IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.12.2021
COM(2021) 777 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Ewropa aktar inklużiva u protettiva: l-estensjoni tal-lista ta' reati fl-UE għad-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda
“Il-mibegħda hija mibegħda - u ħadd ma għandu joqgħod għaliha”
Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea
Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea, Settembru 2020
1.Introduzzjoni
Fid-diskors tagħha tal-2020 dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kummissjoni Von der Leyen enfasizzat li l-progress fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-mibegħda huwa fraġli u li issa huwa l-mument li ssir bidla biex tinbena Unjoni li tgħaddi mill-kundanna għalll-azzjoni. Hija ħabbret li l-Kummissjoni se tipproponi “li testendi l-lista ta’ atti kriminali tal-UE għall-forom kollha ta’ reati ta’ mibegħda u ta’ diskors ta’ mibgħeda, kemm jekk dawn ikunu minħabba razza, reliġjon, ġeneru kif ukoll minħabba sesswalità.”
Il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda hija parti mill-azzjoni tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-valuri ewlenin tal-UE u biex tiżgura li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (“il-Karta”) tiġi mħarsa. Il-forom u l-manifestazzjonijiet kollha ta’ mibegħda u ta’ intolleranza huma inkompatibbli mal-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, li fuqhom hija msejsa l-UE. Dawn il-valuri, minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”), huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà li fiha jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.
Tabilħaqq, kull forma ta’ diskriminazzjoni — kemm jekk tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, kif stabbilit fl-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) – hija pprojbita. Fl-istess ħin, il-libertà tal-espressjoni hija waħda mill-pilastri ta’ soċjetà demokratika u pluralista u għandha tiġi protetta b’mod qawwi. Barra minn hekk, kif stabbilit fl-Artikolu 67 tat-TFUE, l-UE għandha tikkostitwixxi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja b’rispett għad-dritt fundamentali. Permezz ta’ miżuri, hija għandha tiżgura livell għoli ta’ sigurtà għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, ir-razziżmu u l-ksenofobija.
Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jaffettwaw mhux biss lill-vittmi individwali u l-komunitajiet tagħhom, waqt li jikkawżawlhom it-tbatija u jillimitaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, iżda jaffettwaw wkoll lis-soċjetà inġenerali. Il-mibegħda timmina l-istess pedamenti tas-soċjetà tagħna. Idgħajjef il-fehim reċiproku u r-rispett għad-diversità li fuqha jinbnew soċjetajiet pluralistiċi u demokratiċi.
F’dawn l-aħħar deċennji, kien hemm żieda qawwija fid-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda fl-Ewropa. Il-mibegħda qed tiġi integrata, u immirata lejn individwi u gruppi ta’ persuni li jikkondividu jew jitqiesu bħala li jikkondividu “karatteristika komuni”, bħar-razza, l-etniċità, il-lingwa, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, l-età, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru, il-karatteristiċi tas-sess jew kwalunkwe karatteristika fundamentali oħra, jew kombinazzjoni ta’ tali karatteristiċi. Dawn il-karatteristiċi, b’mod ġenerali, jiġu nnotati minn oħrajn u għalhekk ikunu faċilment fil-mira tat-trasgressuri, li jirreferu għal aspett tal-identità ta’ persuna li ma jistax jinbidel jew li huwa fundamentali għas-sens ta’ persuna nnifisha, filwaqt li jkun wkoll sinjal ta’ identità ta’ grupp.
Iż-żieda fl-użu tal-internet u tal-media soċjali ġabet magħha wkoll aktar diskors ta’ mibegħda online matul is-snin. Il-kondiviżjoni rapida tad-diskors ta’ mibegħda permezz tal-kelma diġitali hija ffaċilitata mill-effett ta’ diżinibizzjoni online, peress li l-anonimità preżunta fuq l-internet u s-sens ta’ impunità jnaqqsu l-inibizzjoni tan-nies li jwettqu tali reati. B’mod parallel, l-emozzjonijiet u l-vulnerabbiltajiet qed jintużaw dejjem aktar, inkluż fid-dibattitu pubbliku għal gwadann politiku, biex jinxterdu dikjarazzjonijiet u attakki razzisti u ksenofobiċi, amplifikati f’ħafna każijiet mill-media soċjali. It-tixrid tal-mibegħda fost udjenzi potenzjalment vulnerabbli jista’ jiġi osservat f’firxa wiesgħa ta’ estremiżmu vjolenti mill-ġiħadisti, sal-estremisti tal-lemin u tax-xellug. Dan ikkontribwixxa għall-polarizzazzjoni tas-soċjetà u, min-naħa l-oħra, għaż-żieda fl-inċidenza ta’ diskors ta’ mibegħda kontra, b’mod partikolari, gruppi marġinalizzati.
Il-kriżi tas-saħħa pubblika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 żiedet is-sentimenti ta’ nuqqas ta’ sigurtà, iżolament u biża’, u ħolqot atmosfera li fiha ffjorixxa d-diskors ta’ mibegħda. Il-pandemija nnifisha ntużat minn diversi movimenti ideoloġiċi estremisti biex jiġu mmirati popolazzjonijiet speċifiċi (għal diversi raġunijiet, inklużi n-nazzjonalità, ir-reliġjon, ir-razza, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, il-kulur u anki l-età), u dan irriżulta wkoll f’reati ta’ mibegħda.
Il-Kummissjoni għandha l-għan li tressaq estensjoni tal-lista ta’ oqsma ta’ reati tal-UE, biex tinkludi d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda. Il-mibegħda m’għandhiex post fl-UE. Għandha tiġi miġġielda bil-mezzi kollha disponibbli, inkluż permezz tal-liġi kriminali.
2.Kuntest tal-inizjattiva
L-Artikolu 83(1) tat-TFUE jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ oqsma ta’ kriminalità fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri kollha tal-UE. Huwa jipprevedi wkoll li, abbażi tal-iżviluppi fil-kriminalità, il-Kunsill jista’ jadotta deċiżjoni li tidentifika oqsma oħra ta’ kriminalità partikolarment serja b’dimensjoni transfruntiera li tirriżulta min-natura jew l-impatt ta’ tali reati jew minn ħtieġa speċjali li dawn jiġu miġġielda fuq bażi komuni.
L-adozzjoni mill-Kunsill ta’ tali deċiżjoni tkun l-ewwel pass biex tinħoloq il-bażi ġuridika meħtieġa biex jiġi adottat, fit-tieni pass, qafas legali komuni għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda madwar l-UE. Tali leġiżlazzjoni futura tikkomplementa l-liġi attwali tal-UE li tirrikjedi l-kriminalizzazzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda bbażati fuq ir-razza, il-kulur tal-ġilda, ir-reliġjon, in-nisel jew l-oriġini nazzjonali jew etnika (ara t-Taqsima 2.2), u tkopri raġunijiet speċifiċi oħra.
Twettqet ħidma preparatorja robusta għal din l-inizjattiva, inkluż studju estern, konsultazzjoni estensiva tal-Kummissjoni, kif ukoll għadd kbir ta’ rapporti u studji disponibbli.
2.1.Kuntest istituzzjonali
Il-Kummissjoni qed tippreżenta din l-inizjattiva abbażi tal-Artikolu 17(1) tat-TUE u skont il-proċedura f’żewġ stadji prevista fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE:
L-ewwel pass huwa li l-Kunsill jadotta unanimament, wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, deċiżjoni li tidentifika d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda bħala qasam ieħor ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE. Tali deċiżjoni se testendi l-lista ta’ oqsma ta’ kriminalità elenkati fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE biex tinkludi diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda bħala kriminalità tal-UE. Għalhekk din se tipprovdi bażi ġuridika li tippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jistabbilixxu, permezz ta’ direttivi, regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet f’dan il-qasam ta’ kriminalità.
Bħala t-tieni pass, il-Kummissjoni tista’ tipproponi l-adozzjoni ta’ direttivi li jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjonijiet u s-sanzjonijiet tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda li għandhom jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja.
L-inizjattiva preżenti tirrigwarda l-ewwel stadju u hija mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu fit-tieni stadju. Hija la tippreġudika u lanqas tantiċipa l-ambitu u l-kontenut tal-leġiżlazzjoni sekondarja li għandha tiġi proposta sussegwentement. Bl-istess mod, l-adozzjoni tad-direttivi kif imsemmija hawn fuq taffettwa l-libertajiet fundamentali protetti mill-Karta, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà tal-istampa u tal-media.
Ladarba tiġi adottata d-deċiżjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni tuża d-dritt ta’ inizjattiva tagħha f’konformità mar-rekwiżiti ta’ Regolamentazzjoni Aħjar. Il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-impatt biex tivvaluta bir-reqqa l-għażliet differenti għad-definizzjoni tar-reati kriminali u s-sanzjonijiet, u l-impatti tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fuq il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa u tal-media, li huma pedamenti b’saħħithom ta’ soċjetà demokratika.
