IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.12.2021
COM(2021) 815 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-qafas komuni ta' monitoraġġ u evalwazzjoni inkluża valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-politika agrikola komuni
2014-2020
{SWD(2021) 387 final}
1.Introduzzjoni
Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor il-prestazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) matul l-2014-2020. Peress li jikkoinċidi mal-approvazzjoni tal-PAK għall-2023-2027, dan ir-rapport se jirfed il-valutazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK. Se jikkontribwixxi wkoll għad-dibattitu dwar l-iżviluppi futuri tal-politika, inkluż dwar l-isfidi u l-ambizzjonijiet li jirriżultaw mill-
Patt Ekoloġiku
. Dan jikkomplementa r-rapport tal-2018 dwar il-qafas komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni (CMEF) (
COM/2018/790 final
).
Ir-rapport, appoġġat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal bil-fatti u ċ-ċifri, huwa bbażat fuq sett ta’ indikaturi, evalwazzjonijiet u esperjenza miksuba mis-CMEF.
2.Implimentazzjoni tal-qafas komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni
1.1.Indikaturi
L-indikaturi jintużaw għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-PAK fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Dawn jirfdu l-valutazzjoni tar-rendikont u l-effiċjenza tan-nefqa tal-UE, u jappoġġaw l-evalwazzjonijiet. Is-CMEF jinkludi aktar minn 200 indikatur u madwar 900 sottoindikatur.
Mill-2018 ’l hawn, il-Kummissjoni Ewropea saret tippubblika dashboards tal-indikaturi tematiċi u tal-kuntest fuq il-portal tagħha tad-data agroalimentari
Indikaturi tal-PAK
, b’immaġnijiet dinamiċi u aċċess għad-data sottostanti.
Dan jinkludi data dwar l-output u r-riżultati fir-rappurtar annwali dwar l-implimentazzjoni tal-PAK (miġbura mill-Istati Membri) u data li timmonitorja l-kuntest li fih topera l-PAK bl-użu tal-istatistika (prinċipalment mill-Eurostat). Il-perjodiċità tad-data tvarja skont is-sors.
1.2.Evalwazzjonijiet
L-evalwazzjonijiet huma l-għodda prinċipali biex jiġu vvalutati r-riżultati u l-impatti tanġibbli tal-politika. Dawn jipprovdu evidenza għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u jsaħħu t-trasparenza, it-tagħlim u r-responsabbiltà. Mill-2014 sal-2020, id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali wettaq aktar minn 20
evalwazzjoni tematika dwar diversi aspetti tal-PAK
. L-evalwazzjonijiet għamlu użu mill-ħidma preparatorja (studji ta’ appoġġ) imwettqa minn kuntratturi esterni indipendenti u mill-għarfien minn diversi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.
L-evalwazzjonijiet interim tal-Istati Membri tal-programmi tagħhom tal-iżvilupp rurali għall-2014-2020 ipprovdew ukoll informazzjoni komprensiva għal dan ir-rapport. L-evalwazzjonijiet ex post tagħhom, mistennija fl-2026, se jipprovdu kontribut għall-valutazzjoni kontinwa tal-prestazzjoni tal-PAK.
1.3.Esperjenza miksuba mis-CMEF
Mill-2014, is-CMEF ġie estiż lil hinn mill-iżvilupp rurali biex ikopri – għall-ewwel darba – il-politika kollha. Dan enfasizza diversi punti tajbin:
·l-indikaturi ġeneralment ikopru b’mod komprensiv oqsma ta’ politika differenti;
·ġew żviluppati indikaturi ġodda (eż. dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi) li jirriżultaw minn valutazzjoni kontinwa tal-ħtiġijiet;
·il-kwalità tad-data tjiebet, bħala riżultat ta’ aktar awtomatizzazzjoni u interoperabbiltà, disseminazzjoni f’waqtha u dashboards ġodda, inklużi funzjonalitajiet ta’ talbiet u ta’ tniżżil.
Madankollu, kien hemm ukoll xi nuqqasijiet fil-qafas, li mhux kollha kienu marbuta mal-PAK:
·l-indikaturi tal-impatt dwar il-bijodiversità (eż. l-indiċi tal-għasafar f’żoni agrikoli) u l-ilma (eż. l-astrazzjoni) ma kinux kompluti u kienu ta’ kwalità baxxa minħabba n-nuqqas ta’ bażi ġuridika għall-ġbir tad-data jew minħabba d-dipendenza fuq stħarriġiet volontarji;
·id-diffikultà biex jintużaw l-indikaturi eżistenti sabiex jiġi kkwantifikat l-impatt tal-PAK fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih;
·il-frekwenza baxxa: għal xi indikaturi, id-data hija disponibbli biss kull erba’ sa sitt snin, b’dewmien bejn il-ġbir u l-pubblikazzjoni;
·il-livell baxx ta’ dettall ġeografiku għal ċerti indikaturi;
·l-informazzjoni li mhix strutturata u dettaljata biżżejjed dwar l-għażliet ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri, is-sistema ta’ kundizzjonalità (ma kinitx disponibbli l-adozzjoni għal kull ettaru), il-prattiki ambjentali u l-LEADER.
