17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/172


P9_TA(2021)0031

Ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Frar 2021 dwar il-proposta tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (N9-0080/2020 – C9-0425/2020 – 2020/0910(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 465/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2020 għall-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (C9-0425/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 26(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lill-BĊE fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE (3),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2020 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 131 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0007/2021),

A.

billi l-Artikolu 26(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu jibgħat il-proposta tiegħu għall-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju lill-Parlament għal approvazzjoni;

B.

billi l-Viċi President tal-Bord Superviżorju jrid jintgħażel minn fost il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE;

C.

billi l-Artikolu 26(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li l-ħatriet għall-Bord Superviżorju skont dak ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-bilanċ bejn is-sessi, l-esperjenza u l-kwalifiki;

D.

billi fl-10 ta' Diċembru 2020 (5), il-Kunsill Ewropew ħatar lil Frank Elderson bħala membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għal mandat ta' tmien snin mill-15 ta' Diċembru 2020 b'konformità mal-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

E.

billi, permezz ta' ittra tat-18 ta' Diċembru 2020, il-BĊE ppreżenta proposta lill-Parlament għall-ħatra ta' Frank Elderson bħala l-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE għal mandat ta' ħames snin;

F.

billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament imbagħad għadda għall-evalwazzjoni tal-kredenzjali tal-kandidat propost, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013;

G.

billi l-Kumitat, fil-25 ta' Jannar 2021, organizza seduta ta' smigħ mal-kandidat propost, li matulha l-kandidat għamel dikjarazzjoni tal-ftuħ u mbagħad wieġeb il-mistoqsijiet imressqa mill-membri tal-Kumitat;

H.

billi l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha nazzjonali u tal-UE għandhom jimplimentaw miżuri konkreti biex jiżguraw il-bilanċ bejn il-ġeneri;

I.

billi l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE attwalment jikkonsisti minn erba' rġiel u żewġ nisa, li waħda minnhom hija l-President;

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ħatra ta' Frank Elderson bħala Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 320, 30.11.2013, p. 1.

(3)  ĠU C 23, 21.1.2021, p. 105.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0311.

(5)  ĠU L 420, 14.12.2020, p. 22.