|
8.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 67/183 |
P9_TA(2021)0270
Ebda oġġezzjoni għal att delegat: li jestendi l-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 89(1), fl-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2021 li jestendi l-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 89(1), fl-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill C(2021)3114 – 2021/2680(DEA))
(2022/C 67/28)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2021)3114), |
|
— |
wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2021, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 3 ta' Ġunju 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 85(2) u 82(6) tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, |
|
— |
wara li kkunsidra l-fatt li ma saret ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fit-8 ta' Ġunju 2021, |
|
A. |
billi l-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jipprevedi li, għal perjodu tranżizzjonali sat-18 ta' Ġunju 2021, l-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament ma japplikax għall-kuntratti tad-derivati OTC li huma oġġettivament miżurabbli li jnaqqsu r-riskji ta' investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja tal-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet (PSAs), u għal entitajiet stabbiliti biex jipprovdu kumpens lill-membri ta' tali arranġamenti f'każ ta' inadempjenza; billi dak il-perjodu tranżizzjonali ġie introdott biex jiġi evitat l-effett negattiv tal-ikklerjar ċentrali ta' kuntratti tad-derivattivi fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti futuri, u biex jipprovdi żmien għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi vijabbli maħsuba biex l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet jittrasferixxu kollateral fi flus u mhux fi flus bħala marġnijiet ta' varjazzjoni; |
|
B. |
billi t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li testendi dak il-perjodu tranżizzjonali darbtejn, kull darba b'sena, jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li għadhom ma ġewx żviluppati tali soluzzjonijiet tekniċi vijabbli u li l-effett negattiv tal-ikklerjar ċentrali ta' kuntratti tad-derivati fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti futuri jibqa' ma jinbidilx; |
|
C. |
billi l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), fir-rapport tagħha ta' Diċembru 2020, irrakkomandat lill-Kummissjoni li testendi l-eżenzjoni b'sena, u b'hekk tipprovdi żmien addizzjonali lill-kontropartijiet ċentrali biex jirfinaw il-mudelli ta' aċċess tagħhom sabiex dawn isiru disponibbli b'mod aktar wiesa' għall-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet u, fl-istess ħin, tevita sitwazzjoni fejn jiġi introdott obbligu tal-ikklerjar għall-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet wara d-dinamika tas-suq tal-COVID-19; |
|
D. |
billi l-Kummissjoni, filwaqt li tqis ir-rapport tal-ESMA, hija tal-opinjoni li huwa tabilħaqq meħtieġ li l-perjodu tranżizzjonali jiġi estiż b'sena biex is-soluzzjonijiet previsti jkunu jistgħu jimmaturaw u jiġu rfinati ulterjorment; |
|
E. |
billi l-Kummissjoni għalhekk adottat ir-Regolament delegat li jestendi l-perjodu tranżizzjonali sat-18 ta' Ġunju 2022; |
|
F. |
billi r-Regolament delegat għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza biex jipprovdi lill-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet tal-Unjoni ċ-ċertezza li jeħtieġu fir-rigward tal-eżenzjoni mill-ikklerjar ċentrali; |
|
1. |
Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat; |
|
2. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |