Brussell, 14.12.2021

COM(2021) 820 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-estensjoni tan-network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) lejn pajjiżi terzi ġirien







I. Introduzzjoni – Ambitu tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi 

L-ambizzjoni tal-politika tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) hija li tipprovdi trasport mingħajr xkiel, sostenibbli u effettiv madwar l-Unjoni filwaqt li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali. Il-politika ilha tiġi implimentata mill-1996, u l-qafas legali attwali tat-TEN-T huwa stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 1 (“ir-Regolament dwar it-TEN-T”). Fl-14 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tal-qafas ta’ politika attwali 2 , b’mod partikolari biex jiġu riflessi l-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 3 , l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tal-Kummissjoni 4 u l-Istrateġija ta' Konnettività Global Gateway. 5

It-TEN-T jirrappreżenta l-ogħla livell ta’ ppjanar tal-infrastruttura tal-Unjoni. In-network ewlieni tat-TEN-T, li huwa previst li jitlesta sal-2030, se jipprovdi konnessjonijiet multimodali u ta’ kwalità għolja tal-ibliet kapitali kollha u tal-arterji ewlenin tat-trasport tal-Unjoni, bħala l-pedament taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport. Madankollu, il-flussi tat-trasport ma jiqfux mal-fruntiera tal-Unjoni. Bil-ktajjen tal-valur u tal-provvista dejjem aktar interkonnessi fil-livell globali, il-forniment ta’ konnettività transfruntiera ma’ pajjiżi terzi ilu jżid fl-importanza għall-Unjoni.

Il-politika tat-TEN-T kienet element ċentrali fil-projezzjoni tal-politika tat-trasport tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi. Abbażi tat-Trattat ta’ Lisbona li artikola l-importanza li tingħata prijorità lill-kooperazzjoni transfruntiera mal-Viċinat Ewropej (l-Artikolu 8 tat-TUE), l-Artikolu 8 tar-Regolament li jistabbilixxi l-qafas għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ġie elaborat b’fokus immirat fuq il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, li huma s-subsett ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Politika tat-Tkabbir, il-Politika Ewropea tal-Viċinat, iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.

F’konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar it-TEN-T, l-Anness III jinkludi mapep indikattivi tat-TEN-T estiżi għal pajjiżi ġirien speċifiċi. Mill-adozzjoni tar-Regolament dwar it-TEN-T, l-Unjoni estendiet it-TEN-T indikattiv għal:

-    Iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles 6 ;

-    Il-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo*, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro u s-Serbja) 7 ;

-    Is-Sħubija tal-Lvant (SL) (l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja 8 , il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna) 9 ;

-    It-Turkija: in-network komprensiv tat-Turkija kif inkorporat fir-Regolament dwar it-TEN-T.

Barra minn hekk, fir-rigward tar-reġjun tal-Mediterran, l-identifikazzjoni ta’ network komprensiv li se jiddefinixxi network trans-Mediterranju għat-trasport (TMN-T) għadha għaddejja. Il-proċess jitwettaq mas-Sħab tan-Nofsinhar tal-Mediterran 10 .

In-network indikattiv jippermetti lill-Unjoni timmira aħjar l-impenn tal-UE, inkluż l-appoġġ finanzjarju. L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI)-Ewropa Globali u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) III jappoġġaw ambjent abilitanti biex jiġi ffaċilitat l-investiment fl-infrastruttura sostenibbli, u jippermettu lill-UE tagħmel użu mill-investimenti pubbliċi u privati permezz ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali biex tappoġġa l-objettivi tal-konnettività. Tali appoġġ huwa nkwadrat fi ħdan il-Pjanijiet Ekonomiċi u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent 11 , is-Sħubija tal-Lvant 12 u l-Viċinat tan-Nofsinhar 13 . Barra minn hekk, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 14 (FNE II) tista’ tintuża wkoll għall-kofinanzjament ta’ proġetti li jinsabu prinċipalment fir-reġjuni transfruntiera tal-Unjoni u l-pajjiżi ġirien.

Din il-Komunikazzjoni ssostni l-enfasi tal-politika tat-TEN-T li tagħti prijorità lill-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien. L-ewwel nett, tiddeskrivi kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi komuni mal-pajjiżi tat-tkabbir u mal-pajjiżi fil-Viċinat Ewropew u kif l-Unjoni, fil-futur, sejra taħdem flimkien ma’ dawn is-sħab fil-qasam tal-politika tat-TEN-T, b’mod partikolari, fir-rigward tal-iżvilupp ulterjuri tal-interoperabbiltà tan-networks tat-tkabbir u ta’ pajjiżi ġirien oħrajn man-network tal-Unjoni. It-tieni, tistabbilixxi l-miżuri li għandhom l-għan li jikkompletaw it-TEN-T estiż f’dawn il-pajjiżi.

Il-Komunikazzjoni tibni fuq l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti u hija marbuta mill-qrib mal-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Global Gateway. Tikkontribwixxi wkoll għall-għan stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew li jiġi żviluppat network tat-trasport nadif, sostenibbli u intelliġenti li jpoġġi lill-Unjoni u lill-Viċinat Ewropej fi triq sostenibbli filwaqt li jinkiseb irkupru soċjoekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19. Din il-Komunikazzjoni hija ppreżentata flimkien mal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament rivedut dwar it-TEN-T. Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi qafas legali kemxejn emendat għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Din tneħħi d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament ta’ proġetti mill-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-TEN-T biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni. Tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda li jsaħħu ż-żewġ strumenti ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni; il-kurituri tan-network ewlieni u l-Koordinaturi Ewropej. Fil-proposta tal-Kummissjoni, huwa previst li se jiġi estiż kuritur tan-network ewlieni għall-Balkani tal-Punent.

