6.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Opportunitajiet ta’ trasformazzjoni diġitali għall-kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut u l-vantaġġi tagħha għall-konsumaturi Ewropej”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 152/01)

Relatur:

Felipe MEDINA MARTÍN

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.3.2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

18.11.2021

Adottata fil-plenarja

9.12.2021

Sessjoni plenarja Nru

565

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

190/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-fatt li, fir-reviżjoni tal-istrateġija industrijali Ewropea ppreżentata dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea (KE), is-settur tal-bejgħ bl-imnut qed jitqies bħala ekosistema strateġika għall-irkupru Ewropew. Il-KESE jqis li l-approċċ tal-ekosistema jipprovdi qafas adatt li, minn naħa waħda jirrifletti l-interkonnessjonijiet kumplessi fost is-setturi u n-negozji fis-Suq Uniku fi ktajjen tal-valur partikolari u, min-naħa l-oħra jirrifletti l-ħtieġa li jiġu appoġġjati biex jirnexxilhom jħaddnu t-tranżizzjonijiet diġitali u tas-sostenibbiltà u jikkontribwixxu għall-istrateġija ta’ rkupru. Il-KESE jinnota l-importanza, id-diversità u l-iskala tal-inizjattivi meħuda mill-kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut biex jappoġġjaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali billi jinvestu f’teknoloġiji ġodda biex jindirizzaw domandi ġodda mill-konsumaturi, kif ukoll il-ħtiġijiet tagħhom.

1.2

Is-settur tal-bejgħ bl-imnut Ewropew, bħala l-akbar impjegatur privat fl-Ewropa, jinsab f’nofs trasformazzjoni diġitali li ġiet aċċellerata drastikament mill-pandemija tal-COVID-19. It-trasformazzjoni diġitali qed tbiddel b’mod fundamentali l-mudelli tan-negozju tal-bejgħ bl-imnut, iżda qed tbiddel ukoll l-interazzjoni mal-klijenti, u n-negozji li rnexxew l-aktar qed jintegraw bla xkiel l-ambjent online u dak offline f’format omnichannel. Il-KESE nnota li żewġ terzi tal-bejjiegħa bl-imnut ma kellhom l-ebda operazzjoni online qabel il-COVID-19, u li l-pandemija wriet kemm hija importanti l-istrateġija tal-omnichannel għas-sopravivenza ta’ ħafna kumpaniji, b’mod partikolari – iżda mhux biss – tal-SMEs.

1.3

Il-KESE jenfasizza li waħda mill-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur tal-bejgħ bl-imnut hija n-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi online b’rabta ma’ kummerċjanti minn pajjiżi terzi; dan joħloq kompetizzjoni inġusta għall-kummerċjanti bbażati fl-UE li jikkonformaw mar-regoli tal-UE li jirrikjedu li l-prodotti mibjugħa lill-konsumaturi jkunu sikuri u li d-drittijiet tal-konsumatur jiġu rispettati.

1.4

Il-KESE jaqbel li fl-Ewropa hemm bżonn ta’ politika diġitali solida u ambizzjuża għas-settur tal-bejgħ bl-imnut sabiex jiġu sfruttati l-opportunitajiet li l-innovazzjoni diġitali toffri biex issaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa. L-adozzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika tipprovdi opportunità għas-settur tal-bejgħ bl-imnut biex fl-istess ħin jgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet aktar sostenibbli fil-konsum tagħhom. Il-KESE jenfasizza l-fatt li Suq Uniku reali flimkien ma’ leġiżlazzjoni transfruntiera effiċjenti u effettiva se jippermettu lis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa jwieġbu għad-domandi tal-konsumaturi u jikkompetu f’ambjent globalment kompetittiv u aktar diġitali.

