Brussell, 26.10.2021

COM(2021) 952 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Progress dwar il-kompetittività tat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa

{COM(2021) 950 final} - {SWD(2021) 307 final}


Werrej

1.Introduzzjoni

2.Kompetittività ġenerali tas-settur tal-enerġija nadifa tal-UE

2.1Deskrizzjoni tal-isfond: żviluppi riċenti, l-impatt tal-Covid-19, l-irkupru, il-kapital uman, u l-valur miżjud

2.1Ix-xejriet tar-riċerka u tal-innovazzjoni

2.2Ix-xenarju tal-finanzjament tat-teknoloġiji nodfa fl-UE

3.Enfasi fuq teknoloġiji u fuq soluzzjonijiet ewlenin tal-enerġija nadifa

3.1Enerġija eolika fuq il-baħar u fuq l-art

3.2Fotovoltajċi Solari (PV)

3.3Pompi tas-sħana għall-applikazzjonijiet fil-bini

3.4Il-batteriji

3.5Il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli permezz tal-elettroliżi

3.6Grilji intelliġenti (awtomatizzazzjoni tan-network ta’ distribuzzjoni, kejl intelliġenti, Sistemi ta’ Ġestjoni tal-Enerġija fid-Djar u ċċarġjar intelliġenti tal-EVs)

3.7Fjuwils Rinnovabbli għall-Avjazzjoni u għat-Trasport Marittimu

4.Konklużjonijiet

1.Introduzzjoni  

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-qafas globali għall-politika tal-UE dwar l-enerġija nadifa. Huwa strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tagħmel lill-Ewropa l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja, b’mod ġust, effiċjenti fir-riżorsi, kosteffettiv u kompetittiv. Sabiex tħaddem l-objettivi klimatiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Liġi tal-UE dwar il-Klima 1 naqqxet fil-liġi l-prijorità politika li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050 u li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’55 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Dan il-kuntest ta’ politika huwa kkomplementat mill-ħruġ ta’ mezzi finanzjarji mingħajr preċedent fil-livell tal-UE, li jinkludu kemm baġit ġdid tal-UE kif ukoll 2 il-pakkett għall-irkupru u għar-reżiljenza, NextGenerationEU, miftiehem fl-2020 3 . Dawn se jinqalbu f’kontribuzzjonijiet għoljin sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bi 30 % tal-infiq klimatiku allokat b’mod kumplessiv. B’mod partikolari, b’rikonoxximent sħiħ tar-rwol tar-riċerka u tal-innovazzjoni sabiex jikkontribwixxu għal dawk l-objettivi, il-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont Ewropa ssaħħaħ b’mod sinifikanti 4 , bħal programmi oħrajn ta’ finanzjament bħall-Fond għall-Innovazzjoni jew LIFE.

Barra minn hekk, f’Lulju tal-2021, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett komprensiv sabiex twettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jipproponi li jiġu riveduti l-istrumenti eżistenti kif ukoll li jiġu proposti oħrajn ġodda 5 bl-għan li l-UE taqbad it-triq sabiex tilħaq il-miri klimatiċi tagħha sal-2030. Dan il-pakkett jikkostitwixxi wieħed mill-aktar settijiet komprensivi ta’ proposti dwar il-klima u l-enerġija li l-Kummissjoni qatt ippreżentat. Fost l-oħrajn, se jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-sistema tal-enerġija nadifa fl-għaxar snin li ġejjin billi jagħti spinta lill-innovazzjoni, lill-investiment, u joħloq domanda ġdida tas-suq fl-UE, filwaqt li jiżgura tranżizzjoni soċjalment ġusta, li ssaħħaħ it-tmexxija globali tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriżi klimatika.

L-avvanz teknoloġiku fis-sistema tal-enerġija nadifa 6 huwa ta’ importanza kritika sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-UE għall-klima u għall-enerġija sal-2050, kif enfasizzat fil-“Valutazzjoni tal-Impatt tal-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030” 7 . L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) tbassar li, filwaqt li l-biċċa l-kbira tat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 sal-2030 se jiġi minn teknoloġiji li diġà jinsabu fis-suq illum, kważi nofs it-tnaqqis meħtieġ sal-2050 se jiġi minn teknoloġiji li bħalissa jinsabu fil-fażi ta’ dimostrazzjoni jew ta’ prototip 8 . Dan it-tieni rapport annwali dwar il-kompetittività 9 jsegwi s-sitwazzjoni attwali u mbassra ta’ teknoloġiji differenti tal-enerġija nadifa u jipprovdi għarfien dwar kif is-sistema tal-enerġija nadifa tikkontribwixxi sabiex l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050, filwaqt li tirrispetta l-wegħda ekoloġika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew “la tagħmilx ħsara”. Meta wieħed iħares lejn l-aspetti differenti tal-kompetittività, dan ir-rapport jidentifika l-aspetti b’saħħithom, l-isfidi u l-aspetti li jeħtieġu attenzjoni għas-sistema tal-enerġija nadifa tal-UE. B’mod partikolari, juri li x-xejriet kemm fil-valur miżjud gross kif ukoll fl-impjiegi fl-enerġija nadifa – fin-nuqqas ta’ disparitajiet fis-settur – qed jisbqu lil dawk tal-ekonomija ġenerali tal-UE, filwaqt li l-investiment pubbliku fir-riċerka u fl-innovazzjoni fl-enerġija nadifa għadu qed jara xejra ta’ rkupru matul l-aħħar ħames snin, għalkemm għadu ma laħaqx il-livell tal-2010. L-ekosistema Ewropea tal-innovazzjoni tinsab f’pożizzjoni minn ta’ quddiem fir-rigward ta’ privattivi ta’ valur għoli kif ukoll fl-appoġġ ta’ negozji ġodda tat-teknoloġija klimatika fi stadju bikri. Madankollu, ninsabu ferm lura minn reġjuni ġeografiċi oħrajn f’dak li għandu x’jaqsam mal-espansjoni. Minn perspettiva teknoloġika, l-UE żżomm pożizzjoni b’saħħitha fl-industrija eolika, iżda jaf tinsab f’salib it-toroq f’diversi industriji oħrajn, inklużi l-PV solari, l-idroġenu rinnovabbli, il-pompi tas-sħana jew il-fjuwils rinnovabbli.

F’dan ir-rapport, il-valutazzjoni tal-kompetittività tas-sistema tal-enerġija nadifa tal-UE ssir f’konformità mal-Artikolu 35.1(m) tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika, bħala parti mir-rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija. Peress li l-kompetittività hija kunċett kumpless u b’diversi aspetti li ma jistax jiġi ddefinit b’indikatur wieħed 10 , dan ir-rapport jipproponi sett ta’ indikaturi aċċettati b’mod wiesa’ 11 li jkopru s-sistema kollha tal-enerġija (il-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u l-konsum) u li jiġu analizzati fi tliet livelli (it-teknoloġija, il-katina tal-valur, u s-suq globali). Id-data sottostanti għal kull indikatur tinsab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah.

2.Kompetittività ġenerali tas-settur tal-enerġija nadifa tal-UE 

2.1Deskrizzjoni tal-isfond: żviluppi riċenti, l-impatt tal-Covid-19, l-irkupru, il-kapital uman, u l-valur miżjud

2.1.1Żviluppi riċenti

L-Unjoni Ewropea, bħal ħafna reġjuni oħrajn fid-dinja, bħalissa qed tiffaċċja żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija. Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet hija prinċipalment xprunata minn żieda fid-domanda globali għall-enerġija b’mod ġenerali u għall-gass b’mod partikolari, marbuta mal-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19. Il-prezzijiet fl-ogħla livelli storiċi li ġew osservati fl-aħħar xhur 12 huma r-riżultat ta’ taħlita ta’ fatturi primarjament xprunati minn domanda globali għall-gass, li ġabet magħha ż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-elettriku żdiedu wkoll minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp staġunali (nuqqas ta’ ilma u ta’ riħ matul dan is-sajf). Dan irriżulta fi produzzjoni aktar baxxa ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Ewropa. Il-prezzijiet Ewropej tal-karbonju żdiedu ferm ukoll fl-2021 13 , għalkemm ħafna anqas mill-prezz tal-gass. L-effett tal-prezz tal-gass fuq il-prezz tal-elettriku huwa disa’ darbiet akbar mill-effett taż-żieda tal-karbonju 14 .

Dawn il-fatturi sarrfu fiż-żieda tal-prezzijiet tal-elettriku għall-operatur u għall-konsumatur fil-biċċa l-kbira tal-ekonomiji ewlenin tad-dinja mit-tieni nofs tal-2020. Il-prezzijiet għoljin tal-elettriku għall-operatur missew lill-Istati Membri kollha tal-UE, għalkemm xi wħud minnhom intlaqtu agħar, b’mod partikolari skont s-sehem tal-fjuwils fossili għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Il-veloċità li biha ż-żieda fil-prezzijiet tal-gass għall-operatur tissarraf fi prezzijiet għall-konsumatur tiddependi wkoll mill-klawżoli tal-kuntratt tal-konsumatur (jiġifieri t-tul tal-kuntratt, il-prezzijiet fissi jew varjabbli, eċċ.). Il-Kummissjoni Ewropea hija mħassba dwar l-impatt negattiv taż-żieda fil-prezzijiet fuq l-unitajiet domestiċi u fuq in-negozji. Wara li semgħet lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni sabiex jiġu adottati u appoġġati miżuri xierqa li jtaffu l-impatt taż-żidiet temporanji fil-prezzijiet tal-enerġija u tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza kontra xokkijiet futuri 15 .

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku għall-operatur tista’ twassal sinjal tal-kompetittività mtejba tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Din tista’ tinċentiva żieda fl-investiment fis-settur li, fit-tul, tgħin sabiex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-elettriku minħabba t-tnaqqis fil-kostijiet tal-produzzjoni/fin-nefqiet operatorji tagħhom, l-esklużjoni tagħhom mill-ipprezzar tal-karbonju, u t-tnaqqis mistenni fil-kost kapitali. Iż-żieda attwali fil-prezzijiet fis-settur Ewropew tal-enerġija turi wkoll il-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili importati. B’ħarsa ’l quddiem, il-miri l-ġodda dwar il-klima u l-enerġija se jrendu ħtiġijiet ta’ investiment ġodda. Matul l-għaxar snin li ġejjin, se jkunu meħtieġa investimenti addizzjonali annwali ta’ EUR 390 biljun meta mqabbla mal-ammonti annwali investiti matul l-aħħar għaxar snin 16 . Hija meħtieġa aċċellerazzjoni sinifikanti tal-użu sabiex tintlaħaq il-mira attwali tal-enerġija rinnovabbli għall-2030 ta’ 32 %, u se tkun meħtieġa aċċellerazzjoni saħansitra akbar sabiex tintlaħaq il-mira proposta l-ġdida ta’ 40 % tal-pakkett ta’ Lulju għat-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Billi d-dewmien fil-ħruġ ta’ permessi jikkostitwixxi ostaklu kbir għat-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija dekarbonizzata, u b’hekk idewwem il-varar ta’ infrastrutturi u ta’ teknoloġiji tal-enerġija nadifa u l-investimenti fihom b’ħafna snin, fl-2022 il-Kummissjoni se toħroġ gwida dwar l-aċċellerazzjoni tal-proċessi ta’ ħruġ ta’ permessi għall-enerġiji rinnovabbli u se tkompli taħdem mill-qrib mal-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex tidentifika u tiskambja prattika tajba. Is-simplifikazzjoni u l-integrazzjoni urġenti tal-proċeduri għall-ħruġ ta’ permessi huma meħtieġa sabiex jinħoloq suq komuni għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jiffaċilita l-varar effiċjenti u kosteffettiv kif ukoll iċ-ċertezza għall-investituri, anke fid-dawl tal-investimenti enormi meħtieġa.

Suq tal-enerġija tal-UE integrat u li jiffunzjona tajjeb ikun l-aktar mod kosteffettiv sabiex jiġu żgurati provvisti tal-enerġija siguri u affordabbli għat-tipi kollha ta’ klijenti. Dan iżomm il-prezzijiet taħt kontroll billi joħloq il-kompetizzjoni u jippermetti lill-konsumaturi jagħżlu l-fornituri tal-enerġija. Il-Komunikazzjoni dwar il-prezzijiet tal-enerġija 17 tipproponi miżuri għat-terminu qasir bħal appoġġ għall-introjtu ta’ emerġenza tal-Istati Membri lill-unitajiet domestiċi, għajnuna mill-Istat għall-kumpaniji, u tnaqqis immirat fit-taxxa. Fit-terminu medju, il-Kummissjoni tipproponi fost l-oħrajn li tappoġġa investimenti fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika; teżamina miżuri possibbli dwar il-ħżin tal-enerġija u x-xiri tar-riżervi tal-gass. Filwaqt li għad ma hemm l-ebda evidenza ċara li l-qafas alternattiv tas-suq jipprovdi prezzijiet orħos u inċentivi aħjar, il-Kummissjoni inkarigat ukoll lill-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) sabiex tivvaluta l-benefiċċji u l-iżvantaġġi tat-tfassil attwali tas-suq tal-elettriku u tipproponi rakkomandazzjonijiet sa April tal-2022.

Għal dan l-għan, l-UE qed tistinka sabiex tiżviluppa aktar l-interkonnetturi bejn l-Istati Membri, filwaqt li tiżgura li l-akbar kapaċità possibbli tal-interkonnetturi tkun disponibbli għall-kummerċ. Hija timmonitorja l-implimentazzjoni tal-acquis eżistenti (eż. il-kodiċijiet tan-network) u pproponiet għodod addizzjonali sabiex tiżgura swieq likwidi, bħal, pereżempju, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, inkluża aktar promozzjoni ta’ Ftehimiet korporattivi dwar ix-Xiri tal-Enerġija, kif ukoll il-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, li tpoġġi l-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” fil-qalba tal-ekonomija tagħna.

2.1.2L-impatt tal-Covid-19 u l-irkupru

Filwaqt li l-qafas ta’ politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se jixpruna d-domanda għal teknoloġiji tal-enerġija nadifa, il-provvista, l-iżvilupp u l-kompetittività tagħhom ċertament li qed jiġu ttestjati mill-pandemija tal-COVID-19. L-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-enerġija u l-klima tiddependi fuq id-disponibbiltà tat-teknoloġiji rinnovabbli, fuq il-ktajjen tal-valur mingħajr interruzzjoni, fuq il-kompetittività miżmuma tal-kumpaniji u fuq il-forza tax-xogħol b’ħiliet tagħhom. Minn naħa waħda, l-impatt ekonomiku ta’ pandemija jhedded li jkun daqqa kbira għall-kompetittività tat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa. Min-naħa l-oħra, il-politika dwar l-irkupru ekonomiku tipprovdi wkoll opportunità sabiex l-investiment jerġa’ jiġi ffokat u jissaħħaħ għas-settur tal-enerġija nadifa, bis-saħħa tal-faċilità NextGenerationEU.

Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-fatt kienu anqas affettwati madwar id-dinja mill-pandemija tal-Covid-19 meta mqabbla ma’ sorsi oħrajn tal-enerġija 18 . Il-bijofjuwils għat-trasport biss intlaqtu b’mod aktar sever hekk kif il-konsum naqas minħabba taħlita ta’ tnaqqis fl-ivvjaġġar u prezzijiet taż-żejt baxxi 19 . It-tnaqqis fil-kostijiet kapitali ppermetta li jiġu installati għadd bla preċedent ta’ impjanti tal-enerġija solari u eolika madwar id-dinja 20 . B’riżultat ta’ dan, filwaqt li l-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-faħam, mill-gass naturali u mill-enerġija nukleari naqset, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli qabżu l-fjuwils fossili għall-ewwel darba bħala s-sors ewlieni tal-enerġija tal-UE għas-sena 2020 (is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli 38 % tal-elettriku tal-UE, meta mqabbla ma’ 37 % għall-fjuwils fossili u 25 % għall-enerġija nukleari) 21 .

Għall-irkupru mill-pandemija tal-Covid-19, ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) huwa l-ewwel wieħed ta’ dan it-tip għall-UE bħala programm ibbażat fuq il-prestazzjoni, propost mill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett NextGenerationEU. Il-finanzjament huwa disponibbli għall-Istati Membri fuq il-bażi tal-Pjanijiet komprensivi tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) u jiġi żblukkat malli jintlaħqu objettivi intermedji u miri li jistgħu jitkejlu. Jeħtieġ li l-Istati Membri jallokaw tal-anqas 37 % tal-allokazzjoni totali tagħhom taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għat-tranżizzjoni klimatika fl-RRP tagħhom, u jinkludu miżuri konsistenti mal-isfidi u mal-prijoritajiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u għall-Klima.

L-analiżi tat-22 22 RRP approvati mill-Kummissjoni sal-5 ta’ Ottubru 2021 23 turi li ġew allokati EUR 177 biljun għal investimenti relatati mal-klima, li jirrappreżentaw 40 % tal-allokazzjoni totali għal dawn l-Istati Membri (għotjiet u self). Madwar 43 % ta’ dan l-ammont (EUR 76 biljun) huwa ddedikat għall-effiċjenza enerġetika (27,9 %) u għall-enerġija rinnovabbli u għan-network tagħha (14,8 %) 24 , filwaqt li madwar EUR 62 biljun huma ddedikati għall-mobbiltà sostenibbli (35 %).

Ir-riċerka u l-innovazzjoni kienu jirrappreżentaw ukoll sehem importanti, peress li l-Istati Membri allokaw kważi EUR 12,3 biljun għall-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni fil-mitigazzjoni u fl-adattament għat-tibdil fil-klima u fl-ekonomija ċirkolari fil-Pjanijiet tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza 25 .

2.1.3Il-kapital uman u l-valur miżjud

Filwaqt li għadu kmieni wisq sabiex wieħed jgħid kif il-pandemija kif ukoll il-finanzjament għall-irkupru kellhom impatt fuq il-kapital uman, l-aħħar data tal-Eurostat tindika li l-enerġija nadifa kienet sejra aħjar mill-ekonomija ġenerali ftit qabel il-pandemija. Fl-2018, l-impjiegi diretti fl-enerġija nadifa 26 laħqu l-1,7 miljun, bi tkabbir annwali medju ta’ 2 %, filwaqt li l-impjiegi fl-ekonomija ġenerali żdiedu b’medja ta’ 1 % fis-sena. Filwaqt li t-tkabbir medju annwali fl-impjiegi fis-“Sistemi tal-effiċjenza u tal-ġestjoni tal-enerġija” kellu medja ta’ 6 % mill-2010, l-impjiegi diretti fl-“Enerġija rinnovabbli” u fil-“Mobbiltà elettrika” naqsu bi 3 % (mill-2010 sal-2018). Dan huwa dovut għal tkabbir aktar baxx fl-enerġija rinnovabbli f’xi Stati Membri, eż. ir-regoli kumplessi għall-ħruġ ta’ permessi u l-esponiment għal rikorsi legali jfixklu l-installazzjonijiet eoliċi ġodda fil-Ġermanja fejn it-tnaqqis fl-impjiegi huwa l-aktar prevalenti (ara wkoll it-Taqsima 3.1). Barra minn hekk, it-titjib teknoloġiku u fil-produttività naqqas l-intensità tax-xogħol, b’mod partikolari fi swieq maturi (eż. eoliċi, solari). It-tkabbir fl-impjiegi qed iseħħ dejjem aktar f’applikazzjonijiet oħrajn tal-enerġija nadifa bħall-arloġġi intelliġenti, il-grilji intelliġenti, il-ħżin u prodotti u attivitajiet oħrajn relatati mal-effiċjenza u mal-ġestjoni tal-enerġija.