II. Objettivi ġenerali tal-politika tat-TEN-T dwar il-pajjiżi ġirien

L-estensjoni tal-politika tat-TEN-T lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni tartikola żewġ objettivi ġenerali: (i) li jiġu żgurati l-konsistenza u l-effettività ta’ network interoperabbli u multimodali bejn l-Istati Membri u l-ġirien immedjati tagħhom u l-pajjiżi sħab; (ii) li l-impenn tal-Unjoni (inkluż l-appoġġ finanzjarju) jiġi ffukat f’dawn ir-reġjuni. Barra minn hekk, fil-perspettiva usa’ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tal-Politika tat-Tkabbir tal-UE, l-estensjoni tat-TEN-T hija mezz ta’ integrazzjoni aktar mill-qrib u, rispettivament, ta’ tħejjija ta’ pajjiżi kandidati u ta’ kandidati potenzjali għall-adeżjoni possibbli mal-UE. Fl-aħħar nett, l-integrazzjoni tan-networks tat-trasport fil-pajjiżi tat-tkabbir u f’pajjiżi ġirien oħra mat-TEN-T hija fattur abilitanti li jiffaċilita l-kummerċ u, għaldaqstant, l-integrazzjoni ekonomika, u dan jaċċellera l-konverġenza mal-Unjoni.

L-impenn tal-Unjoni jieħu kemm il-forma ta’ żvilupp ta’ infrastruttura fiżika kif ukoll miżuri mhux vinkolanti li għandhom l-għan li jtejbu l-konnettività tat-trasport. Fir-rigward tal-infrastruttura fiżika, l-estensjoni tat-TEN-T għall-pajjiżi ġirien għandha l-għan li tidentifika proġetti infrastrutturali u li tikkonsolida network b’mod konsistenti mal-parametri u mal-objettivi tat-TEN-T, u b’hekk tikkontribwixxi fost l-oħrajn għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport. Li jkun hemm network miftiehem u stabbli fil-pajjiżi ġirien jissarraf f’konnessjonijiet aktar robusti ma’ servizzi tat-trasport aħjar għaċ-ċittadini u għan-negozji. Fid-dawl tal-impenn politiku b’saħħtu tal-Unjoni lejn il-viċinat tagħha, din tippermetti wkoll l-immirar aħjar tal-fondi u tal-finanzjament tal-UE u li tiġi pprovduta ċ-ċertezza meħtieġa biex jiġu sfruttati l-investimenti fi proġetti infrastrutturali. Barra minn hekk, l-ippjanar stabbli u l-iżvilupp strateġiku tal-infrastruttura se jgħinu biex jattiraw l-appoġġ mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Fir-rigward tal-investiment f’infrastruttura ġdida, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali biex jintlaħqu l-ogħla standards u rekwiżiti dwar it-TEN-T filwaqt li jiġu protetti l-assi ta’ infrastruttura ta’ kwalità maż-żmien permezz ta’ manutenzjoni regolari.

Il-miżuri mhux vinkolanti għandhom l-għan li jiżviluppaw Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) għall-mezzi kollha li se jgħinu biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ sikurezza u jappoġġaw is-sostenibbiltà tat-trasport. Dawn jinkludu wkoll miżuri għall-iskambju ta’ data dwar it-trasport multimodali abbażi tal-istandards tal-UE biex jiġu appoġġati flussi effiċjenti tal-merkanzija. Jenħtieġ li tiġi promossa wkoll l-infrastruttura tal-5G. Barra minn hekk, l-Unjoni tappoġġa r-riforma regolatorja u saħħet id-djalogu f’livell tekniku, filwaqt li bniet fuq l-istrumenti rilevanti tal-Unjoni u bbażat fuq l-involviment attiv tal-aġenziji Ewropej fil-qasam tat-trasport. F’dawn l-aħħar snin, l-Unjoni u għadd ta’ pajjiżi sħab ikkonkludew Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni li għandhom l-għan li japprossimaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-trasport u li jadottaw ir-rekwiżiti u l-istandards tat-TEN-T dwar l-interoperabbiltà.

 

Fost il-prijoritajiet importanti tal-Unjoni hemm ukoll l-għan li t-trasport jiġi dekarbonizzat u li jiġi limitat l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-Unjoni u l-ġirien tagħha. Il-politika tat-TEN-T se tikkontribwixxi għall-għanijiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fid-dawl ta’ dan, il-pajjiżi tat-tkabbir u l-pajjiżi ġirien l-oħrajn kollha jenħtieġ li jsegwu l-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li jipprevedi tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra relatati mat-trasport sal-2050. L-azzjoni ambizzjuża u l-forzi konġunti biex tinkiseb din l-aġenda se jipprovdu lill-Unjoni u lill-ġirien tagħha b’vantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel fit-tranżizzjoni globali lejn settur tat-trasport sostenibbli u ekoloġiku.

Il-parteċipazzjoni ta’ impriżi li huma proprjetà ta’ persuna fiżika jew ta' impriża ta’ pajjiż mhux tal-UE jew li huma kkontrollati minnhom tista’ tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni tan-network tat-TEN-T fl-UE. Madankollu, f’ċirkostanzi speċifiċi, tali parteċipazzjoni fi proġetti ta’ interess komuni tista’ tikkomprometti s-sigurtà u l-ordni pubbliku fl-UE. Mingħajr preġudizzju u minbarra l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/452 15 , hija meħtieġa sensibilizzazzjoni akbar ta’ tali parteċipazzjoni sabiex ikun jista’ jsir intervent mill-awtoritajiet pubbliċi jekk ikun jidher li x’aktarx jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku. Għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi r-regolament dwar it-TEN-T tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe proġett ta’ interess komuni fit-territorju tagħhom bil-parteċipazzjoni ta’ persuna fiżika jew ta’ impriża ta’ pajjiż mhux tal-UE bil-għan li tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-impatt tiegħu fuq is-sigurtà jew l-ordni pubbliku fl-UE. Il-pajjiżi ġirien jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmu simili dwar il-proġetti implimentati fin-network indikattiv tat-TEN-T.