L-evalwazzjonijiet kienu bbażati fuq approċċ metodoloġiku sod u rigoruż, li kien jinkludi analiżijiet kwantitattivi u kwalitattivi. L-Istati Membri kellhom bżonn jitgħallmu kif jiġġeneraw l-evidenza biex jagħmlu l-politika aktar orjentata lejn ir-riżultati. Madankollu, kien hemm biss miri kkwantifikati għan-nefqa fuq l-iżvilupp rurali. Il-biċċa l-kbira tal-evalwazzjonijiet ma setgħux jikkwantifikaw il-kontribut tal-PAK għall-indikaturi tal-impatt minħabba l-limitazzjonijiet tad-data, id-dewmien qabel ma jimmaterjalizzaw l-impatti, fatturi esterni u d-diffikultà biex tiġi stabbilita l-kawżalità.
3.Valutazzjoni tal-PAK matul il-perjodu 2014-2020
1.4.Produzzjoni vijabbli tal-ikel
Dħul tal-irziezet
Bejn l-2013 u l-2019, l-introjtu medju tal-fattur tal-UE għal kull ħaddiem żdied bi 15 % f’termini reali. Din iż-żieda kienet prinċipalment dovuta għal żidiet kbar fil-produttività tax-xogħol, prinċipalment bħala riżultat ta’ eżodu tal-ħaddiema mis-settur agrikolu.
Il-PAK fit-totalità tagħha għenet biex tappoġġa u tistabbilizza d-dħul tal-irziezet. Il-miżuri tas-suq għenu biex jillimitaw il-volatilità tal-prezzijiet domestiċi tal-biċċa l-kbira tal-prodotti agrikoli u ffaċilitaw l-irkupru tal-prezzijiet f’setturi milquta minn kriżi tas-suq. Mill-2014, il-volatilità tal-prezzijiet tal-UE dejjem kienet aktar baxxa mill-prezzijiet għall-prodotti kollha fis-suq internazzjonali (ħlief għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat f’dawn l-aħħar snin). L-appoġġ dirett għall-introjtu – li jirrappreżenta madwar 25 % tal-introjtu tal-fattur tal-UE (il-medja għall-2014-2018) u li jilħaq aktar minn 6 miljun benefiċjarju (2019) – ippermetta lill-bdiewa jlaħħqu aħjar mat-tnaqqis fl-introjtu kkawżat mit-tnaqqis fil-prezzijiet agrikoli.
L-għodod tal-ġestjoni tar-riskju jistgħu jgħinu lill-bdiewa jimmitigaw dan it-tnaqqis fl-introjtu, iżda l-PAK kellha rwol żgħir biex tinċentiva lill-bdiewa jużaw dawn l-għodod.
Distribuzzjoni tal-appoġġ tal-PAK
20 % tal-benefiċjarji tal-PAK jirċievu 80 % tal-pagamenti diretti, ħaġa li qajmet dubji dwar il-ġustizzja tad-distribuzzjoni tal-pagamenti diretti. Madankollu, dan il-proporzjon essenzjalment jirrifletti d-distribuzzjoni (u f’xi Stati Membri l-konċentrazzjoni) tas-sjieda tal-art; il-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji l-kbar huma azjendi agrikoli tal-familja ta’ bejn 20 u 100 ettaru u jirċievu aktar minn EUR 7 500. Madwar nofs il-benefiċjarji kollha huma azjendi agrikoli żgħar ħafna, b’inqas minn 5 ettari.
Il-PAK tal-2014-2020 irriżultat f’ridistribuzzjoni sinifikanti tal-pagamenti diretti lil bdiewa iżgħar u lil żoni li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali. Bejn l-2017 u l-2019, il-pagamenti għal kull ettaru lill-bdiewa fl-iżgħar kategorija (li jipproduċu inqas minn EUR 8 000 ta’ output standard) żdiedu bi 18 % meta mqabbla ma’ bejn l-2011 u l-2013.
Il-pagamenti diretti u l-appoġġ għall-iżvilupp rurali jirrappreżentaw kważi 50 % tal-introjtu tal-bdiewa f’żoni muntanjużi u l-finanzjament tal-PAK jgħin biex l-azjendi agrikoli jsiru vijabbli fl-aktar żoni rurali remoti. Madankollu, il-livell għoli ta’ appoġġ għall-introjtu totali fiż-żoni muntanjużi ma jikkumpensax bis-sħiħ id-diskrepanza fl-introjtu maż-żoni mhux muntanjużi.
Analiżi tal-introjtu u d-distribuzzjoni tal-pagamenti diretti skont l-introjtu turi li hemm lok għal titjib fl-immirar tal-appoġġ lejn dawk li l-aktar għandhom bżonnu. F’ċerti każijiet, il-politika kellha effett limitat wisq fuq it-tnaqqis tad-differenzi bejn ir-reġjuni fi Stat Membru, fuq it-tnaqqis gradwali tal-pagamenti, u fuq li jinħoloq limitu massimu għal-livell tal-pagamenti għal kull azjenda agrikola. Il-pagamenti diretti li jirċievu azjendi agrikoli iżgħar għadhom taħt l-introjtu medju nazzjonali jew bejn wieħed u ieħor fil-livell tiegħu f’għadd ta’ Stati Membri. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda prova li d-dispożizzjonijiet attwali mmirati lejn l-appoġġ lill-bdiewa attivi kienu effettivi.
