Brussell, 9.12.2021

COM(2021) 761 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għal Ewropa soċjali aktar b'saħħitha: l-isfruttament tal-benefiċċji kollha tad-diġitalizzazzjoni għall-futur tax-xogħol


1. Introduzzjoni

Id-diġitalizzazzjoni tippermetti servizzi innovattivi, mudelli kummerċjali ġodda u forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol. Xprunata minn ammonti kbar ta’ data u teknoloġiji b’saħħithom bħall-intelliġenza artifiċjali (IA), id-diġitalizzazzjoni qiegħda tgħaqqad lid-dinja, issaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali u tissimplifika l-mod ta’ kif joperaw l-organizzazzjonijiet u ta’ kif jiġu mmaniġġjati l-ħaddiema.

It-teknoloġiji l-ġodda jippermettu l-awtomatizzazzjoni ta’ ħafna mix-xogħol amministrattiv ta’ kuljum u ta’ kompiti ripetittivi li l-ħaddiema kienu jqattgħu sigħat fuqhom – dan jippermettilhom jiffokaw fuq xogħol aktar kreattiv, analitiku u strateġiku li jista’ jagħti lill-organizzazzjoni tagħhom vantaġġ kompetittiv. Id-diġitalizzazzjoni qiegħda tagħmel it-telexogħol u x-xogħol ibridu għażla vijabbli għal għadd dejjem akbar ta’ kumpaniji, u tippermetti aktar flessibbiltà fl-organizzazzjoni tax-xogħol u produttività mtejba, filwaqt li tikkontribwixxi għall-impenji ekoloġiċi tal-UE. Il-pjattaformi ta’ xogħol diġitali jistgħu jqabblu b’mod effiċjenti l-provvista u d-domanda għax-xogħol u joħolqu opportunitajiet għall-klijenti, għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

Flimkien ma’ dawn l-opportunitajiet, it-trasformazzjoni diġitali ġġib ukoll sfidi. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-UE huma fost l-aqwa fid-dinja. Ir-rekwiżiti minimi dwar il-ħin tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali, u t-trattament ugwali tal-persuni (inkluż il-paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa) huma kollha parti mill-mudell soċjali Ewropew. Madankollu, il-wasla tad-diġitalizzazzjoni qiegħda taffettwa s-swieq tax-xogħol b’modi li jqajmu mistoqsijiet dwar dan il-mudell. Forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol ma jissarfux awtomatikament f’impjiegi ta’ kwalità.

Għalhekk, jenħtieġ li l-prinċipji li jirfdu l-ekonomija tas-suq soċjali Ewropew tagħna ma jitqisux bħala xi ħaġa awtomatika u jenħtieġ li jiġu protetti. Xi persuni huma dejjem aktar żvantaġġati, inkluż ħafna li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi ta’ xogħol diġitali li joperaw f’kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji. Modi ġodda ta’ kif jiġi organizzat ix-xogħol, bħal xogħol fuq pjattaforma, jagħmluha aktar kumplessa biex in-nies jiġu kklassifikati b’mod korrett bħala ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom. Dan iwassal għal sitwazzjonijiet fejn xi persuni jiġu mċaħħda inġustament mill-aċċess għad-drittijiet u għall-protezzjonijiet assoċjati mal-istatus tal-ħaddiem. Oħrajn ma jistgħux igawdu mill-awtonomija reali tal-istatus ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.  Waqt li l-għodod algoritmiċi qegħdin isiru dejjem aktar komuni fid-dinja tax-xogħol, qegħdin isiru dejjem aktar evidenti kwistjonijiet relatati mas-sorveljanza, mal-użu tad-data, mal-ugwaljanza u d-diskriminazzjoni (eż. preġudizzji bbażati fuq il-ġeneru inkorporati fit-tfassil tal-għodod algoritmiċi), u mal-applikazzjoni tal-ġestjoni algoritmika.

Wara l-impenn tal-President von der Leyen 1 , il-Kummissjoni qiegħda tipproponi sett ta’ miżuri bl-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq pjattaforma. 