III. Il-kisbiet ewlenin u l-prospetti ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien

Iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Iżvizzera

Iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) jiffurmaw parti integrali mill-politika tat-TEN-T dwar il-pajjiżi ġirien. L-Istati taż-ŻEE u tal-EFTA ilhom għexieren ta’ snin marbutin mill-qrib mal-iżvilupp tas-suq tal-Unjoni bħala sħab kummerċjali integrati mingħajr xkiel għall-UE. Bi 13,6-il miljun persuna li jgħixu fl-erba’ Stati tal-EFTA, in-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u l-Iżvizzera, dawn jirrappreżentaw it-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Unjoni fil-merkanzija u t-tieni l-akbar wieħed fis-servizzi.

It-TEN-T indikattiv estiż f’dawn l-Istati huwa żviluppat sew u fuq l-istess livell tan-network tal-Unjoni. Għall-modi kollha ta’ trasport, in-network tal-Istati taż-ŻEE/EFTA huwa integrat sew mat-TEN-T anke sal-punt li żewġ Stati taż-ŻEE/EFTA huma parti minn kuritur tan-network ewlieni tat-TEN-T. Il-Kuritur tan-Network Ewlieni Skandinavja-Mediterran jinkludi n-Norveġja filwaqt li l-Kuritur tan-Network Ewlieni Renu-Alpin jaqsam l-Iżvizzera. Għaldaqstant, il-Koordinaturi Ewropej qegħdin jikkoordinaw mill-qrib mal-pajjiżi bil-ħsieb li jikkompletaw it-TEN-T ewlieni indikattiv sal-2030.

Il-Kuritur Renu-Alpin huwa wieħed mir-rotot tal-merkanzija l-aktar użati fl-Ewropa. Dan jgħaqqad il-portijiet tal-Baħar tat-Tramuntana tal-Belġju u tan-Netherlands mal-port Mediterranju ta’ Ġenova. Il-Kuritur jgħaddi minn ċentri ekonomiċi importanti bħal Brussell u Antwerp fil-Belġju, ir-reġjun ta’ Randstad fin-Netherlands, ir-reġjuni Ġermaniżi tar-Renu-Ruhr u tar-Renu-Neckar, ir-reġjuni ta’ Basel u ta’ Zürich fl-Iżvizzera u r-reġjuni ta’ Milan u ta’ Ġenova fl-Italja. L-allinjament tal-Kuritur jinkludi proġetti importanti fl-Iżvizzera, inkluż l-itwal mina ferrovjarja fid-dinja, il-Mina tal-Bażi ta’ Gotthard. Bil-pożizzjoni tagħha taħt l-Alpi Żvizzeri, il-Mina tal-Bażi ta’ Gotthard li hija twila 57 km infetħet fl-1 ta’ Ġunju 2016. Mal-mini tal-Bażi ta’ Lötschberg u Ceneri, din se żżid il-kompetittività tal-ferroviji u se tkun ta' benefiċċju direttament għaċ-ċittadini u għan-negozji tal-UE. Attwalment punt ta’ konġestjoni fin-naħa tal-Unjoni, l-UE jenħtieġ li tfittex li ttejjeb ir-rotot ta’ aċċess għall-Mina ta’ Gotthard.

Il-Kuritur Skandinavja-Mediterran jirrappreżenta assi kritiku Tramuntana-Nofsinhar għall-ekonomija Ewropea. Fi ħdan il-fruntiera tal-Unjoni, il-Kuritur jestendi mill-Finlandja u l-Iżvezja fit-Tramuntana, sal-gżira ta’ Malta fin-Nofsinhar, bl-inklużjoni tad-Danimarka, it-Tramuntana, iċ-Ċentru u n-Nofsinhar tal-Ġermanja, iż-żoni ċentrali industrijali tat-Tramuntana tal-Italja u l-portijiet fin-Nofsinhar tal-Italja. Bl-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FNE II, il-Kuritur ġie estiż għal Narvik fin-Norveġja. F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Impenn Aktar b’Saħħtu tal-Unjoni Ewropea fl-Artiku 16 , il-Kuritur ġie estiż biex tinbena preżenza fit-Tramuntana li għandha l-għan li tiffaċilita t-trasport tal-merkanzija fuq l-art, li toriġina mill-Artiku u r-Rotta futura possibbli tal-Baħar tat-Tramuntana.

Il-Balkani tal-Punent

Il-Balkani tal-Punent ilhom reġjun ta’ prijorità għall-Unjoni 17 . Kif stabbilit mill-President von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-14 ta’ Settembru 2021, “il-futur tar-reġjun kollu jinsab fl-UE”. B’popolazzjoni ta’ kważi 18-il miljun persuna, ir-reġjun huwa suq importanti għall-Unjoni kif ukoll żona ta’ tranżitu sinifikanti għat-trasport tal-merkanzija Ewropea. Fl-2020, il-kummerċ totali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent kien ta’ EUR 50,5 biljun. Il-Balkani tal-Punent għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-ktajjen tal-valur globali li jfornu lill-UE, u dan ir-rwol jista’ jissaħħaħ ulterjorment billi tiġi prevista konnettività aħjar għat-trasport mal-Unjoni u fir-reġjun.

Kisba ewlenija kienet l-adozzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (TCT) fl-2017 18 . It-TCT jirrikjedi li l-Balkani tal-Punent jittrasponu l-acquis tat-trasport tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, biex issir possibbli l-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent fis-suq tat-trasport tal-UE qabel l-adeżjoni possibbli tagħhom mal-UE. Dan jinkludi l-oqsma tal-istandards tekniċi, l-interoperabbiltà, is-sikurezza, is-sigurtà, il-ġestjoni tat-traffiku, il-politika soċjali, l-akkwist pubbliku u l-ambjent u b’hekk jappoġġa lir-reġjun fl-isforz tiegħu biex inaqqas id-distakk mill-Istati Membri. Il-Komunità tat-Trasport qiegħda tiżviluppa pjan ta’ ħidma kontinwu għall-iżvilupp tan-networks ewlenin u komprensivi indikattivi tat-TEN-T filwaqt li Segretarjat Permanenti jgħin lis-sħab tal-Balkani tal-Punent fit-traspożizzjoni tal-politika tat-trasport tal-Unjoni u fl-implimentazzjoni tal-proġetti tat-TEN-T.