Biex tiddefinixxi b’mod preċiż il-firxa u l-kontenut tar-regoli li jistgħu jiġu proposti, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-iżviluppi tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, fid-dawl tal-aktar data u xejriet reċenti. Tali valutazzjoni bir-reqqa tal-iżviluppi u x-xejriet tas-soċjetà se tkun partikolarment rilevanti fid-determinazzjoni tal-elementi kostitwenti ta’ reati kriminali futuri. Dan se jinkludi d-definizzjoni tal-forom speċifiċi ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda li għandhom jiġu kriminalizzati b’referenza għall-karatteristiċi protetti tal-persuni u l-gruppi fil-mira.
Fit-tħejjija ta’ tali leġiżlazzjoni sekondarja, il-Kummissjoni se tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew, inkluż dwar l-ispeċifiċitajiet tal-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali relatati mal-liġi kriminali u d-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni se torganizza wkoll konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, filwaqt li tinvolvi mill-qrib lill-Parlament Ewropew.
2.2.Il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda bħala prijorità tal-UE
Fil-livell tal-UE, diġà hemm fis-seħħ qafas għal rispons komuni b’saħħtu għal diskors ta’ mibegħda razzist u ksenofobiku u reati ta’ mibegħda permezz tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/JHA tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (“id-Deċiżjoni Qafas”). Id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tiżgura li manifestazzjonijiet serji ta’ razziżmu u ta’ ksenofobija jiġu kkastigati b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi mal-UE kollha. Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jikkriminalizzaw l-inċitament pubbliku għall-vjolenza jew għall-mibegħda, għar-raġunijiet ta’ razza, kulur tal-ġilda, reliġjon, nisel jew oriġini nazzjonali jew etnika. Dan jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw, għal reati oħra għajr id-diskors ta’ mibegħda, li tali motivazzjoni razzista u ksenofobika titqies bħala ċirkostanza aggravanti, jew inkella li tali motivazzjoni tkun tista’ titqies fid-determinazzjoni tal-pieni.
Il-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod effettiv id-Deċiżjoni Qafas permezz tal-ħidma tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza biex jiżviluppaw taħriġ u bini ta’ kapaċità għall-infurzar tal-liġi, itejbu r-reġistrazzjoni ta’ reati ta’ mibegħda u l-ġbir ta’ data, kif ukoll biex iħeġġu lill-vittmi jirrappurtaw reati ta’ mibegħda.
Din l-inizjattiva hija parti minn sensiela wiesgħa ta’ azzjonijiet tal-UE biex jiġu miġġielda d-diskors illegali ta’ mibegħda u l-ideoloġiji estremisti vjolenti u t-terrorriżmu online, inklużi l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda online illegali, ir-Regolament dwar l-indirizzar tal-kontenut terroristiku online u l-Forum tal-UE dwar l-Internet.
Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva
tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-pjattaformi ta’ video-sharing jieħdu miżuri effettivi mhux biss kontra t-tixrid ta’ kontenut li jikser id-Deċiżjoni Qafas, iżda wkoll kontra d-diskors ta’ mibegħda bbażat fuq kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta. Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal Att dwar is-Servizzi Diġitali tistabbilixxi riforma komprensiva biex jiġi żgurat li l-utenti jkunu sikuri online, permezz ta’ obbligi li jindirizzaw il-kontenut illegali u r-riskji sistemiċi. Barra minn hekk, l-aġġornament tal-2022 tal-istrateġija Ewropea għal internet aħjar għat-tfal se jkollu l-għan li jipproteġi lit-tfal minn theddid online, inkluż il-bullying ċibernetiku u d-diskors ta’ mibegħda.
Din l-inizjattiva se tappoġġa l-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu 2020-2025 u l-Istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u t-trawwim tal-ħajja Lhudija fl-UE. L-inizjattiva se tikkomplementa wkoll l-inizjattivi reċenti li għandhom l-għan li jippromwovu l-ugwaljanza u r-rispett għad-diversità, bħall-istrateġija tal-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020–2025. Dawn l-inizjattivi reċenti enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat rispons robust tal-liġi kriminali fil-livell tal-UE għad-diskors ta’ mibegħda u għar-reati ta’ mibegħda għal raġunijiet oħra għajr ir-razziżmu u l-ksenofobija, b’mod partikolari abbażi tas-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-età u d-diżabbiltà.
L-istrateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2020–2025 tistabbilixxi azzjonijiet għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-ħtieġa li jiġu kriminalizzati forom speċifiċi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-livell tal-UE. Din l-inizjattiva se tikkumplimenta l-proposta li ġejja għal direttiva għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika.. Filwaqt li d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda huma kkaratterizzati minn mibegħda sottostanti kontra grupp ta’ persuni, inkluż preġudizzju sinifikanti abbażi tal-ġeneru u mibegħda fil-konfront tan-nisa, id-direttiva li jmiss se tikkriminalizza, fil-limiti tal-kompetenza tal-UE, ċerti forom speċifiċi ta’ vjolenza li ma jeħtiġux element ta’ mibegħda u b’mod partikolari mibegħda kontra individwu bħala parti minn grupp ta’ persuni. Għalhekk, din l-inizjattiva dwar l-estensjoni tal-lista ta’ reati tal-UE toħloq bażi ġuridika addizzjonali biex jiġu indirizzati dawk il-forom speċifiċi ta’ vjolenza serja kontra n-nisa u l-bniet li jistgħu jiġu definiti wkoll bħala diskors ta’ mibegħda misoġena jew reat ta’ mibegħda b’motiv ta’ preġudizzju oġġettivament identifikabbli skont il-ġeneru.
Din l-inizjattiva se tikkomplementa wkoll l-Istrateġija għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021–2030, l-istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Vittmi 2020-2025 u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi. Din se tiġi allinjata wkoll mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Marzu 2021 dwar l-Integrazzjoni tat-Tixjiħ fil-Politiki Pubbliċi li jfakkru li d-diskriminazzjoni marbuta mal-età hija fenomenu frekwenti, filwaqt li l-vjolenza kontra persuni anzjani hija ta’ tħassib emerġenti.
Il-Parlament Ewropew adotta wkoll riżoluzzjoni leġiżlattiva f’Settembru 2021 li tistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tinkludi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta’ kriminalità skont l-Artikolu 83(1)tat-TFUE. Din l-inizjattiva, flimkien mal-proposta leġiżlattiva li jmiss għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, għandha l-għan li tindirizza t-talba tal-Parlament Ewropew.
3.Il-ħtieġa li l-lista ta’ reati tal-UE tiġi estiża għad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda
Skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE, il-Kunsill jista’, abbażi tal-iżviluppi fil-kriminalità, jidentifika oqsma addizzjonali ta’ kriminalità dment li dawn jissodisfaw kriterji speċifiċi. B’mod partikolari, il-qasam il-ġdid għandu jkun ta’ kriminalità partikolarment serja b’dimensjoni transfruntiera li tirriżulta min-natura jew l-impatt tar-reati jew minn ħtieġa speċjali li dawn jiġu miġġielda fuq bażi komuni..
It-taqsimiet li ġejjin jistabbilixxu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda fid-dawl tal-kriterji tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE.
3.1.Diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda bħala qasam ta’ kriminalità
Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda huma rikonoxxuti sew bħala qasam ta’ kriminalità fil-livell internazzjonali.
Lura fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tal-1997, il-Kunsill tal-Ewropa kien diġà qies id-diskors ta’ mibegħda bħala inċitament għall-mibegħda indirizzat lil individwi jew gruppi definiti minn ċerti karatteristiċi protetti. Fl-2015, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (“ECRI”) tal-Kunsill tal-Ewropa ddefiniet id-diskors ta’ mibegħda bħala: “rappreżentanza, promozzjoni jew inċitament, fi kwalunkwe forma, tad-denigrazzjoni, il-mibegħda jew il-vilifikazzjoni ta’ persuna jew grupp ta’ persuni, kif ukoll kwalunkwe fastidju, insult, stereotipar negattiv, stigmatizzazzjoni jew theddida fir-rigward ta’ tali persuna jew grupp ta’ persuni u l-ġustifikazzjoni tat-tipi kollha preċedenti ta’ espressjoni, abbażi tal-kulur tar-razza, id-dixxendenza, l-oriġini nazzjonali jew etnika, l-età, id-diżabbiltà, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, is-sess, il-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali u karatteristiċi jew status personali oħra”. L-organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (“OSKE”) tirreferi għal reati ta’ mibegħda bħala “reati kriminali mwettqa bi skop ta’ preġudizzju lejn ċertu grupp fis-soċjetà”.