Fis-Summit Soċjali ta’ Porto f’Mejju 2021, il-mexxejja tal-UE ġeddew l-impenn tagħhom li jpoġġu fil-prattika l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-pakkett tax-xogħol fuq pjattaforma, flimkien mal-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar l-IA 2 u l-ħiliet diġitali 3 , huwa element ewlieni tal-viżjoni tagħna għal Ewropa Soċjali fl-era diġitali 4 . Din il-viżjoni hija mnaqqxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanjah. Il-viżjoni hija waħda ta’ futur li fih l-ekonomija diġitali tiżviluppa b’mod sostenibbli u tagħti riżultati fuq il-ħafna wegħdiet li għandha, u li fih, mudelli kummerċjali ġodda joħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar, li jżommu standards soċjali għoljin.

2. Ix-xogħol fuq pjattaforma – Għaliex jeħtieġ li naġixxu

Ix-xogħol fuq pjattaforma jirrappreżenta dinja ta’ xogħol fi fluss kostanti. Dan jippermetti lil ħafna nies li jaqilgħu l-għajxien tagħhom jew li jikkumplimentaw l-introjtu tagħhom, inkluż għal persuni li inkella jsibu diffikultà sabiex jaċċessaw is-suq tax-xogħol, bħal dawk b’paga baxxa, nisa, żgħażagħ jew dawk b’diżabilità, migranti jew persuni bi sfond ta’ minoranza razzjali jew etnika. Joħloq opportunitajiet sabiex tiġi żviluppata jew estiża il-bażi tal-klijenti, xi drabi bejn il-fruntieri. Ix-xogħol fuq pjattaforma jgħin fit-tkabbir tan-negozji billi jagħti aċċess ferm usa’ għall-konsumaturi, opportunitajiet sabiex jiġi ddiversifikat id-dħul u sabiex jiġu żviluppati linji ta’ negozju ġodda. Għall-konsumaturi dan ifisser aċċess aħjar għal prodotti u servizzi li kieku kienu jkunu diffiċli biex jintlaħqu, kif ukoll aċċess għal għażla ġdida u aktar varjata ta’ servizzi.

L-ekonomija tal-pjattaforma diġitali qiegħda tikber malajr. Bejn l-2016 u l-2020, id-dħul tagħha żdied bi kważi ħames darbiet minn stima ta’ EUR 3 biljun għal madwar EUR 14-il biljun 5 . Id-dħul jista’ jkun saħansitra ikbar, bi studju ieħor jistmah li jlaħħaq l-EUR 20,3 biljun 6 . Illum, aktar minn 28 miljun persuna fl-UE taħdem permezz ta’ pjattaformi ta’ xogħol diġitali. Fl-2025, in-numru huwa mistenni li jilħaq it-43 miljun.

Ix-xogħol fuq pjattaforma huwa ’l bogħod minn omoġenju. Il-pjattaformi ta’ xogħol diġitali joperaw f’għadd kbir ta’ setturi ekonomiċi: mill-aktar servizzi viżibbli “fil-post” bħar-ride-hailing, xogħol ta’ konsenja jew domestiku, għal mikrokompiti bħat-taħriġ tal-IA jew il-kodifikazzjoni tad-data, għal impjiegi kreattivi jew speċjalizzati b’livell għoli ta’ ħiliet bħad-disinn arkitettoniku, it-traduzzjonijiet jew l-iżvilupp tal-IT. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jorganizzaw ukoll ix-xogħol b’modi differenti, u jħallu gradi differenti ta’ awtonomija u indipendenza lil persuni li jaħdmu fihom. Ix-xogħol fuq pjattaforma huwa l-attività ewlenija ta’ xi nies, filwaqt li għal oħrajn huwa sors ta’ dħul komplementari. Jekk dawn in-nies kollha jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet il-ġodda ta’ xogħol fuq pjattaforma, huwa essenzjali li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali madwar l-UE joperaw f’qafas legali ċar.

Madankollu, l-iżvilupp reċenti fuq l-ekonomija tal-pjattaforma tax-xogħol ġab ukoll sfidi ġodda għal dawk li jaħdmu permezz tagħhom. Dawn jistgħu jvarjaw minn nuqqas ta’ trasparenza u prevedibbiltà tal-arranġamenti kuntrattwali għall-isfidi tas-saħħa u s-sikurezza, il-klassifikazzjoni ħażina tal-istatus tal-impjieg, jew aċċess inadegwat għall-protezzjoni soċjali.