Kultant, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena għall-ħaddiema staġunali fl-agrikoltura wasslu għal sejħiet biex il-pagamenti tal-PAK isiru bil-kundizzjoni tal-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għalkemm id-differenza bejn l-introjtu agrikolu u l-paga medja fl-ekonomija sħiħa naqset, għadha konsiderevoli. Dan inaqqas l-attraenza tal-biedja bħala okkupazzjoni u jnaqqas it-tiġdid minn ġenerazzjoni għal oħra.
Kompetittività u produttività
Il-PAK kompliet tagħti kontribut sinifikanti għas-sigurtà tal-ikel billi kisbet titjib fil-produttività u r-reżiljenza fis-swieq kummerċjali.
Il-produttività totali tal-fatturi tal-agrikoltura tal-UE żdiedet b’6 % mill-2013 sal-2019 (EU-27). Il-PAK appoġġat żidiet sinifikanti fil-produttività tax-xogħol (+24 % mill-2013 sal-2020). Biż-żieda fl-ammont relattiv ta’ kapital disponibbli għall-azjendi agrikoli u b’hekk bit-tisħiħ tal-kompetittività tagħhom, l-appoġġ għall-investimenti tal-azjendi agrikoli kellu effett pożittiv indirett fuq id-dħul tal-irziezet.
Il-PAK ipprovdiet ukoll appoġġ għat-titjib tal-organizzazzjoni tal-katina tal-provvista, bl-għadd ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jkun 7 % ogħla fl-2020 milli fl-2016 u bis-sehem tal-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex ikkummerċjalizzat minn dawn l-organizzazzjonijiet jikber bi 2,3 punti perċentwali bejn l-2014 u l-2019 (biex tela’ għal 45,6 %).
L-UE kienet responsabbli għal 18 % tal-esportazzjonijiet agroalimentari globali fl-2019. Il-fatturi esterni (inkluża l-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni tal-prodotti tal-UE) sa ċertu punt dgħajfu l-pożizzjoni kompetittiva tas-settur agrikolu tal-UE fil-biċċa l-kbira tas-snin mill-2014 sal-2020, iżda l-kummerċ agroalimentari tal-UE wera livell qawwi ta’ reżiljenza. Mill-2018 ’l hawn, il-pożizzjoni kompetittiva tal-UE tjiebet xi ftit, u żiedet punt perċentwali wieħed mas-sehem tal-UE mill-esportazzjonijiet dinjija.
L-esportazzjonijiet tal-UE jikkonsistu prinċipalment minn prodotti b’valur miżjud għoli, sostnuti mill-kwalità u r-reputazzjoni garantiti tal-prodotti ċċertifikati minn skemi tal-kwalità tal-UE. Dan jipprovdi benefiċċju ekonomiku ċar għall-produtturi f’termini ta’ kummerċjalizzazzjoni u ż-żieda fil-bejgħ. L-appoġġ għall-programmi ta’ promozzjoni kien effettiv fis-sensibilizzazzjoni u ż-żieda tal-profil tal-prodotti tal-UE, b’mod partikolari fis-swieq bl-ogħla potenzjal ta’ tkabbir. Il-politiki settorjali kienu effettivi wkoll fil-promozzjoni tal-kompetittività; il-politika tal-UE dwar l-inbid kellha rwol ewlieni biex il-fokus tas-settur mexa mill-kwantità għall-kompetittività u l-kwalità.
Kompetizzjoni ġusta u ftuħ
Is-suq tal-UE fetaħ ruħu aktar u aktar bejn l-2014 u l-2020. L-importazzjonijiet agroalimentari żdiedu u s-suq tal-UE baqa’ l-akbar importatur minn pajjiżi inqas żviluppati.
L-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni rnexxielhom joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-produtturi tal-prodotti agrikoli.
Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur agrikolu għenu biex jiġi żgurat li l-effetti pożittivi tal-għajnuna mill-Istat fuq il-benefiċjarji, u fuq kollox fuq il-politiki pubbliċi kkonċernati, jegħlbu l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. L-effetti tal-appoġġ akkoppjat volontarju fuq id-deċiżjonijiet tal-bdiewa u l-produzzjoni agrikola ma ħolqux distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet limitati.
Kwalità u tikkettar
Il-PAK għenet biex tipprovdi lis-suq tal-UE bi prodotti ta’ kwalità standardizzata u ggarantita, biex il-konsumaturi jiksbu valur għal flushom. Il-valur totali stmat tal-bejgħ tal-prodotti taħt indikazzjonijiet ġeografiċi jew skemi ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti ammonta għal EUR 77 biljun fl-EU-28 fl-2017, li jammonta għal 7 % tal-bejgħ totali tal-ikel u x-xorb.
Il-miżuri tal-PAK kienu effettivi fl-għoti ta’ informazzjoni utli u trasparenti lill-konsumaturi dwar it-tikketti ta’ kwalità u organiċi u dwar l-oriġini tal-prodotti agrikoli. Madankollu, hemm lok għal titjib tal-fehim mill-konsumaturi tar-regoli tal-UE dwar it-tikkettar u dwar l-iskemi ta’ kwalità tal-UE, u biex l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni jsiru aktar konsistenti mat-tħassib li qed jiżviluppa l-pubbliku dwar is-saħħa, in-nutrizzjoni, l-ambjent u l-klima.