Illustrazzjoni 1 It-tkabbir fl-impjiegi fis-sistemi tal-enerġija nadifa vs tal-ekonomija totali fl-EU27 mill-2010 sal-2018 u t-tibdil fl-impjiegi fis-sistemi tal-enerġija nadifa skont l-Istati Membri matul l-2014 sal-2018

Sors: JRC fuq il-bażi tal-Eurostat “ env_ac_egss1 27

B’mod simili, qabel il-pandemija, bi tkabbir annwali medju ta’ 5 % 28 , il-valur miżjud gross tas-sistemi tal-enerġija nadifa mar aħjar mill-ekonomija ġenerali (tkabbir ta’ 3 %) mill-2010. L-enerġija nadifa kienet tirrappreżenta 1 % (EUR 133 biljun) tal-valur miżjud totali fl-UE fl-2018, li huwa aktar mid-doppju meta mqabbel ma’ dak tas-settur tal-estrazzjoni u tal-manifattura tal-fjuwils fossili (EUR 59 biljun) 29 . Fi ħdan is-sistema tal-enerġija nadifa, il-valur miżjud gross fl-“Enerġija rinnovabbli” (EUR 60 biljun) kiber bi tkabbir annwali medju ta’ 2 %, filwaqt li s-“Sistemi tal-effiċjenza u tal-ġestjoni tal-enerġija” (EUR 67 biljun) kiber b’9 % fl-istess perjodu. Il-valur miżjud gross fil-“Mobbiltà elettrika” ta’ EUR 7 biljun kiber b’anqas minn 1 % fis-sena.

Bħala medja, l-impjiegi fl-“Enerġija rinnovabbli” ħolqu EUR 104 000 f’valur miżjud gross għal kull impjegat fl-2018, bi tkabbir annwali medju 30 ta’ 5 % mill-2010. Dan huwa 60 % aktar milli fil-bqija tal-ekonomija (EUR 64 000 f’valur miżjud gross għal kull impjegat). Il-valur miżjud għal kull impjegat fl-“Effiċjenza u ġestjoni tal-enerġija” huwa ta’ EUR 64 000 u fil-“Mobbiltà elettrika” huwa ta’ EUR 74 000, li kull sena żdiedu bi 3 % u b’7 %, rispettivament, mill-2015 sal-2018, aktar malajr mill-bqija tal-ekonomija bi 2 %.

Meta wieħed iqis ir-reżiljenza ġenerali tas-settur tal-enerġija nadifa matul il-pandemija, il-prestazzjoni b’saħħitha tal-kapital uman fl-enerġija nadifa fiż-żmien ta’ qabel il-pandemija kif ukoll il-EUR 177 biljun f’investimenti relatati mal-klima ppjanati mill-Istati Membri fl-RRPs nazzjonali tagħhom, hemm lok għal ottimiżmu prudenti li l-enerġija nadifa se tkompli tkun mutur għall-impjiegi u għat-tkabbir hekk kif l-ekonomija tal-UE tirkupra mill-pandemija.

2.1.4Ħiliet

It-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija teħtieġ it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet fil-livelli kollha tal-ħiliet sabiex jiġu varati u żviluppati aktar teknoloġiji u soluzzjonijiet tal-enerġija nadifa f’setturi differenti. Id-domanda għal firxa wiesgħa ta’ kategoriji okkupazzjonali rilevanti għat-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa hija mistennija li tiżdied sal-2030, inklużi l-estrazzjoni (jiġifieri għall-materja prima kritika), jew il-kostruzzjoni, il-manifattura, it-trasport, il-bini u s-snajja’ relatati, kif ukoll ix-xjenza u l-inġinerija 31 . Sal-2030 jistgħu jinħolqu 160 000 impjieg addizzjonali fis-settur tal-kostruzzjoni tal-UE waħdu permezz tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tal-UE 32 .

Sabiex tappoġġa l-użu tal-ħiliet tal-ġenerazzjoni li jmiss li huma essenzjali għat-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE, fl-2020 l-UE varat il-Patt għall-Ħiliet 33 li bih qed jiġu stabbiliti sħubijiet ma’ ekosistemi industrijali bħall-industriji tal-kostruzzjoni u enerġetikament intensivi permezz ta’ diskussjonijiet.

Fil-każ tal-enerġija rinnovabbli fuq il-baħar, it-trasferiment tal-ħiliet huwa possibbli wkoll mis-settur taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar, kif ukoll mis-settur militari (eż. matul l-esplorazzjoni ta’ siti ta’ proġetti potenzjali)  34 .

Fl-2019, in-nisa kienu jirrappreżentaw medja ta’ 32 % tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli 35 . L-iżbilanċi bejn il-ġeneri kemm fil-forza tax-xogħol tas-settur tal-enerġija kif ukoll fl-attività ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni relatata mal-enerġija, huma marbutin mill-qrib – iżda mhux esklussivament – mas-sottorappreżentanza tan-nisa fl-edukazzjoni għolja f’xi fergħat tal-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija, u tal-matematika (STEM). Fl-UE, in-nisa huma rrappreżentati żżejjed fl-edukazzjoni terzjarja (54 % fil-livelli kollha tal-edukazzjoni terzjarja u fl-oqsma kollha); in-nisa huma elenkati f’anqas minn 11 % tal-applikazzjonijiet, u f’aktar minn 15 % għat-teknoloġiji ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (CCMT). Madankollu, il-fergħat tal-oqsma rilevanti ħafna għas-settur tal-enerġija għadhom iddominati ħafna mill-irġiel, peress li fl-2019 anqas minn terz tal-ħaddiema fl-inġinerija, fil-manifattura, u fil-kostruzzjoni u anqas minn kwint tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja fl-ICT kienu nisa 36 .

2.1Ix-xejriet tar-riċerka u tal-innovazzjoni  

Ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol importanti fit-tiswir tal-industriji kompetittivi ta’ għada. Wara l-kriżi ekonomika tal-2008, l-investimenti pubbliċi fir-riċerka u fl-innovazzjoni prijoritizzati mill-Unjoni tal-Enerġija 37 , 38 naqsu għal nofs deċennju, u wrew sinjali ta’ rkupru biss wara l-2016 ( Illustrazzjoni 2 ). Minn dak iż-żmien, l-Istati Membri tal-UE investew medja ta’ EUR 3,5 biljun fis-sena, iżda l-infiq għadu aktar baxx minn dak li kien osservat għaxar snin ilu. Fil-livell globali, ix-xejra hija konsistenti maż-żieda fl-investimenti fl-enerġija b’mod ġenerali – u b’mod partikolari fl-enerġija nadifa 39 - madankollu, ma żżommx il-pass maż-żidiet fil-PDG jew fl-infiq fuq ir-riċerka u fuq l-innovazzjoni f’setturi oħrajn. Imkejla bħala sehem mill-PDG, ir-rata ta’ investiment tal-UE (0,027 %) bħalissa hija l-aktar waħda baxxa mill-ekonomiji globali ewlenin kollha, eżatt taħt tal-Istati Uniti, għalkemm il-livelli jidhru li qed jonqsu jew jibqgħu stabbli għal kulħadd ( Illustrazzjoni 3 ).

Illustrazzjoni 2 Finanzjament pubbliku (xellug) u totali (lemin) għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-prijoritajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija fl-UE 40 .

Sors JRC 41 fuq il-bażi tal-AIE 42 u ta’ ħidma proprja.

Għalkemm l-impatti fit-tul tal-pandemija fuq l-infiq għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija rinnovabbli għadhom ma humiex ċari, ix-xejriet bikrija jindikaw reżiljenza ġenerali. Fl-2020, l-infiq pubbliku globali fuq ir-riċerka u fuq l-innovazzjoni fl-enerġija kompla jikber, iżda naqqas ir-ritmu 43 . Is-settur privat tal-UE esperjenza tnaqqis ta’ 7 % fl-infiq kumplessiv għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija matul l-2020. Madankollu, l-infiq speċifikament għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-enerġija rinnovabbli kien aktar reżiljenti u kompla jikber 44 .

Il-fondi tar-riċerka tal-UE li kienu essenzjali fiż-żamma tal-livelli ta’ investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni matul dawn l-aħħar snin, kienu qed jiżdiedu kull sena, u jikkontribwixxu medja ta’ EUR 1,5 biljun. Flimkien ma’ medja stmata ta’ EUR 20 biljun f’infiq privat 45 , l-investiment totali annwali medju fil-prijoritajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija matul dawn l-aħħar snin (mill-2014 sal-2018) huwa ta’ madwar EUR 25 biljun 46 . L-akbar programm dinji tar-riċerka u tal-innovazzjoni “Orizzont Ewropa”, il-Fond għall-Innovazzjoni, flimkien mal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni u l-programm “LIFE”, li huma kruċjali fil-kuntest tal-irkupru, qegħdin u se jkomplu jistimolaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-klima u fl-ambjent u l-adozzjoni mis-suq.

Illustrazzjoni 3: Finanzjament pubbliku (xellug) u privat (lemin) għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-prijoritajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija bħala sehem mill-PDG fl-ekonomiji ewlenin

Sors JRC 47 fuq il-bażi tal-AIE 48 , tal-MI 49 , u ta’ ħidma proprja.

Fl-2019, l-investiment pubbliku totali fil-prijoritajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija mill-Istati Membri kollha tal-UE kien għadu 5 % anqas milli kien fl-2010 iżda kien żdied bi 2 % meta mqabbel mal-2015. Madwar kwart tal-Istati Membri żiedu b’mod konsistenti l-infiq b’mod kumplessiv matul il-perjodu ta’ 10 snin, b’numru ekwivalenti li wrew tnaqqis. Għall-bqija, ix-xejra tikkoinċidi mat-total tal-UE, jew l-informazzjoni dwar l-infiq fuq ir-riċerka u fuq l-innovazzjoni ma hijiex disponibbli 50 . Filwaqt li hemm ħtieġa ċara li jittejjeb il-monitoraġġ tal-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni, hemm ukoll momentum u involviment akbar mill-Istati Membri fid-dawl tar-rapportar previst fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija fl-2023. Dan imur lil hinn mill-investiment pubbliku fir-riċerka u fl-innovazzjoni, sabiex jiżdiedu wkoll l-isforzi fil-livell nazzjonali bl-għan li jiġu mmonitorjati l-investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni mis-settur privat. Il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-Pjan SET) huwa l-għodda Ewropea ewlenija sabiex jiġu allinjati l-politiki u l-finanzjament dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u sabiex jiġu ingranati l-investimenti privati.

L-investiment privat fil-prijoritajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija fl-UE huwa stmat għal 0,18 % tal-PDG ( Illustrazzjoni 3 ), ogħla minn tal-Istati Uniti iżda anqas minn ta’ ekonomiji kompetituri ewlenin oħrajn (il-Ġappun, il-Korea, iċ-Ċina). Dan jirrappreżenta 12 % tan-nefqa kummerċjali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, li huwa ogħla minn 6 % stmat għall-Istati Uniti, iżda madwar nofs is-sehem osservat għall-ekonomiji Asjatiċi ewlenin.

Ix-xejra ta’ tnaqqis 51 fil-privattivi fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa 52 (mill-2012) tidher li qed ddur, bil-livelli annwali ta’ applikazzjonijiet fl-UE, u globalment, li qed jirritornaw għal dawk osservati għaxar snin ilu. L-UE għandha sehem akbar ta’ invenzjonijiet “ekoloġiċi” fit-teknoloġiji ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima f’applikazzjonijiet ġenerali għall-privattivi meta mqabbla ma’ ekonomiji ewlenin oħrajn (u mal-medja dinjija), li jindika fokus u speċjalizzazzjoni akbar tal-attività inventiva f’dan il-qasam. L-UE tiġi t-tieni wara l-Ġappun biss fl-invenzjonijiet ta’ valur għoli 53 , prinċipalment minħabba l-vantaġġ tal-Ġappun fit-teknoloġiji tat-trasport; madankollu, l-UE qiegħda minn ta’ quddiem fir-rigward tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika ( Illustrazzjoni   4 ). L-UE tkompli tospita wkoll kwart mill-aqwa 100 kumpanija fi privattivi ta’ valur għoli fl-enerġija nadifa matul l-aħħar ħames snin. Madankollu, hemm tħassib (globali) li qed jikber dwar l-impatt tad-dominazzjoni tat-teknoloġija appoġġata mill-istat jew mis-sussidji, tas-swieq magħluqin u tar-regoli u tal-politiki differenti dwar il-protezzjoni intellettwali fuq l-innovazzjoni u l-kompetittività fis-settur, speċjalment kif muri miċ-Ċina. Minkejja dak it-tħassib, aktar minn kwart tal-invenzjonijiet fl-enerġija nadifa protetti internazzjonalment matul l-aħħar ħames snin mill-applikanti tal-UE kienu mmirati wkoll lejn is-suq Ċiniż. F’termini ta’ kollaborazzjonijiet, lil hinn mill-alleanzi mibnijin fl-Ewropa minħabba l-qrubija ġeografika u l-programmi kollaborattivi tal-UE, id-ditti tal-UE għandhom it-tendenza li jikkollaboraw l-aktar ma’ kontropartijiet mill-Istati Uniti 54 . L-Istati Membri tal-UE jiġġeneraw 33 % tal-koinvenzjonijiet permezz ta’ konnessjonijiet intra-UE, 29 % mal-Istati Uniti tal-Amerka u 6 % biss maċ-Ċina.

Illustrazzjoni 4: Il-pożizzjonament tal-UE fi privattivi ta’ valur għoli fil-prijoritajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija (mill-2005 sal-2018)


Sors JRC 55  fuq il-bażi tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi Patstat

2.2Ix-xenarju tal-finanzjament tat-teknoloġiji nodfa fl-UE

Ir-rwol tal-kapital ta’ riskju

Flimkien mal-adozzjoni ta’ teknoloġiji ta’ ġenerazzjoni aktar maturi (eż. il-fotovoltajċi solari u eoliċi), l-iżvilupp u l-espansjoni ta’ teknoloġiji ġodda (eż. il-ħżin tal-enerġija fit-tul u għal perjodu qasir, il-produzzjoni ta’ idroġenu rinnovabbli u l-użu f’setturi diffiċli sabiex jitrażżnu, il-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju), u b’mod partikolari l-hekk imsejħin teknoloġiji klimatiċi 56 , se jkollhom rwol kruċjali fil-kisba tan-newtralità tal-karbonju sal-2050.

Mill-Konferenza tal-2015 ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, it-teknoloġiji klimatiċi qabdu momentum sinifikanti, u qed isiru attraenti ħafna għall-investimenti tal-kapital ta’ riskju (KR), li huma fuq quddiem nett fl-innovazzjoni. Peress li t-teknoloġiji klimatiċi jieħdu perjodi twal ta’ żmien sakemm jilħqu l-maturità, jeħtieġu ammont sinifikanti ta’ kapital matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-finanzjament tan-negozji ġodda kif ukoll investimenti għoljin fir-riċerka u fl-innovazzjoni 57 , hija kruċjali azzjoni tal-gvern sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-iżvilupp, u l-implimentazzjoni fuq skala ta’ teknoloġiji ġodda sabiex tiġi stimulata aktar il-parteċipazzjoni tas-settur privat.

Madwar id-dinja, id-dominju tat-teknoloġiji klimatiċi wera wkoll li huwa reżiljenti għat-tifqigħa tal-COVID-19 58 u baqa’ attraenti għall-investimenti tal-kapital ta’ riskju, minkejja d-dinamika ta’ tnaqqis tal-investimenti ġenerali u r-ridirezzjonar ta’ finanzjament sinifikanti tal-kapital ta’ riskju għal industriji relatati mal-pandemija bħall-farmaċewtiċi u l-kura tas-saħħa 59 .

Fil-qasam tat-teknoloġiji klimatiċi, il-finanzjament globali tal-kapital ta’ riskju laħaq l-EUR 14-il biljun fl-2020 60 , u żdied b’aktar minn 1250 % mill-2010. F’dan il-kuntest, l-investimenti tal-kapital ta’ riskju f’negozji ġodda u f’negozji li qed jespandu bbażati fl-UE u ffokati fuq it-teknoloġiji klimatiċi kienu 11-il darba ogħla matul dawn l-aħħar ħames snin milli kienu bejn l-2009 u l-2014, u laħqu madwar EUR 2,2 biljun fl-2020.

Fl-2020, id-ditti tal-UE rċevew 16 % tal-finanzjament globali tal-kapital ta’ riskju fil-qasam tat-teknoloġiji klimatiċi (meta mqabbla ma’ 8 % biss tal-finanzjament kumplessiv tal-kapital ta’ riskju fl-oqsma kollha) 61 . Fl-istess ħin, l-2020 kienet l-ewwel sena li fiha l-investimenti fi stadju bikri fin-negozji ġodda tal-UE kienu ogħla minn dawk fl-Istati Uniti u fiċ-Ċina ( Illustrazzjoni 5 ).

Illustrazzjoni 5: Investimenti tal-Kapital ta’ Riskju f’negozji ġodda u f’negozji li qed jespandu tat-Teknoloġija Klimatika

Sors: Elaborazzjoni tal-JRC fuq il-bażi tad-data ta’ PitchBook.

Madankollu, in-negozji ġodda tat-teknoloġija klimatika bbażati fl-UE għadhom lura mill-kontropartijiet tagħhom fil-kapaċità tagħhom li jespandu u l-investimenti totali fihom għadhom ferm lura minn dawk tal-Istati Uniti (43 %). Matul dawn l-aħħar ħames snin, huma bbenefikaw biss minn 6,9 % tal-investimenti kollha fi stadju aktar tard f’negozji ġodda tat-teknoloġija klimatika, ferm lura mill-Istati Uniti (44 %) u ċ-Ċina (40 %) 62 .

Il-qasam tal-enerġija kien jirrappreżenta 8,2 % tal-investiment globali tal-kapital ta’ riskju fit-teknoloġiji klimatiċi bejn l-2013 u l-2019 63 . L-Ewropa (l-UE u r-Renju Unit) qed tinvesti sehem akbar tal-kapital ta’ riskju f’soluzzjonijiet tal-enerġija (23,5 %) meta mqabbla mal-Istati Uniti (9,4 %) u ċ-Ċina (anqas minn 1 %), l-aktar fl-iżvilupp tat-teknoloġiji ewlenin għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli (fil-biċċa l-kbira ċelloli PV) u l-ħżin tal-enerġija (batteriji) sabiex tiġi appoġġata l-proliferazzjoni tagħhom 64 .

L-ostakli u l-opportunitajiet fl-ekosistema tal-kapital ta’ riskju

Kemm id-dinamika kumplessiva tal-finanzjament tal-kapital ta’ riskju tat-teknoloġiji klimatiċi fl-UE kif ukoll l-attrazzjoni tal-investituri tal-kapital ta’ riskju għall-kumpaniji tal-enerġija tal-UE huma relatati man-numru ta’ għanijiet ta’ politika ġenerali fl-oqsma tal-klima u tal-enerġija stabbiliti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, flimkien ma’ għodod li jappoġġaw it-teknoloġiji klimatiċi (eż. il-fond ta’ fondi, l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji, il-koinvestiment ta’ ekwità u ta’ dejn, ir-riċerka u l-iżvilupp).

L-ostakli strutturali għadhom qed iżommu lura n-negozji tat-Teknoloġiji Klimatiċi bbażati fl-UE li jridu jespandu meta mqabbla mal-Istati Uniti u maċ-Ċina, bħall-frammentazzjoni tas-suq tal-UE u l-frammentazzjoni regolatorja li xxekkel it-tkabbir u twassal għal maturità differenti tal-ekosistemi tal-kapital ta’ riskju. Id-diffikultà fit-traduzzjoni ta’ prestazzjoni b’saħħitha tar-riċerka tal-UE fl-innovazzjoni, il-ħtieġa ta’ perkors ċar mill-finanzjament fi stadju bikri għall-investiment fl-istadju tat-tkabbir, il-ħtieġa li jiġu żviluppati sħubijiet internazzjonali u fondi transfruntiera, u n-nuqqas ta’ kapital paċenzjuż jistgħu jiġu elenkati wkoll fost l-isfidi ewlenin li jridu jiġu indirizzati.

Għal dan l-għan, il-pilastru III ta’ Orizzont Ewropa dwar “Ewropa Innovattiva” għandu l-għan li jappoġġa l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet fixkiela u li joħolqu swieq permezz tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), bħala l-punt uniku ta’ servizz li jgħin lill-innovaturi joħolqu swieq, jingranaw finanzjament privat u jespandu l-kumpaniji tagħhom. Orizzont Ewropa jappoġġa wkoll l-inizjattiva Ewropea għall-Ekosistemi tal-Innovazzjoni u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT). Pereżempju, l-EIT InnoEnergy għandu portafoll ta’ aktar minn 250 negozju ġdid u negozju li qed jespandi innovattivi li se jiffrankaw 1,1 gigatunnellata ta’ CO2e – ekwivalenti għal terz tal-mira tal-Ewropa għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-2030 – u EUR 9,1 biljun f’kostijiet annwali tal-enerġija sal-aħħar tad-deċennju 65 ). Il-programm InvestEU kif ukoll il-politika ta’ koeżjoni jappoġġaw ukoll l-aċċess għall-finanzjament u d-disponibbiltà tiegħu primarjament għall-SMEs, iżda wkoll għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u għal intrapriżi oħrajn. Barra minn hekk, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), jappoġġaw b’mod effettiv l-iżvilupp ta’ teknoloġija profonda li l-Ewropa teħtieġ sabiex tilħaq l-għanijiet ta’ sostenibbiltà tagħha.

