Brussell, 14.12.2021

COM(2021) 791 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

skont l-Artikolu 278a tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi

{SWD(2021) 382 final}


Werrej

1.    Introduzzjoni    

2.    Sfond    

3.    Metodoloġija tal-proġett għas-sistemi elettroniċi tal-KDU    

4.    Ħarsa globali lejn il-progress bis-sistemi elettroniċi tal-KDU    

4.1    Proġetti li tlestew qabel l-2021    

4.2    Proġetti li għaddejjin bħalissa    

4.2.1    Proġetti trans-Ewropej    

4.2.2    Proġetti nazzjonali    

4.3    Riskji ta’ dewmien    

4.4    Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni    

5.    Sinteżi amministrattiva u konklużjonijiet    



1.Introduzzjoni

L-ewwel u t-tieni Rapporti Annwali ta’ Progress 1 mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) u d-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal 2 li jakkumpanjawhom ġew ippubblikati fit-13 ta’ Diċembru 2019 u fl-14 ta’ Diċembru 2020 rispettivament. Ir-rapport annwali ta’ din is-sena jelabora fuq il-progress kontinwat fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri 3 , u jiddeskrivi l-iżviluppi lejn ambjent doganali kompletament diġitali minn meta daħal fis-seħħ il-KDU. Għal dan il-għan, huwa jibbaża fuq il-Programm ta’ Ħidma tal-KDU (il-WP tal-KDU) 4 , li huwa meqjus bħala l-linja bażi għar-rapportar tal-progress.

Il-proġetti elenkati fil-WP tal-KDU jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji ta’ sistemi:

I)Ħdax-il sistema ċentrali trans-Ewropea li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati mill-Kummissjoni (li ħafna drabi jeħtieġu wkoll żviluppi jew aġġornamenti tas-sistemi nazzjonali mill-Istati Membri, skont l-arkitettura tas-sistema);

II)Tliet sistemi deċentralizzati trans-Ewropej li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati mill-Kummissjoni iżda li għandhom komponent nazzjonali ewlieni li jrid jiġi implimentat mill-Istati Membri; u

III)Tliet sistemi nazzjonali li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati esklussivament mill-Istati Membri.

Dan ir-rapport janalizza l-progress tanġibbli li sar għat-tliet tipi ta’ sistemi, filwaqt li jiddeskrivi l-objettivi li għandhom jintlaħqu minn kull proġett, l-arkitettura tal-proġett u l-approċċ tal-ippjanar. Fuq dik il-bażi, huwa jissottolinja d-dewmien potenzjali, fejn identifikat, kif ukoll il-miżuri ta’ mitigazzjoni previsti. Il-valutazzjoni ġenerali tal-progress tal-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU hija miġbura fil-qosor fil-konklużjoni ta’ dan ir-rapport (taqsima 5) u turi li fil-biċċa l-kbira, il-proġetti li fadal jinsabu fit-triq it-tajba biex jitlestew f’konformità mal-iskeda tal-ippjanar, għalkemm tenfasizza li xi riskji jeħtieġu azzjoni urġenti. Aktar dettalji dwar l-ippjanar u l-istatus ta’ kull proġett huma pprovduti f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 5 ppubblikat flimkien ma’ dan ir-rapport.

2.Sfond

Il-KDU daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016 u wara l-emenda tiegħu fl-2019 6 , stabbilixxa l-iskadenzi tal-2020, tal-2022 u tal-2025 għat-tlestija progressiva tal-proġetti f’termini ta’ tranżizzjoni u implimentazzjoni tal-IT. L-Artikolu 278 tal-KDU jistipula li s-sistemi eżistenti elettroniċi u dawk ibbażati fuq il-karta jistgħu jibqgħu jintużaw sabiex jitlestew il-formalitajiet doganali (l-hekk imsejħa “miżuri tranżizzjonali”) sakemm is-sistemi elettroniċi rilevanti ġodda jew aġġornati previsti taħt il-KDU jkunu operattivi. Il-miżuri tranżizzjonali jridu jieqfu ladarba s-sistemi elettroniċi rilevanti jkunu fis-seħħ.

Sabiex jappoġġa dan il-proċess kumpless ta’ tranżizzjoni elettronika lejn ambjent doganali diġitali sħiħ, il-WP tal-KDU jistabbilixxi skadenzi għal kull sistema elettronika (u l-fażijiet possibbli tagħha) matul il-perjodu 2020 sa 2025.

L-Artikolu 278(a) jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi rapport annwali dwar il-progress fit-tnedija tas-sistemi elettroniċi pendenti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ġabret informazzjoni dwar il-progress abbażi ta’ (1) pjanijiet nazzjonali li l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu darbtejn fis-sena (Jannar u Ġunju) u (2) stħarriġ iċċirkolat fost is-servizzi tagħha u fost l-Istati Membri sabiex tikseb stampa tal-progress. 

Dan ir-rapport annwali jkopri riflessjoni tal-istatus tal-progress miksub fit-30 ta’ Ġunju 2021, inkluż opinjoni dwar il-progress mistenni sa Diċembru 2021, sabiex ikun hemm stampa sħiħa tal-progress li sar fl-2021.

Dan ir-rapport fih ukoll analiżi bbażata fuq informazzjoni aktar dettaljata rrapportata mill-Istati Membri fil-qafas tal-programmi nazzjonali ta’ koordinazzjoni fis-seħħ mill-2020 għas-sistemi trans-Ewropej deċentralizzati ewlenin fil-qasam tat-tranżitu u tal-esportazzjoni.

Id-data miġbura tqabblet ukoll mad-data tal-2020 sabiex tiġi identifikata kwalunkwe bidla kbira. L-istħarriġ talab lill-maniġers tal-proġetti jindikaw kwalunkwe dewmien magħruf fl-ippjanar tas-sistemi elettroniċi tagħhom, ir-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien bħal dan u l-miżuri ta’ mitigazzjoni meħuda. Id-data miksuba mill-istħarriġ hija kemm kwantitattiva fil-forma ta’ skadenzi u ta’ stadji importanti li ntlaħqu jew li ma ntlaħqux, kif ukoll kwalitattiva fil-forma ta’ deskrizzjonijiet dettaljati dwar l-isfidi ffaċċjati, ir-riskji antiċipati u l-kumplessità stmata tal-proġetti.

3.Metodoloġija tal-proġett għas-sistemi elettroniċi tal-KDU

Il-ħidma tal-iżvilupp ta’ sistemi elettroniċi tinvolvi diversi stadji:

-L-ewwel nett, jitħejja argument għall-vijabbiltà, li jipprovdi l-ġustifikazzjoni tal-proġett u jiddefinixxi r-rekwiżiti baġitarji. Tipikament, l-argument għall-vijabbiltà jinkludi l-kuntest tan-negozju, id-deskrizzjoni tal-problema, id-deskrizzjoni/il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett, soluzzjonijiet alternattivi, il-kostijiet u l-iskeda taż-żmien;

-Imbagħad, jinħoloq dokument ta’ viżjoni, li jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar id-definizzjoni tal-proġett f’termini ta’ arkitettura, kost, ħin, u riskji, kif ukoll informazzjoni bħall-istadji importanti, ir-riżultati u l-organizzazzjoni tal-proġetti;

-Sussegwentement, isir l-immudellar tal-proċess tan-negozju, fejn il-proċessi tan-negozju mil-leġiżlazzjoni jiġu rrappreżentati viżwalment fi flussi tal-proċessi jew f’mudelli tal-proċessi biex jgħinu fl-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali għas-sistemi. Il-benefiċċju tar-rappreżentazzjoni viżiva tal-mudelli tal-proċess huwa li jiġu żgurati fehim u analiżi komuni;

-F’dan il-kuntest, jiġu żviluppati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, biex jiġi speċifikat kif se tinbena s-sistema, l-arkitettura li għandha tintuża, il-messaġġi li jridu jiġu sottomessi mill-operaturi ekonomiċi u mill-uffiċċji doganali, l-interfaċċi għal sistemi oħrajn, il-pjanijiet tal-ittestjar, eċċ.

-Imbagħad, il-proġetti jiġu implimentati f’fażijiet differenti, mill-preparazzjoni u mill-iżvilupp għall-kostruzzjoni, l-ittestjar tal-konformità, il-migrazzjoni u l-operazzjonijiet.

