|
26.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 323/13 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala gwardjani tal-ġid komuni fl-irkupru u r-rikostruzzjoni ta’ wara l-pandemija tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tal-UE”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2022/C 323/03)
|
Relatur: |
Ioannis VARDAKASTANIS |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
28.4.2021 |
|
Bażi legali |
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adottata fis-sezzjoni |
3.5.2022 |
|
Adottata fil-plenarja |
18.5.2022 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
569 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
189/1/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jnaqqsu d-distakk bejn dawk li jfasslu l-politika u r-realtajiet ta’ dawk li jirrappreżentaw. L-involviment fi djalogu ma’ dawn il-partijiet ikkonċernati huwa għalhekk mod effettiv għal dawk li jfasslu l-politika biex jifhmu l-ħtiġijiet varji ta’ persuni li jappartjenu għal gruppi soċjali differenti. Barra minn hekk, is-soċjetà ċivili tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fid-“demokrazija ċivika” biex ikollha impatt fuq kwistjonijiet li jaffettwawhom. |
|
1.2. |
Fl-UE naraw lis-soċjetà ċivili u lill-imsieħba soċjali joperaw f’livelli differenti. Xi organizzazzjonijiet joperaw fil-livell tal-UE, oħrajn fil-livell nazzjonali, u xi wħud fil-livell lokali jew reġjonali. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħidma fil-livelli kollha huwa komplementari. Fir-rigward tal-ħidma ta’ promozzjoni, l-enfasi tal-UE meta mqabbla mal-organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ spiss tiġi ddeterminata minn kif il-kompetenzi tal-politika jinqasmu bejn il-livell tal-UE u dak nazzjonali. |
|
1.3. |
Is-soċjetà ċivili li taħdem fil-livell lokali jista’ jkollha rwol ukoll fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-impatt ta’ politiki u inizjattivi ġodda. Madankollu, is-soċjetà ċivili ma għandhiex biss impatt fuq id-deċiżjonijiet tal-politika, teżisti wkoll biex fil-fatt tipprovdi servizzi lin-nies li tirrappreżenta. |
|
1.4. |
Matul il-pandemija tal-COVID-19 u l-irkupru bil-mod tal-Ewropa mill-eqqel ta’ din il-kriżi, ir-rwoli tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali kellhom jadattaw. Fokus saħansitra akbar minn qabel tqiegħed fuq il-forniment ta’ servizzi essenzjali, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u s-salvataġġ tal-ħajjiet, filwaqt li fl-istess ħin ġew indirizzati l-isfidi ffaċċjati mill-organizzazzjonijiet biex ikopru l-finanzjament u jappoġġjaw il-persunal tagħhom stess. Barra minn hekk, bil-pandemija twettqu għadd ta’ inizjattivi ġodda ta’ finanzjament tal-UE, li min-naħa tagħhom kienu jirrikjedu appoġġ qawwi biex jiġi żgurat li l-investiment jilħaq lil dawk l-aktar fil-bżonn. |
|
1.5. |
Bħalissa qed naraw lis-soċjetà ċivili Ewropea tagħmel tranżizzjoni mill-kriżi tal-COVID-19 għal kriżi kompletament ġdida. Ħafna atturi tas-soċjetà ċivili issa qed jiffukaw l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw ir-riperkussjonijiet ta’ invażjoni mhux ipprovokata tal-Ukrajna mill-awtoritajiet Russi. Pereżempju, ħafna NGOs qed jużaw it-tagħlimiet dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet li kisbu matul il-pandemija biex jappoġġjaw lir-refuġjati Ukreni, jiġbru fondi ta’ emerġenza u jgħinuhom jaħarbu mill-invażjoni mdemmija ta’ pajjiżhom. Huma qed jiffukaw ukoll l-isforzi tagħhom fuq dawk fil-bqija tal-UE li jinsabu l-aktar f’riskju ta’ faqar, hekk kif il-prezzijiet tal-fjuwil qed jiżdiedu drastikament u l-inflazzjoni qed tikber. |
|
1.6. |