Is-sħab tal-Balkani tal-Punent għamlu progress sinifikanti fit-twettiq tan-network ewlieni indikattiv tat-TEN-T. Madankollu, l-iżvilupp ta’ għadd ta’ proġetti ewlenin fin-network ewlieni indikattiv għadu lura. Filwaqt li sar titjib fil-bini ta’ infrastruttura transfruntiera, bħall-pont ta’ Svilaj bejn il-Kroazja u l-Bożnija-Ħerzegovina li nfetaħ għat-traffiku f’Settembru 2021, huwa meħtieġ li jsir progress sostanzjali biex jiġu żgurati operazzjonijiet ta’ trasport bla xkiel bejn l-Unjoni u l-Balkani tal-Punent. Dan jikkonċerna l-mezzi kollha tat-trasport, bin-network ferrovjarju huwa partikolarment fil-bżonn ta’ modernizzazzjoni.

Barra minn hekk, is-sehem modali tat-trasport sostenibbli għadu f’livell baxx. Filwaqt li s-sħab tal-Balkani tal-Punent iwettqu madwar 70 % tal-kummerċ globali tagħhom mal-Unjoni, 5 % biss tal-volum totali tal-merkanzija jiġi ttrasportat bil-ferrovija u l-95 % li jifdal jiġi ttrasportat bit-triq. Barra minn hekk, it-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija naqas b’40 % mill-2009 filwaqt li s-sehem tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija tat-trasport totali tal-passiġġieri għadu f’ċifri singoli, bl-eċċezzjoni tat-trasport suburban fi ftit bliet ewlenin. In-network tal-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Balkani tal-Punent għadu mhux jintuża biżżejjed għat-trasport tal-merkanzija lejn u mill-Unjoni. Ix-xmajjar tad-Danubju u tas-Sava jaqsmu diversi pajjiżi fir-reġjun, u jinkludu passaġġi fuq l-ilma interni li jistgħu jiġu sfruttati ulterjorment sabiex it-traffiku jitmexxa mit-triq għal modi ta’ trasport aktar sostenibbli. Fiż-żona tal-Adrijatiku Jonju, hemm bżonn li tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn il-korpi nazzjonali u reġjonali attivi fl-iżvilupp tat-TEN-T.

B’konsegwenza ta’ dan, issofri l-konnettività tat-trasport fir-reġjun u mal-Unjoni, b’konsegwenzi negattivi fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-attraenza tar-reġjun għall-investituri. L-effett ta’ sitwazzjoni bħal din spiss jidher fil-fruntieri mal-Unjoni, fejn il-kapaċità tal-infrastruttura mhux dejjem taqbel mal-volumi tat-traffiku reġistrati, b’effetti ta’ riperkussjoni negattivi sinifikanti mhux biss għall-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Balkani tal-Punent, iżda li jaffettwaw ukoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri li jaqsam ir-reġjun waqt it-tranżitu.

Tmien snin wara li t-TEN-T ġie estiż għall-Balkani tal-Punent u erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tat-TCT, wasal iż-żmien li jitħaffef l-iżvilupp tat-TEN-T. Fid-dawl ta’ dan, huwa essenzjali li l-Unjoni u s-sħab tal-Balkani tal-Punent iwettqu politika tat-TEN-T aktar koerenti. Dan jgħin biex jitnaqqas id-distakk fil-konnettività u biex tittejjeb il-kwalità ġenerali tat-trasport.

Sabiex jiġu segwiti l-objettivi tal-politika tat-TEN-T, is-sħab tal-Balkani tal-Punent jistgħu jibbenefikaw minn diversi sorsi ta’ finanzjament tal-UE, bħall-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni permezz tal-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent. Barra minn hekk, fl-2020 il-Kummissjoni adottat Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment komprensiv għall-Balkani tal-Punent (EIP) 19 , li għandu l-għan li jixpruna l-irkupru ekonomiku fit-tul tar-reġjun, jappoġġa tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, irawwem l-integrazzjoni reġjonali u l-konverġenza mal-Unjoni. Il-Pjan jidentifika proġetti ewlenin fl-aspetti kollha tal-konnettività u jistabbilixxi pakkett ta’ investiment li jimmobilizza sa EUR 9 biljun ta’ għotjiet tul is-seba’ snin li ġejjin, filwaqt li jagħmel użu minn massimu ta’ EUR 20 biljun ta’ investimenti permezz tal-Faċilità l-ġdida ta’ Garanzija għall-Balkani tal-Punent. Il-proġetti ewlenin kollha tat-trasport inklużi fil-Pjan – li jammontaw għal EUR 1,1 biljun b’użu ta’ massimu ta’ EUR 4 biljun ta’ investimenti – jinsabu fit-TEN-T estiż.

L-UE tappoġġa wkoll l-istrateġiji makroreġjonali fir-reġjun, bħall-EUSAIR u l-EUSDR, 20 sabiex tissaħħaħ il-koerenza tal-investimenti fil-Balkani tal-Punent. Il-koordinazzjoni bejn l-Interreg, l-IPA III u strumenti oħrajn ta’ finanzjament fil-qafas tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE ttejjeb l-effett tal-proġetti implimentati u timmultiplika l-impatt ta’ dawk ġodda.

L-Unjoni jenħtieġ li tagħti prijorità lill-proġetti tat-TEN-T li huma ta’ interess strateġiku għar-reġjun u għall-Unjoni, bl-objettiv li jiġi rrealizzat network ewlieni indikattiv komplet, konformi u sostenibbli li jgħaqqad l-ibliet kapitali fir-reġjun u mal-Unjoni. L-Unjoni jenħtieġ li tfittex li tħaffef il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida tat-trasport, li telimina l-konnessjonijiet neqsin, b’mod partikolari proġetti transfruntiera, u, fejn xieraq, li ttejjeb l-infrastruttura eżistenti biex tilħaq l-istandards tar-rekwiżiti tat-TEN-T. It-teknoloġija diġitali, appoġġata mill-iżvilupp tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u mill-iskambju ta’ data dwar it-trasport multimodali, jenħtieġ li tintuża biex tippermetti l-interoperabbiltà tan-networks u tappoġġa flussi tal-merkanzija aktar effiċjenti. Is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) jenħtieġ li tissostitwixxi s-sistemi qodma li joħolqu sezzjonijiet frammentati fin-network. L-użu tas-soluzzjonijiet tal-ITS ukoll jenħtieġ li jkun prijorità għat-titjib tas-sikurezza fit-toroq.

