Brussell, 21.12.2021

COM(2021) 829 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Mudell ta' ftehim dwar l-istatus kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624


1.Introduzzjoni

Il-kooperazzjoni attiva ma’ pajjiżi terzi hija element ewlieni fil-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri 1 . Sa mir-Regolament tal-2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li issa tħassar 2 , l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”), komunement imsejħa Frontex, ingħatat is-setgħa li tiskjera timijiet b’setgħat eżekuttivi f’pajjiżi terzi ġirien tal-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-istatus - ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiż terz innegozjat, iffirmat u konkluż skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fl-2016, il-Kummissjoni adottat mudell ta’ ftehim dwar l-istatus 3 ibbażat fuq ir-Regolament (UE) 2016/1624, li serva bħala bażi għan-negozjati mal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro u s-Serbja. Bħalissa, il-ftehimiet dwar l-istatus mas-Serbja, l-Albanija u l-Montenegro ġew konklużi 4 u l-operazzjonijiet konġunti tnedew b’suċċess fit-tliet pajjiżi kollha. Il-ftehimiet dwar l-istatus mal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Bożnija-Ħerzegovina ġew inizjalati iżda qed jistennew li jiġu ffinalizzati.

Fl-2019, il-mandat tal-Frontex kompla jiġi estiż permezz tar-Regolament (UE) 2019/1896 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta 5 (ir-“Regolament”). Ir-Regolament espanda l-kompiti tal-Aġenzija kif ukoll l-għadd ta’ sħab potenzjali għal ftehimiet dwar l-istatus. B’mod partikolari, l-Aġenzija issa tista’ tiskjera membri tat-tim b’setgħat eżekuttivi fi kwalunkwe pajjiż terz sakemm l-iskjerament jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effettiva tal-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri, fi kliem ieħor l-iskjerament ma jibqax limitat għal pajjiżi terzi ġirien tal-Unjoni Ewropea. Bħal qabel, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus fejn ikun previst l-iskjerament ta’ membri tat-tim b’setgħat eżekuttivi f’pajjiż terz 6 .

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-mudell tal-ftehim dwar l-istatus previst fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2019/1896. Huwa aġġornament tal-mudell adottat fl-2016, li jinkorpora n-novitajiet introdotti bir-Regolament (UE) 2019/1896, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tad-data personali, filwaqt li juża wkoll l-esperjenza miksuba fin-negozjar tal-ftehimiet dwar l-istatus diġà konklużi.

2.Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fil-qafas tar-Regolament tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-28 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill Ewropew appella biex ir-rwol ta’ appoġġ tal-Aġenzija fir-rigward tal-iżgurar tal-kontroll effettiv tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, inkluż f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, jissaħħaħ aktar permezz ta’ aktar riżorsi u mandat imsaħħaħ 7 .

Kooperazzjoni strutturata tajjeb u permanenti ma’ pajjiżi terzi hija fattur ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Ir-Regolament jelenka “l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fl-oqsma koperti b’dan ir-Regolament, b’enfasi partikolari fuq pajjiżi terzi ġirien u fuq dawk il-pajjiżi terzi li ġew identifikati permezz ta’ analiżi tar-riskju bħala pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu għall-immigrazzjoni illegali” bħala komponent tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri 8 . Tali kooperazzjoni jenħtieġ li sservi biex tippromwovi l-ġestjoni tal-fruntieri u l-istandards ta’ ritorn, għall-iskambju ta’ informazzjoni u tal-analiżi tar-riskju, u, għall-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tar-ritorni bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza tagħhom u għall-appoġġ ta’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, inkluż permezz tal-iskjerament tal-korp permanenti meta tali appoġġ ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni u l-ġestjoni effettiva tal-politika dwar il-migrazzjoni tal-Unjoni 9 . 

L-Aġenzija hija mitluba tikkoopera ma’ pajjiżi terzi fi kwistjonijiet koperti mir-Regolament, tassisti lil pajjiżi terzi fil-kuntest ta’ kooperazzjoni teknika u operazzjonali bejniethom f’ċerti kwistjonijiet, tassisti lil pajjiżi terzi fit-taħriġ tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri, u tipprovdi assistenza lil pajjiżi terzi b’appoġġ għal operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ għal persuni f’diffikultà fuq il-baħar 10 . Ir-Regolament jippermetti l-iskjerament ta’ membri tal-korp permanenti tal-Aġenzija f’operazzjonijiet konġunti, interventi rapidi fil-fruntiera, interventi ta’ ritorn jew attivitajiet rilevanti oħra f’pajjiżi terzi (bl-awtorizzazzjoni tal-pajjiż terz ikkonċernat) 11 . Ir-Regolament jippermetti speċifikament lill-Aġenzija tikkoopera mal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri ta’ pajjiżi terzi 12 sal-punt meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha.” 13  

L-Aġenzija hija meħtieġa tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe attività li twettaq f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-konformità ta’ dawn l-attivitajiet mad-drittijiet fundamentali 14 . Barra minn hekk, l-Aġenzija hija obbligata tinkludi valutazzjoni tal-kooperazzjoni tagħha ma’ pajjiżi terzi fir-rapporti annwali tagħha kif ukoll tagħmel il-ftehimiet, l-arranġamenti ta’ ħidma, il-proġetti pilota u l-proġetti ta’ assistenza teknika tagħha ma’ pajjiżi terzi pubbliċi 15 .

Meta l-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u pajjiż terz teħtieġ l-iskjerament fil-pajjiż terz ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri li se jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, ir-Regolament jirrikjedi li jkun hemm fis-seħħ ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz 16 . It-timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri huma magħmula minn membri tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta 17 u jistgħu jiġu skjerati fl-Istati Membri, fil-fruntieri esterni u fit-territorju ta’ pajjiżi terzi matul operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi fil-fruntiera (imsemmija kollettivament fil-mudell tal-ftehim dwar l-istatus bħala “attivitajiet operazzjonali”) 18 . Kull ftehim dwar l-istatus jista’ jservi bħala umbrella li taħtha jistgħu jitwettqu diversi attivitajiet operazzjonali.

B’mod partikolari, kull meta l-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jawtorizzaha tinnegozja ftehim dwar l-istatus ma’ pajjiż terz, hija trid tivvaluta s-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-pajjiż terz rilevanti għall-oqsma koperti mill-ftehim u tinforma lill-Parlament Ewropew b’dan 19 . 

L-Aġenzija tista’ taġixxi wkoll fil-qafas ta’ arranġament ta’ ħidma konkluż mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terz dwar kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-kooperazzjoni operazzjonali 20 . 

Kwalunkwe operazzjoni tal-Aġenzija fit-territorju ta’ pajjiż terz trid tkun inkluża fil-programm ta’ ħidma annwali adottat mill-bord ta’ ġestjoni tal-Aġenzija u mwettqa fuq il-bażi ta’ pjan operazzjonali miftiehem bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terz b’konsultazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti 21 . Fejn Stat Membru jew Stati Membri jkunu ġirien tal-pajjiż terz jew jikkonfinaw maż-żona tal-operazzjonijiet tal-pajjiż terz, il-pjan operazzjonali kif ukoll kwalunkwe emenda għalih huma soġġett għall-qbil tiegħu jew tagħhom 22 . 

Fir-rigward tar-ritorn, ir-Regolament jippermetti lill-Aġenzija (i) tipprovdi assistenza fl-istadji kollha tal-proċess ta’ ritorn (mingħajr ma tidħol fil-merti tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn, li jibqgħu r-responsabbiltà unika tal-Istati Membri); (ii) tassisti fil-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn; (iii) tipprovdi appoġġ tekniku u operazzjonali biex jiġi implimentat l-obbligu ta’ ritorn ta’ persuni rimpatrijati; (iv) u tipprovdi appoġġ tekniku u operazzjonali għal operazzjonijiet u interventi ta’ ritorn 23 . Ir-Regolament ma jipprevedix li timijiet għajr timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri jiġu skjerati b’mod operattiv f’pajjiżi terzi 24 u ma jipprevedix l-eżerċizzju ta’ setgħat eżekuttivi f’pajjiż terz fil-qafas ta’ ritorni minn membri tal-korp permanenti. Ftehim dwar l-istatus għalhekk ma jkunx l-istrument xieraq li permezz tiegħu jiġu organizzati operazzjonijiet ta’ ritorn 25 .