1.5

Il-KESE jappoġġja d-dikjarazzjoni konġunta fil-Patt Ewropew għall-Kummerċ fl-Ewropa li ħarġu l-imsieħba soċjali fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa biex l-UE tgħin lis-settur itejjeb ir-reżiljenza fit-tul tiegħu billi tintroduċi miżuri ta’ appoġġ immirati u taċċellera t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, u jirrikonoxxi r-rwol tal-ħwienet bl-imnut biex iċ-ċentri tal-bliet u tal-komunitajiet rurali jinżammu attivi. Il-KESE jistieden lill-KE tanalizza metodi kif tista’ tinħoloq strateġija integrata ta’ rkupru u industrijali li tkun ibbażata fuq pjani ta’ rkupru u tirrifletti r-rwol ta’ rinforz reċiproku tas-setturi tas-servizzi u tal-manifattura biex jixprunaw it-tkabbir u l-operat effiċjenti tal-ekonomija tal-UE, u li tappoġġja id-diġitalizzazzjoni tal-bejgħ bl-imnut, b’enfasi speċifika fuq l-SMEs.

1.6

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jfasslu mill-ġdid miżuri ta’ appoġġ għall-impjieg u l-ħiliet u jinvestu fis-settijiet tal-ħiliet ta’ ħaddiema fis-settur tal-bejgħ bl-imnut futuri permezz ta’ taħriġ vokazzjonali u edukattiv imtejjeb, appoġġ għat-tagħlim individwali u għas-settur tal-ekonomija soċjali, kif ukoll kontijiet ta’ tagħlim individwali mmirati lejn impjiegi ġodda, filwaqt li jappoġġjaw lill-kumpaniji b’tali mod li jkunu jistgħu jżommu porzjon kbir tal-forza tax-xogħol tagħhom billi jħarrġuhom biex jużaw it-teknoloġiji diġitali; it-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet jista’ jippermetti li ħaddiema oħrajn ikollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ xogħol f’setturi oħra. Il-KESE jaqbel li l-intelliġenza artifiċjali (IA) u r-robotika se jespandu u jamplifikaw l-impatt tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija fuq is-swieq tax-xogħol u li jistgħu jikkontribwixxu għall-progress ekonomiku u soċjali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Is-settur tal-bejgħ bl-imnut, li jkopri l-ħwienet bl-imnut (min-negozju għall-konsumatur – B2C) u l-kumpaniji bl-ingrossa (minn negozju għal negozju – B2B), huwa l-akbar impjegatur privat fl-Ewropa, u jipprovdi wieħed minn kull seba’ impjiegi, u jirrappreżenta waħda minn kull erba’ kumpaniji Ewropej. Il-bejjiegħa bl-imnut u l-bejjiegħa bl-ingrossa huma l-ħolqa bejn il-produtturi u l-manifatturi u l-450 miljun konsumatur fl-Unjoni Ewropea (UE).

2.2

Il-bejgħ bl-imnut huwa settur immexxi mid-domanda tal-konsumatur. Huwa settur varjat ta’ ħwienet online u tradizzjonali li jbigħu ikel u prodotti mhux tal-ikel lill-konsumaturi, li malajr qed jiġu integrati f’mudell ta’ negozju omnichannel għall-konsumaturi. 99 % tan-negozji f’dan is-settur huma SMEs li qed jippruvaw jistabbilixxu ruħhom fis-Suq Uniku, jissopravivu f’suq kompetittiv ħafna, joffru flessibbiltà biex jinnovaw u jesperimentaw, u jagħmlu dak li jagħmlu l-aħjar: jaqdu lill-klijenti tagħhom.

2.3

Is-settur tal-bejgħ bl-imnut Ewropew jinsab f’nofs trasformazzjoni diġitali. Dan il-proċess ġie aċċellerat drastikament mill-pandemija tal-COVID-19. Bosta konsumaturi kellhom jixtru l-prodotti mhux tal-ikel tagħhom online minħabba li l-ħwienet ingħalqu. Il-ħwienet tal-ikel spiss setgħu jibqgħu miftuħa, iżda kienu soġġetti għal restrizzjonijiet stretti, li ġġeneraw spejjeż għoljin minħabba l-ħtieġa biex tinżamm is-sikurezza tal-konsumaturi u l-impjegati. Ħafna bejjiegħa bl-imnut li qabel ma kellhomx ħanut online kellhom jibdew joffru l-prodotti tagħhom online biex ikunu jistgħu jerġgħu jilħqu lill-konsumaturi waqt il-lockdown. Ħafna drabi, is-swieq online kienu l-uniku mod biex l-SMEs jaqilbu malajr għal operat online u dan huwa mistenni li jiżdied fil-futur qarib.