Fl-iżviluppi riċenti tal-proġetti tal-KDU, il-metodoloġija tal-proġett ġiet ottimizzata. L-immudellar tal-proċess tan-negozju, l-immudellar tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew żviluppati b’mod parallel u permezz ta’ kollaborazzjoni mill-qrib mill-bidu ma’ esperti minn amministrazzjonijiet legali, kummerċjali u tal-IT, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Amministrazzjonijiet Nazzjonali, u f’konsultazzjoni mar-rappreżentanti kummerċjali. Il-Kummissjoni qiegħda tadotta proċessi aktar aġli għall-iżvilupp ta’ sistemi elettroniċi tal-KDU, li jipprovdu funzjonalità inkrementali għall-utent permezz ta’ rilaxxi tas-software aktar rapidi u aktar maniġġabbli.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiltaqgħu regolarment biex jiddefinixxu u jaqblu fuq dawn id-dokumenti tal-proġett għal kull sistema trans-Ewropea (fil-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar id-Dwana Elettronika (ECCG)). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonsulta sistematikament lill-komunità kummerċjali permezz tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ. Sfida ewlenija hija li jiġi żgurat li s-sistemi eżistenti jkomplu jiffunzjonaw bla xkiel waqt li s-sistemi l-ġodda jkunu qegħdin jiġu żviluppati. Ladarba jkunu lesti, imbagħad huwa importanti ħafna li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mis-sistemi eżistenti għal dawk aġġornati. Dan huwa vitali biex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet kummerċjali u doganali ma jiġux affettwati.

4.Ħarsa globali lejn il-progress bis-sistemi elettroniċi tal-KDU

Il-WP tal-KDU fih sbatax-il proġett li jwasslu għat-tnedija tas-sistemi elettroniċi meħtieġa, inklużi erbatax-il sistema trans-Ewropea li għalihom hija responsabbli l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, u tlieta li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà unika tal-Istati Membri.

4.1Proġetti li tlestew qabel l-2021

Minn tmiem l-2021, il-Kummissjoni tista’ tirrapporta l-aġġornament jew it-tnedija b’suċċess ta’ tmien sistemi minn sbatax.

It-tmien sistemi trans-Ewropej li tlestew (sistemi ġodda jew aġġornamenti) huma kif ġej:

·Sistema tal-Esportatur Irreġistrat tal-KDU – REX (ġdida): Imnedija fl-2017.

·Deċiżjonijiet Doganali tal-KDU – CDS (ġodda): Imnedija fl-2017.

·Aċċess Dirett min-Negozjanti għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej tal-KDU – UUM u DS (Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u Firma Diġitali) (ġdida): Imnedija fl-2017.

·Sistema ta’ Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi tal-KDU 2 — EORI2 (aġġornament): Imnedija fl-2018.

·Sorveljanza 3 tal-KDU – SURV3 (aġġornament): Imnedija fl-2018.

·Informazzjoni Tariffarja Vinkolanti tal-KDU – BTI (aġġornament): Imnedija fl-2019.

·Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tal-KDU – AEO (aġġornament): Imnedija fl-2019.

·Folji ta’ Informazzjoni għall-Proċeduri Speċjali tal-KDU – INF (ġodda): Imnedija fl-2020.

Mid-disa’ proġetti l-oħrajn, sitta jikkonċernaw sistemi trans-Ewropej, li minnhom, tlieta kellhom l-ewwel tnedijiet fl-2021 (ara 4.2.1) għalkemm il-proġetti kienu għadhom ma tlestewx fit-totalità tagħhom. L-istess mod għat-tliet proġetti relatati mas-sistemi nazzjonali li għalihom, xi Stati Membri bdew joperaw (ara 4.2.2) għalkemm il-proġetti kienu għadhom ma tlestewx fit-totalità tagħhom (mill-Istati Membri kollha).

4.2Proġetti li għaddejjin bħalissa

Għad-disa’ proġetti li għaddejjin bħalissa, din it-taqsima tar-rapport tenfasizza l-kisbiet u l-progress sa tmiem l-2021 u turi l-kollaborazzjoni estensiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

4.2.1Proġetti trans-Ewropej

Rigward is-sitt proġetti trans-Ewropej, fl-2021 tħejjew sensiela ta’ dokumenti tal-proġett tal-IT u ntlaħaq qbil fuqhom bħala l-bażi għall-ħidma ta’ żvilupp tas-sistemi – ara hawn taħt il-progress għal kull proġett.

Dawn il-proġetti trans-Ewropej bl-arkitettura speċifika tagħhom, li xi drabi jeħtieġu kombinazzjoni ta’ komponenti ċentrali u nazzjonali u fażi tal-proġett waħda jew aktar, mistennija sal-31 ta’ Diċembru 2025 skont l-Artikolu 278(3) tal-KDU, huma deskritti u qed jagħmlu progress kif ġej:

1)Ġestjoni tal-Garanzija tal-KDUGUM (ġdida): għandha l-għan li tiżgura l-allokazzjoni u l-ġestjoni f’ħin reali tat-tipi differenti ta’ garanziji madwar l-UE. Il-veloċità tal-ipproċessar imtejba, it-traċċabbiltà u l-monitoraġġ tal-garanziji b’mod elettroniku bejn l-uffiċċji doganali huma mistennija li jwasslu għal identifikazzjoni aktar rapida ta’ każijiet fejn il-garanziji jitqiesu invalidi jew insuffiċjenti biex ikopru d-dejn imġarrab jew potenzjali.

Progress: L-argument għall-vijabbiltà għall-GUM trans-Ewropea dwar l-użu mill-ġdid ta’ sistema eżistenti biż-żieda ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-GUM, ġie approvat f’Settembru 2020. Il-mudelli tal-proċess u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali kif ukoll id-dokument ta’ viżjoni ġew iffinalizzati fl-2021.

Fid-dawl tal-istadji importanti legali fil-WP tal-KDU, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jitlestew sat-30 ta’ Settembru 2022 għall-Komponent 1 relatat mal-GUM trans-Ewropea u sat-30 ta’ Novembru 2024 għall-Komponent 2 relatat mas-sistema ta’ Ġestjoni Nazzjonali tal-Garanzija.

Fir-rigward tas-sistema ta’ Ġestjoni Nazzjonali tal-Garanzija, seba’ Stati Membri rrapportaw it-tnedija tas-sistema nazzjonali u żewġ Stati Membri oħrajn qed jagħmlu progress fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Dan jista’ jidher fit-Tabella 25 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

2)Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni tal-KDU 2ICS2 (aġġornament): għandha l-għan li ssaħħaħ is-sikurezza u s-sigurtà tal-katina tal-provvista billi ttejjeb il-kwalità tad-data, l-arkivjar tad-data, id-disponibbiltà tad-data u l-kondiviżjoni tad-data fir-rigward tan-notifiki ta’ qabel il-wasla (“Dikjarazzjonijiet fil-Qosor tad-Dħul”) u l-informazzjoni relatata dwar ir-riskju u l-kontroll. B’mod partikolari, il-proġett se jiffaċilita l-kollaborazzjoni fost l-Istati Membri fil-proċess tal-analiżi tar-riskju. Il-proġett se jiġi ppreżentat fi tliet rilaxxi biex jippermetti tranżizzjoni fattibbli għal kull mod tat-trasport.

(1)Rilaxx 1 ikopri l-obbligu tal-operaturi ekonomiċi rilevanti (operaturi postali u trasportaturi express fit-trasport bl-ajru) li jipprovdu d-data minima, jiġifieri s-sett ta’ data ta’ qabel it-tagħbija tad-Dikjarazzjoni fil-Qosor tad-Dħul (ENS). Il-fokus primarju tad-dwana f’din l-ewwel ħarġa huwa li tivvaluta r-riskju, tidentifika u ttaffi r-riskji tal-introduzzjoni potenzjali ta’ apparat splussiv jew inċendjarju improvvizzat (“bomba f’kaxxa”) fil-kunsinni tal-merkanzija bl-ajru u tal-posta bl-ajru, qabel ma l-merkanzija titgħabba fuq ajruplan f’pajjiż terz. Għalhekk, id-dwana tipprovdi, permezz tal-ICS2, saff komplementari ta’ sigurtà għar-reġim eżistenti ta’ sigurtà tal-avjazzjoni ċivili applikabbli għat-trasport tal-merkanzija u tal-posta lejn l-UE.

(2)Rilaxx 2 ikopri l-implimentazzjoni ta’ obbligi ġodda tal-ENS u proċessi relatati ta’ ġestjoni tan-negozju u tar-riskju għall-merkanzija kollha li tidħol fl-UE permezz tat-traffiku bl-ajru (żieda ta’ tipi ġodda ta’ operaturi ekonomiċi u arkivjar tal-ENS, kollegament għal arkivjar multiplu u notifiki tal-wasla) u l-kapaċità tal-Analitika tas-Sikurezza u s-Sigurtà.