Hemm bżonn ta’ ċarezza akbar fir-rigward tal-istatus tal-impjieg tan-nies li jaħdmu permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali. Disgħa minn kull għaxar pjattaformi tax-xogħol diġitali attivi fl-UE bħalissa huma stmati li jikklassifikaw lin-nies li jaħdmu permezz tagħhom bħala persuni li jaħdmu għal rashom. Ħafna minn dawn in-nies għandhom awtonomija reali fix-xogħol tagħhom u jivvalutaw il-flessibbiltà u l-aċċess faċli għall-klijenti li jipprovdu l-pjattaformi ta’ xogħol diġitali. Madankollu, oħrajn jesperjenzaw subordinazzjoni għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali li joperaw permezz tagħhom, kif ukoll gradi differenti ta’ kontroll minnhom, pereżempju fir-rigward tal-livelli tal-pagi, l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u aspetti oħrajn tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. F’dawn il-każijiet, mhux dejjem ikun ċar jekk l-istatus tal-impjieg tagħhom huwiex determinat b’mod korrett. L-istatus tal-impjieg jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-fatti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni, irrispettivament mill-eżistenza ta’ kuntratt bil-miktub jew it-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu. L-istatus tal-impjieg għandu konsegwenzi fuq liema obbligi jaqgħu fuq il-pjattaformi tax-xogħol diġitali u liema drittijiet jenħtieġ li jingħataw lil persuni li jaħdmu permezz tagħhom. Il-preferenzi tan-nies rigward il-livelli mixtieqa ta’ awtonomija, flessibbiltà u protezzjoni jistgħu jvarjaw. Għalhekk huwa importanti li jkollhom ċertezza legali fir-rigward tal-istatus tagħhom, li tippermettilhom jagħmlu għażliet konxji u volontarji.

L-użu prattiku ta’ “ġestjoni algoritmika” fuq il-pjattaformi ta’ xogħol diġitali jġibu sfidi speċifiċi. “Il-ġestjoni algoritmika” tirreferi għall-użu ta’ algoritmi, jiġifieri sistemi awtomatizzati għall-appoġġ jew saħansitra għas-sostituzzjoni ta’ funzjonijiet maniġerjali bħal monitoraġġ u evalwazzjoni tax-xogħol. Il-ġestjoni algoritmika ma hijiex limitata għall-ekonomija tal-pjattaforma. Is-sistemi awtomatizzati jintużaw f’għadd dejjem akbar ta’ modi fis-suq usa’ tax-xogħol – mill-monitoraġġ bażiku ħafna tal-iskedi tax-xogħol, ix-xiftijiet u s-sigħat tax-xogħol għal applikazzjonijiet aktar kumplessi li jittrattaw l-allokazzjoni tal-kompiti u l-kalkolu tal-pagi.

Għall-pjattaformi ta’ xogħol diġitali, il-ġestjoni algoritmika hija b’mod ċar inerenti għall-mudell kummerċjali tagħhom u jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Barra minn hekk, tista’ taħbi subordinazzjoni wara pretensjoni ta’ nuqqas ta’ superviżjoni umana. Persuna tista’ tkun allegatament taħdem għal rasha u għalhekk ikollha nuqqas ta’ aċċess għal drittijiet assoċjati mal-istatus ta’ ħaddiem, filwaqt li fir-realtà, il-kontroll eżerċitat permezz tal-algoritmi jċaħħadha mill-awtonomija li tgawdi persuna li taħdem għal rasha ġenwinament. Anke f’sitwazzjonijiet fejn l-istatus tal-impjieg ikun ikklassifikat b’mod korrett, l-algoritmi jista’ jkollhom rwol determinanti f’termini ta’ aċċess għall-kompiti u b’hekk fuq il-livell ta’ qligħ għal dawk il-persuni li jaħdmu għal rashom ġenwinament. Ir-rabta mill-qrib bejn il-ġestjoni algoritmika u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq pjattaforma titlob għal rispons politiku immedjat u dedikat.

