tal-pandemija għadhom ma ġewx indirizzati, xorta għadu importanti li n-negozji b’saħħithom jiġu megħjuna jkampaw fis-sitwazzjoni attwali. Fl-istess ħin, il-kundizzjonijiet li jippermettu u jappoġġjaw it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġital fit-tul jeħtieġ li jissaħħu minnufih. Għaldaqstant, l-SMEs għandhom ikunu fil-qalba tal-implimentazzjoni ta’ finanzjament mill-UE, kemm fuq terminu ta’ żmien qasir kif ukoll fuq terminu ta’ żmien medju u twil, u ta’ miżuri ta’ politika oħra.

4.7.

Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa li jingħata appoġġ lin-negozji u lill-imprendituri li jinsabu f’diffikultà finanzjarja sabiex jiġu evitati fallimenti bla bżonn u jiġu salvati l-impjiegi. Il-KESE jistieden lill-KE u lill-Istati Membri biex ikomplu l-ħidma tagħhom fir-rigward tat-tneħħija tal-ostakli li jimpedixxu lill-intraprendituri milli jkollhom it-tieni opportunità u li jibdew mill-ġdid, u biex jimplimentaw malajr u kif suppost id-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza (9), li tħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu sistemi ta’ twissija bikrija biex jippermettu għajnuna f’waqtha lill-imprendituri li jinsabu f’diffikultà.

5.   Noħolqu ambjent tan-negozju sod

5.1.

L-istrateġija għall-SMEs hija marbuta mill-qrib mal-istrateġija industrijali, u dawn għandhom jiġu żviluppati u implimentati simultanjament f’termini tal-ħolqien ta’ kundizzjonijiet favorevoli għan-negozju, inkluż suq uniku ta’ prodotti, servizzi, kapital, data u persuni li jiffunzjona tajjeb, tranżizzjoni doppja bla xkiel, u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE fis-setturi industrijali ewlenin u fil-ktajjen tal-valur relatati tal-SMEs. L-involviment mill-qrib tal-SMEs fit-tħejjija tal-perkorsi ta’ tranżizzjoni għall-ekosistemi industrijali huwa essenzjali.

5.2.

L-Istati Membri jistgħu jgħinu biex jaċċelleraw l-iżvilupp tal-SMEs billi jipprovdulhom aktar opportunitajiet biex jagħmlu offerti għal kuntratti pubbliċi u jirbħuhom, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, u billi jħaffu l-investimenti pubbliċi b’mod ġenerali sabiex il-fatturat tal-kumpaniji involuti jingħata spinta aktar malajr. Ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Ħlas Tard fir-rigward tal-ħlasijiet mill-amministrazzjonijiet pubbliċi lin-negozji, jirrikjedu infurzar aktar rigoruż u għandhom jiġu previsti rimedji ġodda, immirati wkoll lejn l-aċċellerazzjoni tat-tranżazzjonijiet fost il-kumpaniji privati. Żieda fil-veloċità tal-ħlasijiet tista’ tkompli ttejjeb il-likwidità tal-SMEs.

5.3.

Ir-rikonoxximent reċiproku tal-merkanzija jista’ jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija fl-UE, iżda ħafna SMEs għadhom jiffaċċjaw diffikultajiet biex jidħlu fis-suq ta’ Stati Membri oħra minħabba proċeduri amministrattivi nazzjonali onerużi. Il-KESE jenfasizza s-sinifikat tal-istandardizzazzjoni fit-tneħħija tal-ostakli tas-suq u fl-iffaċilitar tal-attivitajiet transfruntiera. Il-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet interessati bħall-SMEs għandha tiġi promossa aktar fil-proċessi ta’ standardizzazzjoni, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak internazzjonali. L-istandards għandhom jitfasslu b’mod li jiffavorixxi lill-SMEs, u għandhom jingħataw appoġġ u gwida għall-applikazzjoni tal-istandards fl-SMEs.

5.4.