2.4

Fl-istess ħin, it-tranżizzjoni ekoloġika hija opportunità għall-bejgħ bl-imnut, peress li tippermetti lis-settur jikkunsidra mill-ġdid il-mudelli tan-negozju, joffri prodotti alternattivi, u jappoġġja u jħajjar lin-nies fid-direzzjoni lejn stil ta’ ħajja aktar sostenibbli. Huwa approċċ li jirreaġixxi kif ukoll iwassal għal bidla fis-soċjetà. Flimkien mad-domanda dejjem tikber mill-konsumaturi u r-regolaturi għal alternattivi aktar sostenibbli, it-tranżizzjoni ekoloġika hija opportunità ta’ riflessjoni dwar il-mod kif is-soċjetà tipproduċi, timmanifattura, tbigħ, tuża u tarmi l-prodotti.

3.   It-trasformazzjoni diġitali

3.1

It-trasformazzjoni diġitali qed tbiddel b’mod fundamentali l-mudelli tan-negozju bl-imnut: qed tbiddel l-interazzjoni mal-klijenti, il-kummerċjalizzazzjoni, il-katina tal-provvista nnifisha, l-informazzjoni li tgħaddi mill-katina tal-provvista, u ħafna aktar. Tradizzjonalment, is-settur huwa rivenditur tal-prodotti, iżda qed isir dejjem aktar taħlita ta’ servizzi ta’ appoġġ b’rabta mal-bejgħ mill-ġdid, ġeneratur u proċessur ewlieni tad-data, u utent importanti tal-IA. Dan huwa essenzjali biex tiġi indirizzata d-domanda tal-konsumaturi u biex jingħataw offerti personalizzati aktar rilevanti.

3.2

Filwaqt li ħafna għadhom qed jitkellmu dwar kanali ta’ bejgħ online u offline, in-negozji li rnexxew l-aktar qed jintegraw bla xkiel l-ambjent online u offline f’omnichannels, u b’hekk qed joffru lill-konsumaturi esperjenza unika. Dan qed jikkontribwixxi għal żieda fil-kompetizzjoni bejn il-mudelli ta’ negozju differenti u qed jiġġenera aktar għażla u trasparenza għall-konsumaturi, l-impjiegi u t-tkabbir.

3.3

Waħda mill-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur tal-bejgħ bl-imnut hija n-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi online fir-rigward ta’ kummerċjanti minn pajjiżi terzi. Xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet diġà huma indirizzati minn inizjattivi differenti tal-Kummissjoni. Fuq bażi regolari, fil-midja jidhru rapporti dwar prodotti li qed jinbiegħu online minn kummerċjanti ta’ pajjiżi terzi u mhumiex konformi mar-regoli tal-UE jew huma saħansitra prodotti perikolużi jew mhux sikuri. Dan joħloq kompetizzjoni inġusta għall-kummerċjanti bbażati fl-UE li jikkonformaw mar-regoli tal-UE li jirrikjedu li l-prodotti mibjugħa lill-konsumaturi jkunu sikuri u li d-drittijiet tal-konsumatur jiġu rispettati. Il-problema hija aggravata minn nuqqas ta’ sorveljanza tas-suq u kontrolli doganali, minbarra l-ispejjeż għolja ta’ konformità għal kummerċjanti li josservaw il-liġi. Għall-konsumaturi, huwa diffiċli li wieħed jirreżisti t-tentazzjoni ta’ prezzijiet aktar baxxi. Studju wieħed mill-2020 jissuġġerixxi li kważi 70 % tal-konsumaturi tal-UE li jixtru b’mod transfruntier xtraw prodotti mibjugħa miċ-Ċina – ċifra li kienet ta’ madwar 15 % fl-2014 (1).