3.Mudell tal-Ftehim dwar l-Istatus

Ir-Regolament jistieden lill-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Istati Membri, l-Aġenzija, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, biex tfassal mudell ta’ ftehim dwar l-istatus għall-azzjonijiet imwettqa fit-territorju ta’ pajjiżi terzi 26 . Il-mudell ta’ ftehim dwar l-istatus irid jistabbilixxi, b’mod partikolari, l-ambitu tal-attività operazzjonali, id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ċivili u kriminali, il-kompiti u s-setgħat tal-membri tat-tim, il-miżuri relatati mal-istabbiliment ta’ uffiċċju antenna u l-miżuri prattiċi relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali 27 .

Konsegwentement, il-mudell jinkludi d-dispożizzjonijiet speċifiċi segwenti:

-L-Artikolu 1 jipprovdi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim dwar l-istatus, li jinkludi l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri b’setgħat eżekuttivi mill-korp permanenti għat-territorju tal-pajjiż terz rilevanti;

-L-Artikolu 2 jelenka definizzjonijiet ta’ termini ewlenin użati fil-mudell (ta’ min jinnota li filwaqt li d-definizzjonijiet fil-mudell jirreferu għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, skont il-prattika standard il-ftehimiet dwar l-istatus ma’ pajjiżi terzi se jkun fihom il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet aktar milli r-referenzi għalihom);

-L-Artikolu 3 jiddeskrivi l-mod li bih tista’ titnieda attività operazzjonali (jiġifieri operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera) (għandu jiġi nnutat li ftehim dwar l-istatus jirregola biss l-obbligi tal-partijiet fil-konfront ta’ xulxin; m’għandux jiġi interpretat bħala li jaffettwa l-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni rilevanti, b’mod partikolari r-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta 28 );

-L-Artikolu 4 jipprevedi li jenħtieġ li jiġi adottat pjan operazzjonali għal kull attività operazzjonali, li jagħti dettalji dwar l-aspetti organizzattivi u proċedurali tagħha;

-L-Artikolu 5 jirrikjedi li l-partijiet ikollhom fis-seħħ mekkaniżmu għar-rappurtar ta’ kwalunkwe sitwazzjoni relatata mal-immigrazzjoni illegali, il-kriminalità transfruntiera, jew riskju għall-ħajja tal-migranti fi, tul jew qrib il-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea jew tal-pajjiż terz rilevanti;

-L-Artikolu 6 jippermetti lill-Aġenzija tistabbilixxi uffiċċji antenna fil-pajjiż terz rilevanti, soġġett għall-qbil tal-pajjiż terz;

-L-Artikolu 7 jiddeskrivi r-rwol tal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni;

-L-Artikolu 8 jiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati b’mod sħiħ f’kull ħin fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ftehim dwar l-istatus u jirrikjedi li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi għall-ilmenti biex ikunu jistgħu jiġu rrappurtati u pproċessati allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali;

-L-Artikolu 9 jiddeskrivi r-rwol tal-osservaturi tad-drittijiet fundamentali;

-L-Artikolu 10 jistabbilixxi l-kompiti u s-setgħat tal-membri tat-tim, inkluż li huma jistgħu jwettqu biss il-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat deskritti fil-pjan operazzjonali;

-L-Artikolu 11 jipprevedi l-invjolabbiltà tal-proprjetà, il-fondi, l-assi u l-operazzjonijiet tal-Aġenzija fil-pajjiż terz rilevanti;

-L-Artikolu 12 jelenka l-privileġġi u l-immunitajiet tal-membri tat-tim, inkluż ir-responsabbiltà ċivili u kriminali;

-L-Artikolu 13 jagħmel dispożizzjonijiet għal membri tat-tim midruba jew mejta;

-L-Artikolu 14 jiddeskrivi d-dettalji tad-dokumenti ta’ akkreditazzjoni li għandhom jinħarġu lil kull membru tat-tim;

-L-Artikolu 15 japplika l-Artikoli 12 sa 14 għall-persunal kollu tal-Aġenzija skjerat fil-pajjiż terz rilevanti;

-L-Artikolu 16 jelenka r-regoli dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali;

-L-Artikolu 17 jistabbilixxi l-prerekwiżiti għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata bejn l-Aġenzija u l-pajjiż terz rilevanti;

-L-Artikolu 18 fih regoli dwar l-irtirar ta’ finanzjament minn jew is-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta’ attività operazzjonali;

-L-Artikolu 19 jipprevedi li l-pajjiż terz rilevanti jinforma b’mod proattiv lill-korpi rilevanti tal-Unjoni f’każ li jsir konxju ta’ allegazzjonijiet ta’ frodi, korruzzjoni jew attivitajiet illegali oħra li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni Ewropea;

-L-Artikolu 20 jiddeskrivi l-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-istatus;

-L-Artikolu 21 jirregola kif it-tilwim dwar l-interpretazzjoni tal-ftehim għandu jiġi solvut;

-L-Artikolu 22 jiddeskrivi l-proċedura għad-dħul fis-seħħ, id-durata tal-emenda, is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-ftehim.

4.    Konklużjonijiet

Il-kompetenza estiża tal-Aġenzija biex twettaq attivitajiet operazzjonali fit-territorju ta’ kwalunkwe pajjiż terz fejn tali skjerament jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effettiva tal-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri se tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-titjib tas-sigurtà tal-fruntieri tal-Unjoni. Il-mudell tal-ftehim dwar l-istatus mehmuż jistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u t-timijiet tagħha minn naħa u l-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi min-naħa l-oħra. Filwaqt li l-Kummissjoni se tuża dan il-mudell bħala punt tat-tluq għal kull negozjar ta’ ftehim dwar l-istatus ma’ pajjiż terz f’isem l-Unjoni Ewropea, it-testi finali ta’ tali ftehimiet neċessarjament se jkunu ġew adattati skont ir-realtajiet speċifiċi ta’ kull sieħeb fin-negozjati u l-objettivi differenti tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawk is-sħab. Madankollu, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tippreserva l-essenza tal-mudell tal-ftehim dwar l-istatus matul negozjati bħal dawn.

(1)

     Il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, ibbażata fuq il-mudell ta’ kontroll tal-aċċess b’erba’ livelli, tinkludi miżuri f’pajjiżi terzi, bħal dawk skont il-politika komuni tal-viża, miżuri ma’ pajjiżi terzi ġirien, miżuri ta’ kontroll fuq il-fruntieri fil-fruntieri esterni, analiżi tar-riskju, u miżuri fiż-żona Schengen u r-ritorn. Ir-Regolament il-ġdid dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jirrikonoxxi l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi bħala element importanti tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. (Il-Premessa 87)

(2)

     Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1-76).

(3)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-mudell tal-ftehim dwar l-istatus kif imsemmi fil-Artikolu 54(5) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, 22.11.2016, COM(2016) 747 final.

(4)

     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/865, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1031 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/729, rispettivament.

(5)

     Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1–131.

(6)

     L-Artikolu 73(3).

(7)

      https://www.consilium.europa.eu/media/35936/28-euco-final-conclusions-en.pdf  

(8)

     L-Artikolu 3(G)

(9)

     Il-Premessa 87

(10)

     L-Artikolu 10

(11)

     L-Artikolu 54

(12)

     “l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi kompetenti fi kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament”

(13)

     L-Artikolu 73(1)

(14)

     L-Artikolu 73(7).

(15)

     L-Artikolu 73(7-8)

(16)

     L-Artikolu 73(3)

(17)

     Il-korp permanenti huwa magħmul minn erba’ kategoriji ta’ persunal operazzjonali: (i) il-persunal statutorju tal-Aġenzija; (ii) persunal issekondat fit-tul mill-Istati Membri lill-Aġenzija; (iii) persunal mill-Istati Membri li huwa lest li jiġi pprovdut lill-Aġenzija għal skjerament għal żmien qasir; u (iv) persunal mill-Istati Membri li huwa lest biex jiġi skjerat għal interventi rapidi fil-fruntiera. (L-Artikolu 54(1) tar-Regolament)). [NB: għall-finijiet tal-ftehim mudell dwar l-istatus, il-persunal li jaqa’ fl-ewwel kategorija huwa deskritt bħala “Membri tat-timijiet li huma persunal statutorju tal-Aġenzija” u l-persunal li jaqa’ fit-tliet kategoriji li jifdal huwa deskritt bħala “Membri tat-timijiet li mhumiex persunal statutorju tal-Aġenzija”.]

(18)

     L-Artikolu 2(18)

(19)

     Il-Premessa 88

(20)

     L-Artikolu 73(4)

(21)

     L-Artikolu 74(3)

(22)

     L-Artikolu 74(3)

(23)

     L-Artikolu 10(1)(n)

(24)

     L-Artikolu 10(1)(u)

(25)

     B’mod partikolari, ir-Regolament jidentifika “kollegament ma’ pajjiżi terzi bil-ħsieb li jiġu identifikati u miksuba dokumenti tal-ivvjaġġar għal persuni rimpatrijati” u “li jiġu skortati ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal proċeduri ta’ ritorn furzat” bħala kompiti permissibbli li jirrikjedu setgħat eżekuttivi - madankollu, l-ebda wieħed minn dawn ma jitwettaq fit-territorju tal-pajjiż terz.