1.5.Ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika
Ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali
Il-PAK tipprovdi livell estensiv ta’ “protezzjoni tal-linja bażi” għall-ambjent permezz tal-kundizzjonalità obbligatorja (fuq 84 % tal-art agrikola tal-UE fl-2019) u l-obbligi ta’ ekoloġizzazzjoni (80 %, żieda minn 76 % fl-2015). Imbagħad tipprevedi impenji aktar immirati iżda volontarji taħt l-iżvilupp rurali (12-15 % għall-miżuri agroambjentali klimatiċi u 3-5 % għall-biedja organika). L-appoġġ tal-PAK għall-introjtu u għal żoni bi żvantaġġi naturali jgħinu biex jiġi evitat l-abbandun tal-art, jitnaqqas ir-ritmu tal-intensifikazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni tas-sistemi tal-biedja u jinżammu d-diversifikazzjoni tal-għelejjel u l-bwar permanenti.
L-azjendi agrikoli kollha jirċievu pagamenti bażiċi, irrispettivament mil-livell ta’ użu tal-inputs tagħhom. B’riżultat ta’ dan, dawn il-pagamenti spiss jitqiesu li huma f’kunflitt mal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. Il-fatti mhux dejjem jappoġġaw din il-perċezzjoni. Bid-diżakkoppjament tal-appoġġ mill-produzzjoni u l-irbit tiegħu mal-konformità mal-prattiki ambjentali u klimatiċi standard, il-pagamenti bażiċi ma humiex inċentiv biex tiżdied l-intensità tal-produzzjoni. Prova ta’ dan tinsab fil-livell ta’ pagamenti diretti għal kull ettaru riċevut mill-10 % tal-azjendi agrikoli li huma l-aktar intensivi, li naqas bi 12 % għal EUR 451 għal kull ettaru (bejn l-2017 u l-2019) meta mqabbel mal-livell ta’ qabel ir-riforma tal-PAK mill-2011 sal-2013. B’kuntrast ma’ dan, il-pagamenti diretti żdiedu bi 23 % għall-10 % tal-bdiewa li huma l-aktar estensivi tal-UE, għal EUR 154 għal kull ettaru. Fil-livell ta’ EUR 1 900, il-pagamenti diretti għal kull ħaddiem fl-azjendi agrikoli l-aktar intensivi huma kważi 78 % anqas milli għall-azjendi agrikoli l-aktar estensivi (EUR 7 700).
L-iskema l-ġdida tal-ekoloġizzazzjoni introdotta mir-riforma tal-PAK tal-2013 ippruvat tindirizza din il-kwistjoni b’inċentiv addizzjonali, li jorbot 30 % tal-appoġġ dirett ma’ prattiki li jwasslu għal ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. L-“ekoloġizzazzjoni” rnexxielha tipprevjeni aktar ħsara ambjentali, iżda l-inċentiv biex jinbidlu l-prattiki tal-biedja (b’mod partikolari l-obbligu li jiġu ddiversifikati l-għelejjel jew li jinżammu żoni b’fokus ekoloġiku) ma kienx rilevanti għall-bdiewa kollha. Għalkemm l-iskema tal-ekoloġizzazzjoni kellha l-potenzjal li tippromwovi l-prattiki ambjentali u klimatiċi, l-għażliet li saru mill-Istati Membri u mill-bdiewa ma sfruttawx dan il-potenzjal bis-sħiħ.
Minħabba d-disinn imfassal apposta u mmirat tagħhom, il-miżuri volontarji taħt l-iżvilupp rurali kienu l-aktar effettivi biex jinkoraġġixxu l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. L-għażliet ta’ implimentazzjoni influwenzaw ħafna l-impatt ġenerali ta’ dawn il-miżuri. Barra minn hekk, l-adozzjoni tagħhom mill-bdiewa u mill-forestiera kien limitat, b’mod partikolari minħabba l-kundizzjonijiet kumplessi tal-eliġibbiltà u primjums li huma baxxi wisq biex jistimulaw il-bidla, b’mod partikolari f’ċerti żoni produttivi. L-impenji agroambjentali klimatiċi appoġġaw il-prattiki li jillimitaw it-telf ta’ materja organika tal-ħamrija, irawmu l-bijodiversità tal-ħamrija u jnaqqsu t-tniġġis tal-ħamrija (minkejja li l-ħdim tar-raba’ aktar baxxa fir-raba’ li jinħadem kien limitat għal żoni speċifiċi).
Sal-2019, 8 % tal-art agrikola tal-UE kienet qed tintuża għall-biedja organika. 66 % ta’ din l-art tinħadem bl-appoġġ tal-PAK. Il-biedja organika tipproduċi b’mod ċar benefiċċji għall-bijodiversità, għall-ħamrija u għall-ilma, għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-benesseri tal-annimali, filwaqt li tnaqqas l-użu tal-pestiċidi kimiċi u l-antimikrobiċi.