3.4

Il-bejjiegħa bl-imnut u l-bejjiegħa bl-ingrossa qed jinnovaw, jadattaw u jesperimentaw sabiex jesploraw prodotti, servizzi u mudelli kummerċjali ġodda sabiex ilaħħqu mad-domanda tal-klijenti. Aktar minn tnejn minn kull tliet bejjiegħa bl-imnut ma kellhomx operazzjonijiet online qabel il-COVID-19, u l-pandemija wriet kemm huma importanti l-omnichannels għas-sopravivenza ta’ ħafna kumpaniji, b’mod partikolari – iżda mhux biss – bejjiegħa bl-imnut u bejjiegħa bl-ingrossa li huma SMEs.

3.5

L-innovazzjoni diġitali ssaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa globalment. Wieħed minn kull żewġ klijenti Ewropej diġà jixtru online, u jonfqu EUR 424 biljun fis-sena (2), iżda s-sehem tax-xiri online jvarja b’mod konsiderevoli għal kull tip ta’ prodott; 15 % biss tal-klijenti bħalissa jixtru barra mill-fruntieri u 7 % biss tal-SMEs ibigħu barra minn pajjiżhom. Fl-Ewropa hija meħtieġa politika diġitali solida u ambizzjuża għas-settur biex jiġu sfruttati dawn l-opportunitajiet u jiġi żgurat li l-kumpaniji kollha jiġu inklużi fil-proċess, li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħhom jittejbu u li l-konsumaturi jipperċepixxu benefiċċju ċar mill-proċess tad-diġitalizzazzjoni tal-bejgħ bl-imnut madwar l-Ewropa, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kanali kollha tal-bejgħ.

4.   It-tranżizzjoni ekoloġika

4.1

Il-kriżi tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher żieda fid-domanda tal-konsumaturi għal prodotti sostenibbli u metodi sostenibbli ta’ tmexxija tan-negozju. Il-bejjiegħa bl-imnut u l-bejjiegħa bl-ingrossa servew bħala interfaċċja essenzjali mal-konsumaturi aħħarin, u jaqdu rwol ewlieni biex jantiċipaw u jħeġġu d-domanda għal prodotti u imballaġġ aktar sostenibbli, riċiklabbli u/jew li jistgħu jerġgħu jintużaw. Il-bejjiegħa bl-imnut u l-bejjiegħa bl-ingrossa kien ilhom attivi għal ħafna snin fl-inkoraġġiment favur konsum sostenibbli u tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fl-operazzjonijiet u l-katini tal-provvista tagħhom. Iżda huma ffaċċjaw sfidi biex jixprunaw din it-tranżizzjoni f’settur bi spejjeż fissi għoljin u marġnijiet baxxi.

4.2

Is-settur tal-bejgħ bl-imnut jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ġbir u r-riċiklaġġ tal-iskart. Is-sistemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur huma bbażati fuq il-volum ta’ fluss ta’ skart partikolari li kumpanija tqiegħed fis-suq li tkun fih. Din ir-responsabbiltà mhijiex daqshekk ċara meta l-kummerċjanti li mhumiex fiżikament stabbiliti fl-UE jintroduċu l-prodotti fis-suq tal-UE jew meta l-konsumaturi jagħmlu dan permezz ta’ importazzjoni diretta. F’dawn il-każi, l-iskart tal-prodotti li jidħol fil-fluss tal-iskart jiġi rriċiklat jew jitneħħa bi spejjeż għall-bejjiegħa bl-imnut Ewropej. Dan jinkludi skart iġġenerat minn operaturi ta’ pajjiżi terzi, li ma jħallsu xejn. Hija meħtieġa aktar kooperazzjoni bejn l-iskemi tal-WEEE (Skart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku) u l-bejjiegħa online stabbiliti barra mill-UE, u huma meħtieġa wkoll passi biex dawn il-kumpaniji jsiru konxji mill-obbligi tagħhom skont l-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur. Is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar il-proċessi u l-ispejjeż tar-riċiklaġġ huma kruċjali wkoll għat-trasparenza dwar l-effetti tax-xiri online.