(26)

     L-Artikolu 76

(27)

     L-Artikolu 73(3)

(28)

     Ir-Regolament (UE) 2019/1896


Brussell, 21.12.2021

COM(2021) 829 final

ANNESS

għall-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Mudell ta’ ftehim dwar l-istatus kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624





Mudell għall-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u [pajjiż terz] dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fi [pajjiż terz]

L-Unjoni Ewropea,

u [Pajjiż terz],

minn hawn ’il quddiem individwalment imsejħa “Parti” u kollettivament bħala l-“Partijiet”,

BILLI jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”) tikkoordina kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u [pajjiż terz], inkluż fit-territorju ta’ [pajjiż terz],

BILLI jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali fil-forma ta’ ftehim dwar l-istatus għal sitwazzjonijiet meta l-membri tat-tim skjerati mill-Aġenzija se jkollhom setgħat eżekuttivi fit-territorju ta’ [pajjiż terz].

BILLI l-ftehim dwar l-istatus jista’ jipprevedi l-istabbiliment mill-Aġenzija ta’ uffiċċji antenna fit-territorju ta’ [pajjiż terz] biex tiġi ffaċilitata u mtejba l-koordinazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali u biex tiġi żgurata l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani u tekniċi tal-Aġenzija,

FILWAQT LI TIKKUNSIDRA l-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali fi [pajjiż terz] u fl-Unjoni Ewropea; kif ukoll

Fejn applikabbli [FILWAQT LI TIKKUNSIDRA li [pajjiż terz] irratifika [l-istrument rilevanti tal-liġi internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali konkluż mill-istat terz u li jindika livell suffiċjenti ta’ protezzjoni, eż. il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 108 tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali u l-Protokoll addizzjonali tagħha];

Waqt LI TIKKUNSIDRA li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi huma prinċipji fundamentali li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet;

Filwaqt LI TIKKUNSIDRA li [pajjiż terz] irratifika [l-istrument rilevanti tad-dritt internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali konkluż mill-istat terz u li jindika livell suffiċjenti ta’ protezzjoni, pereżempju, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta’ Novembru 1950, li huma riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea];

Filwaqt LI TIKKUNSIDRA li l-attivitajiet operazzjonali kollha tal-Aġenzija fit-territorju ta’ [pajjiż terz] jenħtieġ li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u/jew [pajjiż terz] huma parti,

Filwaqt LI TIKKUNSIDRA li l-persuni kollha li jipparteċipaw f’attività operazzjonali huma obbligati li jżommu l-ogħla standards ta’ integrità, kondotta etika, professjonaliżmu u rispett għad-drittijiet fundamentali kif ukoll li jissodisfaw l-obbligi imposti fuqhom mid-dispożizzjonijiet tal-pjan operazzjonali u l-kodiċi ta’ kondotta tal-Aġenzija,

iddeċidew li jikkonkludu l-Ftehim segwenti:

Artikolu 1 
Kamp ta’ applikazzjoni 

1.Dan il-ftehim jirregola l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għal [pajjiż terz] fejn il-membri tat-tim jistgħu jeżerċitaw setgħat eżekuttivi.

2.L-attivitajiet operazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jsiru fit-territorju ta’ [pajjiż terz], inkluż fil-fruntieri [tal-art], [tal-baħar] u [tal-ajru] tiegħu ma’ [pajjiż/pajjiżi oħra].

[Għal pajjiżi terzi kostali/insulari] Soġġett għall-obbligi tal-partijiet skont il-liġi tal-baħar, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, l-attivitajiet operazzjonali jistgħu jseħħu wkoll fiż-żona kontigwa ta’ [pajjiż terz]. L-attivitajiet operazzjonali implimentati skont dan il-ftehim ma għandhomx jaffettwaw l-obbligi ta’ tiftix u salvataġġ li jirriżultaw mil-liġi tal-baħar, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi.

Artikolu 2 
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

-“attività operazzjonali” tfisser operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera;

-“Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 2019/1896 1 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jew kwalunkwe emenda għalih;

-“kontroll fuq il-fruntiera” tfisser kontroll fuq il-fruntiera kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399 2 ;

-“timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri” tfisser timijiet iffurmati mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li għandhom jiġu skjerati tul operazzjonijiet konġunti fil-fruntieri esterni u interventi rapidi fil-fruntieri fil-fruntieri esterni fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi;

-“forum konsultattiv” tfisser il-korp konsultattiv stabbilit mill-Aġenzija skont l-Artikolu 108 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

-“korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta” tfisser il-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

-“EUROSUR” tfisser EUROSUR kif definit fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

-“monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali” tfisser monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali kif previst fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

-“Stat Membru domiċiljari” tfisser Stat Membru domiċiljari kif definit fil-punt 21 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

-“inċident” tfisser sitwazzjoni marbuta ma’ immigrazzjoni illegali, kriminalità transfruntiera, jew riskju għall-ħajjiet ta’ migranti ma’, matul jew qrib il-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea jew ta’ [pajjiż terz];

-“operazzjoni konġunta” tfisser azzjoni kkoordinata jew organizzata mill-Aġenzija biex tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ [pajjiż terz] responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri bil-għan li jiġu indirizzati sfidi bħall-immigrazzjoni illegali, theddid preżenti jew futur fil-fruntieri ta’ [pajjiż terz] jew kriminalità transfruntiera jew li għandha l-għan li tipprovdi aktar assistenza teknika u operazzjonali għall-kontroll ta’ dawn il-fruntieri;

-“membru tat-tim” tfisser membru tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta skjerat permezz ta’ tim tal-ġestjoni tal-fruntieri biex jipparteċipa f’attività operazzjonali;

-“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

-“żona operazzjonali” tfisser iż-żona ġeografika fejn għandha ssir attività operazzjonali;

-“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru parteċipanti kif iddefinit fil-punt 22 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

-data personali” tfisser data personali kif definita fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 3 ;

-“intervent rapidu fil-fruntiera” tfisser azzjoni mmirata biex twieġeb għal sitwazzjoni ta’ sfida speċifika u sproporzjonata fil-fruntieri ta’ [pajjiż terz] billi jiġu skjerati timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri fit-territorju ta’ [pajjiż terz] għal perjodu limitat ta’ żmien biex jitwettqu kontrolli fuq il-fruntieri flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ [pajjiż terz] responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri;

-“Persunal statutorju” tfisser persunal statutorju kif definit fil-punt 15 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

Artikolu 3 
It-Tnedija ta’ Attivitajiet Operazzjonali

1.Attività operazzjonali skont dan il-ftehim għandha titnieda permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija fuq talba bil-miktub tal-awtoritajiet kompetenti ta’ [pajjiż terz]. Tali talba għandha tinkludi deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, l-għanijiet possibbli u l-ħtiġijiet previsti, u l-profili tal-persunal meħtieġa, inkluż dak il-persunal li jkollu setgħat eżekuttivi, kif applikabbli.

2.Jekk id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jqis li l-attività operazzjonali mitluba x’aktarx tinvolvi jew twassal għal ksur serju u/jew persistenti tad-drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali, id-direttur eżekuttiv ma għandux iniedi l-attività operazzjonali.

3.Jekk, wara li jirċievi talba skont il-paragrafu 1, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jqis li tkun meħtieġa aktar informazzjoni sabiex jiddeċiedi jekk jibdiex attività operazzjonali, huwa jista’ jitlob aktar informazzjoni jew jawtorizza lill-esperti tal-Aġenzija jivvjaġġaw lejn [pajjiż terz] biex jivvalutaw is-sitwazzjoni hemmhekk. [Pajjiż terz] għandu jiffaċilita tali vjaġġar.

4.Id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jiddeċiedi li ma jnedix attività operazzjonali jekk huwa jqis li jkun hemm kawża ġustifikata li tissospendiha jew titterminaha skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 18.

Artikolu 4 
Pjan Operazzjonali

1.Għandu jintlaħaq qbil dwar pjan operazzjonali għal kull attività operazzjonali bejn l-Aġenzija u [pajjiż terz] f’konformità mal-Artikoli 38 u 74 tar-Regolament (UE) 2019/1896. Il-pjan operazzjonali għandu jorbot lill-Aġenzija, lil [pajjiż terz] u lill-Istati Membri parteċipanti.