L-inklużjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tfassil tal-politika hija inseparabbli mill-valuri tal-UE; l-Artikolu 1 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea jgħid li d-deċiżjonijiet għandhom “jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin”. Ma jistax ikun hemm lok għar-repressjoni tad-djalogu soċjali u d-djalogu tas-soċjetà ċivili fl-UE. Ir-rispett għal dawn il-valuri għandu jkun prerekwiżit biex l-Istati Membri jkunu eliġibbli għall-finanzjament tal-UE. |
|
1.7. |
L-UE għandu jkollha tolleranza żero fir-rigward ta’ Stati Membri fejn l-ispazju ċiviku qed jiċkien. Sistema li fiha l-vuċi tas-soċjetà ċivili qed tiġi msikkta, b’mod partikolari dawk li għandhom perspettiva kritika ta’ kif qed jopera l-gvern, hija sistema li qed telimina b’mod attiv id-dinamika ta’ dawk li jfasslu l-politika li jaqdu l-interessi taċ-ċittadini tagħhom. Minflok din issir sistema fejn dawk fis-setgħa jaġixxu fl-interess tagħhom biss. Dan l-approċċ huwa theddida għad-demokrazija fl-UE u ma għandu l-ebda post fi ħdan il-valuri tal-Ewropa deskritti fil-Kriterji ta’ Copenhagen (1). |
|
1.8. |
L-iżgurar li l-Istati Membri jirrispettaw il-valuri tal-UE ma jfissirx biss li jkunu lesti jaħdmu mas-soċjetà ċivili; dan ifisser ukoll li jiffaċilitaw l-eżistenza tagħhom, anke meta dawn ikunu kritiċi għall-politiki tiegħek jew iħaddnu politiki opposti għal dawk tiegħek. Irid ikun hemm libertà u indipendenza għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha fl-UE. L-Istati Membri li jaċċettaw biss djalogu ma’ organizzazzjonijiet magħżulin u li jiffavorixxu l-gvern, bħala parti minn eżerċizzju purament formali, huma ħatja ta’ prattiki mhux demokratiċi daqs gvernijiet li bl-ebda mod ma jinvolvu ruħhom mas-soċjetà ċivili. |
|
1.9. |
Dawk li jfasslu l-politika għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni sinifikanti tas-soċjetà ċivili, u mhux biss f’livell superfiċjali. Dan ifisser li din tiġi involuta fil-partijiet kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan ifisser li wieħed jismal-fehmiet tas-soċjetà ċivili matul il-proċess tal-ħolqien ta’ leġiżlazzjoni, proġetti jew inizjattivi ġodda, u li din tiġi kkonsultata regolarment hekk kif ikunu qed jitfasslu, u jiġu adottati u mbagħad implimentati. Ħafna drabi s-soċjetà ċivili tintalab tagħti l-opinjoni tagħha meta l-leġiżlazzjoni jew il-proġetti jkunu kważi tlestew. Dan jagħmilha impossibbli għal dawk li jfasslu l-politika li jaċċettaw kwalunkwe proposta u jistabbilixxi preċedent fejn is-soċjetà ċivili tkun sempliċement mistennija tapprova l-proposti mressqin quddiemhom. |
|
1.10. |
Dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha għandhom jagħmlu l-proċessi ta’ konsultazzjoni tagħhom faċli biex jinstabu u biex jiġu aċċessati. Il-KESE jilqa’ s-sistema tal-KE għall-konsultazzjoni pubblika fis-sens li tkun miftuħa għall-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili, kif ukoll għaċ-ċittadini individwali, u l-fatt li l-konsultazzjonijiet kollha jiġu ppubblikati sistematikament fuq l-istess paġna web (2). Min-naħa l-oħra, il-konsultazzjonijiet fil-livell tal-UE jistgħu xi drabi jkunu restrittivi fir-rigward tat-tip ta’ input li jippermettu. |
|
1.11. |
Hemm potenzjal għas-soċjetà ċivili li tgħin lil dawk li jfasslu l-politika f’kompiti essenzjali bħall-monitoraġġ. Madankollu, jekk ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ politiki u inizjattivi ġodda jrid jittieħed serjament, allura l-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali għandhom jappoġġjaw l-ispejjeż operattivi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. Dan huwa aktar u aktar importanti minħabba l-inċertezzi tal-finanzjament u l-fondi allokati għall-proġetti minħabba l-COVID-19, kif ukoll iż-żidiet fl-ispejjeż operatorji. Sabiex wieħed jirċievi appoġġ tal-aqwa kwalità u l-aktar kostruttiv mis-soċjetà ċivili, huwa essenzjali li l-offerta ta’ finanzjament għall-operat u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ma tiġix iddubitata mill-indipendenza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