Filwaqt li l-liġi tal-UE ma tipprevedix definizzjoni legali ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda bħala tali, id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi definizzjonijiet tal-liġi kriminali tal-aktar forom severi ta’ razziżmu u ksenofobija. Id-diskors ta’ mibegħda kif definit bid-Deċiżjoni Qafas jirreferi għall-inċitament pubbliku għal vjolenza jew mibegħda diretta kontra grupp jew membru ta’ tali grupp li jikkondividi karatteristika protetta. Reat ta’ mibegħda skont it-tifsira tad-Deċiżjoni Qafas jfisser kwalunkwe reat kriminali (reat bażi), minbarra diskors ta’ mibegħda, imwettaq b’motivazzjoni razzista jew ksenofobika (motivazzjoni ta’ preġudizzju).
Kemm għad-diskors ta’ mibegħda kif ukoll għar-reati ta’ mibegħda, hija l-motivazzjoni ta’ preġudizzju li tiskatta l-azzjoni tal-awtur. Il-persuni fil-mira jintgħażlu abbażi tal-konnessjoni reali jew perċepita tagħhom, ir-rabta, l-affiljazzjoni, l-appoġġ jew is-sħubija ma’ komunità jew grupp li jikkondividu karatteristika protetta. Dawn huma atti ta’ “identità” jew “messaġġ”, peress li l-messaġġi mwassla — b’mod partikolari li l-vittmi fil-mira ma jappartjenux għal dik is-soċjetà — huma indirizzati mhux biss lill-vittma, iżda wkoll lill-komunità jew lill-grupp tagħhom. Għalhekk, il-motiv tal-awtur tar-reat huwa essenzjali fid-distinzjoni ta’ dawn ir-reati minn reati oħra u fid-determinazzjoni tal-gravità akbar tagħhom b’kunsiderazzjoni tal-impatt speċifiku li dawn ir-reati għandhom fuq il-vittma individwali, fuq il-komunitajiet u fuq is-soċjetà inġenerali.
L-element tal-mibegħda huwa karatteristika intrinsika kemm tad-diskors ta’ mibegħda kif ukoll tar-reati ta’ mibegħda. Il-mibegħda twassal għal żvalutazzjoni u theddida għad-dinjità tal-bniedem ta’ persuna jew ta’ grupp. Din tinnega l-ugwaljanza tagħhom bħala membri tas-soċjetà , inkluż id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fil-ħajja politika jew soċjali, li huma prinċipji fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE. Li wieħed jifhem ir-rwol tal-mibegħda kontra persuni b’karatteristiċi protetti huwa fundamentali għar-rikonoxximent, il-prosekuzzjoni u s-sanzjonar tagħhom fi ħdan is-sistemi tal-ġustizzja kriminali tagħna.
Minħabba l-karatteristika speċjali li tikkaratterizza d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, jiġifieri l-mibegħda mmirata lejn persuni jew gruppi, il-kondiviżjoni (jew il-perċezzjoni ta’ kondiviżjoni) ta’ karatteristiċi protetti, id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jistgħu jitqiesu bħala “qasam ta’ kriminalità”, skont it-tifsira tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE.
B’mod simili għal reati oħra tal-UE b’karatteristika komuni, bħall-kriminalità organizzata jew it-terroriżmu, il-mibegħda kontra persuni b’karatteristiċi protetti tgħaqqad grupp usa’ ta’ reati. L-objettiv ewlieni u komuni għall-kriminalizzazzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda huwa l-ġlieda kontra tali mibegħda, li tgħaqqad dawn iż-żewġ kategoriji ta’ reati fi ħdan ““qasam ta’ kriminalità” wieħed. Iż-żieda ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda bħala qasam ta’ kriminalità tippermetti lill-Kummissjoni tipproponi, fit-tieni stadju, leġiżlazzjoni sekondarja li tkun tindirizza speċifikament l-iżviluppi u l-isfidi soċjetali relatati hekk kif jinqalgħu u jevolvu fil-futur.
3.2.Id-Diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda bħala qasam ta’ reati partikolarment serji
Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda huma reati partikolarment serji minħabba l-impatti dannużi tagħhom fuq l-individwi u fuq is-soċjetà inġenerali, li jdgħajfu s-sisien tal-UE.
3.2.1.L-impatt fuq il-valuri komuni
Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jmorru kontra l-valuri komuni u d-drittijiet fundamentali tal-UE, kif minquxa fl-Artikoli 2 u 6 tat-TUE, kif ukoll fil-Karta.
Il-gravità partikolari ta’ tali aġir, minħabba l-impatti tagħhom fuq il-valuri u d-drittijiet fundamentali, ġiet rikonoxxuta b’mod konsistenti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar’ il quddiem il- “QEDB”) fil-ġurisprudenza. Il-QEDB sostniet li meta atti li jikkostitwixxu reati serji jkunu diretti kontra l-integrità fiżika jew mentali ta’ persuna, huma biss mekkaniżmi effiċjenti tal-liġi kriminali li jistgħu jiżguraw protezzjoni adegwata u jservu bħala fattur ta’ deterrent. Il-QEDB ikkunsidrat b’mod partikolari li huma meħtieġa miżuri tal-liġi kriminali fir-rigward ta’ attakki verbali diretti u theddid fiżiku mmotivati minn attitudnijiet diskriminatorji.
Filwaqt li rrikonoxxiet li t-tolleranza u d-dinjità ugwali tal-bnedmin kollha jikkostitwixxu s-sisien ta’ soċjetà demokratika u pluralista, il-QEDB qieset li jista’ jkun meħtieġ f’“soċjetajiet demokratiċi li jissanzjonaw jew saħansitra jipprevjenu kull forma ta’ espressjoni li tinxtered, tinċita, tippromwovi jew tiġġustifika mibegħda bbażata fuq l-intolleranza”. Il-QEDB indikat ukoll li sanzjonijiet kriminali kontra individwi responsabbli għall-aktar espressjonijiet serji ta’ mibegħda, li jinċitaw oħrajn għall-vjolenza, jistgħu jiġu invokati wkoll bħala l-aħħar miżura. Għal dawn ir-raġunijiet, il-QEDB irrikonoxxiet b’mod konsistenti fil-ġurisprudenza li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni ma jipprevjenix reazzjonijiet tal-liġi kriminali għal ċerti forom ta’ diskors ta’ mibegħda.
3.2.2.Impatti dannużi fuq il-vittmi individwali u fuq il-komunitajiet tagħhom
Is-serjetà partikolari tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda tintwera mill-ħsara li jikkawżaw lill-vittmi individwali, lill-komunitajiet usa’, kif ukoll lis-soċjetà kollha kemm hi.
Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jiksru d-dritt fundamentali tal-vittmi għad-dinjità u għall-ugwaljanza. Dawn għandhom konsegwenzi serji u spiss fit-tul fuq is-saħħa fiżika u mentali u l-benessri tal-vittmi.
Il-vittmi tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda huma fil-mira minħabba l-karatteristiki immutabbli tagħhom u li ma jistgħux jinbidlu, jew minħabba karatteristika li tkun fil-qalba tal-identità tagħhom
. B’konsegwenza ta’ dan, iħossuhom żvalutati, mhux mixtieqa, abbużati, u mistmerra fis-soċjetà minħabba l-identità tagħhom. Minbarra l-effetti dannużi fuq is-saħħa fiżika, il-livell ta’ ħsara mentali (eż. sens ta’ abbuż u umiljazzjoni) kkawżat minn atti ta’ mibegħda huwa fil-fatt ħafna drabi aktar sinifikanti mill-ħsara fiżika li tirriżulta mill-vjolenza nnifisha
. Il-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda jistgħu jesperjenzaw sintomi ta’ trawma severa bħal dipressjoni, suspett minn persuni oħrajn, awtoħtija u sens profond ta’ iżolament. Dawn l-esperjenzi huma dak li jagħmel ir-reati ta’ mibegħda differenti minn tipi oħra ta’ reati. Barra minn hekk, bosta vittmi ta’ reati ta’ mibegħda jixtħu l-ħtija fuq infushom u jesperjenzaw nuqqas ta’ fiduċja.
B’mod aktar ġenerali, il-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda huma wkoll sfurzati jgħixu bil-biża’ ta’ vittimizzazzjoni ripetuta u gruppi aktar vulnerabbli, bħall-anzjani, it-tfal u l-persuni b’diżabilità fiżika u mentali, jesperjenzaw vulnerabbiltà akbar hekk kif id-diskors ta’ mibegħda jimmira lejn il-komunikazzjoni online fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Il-vittmi tad-diskors ta’ mibegħda huma esposti wkoll għall-esklużjoni politika u soċjali li tiskoraġġihom milli jaċċessaw kura medika u servizzi vitali oħra. Barra minn hekk, dawn il-vittmi li jirrapportaw esperjenzi ta’ mibegħda spiss jirriskjaw vittimizzazzjoni sekondarja, li tista’ tikkawża aktar ħsara lill-vittma. Għat-tfal vittmi, id-diskors ta’ mibegħda jista’ jagħmel ħsara serja lill-iżvilupp personali fit-tul tagħhom.