2.[Fil-każ li Stat Membru jkun ġar tal-pajjiż terz jew imiss maż-żona operazzjonali] Il-pjan operazzjonali u kwalunkwe emenda għalih għandhom ikunu soġġetti għall-qbil ta’ kwalunkwe Stat Membru ġar tal-[pajjiż terz] u/jew li jmiss maż-żona operazzjonali.

3. Il-pjan operazzjonali għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzattivi u proċedurali tal-attività operazzjonali, inklużi:

(a)deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, bil-modus operandi u l-għanijiet tal-użu, inkluż l-għan operazzjonali;

(b)iż-żmien previst li l-attività operazzjonali se tieħu biex tilħaq l-objettivi tagħha;

(c)iż-żona ta’ operazzjoni;

(d)deskrizzjoni tal-kompiti, inklużi dawk li jirrikjedu setgħat eżekuttivi tar-responsabbiltajiet, inkluż fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u rekwiżit tal-protezzjoni tad-data u tal-istruzzjonijiet speċjali għat-timijiet, inkluż dwar il-konsultazzjoni permessa ta’ bażijiet ta’ data u l-armi tas-servizz, il-munizzjon u t-tagħmir permessi fil-[pajjiż terz];

(e)il-kompożizzjoni tat-tim tal-ġestjoni tal-fruntieri kif ukoll l-iskjerament ta’ persunal rilevanti ieħor/il-preżenza ta’ membri oħra tal-persunal statutorju tal-Aġenzija, inklużi osservaturi tad-drittijiet fundamentali;

(f)dispożizzjonijiet ta’ kmand u kontroll, inklużi l-ismijiet u l-gradi tal-gwardji tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor tal-[pajjiż terz] responsabbli għall-kooperazzjoni mal-membri tat-tim u l-Aġenzija, b’mod partikolari l-ismijiet u l-gradi ta’ dawk il-gwardji tal-fruntieri li għandhom il-kmand waqt il-perjodu tal-istkjerament, u post il-membri tat-tim fil-katina tal-kmand;

(g)it-tagħmir tekniku li se jintuża matul l-attività operazzjonali, inkluż ir-rekwiżiti speċifiċi bħal pereżempju l-kundizzjonijiet għall-użu, l-ekwipaġġ meħtieġ, it-trasport u loġistika oħra, u dispożizzjonijiet finanzjarji;

(h)dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-rappurtar ta’ inċidenti immedjati mill-Aġenzija lill-bord maniġerjali u lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri parteċipanti u ta’ [pajjiż terz] ta’ kwalunkwe inċident li jiltaqa’ miegħu matul attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim;

(i)skema ta’ rapportar u evalwazzjoni li jkollha punti ta’ riferiment għar-rapport ta’ evalwazzjoni, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u d-data finali għas-sottomissjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni finali;

(j)[Jekk applikabbli] dwar operazzjonijiet fuq il-baħar, informazzjoni speċifika dwar l-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni u rilevanti u l-liġi applikabbli fiż-żona operazzjonali, inklużi referenzi għal-liġi nazzjonali, internazzjonali u tal-Unjoni fir-rigward tal-interċettazzjoni, is-salvataġġ fuq il-baħar u l-iżbark;

(k)it-termini ta’ kooperazzjoni ma’ korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni għajr l-Aġenzija, pajjiżi terzi oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(l)struzzjonijiet ġenerali dwar kif tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali matul l-attività operazzjonali inkluż il-protezzjoni tad-data personali u l-obbligi li jirriżultaw mill-istrumenti internazzjonali applikabbli tad-drittijiet tal-bniedem;

(m)proċeduri li bihom persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, vittmi tat-traffikar ta’ bnedmin, minorenni mhux akkumpanjati u persuni oħra f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jiġu ggwidati lejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal assistenza xierqa;

(n)proċeduri li jistabbilixxu mekkaniżmu biex jirċievu u jittrażmettu lill-Aġenzija u lil [pajjiż terz] ilmenti (inklużi dawk imressqa skont l-Artikolu 8(5) hawn taħt) kontra kwalunkwe persuna li tipparteċipa f’attività operazzjonali, inkluż gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor ta’ [pajjiż terz] u membri tat-tim, li jallegaw ksur tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħhom f’attività operazzjonali tal-Aġenzija;

(o)arranġamenti loġistiċi inkluż l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ambjent taż-żoni li fiha għandha sseħħ l-attività operazzjonali.

(p)[Jekk applikabbli] dispożizzjonijiet li jikkonċernaw uffiċċju antenna, kif stabbilit skont l-Artikolu 6.

4.Kwalunkwe emenda jew adattament għall-pjan operazzjonali għandhom jirrikjedu l-qbil tal-Aġenzija u tal-[pajjiż terz], wara konsultazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti.

5.L-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali għall-finijiet tal-EUROSUR għandhom isiru f’konformità mar-regoli għall-istabbiliment u l-kondiviżjoni tal-istampi tas-sitwazzjoni speċifiċi li għandhom jiġu stabbiliti fil-pjan operazzjonali għall-attività operazzjonali kkonċernata.

6.L-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali skont il-paragrafu (3)(i) ta’ dan l-Artikolu għandha titwettaq b’mod konġunt minn [pajjiż terz] u l-Aġenzija.

7.It-termini tal-kooperazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni f’konformità mal-paragrafu (3)(k) ta’ dan l-Artikolu għandhom jitwettqu f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom u skont ir-riżorsi disponibbli.

Artikolu 5 
Rappurtar ta’ Inċidenti

L-Aġenzija u [l-awtorità rilevanti ta’ pajjiż terz] għandu jkollhom it-tnejn mekkaniżmu ta’ rapportar tal-inċidenti li jippermetti r-rapportar f’waqtu ta’ kwalunkwe inċident li jiltaqa’ miegħu matul attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim.

L-Aġenzija u [pajjiż terz] għandhom jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-inkjesti u l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa dwar kwalunkwe inċident irrapportat permezz ta’ dan il-mekkaniżmu bħall-identifikazzjoni ta’ xhieda u l-ġbir u l-produzzjoni ta’ evidenza, inklużi talbiet biex jinkisbu u, jekk ikun xieraq, jingħataw oġġetti konnessi ma’ inċident irrapportat. L-għoti ta’ tali oġġetti jista’ jkun soġġett għar-ritorn tagħhom fit-termini speċifikati mill-awtorità kompetenti li twassalhom.

Artikolu 6 
Uffiċċji Antenna

1.L-Aġenzija tista’ tistabbilixxi uffiċċji antenna fit-territorju ta’ [pajjiż terz] biex tiffaċilita u ttejjeb il-koordinazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali u biex tiżgura l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani u tekniċi tal-Aġenzija. Il-post tal-uffiċċju antenna għandu jiġi stabbilit mill-Aġenzija.

2.L-uffiċċji antenna għandhom jiġu stabbiliti skont il-ħtiġijiet operazzjonali u jibqgħu operazzjonali għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex l-Aġenzija twettaq attivitajiet operazzjonali fi [pajjiż terz] u fir-reġjun ġar. Soġġett għall-qbil ta’ [pajjiż terz], dak il-perjodu ta’ żmien jista’ jiġi estiż mill-Aġenzija.

3.Kull uffiċċju antenna għandu jkun ġestit minn rappreżentant tal-Aġenzija maħtur mid-direttur eżekuttiv bħala kap tal-uffiċċju antenna li għandu jissorvelja l-ħidma ġenerali tal-uffiċċju.

4.L-uffiċċji antenna għandhom, fejn applikabbli:

(a)jipprovdu appoġġ operazzjonali u loġistiku u jiżguraw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija fiż-żoni ta’ operazzjonijiet ikkonċernati;

(b)jipprovdu appoġġ operazzjonali lil [pajjiż terz] fiż-żoni ta’ operazzjonijiet ikkonċernati;

(c)jimmonitorjaw l-attivitajiet tat-timijiet u jirrapportaw regolarment lill-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija;

(d)jikkooperaw mal-[pajjiż terz] dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni prattika tal-attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija fil-[pajjiż terz], inkluża kwalunkwe kwistjoni addizzjonali li setgħet qamet matul dawn l-attivitajiet;

(e)jappoġġaw lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni fil-kooperazzjoni tiegħu mal-[pajjiż terz] dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kontribuzzjoni tagħhom għal attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija u, fejn meħtieġ, jikkoordinaw mal-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija;

(f)jappoġġaw lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u lill-osservatur(i) tad-drittijiet fundamentali inkarigat(i) mill-monitoraġġ ta’ attività operazzjonali, biex, fejn meħtieġ, jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn it-timijiet tal-Aġenzija u l-awtoritajiet rilevanti tal-[pajjiż terz] kif ukoll kwalunkwe kompitu rilevanti;

(g)jorganizzaw appoġġ loġistiku relatat mal-istazzjonament tal-membri tat-tim u mal-iskjerament u l-użu tat-tagħmir tekniku;

(h)jipprovdu kwalunkwe appoġġ loġistiku ieħor rigward iż-żona ta’ operazzjonijiet li għaliha jkun responsabbli uffiċċju antenna partikolari, bil-ħsieb li jiffaċilitaw it-tmexxija bla xkiel tal-attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija;

(i)jiżguraw il-ġestjoni effettiva tat-tagħmir tal-Aġenzija stess fl-oqsma koperti mill-attivitajiet tagħha, inklużi r-reġistrazzjoni possibbli il-manutenzjoni fit-tul ta’ dak it-tagħmir u kwalunkwe appoġġ loġistiku meħtieġ.