Barra minn hekk, programmi ta’ finanzjament addizzjonali, bħall-Fond għall-Innovazzjoni, il-Fond għall-Modernizzazzjoni, u l-Fond Soċjali għall-Klima, jgħinu sabiex iwasslu d-dħul minn politiki relatati mal-klima b’appoġġ tat-tranżizzjoni tal-enerġija.

It-tneħħija tad-distakk tan-negozji li qed jespandu bejn l-UE u ekonomiji ewlenin oħrajn teħtieġ ukoll il-mobilizzazzjoni ta’ investituri privati sabiex jipparteċipaw b’mod aktar attiv fis-suq Ewropew tal-kapital ta’ riskju u fil-finanzjament ta’ negozji ġodda tat-teknoloġija klimatika u tat-teknoloġiji klimatiċi profondi 66 . Bħala eżempju, il-fond pilota konġunt ta’ EUR 100 miljun stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u mill-Breakthrough Energy Ventures Europe (BEV-E) jippermetti t-taħlit ta’ approċċi ta’ investiment istituzzjonali (avversi għar-riskju) mal-approċċi ta’ investiment tal-kapital ta’ riskju (anqas avversi għar-riskju) 67 . Il-BEI kellu rwol biex jattira investiment privat f’Northvolt - il-kumpanija Żvediża tal-batteriji ekoloġiċi stabbilita fl-2016 - li qed tibni l-ewwel impjant Ewropew tal-batteriji fuq skala kummerċjali fl-Iżvezja u li ġġenerat EUR 1,4 biljun f’finanzjament f’Ġunju tal-2020. EIT InnoEnergy appoġġat lill-kumpanija sabiex tgħaqqad konsorzju ta’ investituri u taċċessa l-finanzjament tal-BEI: is-self ta’ EUR 350 miljun mill-BEI huwa akkumpanjat minn EUR 886 miljun minn investituri privati.

It-tassonomija tal-UE għal attivitajiet sostenibbli tipprovdi qafas sabiex jiġu ffaċilitati investimenti dejjiema u tiddefinixxi attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli. Il-pakkett tal-Istrateġija Industrijali Ewropea tal-2020, inkluż l-Istandard tan-Nazzjonijiet għan-Negozji Ġodda tal-UE fi ħdan l-Istrateġija għall-SMEs, jindika li l-KE se tvara inizjattivi ġodda sabiex tagħti spinta lill-iskala tal-fondi tal-kapital ta’ riskju, iżżid l-investiment privat u tiffaċilita l-espansjoni u t-tkabbir transfruntiera tal-SMEs. L-Istrateġija Ewropea għall-Finanzi Sostenibbli għall-2021 għandha l-għan li tipprovdi l-għodod u l-inċentivi t-tajbin għall-aċċess għal finanzjament ta’ tranżizzjoni filwaqt li tenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati l-SMEs. L-inizjattiva dwar l-Innovazzjoni u l-Espansjoni Diġitali tiffoka fuq l-istadju bikri u fuq l-espansjoni ta’ negozji ġodda innovattivi u ta’ SMEs tat-Teknoloġija Profonda fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u tax-Xlokk. Mekkaniżmi oħrajn sabiex jiżdiedu l-adozzjoni u l-espansjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi jinkludu l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.

Is-simplifikazzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi bil-mod it-tajjeb u l-użu ta’ sinerġiji fost l-istrumenti jistgħu jwasslu għal aktar prosperità tan-negozji ġodda tat-teknoloġija klimatika tal-UE, għat-tisħiħ u għall-aċċellerazzjoni tal-appoġġ b’fondi tal-kapital ta’ riskju fis-setturi kollha u, b’hekk, għat-tisħiħ tar-rabta bejn l-innovazzjoni u l-implimentazzjoni teknoloġiċi.

3.Enfasi fuq teknoloġiji u fuq soluzzjonijiet ewlenin tal-enerġija nadifa

It-taqsima li ġejja tivvaluta l-kompetittività tat-teknoloġiji magħżulin rilevanti fil-kuntest tal-pakkett ta’ proposti leġiżlattivi adottat mill-Kummissjoni Ewropea f’Lulju tal-2021 sabiex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Dan ir-rapport jiffoka l-ewwel fuq l-enerġija eolika u solari li huma mbassrin li se juru t-tkabbir relattiv ogħla sal-2030. Imbagħad, l-analiżi tħares lejn it-teknoloġiji tal-ħżin tal-elettriku, bħall-batteriji u l-idroġenu rinnovabbli, minħabba l-importanza kritika tagħhom sabiex tiżdied il-flessibbiltà ġenerali tas-sistema tal-enerġija, filwaqt li tiġi ottimizzata l-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku rinnovabbli. Fil-kuntest tal-elettrifikazzjoni tas-soċjetajiet tagħna, l-istudju jinvestiga l-kompetittività tal-pompi tas-sħana, minħabba l-valur għoli tagħhom fl-għajnuna għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-bini. Ir-rapport iħares ukoll lejn il-fjuwils rinnovabbli, li huma meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata d-dekarbonizzazzjoni ta’ ċerti modi tat-trasport. Fl-aħħar nett, il-grilji intelliġenti huma analizzati bħala teknoloġija orizzontali li se tiffaċilita l-kombinazzjoni ta’ teknoloġiji differenti. Kull teknoloġija l-ewwel tiġi vvalutata permezz tas-sitwazzjoni u tal-prospetti attwali tagħha, imbagħad permezz ta’ analiżi tal-katina tal-valur tagħha, u fl-aħħar nett permezz ta’ analiżi tas-suq globali tagħha.

3.1Enerġija eolika fuq il-baħar u fuq l-art 

Analiżi tat-Teknoloġija

Fl-2020, l-UE installat 10,5 GW f’kapaċità tal-enerġija eolika (kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar), u b’hekk il-kapaċità kumulattiva tagħha ta’ enerġija eolika telgħet għal 178,7 GW 68 . L-enerġija eolika fuq il-baħar waħedha żdiedet minn kapaċità kumulattiva ta’ 1,6 GW fl-2010 għal 14,6 GW fl-2020 69 . Il-miri nazzjonali kurrenti kif espressi fl-NECPs jissuġġerixxu li l-miri tal-enerġija rinnovabbli fuq il-baħar għall-2030 (tal-anqas 60 GW) jistgħu jintlaħqu. Il-biċċa l-kbira tal-installazzjonijiet eoliċi fuq il-baħar li se jiġu varati sal-2030 se jkunu fil-Baħar tat-Tramuntana (47 GW), iżda jistgħu jkunu mistennija kapaċitajiet sostanzjali f’baċiri oħrajn tal-baħar, b’mod partikolari fil-Baħar Baltiku (21,6 GW), fl-Oċean Atlantiku (11,1 GW), fil-Baħar Mediterran (2,7 GW), u fil-Baħar l-Iswed (0,3 GW). Il-mixja lejn baċiri tal-baħar ġodda se tkun teħtieġ aktar żviluppi fit-teknoloġija galleġġanti u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-portijiet. Il-bini tal-grilja futura fil-baħar madwar proġetti ibridi 70 , f’każijiet li fihom dawn jistgħu jnaqqsu l-kostijiet u l-użu tal-ispazju marittimu se jkun importanti wkoll sabiex jiżdied il-varar tal-enerġija eolika fuq il-baħar.

Skont il-projezzjonijiet kurrenti dwar il-kostijiet futuri tal-enerġija eolika fuq il-baħar b’pedament fiss, il-kostijiet totali livellati tal-produzzjoni ta’ enerġija (LCoE) fil-medda ta’ bejn it-EUR 30 u 60 għal kull MWh huma mistennija sal-2050 (simili għall-installazzjonijiet fuq l-art) 71 .

Għall-enerġija eolika fuq l-art, it-tnaqqis fiż-żieda annwali osservat mill-2018 ġej mill-varar moderat fil-Ġermanja minħabba regoli kumplessi ta’ ħruġ ta’ permessi u ta’ esponiment potenzjali għal rikorsi legali. L-istruttura tal-età tal-flotta tal-enerġija eolika fuq l-art u fuq il-baħar tal-UE tindika li r-repowering se jkollu rwol kruċjali fis-snin li ġejjin. Is-sostituzzjoni tat-turbini eoliċi fi tmiem il-ħajja b’turbini ġodda, jew l-estensjoni tal-ħajja permezz tat-titjib ta’ xi wħud mill-komponenti tippreżenta opportunità għall-modernizzazzjoni tal-assi, bl-użu tar-riżorsa fl-aħjar siti tar-riħ u tista’ ttejjeb l-aċċettazzjoni soċjali, filwaqt li jibqgħu jintużaw il-postijiet eżistenti tat-turbini u b’hekk jiġu ppreservati l-impjiegi lokali u d-dħul għall-muniċipalitajiet lokali. Madankollu, id-dekummissjonar u t-tiġdid tal-installazzjonijiet kurrenti tal-enerġija eolika jirrappreżentaw sfida f’termini tal-effiċjenza fir-riżorsi, tal-provvista tal-materja prima u tal-produzzjoni tal-iskart, minħabba li, s’issa, ħafna komponenti tat-turbini eoliċi kurrenti ma jistgħux jerġgħu jintużaw jew jiġu rriċiklati. Iċ-ċirkolarità tal-imtieħen tar-riħ għadha teħtieġ sforzi ta’ riċerka u innovazzjoni u ta’ varar. L-għażla tas-sidien tal-assi eoliċi bejn id-dekummissjonar u l-għażliet differenti ta’ repowering hija influwenzata mill-prezzijiet tal-elettriku, mill-iskemi ta’ appoġġ u mill-proċeduri ta’ ħruġ ta’ permessi. Is-sehem kurrenti tal-ġenerazzjoni totali tal-elettriku għall-enerġija eolika fuq l-art huwa ta’ 13,7 % (2020). Ix-xenarji tal-Pjan Klimatiku għall-2030 jipproġettaw produzzjoni ta’ 847 TWh ta’ enerġija eolika fuq l-art fl-2030 (sehem mill-ġenerazzjoni totali tal-elettriku: 27,3 %), u ta’ 2 259 TWh fl-2050 (sehem: 32,9 %) 72 .

Matul l-aħħar għaxar snin, l-infiq privat fuq ir-riċerka u fuq l-innovazzjoni fit-teknoloġija eolika kellu livell kostanti ta’ bejn EUR 1,6 biljun u EUR 1,9 biljun fis-sena 73 . Matul dan il-perjodu, kien għaxar darbiet akbar mill-investimenti pubbliċi fir-riċerka u fl-iżvilupp.

B’57 % tas-sehem fil-perjodu bejn l-2015 u l-2017, l-UE hija mexxejja globali fi privattivi ta’ valur għoli fit-teknoloġiji tal-enerġija eolika. Ishma ta’ ekonomiji ewlenin oħrajn jinkludu l-Istati Uniti bi 18 %, il-Ġappun bi 11 %, iċ-Ċina b’5 %, u l-Korea b’1 % 74 . Il-pajjiżi bl-aktar privattivi ta’ valur għoli fid-dinja bejn l-2015 u l-2017 kienu d-Danimarka, il-Ġermanja, l-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina. Il-Fabbrikanti tat-Tagħmir Oriġinali (OEMs) ewlenin tal-UE jippreżentaw il-biċċa l-kbira tal-privattivi ta’ valur għoli, iżda ilhom jesperjenzaw tnaqqis mill-2012, minħabba prestazzjoni b’saħħitha fil-privattivi ta’ valur għoli minn kumpaniji ewlenin mill-Istati Uniti (eż. General Electric) u mill-Ġappun (eż. Mitsubishi Heavy Industries, Hitachi). L-organizzazzjonijiet tar-riċerka tal-UE attivi fl-enerġija eolika huma fost l-aktar rikonoxxuti f’dan il-qasam. F’termini ta’ impatt ta’ kwotazzjoni, disa’ organizzazzjonijiet fl-Aqwa 20 huma fl-UE.

Analiżi tal-Katina tal-Valur

Il-produzzjoni tal-enerġija bbażata fuq ir-riħ hija industrija strateġika għall-Ewropa. Huwa stmat li dan is-settur joffri bejn 240 000 u 300 000 impjieg 75 . Il-biċċa l-kbira tal-faċilitajiet Ewropej tal-manifattura jinsabu fil-pajjiż tal-kwartieri ġenerali tal-kumpanija jew f’pajjiżi b’żieda fil-varar tal-enerġija eolika. 48 % tal-kumpaniji attivi fis-settur tal-enerġija eolika għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-UE. 214-il faċilità operazzjonali tal-manifattura jinsabu fl-UE (26 % tal-faċilitajiet globali kollha) 76 . Fl-2018, il-katina tal-valur tal-enerġija eolika fl-UE pproduċiet fatturat ta’ EUR 36 biljun 77 .

Is-settur tal-enerġija eolika tal-UE wera l-kapaċità tiegħu li jinnova. L-UE qiegħda minn ta’ quddiem fil-partijiet tal-katina tal-valur li jittrattaw is-sistemi ta’ rilevament u ta’ monitoraġġ għat-turbini eoliċi fuq l-art, inklużi r-riċerka u l-produzzjoni. Barra minn hekk, l-industrija tal-enerġija eolika tal-UE għandha kapaċitajiet ta’ manifattura għoljin f’komponenti b’valur għoli fil-kost tat-turbini eoliċi (it-torrijiet, il-gearboxes u l-pali), kif ukoll f’komponenti b’sinerġiji għal setturi industrijali oħrajn (il-ġeneraturi, il-konvertituri tal-enerġija u s-sistemi ta’ kontroll).

Madankollu, għad hemm bżonn ta’ sforzi sabiex tittejjeb iċ-ċirkolarità tal-komponenti tal-enerġija eolika. Neħtieġu wkoll riċerka dwar l-impatti kumulattivi tat-turbini eoliċi fuq il-baħar fl-ekosistemi tal-oċeani.

Analiżi tas-Suq Dinji

Fost l-aqwa 10 Fabbrikanti tat-Tagħmir Oriġinali (OEMs) fl-2018, l-OEMs Ewropej kienu fl-ewwel post b’sehem mis-suq ta’ 43 %, segwiti mill-kumpaniji Ċiniżi (32 %) u tal-Amerika ta’ Fuq (10 %). L-OEMs Ewropej fis-settur tal-enerġija eolika żammew pożizzjoni fuq quddiem nett f’dawn l-aħħar ftit snin. Fl-2020, inqabżu għall-ewwel darba mill-OEMs Ċiniżi (UE: 28 %; iċ-Ċina: 42 %) 78 , li jista’ jkun spjegat minn żieda f’installazzjonijiet ġodda fis-suq tal-enerġija eolika Ċiniż wara l-bidla taċ-Ċina mit-Tariffi Garantiti lejn skema ta’ appoġġ ibbażata fuq l-offerti.

L-UE kellha bilanċ tal-kummerċ pożittiv fit-tagħmir relatat mal-enerġija eolika fl-aħħar 20 sena. Madankollu, hemm xi staġnar fit-tkabbir ta’ dan l-indikatur 79 . Dan huwa parzjalment konsegwenza li ekonomiji oħrajn qed jirkupraw il-vantaġġ bikri li kienet kisbet l-UE, iżda wkoll parzjalment minħabba politiki ta’ pajjiżi terzi mmirati sabiex jipproteġu s-suq domestiku tagħhom jew sabiex jisforzaw lill-kumpaniji tal-UE jillokalizzaw il-kapaċità tal-produzzjoni (eż. permezz ta’ rekwiżiti ta’ kontenut lokali). Bħala eżempju, l-esportazzjonijiet ta’ settijiet tal-ġenerazzjoni eolika lejn iċ-Ċina naqsu drastikament mill-2007 wara l-introduzzjoni ta’ qafas ta’ politika ta’ appoġġ għall-industrija domestika tagħhom, u ma rpiljawx. Għall-kuntrarju, 21 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi relatati mal-enerġija eolika fl-2018 kienu destinati għas-suq tal-UE, li jirrappreżentaw ftit anqas minn 10 % tas-suq tal-UE.

Mill-2016, il-marġnijiet tal-qligħ qabel l-imgħax u t-taxxa (EBIT) tal-OEMs tal-UE kienu qed jonqsu minħabba kompetizzjoni għolja fl-ordnijiet ta’ turbini b’mod partikolari fil-perjodu bejn l-2017 u l-2018 u żieda fil-kostijiet materjali għall-komponenti ewlenin tat-turbini. Minkejja s-sena rekord ta’ installazzjonijiet fl-2020 80 , dawn il-fatturi ġew intensifikati aktar permezz tal-impatt tal-Covid-19 li ħoloq sfidi loġistiċi għall-manifatturi kollha.

Ħafna mill-materja prima kritika għall-ġeneraturi tal-enerġija eolika tiġi importata miċ-Ċina 81 u b’mod aktar ġenerali tiffaċċja konċentrazzjoni tal-ktajjen tal-provvista upstream. L-isfidi futuri potenzjali tal-provvista tal-materjali jkunu joħolqu riskju potenzjali għall-industrija tal-produzzjoni tal-enerġija eolika tal-UE. Tqajjem ukoll tħassib ambjentali, relatat mal-pali komposti tal-installazzjonijiet li jaslu fi tmiem il-ħajja tagħhom peress li dawn għadhom diffiċli li jiġu rriċiklati. F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tal-2020 dwar il-Materja Prima Kritika 82 , qed jittieħdu azzjonijiet sabiex tiġi ddiversifikata l-provvista ta’ materja prima kritika kemm minn sorsi primarji kif ukoll minn sorsi sekondarji u sabiex jittejbu l-effiċjenza fir-riżorsi u ċ-ċirkolarità filwaqt li tiġi promossa l-provvista responsabbli madwar id-dinja. Barra minn hekk, iċ-ċirkolarità, inklużi l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, u s-sostituzzjoni, huma oqsma ta’ prijorità tal-innovazzjoni sabiex jitnaqqsu dawn ir-riskji filwaqt li tittejjeb is-sostenibbiltà ġenerali tas-settur u huma inklużi fil-Programm ta’ Ħidma 2021-2022 ta’ Orizzont Ewropa. L-industrija Ewropea tal-enerġija eolika impenjat ruħha wkoll li tuża mill-ġdid, tirriċikla jew tirkupra 100 % tal-pali dekummissjonati, u qed timmira li tiżviluppa pjan direzzjonali għal aktar aċċellerazzjoni taċ-ċirkolarità tal-pali tat-turbini eoliċi 83 .

L-UE kkummerċjalizzat 42 % tas-suq globali tal-enerġija eolika fuq il-baħar, b’kapaċità installata kumulattiva ta’ 14,6 GW fl-2020. Fl-għaxar snin li ġejjin, huwa mistenni li l-Ewropa se żżomm il-pożizzjoni ta’ tmexxija tagħha fit-tkabbir annwali tal-enerġija eolika fuq il-baħar. Madankollu, iċ-Ċina, l-Asja tal-Paċifiku u l-Amerika ta’ Fuq huma mistennija jiżviluppaw sehem sinifikanti mis-suq (jiġifieri l-kapaċità installata) tas-segment tal-enerġija eolika fuq il-baħar 84 fis-snin li ġejjin. Fir-rigward tal-enerġija eolika fuq l-art, iċ-Ċina se tibqa’ l-akbar suq (sehem mis-suq annwali medju ta’ madwar 50 % fil-perjodu bejn l-2020 u l-2025) segwita mill-Ewropa (18 %), mill-Amerika ta’ Fuq (14 %) u mill-Asja (minbarra ċ-Ċina) (8 %).

Il-manifattura fuq il-baħar tal-Ewropa fil-portijiet (kapaċità ta’ produzzjoni stmata attwali ta’ bejn 6 u 8 GW/sena) se jkollha bżonn tikber b’mod sostanzjali sabiex taqdi żidiet annwali fil-kapaċità sa madwar 16-il GW sabiex tissodisfa d-domanda fil-perjodu bejn l-2030 u l-2050 85 .