Ir-reati skattati mill-mibegħda jibagħtu messaġġi ta’ rifjut u żvalutazzjoni ta’ gruppi u komunitajiet sħaħ u l-persuni li jiffurmaw dawn il-gruppi u komunitajiet jesperjenzaw biża’ u jħossuhom f’riskju ta’ attakki futuri. Huwa importanti li jiġi nnutat il-potenzjal li d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jkollhom li jibqgħu jinħassu fost is-segwaċi tat-trasgressur, filwaqt li jxerrdu aktar biża’ u intimidazzjoni. U għaldaqstant, b’konsegwenza ta’ dan kollu, il-perpetwazzjoni ta’ mudell ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda mmirati lejn individwi oħra meqjusa bħala li jikkondividu karatteristiċi protetti simili jew bħala konnessi mal-vittma.
3.2.3.Impatti dannużi fuq is-soċjetà inġenerali
Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda għandhom ukoll dimensjoni soċjetali qawwija. Dawn huma theddida għall-valuri demokratiċi, l-istabbiltà soċjali u l-paċi u jżidu d-diviżjonijiet soċjali, inaqqsu l-koeżjoni soċjali, u jikkawżaw ritaljazzjoni, li tirriżulta fi vjolenza u ġlieda kontra l-vjolenza. Il-klima ta’ kunflitt, biża’, polarizzazzjoni u radikalizzazzjoni li jirriżultaw minn atti motivati mill-mibegħda ġiet ikkonfermata wkoll mir-rispondenti għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni.
Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda għandhom impatt dannuż fuq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fuq id-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza u l-libertà tal-espressjoni. L-effett dissważiv tagħhom fuq il-libertà tal-espressjoni jista’ jwassal biex l-utenti tal-media soċjali joqogħdu lura milli jinvolvu ruħhom f’dibattiti pubbliċi minħabba kontenut ta’ mibegħda li jaraw. Il-mibegħda tivvelena wkoll id-djalogu politiku u l-impatti fuq ir-rieda taċ-ċittadini li jinvolvu ruħhom fil-politika u li jeżerċitaw funzjonijiet uffiċjali b’viżibbiltà pubblika, bħal membri tal-parlament, sindki u politiċi. Dwar in-nisa fil-ħajja pubblika,
stħarriġ
ta’ 123 membru parlamentari nisa Ewropej wera li 46,9 % ta’ dawk li wieġbu rrappurtaw li rċevew theddid ta’ mewt jew theddid ta’ stupru jew swat u 58,2 % kienu l-mira ta’ attakki sessisti online fuq networks soċjali..
Il-ġurnalisti spiss jisfaw vittmi ta’ diskors ta’ mibegħda fuq il-media soċjali, u, b’riżultat ta’ dan, jistgħu jaħsbuha darbtejn biex jinvolvu ruħhom f’dibattitu pubbliku jew biex jindirizzaw ċerti suġġetti. Filwaqt li d-diskors ta’ mibegħda u t-theddid huma diretti kontra l-ġurnalisti kollha, l-istatistika turi li l-ġurnalisti nisa huma soġġetti għal aktar theddid mill-kontropartijiet irġiel tagħhom b’mod partikolari fil-forma ta’ fastidju online, theddid ta’ stupru u qtil, kif ukoll inċitament għall-mibegħda abbażi tal-ġeneru
. Dawn l-attakki xi drabi jkunu r-riżultat ta’ kampanji orkestrati mmirati biex il-ġurnalisti nisa jiġu skreditati jew imsikkta.
Id-diskors ta’ mibegħda jista’ jwassal mhux biss għal kunflitt, iżda wkoll għal reati ta’ mibegħda. L-evidenza tindika “piramida ta’ mibegħda” jew “sellum ta’ ħsara” li jibda minn atti ta’ preġudizzju (eż. bullying, disprezz, tkasibir tal-umanità intrinsika) u diskriminazzjoni (eż. ekonomika, politika), lejn vjolenza motivata mill-preġudizzju, bħal omiċidju, stupru, attakk, terroriżmu, estremiżmu vjolenti, anke ġenoċidju. Ir-riċerka turi r-rabta bejn tweets immirati u diskriminatorji ppostjati f’belt partikolari u l-għadd kbir ta’ reati ta’ mibegħda f’dik il-belt. In-Nazzjonijiet Uniti (“NU”) tirrimarka li “l-inċitament għall-vjolenza li timmira lejn komunitajiet jew individwi abbażi tal-identità tagħhom jista’ jikkontribwixxi biex jippermetti jew iħejji reati atroċi, [...] u huwa kemm sinjal ta’ twissija kif ukoll indikatur bikri tar-riskju ta’ dawk ir-reati”.
Ir-riċerka turi wkoll li d-diskors ta’ mibegħda fuq il-media soċjali jwassal għal aktar reati kontra l-minoranzi fid-dinja fiżika. Id-diskors ta’ mibegħda online wassal għal żieda fil-vjolenza, kontra r-refuġjati u l-immigranti, il-minoranzi etniċi u reliġjużi, u l-persuni LGBTIQ. L-esponiment għal diskors ta’ mibegħda jew li jkun fil-mira ta’ diskors ta’ mibegħda jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-proċess ta’ radikalizzazzjoni u estremiżmu vjolenti. Dawn jistgħu jiġu espressi online u offline permezz ta’ diskors u propaganda, iżda jistgħu jirriżultaw ukoll f’attakki estremisti vjolenti jew terroristiċi. Dan jista’ jkollu konsegwenzi ta’ tfixkil u fatali għas-soċjetà.
Filwaqt li jfakkar li l-internet ipprovda dimensjoni ġdida biex jiġi espress diskors ta’ mibegħda sessista, il-Kunsill tal-Ewropa enfasizza li d-diskors ta’ mibegħda sessista “jista’ jeskala għal jew jinċita atti offensivi u ta’ theddid b’mod eċċessiv, inkluż abbuż jew vjolenza sesswali, azzjoni potenzjalment letali jew awtoħsara”
. Il-ħolqien ta’ gruppi u komunitajiet online, bħal Manosphere u Incel, li jipprevedu fora internazzjonali addizzjonali għall-promozzjoni u t-tixrid tal-misoġinija u l-ostilità lejn in-nisa, huma ta’ tħassib partikolari f’dan ir-rigward.
3.2.4.L-iskala tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda
Waħda minn kull 10 respondenti (11 %) LGBTIQ għal stħarriġ mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (Fundamental Rights Agency, “FRA”) indikaw li kienu ġew attakkati fiżikament jew sesswalment minħabba li kienu LGBTIQ (b’rispondenti transsesswali u intersesswali li esperjenzaw attakki fiżiċi jew sesswali b’rati ogħla matul dan il-perjodu ta’ żmien: 17 % u 22 %, rispettivament), u 51 % ta’ dawk li wieġbu bejn il-15 u s-17-il sena rrappurtaw li kienu esperjenzaw fastidju l-iskola.
Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda kontra persuni ta’ oriġini Asjatika, b’mod partikolari ċ-Ċiniża, jew dawk meqjusa li huma ta’ oriġini Asjatika, żdiedu matul il-pandemija tal-COVID-19, inklużi attakki u swat razzisti, bullying vjolenti, theddid u abbuż razzist. Stħarriġ mill-FRA juri li r-rispondenti Rom u dawk bi sfond sub-Saħarjan jew tal-Afrika ta’ Fuq jesperjenzaw rati ogħla ta’ diskriminazzjoni, fastidju u vjolenza mmotivati mill-mibegħda.
Skont stħarriġ tal-2018 dwar l-antisemitiżmu, imwettaq mill-FRA, 40 % tal-Lhud fl-UE jibżgħu li jiġu attakkati fiżikament. Is-sejbiet ta’ stħarriġ tal-2017 tal-FRA dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni tal-UE juru li 27 % tal-Musulmani kienu esperjenzaw inċidenti ta’ fastidju mmotivat mill-mibegħda fit-12-il xahar preċedenti, filwaqt li dan il-perċentwal huwa ogħla (31 %) fost in-nisa Musulmani lebsin il-velu fil-pubbliku.
In-nisa, u b’mod partikolari n-nisa żgħażagħ, huma fil-mira ta’ diskors ta’ mibegħda abbażi tal-ġeneru, online jew offline. Skont stħarriġ globali tal-2020, 52 % tan-nisa u l-bniet żgħażagħ esperjenzaw vjolenza online, inkluż theddid.