(j)jappoġġaw persunal u/jew attivitajiet oħrajn tal-Aġenzija fi [pajjiż terz] kif miftiehem bejn l-Aġenzija u [pajjiż terz].

5.L-Aġenzija u [pajjiż terz] għandhom jiżguraw l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għat-twettiq tal-kompiti assenjati lill-uffiċċju antenna.

6. [Pajjiż terz] għandu jipprovdi assistenza lill-Aġenzija biex tiżgura l-kapaċità operazzjonali tal-uffiċċju antenna.

Artikolu 7 
Uffiċjal ta’ Koordinazzjoni

1.Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-uffiċċji antenna kif deskritt fl-Artikolu 6, id-direttur eżekuttiv għandu jaħtar espert wieħed jew aktar mill-persunal statutorju tiegħu biex jiġi skjerat bħala uffiċjal(i) ta’ koordinazzjoni għal kull attività operazzjonali. Id-direttur eżekuttiv għandu jinnotifika lil [pajjiż terz] b’tali ħatra.

2.Ir-rwol tal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni għandu jkun li:

(a)jaġixxi bħala interfaċċa bejn l-Aġenzija, il-[pajjiż terz] u l-membri tat-tim, billi jipprovdi assistenza, f’isem l-Aġenzija, fuq il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-kundizzjonijiet tal-iskjerament tagħhom lit-timijiet;

(b)jissorvelja l-implimentazzjoni korretta tal-pjan operazzjonali, inkluż, f’kooperazzjoni mal-osservatur(i) tad-drittijiet fundamentali, fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u jirrapporta lid-direttur eżekuttiv dwar dan;

(c)jaġixxi f’isem l-Aġenzija fl-aspetti kollha tal-iskjerament tat-timijiet u jirrapporta lill-Aġenzija dwar dawk l-aspetti kollha;

(d)irawwem il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost [pajjiż terz] u l-Istati Membri parteċipanti.

3.Fil-kuntest ta’ attivitajiet operazzjonali, id-direttur eżekuttiv jista’ jawtorizza lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni li jassisti ħalli jsolvi kwalunkwe nuqqas ta’ qbil dwar it-twettiq tal-pjan operazzjonali u l-iskjerament tat-timijiet.

4.[Pajjiż terz] għandu joħroġ biss struzzjonijiet li huma konformi mal-pjan operazzjonali lill-membri tat-tim. Jekk l-uffiċjal ta’ koordinazzjoni jqis li l-istruzzjonijiet maħruġa lill-membri tat-tim ma jkunux konformi mal-pjan operazzjonali jew mal-obbligi legali applikabbli, huwa għandu jikkomunika dan minnufih lill-uffiċjali [tal-pajjiż terz] li jwettqu rwol ta’ koordinazzjoni u lid-direttur eżekuttiv. Id-direttur eżekuttiv jista’ jieħu miżuri xierqa, inkluż is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-attività operazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan il-Ftehim. [Pajjiż terz] jista' jawtorizza lill-membri tat-tim biex jaġixxu f’ismu.

Artikolu 8 
Drittijiet Fundamentali

1.Fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jaġixxu f’konformità mal-istrumenti kollha applikabbli tal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż [daħħal/ħassar kif applikabbli l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha, il-Konvenzjoni tal-1965 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura tal-1984, il-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006 dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] 4 .

2.Il-membri tat-tim għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, iħarsu b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, fosthom l-aċċess għall-proċeduri tal-asil, u d-dinjità umana u għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil persuni vulnerabbli. Kwalunkwe miżura meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-poteri għandha tkun proporzjonata għall-finijiet ta’ tali miżuri. Waqt it-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, ma għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni abbażi ta’ raġunijiet bħal sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew opinjoni oħra, sħubija f’minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’konformità mal-Artikolu 21 tal-Karta.

Miżuri li jinterferixxu mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistgħu jittieħdu biss minn membri tat-tim fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u/jew fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom meta jkun meħtieġ u proporzjonat għall-objettivi segwiti minn tali miżuri u jridu jirrispettaw l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’konformità mal-liġi internazzjonali, tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli.

Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatis mutandis għall-persunal kollu tal-[awtoritajiet nazzjonali rilevanti ta’ pajjiż terz] li jipparteċipa f’attività operazzjonali.

3.L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija għandu jimmonitorja l-konformità ta’ kull attività operazzjonali mal-istandards applikabbli tad-drittijiet fundamentali. L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, jew id-deputat tiegħu jew tagħha, jista’ jwettaq żjarat fuq il-post fil-pajjiż terz; huwa għandu jipprovdi wkoll opinjonijiet dwar il-pjanijiet operazzjonali u jinforma lid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija dwar ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali relatati ma’ attività operazzjonali. [Pajjiż terz] għandu jappoġġa l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, kif mitlub.

4.Il-Partijiet jaqblu li jipprovdu lill-forum konsultattiv b’aċċess f’waqtu u effettiv għall-informazzjoni kollha li tikkonċerna r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-rigward ta’ kwalunkwe attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim, inkluż permezz ta’ żjarat fuq il-post fiż-żona operazzjonali.

5.Kull waħda mill-Partijiet għandu jkollha mekkaniżmu ta’ lmenti biex tipproċessa allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettqa mill-persunal tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom waqt attività operattiva mwettqa taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 9 
Osservaturi tad-Drittijiet Fundamentali

1.L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija għandu jassenja mill-inqas monitoraġġ wieħed tad-drittijiet fundamentali għal kull attività operazzjonali biex, fost l-oħrajn, jassisti u jagħti pariri lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni.

2.L-osservatur tad-drittijiet fundamentali għandu jimmonitorja l-konformità mad-drittijiet fundamentali u jipprovdi pariri u assistenza dwar id-drittijiet fundamentali fit-tħejjija, it-twettiq u l-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali rilevanti. Dan għandu jinkludi, b’mod partikolari:

(a)is-segwitu tat-tħejjija tal-pjanijiet operazzjonali u r-rapportar lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali biex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu kif previst fir-Regolament (UE) 2019/1896;

(b)it-twettiq ta’ żjarat, inkluż żjarat fit-tul, fejn tkun qed isiru l-attivitajiet operazzjonali,

(c)il-kooperazzjoni u l-kollegament mal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u l-provvista ta’ pariri u assistenza lilu;

(d)l-infurmar tal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u r-rapportar lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali dwar kull tħassib rigward ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali relatat mal-attività operazzjonali; kif ukoll

(e)il-kontribut għall-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(i).

3.L-osservaturi tad-drittijiet fundamentali għandu jkollhom aċċess għaż-żoni kollha li fihom isseħħ l-attività operazzjonali u għad-dokumenti kollha rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dik l-attività.

4.Meta jkunu preżenti f’żona operazzjonali, l-osservaturi tad-drittijiet fundamentali għandhom jilbsu insinji li jippermettu li jiġu identifikati b’mod ċar bħala osservaturi tad-drittijiet fundamentali.

Artikolu 10 
Membri tat-Tim

1.Il-membri tat-tim għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti deskritti fil-pjan operazzjonali.

2.Meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti ta’ [pajjiż terz] kif ukoll mal-liġi tal-Unjoni u internazzjonali applikabbli.

3.Il-membri tat-tim jistgħu jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw il-poteri fit-territorju ta' [pajjiż terz] biss fuq struzzjonijiet minn u fil-preżenza ta' awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri ta' [pajjiż terz]. [Pajjiż terz] jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim biex iwettqu kompiti speċifiċi u/jew jeżerċitaw setgħat speċifiċi fit-territorju tiegħu fin-nuqqas tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tiegħu soġġett għall-kunsens tal-Aġenzija jew tal-Istat Membru domiċiljari, kif xieraq.