(3)Rilaxx 3 jestendi dan għall-merkanzija kollha li tidħol fl-UE permezz tat-traffiku marittimu, tal-passaġġi fuq l-ilma interni, tat-toroq u tal-ferroviji (inkluż l-merkanzija f’kunsinni postali ttrasportati b’dawn il-mezzi ta’ trasport). Bir-Rilaxx 3, huma appoġġati l-modi kollha tat-trasport.

Progress: It-tnedija b’suċċess mill-Kummissjoni tal-komponenti żviluppati ċentralment tal-ICS2 – Rilaxx 1, jiġifieri l-Interfaċċa Kondiviża tan-Negozjanti, ir-Repożitorju Komuni u l-Istatistika tan-Negozju u l-Għodda ta’ monitoraġġ, fil-15 ta’ Marzu 2021 hija kisba sinifikanti.

Fir-rigward tal-livell ta’ tħejjija tal-komponenti żviluppati fuq livell nazzjonali tal-ICS2 tal-Istati Membri – Rilaxx 1, jiġifieri s-sistemi nazzjonali tad-dħul, jista’ jiġi rrapportat li s-27 Stat Membru kollha bdew l-operazzjonijiet f’Ottubru 2021 kif ippjanat (it-Taqsima 3.1.1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal) bil-kurriera express u bl-operaturi postali.

L-ewwel rilaxx huwa l-akbar proġett kummerċjali u tal-IT li qatt wettaq id-DĠ TAXUD, li jiżgura d-disponibbiltà 24/7 għall-operaturi ekonomiċi u għall-Istati Membri u jipproċessa l-akbar volum ta’ messaġġi kummerċjali b’ħin ta’ rispons ta’ sekondi biss. Barra minn hekk, din hija l-ewwel darba li d-DĠ TAXUD qiegħed juża ċertifikati diġitali għall-komunikazzjoni bejn is-sistemi. ICS2 – Rilaxx 1 iwassal ukoll statistika avvanzata dwar il-monitoraġġ u n-negozju għall-Istati Membri.

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem mal-Istati Membri u mal-Unjoni Postali Universali (UPU) għall-ġestjoni tal-impatt tan-nuqqas ta’ data elettronika minn operaturi ta’ pajjiżi terzi dwar il-formalitajiet tad-dħul li l-operaturi postali tal-UE jeħtieġ li jikkonformaw magħhom. Deroga temporanja u mmirata bbażata fuq l-Artikolu 6(4) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni tista’ tkun xierqa għal dan il-għan.

Aktar Rilaxxi:

Beda l-iżvilupp tar-Rilaxx 2, bl-użu tar-Rilaxx 1 bħala l-linja bażi. L-Istati Membri qegħdin jippreparaw l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi nazzjonali abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet komuni tal-UE pprovduti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni bdiet laqgħat ta’ koordinazzjoni biex tiżgura żvilupp bla xkiel tar-Rilaxx 2 u talbet lill-Amministrazzjonijiet Doganali Nazzjonali jipprovdu l-Pjanijiet tal-Proġett Nazzjonali jkopru informazzjoni kemm dwar is-sistemi nazzjonali tad-dħul kif ukoll dwar is-sistemi tal-operatur ekonomiku rilevanti.

Għar-Rilaxx 3, l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali ġew ippubblikati fit-tieni trimestru tal-2021. B’dan ir-rilaxx sejrin jiġu appoġġati l-modi kollha tat-trasport u l-Fażi 1 tal-ICS se tiġi eliminata gradwalment.

3)Prova tal-Istatus tal-Unjoni tal-KDUPoUS (ġdid): se jaħżen, jamministra u jirkupra l-provi kollha li juru li n-negozjanti jipprovdu l-istatus tal-Unjoni tal-merkanzija tagħhom. Dan il-proġett jista’ jitnieda jew b’mod ċentrali jew b’mod nazzjonali iżda bosta Stati Membri esprimew espliċitament l-intenzjoni tagħhom li jużaw is-sistema ċentrali żviluppata mill-Kummissjoni. Fid-dawl tad-dipendenza bejn l-implimentazzjoni tal-manifest tal-merkanzija doganali tal-KDU bħala prova tal-istatus tal-Unjoni u tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt Marittima Ewropew, il-proġett se jitlesta f’żewġ fażijiet sabiex tiġi evitata l-inkonsistenza u jitnaqqsu r-riskji.

Progress: Id-dokumenti li jagħtu ħarsa ġenerali lejn il-viżjoni u l-arkitettura tal-Fażi 1 (T2L/F) ġew approvati fit-30 ta’ Settembru 2020. Fl-2021 tnedew tliet pakketti separati ta’ rieżami estern li fihom dokumentazzjoni teknika. Hekk kif tiġi approvata d-dokumentazzjoni teknika (dan huwa stmat li jseħħ għal madwar Frar 2022), l-Istati Membri se jkunu jistgħu jibdew l-iżvilupp sabiex issir konnessjoni mas-sistema ċentrali. L-ispeċifikazzjonijiet funzjonali tal-Fażi 2 (CGM) ġew aċċettati fil-21 ta’ Ġunju 2021.

Għall-proġett, qiegħed jintuża approċċ ta’ żvilupp simili għal “agile”. Il-proġett qed jagħmel progress skont l-ippjanar stabbilit mill-Programm ta’ Ħidma tal-KDU. Bħal fir-rapport tas-sena l-oħra, dawk l-Istati Membri li jippreferu jużaw komponent tas-sistema nazzjonali rrapportaw li kellhom diffikultà biex jipprevedu jekk l-implimentazzjoni tagħhom hijiex se ssegwi l-iskeda ta’ żmien indikata fil-Programm ta’ Ħidma minħabba l-istadju bikri tal-proġett.

4)Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni tal-KDUCCI (ġdid): għandu l-għan li jippermetti li l-merkanzija titqiegħed taħt proċedura doganali bl-użu ta’ żdoganar ċentralizzat, u dan jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jiċċentralizzaw in-negozju tagħhom mill-perspettiva doganali. L-ipproċessar tad-dikjarazzjoni doganali u r-rilaxx fiżiku tal-merkanzija sejrin jiġu kkoordinati bejn l-uffiċċji doganali relatati. Is-sistema se tkun ibbażata fuq is-sistemi nazzjonali l-ġodda ta’ importazzjoni u se tippermetti l-funzjonament awtomatizzat tal-proċess ċentralizzat ta’ rilaxx fil-livell Ewropew.

Progress: Fir-rigward tas-CCI – Fażi 1, l-argument għall-vijabbiltà, id-dokument ta’ viżjoni, l-L4 BPMs, l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew approvati u huma f’allinjament mal-MASP-C 2019 u mal-WP tal-KDU. Pakkett aġġornat tad-dokumentazzjoni teknika ġie approvat fl-2021 taħt il-proċedura tal-ġestjoni tat-tibdil. L-iżvilupp tas-sistema beda, b’data pjanata tat-tnedija għall-Istati Membri li jinsabu fuq quddiem fl-2022. Tmien Stati Membri rrapportaw it-tlestija tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-Fażi 1 tagħhom filwaqt li ħdax oħra għadhom għaddejjin.

L-argument għall-vijabbiltà għas-CCI - Fażi 2 ġie ffinalizzat f’Ottubru 2019. Il-proċessi tan-negozju u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali għall-Fażi 2 ukoll tlestew fl-2020. Għadd ta’ dokumenti tekniċi ġew approvati internament fid-DĠ TAXUD bi preparazzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ pakkett ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi sat-30 ta’ Ġunju 2022 qabel id-data tat-tnedija pjanata għall-bidu tal-perjodu ta’ tnedija f’Ottubru 2023.

5)Sistema ta’ Tranżitu Kompjuterizzata Ġdida tal-KDUNCTS (aġġornament): Is-Sistema ta’ Tranżitu Kompjuterizzata Ġdida tallinja s-sistema eżistenti ta’ tranżitu tal-Unjoni u komuni mad-dispożizzjonijiet legali l-ġodda tal-KDU inkluż l-allinjament tal-iskambji ta’ informazzjoni mar-rekwiżiti tad-data tal-KDU u l-aġġornament u l-iżvilupp tal-interfaċċi ma’ sistemi oħrajn. Huwa ta’ importanza kritika li tiġi ggarantita l-kontinwità tal-operat tal-operazzjoni tal-NCTS matul l-aġġornament tal-NCTS.