Se tkun prijorità importanti wkoll li jiġu promossi soluzzjonijiet tat-trasport multimodali u li titħaffef it-tranżizzjoni modali lejn trasport sostenibbli, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport. Jenħtieġ li jiġu żviluppati soluzzjonijiet multimodali ekoloġiċi, bħal stazzjonijiet elettriċi tal-iċċarġjar u ċentri multimodali. It-traffiku fl-ibliet u madwar l-ibliet jenħtieġ li jittejjeb ukoll billi jiġu pprovduti alternattivi sostenibbli għat-traffiku fit-toroq u jiġu evitati l-konġestjonijiet li jwasslu wkoll għal emissjonijiet ogħla tas-CO2.

Il-politika tat-TEN-T jenħtieġ li tirrifletti aħjar ukoll is-sitwazzjoni ġeografika tal-Balkani tal-Punent fl-Ewropa permezz ta’ approċċ aktar inklużiv. Diversi Stati Membri - il-Kroazja, l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Greċja - għandhom fruntieri komuni u jibbażaw ħafna fuq l-infrastruttura fil-Balkani tal-Punent biex jipprovdu konnettività mal-Istati Membri l-oħra. Il-ħolqien propost ta’ Kuritur Ewropew tat-Trasport li jgħaqqad ir-reġjun mal-Unjoni, kif stabbilit fil-proposta għal Regolament rivedut dwar it-TEN-T, huwa eżempju tanġibbli ta’ dak li l-Unjoni tista’ toffri lir-reġjun biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-proġetti tat-TEN-T.

Is-Sħubija tal-Lvant

Is-Sħubija tal-Lvant (SL) kienet strumentali biex l-Unjoni u s-sħab tal-Lvant jinġiebu eqreb ta’ xulxin. Ir-rabtiet ekonomiċi bejn l-Unjoni u r-reġjun huma b’saħħithom, u l-viċinat tal-Lvant huwa żona importanti ta’ tranżitu għat-trasport tal-merkanzija Ewropea lejn il-Lvant. Matul l-aħħar għaxar snin, il-kummerċ bejn l-UE u s-SL kważi rdoppja biex b’hekk ir-reġjun sar l-għaxar l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Unjoni. Għall-Ażerbajġan, għall-Georgia, għall-Moldova u għall-Ukrajna, l-Unjoni hija l-akbar blokk kummerċjali, filwaqt li għall-Armenja u għall-Belarussja, l-Unjoni hija t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali. Il-kummerċ tal-Unjoni mas-SL ammonta għal total ta’ EUR 82,8 biljun fl-2020. Il-kummerċ bejn l-UE u l-Ukrajna, b’mod partikolari, jammonta għal kważi 50 % tal-kummerċ totali bejn il-pajjiżi tas-SL u l-Unjoni. Sabiex jiġi appoġġat dan l-iżvilupp, il-forniment ta’ konnettività aħjar tat-trasport mal-Unjoni u fi ħdan ir-reġjun se jkun ta’ importanza għall-Unjoni.

Wara l-estensjoni tat-TEN-T indikattiv għar-reġjun fl-2018, riżultat sinifikanti tal-politika tat-TEN-T huwa l-iżvilupp tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Investiment fit-TEN-T Indikattiv għas-Sħubija tal-Lvant. Imħejji b’mod konġunt mill-Bank Dinji u mill-Kummissjoni, il-Pjan jidentifika investimenti ta’ prijorità ewlenin b’valur totali ta’ EUR 12,8-il biljun għall-modi kollha tat-trasport fin-network ewlieni estiż. L-iskadenza għat-tlestija hija stabbilita għall-2030. Il-Pjan huwa maħsub biex jassisti lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-prijoritizzazzjoni ta’ investimenti strateġiċi fl-infrastruttura tat-trasport, bl-għan li jiġi kkompletat in-network indikattiv tat-TEN-T. L-elaborazzjoni ta’ riżerva unika kkoordinata ta’ proġetti għar-reġjun se tkun element ewlieni ta’ suċċess għall-implimentazzjoni tal-politika tat-TEN-T. Hekk ukoll se jkun l-iżvilupp ulterjuri tan-network, inklużi l-passaġġi fuq l-ilma interni, li ma kinux inklużi fl-estensjoni tal-2018.

Sostnut minn politika bbażata fuq ir-regoli, l-investiment f’soluzzjonijiet sostenibbli fin-network ewlieni indikattiv tat-TEN-T huwa fost l-objettivi ta’ politika fit-tul tal-Politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020, kif deskritt fil-Komunikazzjoni Konġunta “Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020: It-Tisħiħ tar-Reżiljenza – Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd”. Din l-aġenda ta’ wara l-2020 tibbaża ruħha fuq żewġ pilastri, l-Investiment u l-Governanza, u tipproponi Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment biex jappoġġa l-irkupru soċjoekonomiku tal-pajjiżi sħab ta’ “bini mill-ġdid aħjar” sabiex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-Pjan se jinkludi investimenti sinifikanti fit-trasport (sa EUR 4,5 biljun), inklużi proġetti li jinsabu fit-TEN-T estiż.