3.2 Fotovoltajċi Solari (PV) 

Analiżi tat-Teknoloġija

L-industrija tal-fotovoltajċi solari tirriżulta bħala waħda kbira u innovattiva ħafna, u qed tikber b’veloċità mhux mistennija. Dan huwa r-riżultat kombinat ta’ żvilupp mgħaġġel tat-teknoloġija, ta’ politiki dwar il-varar u tal-implimentazzjoni ta’ faċilitajiet tal-manifattura fuq skala kbira b’kostijiet baxxi, l-aktar fl-Asja. It-teknoloġija hija ċentrali għas-sistemi futuri ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku newtrali għall-klima.

Huwa previst li se jiġu installati aktar minn 3,1 TW f’kapaċità tal-enerġija fotovoltajka - globalment - fl-2030 u madwar 14-il TW fl-2050. L-investiment meħtieġ fil-perjodu bejn l-2020 u l-2050 għall-kapaċità addizzjonali tal-enerġija solari huwa stmat għal madwar USD 4,2 triljun 86 . Fl-UE, huwa mistenni li sal-2030 se jiġu installati 0,4 ta’ TW f’kapaċità fotovoltajka solari (stmati li se jilħqu kważi 160 GW sal-2021) u 1 TW sal-2050 87 , 88 . Xenarji mill-industrija nnifisha jipproġettaw penetrazzjoni saħansitra akbar 89 .

Is-sistemi residenzjali, li kienu predominanti ħames snin ilu fl-UE, issa jiġu t-tieni (25,4 %), wara s-segment tal-iskala ta’ utilitajiet (30,5 %), f’termini ta’ sehem mill-kapaċità installata. Wara l-ogħla investimenti fl-2011, l-investiment pubbliku totali tal-UE fl-iżvilupp u fid-dimostrazzjoni tar-riċerka fotovoltajka naqas u issa jinsab taħt il-livell li kien fil-bidu tad-deċennju 90 .

Matul l-aħħar sena, l-UE niżlet mit-tieni post fl-invenzjonijiet ta’ valur għoli (wara l-Ġappun) għat-tielet (wara l-Ġappun u l-Korea) 91 . Jekk ix-xejra attwali tkompli, l-invenzjonijiet Ċiniżi ta’ “valur għoli” dalwaqt se jaqbżu lill-UE huma wkoll. F’termini ta’ vijabbiltà tal-manifattura, iċ-ċelloli u d-disinn tal-moduli tal-UE, b’mod partikolari, għandhom it-tendenza li jsiru dejjem aktar kumplessi, u jeħtieġu aktar investimenti sabiex jibqgħu fuq quddiem nett.

Analiżi tal-Katina tal-Valur

L-UE hija mexxejja globali f’diversi partijiet tal-katina tal-valur fotovoltajka: ir-riċerka u l-iżvilupp, il-produzzjoni tal-polisiliċju, it-tagħmir u l-makkinarju għall-manifattura tal-PV 92 .

L-UE tospita wieħed mill-manifatturi ewlenin tal-polisiliċju. Barra minn hekk, il-kumpaniji tal-UE huma aktar kompetittivi fil-parti downstream tal-katina tal-valur bi rwoli ewlenin fil-monitoraġġ u fil-kontroll, u fis-segmenti tal-bilanċ tas-sistema, speċjalment fil-manifattura ta’ invertituri u ta’ traċċaturi solari. Il-kumpaniji Ewropej żammew ukoll pożizzjoni fuq quddiem fis-segment tal-varar.

Min-naħa l-oħra, l-UE tilfet is-sehem mis-suq tagħha fil-manifattura taċ-ċelloli solari u tal-moduli. F’każ ta’ rkupru ta’ industrija Ewropea tal-manifattura taċ-ċelloli u tal-moduli solari tas-siliċju, li ma tidhirx irrealistika wisq, fid-dawl tan-numru kurrenti ta’ proġetti possibbli, id-dipendenza fuq xi materja prima kritika bħall-boron, il-gallju, il-ġermanju u l-indju tkun teħtieġ attenzjoni fil-katina tal-provvista. Studju riċenti 93 juri li l-UE għandha l-aħjar prestazzjoni f’termini tal-enerġija prodotta meta mqabbla ma’ dik użata fil-manifattura u fl-operat tas-sistemi fotovoltajċi, segwita miċ-Ċina u mill-Istati Uniti. B’mod simili, l-UE għandha wkoll l-anqas intensità ta’ karbonju għall-enerġija prodotta mis-sistemi PV, segwita mill-Istati Uniti u mbagħad miċ-Ċina. L-UE għandha wkoll l-ogħla redditu fuq l-enerġija fuq il-karbonju, filwaqt li ċ-Ċina għandha l-agħar prestazzjoni, u l-Istati Uniti jinsabu f’nofs 94 . Dan l-indikatur tal-aħħar jirrifletti l-intensità ta’ karbonju taċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-elettriku użat fil-proċessi tal-manifattura.

Fl-2018, ġew irrapportati 109 000 impjieg dirett u indirett fil-fotovoltajċi fl-UE, b’żieda ta’ 42 % bejn l-2015 u l-2018 95 . Ir-riżultati preliminari ta’ studju aktar riċenti jindikaw madwar 123 000 impjieg full-time dirett u 164 000 impjieg full-time indirett fl-industrija PV tal-UE, fl-2020, għal total ta’ 287 000 impjieg 96 .

Mill-perspettiva tal-ħiliet fl-impjiegi, is-settur fotovoltajku jimpjega forza tax-xogħol b’livell għoli ta’ edukazzjoni fl-oqsma tar-riċerka u tal-iżvilupp, tal-produzzjoni tal-polisiliċju u tal-wejfers u tal-manifattura taċ-ċelloli u tal-moduli. L-EPC (inġinerija, akkwist u kostruzzjoni), l-O&M (operat u manutenzjoni), id-dekummissjonar u r-riċiklaġġ ukoll huma attivitajiet esiġenti f’termini ta’ ħiliet meħtieġa.

Analiżi tas-Suq Dinji

Biż-żieda tal-installazzjonijiet tas-sistemi PV, id-defiċit kummerċjali għall-UE għall-importazzjoni ta’ moduli solari beda jerġa’ jiżdied mill-2016, wara li kien naqas bejn l-2011 u l-2016, minħabba t-tnaqqis fil-varar tas-sistemi PV. Dan żdied għal aktar minn EUR 5,7 biljun fl-2019. Dan l-iżbilanċ jirrifletti l-volum tal-importazzjonijiet, peress li l-esportazzjonijiet ma nbidlux b’mod drammatiku matul is-snin. L-importazzjonijiet fotovoltajċi solari tal-UE jiddependu ħafna minn kumpaniji Ċiniżi u minn kumpaniji Asjatiċi oħrajn 97 .

Il-produzzjoni tal-polisiliċju, tal-ingotti u tal-wejfers flimkien mal-manifattura taċ-ċelloli u tal-moduli solari bħalissa għandhom valur globali ta’ madwar EUR 57,8 biljun. Is-sehem tal-UE (12,8 %) jikkorrispondi għal EUR 7,4 biljun. Dan is-sehem huwa dovut l-aktar għall-produzzjoni tal-polisiliċju. Kważi t-tkabbir kollu fil-manifattura taċ-ċelloli u tal-moduli fotovoltajċi seħħ barra mill-UE 98 . Bid-domanda tas-suq li qed taċċellera fl-Ewropa u madwar id-dinja, u bit-teknoloġiji tal-produzzjoni l-ġodda emerġenti, il-manifatturi Ewropej qed juru interess imġedded fl-istabbiliment tal-kapaċità tal-produzzjoni fl-UE abbażi tal-aħħar teknoloġiji. F’dak ir-rigward, l-Istrateġija Industrijali Ewropea aġġornata tal-Kummissjoni Ewropea 99  laqgħet l-isforzi tal-Inizjattiva Solari Ewropea mmexxija mill-industrija sabiex tiżdied il-manifattura tal-fotovoltajċi solari. Fl-UE, diversi proġetti għall-manifattura tal-wejfers, taċ-ċelloli u tal-moduli solari diġà qed jaqbdu sew. Il-Kummissjoni Ewropea se tippubblika komunikazzjoni dwar l-enerġija solari fl-2022.

Ir-rwol tal-prosumaturi u tal-komunitajiet tal-enerġija

L-adozzjoni u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli bħall-enerġija fotovoltajka solari iżda wkoll l-effiċjenza enerġetika jistgħu jissaħħu mill-komunitajiet tal-enerġija li jippermettu lill-konsumaturi jieħdu rwol attiv fis-suq tal-enerġija. Illum, tal-anqas żewġ miljun ċittadin Ewropew kollettivament jinvolvu rwieħhom f’aktar minn 8 400 komunità tal-enerġija, wara li wettqu minimu ta’ 13 000 proġett mill-2000 100 . Il-kapaċitajiet rinnovabbli totali attwali installati mill-komunitajiet tal-enerġija fl-Ewropa jistgħu jiġu stmati tal-anqas sa 6,3 GW, li tipikament jikkontribwixxu madwar 1 sa 2 % għall-kapaċitajiet installati fil-livell nazzjonali, u l-kontribuzzjoni ewlenija hija ta’ 7 % fil-każ tal-Belġju. Is-sehem ewlieni tal-kapaċitajiet installati jittieħed mill-PV solari, segwiti mit-turbini eoliċi fuq l-art. Stima konservattiva tal-finanzi totali investiti tammonta għal tal-anqas EUR 2,6 biljun 101 .

Illum, il-komunitajiet tal-enerġija huma organizzati f’diversi forom legali. L-oqsma tal-attivitajiet, il-portafolli tat-teknoloġija, id-daqs, u l-istrutturi tas-sħubija jvarjaw. Bħalissa, il-komunitajiet tal-enerġija jżidu s-sensibilizzazzjoni u l-aċċettazzjoni tat-teknoloġija, jippromwovu l-effiċjenza enerġetika, jipproduċu u jqassmu l-elettriku u s-sħana bbażati fuq l-enerġija rinnovabbli, jipprovdu servizzi relatati mal-elettromobbiltà, u jmexxu servizzi ta’ konsulenza dwar l-enerġija. Huma jesperimentaw b’mod innovattiv b’mudelli ta’ negozju u b’kunċetti ta’ awtosuffiċjenza għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali. Il-kontinwazzjoni u l-estensjoni tal-komunitajiet tal-enerġija fl-Ewropa jiddependu fuq leġiżlazzjoni favorevoli u fuq inċentivi finanzjarji kif ukoll fuq il-kompetittività tat-teknoloġiji li huma aċċessibbli għaċ-ċittadini.

Filwaqt li l-oqfsa ta’ politika tal-UE għandhom l-għan li jiskattaw l-iżvilupp ta’ komunitajiet tal-enerġija madwar l-UE 102 , inkluż bejn il-fruntieri, ħafna se jiddependu fuq kif l-Istati Membri se jimplimentaw il-qafas ta’ abilitazzjoni għal dawn it-tipi ta’ mudelli 103 . Il-qafas tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECP) diġà għandu rekwiżit għall-Istati Membri sabiex jirrapportaw dwar il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli, madankollu ftit Stati Membri biss inkludew miri kwantitattivi u miżuri konkreti għall-iżvilupp tal-komunitajiet tal-enerġija fl-NECPs tagħhom. Sabiex tingħata spinta lill-iżvilupp tal-komunitajiet tal-enerġija fis-sens tad-Direttiva tal-UE, Il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tistabbilixxi Repożitorju tal-Komunità tal-Enerġija li se jikkontribwixxi għad-disseminazzjoni tal-aħjar prattiki u jipprovdi assistenza teknika għall-iżvilupp ta’ inizjattivi konkreti tal-komunità tal-enerġija madwar l-UE.

B’mod simili għall-komunitajiet tal-enerġija, il-qafas tal-UE se jappoġġa l-adozzjoni tal-awtokonsum (jiġifieri prosumaturi), bir-rekwiżit li jiġu abilitati l-awtokonsum individwali u kollettiv u l-eżenzjoni mit-tariffi tan-network. Għal darb’oħra, ħafna se jiddependi fuq it-tfassil tal-qafas legali, fuq it-tariffi u fuq it-taxxi tan-network applikabbli, u fuq punti uniċi ta’ informazzjoni sabiex jiġi stimolat l-awtokonsum kollettiv f’bini ta’ appartamenti b’diversi livelli - u lil hinn minnu, jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħmlu dan. Ir-restrizzjonijiet legali u t-tassazzjoni mhux favorevoli jistgħu joħolqu ostakli serji għall-adozzjoni tal-awtokonsum.

3.3 Pompi tas-sħana għall-applikazzjonijiet fil-bini

Analiżi tat-Teknoloġija

Il-pompi tas-sħana għall-applikazzjonijiet fil-bini 104 huma prodotti maturi u disponibbli kummerċjalment. Jistgħu jiġu kklassifikati skont is-sors li minnu jisiltu l-enerġija rinnovabbli (arja, ilma jew art), il-fluwidu għat-trasferiment tas-sħana li jużaw (arja jew ilma), l-iskop tagħhom (tkessiħ / tisħin tal-ispazju, tisħin tal-ilma domestiku) u s-segmenti tas-suq fil-mira (networks residenzjali, kummerċjali ħfief u tat-tisħin).

Il-ġenerazzjoni tas-sħana mill-pompi tas-sħana kienet qed tikber bi 11,5 % fis-sena matul l-aħħar ħames snin fl-UE, u laħqet il-250 TWh fl-2020 105 . Din ix-xejra għandha tiżdied minħabba li l-elettrifikazzjoni tat-tisħin se tkun kontributur ewlieni għall-perkors tas-settur tal-bini lejn in-newtralità klimatika.

Il-pompi tas-sħana huma effiċjenti ħafna; il-koeffiċjent staġunali tipiku tal-prestazzjoni tagħhom ta’ tlieta ifisser li għal kull kWh ta’ elettriku kkonsmat, jiġu ġġenerati 3 kWh sħana 106 . Konsegwentement, it-tħaddim ta’ pompa tas-sħana għat-tisħin tal-bini jista’ jkun kosteffettiv biss meta mqabbel mal-bojlers tal-gass, jekk il-proporzjon tal-prezz tal-elettriku għall-gass ma jkunx ogħla minn tlieta. Dan il-proporzjon ivarja ħafna, minn 1,5 għal 5,5 bejn l-Istati Membri 107 , spiss minħabba taxxi u imposti ogħla fuq l-elettriku fir-rigward tal-fjuwils fossili u n-nuqqas ta’ internalizzazzjoni tal-kost estern tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-prezzijiet tal-gass/taż-żejt. Dawn il-kwistjonijiet huma indirizzati mill-pakkett ta’ politika ppreżentat f’Lulju tal-2021 sabiex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, speċifikament mill-proposti ta’ emenda għad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u l-introduzzjoni ta’ skambju ġdid ta’ kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq.

Is-settur tal-pompi tas-sħana huwa kkaratterizzat minn suq globali u kompetittiv, fejn l-innovazzjoni hija ta’ importanza ewlenija. L-adattamenti għar-regolamenti u għall-istrateġiji klimatiċi u ambjentali tal-UE li qed jevolvu qed jikkompetu mat-titjib fil-prestazzjonijiet u fil-kostijiet tal-prodotti fl-intrapriżi żgħar, medji jew kbar tal-UE, fejn il-kapaċitajiet tar-riċerka u tal-iżvilupp huma limitati. Madankollu, joffru opportunitajiet għall-industrija sabiex tipproponi prodotti innovattivi.

Matul il-perjodu bejn l-2011 u l-2021, mill-pubblikazzjonijiet xjentifiċi kkwotati ħafna dwar it-teknoloġija tal-pompi tas-sħana, aktar minn 37 % jappartjenu għall-UE, segwita miċ-Ċina (23 %) u mill-Istati Uniti (20 %). L-UE hija fuq quddiem ukoll fl-invenzjonijiet fil-“pompi tas-sħana primarjament għat-tisħin għall-applikazzjonijiet fil-bini”: matul il-perjodu bejn l-2015 u l-2017, 42 % tal-invenzjonijiet ta’ valur għoli ġew ippreżentati fl-UE, segwita mill-Ġappun (20 %), mill-Istati Uniti (8 %), mill-Korea t’Isfel (7 %) u miċ-Ċina (4 %) 108 .

Filwaqt li jibnu fuq din il-bażi ta’ għarfien u ta’ innovazzjoni, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-industrija tal-UE għandhom il-kapaċità li jipproponu innovazzjonijiet. Matul il-perjodu bejn l-2014 u l-2020, il-proġetti ta’ pompi tas-sħana għall-applikazzjonijiet fil-bini kienu jirrappreżentaw finanzjament totali ta’ EUR 146,8 miljun taħt Orizzont 2020, il-programm tar-riċerka u tal-innovazzjoni tal-UE. L-akbar sehem kien iddedikat għall-integrazzjoni tal-pompi tas-sħana ma’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli oħrajn (60,9 %), meta mqabbel mal-iżvilupp ta’ pompi tas-sħana għal applikazzjonijiet residenzjali (6,5 %) u għal applikazzjonijiet ta’ tisħin distrettwali (32,6 %).

Analiżi tal-Katina tal-Valur

Skont il-EurObserver 109 , il-fatturat tal-pompi tas-sħana fl-UE ammonta għal EUR 26,6 biljun fl-2018, li żdied bi 18 % meta mqabbel mal-2017. B’mod parallel, l-impjiegi diretti u indiretti ammontaw għal 222 400 fl-2018, u żdiedu bi 17 % meta mqabbla mal-2017. Din id-data tinkludi t-tipi kollha ta’ pompi tas-sħana, inklużi l-pompi tas-sħana mill-arja għall-arja użati biss għat-tkessiħ jew għat-tisħin u għat-tkessiħ, li kienu jirrappreżentaw 86 % tal-unitajiet mibjugħin fl-2019.

Mill-perspettiva tal-ħiliet, is-settur tal-pompi tas-sħana jimpjega forza tax-xogħol b’edukazzjoni tajba fl-oqsma tar-riċerka u tal-iżvilupp, il-manifattura tal-komponenti u tal-pompi tas-sħana, l-inġiniera termotekniċi u l-ġeoloġisti, l-installaturi (inklużi d-drillers) u s-servizz u l-manutenzjoni.

Analiżi tas-Suq Dinji

L-Asja u l-Amerika qed jiddominaw l-esportazzjonijiet fis-suq tal-arja kundizzjonata residenzjali 110 tal-pompi tas-sħana mill-arja għall-arja. In-nuqqas ta’ bilanċ huwa anqas evidenti meta titqies l-arja kundizzjonata riversibbli 111 : Il-pajjiżi Asjatiċi għadhom fuq quddiem, segwiti mill-pajjiżi Ewropej. Meta jitqiesu l-“pompi tas-sħana primarjament għat-tisħin” 112 , il-pajjiżi tal-UE huma minn ta’ quddiem nett fl-esportazzjonijiet, segwiti mill-Asja. Madankollu, matul l-aħħar ħames snin, it-tkabbir tas-suq tal-UE ta’ “pompi tas-sħana primarjament għat-tisħin” ittieħed mill-importazzjonijiet mill-Asja, li żdiedu b’rata annwali medja ta’ 21 % mill-2015 sal-2020. Għalhekk, il-bilanċ kummerċjali kien qed jonqos minn bilanċ pożittiv ta’ EUR 249 miljun fl-2015 għal defiċit ta’ EUR 40 miljun fl-2020.   

Fuq il-bażi tal-projezzjonijiet mill-istrateġija fit-tul tal-UE 113 , il-bejgħ tal-pompi tas-sħana huwa mistenni li jiżdied b’mod rapidu sal-2030 fl-UE għall-elettrifikazzjoni fis-settur tat-tisħin tal-bini, segwit minn tkabbir aktar bil-mod fil-penetrazzjoni minn hemm ’il quddiem. Il-penetrazzjoni aktar mgħaġġla fis-suq ta’ quddiem nett tal-UE hija opportunità għall-industrija tal-UE sabiex tikber u tiżviluppa produzzjoni kompetittiva sal-2030, imbagħad sabiex taħtaf it-tkabbir sostnut globalment, kif ipproġettat mill-AIE 114 .