5.   Ħiliet

5.1

Il-KESE jappoġġja l-istqarrija konġunta tat-8 t’April (3) dwar Patt Ewropew għall-Kummerċ, li ħarġu l-imsieħba soċjali fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa: UNI-Europa u EuroCommerce Din enfasizzat l-impatt bla preċedent tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-vijabbiltà tal-bejjiegħa bl-imnut u tal-bejjiegħa bl-ingrossa u r-reżiljenza tal-forza tax-xogħol tagħhom. It-tradizzjoni tas-sħubija soċjali u l-prevalenza ta’ arranġamenti tax-xogħol imfassla apposta fis-settur, ħafna drabi permezz ta’ ftehimiet kollettivi, ippermettew lill-kumpaniji jindirizzaw b’mod effettiv l-adattament għal għarrieda u radikali tan-“normalità l-ġdida”. L-imsieħba soċjali pproponew “Patt Ewropew għall-Kummerċ” għall-awtoritajiet tal-UE u dawk governattivi biex jgħinu lis-settur itejjeb ir-reżiljenza fit-tul tiegħu b’miżuri ta’ appoġġ immirati u bl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi.

5.2

Skont rapport reċenti minn McKinsey Global Institute (4), il-COVID-19 u l-awtomatizzazzjoni flimkien qed jipperikolaw aktar minn 5 miljun impjieg fil-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa. Dan jista’ jolqot lil ħafna nisa u żgħażagħ impjegati. Minbarra li jistabbilizzaw l-ekonomija, l-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jinvestu fis-settijiet tal-ħiliet ta’ dawn il-ħaddiema, eż. permezz ta’ taħriġ vokazzjonali u edukattiv imtejjeb, kontijiet ta’ tagħlim individwali u taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet. It-titjib tal-ħiliet immirat jippermetti lis-settur iżomm porzjon akbar tal-forza tax-xogħol tiegħu billi jħarriġhom jużaw it-teknoloġiji diġitali, filwaqt li t-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet jista’ jippermetti li oħrajn ikollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ xogħol f’setturi oħrajn.

5.3

Għalhekk, hemm bżonn li l-miżuri tal-UE ta’ appoġġ għall-impjieg u l-ħiliet jitfasslu mill-ġdid biex jippermettu aċċess faċli u rapidu għall-fondi għar-ristrutturar ta’ dan is-settur, u biex is-settur ilaħħaq mal-ħtiġijiet tal-ħiliet li qed jinbidlu, xprunati mill-aċċellerazzjoni tal-bidliet fis-suq ikkawżati mill-COVID-19. Il-pjani ta’ rkupru għandhom jintużaw biex jiżdiedu l-ħiliet kemm tal-ħaddiema bl-imnut kif ukoll tal-ħaddiema bl-ingrossa bl-istess mod bħall-ħaddiema tas-settur pubbliku.

6.   Strateġija industrijali – ekosistema tal-bejgħ bl-imnut

6.1

L-Istrateġija Industrijali aġġornata, li l-KE (5) ppreżentat dan l-aħħar, tagħmel enfasi ġdida fuq l-ekosistemi essenzjali, inkluż il-bejgħ bl-imnut u l-ikel agroalimentari. Il-bejjiegħa bl-imnut u l-bejjiegħa bl-ingrossa jaqdu rwol kruċjali fl-ekonomija Ewropea u fil-funzjonament ta’ bosta ekosistemi oħrajn bħas-settur tal-loġistika. It-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi jridu jgħinu biex jixprunaw l-irkupru wara l-COVID-19, u l-bejjiegħa bl-imnut u l-bejjiegħa bl-ingrossa jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti bħala parti importanti minn għadd kbir ta’ ekosistemi, pereżempju l-kummerċ online u l-loġistika. Il-loġistika hija element industrijali indispensabbli għall-kummerċ online, simbjotika peress li l-ebda waħda miż-żewġ subsistemi ma tista’ twettaq in-negozju tagħha mingħajr il-kontribut tal-oħra. Għal din ir-raġuni huwa fl-interess ġenerali li s-settur tal-loġistika jikber f’konformità mal-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent.

