29.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta’ Lulju 2021

li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/62

(BĊE/2021/31)

(2021/C 303/01)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Marzu 2020, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/19 tal-Bank Ċentrali Ewropew (2) li fiha rrakkomanda li tal-anqas sal-1 ta’ Ottubru 2020 l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jħallsu l-ebda dividend u ma jidħlu għal ebda impenn irrevokabbli biex iħallsu dividendi u li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu joqogħdu lura minn xiri lura ta’ ishma mmirat biex tingħata remunerazzjoni lill-azzjonisti. Fis-27 ta’ Lulju 2020, il-BĊE tawwal din ir-rakkomandazzjoni sal-1 ta’ Jannar 2021 billi adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/35 tal-Bank Ċentrali Ewropew (3).

(2)

Anke bit-titjib fil-kundizzjonijiet makroekonomiċi u tnaqqis fl-inċertezza ekonomika minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-livell ta’ inċertezza baqa’ elevat fl-aħħar tal-2020 b’impatt kontinwu fuq il-kapaċità tal-banek li jbassru l-ħtiġijiet kapitali tagħhom fuq medda medja ta’ żmien. Fid-dawl ta’ din l-inċertezza persistenti, il-BĊE adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/62 tal-Bank Ċentrali Ewropew (4) li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/35 iżda tirrakkomanda prudenza estrema meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiddeċiedu dwar jew iħallsu dividendi jew jagħmlu xiri lura ta’ ishma bil-għan li jirrimuneraw l-azzjonisti.

(3)

L-aħħar tbassir makroekonomiku jindika l-bidu tal-irkupru ekonomiku u tnaqqis ulterjuri fil-livell ta’ inċertezza ekonomika. Għaldaqstant, il-BĊE jqis li r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata r-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/62 m’għadhomx preżenti. L-inċertezza ekonomika mnaqqsa tippermetti li ssir evalwazzjoni superviżorja fil-fond dwar il-prudenza tal-pjanijiet tal-banek li jiddistribwixxu dividendi u li jwettqu xiri lura ta’ ishma fuq bażi individwali b’evalwazzjoni bir-reqqa li tħares ’il quddiem tal-pjanijiet ta’ kapital fil-kuntest taċ-ċiklu superviżorju normali,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Din ir-Rakkomandazzjoni tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/62 mit-30 ta’ Settembru 2021.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta’ Lulju 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Rakkomandazzjoni BĊE/2020/19 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2020 dwar id-distribuzzjonijiet tad-dividendi matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 (ĠU C 102I, 30 ta’ Marzu 2020, p. 1).

(3)  Rakkomandazzjoni BĊE/2020/35 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Lulju 2020 dwar id-distribuzzjoni ta’ dividendi waqt il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 (ĠU C 251, 31.7.2020, p. 1).

(4)  Rakkomandazzjoni BĊE/2020/62 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2020 dwar id-distribuzzjoni ta’ dividendi waqt il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/35 (ĠU C 437, 18.12.2020, p. 1).