Il-kostijiet għoljin fl-Ewropa huma parzjalment attribwibbli għal livell għoli ta’ frammentazzjoni u għal swieq iffokati fuq livell nazzjonali. F’xi każijiet, il-liġijiet nazzjonali jvarjaw, b’mod partikolari dwar ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni tal-prodotti u r-regoli dwar il-ħruġ ta’ permessi. Networks aħjar ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ distribuzzjoni fl-UE u barra minnha, u potenzjalment aktar kooperazzjoni mas-sħab b’kompetenzi rilevanti, ikunu jikkontribwixxu sabiex tiżdied il-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE. Madankollu, filwaqt li rrikonoxxiet ir-rwol sinifikanti tal-pompi tas-sħana fl-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, il-Kummissjoni ħabbret li se tippromwovi aktar l-użu tal-pompi tas-sħana fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni 115 . Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li żżid ir-rwol tal-pompi tas-sħana fil-flessibbiltà tas-sistemi tal-enerġija, pereżempju bl-iżvilupp ta’ kodiċi tan-network dwar il-flessibbiltà fin-naħa tad-domanda. 

3.4Il-batteriji

Analiżi tat-Teknoloġija

Dan ir-rapport jiffoka fuq it-teknoloġija tal-batteriji tal-jon tal-litju (Li-ion), minħabba l-importanza tagħha għall-elettromobbiltà, li tiddomina d-domanda għall-batteriji b’rabta mat-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa 116 . Fis-sistema usa’ tal-enerġija, il-batteriji stazzjonarji se jkunu kritiċi bħala mezz għall-ħżin tal-enerġija, u jippermettu kontribut għoli għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli intermittenti fit-taħlita tal-elettriku. Barra minn hekk, l-interazzjoni tal-vetturi elettriċi mal-grilja tal-elettriku għandha potenzjal kbir x’jiġi sfruttat).

Fl-2020, il-Vetturi Elettriċi (EVs) saru kompetittivi fil-kostijiet f’aktar minn 50 % tas-suq tal-karozzi Ewropew totali, fuq il-bażi tal-kost totali tas-sjieda. Il-prezzijiet medji tal-pakketti tal-batterija tal-EV tal-jon tal-litju naqsu b’89 % f’termini reali mill-2010 għal USD 137 għal kull kWh (EUR 115 għal kull kWh) fl-2020. Sal-2023, il-prezzijiet medji tal-pakketti huma mbassrin li jkunu USD 101 għal kull kWh u sal-2027 il-prezz tax-xiri tal-EVs huwa mistenni li jkun anqas mill-karozzi konvenzjonali 117 .

Id-densità medja tal-enerġija tal-batteriji tal-EVs qed tiżdied b’7 % fis-sena 118 , filwaqt li d-daqs medju tal-pakkett tal-batterija fil-vetturi elettriċi ħfief (elettriċi biss u ibridi) żdied minn 37 kWh fl-2018 għal 44 kWh fl-2020, il-batterija għall-karozzi purament elettriċi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tinsab fil-medda ta’ 50 sa 70 kWh 119 . Ix-xejriet fid-daqs tal-karozzi li qed jikber jheddu t-titjib fl-effiċjenza enerġetika u d-disponibbiltà ta’ materja prima kritika.

Il-varar tat-teknoloġija tal-batteriji fl-UE laħaq livelli għoljin storiċi, b’bejgħ tal-EV ta’ 10,5 % tas-suq tal-karozzi fl-2020 (żieda minn 3 % fl-2019) 120 , iżda għad hemm disparità qawwija fl-UE, bil-bejgħ tal-EV li jvarja minn 0,5 % f’Ċipru għal 32 % fl-Iżvezja. In-numru ta’ EVs fit-triq irdoppja għal aktar minn żewġ miljuni fl-UE matul l-2020, ekwivalenti għal aktar minn 60 GWh ta’ kapaċità ta’ ħżin. Sal-2030, huma mistennija aktar minn 50 miljun EV fit-toroq tal-UE 121 .

Fl-UE, is-suq li għadu jibda tal-batteriji stazzjonarji kiber bejn wieħed u ieħor għal 1,3 GWh fl-2020, b’kapaċità installata kumulattiva ta’ madwar 4,3 GWh (l-aktar batteriji tal-jon tal-litju) 122 . Il-promozzjoni tal-awtokonsum kisbet lill-Ġermanja żewġ terzi tas-suq Ewropew tal-ħżin tal-batteriji residenzjali (2,3 GWh) 123 . Sal-2030, il-batteriji stazzjonarji jistgħu jaħżnu kważi daqs il-ħżin ippumpjat bl-ilma llum, imkejjel fi throughput tal-enerġija. Il-batteriji tal-jon tal-litju jistgħu jipprovdu ħżin b’mod effiċjenti sa ħames sigħat, filwaqt li t-teknoloġiji emerġenti, inklużi l-batteriji taċ-ċirkolazzjoni, jistgħu jaqdu aħjar għal ħżin aktar fit-tul.

Fid-dawl tal-elementi tal-kost addizzjonali, il-kost tas-sistema tal-applikazzjonijiet tal-jon tal-litju fuq skala tal-grilja huwa ta’ bejn EUR 300 u EUR 400 għal kull kWh, filwaqt li l-kost tas-sistemi tal-ħżin fid-djar huwa bejn wieħed u ieħor id-doppju. It-tnaqqis tal-kost tas-sistema tal-enerġija tal-batteriji għal nofs il-prezz attwali huwa essenzjali għall-adozzjoni tal-massa madwar l-Ewropa kollha 124 .

Żewġ Proġetti Importanti Multibiljunarji ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI) 125 li jinvolvu lil 12-il Stat Membru u għexieren ta’ kumpaniji u ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka qed juru l-prijorità dejjem akbar tal-batteriji fil-finanzjament tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Min-naħa tagħha, l-UE allokat EUR 925 miljun għas-Sħubija dwar il-Batteriji taħt Orizzont Ewropa matul il-perjodu bejn l-2021 u l-2027.

Analiżi tal-Katina tal-Valur

Minkejja l-interess dejjem jiżdied fil-proġetti tal-estrazzjoni fl-Ewropa, speċjalment fil-litju u fil-grafit naturali fir-rigward tal-minerali ta’ rilevanza għall-batteriji, il-provvista kemm tal-materja prima primarja kif ukoll dik sekondarja tal-batteriji teħtieġ espansjoni kbira fl-iskala sabiex tlaħħaq mad-domandi li qed jikbru għall-materjali tal-batteriji 126 . L-UE hija dipendenti ħafna fuq il-kummerċ internazzjonali għall-provvista tal-kobalt, tal-litju u tal-grafit u dawk il-materjali jinsabu fil-lista tal-UE ta’ materja prima kritika 127 . Għalkemm il-provvista tan-nikil hija aktar diversifikata, l-UE tiddependi fuq l-importazzjonijiet tal-materjal ta’ purità għolja neċessarju għall-produzzjoni tal-batteriji b’sehem ta’ ~56 %. Il-materjali futuri tal-anodu u tal-katodu bħas-siliċju, it-titanju u n-nijobju huma wkoll fil-lista tal-UE ta’ materja prima kritika 128 .

Minbarra r-raffinar tal-kobalt (it-tieni wara ċ-Ċina), l-UE ġeneralment għandha pożizzjoni dgħajfa fir-raffinar tal-materjali relatati mal-batteriji. Filwaqt li l-UE għandha atturi b’saħħithom fil-qasam tal-materjali katodiċi, l-UE għadha importatur nett tal-materjali katodiċi mill-Asja. Il-kapaċità tal-produzzjoni taċ-ċelloli tal-batteriji hija mbassra li se tavviċina l-400 GWh u fil-biċċa l-kbira se tissodisfa d-domanda domestika sal-2025 129 .

Mill-2021, is-sussidjarji tal-UE ta’ kumpaniji barranin, l-aktar Koreani, kienu involuti f’kapaċità ta’ produzzjoni ta’ ċelloli tal-jon tal-litju li tlaħħaq mal-44 GWh 130 . Sadanittant, 10 kumpaniji bi kwartieri ġenerali fl-UE se jibdew il-produzzjoni taċ-ċelloli tal-jon tal-litju fis-snin li ġejjin. Il-produtturi ewlenin tad-dinja qed jiftħu fabbriki fl-UE wkoll. Il-kapaċitajiet tal-produzzjoni taċ-ċelloli tal-jon tal-litju qed jikbru fl-UE, u jammontaw għal 6 % tal-kapaċità globali mill-2021 131 , żieda minn 3 % fl-2018. Il-produtturi Ewropej iżommu pożizzjoni b’saħħitha f’applikazzjonijiet niċċa tal-jon tal-litju, iżda għadhom jiddependu fuq kumpaniji Asjatiċi għal tagħmir tal-produzzjoni taċ-ċelloli tal-batteriji 132 .

L-UE għandha l-aktar rwol b’saħħtu tagħha fil-prodotti finali. Il-kumpaniji tal-karozzi kollha tal-UE laqgħu l-bidla għall-elettromobbiltà, waħda minnhom saħansitra kellha l-għan li tbigħ miljun karozza elettrika fl-2021. L-UE għandha numru ta’ riċiklaturi, iżda b’kapaċitajiet limitati. Bħalissa, il-batteriji jintbagħtu l-aktar lejn l-Asja fi tmiem il-ħajja 133 . Ladarba jkun fis-seħħ il-qafas ta’ appoġġ tar-Regolament il-ġdid dwar il-Batteriji 134 , l-Ewropa tista’ ssir il-mexxej fl-ekonomija ċirkolari tal-batteriji – mill-estrazzjoni sar-riċiklaġġ. Katina tal-valur li qed tikber teħtieġ aktar sforz fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, peress li sal-2025 b’kollox se jinħolqu 800 000 impjieg dirett u minn 3 sa 4 miljun impjieg 135 . Għal dan l-għan, l-UE nediet l-Akkademja EBA250.

Analiżi tas-Suq Dinji

Iċ-Ċina tikkontrolla 80 % tal-kapaċità dinjija għar-raffinar tal-materja prima tal-batteriji, 77 % tal-kapaċità tal-produzzjoni taċ-ċelloli u 60 % tal-kapaċità tal-manifattura tal-komponenti tal-batteriji 136 . Id-defiċit kummerċjali tal-UE fil-batteriji tal-jon tal-litju kien ta’ EUR 3,6 biljun fl-2018 u ta’ EUR 4,2 biljun fl-2019. Il-biċċa l-kbira taċ-ċelloli tal-batteriji kienu għadhom jiġu importati fl-2020 u l-ebda produttur ewlieni tal-batteriji ma kien Ewropew (iżda ħafna minnhom kellhom manifattura fl-UE). Fl-2020, is-suq globali tal-batteriji tal-jon tal-litju kien jammonta bejn wieħed u ieħor għal USD 40 sa 47 biljun 137 . Bil-proġetti ta’ investiment li għaddejjin, sal-2025, l-UE hija mistennija li ssir it-tieni l-akbar produttur taċ-ċelloli tal-batteriji fid-dinja, wara ċ-Ċina. 138

L-UE kellha biss defiċit kummerċjali żgħir fil-karozzi elettriċi fl-2020, filwaqt li l-esportazzjonijiet żdiedu aktar malajr mill-importazzjonijiet 139 . Fl-istess ħin, il-kumpaniji tal-karozzi tal-UE jespandu l-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħhom fl-Asja u fl-Istati Uniti li jikkompetu ma’ kumpaniji hemmhekk. L-UE għandha wkoll atturi b’saħħithom fis-suq tal-ħżin stazzjonarju: eż. inklużi mexxejja globali f’applikazzjonijiet fuq skala tal-grilja u fis-suq tal-ħżin residenzjali.

Fil-produzzjoni u fil-varar tax-xarabanks elettriċi, l-UE għadha lura ħafna meta mqabbla maċ-Ċina li diġà elettrifikat 60 % tal-flotta tagħha tax-xarabanks. Fl-UE, fl-2020 inbiegħu biss 1 714-il xarabank elettrika 140 meta mqabbla ma’ 61 000 fiċ-Ċina 141 .

3.5Il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli permezz tal-elettroliżi

Analiżi tat-Teknoloġija

L-idroġenu rinnovabbli miksub permezz tal-elettroliżi tal-ilma (imsejħa wkoll Fjuwils Rinnovabbli ta’ Oriġini Mhux Bijoloġika) għandu l-potenzjal li jiddekarbonizza setturi li diffiċli sabiex jiġu elettrifikati u diffiċli sabiex jitrażżnu bħall-industrija u t-trasport heavy duty, u li jikkontribwixxi għal servizzi tal-enerġija bħall-ħżin staġunali. L-isfida ewlenija tat-teknoloġija tinkludi t-telf fl-effiċjenza enerġetika assoċjat mal-konverżjoni tal-enerġija rinnovabbli f’idroġenu, peress li kull unità ta’ idroġenu rinnovabbli prodotta teħtieġ 1,5 unitajiet ta’ elettriku rinnovabbli. Dan jeħtieġ ammonti enormi ta’ enerġija rinnovabbli, prinċipalment mir-riħ u mix-xemx, kif ukoll jeħtieġ li l-kostijiet tal-enerġija rinnovabbli jonqsu sabiex issir kompetittiva mal-idroġenu mill-fjuwils fossili.

Id-domanda industrijali kurrenti tal-UE għall-idroġenu ta’ madwar 7,7 miljun tunnellata fis-sena 142 hija fil-biċċa l-kbira prodotta mill-fjuwils fossili. L-idroġenu prodott mill-elettroliżi tal-ilma huwa stmat li huwa anqas minn 1 % mill-produzzjoni ġenerali 143 . L-objettiv kurrenti tal-UE għall-2030 huwa li jiġu installati 40 GW ta’ elettrolizzaturi, sabiex jipproduċu sa 10 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli fis-sena 144 . Sal-2050, il-previżjonijiet tal-kapaċità tal-elettrolizzaturi għall-medda tas-suq Ewropew ivarjaw minn 511-il GW 145 sa 1 000 GW 146 .

Xi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) għall-elettrolizzaturi tal-ilma huma miġburin fil-qosor hawn taħt għal teknoloġiji differenti: Alkalina, Membrana Elettrolitika Polimerika (PEM), Membrana ta’ Skambju tal-Anjoni (AEM), u Elettrolizzaturi b’Ossidu Solidu (SO). Il-Membrani ta’ Skambju tal-Anjoni ma għandhomx l-istess livell ta’ maturità bħat-teknoloġiji l-oħrajn (li għadhom qed jiġu żviluppati iżda disponibbli għal użu kummerċjali limitat). L-Elettroliżi b’Ossidu Solidu qed tibda tintuża għal dimostrazzjonijiet. L-Alkalina u l-Membrana Elettrolitika Polimerika (PEM) huma teknoloġiji kompletament kummerċjali.

Tabella 1 Indikaturi Ewlenin tal-prestazzjoni għall-erba’ teknoloġiji ewlenin tal-elettroliżi tal-ilma fl-2020 u mbassrin fl-2030. Id-degradazzjoni tal-istack hija ddefinita bħala telf perċentwali fl-effiċjenza matul it-tħaddim b’kapaċità nominali.

 

2020

2030

 

Alkalina

PEM

AEM

SO

Alkalina

PEM

AEM

SO

Temperatura Karatteristika [°C]

minn 70 sa 90*

minn 50 sa 80*

minn 40 sa 60*

minn 700 sa 850*

-

-

-

-

Pressjoni taċ-Ċelloli [bar]

<30*

<70*

<35*

<10*

-

-

-

-

Effiċjenza (sistema) [kWh/kgH2]

50

55

57*

40

48

50

<50*

37

Degradazzjoni [%/1 000h]

0,12

0,19

-

1,9

0,1

0,12

-

0,5

Medda tal-Kostijiet Kapitali [EUR/kW - fuq il-bażi ta’ produzzjoni ta’ 100 MW ]

600

900

-

2 700

400

500

-

972

Sors: Addendum għall-Pjan ta’ Ħidma Pluriennali 2014 – 2020, FCH JU, 2018 u għall-parametri ttikkettati b’“*”, elaborazzjoni tad-DĠ ENERĠIJA (il-Kummissjoni Ewropea) fuq il-bażi tad-data ta’ IRENA mir-rapport “Green Hydrogen Cost Reduction”, 2020.

L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (FCH JU) investiet madwar EUR 150,5 miljun mill-2008 fl-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-Elettrolizzaturi (EUR 74,7 miljun għal azzjonijiet ta’ riċerka u EUR 75,9 miljun għal Azzjonijiet ta’ Innovazzjoni). Il-pajjiżi benefiċjarji ewlenin kienu l-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit b’madwar EUR 31, 25 u 18-il miljun rispettivament. Is-Sejħa tal-Patt Ekoloġiku ta’ Orizzont 2020 għamlet disponibbli madwar EUR 90 miljun f’finanzjament għal tliet konsorzji ta’ proġetti sabiex jiżviluppaw u joperaw elettrolizzaturi ta’ 100 MW f’ambjenti tal-ħajja reali. Filwaqt li l-Ġappun ilu ħafna snin joħroġ privattivi b’mod konsistenti f’dan il-qasam tekniku, f’reġjuni oħrajn (b’mod partikolari ċ-Ċina), in-numru ta’ invenzjonijiet relatati mal-elettrolizzaturi żdied b’mod kostanti f’dawn l-aħħar snin. Għall-elettrolizzaturi, l-Ewropa (inkluż ir-Renju Unit) tippreżenta numri proporzjonalment ogħla ta’ Familji Internazzjonali ta’ Privattivi (applikazzjonijiet għall-privattivi ppreżentati u ppubblikati f’diversi uffiċċji internazzjonali tal-privattivi) minn ekonomiji ewlenin oħrajn 147 .

Analiżi tal-Katina tal-Valur

Huwa diffiċli li jkun hemm informazzjoni preċiża dwar il-ktajjen ta’ valur relatati mal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u t-tkabbir previst tagħhom, iżda l-ħidma tal-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif b’aktar minn 1 500 membru tagħha tindika settur dinamiku ħafna u li qed jiżviluppa b’mod rapidu. Sal-lum, l-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif diġà ġabret informazzjoni dwar proġetti għal madwar 60 GW ta’ elettrolizzaturi sal-2030, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom għandhom jitħaddmu bl-elettriku rinnovabbli.

Is-suq tal-elettroliżi juri potenzjal qawwi għall-iżvilupp. Ħarsa ġenerali lejn il-manifatturi tas-sistemi tal-elettroliżi fuq skala medja sa kbira, li jirrapportaw biss manifatturi ta’ sistemi kummerċjali u li ma jqisux manifatturi ta’ elettrolizzaturi fuq skala tal-laboratorju, turi li l-Ewropa għandha pożizzjoni internazzjonali b’saħħitha kemm għall-elettroliżi alkalina kif ukoll għall-elettroliżi PEM u pożizzjoni b’saħħitha ħafna għall-elettroliżi SO, filwaqt li l-uniku manifattur AEM jinsab ukoll fl-UE 148 . L-użu fuq skala kbira ta’ dawn l-elettrolizzaturi se jiddependi fost l-oħrajn fuq id-disponibbiltà ta’ elettriku rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju meħtieġ għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll fuq fatturi oħrajn bħaż-żieda fin-numru ta’ sigħat operazzjonali tal-elettrolizzaturi u t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-elettriku. 

Analiżi tas-Suq Dinji

L-UE stabbiliet vantaġġ teknoloġiku fl-elettroliżi u fit-teknoloġiji assoċjati iżda s’issa għad għandha produzzjoni relattivament żgħira ta’ elettrolizzaturi li, madankollu, hija mistennija li tikber b’mod sinifikanti fis-snin li ġejjin. Hemm bżonn ta’ madwar 30 materja prima għall-produzzjoni taċ-ċelloli tal-fjuwil, tal-elettrolizzaturi u tat-teknoloġiji tal-ħżin tal-idroġenu. Minn dawn il-materjali, 13-il materjal huma meqjusin kritiċi għall-ekonomija tal-UE skont il-lista tal-2020 ta’ Materja Prima Kritika (l-elettrolizzaturi ma humiex inklużi fil-valutazzjoni) 149 . B’mod partikolari, l-elettroliżi PEM teħtieġ l-użu ta’ katalizzaturi tal-metall nobbli bħall-iridju għall-anodu u l-platinu għall-katodu, li t-tnejn li jinkisbu prinċipalment mill-Afrika t’Isfel; filwaqt li l-elettrolizzaturi SO jeħtieġu metalli tal-materjali tal-art rari, li fil-biċċa l-kbira jinġiebu miċ-Ċina.