|
1.12. |
Hemm għadd ta’ miżuri li l-UE tista’ tieħu biex tħaddan il-kontribut tas-soċjetà ċivili. Tista’ tibda billi tiddefinixxi status parteċipattiv. Tista’ taqbel ukoll fuq linji gwida u standards komuni dwar id-dritt għall-assoċjazzjoni u d-djalogu ċivili li għandhom jiġu implimentati fil-proċessi rilevanti kollha, kif ukoll li tadotta ftehim interistituzzjonali dwar id-djalogu ċivili. Ir-rikonoxximent u l-promozzjoni tar-rwol tal-assoċjazzjonijiet u tal-NGOs fil-qafas tal-Unjoni Ewropea jkunu wkoll ta’ benefiċċju kbir għat-titjib tas-sħubija bejn dawk li jfasslu l-politika u s-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE. |
|
1.13. |
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ukoll is-sett ta’ responsabbiltajiet tagħhom stess li għandhom jaqdu f’isem tfassil tajjeb ta’ politika. L-ewwel nett, l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu kontinwament riċettivi għar-realtà tan-nies li jirrappreżentaw, u jiżguraw li l-promozzjoni tagħhom twieġeb għall-ħtiġijiet tagħhom. Huwa partikolarment importanti li jitrawwem l-involviment taż-żgħażagħ fis-soċjetà ċivili u li jiġi żgurat futur għall-moviment. Huwa kruċjali wkoll li s-soċjetà ċivili tkun kostruttiva bil-kontribut tagħha, u ċara bir-rakkomandazzjonijiet tagħha, biex tassisti fit-tfassil ta’ politiki ġodda b’mod li tara l-aħjar għall-kostitwenti tagħha. Il-kontribut ma għandux jagħmel enfasi biss fuq dak li qed isir b’mod ħażin, iżda għandu jissuġġerixxi wkoll b’mod konkret kif jista’ jsir titjib. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
F’dan id-dokument, it-terminu “soċjetà ċivili” jirreferi wkoll għall-imsieħba soċjali, għalkemm irid jiġi nnotat li l-imsieħba soċjali joperaw b’mod uniku u speċifiku fil-protezzjoni tad-drittijiet. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jappoġġaw ukoll l-interessi ta’ gruppi li ma jistgħux jinfluwenzaw il-politika billi jivvutaw, bħat-tfal, il-persuni b’diżabilità mċaħħda mid-dritt tagħhom li jivvutaw, jew il-migranti u r-refuġjati, u jrawmu l-involviment tagħhom fid-demokrazija. Għalhekk, id-djalogu bejn is-soċjetà ċivili u dawk li jfasslu l-politika huwa kruċjali biex wieħed jifhem il-ħtiġijiet tas-soċjetà u biex jiġu fformati reazzjonijiet ta’ politika effettivi. |
|
2.2. |
Organizzazzjonijiet indipendenti u infurmati tas-soċjetà ċivili jistgħu joffru kontribut imprezzabbli għat-tfassil tal-politika. Dawn jista’ jkollhom ukoll rwol essenzjali fil-monitoraġġ tal-effettività tal-politiki u l-inizjattivi eżistenti. Madankollu, l-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet huwa kritiku. |
|
2.3. |
L-ispazju għas-soċjetà ċivili qed jonqos b’mod drastiku f’xi partijiet tal-Unjoni Ewropea (UE), u l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jirreaġixxu b’mod qawwi u mingħajr kompromess għal dawn l-iżviluppi inkwetanti. L-inklużjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tfassil tal-politika hija inseparabbli mill-valuri tal-UE; l-Artikolu 1 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea jgħid li d-deċiżjonijiet għandhom “jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin”. Ma jista’ jkun hemm l-ebda lok għar-repressjoni. |
|
2.4. |
Is-separazzjoni tal-kompetenzi ta’ politika bejn il-livell tal-UE u dak nazzjonali, reġjonali u lokali wasslet għal diversi livelli ta’ rappreżentanza tas-soċjetà ċivili. Hemm organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE li speċifikament jittrattaw l-oqsma ta’ politika li fihom l-UE tilleġiżla, u oħrajn li joperaw fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. |