Il-kummerċ internazzjonali għandu rwol importanti fit-tisħiħ tat-tkabbir u l-iżvilupp tan-negozji u tal-ekonomija tal-UE. Minbarra li jiġu indirizzati l-ostakli relatati mal-pandemija, għandhom jitkomplew in-negozjati bilaterali u multilaterali fit-tul għal kummerċ miftuħ u bbażat fuq ir-regoli biex jittejbu l-aċċess għas-suq, l-internazzjonalizzazzjoni u t-tkabbir tal-SMEs.

5.5.

Sabiex tkun tista’ tikseb l-objettivi tagħha, filwaqt li tindirizza diversi sfidi f’termini tal-ispejjeż u t-trasparenza, l-Istrateġija għall-SMEs tal-Ġenerazzjoni li Jmiss trid tkun akkumpanjata minn qafas regolatorju inkoraġġanti u ta’ abilitazzjoni, li jippromovi l-irkupru effiċjenti u rapidu tal-SMEs u l-iżvilupp u l-kapaċità tagħhom li jimpjegaw. Il-KESE jenfasizza li l-qafas regolatorju u ta’ politika jeħtieġ li jipprovdi lill-SMEs b’ċertezza, konsistenza u ċarezza, biex jikkonformaw mal-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar (10), inklużi kontrolli tal-kompetittività u valutazzjoni tal-impatti kumulattivi ta’ diversi inizjattivi, u biex jimplimentaw bis-sħiħ l-“iSmall Business Act” għall-Ewropa u l-prinċipju ta’ darba biss, filwaqt li jinżamm standard għoli ta’ protezzjoni ambjentali u soċjali u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Ir-regolament irid jikkunsidra wkoll id-daqs tal-kuntest li fih l-impriżi joperaw, u b’hekk jivvaluta jekk xi regoli speċifiċi għandhomx ikunu l-istess għall-kumpaniji kollha, jew għandhomx jitfasslu apposta skont id-daqs tal-kumpaniji. Il-KESE jappella wkoll għal proċeduri amministrattivi semplifikati sabiex jiġi evitat li r-riżorsi jiffokaw fuq attivitajiet li ma jtejbux iżda minflok ifixklu l-isforzi għall-iżvilupp tan-negozju.

5.6.

Il-koordinazzjoni aħjar tal-miżuri bejn l-Istati Membri fis-suq uniku matul ċirkostanzi mhux previsti bħall-pandemija hija meħtieġa biex jiġi żgurat il-fluss liberu ta’ oġġetti, servizzi u ħaddiema, kif ukoll il-kontinwità tan-negozju tal-SMEs. L-inizjattiva li jmiss dwar l-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza hija bażi importanti għal din il-ħidma.

5.7.

Il-KESE jemmen li għall-SMEs bi grad għoli ta’ assimetrija fl-informazzjoni bejn il-fornitur tas-servizz u l-klijent u għal servizzi fejn il-fornitur tas-servizz jaġixxi bħala kustodju tal-klijent (eż. il-professjonijiet liberi), ir-regolamentazzjoni professjonali tista’ tipproteġi s-sikurezza, l-indipendenza u l-kwalità tas-servizzi, filwaqt li d-distorsjonijiet tas-suq, inklużi l-ostakli transfruntiera li jista’ jkun hemm għandhom jiġu miġġielda wkoll.

5.8.

Sabiex ikun jista’ jsir użu minn soluzzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, għandu jkun hemm infrastruttura fiżika adegwata bi prezz raġonevoli fis-siti tan-negozju kollha, inklużi ż-żoni rurali u remoti. Filwaqt li l-investiment f’konnessjonijiet diġitali effiċjenti u f’sistemi sostenibbli tat-trasport u l-enerġija huwa utli fi kwalunkwe ċirkostanza, dan jagħti wkoll spinta lill-irkupru.

6.   Appoġġ finanzjarju u appoġġ ieħor

6.1.