Progress: L-NCTS – Il-proġett ta’ Fażi 5 bħalissa jinsab fit-triq it-tajba bit-tnedija b’suċċess mill-ewwel Stat Membru f’Marzu 2021. L-Istati Membri approvaw ukoll sett ġdid ta’ speċifikazzjonijiet li jkopru l-kwalità, l-appoġġ tekniku, il-kontinwità tal-operat, is-sigurtà u l-kapaċità tal-operazzjoni futura tal-NCTS-P5 (Ġestjoni tas-Servizzi, Ftehim dwar il-Livell tas-Servizz, Termini ta’ Referenza, Ġestjoni tal-kriżijiet, Pjan tal-Kapaċità, Pjan tas-Sigurtà). Dan huwa korp importanti ta’ xogħol li jirfed il-funzjonament tajjeb u d-disponibbiltà ta’ din is-Sistema trans-Ewropea. B’mod parallel, l-ittestjar intensiv mal-Istati Membri fis-sistema kollha, jikkonferma l-adegwatezza għall-użu u r-reżiljenza tal-ispeċifikazzjonijiet u tas-sistema ċentrali. Dan ikompli jnaqqas ir-riskji għall-aspetti tekniċi tat-tranżizzjoni b’mod aġli.

L-Istati Membri kollha kkonfermaw l-ippjanar tagħhom li se jibdew l-operazzjonijiet għall-NCTS-Fażi 5 matul il-perjodu ta’ tnedija mill-ewwel trimestru (Q1) tal-2021 sar-raba’ trimestru (Q4) tal-2023, f’allinjament sħiħ mal-WP tal-KDU. Dan jidher fl-Illustrazzjoni 1. Il-bar is-safra tindika l-limitu ta’ żmien għall-Istati Membri biex iħejju l-għeluq tas-sistema ta’ tranżitu eżistenti u biex jibdew joperaw dawk ġodda sabiex ikunu lesti għall-iskadenza legali indikata mill-bar il-ħamra.

Erbatax-il 7 Stat Membru rrapportaw li lestew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom għall-Fażi 5 tal-NCTS filwaqt li tmienja oħra għadhom għaddejjin.

Illustrazzjoni 1 – NCTS – Fażi 5 Bidu għall-operazzjoni tal-Amministrazzjonijiet Nazzjonali

Għall-NCTS - Fażi 6, l-argument għall-vijabbiltà u d-dokument ta’ viżjoni ġew iffinalizzati b’mod parallel sa tmiem l-2021. Minħabba li l-Istati Membri ħtieġu aktar informazzjoni biex jieħdu deċiżjoni infurmata, qed jitwettaq ukoll studju tekniku.

6)Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni tal-KDUAES (aġġornament kemm tas-sistema trans-Ewropea eżistenti (il-Komponent 1 tal-proġett) u tas-Sistemi Nazzjonali tal-Esportazzjoni eżistenti (il-Komponent 2 tal-proġett)): għandha l-għan li timplimenta r-rekwiżiti tal-KDU għall-esportazzjoni u għall-ħruġ tal-merkanzija. Il-proġett relatat mal-AES trans-Ewropea jinvolvi l-implimentazzjoni tas-simplifikazzjonijiet tal-KDU offruti għall-kummerċ sabiex tiġi ffaċilitata l-esportazzjoni tal-merkanzija għall-kumpaniji Ewropej, bħall-iżdoganar ċentralizzat għall-esportazzjoni, u l-obbligi tal-KDU biex tiġi mmonitorjata aħjar il-merkanzija li toħroġ mit-territorju doganali tal-UE, għall-prevenzjoni tal-frodi. Huwa ta’ importanza kritika li tiġi ggarantita l-kontinwità tal-operat għall-operazzjonijiet tal-esportazzjoni matul l-aġġornament tal-AES.

Progress: L-AES trans-Ewropea – Komponent 1 bħalissa jinsab fit-triq it-tajba bit-tnedija b’suċċess mill-ewwel Stat Membru f’Marzu 2021. L-Istati Membri approvaw ukoll sett ġdid ta’ speċifikazzjonijiet li jkopru l-kwalità, l-appoġġ tekniku, il-kontinwità tal-operat, is-sigurtà u l-kapaċità tal-operazzjonijiet futuri tal-AES (Ġestjoni tas-Servizzi, Ftehim dwar il-Livell tas-Servizz, Termini ta’ Referenza, Ġestjoni tal-kriżijiet, Pjan tal-Kapaċità, Pjan tas-Sigurtà). Dan huwa korp importanti ta’ xogħol li jirfed il-funzjonament tajjeb u d-disponibbiltà ta’ din is-Sistema trans-Ewropea. Qegħdin jiġu ppreparati wkoll gwida tan-negozju u materjal ta’ tagħlim elettroniku. B’mod parallel, l-ittestjar intensiv mal-Istati Membri fis-sistema kollha, jikkonferma l-adegwatezza għall-użu u r-reżiljenza tal-ispeċifikazzjonijiet u tas-sistema ċentrali. Dan ikompli jnaqqas ir-riskji għall-aspetti tekniċi tat-tranżizzjoni b’mod aġli.

L-Istati Membri kollha kkonfermaw l-ippjanar tagħhom li jibdew l-operazzjonijiet għall-AES matul il-perjodu ta’ tnedija mill-ewwel trimestru (Q1) tal-2021 sar-raba’ trimestru (Q4) tal-2023, f’allinjament sħiħ mal-WP tal-KDU. Dan huwa muri fl-Illustrazzjoni 2. Il-bar is-safra tindika l-limitu ta’ żmien għall-Istati Membri biex iħejju l-għeluq tas-sistemi eżistenti ta’ esportazzjoni u jibdew joperaw dawk ġodda sabiex ikunu lesti għall-iskadenza legali indikata mill-bar il-ħamra.

Illustrazzjoni 2 – AES – Fażi 1 bidu tal-operazzjoni tal-Amministrazzjonijiet Nazzjonali

Biex tiġbor fil-qosor l-istatus tas-sitt proġetti trans-Ewropej li fadal, il-Kummissjoni tinsab fit-triq it-tajba biex tissodisfa l-iskadenzi legali miftiehma fil-kuntest tal-KDU u tal-WP tal-KDU, u l-istadji importanti tal-proġett stabbiliti fil-Pjan Strateġiku Pluriennali għad-Dwana (MASP-C) tal-2019. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-Istati Membri jinsabu wkoll fit-triq it-tajba, madankollu ħames Stati Membri indikaw dewmien fit-tnedija ta’ xi sistemi li jvarjaw minn xahar għal aktar minn sentejn f’każ wieħed 8 . Żewġ Stati Membri indikaw li wara t-tnedija se jippermettu lin-negozjanti tagħhom perjodu ta’ tranżizzjoni itwal, sabiex issir konnessjoni mas-sistemi tagħhom, minn dak li huwa legalment definit – wieħed b’xahar u l-ieħor b’sena 9 . Minħabba li s-sistemi kkonċernati huma ppjanati għall-2023, għall-2024 u għall-2025 għad fadal żmien biex jittieħdu azzjonijiet ta’ mitigazzjoni biex jiġi indirizzat id-dewmien attwalment previst. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib ma’ dawk l-Istati Membri għal dan il-għan.

Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġi enfasizzat li fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU, il-Kummissjoni se tkun wettqet madwar 84 % tal-attivitajiet tagħha sa Diċembru 2021. Dan jirrappreżenta żieda mid-79 % irrapportati s-sena l-oħra tat-totalità tal-ħidma ta’ żvilupp tagħha li għandha titlesta sal-2025. Dan il-perċentwal huwa bbażat fuq indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-attivitajiet assenjati biss lill-Kummissjoni u ma jirriflettix l-attivitajiet imwettqa mill-Istati Membri. Fil-ħarsa ġenerali ta’ hawn taħt, wieħed jista’ jsib il-prospetti fid-dawl tal-progress u tal-ippjanar tad-DĠ TAXUD.

Illustrazzjoni 3 – Approssimazzjoni tal-perċentwal tat-tlestija tal-attivitajiet ta’ żvilupp tal-Kummissjoni

4.2.2Proġetti nazzjonali

L-Istati Membri għandhom ilestu l-aġġornament tat-tliet sistemi nazzjonali tagħhom sal-2022. Dan jeskludi l-komponent ta’ esportazzjoni tas-sistema nazzjonali tal-Proċeduri Speċjali, li għaliha l-attività u l-ippjanar huma interkonnessi mas-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES), u l-komponent ta’ garanzija nazzjonali bħala parti mill-proġett GUM.