|
2.5. |
Tnejn mill-ostakli ewlenin li tiffaċċja s-soċjetà ċivili fil-livelli kollha huma r-reżistenza ta’ dawk li jfasslu l-politika biex jinvolvu ruħhom fi djalogu u n-nuqqas ta’ involviment sinifikanti fl-istadji kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Għandhom jiġu stabbiliti regolamenti legali fil-livell Ewropew u nazzjonali biex dawn it-tipi ta’ attitudnijiet jiġu eliminati. |
|
2.6. |
Is-soċjetà ċivili nazzjonali u fil-livell tal-UE għandha rwol kruċjali fl-irkupru wara l-pandemija fl-Ewropa. Wieħed mill-oqsma fejn iż-żewġ livelli qed jikkoordinaw huwa dwar kif l-Istati Membri tal-UE jinvestu flus mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li għandha l-potenzjal li tbiddel sostanzjalment id-dehra tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna fis-snin u fid-deċennji li ġejjin. Madankollu, dan il-proċess wera li ħafna Stati Membri ma impenjawx ruħhom biżżejjed għal konsultazzjoni sinifikanti mas-soċjetà ċivili, u għalhekk ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġew esklużi jew, fl-aħjar każ, involuti b’mod superfiċjali biss fit-tħejjija tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dan ġie deskritt f’Riżoluzzjoni tal-KESE fi Frar 2021 (3). Barra minn hekk, rajna din il-konsultazzjoni inadegwata tas-soċjetà ċivili minkejja li l-obbligu li dan isir huwa deskritt fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. |
3. Kif l-involviment tas-soċjetà ċivili jista’ jirriżulta fi tfassil ta’ politika aktar intelliġenti
|
3.1. |
Dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha qegħdin hemm biex jaqdu l-interessi taċ-ċittadini, u mhux bil-kontra. Id-demokrazija tista’ tiffunzjona b’mod korrett biss meta dawk li jfasslu u jimplimentaw il-liġijiet ikunu konxji ta’ dak li qed iseħħ fir-realtà u jifhmu x’inhu meħtieġ min-nies li jirrappreżentaw. L-eżistenza tas-soċjetà ċivili u l-inklużjoni attiva tagħha u l-parteċipazzjoni sinifikanti tagħha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha hija essenzjali għal governanza effettiva u intelliġenti. |
|
3.2. |
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma fdati li jwasslu l-messaġġi tan-nies li jirrappreżentaw, jew bil-promozzjoni tat-tħassib pubbliku, u li jgħadduhom f’messaġġi u rakkomandazzjonijiet ta’ politika ċari u koerenti. Għalhekk, l-involviment fi djalogu mas-soċjetà ċivili huwa mod effettiv għal dawk li jfasslu l-politika biex jifhmu l-ħtiġijiet varji ta’ persuni li jappartjenu għal gruppi soċjali differenti. Dan jgħin biex jiġi mminimizzat ir-riskju li tiġi injorata kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ fl-implimentazzjoni tal-politiki u jista’ jippreżenta informazzjoni intuwittiva u għarfien espert li ma jkunux disponibbli mod ieħor għal dawk li jfasslu l-politika. |
|
3.3. |
Filwaqt li dawk li jfasslu l-politika huma riċettivi għal dak li jixtiequ l-votanti, wieħed mir-rwoli kruċjali tas-soċjetà ċivili huwa li tirrappreżenta gruppi li ma għandhomx id-dritt tal-vot. Dan huwa partikolarment minnu għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipproteġu d-drittijiet tat-tfal, tal-persuni b’diżabilità li huma miċħuda mid-dritt tal-vot tagħhom, tal-persuni taħt kustodja, u tal-immigranti u tar-rifuġjati li mhumiex intitolati li jivvutaw fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. Is-soċjetà ċivili qiegħda hemm biex tiddefendi l-interessi ta’ tali gruppi li l-ilħna tagħhom ma jistgħux jiġu espressi permezz tal-vot. Hija tħeġġeġ ukoll il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fid-“demokrazija ċivika” biex ikollha impatt fuq kwistjonijiet li jaffettwawhom. Mingħajr l-eżistenza ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha, u l-kapaċità tagħha li trawwem l-involviment ta’ persuni minn dawn il-gruppi, ħafna jkunu f’riskju li jiġu injorati aktar minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. |