Barra minn hekk, hemm ukoll il-każ ta’ dawk li jgħixu fl-intersezzjoni ta’ żewġ karatteristiki protetti jew aktar, bħan-nisa tal-kulur, li huma 84 % aktar probabbli minn nisa bojod li jissemmew fi tweets abbużivi jew “problematiċi”
.
In-NU esprimiet tħassib dwar id-diskors ta’ mibegħda mmirat lejn persuni anzjani, li “tfaċċa f’dibattitu pubbliku u fuq il-media soċjali bħala espressjonijiet ta’ riżentiment interġenerazzjonali”. Il-persuni b’diżabbiltà huma aktar f’riskju li jkunu vittmi ta’ reati vjolenti, inklużi reati ta’ mibegħda, jew li jiffaċċjaw diskors ta’ mibegħda, minn persuni oħra. Ir-rispons għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni wera li f’xi pajjiżi 21 % tar-reati ta’ mibegħda rrappurtati lill-awtoritajiet jitwettqu kontra persuni b’diżabilità. B’mod ġenerali, il-vittmi huma mmirati sempliċiment minħabba li għandhom diżabilità, jew minħabba li jitqiesu li għandhom diżabilità, jew minħabba li huma assoċjati ma’ persuna b’diżabilità. Barra minn hekk, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tqis li l-abbuż ta’ persuni anzjani x’aktarx li jsir problema li qed tiżdied minħabba l-popolazzjoni li qed tixjieħ.
Dawn iċ-ċifri jirrappreżentaw biss parti żgħira minn stampa kbira minħabba n-nuqqas ta’ rappurtar u n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ inċidenti u metodi ta’ ġbir ta’ data mhux komparabbli. Pereżempju, is-sorsi juru li 88 % tal-attakki fiżiċi mmotivati mill-mibegħda kontra l-persuni Rom ma ġewx irrappurtati u 79 % tal-persuni Lhud li esperjenzaw fastidju antisemitiku ma rrappurtawx l-aktar inċident serju lill-pulizija jew lil xi organizzazzjoni oħra. U ġie rrappurtat inċident wieħed biss minn kull ħamsa (21 %) ta’ vjolenza fiżika jew sesswali kontra persuni LGBTIQ. L-età hija eżempju fejn in-nuqqas ta’ rikonoxximent bħala raġuni li tinċita diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda u n-nuqqas ta’ sanzjonijiet għal reati relatati jwasslu għal inqas rappurtar u nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-firmxa tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda kontra persuni anzjani. B’mod partikolari, il-pjattaforma AGE tiddeplora din ir-“realtà moħbija minkejja l-livelli inkwetanti ta’ prevalenza madwar l-Ewropa”, u tindika li l-inviżibilità u n-nuqqas ta’ protezzjoni ta’ vittmi anzjani huma intensifikati min-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni tal-età bħala raġuni li tista’ tinċita reati ta’ mibegħda.
3.2.5.Rispons tal-liġi kriminali fl-Istati Membri
Is-serjetà tal-impatti deskritti hawn fuq wasslet lill-Istati Membri biex jikkriminalizzaw ċerti forom ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda. Il-kriminalizzazzjoni ta’ dawn il-kondotti twassal messaġġ ta’ diżapprovazzjoni soċjali partikolari. Hija indikazzjoni tal-gravità u l-periklu speċifiċi li jirriżultaw minn dawn il-kondotti, bħala li huma partikolarment distruttivi għad-drittijiet fundamentali.
Bħala riżultat tat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas fil-liġi nazzjonali, id-diskors ta’ mibegħda huwa kriminalizzat fl-Istati Membri kollha għal raġunijiet ta’ razza, kulur tal-ġilda, reliġjon, nisel, oriġini nazzjonali jew etnika. Barra minn hekk, l-Istati Membri kkriminalizzaw b’mod espliċitu d-diskors ta’ mibegħda anki għal karatteristiċi protetti oħra: 20 Stat Membru jikkriminalizzaw id-diskors ta’ mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u 17-il Stat Membru abbażi ta’ sess/ġeneru. Barra minn hekk, 14-il Stat Membru jikkriminalizzaw id-diskors ta’ mibegħda abbażi ta’ diżabilità u 6 Stati Membri għal raġunijiet ta’ età. Barra minn hekk, 8 Stati Membri kkriminalizzaw id-diskors ta’ mibegħda (jew b’mod alternattiv jew b’żieda ma’ dan) mingħajr ma ddefinixxew il-karatteristiki protetti tal-gruppi, u ħallew miftuħa l-kriminalizzazzjoni tad-diskors ta’ mibegħda, bil-għan li jipproteġu kwalunkwe grupp ta’ minoranza jew parti mill-popolazzjoni.
Ir-reati ta’ mibegħdareati ta’ mibegħda huma wkoll kriminalizzati b’mod wiesa’ madwar l-Istati Membri, jew bħala reat awtonomu għal reati speċifiċi jew bħala ċirkostanza aggravanti ġenerali għar-reati kollha mwettqa b’motivazzjoni ta’ preġudizzju. Minbarra l-kriminalizzazzjoni tar-reati ta’ mibegħda għal raġunijiet ta’ razza, kulur tal-ġilda, reliġjon, nisel jew oriġini nazzjonali jew etnika bħala riżultat tat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas fil-liġi nazzjonali, 19-il Stat Membru jikkriminalizzaw ir-reati ta’ mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u 17-il Stat Membru abbażi tas-sess/tal-ġeneru. Barra minn hekk, 13-il Stat Membru jikkriminalizzaw ir-reati ta’ mibegħda għal raġunijiet ta’ diżabilità u 10-il Stat Membru għal raġunijiet ta’ età. Barra minn hekk, 15-il Stat Membru jippermettu lill-qrati nazzjonali jqisu l-motivazzjoni tal-awtur għal kwalunkwe reat meta jiddeċiedu l-piena kriminali, jew bħala alternattiva jew bħala żieda ma’ reat awtonomu fir-rigward ta’ reat ta’ mibegħda. Xi Stati Membri ħallew ukoll il-karatteristiċi protetti mhux definiti biex potenzjalment ikopru r-reati ta’ mibegħda abbażi ta’ kwalunkwe forma ta’ intolleranza.
3.3.Id-dimensjoni transfruntiera tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda
Id-dimensjoni transfruntiera tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda hija evidenzjata min-natura u mill-impatt ta’ dawn il-fenomeni kif ukoll mill-eżistenza ta’ ħtieġa speċjali li dawn jiġu miġġielda fuq bażi komuni.
Dan huwa evidenti għal diskors ta’ mibegħda mwettaq online. Minħabba n-natura transfruntiera tal-internet, id-diskors ta’ mibegħda online jinfirex malajr u huwa aċċessibbli għal kulħadd kullimkien. Dan jagħmilha aktar faċli għall-gruppi ta’ mibegħda biex iwessgħu l-udjenzi tagħhom għal pajjiżi li qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet politiċi jew soċjali simili. Id-dimensjoni transfruntiera ġiet enfasizzata wkoll mill-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati li wieġbu għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni, anki permezz ta’ eżempji speċifiċi. Pereżempju, id-diskors ta’ mibegħda abbażi tal-karatteristiċi tas-sess u l-persuni intersesswali b’mod partikolari saru dejjem aktar il-mira ta’ diskors ta’ mibegħda mwettaq minn gruppi li joperaw b’mod transfruntier. L-ubikwità tad-diskors abbażi tal-ġeneru ġiet enfasizzata wkoll mill-Kunsill tal-Ewropa, li appella għal miżuri aktar b’saħħithom biex jiġi miġġieled.
Madankollu, messaġġi ta’ mibegħda espressi offline (eż. fi stampa miktuba, fix-xandiriet televiżivi, f’diskors politiku jew f’avvenimenti sportivi) għandhom dimensjoni transfruntiera evidenzjata mill-impatt tagħhom peress li huma faċilment riprodotti u mxerrda b’mod wiesa’ bejn il-fruntieri. Aktar minn 80 % tar-rispondenti għall-konsultazzjoni mmirata qiesu li d-diskors ta’ mibegħda offline għandu effett konsegwenzjali bejn il-fruntieri. Huma jindikaw il-fatt li l-messaġġi ta’ mibegħda huma żviluppati u propagati minn networks b’membri minn diversi pajjiżi. U li l-ideoloġiji wara l-messaġġi dwar id-diskors ta’ mibegħda jiġu żviluppati internazzjonalment u għalhekk huma fenomeni transfruntiera.