4.Il-membri tat-tim li huma persunal statutorju tal-Aġenzija għandhom jilbsu l-uniformi tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta filwaqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-pjan operazzjonali.

Il-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju tal-Aġenzija għandhom jilbsu l-uniformi nazzjonali tagħhom filwaqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-pjan operazzjonali.

Waqt li jkunu fuq xogħol, il-membri kollha tat-tim għandhom ukoll jilbsu b'mod viżibbli identifikazzjoni personali u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom.

5.[Pajjiż terz] għandu jawtorizza lill-membri tat-tim rilevanti biex iwettqu kompiti matul attività operazzjonali li teħtieġ l-użu tal-forza, inkluż il-ġarr u l-użu ta’ armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir ieħor, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-pjan operazzjonali.

-Il-membri tat-tim li huma persunal statutorju tal-Aġenzija jistgħu jġorru tagħmir, armi tas-servizz, munizzjon u mezzi koerċittivi oħra soġġetti għall-kunsens tal-Aġenzija.

-Il-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju tal-Aġenzija jistgħu jġorru tagħmir, armi tas-servizz, munizzjon u mezzi koerċittivi oħra soġġetti għall-kunsens tal-Istat Membru domiċiljari rilevanti.

6.L-użu tal-forza, inklużi l-ġarr u l-użu ta’ armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir, għandu jiġi eżerċitat f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-[pajjiż terz] u fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri ta’ [pajjiż terz]. [Pajjiż terz] jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza fin-nuqqas ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri ta’ [pajjiż terz]. 

-Għall-membri tat-tim li huma persunal statutorju tal-Aġenzija, tali awtorizzazzjoni għall-użu tal-forza fin-nuqqas ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri ta’ [pajjiż terz] għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Aġenzija.

-Għall-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju tal-Aġenzija, tali awtorizzazzjoni għall-użu tal-forza fin-nuqqas ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri ta’ [pajjiż terz] għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Istat Membru domiċiljari rilevanti.

Kwalunkwe użu tal-forza mill-membri tat-tim irid ikun meħtieġ u proporzjonat u jikkonforma bis-sħiħ mal-liġi tal-Unjoni, internazzjonali u nazzjonali applikabbli, inkluż, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1896.

7.L-Aġenzija għandha, qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, tinforma lil [pajjiż terz] dwar l-armi tas-servizz, il-munizzjon u tagħmir ieħor li l-membri tat-tim jistgħu jġorru skont il-Paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. [Pajjiż terz] jista’ jipprojbixxi l-ġarr ta’ ċerti armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir ieħor, sakemm il-liġi tiegħu stess tapplika l-istess projbizzjoni għall-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tiegħu stess. [Pajjiż terz] għandu, qabel ma jiskjera l-membri tat-tim, jinforma lill-Aġenzija dwar l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz permissibbli u dwar il-kundizzjonijiet biex jintużaw. L-Aġenzija għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

[Pajjiż terz] għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-ħruġ ta’ kwalunkwe permess ta’ armi meħtieġ u jiffaċilita l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasport u l-ħażna ta’ armi, munizzjon u tagħmir ieħor għad-dispożizzjoni tal-membri tat-tim kif mitlub mill-Aġenzija.

8.Armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir jistgħu jintużaw fl-awtodifiża leġittima u fid-difiża leġittima tal-membri tat-tim jew ta’ persuni oħra f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-[pajjiż terz], bi qbil mal-prinċipji rilevanti tal-liġi internazzjonali u dik tal-Unjoni.

9.[Pajjiż terz] jista’ jawtorizza lill-membri tat-tim biex jikkonsultaw il-bażijiet tad-data nazzjonali tiegħu jekk ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-pjan operazzjonali. [Pajjiż terz] għandu jiżgura li jipprovdi tali aċċess għall-bażijiet tad-data b'mod effiċjenti u effettiv.

[Pajjiż terz] għandu, qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, jinforma lill-Aġenzija dwar il-bażijiet tad-data nazzjonali li jistgħu jiġu kkonsultati.

Il-membri tat-tim għandhom jikkonsultaw biss id-data li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. Dik il-konsultazzjoni għandha ssir skont il-liġi nazzjonali tal-protezzjoni tad-data ta' [pajjiż terz] u dan il-Ftehim.

10.Għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet operazzjonali, [pajjiż terz] għandu jiskjera uffiċjali ta’ [awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiż terz responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri] li jkunu kapaċi u lesti jikkomunikaw fil-lingwa ta’ ħidma tal-Aġenzija biex iwettqu rwol ta’ koordinazzjoni f’isem [pajjiż terz].

Artikolu 11 
Privileġġi u Immunitajiet tal-Proprjetà, Fondi, Assi u Operazzjonijiet tal-Aġenzija

1.Kwalunkwe bini tal-Aġenzija fi [pajjiż terz] għandu jkun invjolabbli. Għandu jkun eżentat minn tiftix, rekwiżizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni.

2.Il-proprjetà u l-assi tal-Aġenzija, inklużi l-mezzi tat-trasport, il-komunikazzjonijiet, l-arkivji, kwalunkwe korrispondenza, dokumenti, karti tal-identità u assi finanzjarji għandhom ikunu invjolabbli.

3.L-assi tal-Aġenzija jinkludu assi li huma proprjetà ta’, koproprjetà, chartered jew mikrija minn Stat Membru u offruti lill-Aġenzija. Mal-imbarkazzjoni tar-rappreżentant(i) tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, dawn għandhom jiġu ttrattati bħala assi fis-servizz tal-gvern u awtorizzati għal dan il-għan.

4.Ma tista’ tittieħed l-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tal-Aġenzija. Il-proprjetà u l-assi tal-Aġenzija ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda miżura amministrattiva jew legali ta’ restrizzjoni. Il-proprjetà tal-Aġenzija għandha tkun ħielsa mis-sekwestru għas-sodisfazzjon ta’ sentenza, deċiżjoni jew ordni.

5.[Pajjiż terz] għandu jippermetti d-dħul u t-tneħħija ta’ oġġetti u tagħmir skjerati mill-Aġenzija fi [pajjiż terz] għal finijiet operazzjonali

6.L-Aġenzija għandha tkun eżentata mid-dazji doganali, il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet kollha fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fir-rigward tal-oġġetti maħsuba għall-użu uffiċjali tagħha.

Artikolu 12 
Privileġġi u Immunitajiet tal-Membri tat-Tim

1.Il-membri tat-tim ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda forma ta’ arrest jew detenzjoni fi [pajjiż terz] jew mill-awtoritajiet ta’ [pajjiż terz].

2.Il-membri tat-tim ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda forma ta’ inkjesta jew proċedimenti legali fi [pajjiż terz] jew mill-awtoritajiet ta’ [pajjiż terz], ħlief fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

3.Il-membri tat-tim għandhom igawdu l-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali ta’ [pajjiż terz] f’kull ċirkostanza.

L-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali ta’ [pajjiż terz] tal-membri tat-tim li huma membri tal-persunal statutorju tal-Aġenzija tista’ titneħħa mid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija.

L-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali ta’ [pajjiż terz] tal-membri tat-tim li mhumiex membri tal-persunal statutorju tal-Aġenzija tista’ titneħħa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-membru.

Tali tneħħija tal-immunità għandha tkun espressa u bil-miktub.

4.Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-[pajjiż terz] fir-rigward tal-atti kollha li jwettqu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.

Jekk jinbdew proċedimenti ċivili jew amministrattivi kontra membru tat-tim quddiem kwalunkwe qorti ta’ [pajjiż terz], l-awtoritajiet kompetenti ta’ [pajjiż terz] għandhom jinnotifikaw minnufih lid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija b’dan.

Qabel il-bidu ta’ tali proċediment quddiem qorti, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jiċċertifika lill-qorti jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq minn membri tat-tim fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom. Jekk l-att twettaq fil-qadi ta' funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment ma għandux jinbeda. Jekk l-att ma jkunx twettaq fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista’ jitkompla. Iċ-ċertifikazzjoni mid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija għandha tkun vinkolanti fuq il-ġurisdizzjoni ta’ [pajjiż terz] li ma jistax jikkontestaha.

Il-bidu ta’ proċedimenti mill-membri tat-tim għandu jipprekludihom milli jinvokaw l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kull kontrotalba relatata direttament mat-talba prinċipali.

5.Il-bini, l-abitazzjonijiet, il-mezzi ta’ trasport u l-komunikazzjonijiet, u l-proprjetà, inklużi kwalunkwe korrispondenza, dokumenti, dokumenti ta’ identità u assi tal-membri tat-tim għandhom ikunu invjolabbli, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni kif permess skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.