6.2

Il-KE rrikonoxxiet li l-ekosistema tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa hija waħda mis-setturi li ntlaqtu l-agħar u tiġi t-tieni f’termini ta’ ħtiġijiet ta’ appoġġ għall-investiment. Il-bejjiegħa bl-imnut u l-bejjiegħa bl-ingrossa joperaw b’fatturat għoli, spejjeż fissi għoljin u marġnijiet baxxi (1-3 %), li jfisser li huma partikolarment vulnerabbli għal nuqqas ta’ likwidità. F’Mejju 2020, it-telf stmat marbut mal-ewwel mewġa tal-pandemija laħaq 16-20 % tal-fatturat annwali (EUR 250-320 biljun) fil-bejgħ bl-imnut mhux tal-ikel. Għadd kbir ta’ negozji fl-ekosistema tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa sofrew b’mod drastiku minħabba restrizzjonijiet tal-gvern imposti fuqhom direttament jew indirettament, eż. bħala riżultat tal-konfinament tal-klijenti tagħhom jew restrizzjonijiet ta’ mobbiltà oħrajn. Dawk b’operazzjonijiet online setgħu jtaffu parti mit-telf, iżda b’mod limitat ħafna biss. Il-bejgħ online kiber b’mod sinifikanti u huwa mistenni li jkompli jikber hekk kif il-konsumaturi jiksbu esperjenza fix-xiri online.

6.3

L-approċċ tal-ekosistemi jipprovdi qafas adatt li jirrifletti kemm l-interkonnessjonijiet kumplessi fost is-setturi u n-negozji fis-Suq Uniku fi ktajjen tal-valur partikolari, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu appoġġjati biex jirnexxilhom iħaddnu it-tranżizzjoni diġitali u tas-sostenibbiltà u jikkontribwixxu għall-istrateġija ta’ rkupru. Peress li l-konsum privat jikkostitwixxi aktar minn 50 % tal-PDG tal-UE, il-bejjiegħa bl-imnut u l-bejjiegħa bl-ingrossa jiżguraw l-aċċess tal-manifatturi għas-swieq tal-konsumaturi u dawk professjonali; il-klijenti jistgħu jixtru dak li jeħtieġu, u dan jifforma katina tal-provvista kontinwa u essenzjali.

7.   Ir-rwol tal-bejgħ bl-imnut biex iċ-ċentri tal-bliet u l-komunitajiet rurali jinżammu ħajjin

7.1

Il-bejjiegħa bl-imnut bnew fiduċja mal-konsumaturi Ewropej tul ħafna snin u jipprovdulhom prodotti ta’ kwalità għolja bi prezzijiet kompetittivi, filwaqt li kontinwament ifittxu li joħolqu u jgħaddu effiċjenzi ġodda biex isaħħu l-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi. Il-bejjiegħa bl-imnut joħolqu prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent li jgħinu fil-konsum sostenibbli, iżda hemm bżonn isir aktar.

7.2

Il-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut huma wkoll kruċjali biex iċ-ċentri tal-bliet u l-komunitajiet rurali jinżammu ħajjin. Dan juri wkoll kemm il-ħwienet fiżiċi huma u se jkunu rilevanti għas-soċjetà. Il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jservu bħala uffiċċju postali, bank u spiżerija u jgħinu lill-komunitajiet lokali jibqgħu attivi. Huwa inevitabbli li spazju vojt għall-bejgħ bl-imnut fit-toroq kummerċjali jwassal għat-triq tan-niżla tal-vandaliżmu u l-kriminalità, u ħanut tar-raħal jista’ jagħmel id-differenza bejn komunità rurali ħajja u waħda li titlef il-popolazzjoni tagħha.

7.3

Il-bejjiegħa bl-imnut Ewropej jeħtieġ li jkunu jistgħu jżidu u jaċċelleraw l-investiment tagħhom fl-awtomatizzazzjoni, fl-interfaċċja tal-konsumaturi u fl-IA sabiex jibqgħu kompetittivi. L-appoġġ għal tali investiment u għall-espansjoni tal-bejgħ online, u b’mod partikolari l-għajnuna biex il-bejjiegħa bl-imnut li huma SMEs u l-operazzjonijiet żgħar fiċ-ċentru tal-belt isiru online, ikollu effett trasformattiv kemm fuq il-komunitajiet lokali tagħhom kif ukoll fuq is-sopravivenza u r-reżiljenza ta’ ħafna kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut li jiffaċċjaw kompetizzjoni intensa, u dejjem aktar globali.