Il-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Investiment fit-TEN-T Indikattiv għas-SL se jkunu strumentali fl-indirizzar tal-bosta sfidi fir-realizzazzjoni ta’ network interoperabbli b’mod standard mar-rekwiżiti tat-TEN-T. Kemm il-konnessjonijiet tat-toroq kif ukoll dawk ferrovjarji bejn l-Unjoni u s-sħab tas-SL għadhom insuffiċjenti u mhumiex żviluppati biżżejjed, b’diversi konnessjonijiet nieqsa fil-punti tal-qsim tal-fruntieri. L-infrastruttura tat-toroq hija ta’ standard baxx, kemm f’termini ta’ kwalità, ta’ kapaċità kif ukoll ta’ sikurezza. L-infrastruttura tan-network ferrovjarju u l-materjal mobbli f’diversi każijiet huma obsoleti fir-rigward tal-istandards tal-kwalità, tal-kapaċità u tas-sikurezza. Barra minn hekk, l-integrazzjoni tan-network ferrovjarju tas-SL ma’ dak tal-Unjoni tiffaċċja l-isfida li n-network fis-SL huwa mgħammar bil-gauge tal-binarji ferrovjarji ta’ 1 520 mm, filwaqt li l-gauge standard tal-Unjoni huwa ta’ 1 435 mm. Dan iżid il-kumplessità tar-realizzazzjoni ta’ network transfruntier interoperabbli u se jirrikjedi l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi avvanzati.

Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, is-SL jenħtieġ li tkompli tfassal riżerva ta’ proġetti tat-TEN-T u twassal il-proġetti sal-maturità bil-għan li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ fondi u għall-finanzjament. Is-SL jenħtieġ li tiffoka fuq proġetti li jinsabu fin-network ewlieni indikattiv tat-TEN-T u, b’mod partikolari, fuq proġetti transfruntiera mal-Unjoni.

L-Unjoni jenħtieġ li tfittex li taċċellera l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida tat-trasport, li telimina l-konnessjonijiet neqsin, b’mod partikolari proġetti transfruntiera u konnessjonijiet multimodali li jinkludu wkoll it-trasport marittimu, u, fejn xieraq, li ttejjeb l-infrastruttura eżistenti biex tilħaq l-istandard tar-rekwiżiti tat-TEN-T. L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi tal-infrastruttura biex issolvi l-kwistjoni ta’ standards differenti tal-gauge tal-binarji. Jenħtieġ li jiġu implimentati soluzzjonijiet diġitali biex jippermettu l-interoperabbiltà tan-networks u l-multimodalità, iżidu s-sikurezza u s-sostenibbiltà, jiffaċilitaw il-kummerċ u l-qsim tal-fruntieri. Is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) jenħtieġ li tissostitwixxi s-sistemi qodma li jiffurmaw is-sezzjonijiet frammentati fin-network. L-użu tas-soluzzjonijiet tal-ITS ukoll jenħtieġ li jkun prijorità għat-titjib tas-sikurezza fit-toroq. Is-soluzzjonijiet tat-trasport multimodali u bidla modali aċċellerata lejn trasport sostenibbli jenħtieġ li jkunu wkoll prijorità sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport. Għall-proġetti tal-infrastruttura tat-toroq, l-Unjoni jenħtieġ li tippromwovi l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet multimodali ekoloġiċi (bħall-istazzjonijiet elettriċi tal-iċċarġjar u ċ-ċentri multimodali). It-titjib tan-network tal-passaġġi fuq l-ilma interni wkoll se jkun prijorità. Fl-aħħar nett, se jkun importanti li jiġi żgurat li dawn il-pajjiżi jżommu l-infrastruttura, b’mod partikolari fir-rigward ta’ proġetti ewlenin żviluppati b’fondi tal-UE.

In-Nofsinhar tal-Mediterran

Ir-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran huwa ta’ importanza politika speċjali għall-Unjoni. Ir-reġjun huwa wkoll sieħeb kummerċjali mill-qrib. Fl-2020, il-kummerċ totali tal-merkanzija bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar ammonta għal EUR 149,4 biljun. Hemm il-potenzjal li l-kummerċ jiġi żviluppat ulterjorment, u dan jenħtieġ li jiġi sostnut b'konnessjonijiet tat-trasport sostenibbli mtejba.

Abbażi tal-mandat tal-Ministri tar-reġjun Ewro-Mediterranju fl-2013, l-Unjoni u s-Sħab tan-Nofsinhar tal-Mediterran għandhom l-għan li jidentifikaw Network Trans-Mediterranju għat-Trasport (TMN-T). It-TMN-T se jitħejja bħala network komprensiv. Sabiex tiġi pprovduta konnettività aħjar tat-trasport bejn l-Unjoni u r-reġjun, se jkun partikolarment importanti li jiġu identifikati l-portijiet fit-TMN-T indikattiv.

Mal-identifikazzjoni tat-TMN-T, is-Sħab tan-Nofsinhar tal-Mediterran jenħtieġ li jiżviluppaw malajr pjan ta’ implimentazzjoni tat-TMN-T li jidentifika proġetti ta’ prijorità għolja, bil-għan li jipproduċu riżerva ta’ proġetti. Jenħtieġ li tingħata prijorità lill-proġetti fil-portijiet, inklużi l-konnessjonijiet multimodali taċ-ċirkwit lokali bil-għan li jissaħħaħ l-iżvilupp tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra.

Il-Komunikazzjoni Konġunta tal-2021 dwar Sħubija Mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment li jakkumpanjaha għar-reġjun jirrikonoxxu l-konnettività tat-trasport bħala komponent ewlieni għall-iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Dawn jagħtu prijorità lill-iżvilupp tan-Network Trans-Mediterranju tat-Trasport u lir-riformi tal-politika tat-trasport identifikati b’mod konġunt taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għat-Trasport Reġjonali (RTAP) 21 . L-Inizjattiva tal-WestMed 22 , li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-Punent tal-Mediterran, tindirizza t-trasport marittimu.

F’konformità mas-Sħubija Mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għar-reġjun, l-Unjoni jenħtieġ li żżid l-isforzi biex tadotta l-mapep indikattivi tan-network trans-Mediterranju tat-trasport (TMN-T) futur u tagħti prijorità lil proġetti f’dan in-network ta’ importanza partikolari għall-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-RTAP, li jistabbilixxi prinċipji miftiehma għall-iżvilupp ta’ sistema tat-trasport multimodali, sostenibbli u integrata, inkluż il-ksib ta’ konverġenza regolatorja. Dan l-approċċ huwa allinjat mal-qafas ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) dwar it-Trasport Sostenibbli u l-Ekonomija Blu.