It-tliet sistemi tal-Istati Membri li jridu jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2022 skont l-Artikolu 278(2) tal-KDU huma kif ġej:

1)Notifika tal-Wasla, Notifika ta’ Preżentazzjoni u Ħażna Temporanja tal-KDU (NA, PN u TS) – (aġġornament): tiddefinixxi l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi fil-livell nazzjonali fir-rigward tan-Notifiki tal-Wasla tal-mezzi tat-trasport, tal-Preżentazzjoni tal-merkanzija u tad-dikjarazzjonijiet għall-Ħażna Temporanja, kif deskritt fil-KDU. Dan il-proġett jappoġġa l-armonizzazzjoni fl-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju tad-data bejn il-kummerċ u d-dwana.

Progress: Il-Belġju stabbilixxa inizjattiva ta’ kollaborazzjoni ma’ 12-il Stat Membru ieħor interessat sabiex iħejji l-ispeċifikazzjonijiet. Tim ta’ esperti, kofinanzjat mill-Programm Doganali, se jkompli jikkollabora biex iwassal id-dokumentazzjoni funzjonali u teknika u l-pakketti ta’ testijiet ix-xierqa. NA, PN u TS tlestew minn Stat Membru wieħed, sitt Stati Membri u erba’ Stati Membri, rispettivament. Minħabba n-natura tal-iżvilupp, xi Stati Membri ddeċidew li jagħmlu użu mill-ICS2 – Rilaxx 2 biex jimplimentaw ir-rekwiżiti għan-Notifika tal-Wasla, li fl-aħħar mill-aħħar wassal biex xi dati ppjanati qabżu l-iskadenza tal-WP tal-KDU.

2)Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni tal-KDUNIS (aġġornament): għandhom l-għan li jimplimentaw ir-rekwiżiti kollha tal-proċess u tad-data li jirriżultaw mill-KDU li jirrigwardaw l-importazzjonijiet. L-Istati Membri jridu jiżviluppaw speċifikazzjonijiet tekniċi fil-livell tagħhom bħala l-ewwel pass lejn it-tlestija tas-sistemi.

Progress: Ħmistax-il Stat Membru lestew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom. Tnejn għadhom ma bdewx u Stat Membru ieħor ma pprovdiex informazzjoni. L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ tnejn, jinsabu fit-triq it-tajba biex jiksbu l-istadju importanti tal-operazzjonijiet tal-2022.

3)Proċeduri Speċjali tal-KDUSP (aġġornament): għandhom l-għan li jarmonizzaw u li jiffaċilitaw proċeduri speċjali (ħażna doganali, użu aħħari, dħul temporanju u pproċessar attiv u passiv). L-Istati Membri se jkollhom jimplimentaw il-bidliet kollha meħtieġa tal-KDU għal dawn il-proċeduri speċjali fis-sistemi nazzjonali tagħhom. L-ewwel komponent (tal-esportazzjoni) tal-SP se jiġi implimentat skont u bħala parti mill-proġett tas-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES) tal-KDU (bi skadenza għat-tnedija sal-2025), filwaqt li t-tieni komponent (tal-importazzjoni) se jkun parti mill-aġġornament tal-proġett tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni tal-KDU (bi skadenza għat-tnedija fl-2022).

Progress: Disa’ Stati Membri lestew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom għall-Komponent SP 1 filwaqt li erbatax lestewhom għall-Komponent 2. Jeżistu interdipendenzi mal-AES u l-Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni. Sa issa, ma ġie rrapportat l-ebda dewmien mill-Istati Membri u l-Istati Membri kollha jinsabu fit-triq it-tajba bl-ewwel skadenza tkun l-2022.

Fil-qosor fir-rigward tas-sistemi nazzjonali, l-Istati Membri qed jagħmlu sforzi qawwija, xi drabi permezz ta’ kollaborazzjoni intensa, biex isir progress fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti għall-NA/PN/TS, l-aġġustamenti għas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni u l-Proċeduri Speċjali interrelatati. Hekk kif l-iskadenza għat-tnedija qiegħda toqrob, il-31 ta’ Diċembru 2022 għat-tlieta li huma, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni, b’mod partikolari s-sitt Stati Membri li ma setgħux jikkonfermaw tnedija f’waqtha għall-NA, l-erba’ Stati Membri għall-PN, it-tliet Stati Membri għat-TS u ż-żewġ Stati Membri għall-NIS kif muri fit-tabelli 14, 15, 16 u 18 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.

4.3Riskji ta’ dewmien

Il-Kummissjoni qiegħda tagħmel progress ġmielu fl-iżviluppi taħt ir-responsabbiltà tagħha u ma mmaterjalizza jew ġie identifikat l-ebda dewmien lil hinn mill-iskadenzi legali. Barra minn hekk, ma ġie rrapportat l-ebda riskju kbir li jwassal għal dewmien fit-tnedija. 

L-Istati Membri qegħdin ukoll javvanzaw b’mod sinifikanti bl-iżviluppi taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Madankollu, kif iddikjarat fit-taqsima 4.2.2, xi Stati Membri rrapportaw xi dewmien lil hinn mill-iskadenzi legali. It-tabelli fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ appoġġ, fejn wieħed jista’ jara d-dewmien irrapportat mill-Istati Membri, jissemmew għal kull proġett elenkat hawn taħt.

·Għall-implimentazzjoni tan-Notifika tal-Wasla, l-Istati Membri li ġejjin għandhom data pjanata tal-operazzjonijiet li hija aktar tard mill-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU: il-BE, il-BG, l-EE, ES, in-NL u l-SE (Tabella 14). B’mod aktar speċifiku, tlieta minn dawn l-Istati Membri (BG, EE u ES) irrapportaw li se jużaw l-NA integrata fl-ICS2 – Rilaxx 2 (tnedija pjanata għall-1 ta’ Marzu 2023). Għal BE u n-NL, id-dewmien huwa limitat għal xahrejn. Il-DE u l-IE mmarkati bħala mhux applikabbli u ma ġiet ipprovduta l-ebda data pjanata mid-DK, MT u s-SK.

·Għall-implimentazzjoni tan-Notifika tal-Preżentazzjoni, l-Istati Membri li ġejjin indikaw data pjanata tal-operazzjonijiet għall-PN li hija aktar tard mill-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU: il-BE, l-EE, in-NL u l-SE (Tabella 15). B’mod aktar speċifiku, għall-BE u n-NL, id-dewmien stmat huwa limitat għal xahrejn. L-EE u l-SE qed jippjanaw li jkollhom tnedija tas-sistema nazzjonali tagħhom fil-ħin iżda l-migrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi kollha tkun gradwali u tispiċċa wara l-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2022. Ma ġiet ipprovduta l-ebda data pjanata mill-PL, r-RO u s-SK.

·Għall-implimentazzjoni tal-Ħażna Temporanja, l-Istati Membri li ġejjin indikaw data pjanata għall-operazzjonijiet li hija xahrejn wara l-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU: il-BE, l-EE u n-NL (Tabella 16). Il-BE u n-NL irrapportaw dewmien ta’ trimestru wieħed; l-EE jkollha tnedija f’waqtha tas-sistema tagħha iżda l-migrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi kollha tkun gradwali u tintemm wara l-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2022. Ma ġiet ipprovduta l-ebda data pjanata mid-DK, il-PL, ir-RO jew is-SK.

·Għall-implimentazzjoni tal-Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni, l-Istati Membri li ġejjin indikaw data pjanata tal-operazzjonijiet li hija aktar tard mill-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU: il-BE (limitat għal ftit jiem) u MT (2 trimestri) (Tabella 18). Ma ġiet ipprovduta l-ebda data pjanata mid-DK, il-PL, ir-RO jew is-SK. Barra minn hekk, il-GR u l-LT rrapportaw li għadhom ma bdewx bl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu jkunu wkoll problematiċi f’termini ta’ progress miksub fid-dawl tal-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2022.

·Għall-implimentazzjoni tal-ICS2 – Rilaxx 2, l-Istat Membru li ġej għandu data pjanata għat-tnedija li hija aktar tard mill-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU: MT (Tabella 28). Ma ġiet ipprovduta l-ebda data pjanata mill-BE, il-GR, l-IT, jew ir-RO.