6.[Pajjiż terz] għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat minn membri tat-tim lil partijiet terzi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.

7.F’każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja jew mhux fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li huwa membru tal-persunal statutorju tal-Aġenzija, [pajjiż terz] jista’ jitlob, permezz tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija, li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.

F’każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja jew mhux fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li mhuwiex membru tal-persunal statutorju tal-Aġenzija, [pajjiż terz] jista’ jitlob, permezz tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija, li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru domiċiljari kkonċernat.

8.Il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu obbligati jixhdu bħala xhieda fi proċedimenti legali fi [pajjiż terz].

9.L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każ li jiġi istitwit kontrihom proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali taħhom. Il-proprjetà tal-membri tat-tim, li tkun ċertifikata mid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, għandha tkun ħielsa minn sekwestru biex tiġi ssodisfata sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim m’għandhom ikunu soġġetti għall-ebda restrizzjoni tal-libertà personali tagħhom jew għal kwalunke miżura oħra ta’ kostrinġiment.

10.Il-membri tat-tim għandhom, fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija, ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fi [pajjiż terz].

11.Is-salarju u l-emolumenti mħallsa lill-membri tat-tim mill-Aġenzija u/jew mill-Istati Membri domiċiljari, kif ukoll kwalunkwe introjtu li membri tat-tim jirċievu minn barra [pajjiż terz], ma għandhom jiġu ntaxxati fl-ebda forma fi [pajjiż terz].

12.[Pajjiż terz] għandu jippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim u għandu jagħti eżenzjoni mid-dazji doganali, taxxi, u ħlasijiet relatati kollha minbarra ħlasijiet għal ħażna, trasport u servizzi simili, fir-rigward ta’ tali oġġetti. [Pajjiż terz] għandu wkoll jippermetti l-esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti.

13.Il-bagalji personali tal-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn spezzjoni, dment li ma jkunx hemm raġunijiet serji sabiex ikun ikkunsidrat li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina ta' [pajjiż terz]. L-ispezzjoni ta' dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membri tat-tim konċernati jew ta' rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.

14.L-Aġenzija u [pajjiż terz] għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt li jkunu disponibbli f’kull ħin li għandhom ikunu responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni u azzjonijiet immedjati li għandhom jittieħdu f’każ li att imwettaq minn membru tat-tim jista’ jkun bi ksur tal-liġi kriminali kif ukoll għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-attivitajiet operazzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe proċediment ċivili u amministrattiv kontra membru tat-tim.

Sakemm tittieħed azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari, l-Aġenzija u [pajjiż terz] għandhom jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-inkjesti u l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa fi kwalunkwe reat kriminali allegat li fir-rigward tiegħu l-Aġenzija jew [pajjiż terz] jew it-tnejn li huma għandhom interess, fl-identifikazzjoni ta’ xhieda u fil-ġbir u l-produzzjoni ta’ evidenza, inkluż it-talba biex jinkisbu u, jekk ikun xieraq, it-trasferiment ta’ oġġetti konnessi ma’ reat kriminali allegat. L-għoti ta’ tali oġġetti jista’ jkun soġġett għar-ritorn tagħhom fit-termini speċifikati mill-awtorità kompetenti li twassalhom.

Artikolu 13 
Membri tat-Tim Midruba jew Deċeduti

1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, id-direttur eżekuttiv għandu jkollu d-dritt li jieħu f’idejh, u jagħmel arranġamenti xierqa għar-ripatrijazzjoni ta’ kwalunkwe membru tat-tim midrub jew mejjet, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu.

2.L-awtopsja għandha titwettaq fuq membru ta’ tim mejjet biss bil-kunsens espliċitu tal-Istat Membru domiċiljari kkonċernat u fil-preżenza ta’ rappreżentant tal-Aġenzija u/jew tal-Istat Membru domiċiljari kkonċernat.

3.[Pajjiż terz] u l-Aġenzija għandhom jikkooperaw kemm jista’ jkun bil-ħsieb tar-ripatrijazzjoni bikrija ta’ membri tat-tim midruba jew mejtin.

Artikolu 14 
Dokument ta’ Akkreditazzjoni

1.L-Aġenzija għandha toħroġ dokument [fil-lingwa/i uffiċjali ta'  pajjiż terz] u fil-lingwa tax-xogħol tal-Aġenzija lil kull membru tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ [pajjiż terz] u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim u fil-pjan operazzjonali (“id-dokument ta' akkreditazzjoni”).

2.Id-dokument ta’ akkreditazzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-membru tal-persunal: isem u nazzjonalità; il-grad jew it-titlu tal-impjieg; ritratt reċenti diġitalizzat u l-kompiti li huwa awtorizzat iwettaq matul l-iskjerament.

3.Għall-finijiet ta’ identifikazzjoni vis-à-vis l-awtoritajiet nazzjonali ta’ [pajjiż terz], il-membri tat-tim għandhom ikunu obbligati jġorru d-dokument ta’ akkreditazzjoni fuq il-persuna tagħhom f’kull ħin.

4. [Pajjiż terz] għandu jirrikonoxxi d-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, bħala li jagħti lill-membru tat-tim rilevanti dħul u soġġorn fi [pajjiż terz] mingħajr il-ħtieġa ta’ viża, awtorizzazzjoni minn qabel jew kwalunkwe dokument ieħor sal-jum tal-iskadenza tiegħu.

5.Id-dokument tal-akkreditazzjoni għandu jiġi ritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-iskjerament. L-awtoritajiet kompetenti ta’ [pajjiż terz] għandhom jiġu infurmati b’dan.

Artikolu 15 
Applikazzjoni għal Persunal tal-Aġenzija Mhux Skjerat bħala Membru tat-Tim

L-Artikoli 12, 13 u 14 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-persunal kollu tal-Aġenzija skjerat f’[pajjiż terz] li mhuwiex membru tat-tim, inklużi osservaturi tad-drittijiet fundamentali u l-persunal statutorju tal-Aġenzija skjerat f’uffiċċji antenna.

Artikolu 16 
Protezzjoni ta’ Data Personali

1.Il-komunikazzjoni ta’ data personali għandha sseħħ biss jekk tali komunikazzjoni tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim mill-awtoritajiet kompetenti ta’ [pajjiż terz] jew l-Aġenzija. L-ipproċessar ta’ data personali minn awtorità f’każ partikolari, inkluż it-trasferiment ta’ tali data personali lill-Parti l-oħra, għandu jkun soġġett għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għal dik l-awtorità. Il-Parti għandha tiżgura s-salvagwardji minimi li ġejjin bħala prekundizzjoni għal kwalunkwe trasferiment ta’ data:

(a)id-data personali trid tkun ipproċessata legalment, ġustament u b'mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data;

(b)id-data personali jeħtieġ li tinġabar għall-iskop speċifikat, espliċitu u leġittimu tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u ma tiġix ipproċessata aktar mill-awtorità li tikkomunikaha jew mill-awtorità li tirċeviha b’mod mhux kompatibbli ma’ dak l-iskop;

(c)id-data personali għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għan li għalih tinġabar u/jew tiġi pproċessata aktar; b’mod partikolari, id-data personali kkomunikata f’konformità mal-liġi applikabbli tal-awtorità komunikanti tista’ tikkonċerna biss dawn li ġejjin:

[Lista ta’ kategoriji ta’ data li jistgħu jiġu skambjati u l-għanijiet li għalihom tista’ tiġi pproċessata u trasferita]

(d)id-data personali għandha tkun eżatta u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; 

(e)id-data personali għandha tinżamm b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar mill-perjodu neċessarju għall-fini li għalih tkun inġabret id-data jew li kompliet tiġi pproċessata;

(f)id-data personali trid tiġi pproċessata b’mod li jiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali, filwaqt li jitqiesu r-riskji speċifiċi tal-ipproċessar, inkluża l-protezzjoni kontra l-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (“ksur tad-data”); il-Parti riċeventi għandha tieħu miżuri xierqa biex tindirizza kwalunkwe ksur tad-data, u għandha tinnotifika lill-Parti li tikkomunika dwar tali ksur mingħajr dewmien żejjed u fi żmien 72 siegħa;

(g)kemm l-awtorità li tikkomunika d-data kif ukoll l-awtorità li tirċeviha jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw mingħajr dewmien ir-rettifika jew it-tħassir, kif xieraq, tad-data personali jekk l-ipproċessar ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikulari għaliex dik id-data ma tkunx xierqa, relevanti, preċiża jew tkun eċċessiva fir-rigward tal-iskop tal-ipproċessar. Dan jinkludi n-notifika ta' kull rettifika jew tħassir lill-Parti l-oħra;

