17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/175


P9_TA(2021)0034

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: Appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali fis-sena 2021

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tad-19 ta' Jannar 2021 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ammonti tal-appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali fis-sena 2021 (C(2021)00188 – 2021/2517(DEA))

(2021/C 465/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2021)00188),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2021, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-regolament delegat,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tat-2 ta' Frar 2021 lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 58(7) u l-Artikolu 83(5) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

wara li kkunsidra li ma saret ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fid-9 ta' Frar 2021,

A.

billi r-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (ir-“Regolament Tranżitorju”), li emenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 bl-inklużjoni ta' pakketti nazzjonali għas-snin 2021 u 2022, daħal fis-seħħ biss fid-29 ta' Diċembru 2020;

B.

billi l-pakketti stabbiliti jeħtieġu li jiġu aġġustati ladarba l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-ammonti tat-tnaqqis tal-pagamenti li jaqbżu l-EUR 150 000 u dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-flessibbiltà bejn il-pilastri;

C.

billi fis-snin preċedenti tali notifika kienet issir f'Awwissu u l-Kummissjoni kienet tadotta l-att delegat li jemenda l-pakketti fil-ħarifa iżda, minħabba l-adozzjoni tardiva tar-Regolament Tranżitorju, dan ma kienx possibbli fl-2020;

D.

billi, sabiex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jibdew l-implimentazzjoni tal-programmi ta' żvilupp rurali għall-2021, huwa ta' importanza assoluta li r-regolament delegat jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament Delegat;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(2)  Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta' tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022 (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 1).