·Għall-implimentazzjoni tal-PoUS – Fażi 1, l-Istati Membri li ġejjin indikaw data pjanata għat-tnedija li hija aktar tard mill-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU: CZ u HU (Tabella 32). Ma ġiet ipprovduta l-ebda data pjanata mill-BE, id-DK, il-GR, l-IT, il-LT, MT, jew il-PL.

·Għall-implimentazzjoni tas-CCI – Fażi 1, l-Istat Membru li ġej indika data pjanata għat-tnedija u għall-operazzjonijiet li hija aktar tard mill-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma tal-KDU: il-DE (Tabella 36). Dan l-ippjanar huwa aktar tard meta mqabbel mar-rapport tal-2020. Il-DE indikat li l-arkitettura u l-infrastruttura attwali tas-sistema nazzjonali ta’ importazzjoni ma humiex biżżejjed u jeħtieġu tiġdid u modernizzazzjoni fundamentali sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tas-CCI tal-KDU, ara t-Taqsima 4.7 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. Ma ġiet ipprovduta l-ebda data pjanata mill-SE.

·Għall-implimentazzjoni tas-CCI – Fażi 2, l-Istati Membri li ġejjin indikaw data pjanata għall-operazzjonijiet li hija aktar tard mill-iskadenza fil-Programm ta’ Ħidma: il-DE (Tabella 37). Id-data pjanata għat-tnedija mill-DE f’dik it-tabella hija xahar wara d-data fil-mira stabbilita fil-WP u se tkun qed tipprovdi perjodu ta’ migrazzjoni li jintemm fit-30 ta’ Ġunju 2026. Madankollu, wara l-ġbir tad-data fit-Tabella 37, il-DE indikat li għandha l-ħsieb li timplimenta l-Fażi 2 fi ħdan il-perjodu ta’ tnedija tal-WP tal-KDU. Il-DE spjegat li dan il-proġett se jiġi implimentat fir-rilaxx ewlieni tas-Sistema nazzjonali tagħhom tal-IT ATLAS (Rilaxx 10.3) li għalih l-attivitajiet preparatorji għadhom ma bdewx. Ma ġiet ipprovduta l-ebda data pjanata mill-BE jew mill-SE.

·Għall-implimentazzjoni tal-NCTS-5 u tal-AES-P1, filwaqt li l-Istati Membri qed jagħmlu progress tajjeb u l-Istati Membri kollha kkonfermaw li se jkunu lesti sal-1 ta’ Diċembru 2023, hemm evidenza dejjem akbar li bosta jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet konsiderevoli biex jissodisfaw l-impenji tagħhom minħabba bidu tard, diffikultajiet ta’ akkwist, dewmien fl-implimentazzjoni, riżorsi insuffiċjenti, il-COVID-19 u tranżizzjoni kummerċjali.

Kollettivament, l-Istati Membri laħqu 26 % tal-istadji importanti ta’ tranżizzjoni, minn 18 % sa tmiem l-2020 u dan jenfasizza l-progress sinifikanti. Madankollu, dan huwa inqas mis-36 % antiċipati. Għadd sinifikanti ta’ Stati Membri qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jissodisfaw l-obbligi legali. It-tranżizzjoni tal-Istati Membri diġà nbidlet b’aktar minn trimestru minn tmiem l-2020 u tista’ tkompli tonqos minħabba li 40 % tal-Istati Membri bħalissa qed jirrevedu l-pjanijiet nazzjonali tagħhom u oħrajn qed jiffaċċjaw diffikultajiet sinifikanti biex jiksbu r-riżorsi meħtieġa. Il-Kummissjoni tqis li nofs il-pjanijiet tal-Istati Membri jippreżentaw riskji serji għat-tnedija ordnata u f’waqtha tal-AES-P1 u l-NCTS-5 sal-iskadenza tal-1 ta’ Diċembru 2023. Din is-sitwazzjoni tista’ tesponi l-iskadenza jekk titħalla mingħajr rispons dinamiku u b’saħħtu mill-Istati Membri. Huwa essenzjali li l-Istati Membri kollha jkunu lesti fil-ħin b’kontinġenza xierqa biex jibdew jaħdmu b’mod sħiħ fl-1 ta’ Diċembru 2023.

·Għall-implimentazzjoni tal-NCTS-P6, l-Istati Membri esprimew xi tħassib dwar l-ippjanar minħabba li l-allinjament ħażin tad-dati għat-tnedija tal-NCTS-P6 u tal-ICS2 - Rilaxx 3 kif rifless fil-MASP-C u l-Programm ta’ Ħidma tal-KDU joħloq diffikultajiet fl-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni ħadet l-azzjonijiet meħtieġa biex issolvi l-kwistjoni, filwaqt li żżomm mad-dati tal-iskadenzi stabbiliti fil-KDU.

·Għall-implimentazzjoni tal-komponent nazzjonali 2 tal-GUM, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qegħdin jippjanaw tnedija u operazzjoni fil-ħin, ħlief għall-FI u FR (madwar xahar ta’ dewmien) (Tabella 25). Minħabba li din hija waħda mis-sistemi li jridu jiġu implimentati biss sal-2025 u d-dewmien irrapportat huwa limitat, għad fadal żmien biex jiġi indirizzat dan ir-riskju.

Min-naħa tal-Istati Membri, għadd ta’ riskji ġenerali jkomplu jiġu ripetuti sena wara sena. Sors kontinwat ta’ diffikultajiet huwa n-nuqqas ta’ riżorsi tagħhom u l-ħtieġa għal aktar integrazzjoni tal-proġetti tal-KDU. Huma pprovdew ukoll diversi azzjonijiet ta’ mitigazzjoni biex jiġi evitat dewmien fil-bidu tal-operazzjonijiet. Għandu jiġi nnotat li r-riskju mill-Istati Membri ġie kkunsidrat flimkien ma’ fatturi esterni oħra (ara t-Tabelli 12, 13, 17, 34, 35 u 38 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport). Barra minn hekk, fir-Rapport Annwali tal-Progress tal-2020, l-Istati Membri diġà indikaw id-diffikultajiet biex jissodisfaw l-obbligi fuq is-sistemi doganali imposti mill-pakkett tal-kummerċ elettroniku adottat fil-5 ta’ Diċembru 2017 10 . Bil-posponiment tar-regoli l-ġodda b’sitt xhur (01/01/2021 sa 01/07/2021), l-Istati Membri kellhom aktar żmien biex jissodisfaw l-iskadenzi legali għall-iżviluppi nazzjonali, għalkemm ftit Stati Membri rrapportaw impatt kollaterali tal-inizjattiva tal-kummerċ elettroniku tal-VAT fuq l-implimentazzjoni tal-KDU. Ħames Stati Membri rrapportaw il-ħtieġa għall-ippjanar mill-ġdid ta’ xi attivitajiet tal-KDU u għat-titjib tal-pjattaformi u għall-appoġġ għas-sistemi tal-IT.

Fir-rigward tal-isfidi li rriżultaw minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni rrapportat mill-ġdid li għall-attivitajiet tagħha stess, ma għandu jiġi nnotat l-ebda impatt. L-Istati Membri rrapportaw li kien hemm pressjoni addizzjonali fuq l-ippjanar nazzjonali tagħhom u fuq l-għadd ta’ riżorsi umani disponibbli internament u esternament (kuntratturi tal-IT u operaturi ekonomiċi).

Bħala konklużjoni, il-valutazzjoni tar-riskji ewlenin għall-implimentazzjoni f’waqtha tas-sistemi tal-KDU żvelat li r-riskji jinsabu l-aktar fuq in-naħa tal-Istati Membri u huma marbuta mar-restrizzjonijiet tar-riżorsi, il-kumplessità tal-proġetti u l-integrazzjoni tagħhom, l-akkwist u l-kwistjonijiet kuntrattwali tagħhom u xi fatturi esterni bħall-pandemija tal-COVID-19. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri biex jevitaw li r-riskji jimmaterjalizzaw f’dewmien fit-tnedija tas-sistemi elettroniċi kif deskritt fit-taqsima 4.4 hawn taħt.