Id-dimensjoni transfruntiera tar-reati ta’ mibegħda hija marbuta direttament mad-dimensjoni transfruntiera tad-diskors ta’ mibegħda. Il-mibegħda tivvjaġġa bejn il-fruntieri nazzjonali, u twassal għal spirali ta’ vjolenza. B’mod simili għad-diskors ta’ mibegħda, l-ideoloġiji wara r-reati ta’ mibegħda jistgħu jiġu żviluppati internazzjonalment u jistgħu jiġu kondiviżi malajr online. Ir-reati ta’ mibegħda jistgħu jitwettqu minn networks ma’ membri minn diversi pajjiżi (fl-UE jew barra minnha) li jispiraw, jorganizzaw jew iwettqu attakki fiżiċi. Il-proġett Counter Extremism
, is-Soufan Center
, u l-Anti-Defamation League
jipprovdu eżempji tal-attività transnazzjonali ta’ gruppi differenti li jinfluwenzaw u jispiraw lil hinn mill-fruntieri. Ir-reati ta’ mibegħda jistgħu joħolqu wkoll klima ta’ biża’ jew kunflitti soċjali, li jistgħu jinfirxu minn Stat Membru tal-UE għal ieħor. Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jistgħu jwasslu wkoll għar-radikalizzazzjoni u l-ħolqien ta’ gruppi estremisti vjolenti, li jaqsmu l-fruntieri u huma unifikati fl-ideoloġija tagħhom.
Bl-istess mod, l-istess fenomenu jista’ jwassal biex ir-reati ta’ mibegħda jiġu replikati f’pajjiż ieħor jew ikollhom xejriet ta’ segwitu, li jirrepetu r-reat imwettaq fil-pajjiż fejn seħħ l-ewwel darba. Dan jista’ jseħħ ukoll fejn ikun hemm pubbliċità għolja dwar reati ta’ mibegħda speċifiċi, li tinċita lil persuni oħra biex iwettqu reati simili (l-“imitazzjoni ta’ imġiba ħażina”). Minbarra t-twettiq reali ta’ reat ta’ mibegħda, l-impatt psikoloġiku fuq l-individwi u s-soċjetà jista’ faċilment imur lil hinn mill-fruntieri billi jipprovoka ambjent ta’ biża’ u kunflitti soċjali. Ir-reati u l-avvenimenti li seħħew f’partijiet differenti tad-dinja kellhom impatt fuq diversi pajjiżi, inkluż il-moviment “Black Lives Matter”. L-impatt konsegwenzjali tar-reati ta’ mibegħda bejn il-fruntieri ġie rikonoxxut mill-biċċa l-kbira tar-rispondenti għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni..
Dan il-proċess huwa wieħed globali u għandu impatt, irrispettivament mill-oriġini ġeografika tiegħu. L-UE tista’ taġixxi bħala mudell madwar id-dinja u l-ideat u l-inizjattivi mnedija x’imkien ieħor jistgħu jikkontribwixxu għal azzjoni aktar effettiva fl-Ewropa.
Dan l-isfond jenfasizza l-ħtieġa speċjali li jiġu miġġielda d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda fuq bażi komuni.
Il-ħtieġa speċjali li dawn il-fenomeni jiġu indirizzati fuq bażi komuni tirriżulta mill-impatti serji tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda fuq il-valuri ewlenin tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE. Is-salvagwardja tal-valuri komuni tagħna teħtieġ azzjoni komuni.
Il-konsegwenzi negattivi tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jmorru lil hinn mill-impatt fuq il-vittmi individwali u jistgħu jaffettwaw gruppi jew komunitajiet ta’ persuni li jgħixu f’pajjiżi differenti. In-nuqqas ta’ kriminalizzazzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda fi ftit Stati Membri jista’ jdgħajjef l-isforzi biex jiġu indirizzati b’mod effettiv dawn il-fenomeni u jittaffew l-effetti konsegwenzjali. In-nuqqas ta’ approċċ komuni għall-kriminalizzazzjoni jirriżulta wkoll f’lakuni u protezzjoni mhux uniformi tal-vittmi ta’ tali atti madwar l-UE, peress li huma biss il-persuni li huma rikonoxxuti bħala vittmi tal-kriminalità li jkollhom aċċess għall-miżuri ta’ rimedju u appoġġ previsti mil-liġi tal-UE. Barra minn hekk, approċċ frammentat jista’ jibgħat messaġġi mħallta lill-pubbliku li tali atti mhumiex qed jittieħdu bis-serjetà u jistgħu jitwettqu b’impunità, li huma kkunsidrati bħala “normali” jew saħansitra perċepiti f’xi pajjiżi bħala l-leġittimizzazzjoni u/jew it-tolleranza tal-Istat ta’ tali mġiba.
Barra minn hekk, il-ħtieġa speċjali li jiġu miġġielda d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda fuq bażi komuni tirriżulta mill-isforzi ta’ Stati Membri individwali biex jikkriminalizzaw forom differenti ta’ reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda waħedhom. Approċċ bħal dan jirriżulta fi frammentazzjoni, u f’nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-individwi li jistgħu jisfaw vittmi ta’ diskors ta’ mibegħda u ta’ reati ta’ mibegħda.
3.4.Żviluppi fil-kriminalità
Skont in-NU, f’dawn l-aħħar snin kien hemm żieda allarmanti fid-diskors ta’ mibegħda u l-inċitament online u offline. Tabilħaqq, mill-2007, meta l-Kummissjoni pproponiet li tagħmel l-atti razzisti u ksenofobiċi punibbli fl-Istati Membri kollha, kien hemm żieda kostanti fid-diskors ta’ mibegħda u fir-reati ta’ mibegħda. Din iż-żieda hija marbuta ma’ bidliet fl-ambjent soċjali, ekonomiku u teknoloġiku. Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti (aktar minn 60 %) għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni rrikonoxxew ukoll iż-żieda kemm fid-diskors ta’ mibegħda kif ukoll fir-reati ta’ mibegħda bejn l-2018 u l-2020, meta mqabbla mal-perjodu preċedenti bejn l-2015 u l-2017. Fost il-fatturi għal dan kien hemm żieda fil-flussi migratorji, kriżijiet ekonomiċi u soċjali (inkluża l-pandemija tal-COVID-19), u aċċess imtejjeb għall-informazzjoni online, inkluż l-użu ta’ networks soċjali, li rriżultaw f’kondiviżjoni rapida tal-kontenut.
L-internet jipprovdi mezz għal diskors ta’ mibegħda online miżjud u faċilment kondiviż. L-awturi ta’ diskors ta’ mibegħda online jiġu attivati u diżinibiti minn sens ta’ anonimità u impunità fuq l-internet, li jżid ir-riskju li jkomplu jwettqu tali reati.
Iż-żieda f’daqqa ta’ individwi u gruppi estremisti vjolenti madwar l-Ewropa kienet waħda mill-fatturi li kkontribwiet għall-polarizzazzjoni u r-radikalizzazzjoni fis-soċjetà. Dan imbagħad wassal għal żieda fl-inċidenza ta’ diskors ta’ mibegħda kontra gruppi emarġinati u nisa. Fl-2019, il-Parlament Ewropew irrikonoxxa dan f’riżoluzzjoni dwar “iż-żieda tal-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa”, u appella lill-Istati Membri biex jikkundannaw u jissanzjonaw “ir-reati ta’ mibegħda, id-diskors ta’ mibegħda, u l-għoti inġust tal-ħtija minn politiċi u uffiċjali pubbliċi [...] peress li dawn jinnormalizzaw direttament u jsaħħu l-mibegħda u l-vjolenza fis-soċjetà”
.
L-ECRI enfasizzat iż-żieda fid-diskors ta’ mibegħda ultra-nazzjonali, ksenofobiku, razzist u omo/transfobiku fid-diversi kampanji elettorali fl-2019, li qed jinfirex dejjem aktar, u ta’ spiss jistabbilixxi t-ton fin-networks tal-media soċjali. Skont l-ECRI, ir-rimarki ta’ insult u degradanti dwar il-membri ta’ gruppi minoritarji llum il-ġurnata huma aċċettabbli aktar faċilment milli fl-imgħoddi. Il-Kunsill tal-Ewropa tabilħaqq bagħat sinjal ta’ twissija dwar is-sitwazzjoni li l-Ewropa “qed tiffaċċja realtà xokkanti: reati ta’ mibegħda antisemitiċi, anti-Musulmani u razzisti oħra qed jiżdiedu b’rata allarmanti”.