Ħafna fatturi esterni jaffettwaw l-ambjent u l-miżuri jieħdu ż-żmien biex juru r-riżultati tagħhom. Dan jagħmilha diffiċli ħafna li jiġi vvalutat l-impatt nett tal-PAK matul il-perjodu 2014-2020 u għalhekk li tiġi vvalutata l-kawżalità bejn il-miżuri implimentati u r-riżultati. In-nuqqas ta’ indikaturi rilevanti jagħmel l-istima tal-kontribut ġenerali tal-PAK għall-bijodiversità u l-pajsaġġi aktar diffiċli (eż. għalkemm it-tnaqqis fl-indiċi tal-għasafar f’żoni agrikoli naqas, ma huwiex ċar sa liema punt it-telf fil-bijodiversità jista’ jiġi attribwit għall-PAK). Il-PAK għandha potenzjal kbir li tippromwovi prattiki li jtejbu l-kwalità tal-ħamrija u tal-ilma u li jnaqqsu l-użu tal-pestiċidi u tal-fertilizzanti f’ammont sinifikanti tar-raba’ li jinħadem fl-UE. Il-kontribuzzjoni sinifikanti tal-politika għal bidliet fil-prattiki tal-bdiewa li jibqgħu fit-tul permezz tal-promozzjoni tal-għelejjel tat-titwiq, ta’ kopertura u li jiffissaw in-nitroġenu, turi dan.
Tibdil fil-klima u emissjonijiet tal-gassijiet serra
Fil-PAK li tkopri l-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri allokaw biss baġit żgħir u prijorità baxxa għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.
L-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE mill-agrikoltura naqsu b’aktar minn 20 % mill-1990 ’l hawn, iżda ilhom staġnati mill-2010. Filwaqt li t-tnaqqis tal-emissjonijiet totali fl-agrikoltura jibqa’ essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE, ta’ min jenfasizza ż-żieda sinifikanti fl-effiċjenza tal-output (jiġifieri inqas emissjonijiet għal kull unità tal-output): il-produzzjoni agrikola żdiedet b’9 % mill-2010 ’l hawn. Dan isaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur u s-sigurtà tal-ikel.
Il-PAK tagħmel aktar biex tnaqqas l-emissjonijiet mill-ħamrija agrikola ġestita milli tagħmel għall-emissjonijiet mill-bhejjem. Madankollu, id-dibattitu dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-bhejjem ma jistax jiġi ridott sempliċiment għal tnaqqis fl-għadd ta’ bhejjem. Ir-ruminanti jmantnu l-art marġinali, li spiss tgħin fis-sekwestru tal-karbonju f’sistemi ta’ produzzjoni estensivi. It-titjib fil-ġestjoni tal-bhejjem irid jimxi id f’id ma’ konsum imnaqqas u dieti aktar sostenibbli biex jitnaqqsu b’mod effettiv l-emissjonijiet tal-bhejjem, filwaqt li jitnaqqas ir-riskju ta’ effetti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (bħal żieda fl-importazzjonijiet minn pajjiżi li jipproduċu b’impronta klimatika ogħla).
L-analiżi tindika li l-miżuri għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima prinċipalment jeħtieġu sistemi estensivi ta’ ragħa tal-bhejjem, l-ottimizzazzjoni tal-għalf, it-trattament tad-demel inkluża d-diġestjoni anaerobika, u ż-żamma tal-ħażniet tal-karbonju billi jiġu ppreservati l-bwar permanenti. Il-kontribuzzjoni ewlenija mis-sistemi tar-raba’ li jinħadem hija li jiġi pprovdut appoġġ għall-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu (eż. żoni ta’ fokus ekoloġiku jew appoġġ akkoppjat għall-għelejjel tal-proteini), il-ġestjoni tal-art biex jiġu protetti u jiżdiedu l-ħażniet tal-karbonju fil-ħamrija, u bidliet fl-emissjonijiet tal-N2O mill-ħamrija u d-demel. Il-protezzjoni tal-ħamrija b’livell għoli ta’ emissjonijiet ta’ karbonju f’żoni fejn l-art tinħadem b’mod estensiv hija partikolarment importanti, peress li l-PAK kisbet inqas tnaqqis fil-bwar jew l-azjendi agrikoli intensivi. Dan ifisser li hemm fokus kbir fuq is-sekwestru tal-karbonju.
Għalkemm l-ammont ta’ programmi ta’ żvilupp rurali li jirreferu b’mod espliċitu għall-adattament għat-tibdil fil-klima huwa żgħir ħafna, diversi miżuri tal-PAK għandhom rwol fih. L-appoġġ li tipprovdi għad-diversità tal-għelejjel u s-sistemi tal-biedja, għall-investiment fl-adattament għal kundizzjonijiet klimatiċi ġodda, għal-limitazzjoni tal-erożjoni tal-ħamrija u għat-titjib tar-reżiljenza għall-għargħar huwa ta’ importanza kbira minħabba l-għadd dejjem jiżdied ta’ avvenimenti estremi li jaffettwaw l-agrikoltura.
Madankollu, b’mod ġenerali, l-Istati Membri ma użawx bis-sħiħ l-għodod ta’ adattament tal-PAK disponibbli (eż. il-kundizzjonalità). Tul il-perjodu ta’ programmazzjoni, il-perċentwal ta’ raba’ saqwi madwar l-UE li l-bdiewa qalbu għal sistemi ta’ tisqija aktar effiċjenti kien limitat ħafna. Hemm ukoll lok biex isir aktar biex jinxtered l-għarfien u jingħataw pariri lill-bdiewa dwar it-tekniki u l-prattiki biex tittejjeb il-prestazzjoni klimatika.