4.4Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni

Minbarra l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni li bdew fl-2020 biex jitnaqqas ir-riskju fuq l-instabbiltà tad-data, il-Kummissjoni adottat l-emendi meħtieġa għall-AD-KDU 11 u għall-AI-KDU 12 fis-7 ta’ Diċembru 2020 u fit-8 ta’ Frar 2021 rispettivament u ppubblikathom f’Il-Ġurnal Uffiċjali (ĠU) fit-23/02/2021, filwaqt li daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Marzu 2021. B’dawn l-emendi, ir-rekwiżiti tad-data tal-Anness B huma stabbilizzati għal implimentazzjoni ulterjuri fis-sistemi elettroniċi. Matul l-2021, ġie stabbilit eżerċizzju annwali tal-ġestjoni tat-tibdil fl-Anness B biex jiġu trattati korrezzjonijiet ulterjuri possibbli.

Sabiex tippermetti l-implimentazzjoni f’waqtha tal-IT tal-KDU u tal-MASP-C, il-Kummissjoni stabbiliet kuntratt qafas ġdid fl-2021 għall-esternalizzazzjoni esterna tal-attivitajiet ta’ żvilupp tagħha tal-IT, li jinkorpora perkors ta’ modernizzazzjoni tal-IT ibbażat fuq l-innovazzjoni u l-aġilità. Il-proċess ta’ modernizzazzjoni tal-IT li għaddej fid-DĠ TAXUD jippermetti soluzzjonijiet aktar malajr, ħidma parallela u ammont ta’ xogħol aktar ibbilanċjat billi jinqasam f’pakketti ta’ ħidma u iterazzjonijiet iżgħar. Il-mekkaniżmu għal kollaborazzjoni msaħħa bejn il-partijiet ikkonċernati kollha mill-bidu tal-proġetti jkompli jtejjeb il-kwalità tal-attivitajiet preparatorji u jevita d-diffikultà fit-teħid tad-deċiżjonijiet u r-rekwiżiti addizzjonali fi stadji aktar tard.

F’termini ta’ monitoraġġ tal-progress tal-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU, intużaw diversi strumenti mill-Kummissjoni.

L-ewwel nett, id-dashboard tal-Pjan Strateġiku Pluriennali għad-Dwana (MASP-C) għadu jintuża għat-traċċar tal-progress tal-proġetti kollha li għaddejjin bħalissa sabiex il-Kummissjoni tidentifika dewmien potenzjali fi stadju bikri. Il-linja bażi għall-istadji importanti tad-dashboard hija l-MASP-C 2019 u l-WP tal-KDU 2019. Id-dashboard huwa ppreżentat fuq bażi trimestrali lill-Istati Membri (il-Grupp Elettroniku ta’ Koordinazzjoni Doganali) u lill-komunità kummerċjali (il-Grupp ta’ Kuntatt Kummerċjali) għal skopijiet ta’ informazzjoni u ta’ tmexxija.

It-tieni nett, il-Kummissjoni stabbiliet programmi ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ għas-sistemi deċentralizzati trans-Ewropej.

Pereżempju, għall-implimentazzjoni tal-programm ICS2, il-Kummissjoni kompliet bl-“attivitajiet ta’ koordinazzjoni trans-Ewropej tal-ICS2” 13 biex tiżgura t-tnedija b’suċċess tal-ICS2 – Rilaxx 1. Imbagħad il-fokus mexa mill-ICS2 – Rilaxx 1 għar-Rilaxxi 2 u 3. Il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ lill-Istati Membri u lill-operaturi ekonomiċi fl-attivitajiet ta’ żvilupp tagħhom permezz ta’ sett ta’ attivitajiet li kienu jinkludu:

·L-organizzazzjoni ta’ webinars li jinvolvu parteċipanti mill-Istati Membri, operaturi ekonomiċi u organizzazzjonijiet internazzjonali minbarra l-għoti ta’ materjal ta’ gwida;

·Il-monitoraġġ mill-qrib u kontinwu, l-appoġġ għall-koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ testijiet tal-konformità u l-istimulazzjoni ta’ amministrazzjonijiet nazzjonali u ta’ operaturi ekonomiċi biex jikkoordinaw il-proġetti individwali tagħhom;

·Sessjonijiet ta’ taħriġ online u materjal ta’ taħriġ, kampanji ta’ komunikazzjoni, inkluż il-ħolqien ta’ kontenut tal-ICS2 fuq is-sit web Europa, kampanja tal-media soċjali u komunikazzjoni diretta lill-partijiet ikkonċernati u lill-multiplikaturi;

·Laqgħat bilaterali ma’ dawk l-Istati Membri li ġew ittardjati u li qabżu d-data mistennija biex jibdew l-operazzjoni mill-15 ta’ Marzu 2021 b’konformità mal-WP tal-KDU. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri affettwati ddiskutew l-azzjonijiet u l-miżuri ta’ mitigazzjoni meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni tar-Rilaxx 1 mill-aktar fis possibbli u qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tnedija (1 ta’ Ottubru 2021) definit fil-WP tal-KDU. Il-perjodu ta’ tnedija mill-15 ta’ Marzu 2021 sal-1 ta’ Ottubru 2021 jista’ jingħata lill-operaturi ekonomiċi biex issir konnessjoni mal-ICS2 u jibdew jissottomettu l-ENS fl-ICS2.

Anki għas-sistemi trans-Ewropej NCTS-P5 u AES, il-Kummissjoni kompliet bil-“programm ta’ koordinazzjoni u monitoraġġ tal-Amministrazzjoni Nazzjonali” bl-użu ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta regolarment il-progress u tiġbed l-attenzjoni. Il-monitoraġġ trimestrali jinkludi l-istabbiliment ta’ stadji importanti interim għal kull proġett (pereżempju stadji importanti li bihom kien jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jlestu l-ittestjar tal-konformità). Dan il-monitoraġġ mill-qrib huwa meħtieġ sabiex jagħmel it-tnedija tas-sistemi deċentralizzati trans-Ewropej maniġġabbli u biex jiġu evitati kostijiet addizzjonali għat-tħaddim ta’ sistemi qodma u ġodda fil-każ ta’ perjodu ta’ tnedija estiż.

Barra minn hekk, sabiex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp u fit-tnedija tal-komponenti nazzjonali tagħhom għas-sistemi trans-Ewropej NCTS-P5 u AES, il-Kummissjoni estendiet dan il-programm ta’ koordinazzjoni fl-2021 b’appoġġ u kkowċjar personalizzat għal kull wieħed mill-Istati Membri, biex tgħinhom ineħħu r-riskju mill-proġetti nazzjonali u tipprovdihom b’esperjenza ta’ ttestjar bla xkiel, iħaffu l-preparazzjoni tagħhom u jtaffu r-riskji tekniċi filwaqt li jkunu qed iniedu s-sistemi nazzjonali tagħhom fis-sistemi trans-Ewropej. Il-Kummissjoni stabbiliet programm ambizzjuż ta’ taħriġ. Il-Programm ta’ Koordinazzjoni wera li huwa strumentali biex jinżamm livell għoli ta’ trasparenza dwar il-progress tal-Istati Membri u biex jirrapporta dwar il-progress kollettiv tal-Istati Membri. Ir-riżultati miksuba matul is-snin 2020 u 2021 jistgħu jinstabu fit-taqsima 4.8.1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. Ir-riżultati ta’ dawn il-programmi jġibu magħhom informazzjoni siewja dwar il-progress u se jkomplu jintużaw għar-Rapporti ta’ Progress Annwali futuri.

Fir-rwol ta’ koordinazzjoni tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat il-progress u r-riskji għall-Istati Membri u ħeġġet lid-Diretturi Ġenerali tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet. L-Istati Membri li qegħdin jippjanaw li jibdew joperaw matul l-aħħar żewġ trimestri tal-2023 ġew mistiedna jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex javvanzaw il-pjanijiet tagħhom u jneħħu r-riskju għalihom biex jiġi evitat milli jispiċċaw idewmu t-tmiem tat-tranżizzjoni li huwa ppjanat għall-1 ta’ Diċembru 2023 bi ħsara għall-Istati Membri li investew biex jaħsdu l-benefiċċju sħiħ tal-KDU minn din id-data.

Matul l-2021, il-Kummissjoni appoġġat ukoll lill-Istati Membri li esprimew tħassib dwar l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni organizzat laqgħat bilaterali biex tiddiskuti t-tħassib u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri individwali li inkludew l-għoti ta’ kjarifiki dwar kwistjonijiet legali rilevanti għall-iżviluppi nazzjonali tagħhom, kif ukoll l-għoti ta’ appoġġ biex jitwieġbu l-mistoqsijiet imressqa matul l-analiżi tan-negozju u tal-IT u tal-iżvilupp imwettaq mill-Istati Membri. Xi Stati Membri setgħu javvanzaw l-ippjanar tagħhom u jnaqqsu r-riskju ta’ dewmien. Oħrajn komplew il-ħidma ta’ kollaborazzjoni intensa tagħhom għall-implimentazzjoni tal-proġett AN/PN/TS u biex jingħaqdu flimkien fit-Tim ta’ Esperti. Il-Kummissjoni tkompli bil-finanzjament mill-Programm Doganali għat-Tim ta’ Esperti dwar approċċi ġodda biex jiġu żviluppati u operati s-sistemi tal-IT Doganali (ETCIT).