Il-pandemija tal-COVID-19 ħolqot atmosfera li fiha d-diskors ta’ mibegħda ffjorixxa tant li sar “tsunami ta’ mibegħda u ksenofobija”. L-Europol enfasizza kif il-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżijiet ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw wasslu biex l-attitudnijiet jiġu msaħħa u biex l-intimidazzjoni tiġi aċċetta aktar minn qatt qabel, inklużi sejħiet biex jitwettqu atti vjolenti. Fir-rapport Annwali tagħha għall-2020, l-ECRI enfasizzat iż-żieda fl-esponiment għad-diskors ta’ mibegħda u l-vjolenza ta’ ċerti gruppi li ġew ikkundannati bħala l-ferriexa ewlenin tal-virus. Dawn jinkludu r-Rom u l-migranti li l-aċċess tagħhom għall-kura tas-saħħa u l-miżuri ta’ appoġġ pubbliku saru saħansitra aktar diffiċli, kif ukoll persuni ta’ oriġini Asjatika jew dawk meqjusa li huma ta’ oriġini Asjatika
. Kien hemm ukoll żieda fit-teoriji ta’ konfoffa kontra ċerti gruppi, li wasslet għal diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda. Ir-riċerka tiżvela, pereżempju, li fl-ewwel xahrejn tal-2021 (matul il-pandemija), meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2020 (qabel il-pandemija), kien hemm żieda ta’ seba’ darbiet fil-posts antisemitiċi fuq il-kontijiet/mezzi Franċiżi vvalutati, u żieda ta’ aktar minn 13-il darba fuq dawk Ġermaniżi.
Il-pandemija enfasizzat ukoll it-tensjonijiet interġenerazzjonali u ġabet magħha qawmien mill-ġdid ta’ messaġġi ostili fuq il-media soċjali li jikkwalifikaw bħala diskors ta’ mibegħda kontra l-anzjani, li bħala kategorija vulnerabbli kienu aktar fil-mira ta’ abbuż matul il-pandemija u aktar suxxettibbli li jsiru vittmi ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda.
Persuni li identifikaw bħala LGBTIQ esperjenzaw żieda fil-vjolenza mindu bdiet il-pandemija.
. “L-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru” kienet it-tielet l-aktar bażi komuni fost ir-reati ta’ mibegħda rrappurtati (18,35 %) fir-Rapport dwar ir-Reati ta’ Mibegħda għall-2019 tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (“ODIHR”) — żieda meta mqabbla mal-2018 (14,61 %). Id-diskors abbażi tal-ġeneru qed jiżdied ukoll fl-Ewropa, u qed iseħħ online u offline u fil-forom kollha ta’ interazzjoni soċjali (eż. fl-iskola, fil-post tax-xogħol, fl-ispazji pubbliċi). Il-forom kollha ta’ vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa, inkluż diskors ta’ mibegħda misoġena, kienu dejjem aktar komuni qabel il-COVID-19, li rriżultaw fin-normalizzazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa. F’rapport dwar il-fastidju online kontra l-ministri nisa, iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Komunikazzjonijiet Strateġiċi tan-NATO sab li s-suġġetti li jiskattaw l-aktar messaġġi abbużivi online kienu l-pandemija tal-COVID-19, l-immigrazzjoni, ir-relazzjonijiet tal-UE, u l-politika soċjalment liberali.
Meta wieħed iħares lejn l-iżviluppi leġiżlattivi reċenti, f’dawn l-aħħar snin tista’ tiġi osservata żieda progressiva fil-kriminalizzazzjoni għal raġunijiet oħra minbarra dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas. Bħalissa, 11-il Stat Membru bdew proposti jew proċessi leġiżlattivi biex ikomplu jikkriminalizzaw id-diskors ta’ mibegħda u/jew ir-reati ta’ mibegħda. Minn dawn, disa’ Stati Membri pproponew li jiżdiedu ċerti raġunijiet għal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar id-diskors ta’ mibegħda u/jew reati ta’ mibegħda.
4.Il-valur miżjud tal-estensjoni tal-lista ta’ reati tal-UE
4.1.Rispons effettiv fil-livell tal-UE
Abbażi tal-valutazzjoni stabbilita hawn fuq, il-Kummissjoni tqis din l-inizjattiva bħala l-aktar rispons effettiv fil-livell tal-UE għall-isfidi identifikati. B’mod partikolari, inizjattiva komuni fil-livell tal-UE biss tista’ tipproteġi b’mod effettiv il-valuri komuni minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, li huma mminati mill-forom kollha ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda, irrispettivament mill-persuni u l-gruppi fil-mira.
Sforz konġunt jista’ jirrispondi b’mod effettiv u konsistenti għall-isfidi li jirriżultaw min-natura transfruntiera taż-żewġ fenomeni, kif ukoll mill-iskala u x-xejra dejjem tiżdied tagħhom. Meta wieħed iqis l-approċċi kriminali diverġenti u frammentati attwali tal-Istati Membri, u l-impatt limitat tagħhom fil-livell tal-UE, din l-inizjattiva tindirizza l-problema transfruntiera b’mod komprensiv.
Huwa biss approċċ komuni għall-kriminalizzazzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda fil-livell tal-UE li jista’ jiżgura protezzjoni konsistenti tal-vittmi ta’ tali atti madwar l-UE. Dan jinkludi l-aċċess tal-vittmi għall-miżuri ta’ protezzjoni speċjali mogħtija lill-aktar vittmi vulnerabbli tal-kriminalità skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi. Minħabba d-dimensjoni transfruntiera tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, u l-ħtieġa għal soluzzjoni tal-liġi kriminali, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji se tkun kruċjali. Rispons għall-ġustizzja kriminali komuni jista’ jtejjeb il-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni ġudizzjarja li huma l-prinċipji bażiċi ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-UE b’rispett għad-drittijiet fundamentali.
4.2.Nuqqas ta’ alternattivi għall-estensjoni tal-lista ta’ reati tal-UE
Għalkemm jista’ jkun hemm xi trikkib ma’ ċerti oqsma ta’ kriminalità elenkati fl-Artikolu 83(1)tat-TFUE, għalissa ma setgħux jiġu adottati regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-livell tal-UE għal diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda.
B’mod partikolari, it-trikkib parzjali bejn il-“kriminalità tal-informatika” u r-reati u d-diskors ta’ mibegħda ma jippermettix l-adozzjoni ta’ regoli minimi tal-liġi kriminali li jkopru l-forom kollha ta’ diskors ta’ mibegħda, irrispettivament mill-mezzi użati. Dan jista’ jippermetti l-adozzjoni ta’ regoli minimi dwar id-diskors ta’ mibegħda kondiviż permezz tal-internet, iżda mhux ta’ diskors ta’ mibegħda mwettaq u kondiviż b’mezzi oħra. Pereżempju, permezz ta’ kondiviżjoni pubblika jew distribuzzjoni ta’ siltiet jew stampi, f’laqgħat pubbliċi (eż. avvenimenti sportivi), imxandra fuq it-televiżjoni u diskors politiku. Dan ikun ifisser li jkun hemm qafas uniku armonizzat tal-liġi kriminali tal-UE għad-diskors ta’ mibegħda mwettaq permezz ta’ mezzi diġitali kontra approċċ diverġenti u frammentat madwar l-UE fir-rigward tad-diskors ta’ mibegħda mwettaq permezz ta’ mezzi oħra. Separazzjoni simili u mhux ġustifikata tinħoloq bejn il-kriminalizzazzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, peress li r-reati ta’ mibegħda ma jkunux koperti mill-bażi ġuridika tal-“kriminalità tal-informatika”. Tali kriminalizzazzjoni frammentata ma tistax tindirizza b’mod effettiv u komprensiv dawn il-fenomeni interkonnessi mill-qrib.
Ċerti każijiet ta’ reati ta’ mibegħda jistgħu, f’ċirkostanzi speċifiċi, jitqiesu li jaqgħu taħt “terroriżmu”, u li jikkwalifikaw bħala reat terroristiku, jiġifieri fejn tista’ tiġi stabbilita intenzjoni terroristika. Pereżempju, intenzjoni li l-popolazzjoni tiġi intimidata serjament. Minkejja tali trikkib possibbli, “terroriżmu” u d-definizzjoni ta’ reati terroristiċi mhux se japplikaw għall-każijiet kollha ta’ reati ta’ mibegħda u għalhekk ma jistgħux jintużaw biex jikkriminalizzaw b’mod komprensiv id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda.
F’dan l-isfond, jidher li biss l-identifikazzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda bħala qasam ġdid u distint ta’ kriminalità, fih innifsu, tista’ tippermetti approċċ effettiv u komprensiv tal-liġi kriminali għal dawn il-fenomeni fil-livell tal-UE.
Għal din ir-raġuni, din l-inizjattiva tal-Kummissjoni tista’ titqies bħala konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jidher li huwa inerenti fl-issodisfar tal-kriterji fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE. Barra minn hekk, l-inizjattiva hija proporzjonata mal-objettivi mfittxija. B’mod partikolari, fiha nnifisha ma toħloq l-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv għall-UE, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, l-operaturi ekonomiċi jew iċ-ċittadini.
5.Konklużjoni
L-urġenza li jiġu indirizzati d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda madwar l-UE titlob sforzi u impenn konġunti.
Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill, bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, biex imexxi ’l quddiem din l-inizjattiva u jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-lista ta’ reati tal-UE għad-diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda. Għal dan l-għan, il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn inizjattiva tal-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 83(1) tat-TFUE.
Wara l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa li tipproponi leġiżlazzjoni biex tikkriminalizza d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda fil-livell tal-UE. Filwaqt li tagħti kunsiderazzjoni partikolari lill-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni se tipproponi rispons robust għall-isfidi ppreżentati mid-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda madwar l-UE llum u fil-ġejjieni.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.12.2021
COM(2021) 777 final
ANNESS
tal-
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Ewropa aktar inklużiva u protettiva: l-estensjoni tal-lista ta’ reati fl-UE għad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar iż-żieda ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda mal-oqsma tal-kriminalità stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew
,
Billi:
(1)Il-forom u l-manifestazzjonijiet kollha ta’ mibegħda u intolleranza, inklużi d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, huma inkompatibbli mal-valuri tal-Unjoni tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”). Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.
(2)L-Unjoni għandha tikkonsisti fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri. Hija għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ sigurtà, permezz ta’ miżuri li jinkludu l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, ir-razziżmu u l-ksenofobija.
(3)Skont l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jisgħu jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fl-oqsma ta’ kriminalità partikolarment gravi ta’ dimensjoni transkonfinali li jirriżultaw min-natura jew l-impatt ta’ dawn ir-reati jew minn ħtieġa partikolari li jiġu miġġielda fuq bażi komuni. Dawk l-oqsma ta’ kriminalità huma elenkati f’dan l-Artikolu.
(4)Din il-lista ta’ oqsma ta’ kriminalità, kif inhi bħalissa, ma tippermettix li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-definizzjoni u s-sanzjonijiet tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda.
(5)Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tipprevedi sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal diskors ta’ mibegħda razzist u ksenofobiku u għal reati ta’ mibegħda, applikabbli fl-Unjoni kollha. Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jikkriminalizzaw id-diskors ta’ mibegħda, jiġifieri l-inċitament pubbliku għall-vjolenza jew għall-mibegħda, għal raġunijiet ta’ razza, kulur tal-ġilda, reliġjon, dixxendenza jew oriġini nazzjonali jew etnika. L-istess rekwiżit japplika għar-reati kollha, għajr id-diskors ta’ mibegħda, imwettqa b’motivazzjoni razzista jew ksenofobika.
(6)Il-ħtieġa li d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jiġu indirizzati b’mod effettiv għal raġunijiet oħra lil hinn minn dawk koperti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI, u b’mod partikolari abbażi tas-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-età u d-diżabilità ġiet identifikata fl-Unjoni tal-istrateġiji ta’ Ugwaljanza, jiġifieri l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 u l-istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021–2030.
(7)L-UE u l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. L-Artikolu 16 tagħha dwar il-libertà mill-isfruttament, il-vjolenza u l-abbuż jiddikjara li l-partijiet jenħtieġ li jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, amministrattivi, soċjali, edukattivi u miżuri oħra xierqa kollha biex jipproteġu lill-persuni b’diżabilità. Il-persuni b’diżabilità jenħtieġ li jkunu protetti kemm fid-dar kif ukoll barra minnha, minn kull forma ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż. Il-partijiet jenħtieġ li jieħdu wkoll il-miżuri xierqa kollha biex jipprevjenu kull forma ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż. L-Artikolu 17 dwar il-protezzjoni tal-integrità tal-persuna jiddikjara li l-persuni kollha b’diżabilità għandhom dritt għar-rispett għall-integrità fiżika u mentali tagħhom fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.
(8)Kif rikonoxxut ukoll fil-livell internazzjonali, id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda huma kkaratterizzati mill-motivazzjoni ta’ preġudizzju li tiskatta l-azzjoni tal-awtur kontra persuni jew gruppi, li jikkondividu jew jitqiesu bħala li jikkondividu karatteristiki protetti. Il-mibegħda hija karatteristika speċjali intrinsika taż-żewġ fenomeni, li tgħaqqad dan il-grupp usa’ ta’ reati.
(9)Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jimminaw id-drittijiet u l-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, b’mod partikolari d-dinjità tal-bniedem u l-ugwaljanza. Barra minn hekk, huma jikkawżaw ħsara mhux biss lill-vittmi individwali, iżda wkoll lill-komunitajiet usa’ u lis-soċjetà inġenerali, inkluż billi jkollhom effett dissważiv fuq il-libertà tal-espressjoni. Dawn jimpedixxu l-pluraliżmu u t-tolleranza, billi jwasslu għall-polarizzazzjoni u jaffettwaw b’mod negattiv id-dibattitu pubbliku u l-ħajja demokratika.
(10)Il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni hija minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u hija waħda mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika. L-istabbiliment ta’ diskors ta’ mibegħda bħala reat huwa meħtieġ biex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn u biex jintlaħqu ġenwinament l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni. Kull leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirrikjedi li l-Istati Membri jikkriminalizzaw id-diskors ta’ mibegħda u b’hekk taffettwa d-dritt għal-libertà tal-espressjoni jenħtieġ li tkun proporzjonata u tirrispetta l-essenza tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni.
(11)Id-diskors ta’ mibegħda jista’ jwassal mhux biss għal kunflitt, iżda wkoll għal reati ta’ mibegħda. It-tnejn li huma jinfirxu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Id-diskors ta’ mibegħda huwa faċilment riprodott u kondiviż b’mod wiesa’ online permezz tal-internet, inkluża l-media soċjali, u offline permezz ta’ xandiriet televiżivi, avvenimenti pubbliċi, stampa miktuba u diskors politiku. Ir-reati ta’ mibegħda jistgħu jitwettqu jew jiġu ffaċilitati permezz ta’ networks ma’ membri minn diversi pajjiżi, li jispiraw, jorganizzaw jew iwettqu attakki fiżiċi. B’mod aktar ġenerali, ir-reati ta’ mibegħda għandhom effett konsegwenzjali madwar l-Istati Membri, li jikkontribwixxi għal klima ta’ biża’, u jista’ jwassal għal kunflitti soċjali.
(12)Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda huma mifruxa madwar l-Unjoni u ilhom jiżdiedu matul l-aħħar snin. B’mod partikolari, il-pandemija tal-COVID-19 żiedet is-sentimenti ta’ nuqqas ta’ sigurtà, ta’ iżolament u ta’ biża’. Dan ħoloq atmosfera li fih id-diskors ta’ mibegħda ffjorixxa, filwaqt li ntuża wkoll biex jiġu mmirati popolazzjonijiet diġà emarġinati, li rriżulta wkoll f’reati ta’ mibegħda.
(13)Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jimminaw il-pedamenti proprji ta’ soċjetà demokratika u pluralistika u l-valuri komuni minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE. Il-gravità partikolari ta’ dawn il-kondotti, minħabba l-impatti tagħhom fuq id-drittijiet u l-valuri fundamentali, u n-natura transfruntiera tagħhom jitolbu azzjoni komuni fil-livell tal-Unjoni. Rispons komuni tal-liġi kriminali tal-Unjoni huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi mqajma mid-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda. Dan jiżgura wkoll protezzjoni konsistenti tal-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda, kif ukoll aċċess għall-miżuri ta’ protezzjoni speċjali mogħtija lill-vittmi tal-kriminalità l-aktar vulnerabbli. Approċċ komuni għandu jtejjeb ukoll il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, li hija indispensabbli minħabba d-dimensjoni transfruntiera ta’ dawn il-fenomeni.
(14)Għaldaqstant, id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE u jistgħu jiġu identifikati bħala “qasam ieħor ta’ kriminalità”, minbarra dawk diġà elenkati f’din id-dispożizzjoni.
(15)Għalhekk, l-estensjoni tal-lista ta’ oqsma ta’ kriminalità fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE biex tkopri d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda hija meħtieġa, bħala l-ewwel pass, biex tippermetti, bħala t-tieni pass, l-adozzjoni ta’ leġislazzjoni sekondarja sostantiva li tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjonijiet u s-sanzjonijiet ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda.
(16)Din id-Deċiżjoni m’għandhiex taffettwa l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu fit-tieni pass. B’mod partikolari, hija la tantiċipa u lanqas ma tippreġudika l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tal-leġiżlazzjoni sekondarja li trid tiġi proposta sussegwentement.
(17)Il-proposta tal-Kummissjoni ta’ tali leġiżlazzjoni sekondarja jenħtieġ li titħejja f’konformità mar-rekwiżiti ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, inklużi valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni wiesgħa. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Istati Membri meta tħejji tali leġiżlazzjoni sekondarja, inkluż dwar l-ispeċifiċitajiet tal-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali marbuta mal-liġi kriminali u mad-drittijiet fundamentali,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda għandhom ikunu qasam ta’ kriminalità skont it-tifsira tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President