3.6Grilji intelliġenti (awtomatizzazzjoni tan-network ta’ distribuzzjoni, kejl intelliġenti, Sistemi ta’ Ġestjoni tal-Enerġija fid-Djar u ċċarġjar intelliġenti tal-EVs) 

L-adozzjoni ta’ teknoloġiji tal-grilja intelliġenti hija mistennija tibqa’ xejra robusta matul dan id-deċennju u lil hinn, f’korrelazzjoni mill-qrib mal-elettrifikazzjoni, mad-deċentralizzazzjoni u mal-ħtieġa għal titjib fl-affidabbiltà tal-grilja u fl-effiċjenza operattiva u maż-żieda fl-investimenti sabiex tiġi aġġornata l-infrastruttura tal-grilja li qed tiqdiem. It-teknoloġiji bħall-kejl intelliġenti, l-awtomatizzazzjoni jew l-elettrifikazzjoni tal-mobbiltà se jikkontribwixxu kull waħda b’madwar 8 % tal-investiment stmat fl-UE u fir-Renju Unit fin-networks ta’ distribuzzjoni tal-enerġija sal-2030 150 . Huwa ferm antiċipat li s-swieq għas-servizzi diġitali assoċjati se jkomplu jikbru wkoll. Din it-taqsima tanalizza erba’ oqsma ta’ teknoloġiji u ta’ servizzi diġitali li huma partikolarment importanti għall-ambizzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-bini u tal-mobbiltà, jiġifieri l-awtomatizzazzjoni tan-networks ta’ distribuzzjoni, is-Sistemi ta’ Ġestjoni tal-Enerġija fid-Djar (HEMS), l-arloġġi intelliġenti, u l-iċċarġjar intelliġenti.

Analiżi tat-Teknoloġija

L-awtomatizzazzjoni tad-distribuzzjoni u l-kejl intelliġenti jistgħu jiddependu fuq apparat u fuq software maturi, lesti għas-suq, li l-varar tagħhom ilu għaddej għaxar snin. Pereżempju, sa tmiem l-2020, ġew installati kważi 150 miljun arloġġ intelliġenti fl-UE, fin-Norveġja, fl-Iżvizzera u fir-Renju Unit (rata medja ta’ penetrazzjoni ta’ 49 %). Dan in-numru huwa mistenni li jikber għal kważi 215-il miljun sal-2025 (rata ta’ penetrazzjoni ta’ 69 %) 151 bit-teknoloġija tat-tieni mewġa li tiffoka aktar fuq id-deċentralizzazzjoni u fuq is-servizzi lill-konsumaturi.

Min-naħa l-oħra, l-HEMS u l-iċċarġjar intelliġenti jinsabu fil-fażi bikrija tal-adozzjoni tagħhom, b’ħafna proġetti ta’ riċerka promettenti li għadhom għaddejjin fl-UE u fi bnadi oħrajn li qed javvanzaw l-aktar teknoloġija avvanzata u jinfluwenzaw dan it-tkabbir bikri. L-istandardizzazzjoni, l-interoperabbiltà u ċ-ċibersigurtà huma sfidi komuni b’mod ġenerali għat-teknoloġiji kollha u jirriskjaw li jnaqqsu r-ritmu tal-adozzjoni f’suq spiss frammentat.

Analiżi tal-Katina tal-Valur

Il-katina tal-valur tal-erba’ teknoloġiji hija magħmula minn taħlita ta’ fornituri ta’ hardware, software u servizzi. Dan jikkontribwixxi għall-frammentazzjoni tal-ktajjen tal-valur tal-UE fost ħafna atturi, speċjalment fil-qasam tal-HEMS u tal-iċċarġjar intelliġenti. Min-naħa l-oħra, il-ktajjen tal-valur tal-awtomatizzazzjoni tad-distribuzzjoni u tal-kejl intelliġenti huma aktar ikkonċentrati. Fl-awtomatizzazzjoni tad-distribuzzjoni, xi kumpaniji Ewropej huma preżenti fil-katina tal-valur sħiħa u huma atturi globali sinifikanti jew mexxejja tas-suq, filwaqt li ktajjen tal-valur tal-kejl intelliġenti tipikament ikunu ddominati minn atturi reġjonali.

B’mod ġenerali, aktar minn 50 kumpanija, l-aktar Ewropej, huma b’xi mod attivi fis-suq tal-HEMS 152 , li wħud minnhom għandhom legat qawwi fl-enerġija. Aktar reċentement, l-aggregaturi u l-kumpaniji tat-teknoloġija dehru f’dan is-suq, filwaqt li ffokaw il-mudelli ta’ negozju tagħhom biss madwar l-HEMS u offrew prodotti jew servizzi lil kumpaniji ewlenin, u b’hekk jevitaw li dawn ikopru l-katina tal-produzzjoni kollha tal-HEMS.

It-tliet elementi ta’ għarfien ewlenin miksubin fir-rigward tal-katina tal-provvista tal-infrastruttura tal-iċċarġjar tal-EVs 153 huma: (i) il-katina tal-provvista tal-manifatturi hija prinċipalment lokali u/jew reġjonali, b’mod partikolari għall-bejjiegħa bbażati fl-UE, (ii) il-partijiet elettroniċi bażiċi jinxtraw fl-Asja, u (iii) is-suq u l-katina tal-valur għadhom ma humiex kompletament maturi hekk kif il-bejjiegħa jiżviluppaw, ifasslu u jimmanifatturaw primarjament internament, b’xi manifattura kuntrattata. Iżda hekk kif l-adozzjoni ta’ Riżorsi Distribwiti ta’ Enerġija (DER) u tal-EVs se timxi b’veloċità mgħaġġla matul dan id-deċennju, is-settur tal-iċċarġjar intelliġenti se jikkonsolida wkoll bħala parti dejjem akbar ta’ suq multibiljunarju tal-iċċarġjar tal-EVs speċjalment fil-parti tal-iċċarġjar bil-mod li se tkun akbar minn dik tal-iċċarġjar rapidu skont l-AIE fl-aħħar Global EV Outlook 154 tagħha.

Ta’ min isemmi li bl-importanza dejjem akbar tas-software fit-teknoloġiji relatati mal-grilji intelliġenti, il-mudell ta’ negozju qed jallinja parzjalment ma’ dak tal-industrija purament tas-software u qed jevolvi aktar lejn suq tas-servizzi, b’ħafna mid-dħul li jiġi wara l-varar inizjali 155 .                                

Analiżi tas-Suq Dinji

L-erba’ swieq kollha qed jikbru b’madwar 10 % tal-CAGR (ir-Rata ta’ Tkabbir Annwali Komposta), bl-infrastruttura tal-iċċarġjar b’26 % 156 . L-awtomatizzazzjoni tad-distribuzzjoni, l-akbar suq globali fost l-erba’ b’valur stmat ta’ USD 12,4 biljun fl-2020, hija mistennija tikber b’CAGR ta’ 7,4 % sabiex tilħaq is-USD 17,7 biljun sal-2025. Is-suq tal-Arloġġi Intelliġenti kien stmat għal USD 21,3 biljun fl-2019 u huwa mistenni li jikber għal USD 38 sa 39 biljun fl-2027 (minħabba t-tkabbir prinċipalment fl-Asja). Is-suq globali tal-HEMS huwa mistenni jikber minn kważi USD 4,4 biljun fl-2019 għal aktar minn USD 12-il biljun fl-2028, b’CAGR ta’ 12,3 % (u ta’ 12,1 % fl-UE).

Fl-aħħar nett, l-infrastruttura u l-pjattaformi tal-iċċarġjar tal-EVs jistgħu jesperjenzaw tkabbir ġenwin fl-UE matul dan id-deċennju, bis-swieq kombinati tagħhom mistennija jikbru minn EUR 0,63 biljun fl-2020 għal EUR 6,7 biljun sal-2030, b’CAGR ogħla minn 26 %. Is-suq tal-vetturi elettriċi li qed jiffjorixxi se joħloq opportunitajiet enormi għas-suq tal-HEMS, peress li dan se jsir wieħed mill-aktar tagħbijiet elettriċi importanti fid-dar. L-ispinta regolatorja bikrija ħolqot suq tal-UE li qed jikber għall-arloġġi intelliġenti, fornut l-aktar mill-produtturi tal-UE, tal-anqas f’dak li għandu x’jaqsam mal-hardware; is-suq tas-software għall-arloġġi intelliġenti u s-sistemi ta’ ġestjoni, anke fl-UE, jidher li huwa aktar ibbilanċjat, bil-preżenza ta’ xi atturi b’saħħithom mill-Istati Uniti. Min-naħa l-oħra, is-swieq Asjatiċi (u speċjalment Ċiniżi) huma enormi f’termini ta’ unitajiet mibgħuta meta mqabbla ma’ dak Ewropew 157 .

B’objettivi ta’ politika ambizzjużi (eż. il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, eċċ.), b’ambjent regolatorju favorevoli (eż. id-Direttiva dwar l-Elettriku) u bil-finanzjament pubbliku (eż. Orizzont Ewropa, il-Politika ta’ koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Innovazzjoni, il-Faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza), l-UE għandha l-għan li tkun minn ta’ quddiem nett fil-varar tal-grilji intelliġenti. Dan, flimkien mal-eżistenza ta’ kumpaniji tal-UE li ilhom stabbiliti li jipprovdu teknoloġiji tal-grilji se jappoġġa l-preżenza ta’ mexxejja tas-suq u ta’ manifatturi tat-teknoloġija solida Ewropej fl-erba’ oqsma tat-teknoloġija kollha kemm huma. Fl-istess ħin, peress li l-analiżi tas-suq globali tiżvela żviluppi b’saħħithom fl-Istati Uniti, kif ukoll fl-Asja tal-Paċifiku (iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel) ukoll, il-kumpaniji Ewropej se jkollhom jiffaċċjaw kompetizzjoni iebsa tul it-triq sal-2030.

3.7Fjuwils Rinnovabbli għall-Avjazzjoni u għat-Trasport Marittimu

Analiżi tat-Teknoloġija

Il-fjuwils rinnovabbli, inklużi l-bijofjuwils avvanzati 158 u l-fjuwils sintetiċi rinnovabbli 159 , huma l-unika soluzzjoni kummerċjalizzata għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi tal-avjazzjoni u tat-trasport marittimu fil-futur qrib 160 . Il-fjuwils rinnovabbli huma mbassrin li se jfornu 5 % (jiġifieri 2,3 Mtoe) tal-konsum totali tal-fjuwil tal-ġettijiet tal-UE sal-2030 u 63 % (jiġifieri 28 Mtoe) sal-2050 161 . Il-kapaċità annwali totali mħabbra tal-fjuwils tal-avjazzjoni rinnovabbli fl-UE hija ta’ madwar 1,7 miljun tunnellata sal-2025, li jammontaw għal 0,05 % tal-fjuwil totali tal-avjazzjoni tal-UE. Meta mqabbla, il-kapaċità installata tal-Istati Uniti hija d-doppju tal-kapaċità (3,6 miljun tunnellata) u madwar 60 % tal-kapaċità globali 162 . Is-sehem tal-fjuwils marittimi rinnovabbli llum huwa negliġibbli iżda huwa mistenni li jilħaq it-8,6 % tat-taħlita enerġetika totali sal-2030 u t-88 % sal-2050 163 .

Il-kummerċjalizzazzjoni u l-espansjoni tal-iskala tal-fjuwils rinnovabbli huma mxekklin minn nefqiet kapitali (CAPEX) għoljin, li jaslu sa EUR 500 miljun għal impjant wieħed u 80 % tal-kostijiet totali tal-produzzjoni. B’mod partikolari, il-kostijiet tal-produzzjoni tal-fjuwils rinnovabbli bħalissa huma stmati għal 3 sa 6 darbiet tal-prezz tas-suq kurrenti tal-fjuwils konvenzjonali 164 . Il-koproċessar (jew il-koidrotrattament fil-każ ta’ fjuwils tal-avjazzjoni) f’raffineriji eżistenti u f’industriji oħrajn qed jimmatura u jippreżenta vantaġġ għat-tnaqqis tal-kostijiet kapitali.

L-UE tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-kostijiet tal-fjuwils rinnovabbli billi żżomm pożizzjoni globali b’saħħitha fl-investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Il-finanzjament pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni mill-Istati Membri għall-bijofjuwils 165 , inklużi l-bijofjuwils avvanzati, baqa’ kostanti għal madwar EUR 400 miljun fis-sena mill-2008. Barra minn hekk, il-finanzjament tal-UE għall-fjuwils rinnovabbli żdied minn EUR 430 miljun għall-perjodu bejn l-2012 u l-2016 għal EUR 531 miljun matul l-2017 sal-2020. Id-dedikazzjoni speċifika tal-finanzjament għall-fjuwils tal-avjazzjoni u marittimi żdiedet minn EUR 84 miljun għal EUR 229 miljun għall-istess perjodi ta’ żmien 166 .

L-evidenza hija limitata għall-investiment privat fir-riċerka u fl-innovazzjoni iżda tissuġġerixxi li l-kumpaniji bbażati fiċ-Ċina għandhom medja tal-ogħla investimenti annwali (EUR 809 miljun) fi fjuwils rinnovabbli, segwiti minn kumpaniji tal-UE (EUR 652 miljun) u tal-Istati Uniti (EUR 578 miljun) 167 . Madankollu, l-akbar sehem ta’ kumpaniji ewlenin li jinvestu fir-riċerka u fl-innovazzjoni jinsab fl-UE, segwita miċ-Ċina u mill-Istati Uniti.

Investiment konsistenti seta’ poġġa lill-UE fost il-mexxejja globali fl-innovazzjoni. Madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi tbegħid mill-kumpaniji tal-Istati Uniti b’mod partikolari, li għandhom id-doppju ta’ privattivi fil-fjuwils tal-avjazzjoni meta mqabbla mal-kumpaniji bbażati fl-UE, u numru akbar ta’ innovaturi ewlenin 168 . Il-kumpaniji Ġappuniżi u dawk ibbażati fl-UE t-tnejn jifformaw terz mill-privattivi kollha fis-settur marittimu, iżda l-evidenza ma hijiex konklużiva minħabba l-inklużjoni ta’ xi teknoloġiji lil hinn mill-fjuwils rinnovabbli u nuqqas ta’ granularità fid-data.

Analiżi tal-Katina tal-Valur

B’mod ġenerali, il-fjuwils rinnovabbli fis-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu ma humiex biss element strateġiku sabiex nimxu lejn ekonomija newtrali għall-klima, iżda jistgħu jipprovdu wkoll opportunità għat-tkabbir u għall-impjiegi. Il-pakkett li jwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa mistenni li jżid id-domanda għall-fjuwils rinnovabbli għat-trasport marittimu u għall-avjazzjoni fl-UE. Dan jista’ jikkontribwixxi sa valur tat-tkabbir annwali miżjud ta’ diversi biljun euro sal-2030. Meta wieħed iqis li l-produzzjoni kurrenti tal-bijofjuwils likwidi ta’ 16-il Mtoe fl-UE timpjega kważi 230 000 persuna 169 , iż-żieda rispettiva fil-produzzjoni domestika tista’ toħloq sa 270 000 impjieg addizzjonali sal-2050 170 . L-impjiegi kurrenti fil-bijofjuwils jissuġġerixxu wkoll li diġà teżisti bażi b’saħħitha tal-ħiliet tax-xogħol meħtieġa għall-espansjoni tas-suq, iżda jista’ jkun meħtieġ taħriġ akbar fil-ħiliet tax-xogħol għal irduppjar potenzjali sal-2050.

Il-ktajjen tal-valur tal-UE jibbenefikaw minn għarfien espert divers f’bosta perkorsi ta’ produzzjoni u feedstocks kif ukoll sinerġiji minn numru dejjem akbar ta’ impriżi konġunti bejn il-kumpaniji tal-fjuwil rinnovabbli, il-kumpaniji taż-żejt u tal-gass u l-portijiet u l-ajruporti, li juru t-tħejjija għall-espansjoni tas-swieq tal-fjuwil rinnovabbli għall-avjazzjoni u għat-trasport marittimu.

Il-bijofjuwils avvanzati huma bbażati l-aktar fuq skart u fuq residwi mhux riċiklabbli, li hija għażla aktar sostenibbli, b’anqas impatti fuq l-użu tal-art u fuq il-bijodiversità, mill-bijofjuwils mill-ikel u mill-għalf. L-għażla tal-feedstock tal-bijomassa jista’ jkollha implikazzjonijiet għas-sostenibbiltà, għall-kostijiet tal-produzzjoni u għal konġestjonijiet potenzjali fil-provvista. B’mod partikolari mal-espansjoni tal-bijofjuwils avvanzati, il-maturità ta’ perkorsi ta’ produzzjoni alternattivi bbażati fuq feedstocks diversi, minbarra l-iskart, se tkun neċessarja sabiex jiġu evitati l-konġestjonijiet.

Analiżi tas-Suq Dinji

Is-suq għall-fjuwils rinnovabbli fl-avjazzjoni u fit-trasport marittimu bħalissa huwa limitat ħafna. Fil-biċċa l-kbira, politiki ġodda fil-pakkett li jwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew 171  huma mistennija jżidu d-domanda u jespandu dawn is-swieq f’dan id-deċennju u f’ta’ wara. Il-pożizzjoni globali b’saħħitha tas-suq tal-UE fil-bijofjuwils tat-trasport bit-triq 172 , kif ukoll il-konċentrazzjoni ta’ produtturi ewlenin tal-bijofjuwils avvanzati, jissuġġerixxu pożizzjoni inizjali tajba sabiex jimtlew dawn is-swieq ġodda. Madankollu, bl-inizjattivi ddedikati 173 u bid-doppju tal-kapaċità installata tal-UE 174 , il-produzzjoni tal-Istati Uniti ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli tista’ tikkompeti wkoll għas-swieq tal-UE.

Minħabba d-dipendenza tal-enerġija għal-likwidu fuq l-elettriku rinnovabbli b’kost baxx, il-produzzjoni ta’ fjuwils sintetiċi tista’ teħtieġ dipendenza akbar fuq ir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq (MENA). Min-naħa l-oħra, is-sinerġiji mal-faċilitajiet eżistenti tal-manifattura tal-fjuwil fl-UE (l-integrazzjoni mar-raffineriji, l-użu mill-ġdid tal-infrastrutturi tal-produzzjoni u dawk anċillari, id-disponibbiltà ta’ impjegati tas-sengħa, id-disponibbiltà tas-CO2 għall-qbid u għall-użu mill-ġdid u fatturi oħrajn) joffru l-potenzjal ta’ produzzjoni ekonomikament kompetittiva ta’ fjuwils sintetiċi fl-UE.

L-importanza ta’ Teknoloġiji Rivoluzzjonarji – Eżempju ta’ fjuwils solari

Il-ħtieġa għal alternattivi għall-fjuwils fossili likwidi tixpruna r-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jiġu żviluppati fjuwils rinnovabbli kosteffiċjenti b’densità għolja tal-enerġija u b’disponibbiltà wiesgħa ta’ feedstock. Filwaqt li l-bijofjuwils avvanzati u l-fjuwils sintetiċi jimmaturaw u xi wħud saħansitra jilħqu l-kummerċjalizzazzjoni, il-fjuwils solari għadhom teknoloġiji b’Livell baxx ta’ Tħejjija Teknoloġika (TRL), fil-fażi kunċettwali jew sperimentali. Madankollu, sal-2050 l-investiment skalat jista’ jippermetti dan l-eżempju ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji sabiex tiżdied id-disponibbiltà ta’ fjuwils kosteffettivi u b’densità ta’ enerġija għolja filwaqt li titnaqqas il-pressjoni tal-feedstock u tar-riżorsi.

Sal-2050, minbarra l-varar rapidu tat-teknoloġiji disponibbli, l-ilħuq ta’ emissjonijiet netti żero se jirrikjedi li jitqiegħdu fis-suq aktar teknoloġiji li llum għandhom TRL baxx 175 . Bl-istess mod fil-passat, permezz ta’ azzjonijiet dedikati ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni, kien possibbli li jinġiebu fis-suq teknoloġiji li, tletin sena qabel, kellhom biss TRL baxx jew li saħansitra kienu biss kunċetti, bħat-turbini eoliċi fuq il-baħar, il-fjuwils rinnovabbli u l-batteriji tal-jon tal-litju għall-EVs.