Il-ħtiġijiet addizzjonali tal-SMEs f’termini ta’ appoġġ finanzjarju u appoġġ ieħor jirriżultaw l-aktar mill-kapaċità mnaqqsa tagħhom ta’ rkupru, diġitalizzazzjoni u ekoloġizzazzjoni minħabba r-riżorsi limitati tagħhom. Il-kriżi kkawżata mill-COVID-19 issa hija msaħħa mill-inflazzjoni li qed tiżdied, li hija kkawżata wkoll miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Għalhekk, il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju rilevanti u jittama li l-Istati Membri, filwaqt li jqisu r-riżorsi u l-kapaċitajiet diverġenti tagħhom biex jappoġġjaw lill-kumpaniji, japprovaw malajr il-proposta biex jiġi estiż il-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat (11), billi jaġixxu bħala pont għall-kundizzjonijiet ta’ wara l-COVID-19 ibbażati fuq is-suq.

6.2.

Fl-allokazzjoni tal-appoġġ finanzjarju pubbliku, trid tingħata attenzjoni biex jiġi evitat li r-rebbieħa jkunu magħżula minn qabel jew li jiġu appoġġjati negozji mhux vijabbli, minħabba li huma l-kompetizzjoni u s-swieq li għandhom jiddeterminaw liema negozji jirnexxu. Minflok, l-allokazzjoni tal-fondi għandha tqis il-kundizzjonijiet u t-tipi differenti ta’ SMEs u b’hekk l-appoġġ ikun aktar effiċjenti u mmirat aħjar biex jissodisfa l-ħtiġijiet inkwistjoni.

6.3.

Il-KESE jtenni l-proposta tiegħu li jinħoloq u jiġi żviluppat network ta’ Ombudsmen finanzjarji u ta’ finanzjament fl-Istati Membri, ikkoordinat mill-UE, u jissuġġerixxi l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni biex ikopri s-sorsi kollha ta’ finanzjament. Il-KESE ppropona wkoll li titwaqqaf task force dwar il-likwidità tal-SMEs, li taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ombudsmen biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-miżuri l-ġodda tal-Kummissjoni Ewropea mmirati lejn il-likwidità tal-mikrointrapriżi fuq terminu ta’ żmien qasir, li ġew proposti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Minbarra li jgħin lill-SMEs jaċċessaw il-fondi, in-network jista’ wkoll jgħin lill-KE tiġbor u tanalizza data kwalitattiva biex tifhem kif il-banek intermedjarji jużaw l-istrumenti finanzjarji biex jilħqu lill-SMEs li l-aktar għandhom bżonn riżorsi finanzjarji u għaliex ma jingħatawx kreditu, skont il-prinċipji li jirregolaw ir-reazzjonijiet mill-banek. In-network għandu wkoll isolvi tilwim aktar ġenerali bejn l-SMEs u l-banek, fornituri oħra ta’ servizzi finanzjarji u likwidità u korpi oħra ta’ finanzjament.

6.4.

L-investiment fl-innovazzjoni huwa bla dubju ta’ benefiċċju, peress li jikkontribwixxi kemm għall-iżvilupp tan-negozji attwali kif ukoll għall-ħolqien ta’ oħrajn ġodda u għat-tisħiħ tas-suċċess fit-tul. Minbarra li jiffoka fuq ċerti ekosistemi ta’ innovazzjoni, il-finanzjament għall-innovazzjoni għandu jsaħħaħ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet li jistgħu jiżdiedu u jiġu adottati minn varjetà wiesgħa ta’ SMEs. Huwa meħtieġ l-involviment ta’ diversi atturi: riċerkaturi, imprendituri u utenti finali jew klijenti biex ideat riskjużi, iżda innovattivi jinbidlu f’azzjoni. Madankollu, l-iskemi ta’ appoġġ tal-UE ffinanzjati minn Orizzont Ewropa u InvestEU huma kumplessi wisq għal xi SMEs biex japplikaw għalihom, anke jekk jitqiesu li huma eliġibbli. L-UE tista’ tegħleb din l-isfida billi tnaqqas il-piżijiet u l-ostakli fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-ideat mill-SMEs u billi tipprovdi konsulenza u appoġġ kostanti matul il-proċess kollu lill-applikanti magħżula. Il-KESE jissuġġerixxi li l-KE u l-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw malajr proċess ta’ applikazzjoni unika għall-SMEs, biex jiffaċilitaw u jaċċelleraw l-aċċess tagħhom għall-fondi tal-UE.