|
3.4. |
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell li jaħdmu fil-livell lokali, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali jew lokali, jista’ jkollhom rwol ukoll fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-impatt ta’ politiki u inizjattivi ġodda. Madankollu, il-monitoraġġ huwa kompitu intensiv li spiss jirrikjedi għarfien tekniku ħafna. Għalhekk huwa essenzjali li l-UE u l-Istati Membri jappoġġjaw l-OSĊ permezz ta’ finanzjament u appoġġ tekniku biex ikunu jistgħu jibnu l-kapaċità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tibda tiżviluppa strateġija biex timmonitorja l-mod kif qed jintużaw il-fondi tal-UE, kompitu li jidher li jmur lil hinn mill-kapaċità tal-Kummissjoni li timmaniġġjah waħedha. Din l-istrateġija għandha tiddeskrivi b’mod ċar kif il-Kummissjoni qed tippjana li tappoġġja l-imsieħba li jaħdmu magħha fl-attivitajiet ta’ monitoraġġ. |
4. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE fl-irkupru ta’ wara l-pandemija
|
4.1. |
Is-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE tirreferi għall-atturi li huma favur l-istituzzjonijiet tal-UE u jirrappreżentaw lin-nies li jgħixu fis-27 Stat Membru kollha u ta’ spiss ferm lil hinn. Dawn għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni tal-oqsma ta’ kompetenza tal-UE, u fejn ikun meħtieġ li jidħlu fi djalogu ma’ dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-UE. |
|
4.2. |
L-oqsma li ġejjin huma dawk li s-soċjetà ċivili tal-UE ta’ spiss tiffoka fuqhom. Dawn huma oqsma ta’ politika jew fejn l-UE tista’ tipproponi leġiżlazzjoni, jew fejn l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw fil-livell nazzjonali biss meta ma tmurx kontra l-leġiżlazzjoni tal-UE li diġà teżisti: l-impjiegi u l-affarijiet soċjali; il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; l-agrikoltura; is-sajd; l-ambjent; il-protezzjoni tal-konsumatur; it-trasport; in-networks trans-Ewropej; l-enerġija; il-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali; il-migrazzjoni u l-affarijiet interni; is-saħħa pubblika; il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja. Is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali bħalissa jiffukaw ukoll fuq inizjattivi ta’ politika fil-livell tal-UE, bħall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (5) u l-Patt Ekoloġiku Ewropew (6). |
|
4.3. |
Għad hemm bosta ostakli fir-rigward tal-promozzjoni mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE. Kif enfasizzat fir-rapport ta’ informazzjoni tal-KESE SOC/639 (7), għall-kuntrarju ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, l-UE għadha ma ħolqot l-ebda status parteċipattiv għall-assoċjazzjonijiet u għall-NGOs Ewropej. Madankollu, il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tiggarantixxi d-dritt għal-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ċiviċi fil-livelli kollha, inkluż fil-livell Ewropew (8).
Fil-kuntest tal-irkupru tal-COVID-19, is-soċjetà ċivili tal-UE qed tinfluwenza u timmonitorja kif il-fondi tal-UE qed jintużaw biex in-nies joħorġu minn din il-kriżi. |
|
4.4. |