B’mod ġenerali, il-PAK tipprovdi firxa wiesgħa ta’ għodod għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika, iżda l-Istati Membri ma ħatfux l-opportunitajiet kollha biex itejbu s-sostenibbiltà ambjentali tal-biedja u biex iżidu l-azzjoni klimatika. Il-PAK setgħet kienet aktar effettiva b’approċċ aktar strateġiku, b’miżuri u b’finanzjament aktar immirati, u li kieku l-benefiċjarji kienu aktar ambizzjużi fl-implimentazzjoni aktar milli bil-minimizzazzjoni tal-bidliet.
Madankollu, il-PAK tabilħaqq ipprovdiet valur miżjud tal-UE billi żiedet l-ambizzjoni u stabbiliet livelli minimi tal-infiq għal dan l-objettiv ġenerali.
1.6.Żvilupp territorjali bbilanċjat
Tiġdid ġenerazzjonali
It-tnaqqis fil-forza tax-xogħol fl-agrikoltura tal-UE naqas minn -3,8 % fis-sena bejn l-2005 u l-2011 għal -1,4 % fis-sena bejn l-2011 u l-2019. L-impjiegi laħqu 9,1 miljun ekwivalenti għall-full-time sal-aħħar tal-2019. Il-fatt li l-popolazzjoni tal-biedja qed tixjieħ huwa waħda mill-akbar sfidi li qed jiffaċċjaw iż-żoni rurali tal-UE, peress li 11 % biss tal-bdiewa tal-UE għandhom inqas minn 40 sena (2016).
Il-PAK iffaċilitat it-tiġdid ġenerazzjonali billi appoġġat is-sostenibbiltà ekonomika tal-impjiegi. Madankollu, waħedha ma hijiex biżżejjed biex tneħħi l-ostakli ewlenin għad-dħul fil-biedja, li huma l-aċċess għall-art u għall-kapital u l-attraenza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien taż-żoni rurali.
Il-PAK tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-bdiewa żgħażagħ u garanziji lill-banek. Madankollu, l-aċċess għall-kreditu waħdu ma jilliberax l-art, u f’xi reġjuni, il-prezzijiet tal-art huma għoljin ħafna. Barra minn hekk, f’xi reġjuni, l-appoġġ għall-introjtu tal-PAK seta’ naqqas ir-ritmu tat-trasferiment interġenerazzjonali tal-azjendi agrikoli u tar-rilaxx tal-art, minħabba li dan jista’ jikkumpensa għal sistemi nazzjonali tal-pensjonijiet li ma humiex suffiċjenti. Fatturi negattivi oħra – inklużi fatturi soċjokulturali u diżinċentivi ekonomiċi usa’ għall-biedja u biex wieħed jgħix f’żoni rurali – iċekknu l-impatt tal-PAK.
Riperkussjonijiet tal-PAK fuq iż-żoni rurali
L-appoġġ tal-PAK huwa mmirat l-aktar lejn il-biedja, iżda l-evidenza turi li hemm riperkussjonijiet sinifikanti fuq l-ekonomija rurali usa’, b’mod partikolari minħabba li tagħti spinta lill-infiq lokali u tipprovdi l-impjiegi. Is-settur agroalimentari jipprovdi 40 miljun impjieg fiż-żoni rurali. Barra minn hekk, minkejja s-sehem baxx tal-finanzjament, l-appoġġ tal-PAK jista’ jkun kruċjali biex jittejbu l-infrastruttura, is-servizzi u l-konnettività, speċjalment f’żoni remoti.
Il-PAK tgħin biex tnaqqas ir-rata tad-depopolazzjoni u tal-abbandun tal-art fl-UE. Għandu wkoll rwol soċjali u d-distribuzzjoni tal-appoġġ tal-PAK hija inklużiva ħafna (b’nofs ir-riċeventi jirċievu inqas minn EUR 1 250 fis-sena). L-agrikoltura u l-PAK jgħinu jnaqqsu l-faqar fiż-żoni rurali b’mod sinifikanti.
1.7.Trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni
Il-miżuri tal-iskambju tal-għarfien, tal-pariri u tal-innovazzjoni li ttieħdu fl-2014-2020 skont il-PAK kellhom rata baxxa ta’ programmazzjoni (3,5 % tal-allokazzjoni għall-iżvilupp rurali), imbagħad implimentazzjoni ttardjata (anke minħabba l-piż amministrattiv) u għalhekk infiq baxx (fejn intefqu biss 23 % tal-ammonti ppjanati wara sitt snin). Il-miżuri laħqu lil madwar 10 % tal-azjendi agrikoli u kienu effettivi fil-bini tal-għarfien, b’mod partikolari dwar il-kundizzjonalità u s-sostenibbiltà ambjentali.
Il-livell ta’ taħriġ bażiku żdied minn 12 % fl-2010 għal 23 % fl-2016, iżda għadu baxx wisq biex jiġu indirizzati l-isfidi għall-bdiewa biex jiżguraw is-sigurtà tal-ikel filwaqt li jsaħħu l-ħsieb tal-ambjent u l-azzjoni klimatika.