Il-ġenerazzjoni tal-fjuwils solari tinkorpora numru ta’ proċessi antropoġeniċi u bijoloġikament assistiti sabiex l-enerġija solari tiġi kkonvertita direttament għal fjuwils, għal prodotti kimiċi, u għal materjali mid-dawl tax-xemx, mill-arja (eż., CO2 u nitroġenu), u mill-ilma. Tinkludi l-użu ta’ enerġija tad-dawl direttament mid-dawl tax-xemx, spiss imsejħa fotosinteżi artifiċjali, kif ukoll tas-sħana mid-dawl tax-xemx sabiex jiġu misjuqa proċessi termali b’temperatura għolja 176 .

B’mod partikolari, il-qsim fotoelettrokimiku (PEC) tal-ilma huwa perkors promettenti mis-solari għall-idroġenu għall-produzzjoni tal-idroġenu, li joffri l-potenzjal għal effiċjenza għolja fil-konverżjoni f’temperaturi operattivi baxxi bl-użu ta’ materjali semikondutturi kosteffettivi b’rita rqiqa u/jew b’partikoli. B’investimenti skalati, il-PEC jista’ jilħaq il-kompetittività fil-kostijiet bil-fjuwils fossili u bl-introduzzjoni fis-suq sal-2040 177 .

4.Konklużjonijiet

L-objettivi tal-Patt Ekoloġiku ma jistgħux jintlaħqu mingħajr ma jiżdiedu b’mod sinifikanti r-riċerka u l-innovazzjoni pubbliċi u privati fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa u aktar sforzi għaċ-ċaqliq mil-laboratorju għas-suq. Dan mhux biss se jipprovdi s-soluzzjonijiet il-ġodda meħtieġa sabiex tinkiseb in-newtralità karbonika sal-2050 filwaqt li jiġu indirizzati t-telfien tal-bijodiversità, it-tniġġis u t-tnaqqis tar-riżorsi naturali, iżda wkoll aktar tkabbir u impjiegi fis-settur tal-enerġija nadifa tal-UE.

Filwaqt li s-settur privat innifsu se jkollu jieħu r-responsabbiltà ewlenija għall-investiment, ir-rwol tal-UE huwa li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet xierqa tal-qafas regolatorju u finanzjarju. Dan jinkludi l-istimolar tad-domanda permezz ta’ numru ta’ miżuri inklużi fil-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Barra minn hekk, il-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza, InvestEU, u l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ programmi tal-UE taħt il-baġit tal-UE għall-2021 sal-2027 joffru stimolu qawwi sabiex jiġu indirizzati xi wħud mill-isfidi, billi jiżdied il-kapital disponibbli, jitneħħew l-ostakli tas-suq, u jiġu xprunati r-riformi tal-politika. Filwaqt li gradwalment jiġi dekarbonizzat is-settur tal-enerġija tal-UE u jiġu varati teknoloġiji tal-enerġija nadifa, hemm bżonn li tinxteħet enfasi fuq il-kompetittività, fuq l-impjiegi u fuq it-tkabbir.

Dan ir-rapport juri li l-UE għadha fuq quddiem nett fir-riċerka dwar l-enerġija nadifa. Ix-xejra ta’ tnaqqis fil-privattivi tal-enerġija nadifa tidher li qed ddur, bil-livelli annwali ta’ applikazzjonijiet fl-UE, u globalment, li qed jirritornaw għal dawk osservati għaxar snin ilu. Fil-livell globali, l-UE għandha sehem akbar ta’ invenzjonijiet “ekoloġiċi” fit-teknoloġiji ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, meta mqabbla ma’ ekonomiji ewlenin oħrajn. B’bilanċ kummerċjali pożittiv u b’sehem sostanzjali mis-suq, l-UE żżomm pożizzjoni b’saħħitha fl-industrija eolika, madankollu jaf tinsab f’salib it-toroq f’diversi industriji oħrajn. Fl-industrija PV, il-manifatturi Ewropej qed juru interess imġedded sabiex jinvestu fl-UE fuq il-bażi tal-aħħar teknoloġiji. B’mod simili, l-industrija tal-batteriji tal-UE qed tirkupra permezz ta’ taħlita ta’ investiment fil-produzzjoni tal-batteriji, żieda fid-domanda fl-EVs flimkien mal-bidla tal-industrija tal-karozzi tal-UE, u enfasi fuq ir-riċiklaġġ sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-materja prima. L-industriji Ewropej tal-pompi tas-sħana, tal-fjuwils rinnovabbli, tal-grilji intelliġenti u tal-idroġenu rinnovabbli jinsabu f’pożizzjoni tajba sabiex jibbenefikaw mid-domanda futura dejjem tikber ibbażata fuq l-espansjoni xprunata mill-politika tas-swieq rilevanti. Il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom se tiddependi mill-veloċità tal-penetrazzjoni/tal-iżvilupp tagħhom, mill-involviment ta’ investimenti ppjanati/mit-tħejjija tas-swieq, kif ukoll minn qafas legali favorevoli, u mill-iżviluppi ta’ setturi oħrajn (eż. l-avjazzjoni u t-trasport marittimu). L-użu ta’ enerġija nadifa jeħtieġ ukoll valutazzjoni tajba tal-impatti ambjentali tat-teknoloġiji, u miżuri ta’ mitigazzjoni.

Huma meħtieġa wkoll aktar sforzi sabiex jitnaqqas id-distakk bejn l-innovazzjoni u s-suq. In-negozji ġodda tat-teknoloġija klimatika bbażati fl-UE għadhom wara l-kontropartijiet tagħhom fil-kapaċità tagħhom li jespandu, u b’hekk irażżnu lill-UE milli tisfrutta l-benefiċċji klimatiċi u tal-kompetittività tal-innovazzjoni tal-UE u jwasslu sabiex impriżi promettenti ewlenin imorru l-Istati Uniti jew l-Asja sabiex jilħqu l-iskala. Minkejja l-fatt li jeżistu ħafna ekosistemi nazzjonali u lokali, is-suq naturali u l-frammentazzjoni regolatorja tal-UE jxekklu t-tkabbir u jwasslu għal maturità differenti tal-ekosistemi tal-kapital ta’ riskju, u l-intraprendituri jiffaċċjaw sfidi sabiex jespandu t-teknoloġiji rivoluzzjonarji. L-adozzjoni tat-teknoloġiji hija mxekkla wkoll minn kwistjonijiet min-naħa tad-domanda bħall-ħruġ ta’ permessi, ir-repowering u ostakli strutturali oħrajn kif ukoll minn distorsjonijiet tas-suq minn sovvenzjonijiet internazzjonali fejn joperaw il-kumpaniji Ewropej. Il-ħidma intensifikata fuq l-istandards Ewropej li jindirizzaw il-kwistjonijiet tad-diġitalizzazzjoni, tal-affidabbiltà u tas-sostenibbiltà hija kritika wkoll sabiex jingħata appoġġ lill-varar ta’ teknoloġiji innovattivi.

B’mod parallel mat-trawwim tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-adozzjoni mis-suq ta’ soluzzjonijiet ta’ enerġija nadifa, l-UE jeħtiġilha tiżgura aċċess affidabbli, sostenibbli u mingħajr distorsjoni għall-materja prima. L-effiċjenza fir-riżorsi, iċ-ċirkolarità u l-kisba ta’ feedstock domestiku sostenibbli se jkunu essenzjali sabiex jiġu evitati l-konġestjonijiet hekk kif tiżdied id-domanda. F’ħafna każijiet, dan jeħtieġ aktar riċerka u innovazzjoni. L-iżgurar ta’ aktar segmenti tal-katina tal-valur fl-UE se jirrikjedi t-tisħiħ tax-xenarju tal-finanzjament tal-innovazzjoni.

Iż-żieda reċenti fil-prezzijiet tal-enerġija għamlitha ċara li l-Ewropa jeħtieġ li tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-enerġija. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u sehem dejjem akbar ta’ enerġija nadifa se jwittu t-triq ’il quddiem. Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli timmonitorja l-progress tas-settur tal-enerġija nadifa u se tkompli tiżviluppa l-metodoloġija u l-ġbir tad-data tagħha f’kooperazzjoni mal-Istati Membri 178 u mal-partijiet ikkonċernati, bl-għan li tinforma d-deċiżjonijiet ta’ politika u tikkontribwixxi sabiex l-Ewropa ssir kompetittiva, effiċjenti fir-riżorsi u newtrali fil-karbonju sal-2050.

(1)      Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021.
(2)      Il-qafas finanzjarju pluriennali li jkopri l-perjodu bejn l-2021 u l-2027.
(3)      Fil-prezzijiet tal-2018 u fuq seba’ snin, il-baġit tal-UE jammonta għal EUR 1 074 biljun u NextGenerationEU għal EUR 750 biljun.
(4)      EUR 95,5 biljun matul l-2021 sal-2027, prezzijiet kurrenti.
(5)      Il-fajls leġiżlattivi jinkludu proposti sabiex jiġu riveduti d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED), id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (EED), id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija (ETD), is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS), ir-Reviżjoni tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija għall-gass, ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESR), id-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (AFID), ir-Regolament dwar l-Użu tal-Art, il-Forestrija u l-Agrikoltura, l-istandards ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi u għall-vannijiet, kif ukoll proposti għall-ħolqien ta’ skambju ġdid ta’ kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tat-trasport bit-triq u tal-bini, Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fuq il-Fruntieri (CBAM), l-inizjattivi ReFuelEU Aviation u FuelEU Maritime, Strateġija tal-UE għall-Foresti u proposta sabiex jinħoloq Fond Soċjali għall-Klima.
(6)      F’dan ir-rapport, is-sistema tal-enerġija nadifa tkopri tliet segmenti tas-suq: (1) L-enerġija rinnovabbli, inklużi l-manifattura, l-installazzjoni u l-ġenerazzjoni; (2) Is-sistemi tal-effiċjenza u tal-ġestjoni tal-enerġija li jinkludu teknoloġiji u attivitajiet bħal arloġġi intelliġenti, grilji intelliġenti, il-ħżin u r-rinnovazzjoni tal-bini; u (3) Il-mobbiltà elettrika, li tinkludi komponenti bħall-batteriji u ċ-ċelloli tal-fjuwil essenzjali għall-vetturi elettriċi u għall-infrastrutturi tal-iċċarġjar.
(7)      Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna, SWD(2020) 176 final. 
(8)      AIE, Net Zero by 2050. A Roadmap for the Global Energy Sections. Flagship Report, Mejju 2021 .
(9)      L-ewwel rapport dwar il-Progress tal-Kompetittività tal-Enerġija Nadifa kien COM(2020) 953 final.
(10)      Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tat-28 ta’ Lulju 2020.
(11)      L-indikaturi vvalutati fit-Taqsima 2 tar-rapport huma l-intensità tal-enerġija primarja u finali, is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, il-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass industrijali, il-fatturat tas-settur tal-UE (nadif vs fossili) meta mqabbel mal-bqija tal-ekonomija, il-valur miżjud gross tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-impjiegi tas-settur tal-UE meta mqabbla mal-bqija tad-dinja, inkluża l-istatistika dwar il-ġeneru, u t-tfixkil tal-COVID-19. L-indikaturi fit-Taqsima 3 tar-rapport huma vvalutati għal kull teknoloġija u fl-UE, sakemm ma jkunx imsemmi mod ieħor. Dawn jinkludu l-kapaċità installata (illum u fl-2050), il-kost u/jew il-kost livellat tal-enerġija (LCoE), il-finanzjament pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-finanzjament privat għar-riċerka u l-innovazzjoni, ix-xejriet tal-privattivi u l-livell tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi. L-analiżi tal-katina tal-valur hija vvalutata skont il-fatturat, it-tkabbir tal-valur miżjud gross, in-numru ta’ kumpaniji tal-UE fil-katina tal-provvista, l-impjiegi fis-segment tal-katina tal-valur, l-intensità enerġetika u l-produttività tax-xogħol, u l-produzzjoni komunitarja. Fl-aħħar nett, l-analiżi tas-suq globali hija vvalutata permezz ta’ kunsiderazzjonijiet kummerċjali, il-mexxejja tas-suq globali vs il-mexxejja tas-suq tal-UE, u l-effiċjenza fir-riżorsi u d-dipendenza għas-segmenti tal-katina tal-valur li jiddependu fuq materja prima kritika.
(12)    F’Settembru, il-prezzijiet medji tal-elettriku bl-ingrossa laħqu aktar minn EUR 125 għal kull MWh, il-prezzijiet tal-gass laħqu kważi l-EUR 65 għal kull MWh u l-kwoti tal-EU ETS laħqu aktar minn EUR 60 għal kull tCO2.
(13)      L-enerġija mill-faħam għad għandha sehem ta’ 14 % fl-UE. 
(14)    Minn Jannar tal-2021 sa Settembru tal-2021, il-prezz tal-ETS żdied b’madwar EUR 30 / tCO2, li jfisser żieda ta’ madwar EUR 10 / MWh fil-kostijiet għall-elettriku prodott mill-gass (jekk wieħed jassumi effiċjenza ta’ 50 %) u ta’ madwar EUR 25 / MWh għall-elettriku prodott mill-faħam (jekk wieħed jassumi effiċjenza ta’ 40 %). Din evidentement tingħeleb miż-żieda ta’ madwar EUR 45 / MWh osservata fil-prezz tal-gass matul l-istess perjodu, li ssarraf f’kost addizzjonali ta’ madwar EUR 90 / MWh għall-produzzjoni tal-elettriku.
(15)    COM(2021) 660 L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ 
(16)      COM(2021) 557 final, Tabella 7, Xenarju MIX, paġna 133.
(17)      COM(2021) 660 final, L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ 
(18)      IEA, World Energy Outlook, 2020.
(19)      IEA, Energy Technology Perspectives 2020, Special Report on Clean Energy Innovation, 2020.
(20)      BloombergNEF, EnergyTransition Investment Trends, Tracking global investment in the low-carbon energy transition, 2021.
(21)      Agora Energiewende and Ember, The European Power Sector in 2020: Up-to-Date Analysis on the Electricity Transition, 2021.
(22)      AT, BE, CY, CZ, DE, DK, EE, EL, ES, FI, FR, HR, IE, IT, LT, LU, LV, MT, PT, RO, SI, SK.
(23)      In-nefqiet irrapportati għall-RRF huma stimi pproċessati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar it-trekkjar klimatiku ppubblikata bħala parti mill-analiżijiet tal-Kummissjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza. Id-data rrapportata tkopri t-22 pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza vvalutati u approvati mill-Kummissjoni sal-5 ta’ Ottubru 2021 u l-ammont se jevolvi hekk kif jiġu vvalutati aktar pjanijiet.
(24)

Il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika jkopru proġetti tal-effiċjenza enerġetika fl-SMEs jew f’intrapriżi kbar, ir-rinnovazzjonijiet tal-enerġija f’binjiet privati u fl-infrastruttura pubblika u l-kostruzzjoni tal-binjiet. Il-miżuri tal-enerġija nadifa jkopru b’mod partikolari l-produzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, networks u infrastruttura tal-enerġija kif ukoll investimenti relatati mal-idroġenu.

(25)      Illustrazzjoni dwar: Id-distribuzzjoni tal-investimenti relatati mal-klima fl-RRPs tal-Istati Membri. Sors: Valutazzjoni preliminari proprja ta’ 22 RRP adottati mill-Kummissjoni (sal-5 ta’ Ottubru), l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2021, COM(2021) 950 final.
(26)      Meta mqabbla mas-sena l-oħra, tiżdied is-CEPA1 sabiex jiġi rifless aħjar l-ambitu tat-teknoloġiji koperti fir-rapport. Għalhekk, iċ-ċifri dwar l-impjiegi, il-valur miżjud gross u l-produttività tax-xogħol fir-rapport huma bbażati fuq il-kategoriji li ġejjin tal-EGSS tal-Eurostat “CREMA13A”, “CREMA13B” u “CEPA1”. “CREMA13A” tinkludi l-Produzzjoni ta’ enerġija minn riżorsi rinnovabbli inkluża wkoll il-manifattura ta’ teknoloġiji meħtieġa għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli (“Enerġija rinnovabbli” – fil-graff). CReMA 13B - L-iffrankar u l-ġestjoni tat-tisħin/tal-enerġija jinkludu pompi tas-sħana, arloġġi intelliġenti, attivitajiet ta’ rinnovazzjoni enerġetika, materjali ta’ iżolament, u partijiet ta’ grilji intelliġenti (“Ġestjoni tal-enerġija” – fil-graff). CEPA1 – Il-protezzjoni tal-arja ambjentali u tal-klima – tinkludi karozzi elettriċi u ibridi, xarabanks u vetturi oħrajn aktar nodfa u aktar effiċjenti u infrastruttura tal-iċċarġjar li hija essenzjali għat-tħaddim tal-vetturi elettriċi. Din tinkludi wkoll komponenti, bħal batteriji, ċelloli tal-fjuwil u ferroviji tal-potenza elettrika essenzjali għall-vetturi elettriċi (“Mobbiltà elettrika” - fil-graff).
(27)      Is-sistemi tal-enerġija nadifa jinkludu CReMA 13A - Il-produzzjoni tal-enerġija minn riżorsi rinnovabbli, li tinkludi kemm il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll il-manifattura ta’ teknoloġiji meħtieġa għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli (“Enerġija rinnovabbli” – fil-graff); CReMA 13B - L-iffrankar u l-ġestjoni tat-tisħin/tal-enerġija, li jinkludu pompi tas-sħana, arloġġi intelliġenti, grilji intelliġenti, rinnovazzjoni enerġetika tal-bini, u l-ħżin (“Effiċjenza u ġestjoni tal-enerġija” – fil-graff); u CEPA1 - Il-protezzjoni tal-arja ambjentali u tal-klima, li tinkludi l-vetturi elettriċi u l-komponenti assoċjati u l-infrastruttura essenzjali meħtieġa għat-tħaddim tal-vetturi elettriċi (“Mobbiltà elettrika” Fil-graff).
(28) Eurostat “env_ac_egss2”. Is-sistemi tal-enerġija nadifa jinkludu CReMA 13A - Il-produzzjoni tal-enerġija minn riżorsi rinnovabbli, li tinkludi kemm il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll il-manifattura ta’ teknoloġiji meħtieġa għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli (“Enerġija rinnovabbli”); CReMA 13B - L-iffrankar u l-ġestjoni tat-tisħin/tal-enerġija, li jinkludu pompi tas-sħana, arloġġi intelliġenti, grilji intelliġenti, rinnovazzjoni enerġetika tal-bini, u l-ħżin (“Effiċjenza u ġestjoni tal-enerġija”); u CEPA1 - Il-protezzjoni tal-arja ambjentali u tal-klima, li tinkludi l-vetturi elettriċi u l-komponenti assoċjati u l-infrastruttura essenzjali meħtieġa għat-tħaddim tal-vetturi elettriċi (“Mobbiltà elettrika”).
(29)      Id-data għall-estrazzjoni u għall-manifattura tal-fjuwils fossili ġejja mill-Istatistika tan-Negozji Strutturali tal-Eurostat. Huma kkunsidrati l-kodiċijiet li ġejjin: B05 (estrazzjoni ta’ faħam u linjite), B06 (estrazzjoni ta’ petroleum mhux raffinat u gass naturali), B07.21 (estrazzjoni ta’ minerali tal-uranju u t-torju), B08.92 (estrazzjoni ta’ pit), B09.1 (attivitajiet ta’ appoġġ għall-estrazzjoni ta’ petroleum mhux raffinat u gass naturali), u C19 (manifattura ta’ prodotti tal-kokk u tal-petroleum raffinat).
(30)      Rata medja komposta ta’ tkabbir.
(31)      CEDEFOP, Skills forecast: trends and challenges to 2030, 2018.
(32)

  Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa - l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja, COM(2020) 662 final.