L-użu tal-finanzjament tal-UE, b’mod partikolari fil-forma tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (9) ta’ EUR 723,8 biljun, għandu l-potenzjal li jixpruna l-irkupru soċjali u ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19. Madankollu, fejn jiġu investiti l-flus hija għażla politika. Filwaqt li l-pjani nazzjonali għall-infiq ta’ dawn il-flus jitfasslu mill-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea (KE) għandha r-responsabbiltà li tivvaluta u tapprova dawn il-pjani. Is-soċjetà ċivili tal-UE ġibdet ripetutament l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal proposti inkwetanti ta’ finanzjament fil-pjani nazzjonali. Dawn enfasizzaw l-eżistenza ta’ problemi sistemiċi li ġew żvelati u amplifikati mill-pandemija, bħan-nuqqas ta’ investiment fis-sistemi tas-saħħa pubblika, is-sigurtà soċjali u l-edukazzjoni, filwaqt li insistew fuq il-ħtieġa li tintuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex dan jiġi rimedjat. |
|
4.5. |
Diversi Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġew adattati fuq talba tal-KE, u kien hemm pjani li ġew miċħuda jew li l-approvazzjoni tagħhom ġiet iffriżata (10). Is-soċjetà ċivili kienet strumentali biex tenfasizza dawn l-oqsma ta’ tħassib (11). Il-fondi tal-UE jridu jindirizzaw l-oqsma fejn rajna l-aktar tensjonijiet, l-aktar fatalitajiet u l-aktar ksur inkwetanti tad-drittijiet bażiċi tan-nies matul il-pandemija. Dan se jinkludi l-finanzjament tat-tranżizzjoni lil hinn mill-faċilitajiet tal-kura istituzzjonali, b’mod partikolari għall-persuni b’diżabilità u għall-persuni akbar fl-età, kif ukoll tħejjija u reżiljenza aħjar tal-provvista tal-kura tas-saħħa ta’ emerġenza sabiex tiġi evitata ripetizzjoni tas-sistema ta’ triage fejn ċerti gruppi ġew irrifjutati mill-isptarijiet. |
|
4.6. |
Il-fondi tal-UE qegħdin hemm ukoll biex jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku u r-ritorn għax-xogħol għal persuni li tilfu l-għajxien tagħhom matul il-pandemija. Huwa stmat li fl-UE biss intilfu 6 miljun impjieg minħabba l-COVID-19 (12). Madankollu, mhux in-nies kollha ġew affettwati bl-istess mod mit-telf tal-impjiegi. L-imsieħba soċjali jaqdu rwol ewlieni fit-tiswir tal-politiki ekonomiċi, tax-xogħol u soċjali li jippromovu swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb u b’hekk iħarsu lill-ħaddiema, inklużi dawk l-aktar f’riskju ta’ telf ta’ introjtu, kif ukoll min iħaddem. Is-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE ħadmet ukoll biex tiżgura li l-investiment jitwassal għand dawk li ntlaqtu l-aktar. Is-soċjetà ċivili li tirrappreżenta l-interessi tan-nisa, taż-żgħażagħ, tal-persuni b’diżabilità u tal-persuni minn minoranzi etniċi għandha rwol partikolarment importanti x’taqdi biex tiżgura li l-flus jiġu diretti lejn it-taħriġ mill-ġdid u l-appoġġ ta’ dawn il-gruppi. Din hija xi ħaġa li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu qed jagħmlu billi influwenzaw il-prijoritajiet u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti mill-KE dwar l-użu tal-fondi, il-valutazzjoni tal-UE tal-pjani nazzjonali, u l-monitoraġġ tal-mod li bih il-fondi qed jintefqu fl-Istati Membri flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u lokali. |
|
4.7. |
L-UE qed timpenja ruħha wkoll biex toħloq Unjoni tas-Saħħa li se tgħin biex tkun aktar preparata fid-dawl ta’ kriżijiet futuri tas-saħħa. L-Unjoni tas-Saħħa se tinkludi għadd ta’ bidliet fil-koordinazzjoni tal-UE f’oqsma bħat-twettiq ta’ stħarriġ dwar in-nuqqasijiet tal-mediċina u l-istokkjar minn qabel, l-ittestjar u l-approvazzjoni ta’ mediċini u trattamenti ġodda, u l-kondiviżjoni ta’ apparati li jsalvaw il-ħajja bejn il-fruntieri abbażi tal-ħtieġa. Għal darb’oħra, is-soċjetà ċivili tal-UE trid taqdi r-rwol tagħha li tiżgura li l-pjan il-ġdid jipproteġi aħjar lil dawk il-gruppi li ma kinux moqdija tajjeb mir-rispons tal-UE u tal-Istati Membri għall-pandemija. Dawn l-objettivi ġew deskritti fl-Opinjoni tal-KESE SOC/665 (13). L-għanijiet huma li jiġi żgurat li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tistabbilixxi mudell Ewropew għall-ipprezzar tal-mediċini b’mod ġust, responsabbli u trasparenti. Dan se jinvolvi wkoll sforz biex iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ikollu l-mandat u r-riżorsi biex jindirizza l-inugwaljanzi fis-saħħa u jiżgura li r-reazzjonijiet tas-saħħa tal-UE jkunu mmirati lejn dawk ikklassifikati bħala li huma l-aktar f’riskju, u biex jiġi żgurat li l-kampanji tas-saħħa u l-informazzjoni dwar is-saħħa pubblika mill-UE jsiru ħafna aktar aċċessibbli u jinftiehmu minn kulħadd matul kriżijiet futuri. |