Barra minn hekk, l-Istati Membri semmew it-tipi ta’ azzjonijiet ta’ mitigazzjoni li ġejjin: l-użu ta’ metodoloġija ta’ żvilupp ta’ Agile, l-esternalizzazzjoni ta’ aktar attivitajiet ta’ żvilupp, il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali, il-qsim tal-proġetti f’diversi stadji u l-prijoritizzazzjoni ta’ ambitu ewlieni u potenzjalment it-tibdil tal-istruttura organizzazzjonali mal-fornituri tagħhom biex jinkiseb proċess ta’ żvilupp aktar effiċjenti.

Il-Kummissjoni timmonitorja s-sitwazzjoni regolarment u se tkompli tagħmel dan, permezz ta’ kuntatti bilaterali biex tifhem il-problemi, tgħin fejn possibbli u tenfasizza lill-Istati Membri kkonċernati l-ħtieġa li jiġi mmitigat ir-riskju ta’ dewmien.

Id-Diretturi Ġenerali tal-Amministrazzjonijiet Nazzjonali ġew infurmati fil-Grupp tal-Politika Doganali dwar il-ħtieġa ta’ monitoraġġ trimestrali għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT kollha, mhux biss trans-Ewropej. Dan se jżid ir-rapportar attwali li jsir darbtejn fis-sena tal-informazzjoni nazzjonali dwar l-ippjanar ipprovdut skont l-Artikolu 278a(4) tal-KDU fit-tħejjija għall-perjodu kritiku għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-bidliet fis-sistemi nazzjonali. Fl-aħħar mill-aħħar, l-implimentazzjoni f’waqtha tal-komponenti nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

5.Sinteżi amministrattiva u konklużjonijiet

Qed isir progress tanġibbli fl-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU. Tnieda għadd dejjem akbar ta’ sistemi elettroniċi u issa huma kompletament operattivi.

Aktar dettalji dwar l-ippjanar u l-istatus ta’ kull proġett huma pprovduti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ppubblikat flimkien ma’ dan ir-rapport. Illustrazzjoni 4 hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali fil-qosor lejn l-ippjanar u l-progress.

Illustrazzjoni 4 – Ippjanar għall-proġetti tal-Programm ta’ Ħidma tal-KDU

Fl-2021, ġew irrapportati l-elementi ewlenin li ġejjin għall-progress u r-riskji:

ICS2 – Rilaxx 1 tnieda b’suċċess fl-2021 mill-Kummissjoni, l-Istati Membri kollha u l-operaturi postali u l-kurriera express involuti kollha. Is-sistema qiegħda tipproċessa ammont kbir ta’ data b’madwar 10 miljun ENS fix-xahar.

L-NCTS-5 u l-AES iddaħħlu wkoll fil-produzzjoni b’suċċess din is-sena permezz tal-bidu tal-operat tal-ewwel Stat Membru tagħhom. L-ittestjar kollaborattiv intensiv inaqqas ir-riskju tat-teknikalitajiet tat-tranżizzjoni. L-intelliġenza kollettiva u l-aġilità mal-Istati Membri u l-kummerċ huma l-assi ewlieni li jixprunaw lil dawn il-proġetti lejn il-miri tagħhom. Il-proġetti jinsabu fit-triq it-tajba u l-Istati Membri bdew jippubblikaw l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom għan-negozjanti.

Madankollu, il-Kummissjoni qieset li nofs il-pjanijiet nazzjonali jippreżentaw riskji serji għat-tnedija f’ordni u f’waqtha tal-NCTS-5 u tal-AES sal-iskadenza legali u stiednet lill-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex javvanzaw il-pjan tagħhom u jneħħu r-riskju biex jevitaw li jikkompromettu d-data tat-tmiem tal-perjodu ta’ tnedija, li tistabbilixxi t-tmiem tal-arranġamenti tranżitorji.

Twissija simili għall-proġetti nazzjonali fejn ġew irrapportati riskji ta’ dewmien minn xi Stati Membri, b’mod partikolari fil-qasam tad-dħul ta’ merkanzija fl-UE. Id-data tat-tnedija kif ukoll l-introduzzjoni u l-operazzjoni sħiħa mal-operaturi ekonomiċi kollha jenħtieġ li jaqgħu fi ħdan il-perjodi ta’ tnedija stabbiliti mill-WP tal-KDU.

L-operaturi ekonomiċi rreferew għas-sistema trans-Ewropea għall-Iżdoganar Ċentralizzat fl-importazzjoni bħala wieħed mill-proġetti ewlenin li jikkontribwixxu għall-objettiv tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ tal-KDU. Din is-sistema se jkollha l-ewwel tnedijiet tagħha fl-2022. L-Istati Membri kollha, ħlief għal wieħed, irrapportaw li jistgħu jimplimentaw din is-sistema fi ħdan il-perjodu tat-tnedija tal-WP tal-KDU. Madankollu, f’każ li jkun hemm dewmien serju fil-proġetti nazzjonali, jista’ jkun hemm ukoll impatt fuq dan il-proġett ewlieni tal-KDU. Il-monitoraġġ mill-qrib tal-progress tal-attivitajiet nazzjonali se jkun importanti fis-snin li ġejjin.

Il-valutazzjoni tal-progress u r-riskji tkompli tindika li l-isfidi biex jintlaħqu l-iskadenzi legali jinsabu primarjament fuq in-naħa tal-Istati Membri. L-Istati Membri jirreferu għal kwistjonijiet ta’ riżorsi, għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, għal ħafna obbligi oħra li jridu jiġu implimentati permezz ta’ sistemi doganali u għall-kumplessità u għall-interkonnettività tas-sistemi. Kif enfasizzat fir-rapport kollu, l-Istati Membri kollha esprimew ir-rieda tagħhom li jiddefinixxu u li jwettqu azzjonijiet ta’ mitigazzjoni biex jiżguraw li jirrispettaw l-iskadenzi tal-ippjanar stabbiliti fil-WP tal-KDU.

Bħala konklużjoni, il-proġetti għadhom fil-biċċa l-kbira mexjin skont kif ippjanat u fattibbli għat-tlestija f’konformità mal-ippjanar tal-proġetti definiti fil-WP tal-KDU sakemm tingħata prijorità biex jiġu indirizzati r-riskji permezz ta’ involviment qawwi f’azzjonijiet urġenti u konkreti. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tkompli tappoġġa, tikkoordina u timmonitorja bir-reqqa l-progress min-naħa tal-Istati Membri matul is-snin li ġejjin u li twettaq xi azzjonijiet speċifiċi biex tiżgura implimentazzjoni f’waqtha tas-sistemi nazzjonali kif ukoll dawk trans-Ewropej.

(1)

 Rapporti mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

2019: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52019DC0629

2020: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/ALL/?uri=CELEX:52020DC0806  

(2)

 Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni:

2019: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1589134753023&uri=CELEX:52019SC0434

2020: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/NL/ALL/?uri=CELEX:52020SC0339

(3)

 Meta f’dan ir-rapport jissemmew l-“Istati Membri”, dan huwa maħsub biex jirreferi għall-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali tal-Istati Membri.

(4)

 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168–182).

(5)

 Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 278a tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi, SWD(2021) XXX final.

(6)

 Ir-Regolament (UE) 2019/632 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex jittawwal il-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta’ mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 54–58).

(7)

 Is-sitwazzjoni fit-30 ta’ Settembru 2021. (It-Tabella 41 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tindika tnax sal-aħħar ta’ Ġunju)

(8)

 It-Tabelli 25, 28, 32, 36 u 37 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

(9)

 It-Tabelli 25, 36 u 37 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

(10)

  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2459 tal-5 ta’ Diċembru 2017 (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 32–33)

(11)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1–557).

(12)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558–893).

(13)

Il-fergħa tal-attività tal-koordinazzjoni trans-Ewropea tal-ICS2, bħala element integrali tal-programm ICS2, tnediet fis-sena 2018.