L-istess gruppi ta’ bdiewa jkomplu jieħdu sehem fit-taħriġ, li jfisser li huwa diffiċli li tintlaħaq il-komunità usa’ u huwa importanti li jiżdied it-tagħlim bejn il-pari. Il-pariri agrikoli huma għodda essenzjali biex tinbidel il-prattika tal-biedja, iżda l-għoti ta’ servizzi ta’ konsulenza kkwalifikati u imparzjali għadu kwistjoni importanti. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu aġġornati l-għarfien u l-ħiliet tal-konsulenti.
Is-sħubija Ewropea għall-innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikoli (SEI-AGRI) kellha impatt pożittiv bis-saħħa tal-użu tal-mudell interattiv tal-innovazzjoni. Dan jagħmel l-aħjar użu minn tipi differenti ta’ għarfien (prattiku, xjentifiku, tekniku u organizzattiv) u jinvolvi lill-utenti tar-riżultati tal-proġett. Is-sħubija kienet irriżultat fit-tlestija ta’ 2 085 grupp operattiv (jiġifieri proġetti interattivi lokali ta’ innovazzjoni) sa Settembru 2021.
Hemm lok għall-użu tal-għodod tal-PAK b’mod aktar strateġiku, biex jinstabu aktar sinerġiji u biex jinbnew strutturi stabbiliti sew għall-iskambju tal-għarfien u l-pariri f’xi Stati Membri.
4.Lejn PAK ibbażata fuq il-prestazzjoni
1.8.Tagħlimiet meħuda għall-perjodu li jmiss tal-PAK, 2023-2027
Fl-2021, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar disinn ġdid għall-PAK li jieħu ħafna tagħlimiet mill-politika preċedenti matul il-perjodu 2014-2020.
Il-klima u l-bijodiversità huma prominenti fost l-10 objettivi speċifiċi tal-PAK il-ġdida. Fokus ġdid fuq il-fatturi tal-ikel, tas-saħħa u tat-trattament xieraq tal-annimali iqis l-isfidi tas-sistemi tal-ikel. Għall-perjodu li jmiss, il-politika qed tfittex li timmodernizza l-prattika billi tiffaċilita l-iskambju tal-għarfien, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, li jirfdu l-objettivi kollha tal-PAK fit-tliet dimensjonijiet tas-sostenibbiltà (ekonomika, ambjentali u soċjali).
Skont il-PAK il-ġdida, kull Stat Membru jrid jintegra l-għodod kollha fi pjan wieħed (il-pjan strateġiku tal-PAK) u jankrahom fl-evidenza. Il-PAK il-ġdida ttemm fil-biċċa l-kbira tiegħu l-approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” tal-appoġġ dirett. L-Istati Membri għandhom aktar flessibbiltà biex ifasslu u jikkombinaw l-għodod ta’ politika. Sabiex jiġu żgurati livelli suffiċjenti ta’ azzjoni ambjentali u klimatika, tiġdid ġenerazzjonali u ridistribuzzjoni, huwa allokat sehem mill-appoġġ fil-livell tal-UE għal dawn l-oqsma speċifiċi.
Il-Parlament u l-Kunsill neħħew ċerti limitazzjonijiet tal-politika tal-2014-2020 għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-Parlament u l-Kunsill saħħew xi aspetti tar-rekwiżiti bażiċi għall-pagamenti tal-PAK, filwaqt li neħħew in-nuqqasijiet fil-protezzjoni tal-ħażniet tal-karbonju, tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità kbira u l-protezzjoni tal-ħamrija. Hemm skop akbar għall-azzjoni volontarja bi skemi ekoloġiċi taħt pagamenti diretti, li jżidu mal-għodda tal-iżvilupp rurali li ilha teżisti, u bi primjums aktar flessibbli biex jistimulaw skala ta’ adozzjoni suffiċjenti. Dawn il-bidliet għandhom jipperswadu lill-bdiewa biex jipparteċipaw fl-agrikoltura sostenibbli minflok ma jgħidulhom kif. Madankollu, il-valur tagħhom se jiddependi fuq il-kwalità tal-azzjoni ffinanzjata. It-tnaqqis tal-piż amministrattiv u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri se jkunu importanti biex jittejbu wkoll is-sensibilizzazzjoni u l-adozzjoni. Ir-rabtiet b’saħħithom mal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-obbligu għall-Istati Membri li juru livell ogħla ta’ ambizzjoni fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom milli għamlu fil-perjodu preċedenti huma salvagwardji addizzjonali.
Is-sigurtà tal-ikel għadha prijorità politika. Sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa jkunu jistgħu jipproduċu l-ikel kullimkien fl-UE, l-appoġġ dirett għadu għodda relattivament effiċjenti biex jappoġġa d-dħul tal-irziezet f’sistema orjentata lejn is-suq. Il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar ridistribuzzjoni obbligatorja ta’ 10 % tal-pagamenti diretti tal-Istati Membri lejn azjendi agrikoli aktar żgħar. Madankollu, it-tnaqqis u l-limitazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ appoġġ dirett lill-istess benefiċjarju għadhom volontarji għall-Istati Membri. Il-kriterji li jirregolaw min jista’ jitlob pagamenti diretti huma wkoll pjuttost wiesgħa.
B’kunsiderazzjoni tal-evalwazzjonijiet u t-tħassib soċjetali dejjem akbar, l-appoġġ tal-PAK – għall-ewwel darba – se jkun marbut mal-osservanza, min-naħa tal-bdiewa, tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol bażiċi tal-UE li għandhom il-ħaddiema fl-azjendi agrikoli.