|
4.8. |
Il-kriżijiet futuri x’aktarx li se jiġu kkawżati mhux biss minn viruses, iżda wkoll jew saħansitra primarjament minħabba katastrofi naturali kkawżati mit-tibdil fil-klima. L-UE għandha rwol ewlieni x’taqdi biex tgħin lill-Istati Membri jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tas-CO2, kif ukoll biex tħejji għall-problemi dejjem akbar li rajna matul dawn l-aħħar snin bħall-għargħar u n-nirien mhux ikkontrollati u tindirizzahom b’mod konġunt. Għalhekk, l-NGOs ambjentali għandhom rwol x’jaqdu biex jassistu lil dawk li jfasslu l-politika fl-identifikazzjoni tal-oqsma l-aktar fil-bżonn ta’ investiment, u jissuġġerixxu soluzzjonijiet għal ġestjoni aħjar tad-diżastri ambjentali b’mod li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. |
5. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili nazzjonali u lokali fil-bini mill-ġdid b’mod aħjar
|
5.1. |
Fil-kuntest tal-UE, hemm għadd ta’ oqsma ta’ politika fejn ir-responsabbiltà ta’ promozzjoni taqa’ b’mod dirett fuq l-isforz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u lokali. Bħal fil-każ tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE, dan jinkudi l-modi li bihom il-kompetenzi huma kondiviżi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. Fi sħubija mas-soċjetà ċivili tal-UE, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u lokali jiżguraw li l-oqsma ta’ politika kollha jkunu koperti. |
|
5.2. |
L-oqsma li fuqhom tipikament jiffokaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u lokali huma dawn li ġejjin: is-saħħa pubblika; l-industrija; il-kultura; l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport; il-protezzjoni soċjali, il-protezzjoni ambjentali, is-servizz soċjali, l-appoġġ legali għall-vittmi, il-kenn għall-vittmi tal-vjolenza, eċċ. |
|
5.3. |
Ħafna kwistjonijiet li marru għall-agħar bil-COVID-19 waqgħu f’idejn is-soċjetà ċivili nazzjonali, reġjonali u lokali. Kien fil-kuntest nazzjonali li ttieħdu deċiżjonijiet dwar ir-regoli biex jitwaqqaf it-tixrid tal-virus, kif ġiet ipprovduta l-kura tas-saħħa ta’ emerġenza, il-prijoritizzazzjoni tat-tilqim, kif kompliet l-edukazzjoni għall-istudenti ta’ kull età, u kif il-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom kellhom l-introjtu tagħhom protett. L-attivitajiet tagħhom kienu jinkludu wkoll il-ġlieda kontra l-informazzjoni ħażina dwar il-vaċċini, u l-enfasi fuq ir-riskju ta’ diskriminazzjoni u ż-żidiet fil-faqar fost ċerti gruppi ta’ persuni. |
|
5.4. |
Is-soċjetà ċivili nazzjonali u lokali forsi għandha l-aktar rwol kruċjali x’taqdi biex tgħin lill-UE tinbena mill-ġdid b’mod aħjar, peress li ssawwar il-politiki nazzjonali u reġjonali u tipprovdi servizzi essenzjali lil komunitajiet oħra fl-oqsma li ġejjin:
|
|
5.5. |
Il-qafas għas-soċjetà ċivili biex din tinvolvi ruħha formalment fit-tfassil tal-politika jvarja bejn l-Istati Membri. Xi Stati Membri għandhom ekwivalenti nazzjonali tal-KESE, għalkemm is-setgħa mogħtija lilhom tvarja u qed tinbidel b’mod kostanti. L-istruttura tal-KESE, imsejsa fuq membri li jirrappreżentaw tliet gruppi: il-Grupp ta’ Min Iħaddem, il-Grupp tal-Ħaddiema u l-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, hija waħda li tista’ tiġi replikata b’suċċess fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.