(h)fuq talba, l-awtorità riċeventi għandha tinforma lill-awtorità komunikanti dwar l-użu tad-data kkomunikata;

(i)id-data personali tista’ tkun ikkomunikata biss lill-awtoritajiet kompetenti li ġejjin:

[Lista tal-awtoritajiet u l-ambitu tal-kompetenzi tagħhom]

Komunikazzjoni ulterjuri lil entitajiet oħrajn teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità komunikanti kompetenti;

(j)l-awtorità komunikanti u l-awtorità riċeventi huma obbligati li jirreġistraw bil-miktub il-komunikazzjoni u l-wasla ta' data personali;

(k)għandu jkun hemm sorveljanza indipendenti biex tissorvelja l-konformità mal-protezzjoni tad-data, inkluż biex jiġu spezzjonati tali rekords; is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt li jressqu lmenti lill-korp ta’ sorveljanza, u li jirċievu tweġiba mingħajr dewmien żejjed;

(l)is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, jaċċessaw tali data u jirrettifikaw jew iħassru data mhux preċiża jew ipproċessata illegalment, soġġett għal limitazzjonijiet meħtieġa u proporzjonati għal raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku;

(m) is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tas-salvagwardji msemmija hawn fuq.

2.Kull Parti għandha twettaq reviżjonijiet perjodiċi tal-politiki u l-proċeduri tagħha stess li jimplimentaw din id-dispożizzjoni. Fuq talba mill-Parti l-oħra, il-Parti li tkun irċeviet it-talba tirrevedi l-politiki u l-proċeduri tagħha dwar l-ipproċessar tad-data personali sabiex taċċerta u tikkonferma li s-salvagwardji f’din id-dispożizzjoni jiġu implimentati b’mod effettiv. Ir-riżultati tar-rieżami se jiġu kkomunikati lill-Parti li tkun talbet ir-rieżami fi żmien raġonevoli.

3.Is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data skont dan il-Ftehim se jkunu soġġetti għal sorveljanza mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u [awtorità pubblika indipendenti jew korp ta’ sorveljanza kompetenti ieħor f’pajjiż terz]. 

4.Il-Partijiet se jikkooperaw mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, bħala l-awtorità superviżorja tal-Aġenzija.

5.Il-Partijiet għandhom ifasslu rapport komuni dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu fi tmiem kull attività operazzjonali. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija kif ukoll lil [awtorità rilevanti ta’ pajjiż terz].

Artikolu 17 
Skambju ta’ Informazzjoni Klassifikata u Sensittiva Mhux Klassifikata

1.Kwalunkwe skambju, kondiviżjoni jew disseminazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata fil-qafas ta’ dan il-ftehim għandu jkun kopert minn arranġament amministrattiv separat konkluż bejn l-Aġenzija u [pajjiż terz] li għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea. 

2.Kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata fil-qafas ta’ dan il-ftehim: 

(a)għandu jiġu ttrattat mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 9(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443  5 ;

(b)għandu jirċievi livell ta’ protezzjoni mill-Parti riċeventi li jkun ekwivalenti għal-livell ta’ protezzjoni offrut mill-miżuri applikati għal dik l-informazzjoni mill-Parti komunikanti f’termini ta’ kunfidenzjalità, integrità u disponibbiltà,

(c)għandu jitwettaq permezz ta’ sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ disponibbiltà, kunfidenzjalità u integrità għal informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, bħan-network ta’ komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament.

3.Il-Partijiet għandhom jikkonformaw mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati ma’ kwalunkwe data pproċessata fil-qafas ta’ dan il-ftehim.

Artikolu 18 
Deċiżjoni ta’ Sospensjoni, Terminat u/jew 
L-Irtirar tal-Finanzjament għal Attività Operazzjonali

1.Jekk il-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ attività operazzjonali ma jibqgħux jiġu ssodisfati, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jtemm dik l-attività operazzjonali wara li jinforma lil [pajjiż terz] bil-miktub.

2.Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew tal-pjan operazzjonali ma jkunux ġew rispettati minn [pajjiż terz], id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jirtira l-finanzjament tal-attività operazzjonali rilevanti, u/jew jissospendiha jew jitterminaha, wara li jinforma lil [pajjiż terz] bil-miktub.

3.Jekk is-sigurtà ta’ kwalunkwe parteċipant f’attività operazzjonali skjerat fi [pajjiż terz] ma tkunx tista’ tiġi ggarantita, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jissospendi jew itemm l-attività operazzjonali rilevanti jew aspetti tagħha.

4.Jekk id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jqis li jkun seħħ ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali li jkun ta’ natura serja jew li x’aktarx jippersisti jew li x’aktarx iseħħ b’rabta ma’ attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim, huwa għandu jirtira l-finanzjament tal-attività operazzjonali rilevanti, u/jew jissospendih jew itemmu, wara li jinforma lil [pajjiż terz].

5.[Pajjiż terz] jista’ jitlob lid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija biex jissospendi jew itemm attività operazzjonali jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew tal-pjan operazzjonali ma jiġux rispettati minn membru tat-tim. Tali talba għandha ssir bil-miktub u għandha tinkludi r-raġunijiet għal dan.

6.Is-sospensjoni, it-terminazzjoni jew l-irtirar tal-finanzjament skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mid-data tan-notifika lil [pajjiż terz]. M’għandhom jaffettwaw l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew il-pjan operazzjonali qabel tali sospensjoni, terminazzjoni jew irtirar ta’ finanzjament.

Artikolu 19 
Ġlieda kontra l-Frodi

1.[Pajjiż terz] għandu jinnotifika lill-Aġenzija, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u/jew lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi minnufih jekk isir jaf bl-eżistenza ta’ allegazzjonijiet kredibbli ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li tista’ taffettwa l-interessi tal-Unjoni Ewropea.

2.Fejn tali allegazzjonijiet ikunu relatati ma’ fondi tal-Unjoni Ewropea żborżati fir-rigward ta’ dan il-Ftehim, [pajjiż terz] għandu jipprovdi l-assistenza kollha meħtieġa lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u/jew lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fir-rigward ta’ attivitajiet investigattivi fit-territorju tiegħu, inkluż l-iffaċilitar ta’ intervisti, kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post (inkluż aċċess għal sistemi ta’ informazzjoni u bażijiet ta’ data fi [pajjiż terz]); u l-iffaċilitar tal-aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-ġestjoni teknika u finanzjarja ta’ kwistjonijiet iffinanzjati parzjalment jew kompletament mill-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20 
Implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim

1.Għal [pajjiż terz], dan il-Ftehim għandu jiġi implimentat sa [...]

2.Għall-Unjoni Ewropea, dan il-Ftehim għandu jiġi implimentat mill-Aġenzija.

Artikolu 21 
Soluzzjoni tat-Tilwim

1.Kwalunkwe tilwima li tinqala’ b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi eżaminata b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-Aġenzija u mill-awtoritajiet kompetenti ta’ [pajjiż terz].

2.Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi solvut esklussivament permezz ta’ negozjati bejn il-Partijiet.

Artikolu 22 
Dħul fis-Seħħ, Emenda, Tul ta' Żmien,  
Sospensjoni u Terminazzjoni tal-Ftehim

1.Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Partijiet skont il-proċeduri legali interni tagħhom stess. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.

2.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta' wara d-data meta l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri legali interni tagħhom skont il-Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.Bidliet għal dan il-Ftehim għandhom isiru biss bil-kunsens reċiproku bil-miktub tal-Partijiet.

4.Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu indefinit. Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat jew sospiż permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet jew b’mod unilaterali minn waħda mill-Partijiet.

F’każ ta’ terminazzjoni jew sospensjoni unilaterali, il-Parti li tixtieq ittemm jew tissospendi għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra b’dan bil-miktub. Terminazzjoni jew sospensjoni unilaterali ta’ dan il-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu tkun ingħatat in-notifika.

5.In-notifiki li jsiru skont dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ ta’ [pajjiż terz], lil [għad irid jiġi determinat].



Magħmul bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan, bl-Ungeriż u [lingwa(i) uffiċjali ta’ pajjiż terz], b’kull test minn dawn ikollu l-istess awtentiċità. 

Firem.

(1)

     Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(2)

     Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(3)

     Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(4)

     Il-lista ta’ strumenti tinkludi l-Konvenzjonijiet tan-NU l-aktar rilevanti u l-KEDB li għalihom huma parti l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u għandha tiġi aġġustata skont l-applikabbiltà tagħhom fil-pajjiż terz.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).