Iż-żieda fl-attraenza taż-żoni rurali teħtieġ l-integrazzjoni ta’ din il-politika mal-politiki nazzjonali. B’mod partikolari, il-politika għat-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura trid tkun ibbażata fuq approċċ integrat bħal dan, megħjun minn finanzjament sostanzjali tal-PAK.
Il-politika agrikola trid tkun ukoll parti minn trasformazzjoni akbar tas-sistema tal-ikel biex jintlaħqu l-objettivi promossi fl-
Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”
. Bl-istess mod,
il-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali
fiha l-ħafna tagħlimiet meħuda dwar l-iżvilupp territorjali. Din, min-naħa tagħha, tipprovdi kontribut addizzjonali għall-PAK il-ġdida.
Il-qafas legali l-ġdid huwa pedament sod iżda l-kwalità u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi mill-2023 ’il quddiem se jkunu deċiżivi biex l-għanijiet jissarrfu f’realtà. Ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni fl-2020 jistabbilixxu l-oqsma ewlenin li fuqhom jenħtieġ li jiffokaw il-pjanijiet, filwaqt li jqisu l-objettivi tal-istrateġiji tal-Patt Ekoloġiku. Is-sena 2022 se tkun stadju importanti ieħor f’dan il-proċess bil-valutazzjoni u l-approvazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn il-pjanijiet.
1.9.Qafas ġdid ta’ prestazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni
Il-qafas il-ġdid ta’ prestazzjoni u evalwazzjoni għandu inqas indikaturi, li huma integrati fl-oqsma u s-sorsi ta’ finanzjament kollha. Il-qafas ikopri l-objettivi kollha b’miri kkwantifikati għall-indikaturi tar-riżultati, biex b’hekk jippermetti traċċar aħjar. L-indikaturi tar-riżultati joħolqu rabtiet bejn azzjoni tal-UE u l-iskop(ijiet) tagħha biex jitkejjel il-progress fil-kisba tal-miri tal-pjan strateġiku tal-PAK. Dan jipprovdi indikazzjoni tajba tal-progress annwali tal-prestazzjoni tal-PAK, iżda biex tivvaluta l-impatt reali tal-politika, il-Kummissjoni tuża wkoll evalwazzjonijiet profondi.
Fil-PAK il-ġdida nsibu diversi meljoramenti biex tiżdied il-kwalità kumplessiva tad-data: dipendenza aħjar fuq in-notifiki u l-istatistika tal-Istati Membri; indikaturi ġodda dwar il-bijodiversità, il-pestiċidi u s-saħħa tal-annimali; u sistema satellitari ġdida ta’ monitoraġġ tal-erja biex tiżdied l-affidabbiltà tal-indikaturi tal-output. Se jkun hemm ġbir ta’ data aktar dettaljat dwar il-prattiki tal-biedja u għarfien sottostanti aħjar biex jiġu ċċarati r-rabtiet kawżali bejn l-objettivi u l-indikaturi tal-impatti u r-riżultati. Il-PAK il-ġdida għandha l-għan li tillimita l-piż fuq il-bdiewa u l-amministrazzjonijiet billi tesplora modi kif tista’ tittejjeb il-kondiviżjoni tad-data.
Għal evalwazzjonijiet futuri, l-ewwel data dwar l-implimentazzjoni tal-PAK tal-2023-2027 se tkun disponibbli biss fl-2025. Minħabba d-diffikultà biex jiġi rrikonċiljat iċ-ċiklu ta’ politika maż-żmien meħtieġ għall-ġbir tad-data – inkluż iż-żmien biex jimmaterjalizzaw l-effetti tal-azzjoni tal-UE – huwa importanti li jittieħed approċċ fit-tul għad-disponibbiltà tad-data u l-kontribut tal-evalwazzjonijiet għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni.
5.Konklużjonijiet
Bejn l-2014 u l-2020, il-miżuri meħuda skont il-PAK ipprovdew valur miżjud ekonomiku, ambjentali, soċjali u politiku tal-UE. B’mod partikolari, dan inkluda:
·l-appoġġ ta’ standard tal-għajxien ġust għall-bdiewa u l-indirizzar tal-ħtiġijiet fiż-żoni rurali, b’mod partikolari f’żoni remoti u b’densità baxxa tal-popolazzjoni, biex b’hekk tissaħħaħ il-koeżjoni reġjonali u soċjali;
·l-iżgurar ta’ provvista tal-ikel stabbli, sikura u tajba għas-saħħa;
·l-għoti ta’ informazzjoni ċara dwar l-ikel lill-konsumaturi tal-UE;
·it-tisħiħ tal-protezzjoni ambjentali u tal-azzjoni klimatika billi jiżdiedu l-istandards u tiġi mħeġġa l-bidla.
Madankollu, il-PAK trid tagħmel aktar biex tappoġġa s-sostenibbiltà tal-agrikoltura tal-UE, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tagħha. B’mod partikolari, trid tikkontribwixxi aktar għall-objettivi ambjentali u għall-ambizzjoni klimatika ogħla stabbilita fil-Liġi tal-UE dwar il-Klima. Ir-riforma tal-PAK tal-2021 se tippermetti li jsir kontribut sinifikanti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet aktar ambizzjużi.