F’kollaborazzjoni mal-ħidma li saret mis-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali kienu wkoll strumentali fit-tiswir tal-mod kif tintuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-Istati Membri. |
|
5.6. |
Fir-rapport ta’ informazzjoni tiegħu SOC/639 (14) u r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili nazzjonali fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza (15), il-KESE faħħar il-ftehim li ntlaħaq f’Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (16), li fih l-Artikolu 18 jiddeskrivi l-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw, permezz ta’ konsultazzjoni, fl-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. |
|
5.6.1. |
Madankollu, minkejja r-referenza għall-involviment tas-soċjetà ċivili fir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ironikament, is-soċjetà ċivili ma kinitx involuta fid-definizzjoni tal-parti proprja tar-Regolament dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili waqt il-proċess. Barra minn hekk, ir-Regolament qatt ma jirreferi b’mod espliċitu għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala benefiċjarji, għall-kuntrarju tal-SMEs pereżempju. Dan ħoloq xi problemi fir-rigward tal-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni. Dan huwa paradossali minħabba li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili se jkunu attur kruċjali matul l-irkupru mill-COVID. |
|
5.6.2. |
Barra minn hekk, fil-prattika, minkejja l-gwida mill-KE (17), ir-realtà hija li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali kellhom diffikultà kbira biex jinfluwenzaw l-eżiti tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Wieħed mill-ostakli identifikati għall-involviment kien in-nuqqas ta’ rieda min-naħa ta’ xi gvernijiet nazzjonali li jinkludu lis-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-pjani tagħhom. Ħafna gvernijiet ma involvewx b’mod attiv lis-soċjetà ċivili, u b’hekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kellhom jappellaw b’mod miftuħ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jippermettulhom ikunu involuti. Anke meta kienu involuti, iż-żmien riżervat għall-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili kien fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti. Dan fixkel id-dibattitu sostantiv u l-konsiderazzjoni tal-kontribut tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Ir-riżultat huwa li, filwaqt li għadd kbir ta’ Stati Membri taw prova ta’ xi forma ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, ħafna drabi s-soċjetà ċivili nazzjonali ma kinitx verament involuta fit-tfassil tal-pjani li jirriżultaw. |
Brussell, it-18 ta’ Mejju 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Kriterji tal-adeżjoni, https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/enlargement-policy/glossary/accession-criteria_en
(2) https://ec.europa.eu/info/consultations_mt
(3) https://www.eesc.europa.eu/mt/documents/resolution/involvement-organised-civil-society-national-recovery-and-resilience-plans-what-works-and-what-does-not
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(5) Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, Il-Kummissjoni Ewropea, https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/economy-works-people/jobs-growth-and-investment/european-pillar-social-rights_mt
(6) Patt Ekoloġiku Ewropew, Il-Kummissjoni Ewropea, https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt
(7) Il-ħolqien ta’ statut Ewropew għall-assoċjazzjonijiet u l-NGOs li jinkorpora definizzjoni preċiża ta’ NGO jew ta’ assoċjazzjoni Ewropea (Rapport ta’ informazzjoni), Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew, https://www.eesc.europa.eu/en/our-work/opinions-information-reports/information-reports/creation-european-statute-associations-and-ngos-incorporating-precise-definition-ngo-or-european-association-information
(8) Artikolu 12
(9) https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/recovery-coronavirus/recovery-and-resilience-facility_mt
(10) Il-pjan Bulgaru ma ġiex approvat u l-approvazzjoni tal-pjan Ungeriż ġiet iffriżata.
(11) ĠU C 517, 22.12.2021, p. 1
(12) “COVID-19 has already wiped out 6 million jobs, EU study finds”, Coronavirus pandemic News, Al Jazeera. (Studju tal-UE sab li l-COVID-19 diġà swiet it-telf ta’ 6 miljun impjieg, Aħbarijiet dwar il-pandemija tal-Coronavirus, Al Jazeera – mhux disponibbli bil-Malti).
(13) ĠU C 286, 16.7.2021, p. 109
(14) Il-ħolqien ta’ statut Ewropew għall-assoċjazzjonijiet u l-NGOs li jinkorpora definizzjoni preċiża ta’ NGO jew ta’ assoċjazzjoni Ewropea (Rapport ta’ informazzjoni), Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew, https://www.eesc.europa.eu/mt/our-work/opinions-information-reports/information-reports/creation-european-statute-associations-and-ngos-incorporating-precise-definition-ngo-or-european-association-information
(15) ĠU C 155, 30.4.2021, p. 1
(16) ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17
(17) https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/document_travail_service_part1_v2_en.pdf