It-Turkija

L-Unjoni u t-Turkija huma sħab kummerċjali importanti u t-Turkija hija pajjiż ta’ tranżitu ewlieni għall-kummerċ tal-Unjoni mal-Lvant Nofsani u tal-Lvant Imbiegħed. Għalhekk, l-Unjoni u t-Turkija għandhom interess komuni fl-iżvilupp u fit-titjib tal-infrastruttura. Il-progress fl-implimentazzjoni tal-proġetti huwa kritiku biex jiġi realizzat bis-sħiħ il-potenzjal tat-TEN-T indikattiv fit-Turkija. Sabiex dawk il-benefiċċji jiġu mmassimizzati kemm għat-Turkija kif ukoll għall-Unjoni, il-koordinazzjoni tal-iżvilupp tal-infrastruttura hija essenzjali, b’mod partikolari għall-ferroviji. Bħala proġett ewlieni taħt l-IPA, it-Turkija se tiżgura aċċess siewi għat-TEN-T mill-Bulgarija bit-tlestija tal-binarju ferrovjarju Halkali – Kapikule, li huwa kofinanzjat mill-istrument tal-IPA b’EUR 275 miljun u kofinanzjat mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej (il-BEI u l-BERŻ). L-allinjament tat-Turkija mal-acquis tat-TEN-T jibqa’ ta’ importanza ewlenija. 23  B’mod simili għal dak li huwa previst għar-reġjun tal-Balkani tal-Punent u tas-SL, huwa ta’ importanza kritika li fl-ippjanar tal-infrastruttura tat-toroq bejn l-Unjoni u t-Turkija jitqies il-forniment ta’ fjuwils alternattivi. Fl-aħħar nett, koordinazzjoni aħjar tal-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-fruntieri se tikkontribwixxi biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-infrastruttura, u biex jittejbu l-flussi tat-traffiku bejn l-Unjoni u t-Turkija u lil hinn minnha.

Ir-Renju Unit

Ir-Renju Unit kien parti integrali mit-TEN-T sakemm ħareġ mill-Unjoni fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2020. Sa dak iż-żmien, ir-Renju Unit kien parti mill-Kuritur tan-Network Ewlieni tal-Baħar tat-Tramuntana-Mediterran, b’konnessjonijiet tat-trasport integrati mingħajr xkiel mal-Ewropa Kontinentali u mal-Irlanda. Wara l-ħruġ tar-Renju Unit, ir-Renju Unit ma għadux soġġett għall-acquis tat-TEN-T.

Huwa ta’ interess speċjali għall-Unjoni li tiġi ssalvagwardjata l-konnettività tal-Irlanda mal-Unjoni kontinentali. Għalhekk, l-Unjoni qiegħda tieħu azzjoni biex tiżgura li l-ħruġ tar-Renju Unit ma jfixkilx b’mod sinifikanti n-network tat-trasport Irlandiż, b’mod partikolari l-konnettività mal-Ewropa Kontinentali. Bil-ħruġ tar-Renju Unit, l-Unjoni bdiet miżuri speċjali mmirati lejn il-protezzjoni tal-interessi tal-Irlanda u għalhekk tal-Unjoni. Bl-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FNE II, l-Irlanda sabet ruħha f’żewġ Kurituri tan-Network Ewlieni tat-TEN-T għall-ewwel darba. Minbarra li baqgħet fil-Kuritur Baħar tat-Tramuntana-Mediterran, l-Irlanda ġiet inkluża fil-kuritur tal-Atlantiku, bit-tliet portijiet ewlenin ta’ Dublin, Cork, u Shannon-Foynes jiġu kkollegati ma’ żewġ portijiet Franċiżi, Le Havre u Nantes Saint-Nazaire.

Il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kuritur Baħar tat-Tramuntana-Mediterran jindika l-impenn kontinwu tal-Unjoni li tipproteġi l-konnessjonijiet tat-trasport tal-Irlanda mal-Ewropa Kontinentali. L-objettivi għall-iżvilupp tal-Kuritur jinkludu l-iżvilupp ulterjuri tar-rabtiet marittimi, u t-titjib tal-konnessjonijiet tal-artijiet interni mal-portijiet. Issir referenza speċifika għall-pjanijiet biex jiġu mħeġġa għadd ta’ proġetti, inkluża l-konnessjoni bit-triq ta’ Ringaskiddy ma’ Cork, u l-Port Intern ta’ Alexandra f’Dublin. Il-Pjan jimpenja ruħu li jiżgura l-konnettività mal-Ewropa kontinentali bil-baħar, li hija rikonoxxuta bħala l-aktar punt ta’ qsim tal-fruntiera sinifikanti tal-Irlanda. Aktar investiment fil-kapaċità tal-portijiet tal-Irlanda huwa identifikat bħala mezz potenzjali għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Irlanda fuq il-pont tal-art tar-Renju Unit.

IV. Konklużjoni

L-estensjoni tal-politika tat-TEN-T għall-pajjiżi ġirien kienet ta’ importanza kritika għall-Unjoni fil-kisba tal-iżvilupp ta’ network tat-trasport interoperabbli u multimodali. Il-politika tat-TEN-T kienet mezz importanti għall-integrazzjoni tal-pajjiżi tat-tkabbir, fejn ipprovdiet konnettività aħjar tat-trasport u aġixxiet bħala fattur abilitanti li jiffaċilita l-kummerċ u li jħaffef il-konverġenza mal-Unjoni. Ippreżentata flimkien mal-proposta għal Regolament rivedut dwar it-TEN-T, din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tkompli tapprofondixxi r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, filwaqt li tqis il-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tal-Kummissjoni.