6.5.

Ħafna programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni jagħmlu użu mir-regoli li għadhom kif ġew introdotti u minn flessibbiltà akbar biex jirristrutturaw l-allokazzjonijiet tagħhom għal setturi u reġjuni li ntlaqtu l-aktar mill-pandemija. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiggarantixxi li l-allokazzjonijiet marbuta mal-innovazzjoni u t-tranżizzjoni doppja ma jonqsux, b’mod li jaffettwa l-investimenti tal-SMEs fl-infrastruttura, il-kapaċità diġitali, u r-reżiljenza ambjentali.

6.6.

It-tisħiħ tal-kompetenzi u tal-ħiliet huwa qasam ieħor għal investimenti orjentati lejn il-futur li għandu jingħata prijorità. Il-ħtieġa tal-iżvilupp tal-ħiliet tapplika bl-istess mod għall-intraprendituri, għall-maniġers tal-intrapriżi u għall-ħaddiema. Iridu jiġu żgurati ħiliet vokazzjonali xierqa biex jintlaħqu kemm il-ħtiġijiet attwali kif ukoll dawk futuri tal-SMEs. Sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tat-tranżizzjoni doppja, il-ħiliet diġitali u ekoloġiċi għandhom jitqiesu bħala ħiliet bażiċi għal kulħadd. Sabiex tiġi ssodisfata d-domanda għal ħiliet ġodda huwa meħtieġ li jkun hemm kemm aġġustament fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ titjib fil-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet. Id-djalogu soċjali għandu rwol importanti fl-iżvilupp tal-ħiliet fil-postijiet tax-xogħol, u l-prattiki tajba tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) għandhom jiġu promossi u skambjati permezz ta’ inizjattivi rilevanti tal-UE f’kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-SMEs, l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri.

6.7.

L-intrapriżi mikro u żgħar, b’mod partikolari, jeħtieġu appoġġ u pariri prattiċi fil-livell lokali li huma intrinsikament marbuta mal-kapaċità tagħhom relatata mar-riżorsi. Għandu jsir ħafna aktar biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ servizzi ta’ konsulenza suffiċjenti u applikabbli kemm għal skopijiet fuq terminu ta’ żmien itwal kif ukoll ta’ kuljum, inkluż l-adozzjoni ta’ teknoloġiji moderni, l-iżvilupp ta’ ħiliet u prestazzjoni mtejba tan-negozju. Il-KESE jappella wkoll li jiġu żviluppati kampanji u għodod speċifiċi speċjalment għall-mikrointrapriżi, li jikkostitwixxu l-akbar u l-aktar parti vulnerabbli tal-SMEs.

6.8.

Sabiex jinftiehmu l-ħtiġijiet prattiċi tal-SMEs u biex il-miżuri jiġu mmirati b’mod tajjeb, hemm bżonn ta’ bażi ta’ data solida dwar il-kundizzjonijiet fil-livell lokali. Huwa importanti wkoll li dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha jżommu rabtiet mal-ħajja prattika u ċ-ċirkostanzi tal-SMEs. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tkompli ssaħħaħ in-Network ta’ Rappreżentanti tal-SMEs lejn mudell aktar interattiv, fejn ikun hemm rabta kostanti, diretta u kemm jista’ jkun aktar mill-qrib u komprensiva, u konnessjoni konsistenti mal-SMEs u mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs u jappoġġjaw lin-networks, bħall-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati rilevanti. Barra minn hekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea taħtar u tniedi b’mod urġenti l-ħidma ta’ Rappreżentant tal-UE għall-SMEs, li jeħtieġ status operattiv, mhux biss figurattiv, fl-istituzzjonijiet. Il-KESE jissottolinja r-rwol ċentrali tan-network ta’ Rappreżentanti għall-SMEs, tal-Network Enterprise Europe u tal-organizzazzjonijiet tal-SMEs biex jippubbliċizzaw il-miżuri ta’ appoġġ kollha b’mod kemm jista’ jkun wiesa’, sabiex l-informazzjoni tinxtered lill-akbar udjenza possibbli tal-SMEs.

