20.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/57


P9_TA(2021)0445

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Nils Ušakovs

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Nils Ušakovs (2020/2239(IMM))

(2022/C 205/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Nils Ušakovs, imressqa fit-23 ta' Ottubru 2020 mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja b'rabta mal-proċedimenti kriminali mibdija fir-Repubblika tal-Latvja u mħabbra fis-seduta plenarja fit-13 ta' Novembru 2020,

wara li sema' lil Nils Ušakovs, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019 (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 29 u 30 tal-Kostituzzjoni Latvjana,

wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0304/2021),

A.

billi l-Prosekutur tat-Taqsima tal-Investigazzjonijiet dwar Każijet Partikolarment Gravi tad-Dipartiment tal-Ġustizzja Kriminali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta' Riga talab li titneħħa l-immunità ta' Nils Ušakovs, Membru tal-Parlament Ewropew, bil-għan li jinbdew proċedimenti kriminali fil-konfront tiegħu għal ksur tal-projbizzjoni ta' ċirkolazzjoni ta' apparat modifikat għal finijiet ta' operazzjonijiet klandestini speċjali;

B.

billi, fit-30 ta' Jannar 2019, matul perkwiżizzjoni awtorizzata tal-uffiċċju ta' Nils Ušakovs, President tal-Kunsill Muniċipali ta' Riga, b'rabta ma' proċedimenti kriminali oħrajn, instab apparat prinċipalment maħsub biex jirrekordja vidjos u awdjos klandestini, espressament maħsub u użat għal operazzjonijiet klandestini speċjali;

C.

billi huwa u jżomm tali apparat fl-uffiċċju tiegħu fi ħdan il-bini tal-Kunsill Muniċipali ta' Riga, Nils Ušakovs allegatament kiser il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 51 paragrafu 1, tal-Liġi dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-beni ta' importanza strateġika li tipprojbixxi lill-persuni fiżiċi milli jakkwistaw jew iżommu tagħmir, apparat jew strumenti, kif ukoll il-komponenti tagħhom, espressament maħsuba jew modifikati għal operazzjonijiet klandestini speċjali, imniżżla fil-lista nazzjonali tal-beni u servizzi ta' importanza strateġika tar-Repubblika tal-Latvja; billi bl-aġir tiegħu, Nils Ušakovs allegatament ikkommetta reat imsemmi fl-Artikolu 2371, paragrafu 2, tal-Kodiċi Kriminali Latvjan;

D.

billi Nils Ušakovs ġie elett fil-Parlament Ewropew insegwitu tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2019;

E.

billi l-allegat reat ma jikkonċernax opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minn Nils Ušakovs fil-qadi ta' dmirijietu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

F.

billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-Istat;

G.

billi l-Artikoli 29 u 30 tal-Kostituzzjoni Latvjana jgħidu:

“Artikolu 29

Il-Membri tas-Saeima la jistgħu jiġu arrestati, la sottoposti għal perkwiżizzjoni tad-domiċilju tagħhom u lanqas ma jkunu limitati, bl-ebda mod, fil-libertà tagħhom, mingħajr il-kunsens tas-Saeima. (…)

Artikolu 30

L-ebda prosekuzzjoni kriminali ma tista' tinbeda fil-konfront ta' membru tagħha mingħajr il-kunsens tas-Saeima.”;

H.

billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala “akkużat” (2);

I.

billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li jipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;

J.

billi f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda prova ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-intenzjoni wara l-proċediment ġudizzjarju tista' tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta' Membru u b'hekk lill-Parlament Ewropew;

1.   

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Nils Ušakovs;

2.   

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Latvja u lil Nils Ušakovs.


(1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio and Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23. is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.

(2)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs Il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.