Għall-Balkani tal-Punent u għas-Sħubija tal-Lvant, b’mod partikolari, hemm il-ħtieġa qawwija li jitħaffef l-iżvilupp tat-TEN-T indikattiv biex tittejjeb ulterjorment il-konnettività tat-trasport mal-Unjoni. Sabiex f’dawn ir-reġjuni nimxu minn traqqiq għal network, trid tissaħħaħ il-koerenza fl-implimentazzjoni tal-proġett u l-bini ta’ riżervi ta’ proġetti b’saħħithom irid jiġi sostnut b’pass aktar mgħaġġel, filwaqt li jiġu artikolati l-prijoritizzazzjonijiet ċari tal-proġetti l-aktar kritiċi u tingħata prijorità lil proġetti li jinsabu fin-network ewlieni indikattiv.

Barra minn hekk, hemm l-urġenza li l-infrastruttura eżistenti tilħaq l-istandard u li tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-assi eżistenti. L-iżvilupp ulterjuri tat-TEN-T indikattiv jenħtieġ li jkollu l-għan li jipprovdi network ta’ standard ta’ kwalità għolja. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkollu l-għan li jipprevedi l-iżvilupp ta’ infrastruttura reżiljenti li tiflaħ għall-isfidi tat-tibdil fil-klima.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni se timpenja ruħha li:

·Tikseb network ewlieni indikattiv konformi, li huwa multimodali, sostenibbli u reżiljenti.

·Tħaffef il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida tat-trasport, telimina l-konnessjonijiet neqsin u tneħħi l-konġestjonijiet, b’mod partikolari, bejn il-fruntieri, u li ttejjeb l-infrastruttura eżistenti biex tikseb il-konformità mar-rekwiżiti tat-TEN-T u tiżgura l-allinjament mal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

·Tappoġġa l-promozzjoni u l-użu tat-teknoloġija diġitali biex tippermetti l-interoperabbiltà tan-networks, b’mod partikolari, l-ERTMS, l-ITS, u sistemi ta’ informazzjoni dwar it-trasport multimodali tal-merkanzija u l-infrastruttura tal-5G. L-użu tat-teknoloġija diġitali jenħtieġ li jiżgura prestazzjoni għolja fin-network kollu u li jilħaq livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni.

·Tħeġġeġ lis-sħab iqisu kif xieraq, u jimplimentaw, l-aħjar manutenzjoni u operat ta’ assi eżistenti u ġodda.

·Tagħti prijorità lill-proġetti tat-TEN-T ta’ interess strateġiku għall-Balkani tal-Punent u r-reġjuni tas-Sħubija tal-Lvant u għall-Unjoni, biex tikkollega aħjar lill-pajjiżi tat-tkabbir u lil pajjiżi ġirien oħrajn mal-Unjoni.

·Tivvaluta l-ħtieġa li n-network indikattiv eżistenti tat-TEN-T jiġi rieżaminat fil-pajjiżi tat-tkabbir u f’pajjiżi ġirien oħrajn u, fejn meħtieġ, tibda l-proċess biex dan jiġi aġġornat.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna japprovaw din il-Komunikazzjoni li se tiġi ppreżentata wkoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(2)

Il-Proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2021 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1153 u r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) 1315/2013 (COM(2021)812)

(3)

COM(2019) 640 final.

(4)

COM(2020) 789 final.

(5)

JOIN(2021) 30 final

(6)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/758 tal-4 ta’ Frar 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-adattament tal-Anness III tiegħu (ĠU L 126, 14.5.2016, p. 3).

(7)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/758 tal-4 ta’ Frar 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-adattament tal-Anness III tiegħu (ĠU L 126, 14.5.2016, p. 3). *Din ir-referenza hija mingħajr preġudizzju għall-istatus tal-Kosovo, u hija konformi mal-UNSCR 1244 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(8)

Bħalissa, il-parteċipazzjoni hija sospiża mill-awtoritajiet tal-Belarussja.

(9)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/254 tad-9 ta’ Novembru 2018 dwar l-adattament tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport (ĠU L 43, 14.2.2019, p. 1).

(10)

Is-Sħab tal-Viċinat tan-Nofsinhar jinkludu l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja (status ta’ osservatur fl-Unjoni għall-Mediterran), il-Marokk, il-Palestina, is-Sirja (il-kooperazzjoni mas-Sirja ilha sospiża mill-2011) u t-Tuneżija. Din id-deżinjazzjoni tal-Palestina ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.

(11)

Il-Komunikazzjoni “Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent”, (COM(2020) 641 final).

(12)

Il-Komunikazzjoni Konġunta “It-Tisħiħ tar-Reżiljenza: Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd”, (JOIN(2020) 7 final) u d-Dokument ta’ Ħidma Konġunt tal-Persunal “Irkupru, reżiljenza u riforma: il-prijoritajiet tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020” (SWD(2021) 186 final).

(13)

Il-Komunikazzjoni Konġunta “Sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar: Aġenda Ġdida għall-Mediterran”, (JOIN(2021) 2 final), u Dokument ta’ Ħidma Konġunt tal-Persunal “Sħubija Mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar: Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-ġirien tan-Nofsinhar” (SWD(2021) 23 final).

(14)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(15)

Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79I, 21.3.2019, p. 1)

(16)

Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Impenn aktar b’saħħtu tal-UE għal Artiku paċifiku, sostenibbli u prosperu” (JOIN(2021) 27 final).

(17)

Hemm negozjati dwar l-adeżjoni miftuħin mal-Montenegro (2012) u mas-Serbja (2014). Il-ftuħ tan-negozjati mal-Albanija u mar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, wara l-ftehim tal-Kunsill li ntlaħaq f’Marzu 2020, għadu pendenti.

(18)

ĠU L 278, 27.10.2017

(19)

Il-Komunikazzjoni “Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020) 641 final).

(20)

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju

(21)

Il-Pjan ta’ Azzjoni għat-Trasport Reġjonali għar-Reġjun tal-Mediterran (2014-2020).

(22)

Il-WestMED ġiet wara d-“Djalogu 5+5” li jinvolvi ħames Stati Membri tal-UE (Franza, l-Italja, il-Portugall, Spanja u Malta), u ħames pajjiżi sħab tan-Nofsinhar (l-Alġerija, il-Libja, il-Mauritania, il-Marokk u t-Tuneżija).

(23)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Rapport dwar it-Turkija 2021” SWD(2021) 290 final/2.