(33)      Il-Kummissjoni Ewropea, The Pact for Skills – mobilising all partners to invest in skills, 2020. 
(34) D2.1-MATES-Baseline-Report-on-Present-Skill-Gaps.pdf (projectmates.eu)
(35)      IRENA, Renewable Energy : A Gender Perspective, 2019.
(36)      JRC fuq il-bażi tal-Eurostat [EDUC_UOE_ENRT03].
(37)      L-enerġija rinnovabbli, is-sistema intelliġenti, is-sistemi effiċjenti, it-trasport sostenibbli, is-CCUS u s-sikurezza nukleari, COM(2015) 80 final.
(38)      JRC SETIS https://setis.ec.europa.eu/publications/setis-reseach-and-innovation-data_mt .
(39)       https://www.iea.org/reports/world-energy-investment-2020/rd-and-technology-innovation  
(40)      Iċ-ċifri tal-investiment pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-2020 huma disponibbli biss għal ftit Stati Membri. L-investiment privat għar-riċerka u l-innovazzjoni huwa stmat bl-użu tal-privattivi bħala indikatur, li jirriżulta f’perjodu latenti itwal għad-disponibbiltà tad-data; id-data għall-2018 hija provviżorja.
(41)      JRC SETIS https://setis.ec.europa.eu/publications/setis-reseach-and-innovation-data_mt  
(42)      Adattament mill-edizzjoni tal-2021 tal-bażi ta’ data tal-baġits tar-riċerka u tal-iżvilupp tat-teknoloġija tal-enerġija tal-AIE.
(43)      IEA, World Energy Investment, 2021.
(44)      IEA, World Energy Investment, 2021.
(45)      L-istimi tal-investiment privat ġew riveduti ’l fuq, minħabba bidliet fil-klassifikazzjoni u fid-data sottostanti.
(46)      It-total miżjud meta mqabbel mar-rapportar tas-sena l-oħra huwa dovut għar-reviżjoni tal-istimi tal-investiment privat.
(47)      JRC SETIS https://setis.ec.europa.eu/publications/setis-reseach-and-innovation-data_mt .  
(48)      Adattament mill-edizzjoni tal-2021 tal-bażi ta’ data tal-baġits tar-riċerka u tal-iżvilupp tat-teknoloġija tal-enerġija tal-AIE.
(49)      Mission Innovation Tracking Progress http://mission-innovation.net/our-work/tracking-progress/ .
(50)      Dawn l-Istati Membri jinkludu l-Bulgarija, il-Greċja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Lussemburgu u s-Slovenja.
(51)      Bl-eċċezzjoni taċ-Ċina, fejn l-applikazzjonijiet lokali jkomplu jiżdiedu, mingħajr ma jfittxu protezzjoni internazzjonali. (Ara wkoll: Are Patents Indicative of Chinese Innovation? https://chinapower.csis.org/patents ).
(52)      Teknoloġiji tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju skont il-prijoritajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija. Din hija x-xejra ġenerali; kien hemm eċċezzjonijiet għal ċerti teknoloġiji (eż. batteriji) li baqgħu jiżdiedu matul il-perjodu. L-istess japplika għal attività wiesgħa ta’ privattivi “ekoloġiċi” fit-teknoloġiji ta’ Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima.
(53)      Familji bi privattivi ta’ valur għoli (invenzjonijiet) huma dawk li fihom applikazzjonijiet għal aktar minn uffiċċju wieħed, jiġifieri dawk li jfittxu protezzjoni f’aktar minn pajjiż / suq wieħed.
(54)      JRC118983 Grassano, N., Hernández, H., Tübke, A., Amoroso, S., Dosso, M., Georgakaki, A. u Pasimeni, F.: The 2020 EU Industrial R&D Investment Scoreboard.
(55)      JRC SETIS https://setis.ec.europa.eu/publications/setis-reseach-and-innovation-data_mt  
(56)      It-“Teknoloġiji klimatiċi” jinkludu sett wiesa’ ta’ setturi li jindirizzaw l-isfida tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija globali, bl-għan li jintlaħqu emissjonijiet netti żero qabel l-2050. Dan jinkludi approċċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju sabiex jitnaqqsu s-sorsi settorjali ewlenin tal-emissjonijiet fl-enerġija, fl-ambjent mibni, fil-mobbiltà, fl-industrija tqila, u fl-użu tal-ikel u tal-art; flimkien ma’ oqsma trażversali, bħall-qbid u l-ħżin tal-karbonju, jew l-abilitazzjoni ta’ ġestjoni aħjar tal-karbonju, bħal permezz tat-trasparenza u l-kontabbiltà.
(57)      L-għoti ta’ lok għall-kunċett ta’ negozji ġodda Deep Green: it-teknoloġiji mill-aktar avvanzati ffokaw fuq l-indirizzar tal-isfidi ambjentali (eż. il-manifattura ta’ batteriji ekoloġiċi, inġenji tal-ajru elettriċi). In-negozji ġodda Deep Green jinsabu fl-intersezzjoni bejn it-Teknoloġiji Klimatiċi u t-Teknoloġija Profonda, b’din tal-aħħar li hija ddefinita bħala kumpaniji li jibnu fuq l-iskoperti xjentifiċi fl-inġinerija, fil-matematika, fil-fiżika u fil-mediċina. Huma kkaratterizzati minn ċikli twal ta’ riċerka u ta’ żvilupp u minn mudelli ta’ negozju mhux ittestjati.
(58)      IEA, World Energy Investment 2020.
(59)      Bellucci, A., Borisov, A., Gucciardi, G. and Zazzaro, A., The reallocation effects of COVID-19: Evidence from Venture Capital investments around The World, EUR 30494 EN, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020, ISBN 978-92-76- 27082-9, doi:10.2760/985244, JRC122165.
(60)      Jirrappreżentaw: i) bejn 4 u 6 % tal-finanzjament totali tal-kapital ta’ riskju skont l-elaborazzjoni tal-JRC fuq il-bażi tad-data ta’ PitchBook u ii) id-data ta’ PwC fuq il-bażi tad-data ta’ Dealroom.
(61)      Elaborazzjoni tal-JRC fuq il-bażi tad-data ta’ Pitchbook tal-2021.
(62)      Elaborazzjoni tal-JRC fuq il-bażi tad-data ta’ PitchBook tal-2021.
(63)      Pwc, The State of Climate Tech 2020. The next frontier for venture capital, 2020.
(64)      Pwc, The State of Climate Tech 2020. The next frontier for venture capital, 2020.
(65)      EIT InnoEnergy, Impact Report 2020.
(66)      In-negozji ġodda tat-Teknoloġija Profonda jibnu fuq l-għarfien xjentifiku u huma kkaratterizzati minn ċikli twal ta’ riċerka u ta’ żvilupp u minn mudelli ta’ negozju mhux ittestjati. In-negozji ġodda tat-Teknoloġiji Klimatiċi Profondi huma kumpaniji li jużaw teknoloġija mill-aktar avvanzata sabiex jindirizzaw l-isfidi ambjentali.
(67)       Il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Impriżi tal-Enerġija Rivoluzzjonarja jistabbilixxu fond ġdid ta’ EUR 100 miljun sabiex jappoġġaw investimenti fl-enerġija nadifa (eib.org)
(68)      JRC fuq il-bażi tal-GWEC, 2021.
(69)      JRC fuq il-bażi tal-GWEC, 2021.
(70)      L-hekk imsejjaħ assi ibridu fuq il-baħar għandu funzjonalità doppja, li tgħaqqad it-trasport tal-enerġija eolika fuq il-baħar max-xatt (għall-konsum) u mal-interkonnetturi. Ara l-Premessa 66 tar-Regolament 2019/943 dwar is-suq intern tal-elettriku, kif ukoll COM(2020) 741 final., il-paġna 14.
(71)      Beiter P., Cooperman A., Lantz E., Stehly T., Shields M., Wiser R., Telsnig T., Kitzing L., Berkhout V., Kikuchi Y. (2021) Wind power costs driven by innovation and experience with further reductions on the horizon, WIREs Energy Environ. 2021.
(72)      KE CTP-MIX.
(73)      WindEurope, 2021.
(74)      JRC fuq il-bażi tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi Patstat.
(75)      WindEurope, 2021.
(76)      WindEurope, 2021.
(77)      JRC, ikkummissjonat mid-DĠ GROW, it-tabella ta’ valutazzjoni tal-kompetittività tal-industrija Ewropea newtrali għall-klima (CIndECS) (Abbozz, 2021). Il-kodiċijiet tal-AIE: 32 Wind Energy 
(78)      Meta jiġu analizzati l-Aqwa 10 OEMs f’termini tas-sehem mis-suq. GWEC, Global Offshore Wind Report 2020, 2020.
(79)      JRC fuq il-bażi tal-Eurostat (Comext).
(80)      Il-Kunsill Globali tal-Enerġija Eolika, Global Wind Report, 2021.
(81)      Il-Kummissjoni Ewropea, Critical Raw Materials in strategic technologies and sectors – a foresight study, 2020.
(82)      COM (2020) 474 final. Ir-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika: It-Twittija tat-Triq lejn Sigurtà u Sostenibbiltà Akbar.
(83)

L-industrija tal-enerġija eolika tappella għal projbizzjoni madwar l-Ewropa kollha tar-rimi fil-landfills tal-pali tat-turbini | WindEurope .

(84)      GWEC, Global Offshore Wind Report 2020, 2020.
(85)      Il-bażi ta’ data tal-manifatturi tar-riħ tal-JRC, 2021, u WindEurope, 2020.
(86)      KE CTP-MIX.
(87)      AIE, WEO 2020 Sustainable Development Scenario.
(88)      L-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA), World Energy Transitions Outlook: 1,5 °C Pathway, 2019. 
(89)

  https://www.solarpowereurope.org/wp-content/uploads/2020/04/SolarPower-Europe-LUT_100-percent-Renewable-Europe_mr.pdf?cf_id=11789

(90)      JRC 2021, fuq il-bażi tad-data tal-AIE.
(91)      JRC 2021, fuq il-bażi ta’ Patstat tal-UEP.
(92)      BNEF, Solar PV Trade and Manufacturing, A Deep Dive, 2021.
(93)      F. Liu u J.C.J.M. van den Berg, Energy Policy 138 (2020) 111234.
(94)      F. Liu u J.C.J.M. van den Berg, Energy Policy 138 (2020) 111234.
(95)      JRC 2021, fuq il-bażi tad-data tal-EurObserv’ER. 
(96)      Solar Power Europe, Solar PV job market study for the European Union, 2021.
(97)      Ir-Rapport tal-JRC: EU energy technology trade - https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC107048
(98)      JRC PV Snapshot 2021.
(99)      Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa, COM(2021) 350 final.
(100)      Schwanitz, V. J., Wierling, A., Zeiss, J. P., von Beck, C., Koren, I. K., Marcroft, T., … Dufner, S. (it-22 ta’ Awwissu 2021). The contribution of collective prosumers to the energy transition in Europe - Preliminary estimates at European and country-level from the COMETS inventory. https://doi.org/10.31235/osf.io/2ymuh.
(101)      Ibid.
(102) Inkluż fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-appoġġ finanzjarju bħal permezz tal-politika ta’ koeżjoni
(103)      Li jikkonsistu fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II u d-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku. Iż-żewġ Direttivi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-Istati Membri sabiex jinkludu għażliet għall-implimentazzjoni transfruntiera tal-komunitajiet tal-enerġija fit-traspożizzjonijiet nazzjonali tagħhom.
(104)      Il-pompi tas-sħana industrijali ma jaqgħux fl-ambitu dan ir-rapport.
(105)      Il-Bażi ta’ data tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Pompi tas-Sħana.
(106)      Il-koeffiċjent jista’ jkun aktar baxx jew ogħla skont iż-żona klimatika, in-natura tas-sors tas-sħana u t-temperatura.
(107)      Il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa, COM(2020) 951 final.
(108)      JRC, fuq il-bażi tal-Patstat tal-UEP, il-kodiċijiet tas-CPC: Y02B 10/40, 30/12, 30/13, 30/52.
(109)      EurObserver, The state of renewable energies in Europe, 2019.
(110)      UN-COMTRADE 8415 “air conditioning machines”.
(111)      UN-COMTRADE 841581 “air conditioning machines incl. a valve for reversal ‘reversible heat pumps’”.
(112)      UN-COMTRADE 841861 “heat pumps, excluding air conditioning machines of heading 8415”.
(113)

In-depth analysis in support of Long Term Strategy COM(2018) 773 final.

(114)      AIE, Net zero by 2050, Mejju 2021.
(115)      Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa - l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja, COM(2020) 662 final.
(116) Avicenne energy, EU battery demand and supply (2019-2030) in a global context, 2021.
(117) BloombergNEF, Electric Vehicle Outlook 2021, 2021.
(118)      BloombergNEF, Electric Vehicle Outlook 2021, 2021.
(119)      AIE, Global EV outlook 2020, 2021.
(120)      Transport and Environment, CO2 targets propel Europe to 1st place in e-mobility race, 2021.
(121)

Xenarju ta’ MIX ċentrali tal-proposti “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.

(122)      EASE, EMMES 5.0 market data and forecasts electrical energy storage, 2021.
(123)      Solar Power Europe, European market outlook for residential battery storage 2020-2024, 2020.
(124)      Batteries Europe, WG on stationary integration, 2021.
(125)      IP/21/226: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_21_226 .  
(126)      Aperio Intelligence Ltd. – ikkummissjonata minn Eurobattery Minerals, Critical materials u e-mobility, 2021.
(127)      Il-Kummissjoni Ewropea, Internal Market, Industry, Entrepreneurship u SMEs https://ec.europa.eu/growth/sectors/raw-materials/specific-interest/critical_mt  
(128)

Il-Kummissjoni Ewropea, Study on the resilience of critical supply chains for energy security and clean energy transition during and after the COVID-19 crisis, it-8 ta’ Ottubru 2021.

(129)      IP/21/1142: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/speech_21_1142  
(130)      EBA 250.
(131)

EBA250; US Department of Energy, National blueprint for lithium batteries 2021-2030, 2021.

(132)      Decisive Market Insights, Lithium battery manufacturing equipment market report, 2021.
(133)      EBA250.
(134)      COM(2020) 798/3 final.
(135)      IP/21/1142: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/speech_21_1142  
(136)      Marian Willuhn, National lithium-ion battery supply chains ranked, PV Magazine, is-16 ta’ Settembru 2020.
(137)      Avicenne energy, EU battery demand and supply (2019-2030) in a global context, 2021.
(138)      Fraunhofer ISI, Li-ion Battery cell production capacity to be built up, April 2021; Benchmark Minerals, Li-ion battery cell capacity by region, 2021.
(139)      Eurostat, 2021. Data miksuba: https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/ddn-20210524-1  
(140)      ACEA, Medium and heavy busses (over 3,5t) new registrations by fuel type in the EU, 2020.
(141)       https://insideevs.com/news/481987/ev-buses-sales-2020-china-byd-yutong/
(142)      Fuel Cell Observatory: https://www.fchobservatory.eu/observatory/technology-and-market/hydrogen-demand  
(143)      Barra minn hekk, bejn 2 % u 4 % huwa stmat li ġej mill-Elettroliżi tal-Kloralkali.
(144)      Strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima, COM(2020) 301 final.
(145)      Pjaneta Nadifa għall-kulħadd. Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima, COM(2018) 773 final.
(146)      Kanellopoulos, K., Blanco Reano, H., The potential role of H2 production in a sustainable future power system - An analysis with METIS of a decarbonised system powered by renewables in 2050, EUR 29 695 EN, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2019, ISBN 978-92-76-00820-0, doi:10.2760/540707, JRC115958.
(147)      JRC abbażi tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, id-data tal-Patstat tal-UEP, 2020 u https://iea.blob.core.windows.net/assets/b327e6b8-9e5e-451d-b6f4-cbba6b1d90d8/Patents_and_the_energy_transition.pdf .
(148)      A. Buttler, H. Spliethoff, Renewable and Sustainable Energy Reviews 82 (2018) 2440–2454 bl-aġġornament b’IRENA Green Hydrogen Cost Reduction, 2020.
(149)       CRMs_for_Strategic_Technologies_and_Sectors_in_the_EU_2020.pdf (europa.eu) .
(150)       Connecting the dots: Distribution grid investment to power the energy transition - Eurelectric – Powering People
(151)      ESMIG, fuq il-bażi taċ-ċifri minn Berg Insight Report, Ġunju 2020.
(152)      Delta-EE, Accelerating the energy transition with Home Energy Management, New Energy Whitepaper, Frar 2020.
(153)      Guidehouse Insights, Asset Study on Digital Technologies and Use Cases in the Energy Sector, 2020.
(154)      L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), Global EV Outlook 2021, Accelerating ambitions despite the pandemic, 2021.
(155)      Alexander Krug, Thomas Knoblinger, Florian Saeftel: Electric vehicle charging in Europe, Arthur D. Little Global, pubblikazzjoni fuq sit web, Jannar 2021, www.adlittle.com/en/insights/viewpoints/electric-vehicle-charging-europe .
(156)      Guidehouse Insights, Asset Study on Digital Technologies and Use Cases in the Energy Sector, 2020.
(157)      Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja għal aktar data.
(158)      Fjuwils derivati minn materjal organiku elenkat fl-Anness IX tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-kapaċità installata kurrenti tal-UE ta’ bijofjuwils avvanzati hija ta’ 0,36 MT/sena, l-aktar mill-etanol taċ-ċelluloża, mill-fjuwils tal-idrokarburi miz-zokkor u miż-żjut tal-piroliżi. Qed tinbena kapaċità ta’ 0,15 ta’ MT/sena addizzjonali, u kapaċità ta’ 1,7 MT/sena oħra hija ppjanata b’madwar nofsha mill-gassifikazzjoni tal-bijomassa. Il-kapaċità tal-enerġija għall-gass u tal-likwidu fl-UE bħalissa hija limitata ħafna, u tammonta għal 0,315 ta’ Kt/sena biss.
(159)      Fjuwils mill-enerġija rinnovabbli, skont l-Artikolu 2(36) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.
(160)      IRENA (2021), Reaching Zero with Renewables: Biojet fuels, International Renewable Energy Agency.
(161)      Ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt - SWD(2021) 633, pg. 38.
(162)      Fuq il-bażi tad-data miġbura mill-bażi ta’ data interna ta’ Flightpath 2020.
(163)      Ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt - SWD(2021) 635, pg. 53.
(164)      Skont l-kost tal-fjuwil tal-ġettijiet tal-petroleum u l-feedstock użata sabiex isiru fjuwils rinnovabbli.
(165)      Id-data rrapportata wara l-2014 tiddependi fuq kif jiġi allokat il-finanzjament bejn il-bijofjuwils u teknoloġiji oħrajn tal-bijoenerġija u ma għandhiex il-granularità sabiex tiddistingwi bejn il-bijofjuwils konvenzjonali u dawk avvanzati.
(166)  Data miġbura mill-bażi ta’ data tal-Kummissjoni Ewropea ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni ffinanzjati mill-UE https://cordis.europa.eu/projects/en .
(167)      JRC SETIS 2021.
(168)      Data tas-SETIS tal-JRC dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni: https://setis.ec.europa.eu/publications/setis-reseach-and-innovation-data_mt
(169)      Data miġbura mill-bażi ta’ data dwar l-impjiegi ta’ IRENA: https://irena.org/Statistics/View-Data-by-Topic/Benefits/Renewable-Energy-Employment-by-Country
(170)      Fuq il-bażi taċ-ċifri pproġettati tal-produzzjoni tal-fjuwil rinnovabbli u tal-impjiegi fir-Rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt - SWD(2021) 633 u fir-Rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt – SWD(2021) 635.
(171)      B’mod partikolari: COM(2021) 562 final, COM(2021) 561 final u COM(2021) 557 final.
(172)      Bħalissa, l-UE hija mexxejja globali fil-produzzjoni ta’ bijofjuwils konvenzjonali b’bilanċ kummerċjali nett ta’ madwar EUR 4 miljun.
(173)      Jiġifieri l-Federal Strategy on Alternative Jet Fuels adottata fl-2016 u l-ħidma li għaddejja dwar il-Commercial Aviation Alternative Fuels Initiative (CAAFI).
(174)      Inkluża l-kapaċità ppjanata sal-2025. Data miġbura mill-bażi ta’ data interna ta’ Flightpath 2020.
(175)      AIE, Net-zero by 2050- a roadmap for the global energy sector, 2021.
(176)      Mission Innovation, Innovation Challenge 5: Converting Sunlight into Solar Fuels and Chemicals Roadmap 2020–2050, 2021.
(177)      Artifical Photosynthesis: Potential and Reality, EUR 27 987 EN.
(178)      Inkluż permezz tal-Att ta’ Implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Governanza li ġej.