6.9.

In-networking, il-kooperazzjoni u s-sħubijiet ma’ negozji u partijiet ikkonċernati oħra jibqgħu jkunu modi oħra ta’ kif tiżdied il-kapaċità tal-irkupru, id-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni tal-SMEs. Dan għandu jkun wieħed mill-għanijiet ewlenin tat-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-ekosistemi tan-negozju, u l-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol u n-network taċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali, u li l-pjattaformi online jkunu aċċessibbli faċilment u ta’ appoġġ għall-SMEs. Id-diġitalizzazzjoni hija kruċjali wkoll fin-negozju ta’ kuljum, peress li tiffaċilita n-networking u tagħmilha possibbli għall-SMEs li jinteraġixxu b’mod aktar wiesa’ u aktar mill-qrib mal-klijenti, l-investituri, l-imsieħba fin-negozju, l-imsieħba soċjali, ir-riċerkaturi, l-edukaturi u l-awtoritajiet pubbliċi.

6.10.

Il-KESE identifika l-prinċipji li ġejjin li għandhom jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp ta’ kwalunkwe programm ġdid ta’ diġitalizzazzjoni tal-SMEs, u dawn jistgħu jiġu applikati wkoll għall-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-SMEs:

l-iżgurar li l-programm ikun immirat, adatt għall-ħtiġijiet u jkun aktar faċli għall-benefiċjarji biex jifhmuh, japplikaw għalih u jimplimentawh, billi jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati ewlenin u lill-esperti minn qabel;

l-organizzazzjoni ta’ punt fokali ewlieni tal-programm għall-informazzjoni u r-riżorsi li l-SMEs jistgħu jaċċessawh biex jappoġġjaw l-attivitajiet tagħhom ta’ diġitalizzazzjoni u jgħinhom jiżviluppaw għarfien kemm dwar kif jixtru kif ukoll kif jużaw dawn it-teknoloġiji;

l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali tal-intraprendituri stess, peress li dan għandu korrelazzjoni diretta mal-livell ta’ diġitalizzazzjoni tal-kumpanija, flimkien mat-tisħiħ tal-livell ġenerali ta’ ħiliet diġitali fil-kumpanija;

l-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjamenti esterni u l-iżgurar ta’ żborżi rapidi;

il-promozzjoni ta’ kollaborazzjonijiet ma’ msieħba u partijiet ikkonċernati oħra;

il-programmi ta’ diġitalizzazzjoni għandhom jitfasslu biex jiġbru data u feedback mill-SMEs – maħsuba wkoll biex itejbu s-servizzi u l-programmi attwali u futuri.

Brussell, id-19 ta’ Jannar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 517, 22.12.2021, p. 45, punt 3.6.3.

(2)  ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.

(3)  https://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=10117&furtherNews=yes#navItem-1.

(4)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 210.

(5)  COM(2020) 103 final.

(6)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 210.

(7)  ĠU C 197, 8.6.2018, p. 1.

(8)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 210, u Opinjonijiet preċedenti.

(9)  ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18.

(10)  ĠU C 517, 22.12.2021, p. 45, punt 3.6.3.

(11)  Magħmul fit-30.9.2021 – biex jiġi estiż b’sitt xhur oħra.