8.   Kundizzjonijiet ekwi għall-bejgħ bl-imnut fl-Ewropa

8.1

L-UE, b’450 miljun konsumatur, għandha potenzjal enormi bħala suq intern diġitali. L-Istrateġija Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali tfasslet biex tistimola l-kummerċ elettroniku transfruntier bejn il-pajjiżi tal-UE. Madankollu, il-kummerċ elettroniku transfruntier fi ħdan l-UE ma kibirx daqshekk malajr bħall-kummerċ elettroniku minn pajjiżi terzi. Jidher ċar li s-suq Ewropew tas-servizzi diġitali għadu lura meta mqabbel mal-Istati Uniti u ċ-Ċina, speċjalment fir-rigward tal-preżenza fis-suq globali, u dan huwa rifless fit-tkabbir fenomenali tal-bejgħ online minn ċerti pajjiżi mhux tal-UE, b’mod partikolari ċ-Ċina, lill-konsumaturi Ewropej. Matul is-snin rajna li hemmhekk qed jinħolqu aktar u aktar formati u teknoloġiji diġitali innovattivi. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex joħolqu l-qafas it-tajjeb li fih il-kumpaniji jistgħu jikkompetu, jinnovaw, jaqdu lill-klijenti tagħhom u jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur. L-aħjar mod biex isir dan huwa billi jiġi żgurat li jkun aktar attraenti li wieħed jinvesti u jinnegozja fl-UE milli f’imkien ieħor fid-dinja.

8.2

Il-bejgħ online huwa l-aktar parti tas-suq tal-bejgħ bl-imnut li qed tikber malajr, u filwaqt li għadu relattivament limitat meta mqabbel mal-bejgħ offline, qed jibda jsir sinifikanti ħafna f’għadd ta’ setturi mhux tal-ikel. Il-bejjiegħa bl-imnut m’għadhomx l-uniku mezz biex jintlaħqu l-klijenti, u l-manifatturi qed jibdew jużaw ukoll il-kummerċ elettroniku biex ibigħu u jinteraġixxu b’modi oħra direttament mal-konsumaturi. L-ekonomiji ta’ skala u l-mekkanizzazzjoni estensiva tal-proċessi, flimkien mal-effetti tan-network u l-kapaċità biex tiġi offruta firxa kważi illimitata ta’ prodotti, ħadmu favur l-atturi u l-pjattaformi online kbar, li l-ishma dejjem jikbru tas-suq tagħhom qed jibdew jirreplikaw ir-rwol interattiv li tradizzjonalment kellhom il-ħwienet lokali.

8.3

Il-prodotti kollha li huma għall-bejgħ fl-UE jridu jkunu konformi mar-regoli tal-UE, u l-kummerċjanti kollha li jbigħu lill-konsumaturi tal-UE jridu jiżguraw dan. L-importazzjonijiet diretti rriżultaw fi sfidi ġodda ta’ konformità mal-liġijiet tal-UE, u joħolqu riskji għas-saħħa u s-sikurezza għall-konsumaturi Ewropej u jesponu lill-kummerċjanti tal-UE għal kompetizzjoni inġusta. Intbagħat il-messaġġ qawwi li rrispettivament minn fejn tinsab kumpanija, l-oġġetti mibjugħa fl-UE – ikun x’ikun il-valur tagħhom – iridu jikkonformaw mar-regoli. Fost l-oħrajn, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali propost, ir-rieżami tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, l-implimentazzjoni u l-infurzar adatti tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq u ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE se jkunu strumentali.

8.4

Huwa kruċjali li s-Suq Uniku u dan is-settur jiffunzjonaw sew, peress li dan jippermetti lis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa jwieġbu għad-domandi tal-konsumaturi u jikkompetu f’ambjent globalment kompetittiv u aktar diġitali. Il-KESE jemmen li l-azzjoni fil-livell tal-UE hija tal-akbar importanza biex tiġi evitata aktar frammentazzjoni tas-suq intern u biex tiġi evitata l-introduzzjoni ta’ regoli nazzjonali ġodda u spiss protezzjonisti għall-prodotti u s-servizzi, kif ukoll biex jiġu evitati l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni diverġenti tal-liġi tal-UE.

9.   L-IA fil-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa

9.1

Il-bejjiegħa bl-imnut u l-bejjiegħa bl-ingrossa ilhom jużaw l-awtomatizzazzjoni għal ħafna snin f’oqsma bħat-trasport, l-ordnijiet u l-ġestjoni tal-istokk jew fl-interazzjonijiet mal-konsumaturi. Bl-IA, l-awtomatizzazzjoni saret ħafna aktar sofistikata, u din tippermetti għarfien u effiċjenzi aħjar. L-IA għandha impatt fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa b’ħafna modi. Dan jinkludi t-titjib fl-interazzjoni mal-klijenti, ħinijiet iqsar għall-konsenja tal-pakketti, it-tbassir tal-imġiba tal-konsumaturi, l-ottimizzazzjoni tal-istokk, id-detezzjoni tal-frodi, u settur aktar sostenibbli.

9.2

Kien hemm żieda qawwija kull sena fl-użu tal-IA fil-bejgħ bl-imnut. Fl-2016, 4 % biss tal-bejjiegħa bl-imnut użaw it-teknoloġiji tal-IA, filwaqt li dawn żdiedu għal 17 % fl-2017, u 28 % fl-2018. Naturalment, l-użu kien l-ogħla fost il-bejjiegħa bl-imnut u l-bejjiegħa bl-ingrossa kbar b’USD 10 biljun jew aktar fil-fatturat annwali. L-IA qed tintuża mill-bejjiegħa bl-imnut fil-qasam tal-karozzi (19 %), l-elettronika u l-applikazzjonijiet tad-dar (25 %), it-titjib tad-dar (26 %), l-ikel u l-merċa (29 %), l-ilbies u ż-żraben (33 %) u multikategoriji (42 %).

9.3

Kif spjegat fid-dettall fl-Opinjoni tal-KESE dwar l-IA (6), l-IA u r-robotika se jespandu u jamplifikaw l-impatt tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija fuq is-swieq tax-xogħol u jistgħu jikkontribwixxu għall-progress ekonomiku u soċjali. F’dawn l-aħħar snin, l-IA saret ċentru tal-attenzjoni għan-negozji, għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u għas-soċjetà. L-IA toffri opportunitajiet mingħajr limiti għall-kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa biex jikbru fl-operat, itejbu l-ktajjen tal-provvista, ikollhom għajnuna fit-teħid tad-deċiżjonijiet, jifhmu l-ħtiġijiet tal-konsumaturi, u jtejbu l-esperjenza tal-klijenti. Dawn huma biss uħud mir-raġunijiet għaliex tant bejjiegħa bl-imnut u bejjiegħa bl-ingrossa qed jesploraw u jinvestu fl-opportunitajiet li toffri l-IA.

9.4

Ħafna applikazzjonijiet tal-IA ma għandhom l-ebda impatt fuq l-individwi. L-IA li tintuża għal dijanjożi medika jew dik li tintuża għall-iskennjar tal-ixkafef f’maħżen jistgħu jkunu teknoloġiji simili, li jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq settijiet ta’ data kumplessi – iżda jinvolvu riskji fundamentalment differenti u jirrikjedu salvagwardji differenti. L-IA teħtieġ regolamentazzjoni li tindirizza l-livelli differenti ta’ riskju involuti fl-użu tas-sistemi tal-IA, filwaqt li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu sikuri u jkollhom fiduċja fis-sistemi.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  E-commerce in Europe 2020.

(2)  https://www.eurocommerce.eu/about-us/the-narratives.aspx.

(3)  2020.04.08 – EuroCommerce_UniEuropa_statement.pdf.

(4)  The future of work in Europe (mckinsey.com).

(5)  COM(2020) 102 final; communication-industrial-strategy-update-2020_en.pdf (europa.eu).

(6)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 1.