Kwistjonijiet relatati mal-infurzar, it-traċċabbiltà u t-trasparenza, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntiera, jistgħu jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u aċċess inadegwat għall-protezzjoni soċjali. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom diffikultajiet sabiex jaċċessaw id-data fuq il-pjattaformi tax-xogħol diġitali u dwar persuni li jaħdmu permezz tagħhom, eż. l-għadd ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq pjattaforma fuq bażi regolari, l-istatus kuntrattwali jew ta’ impjieg tagħhom, jew it-termini u l-kundizzjonijiet tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali. Il-problema tat-traċċabbiltà hija partikolarment rilevanti meta l-pjattaformi tax-xogħol diġitali joperaw f’diversi Stati Membri, u dan ma jagħmilhiex ċara fejn qiegħed jitwettaq ix-xogħol fuq pjattaforma u minn min.

In-negozjar kollettiv u l-ftehimiet kollettivi huma kruċjali għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Madankollu, fil-kuntest tax-xogħol fuq pjattaforma, id-djalogu soċjali għadu limitat ħafna. Sa ċertu punt, il-mod li bih jitwettaq ix-xogħol fuq pjattaforma jillimita l-opportunitajiet prattiċi għal rappreżentazzjoni u organizzazzjoni kollettiva. Ħafna drabi ma jkun hemm l-ebda post tax-xogħol fiżiku involut, li jfisser li n-nies li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali rarament jinteraġixxu ma’ xulxin, jew tal-anqas mhux b’mod organizzat. Ħafna drabi dawn lanqas biss ikunu jafu lil sħabhom li jkun hemm fuq pjattaforma partikolari, jew kif għandhom jikkuntattjawhom. Għal persuni li jaħdmu għal rashom, ostaklu addizzjonali għal negozjar kollettiv jirriżulta mill-interpretazzjoni attwali tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE. L-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi ftehimiet bejn impriżi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Il-persuni li jaħdmu għal rashom tipikament jitqiesu bħala “impriżi” skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, li jfisser li, fil-prattika, in-nies li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali normalment ma jistgħux jinnegozjaw b’mod kollettiv sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom mingħajr ir-riskju li jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE.

Fit-tfittxija sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, il-Kummissjoni ma hijiex qiegħda tibda mill-bidu nett. Diġà hemm diversi atti legali eżistenti u proposti fil-livell Ewropew, li huma ta’ rilevanza kbira għax-xogħol fuq pjattaforma. Dawn jinkludu l-korp kollu tal-liġijiet tal-UE dwar ix-xogħol u l-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali, kif ukoll strumenti tas-suq intern bħar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data 7 , li jiżgura protezzjoni soda tad-data personali fl-Ujoni kollha, ir-Regolament dwar il-Pjattaformi għan-Negozju 8 u l-Att propost dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. Madankollu, l-isfidi speċifiċi deskritti hawn fuq jeħtieġu azzjonijiet immirati addizzjonali.

Il-koleġiżlaturi Ewropej jirrikonoxxu l-ħtieġa għal azzjoni fil-livell tal-UE. Il-Parlament Ewropew talab għal approċċ ambizzjuż tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tax-xogħol fuq pjattaforma. Adotta rapport ta’ inizjattiva 9 , li jitlob għal miżuri b’saħħithom sabiex jindirizzaw ir-riskju ta’ klassifikazzjoni ħażina tal-istatus tal-impjiegi u sabiex jindirizzaw l-isfidi ta’ ġestjoni algoritmika fil-kuntest tax-xogħol fuq pjattaforma. L-Istati Membri 10 wkoll jirrikonoxxu l-ħtieġa għal ċertezza legali aktar b’saħħitha dwar id-drittijiet u l-obbligi tan-nies li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali, u jindikaw in-nuqqas ta’ ċarezza fl-istatus tal-impjieg tagħhom bħala kwistjoni ewlenija. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 11 u l-Kumitat tar-Reġjuni 12 wkoll talbu għal azzjoni speċifika fuq ix-xogħol fuq pjattaforma.

Il-Kummissjoni semgħet lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti. Ġeneralment, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi jaqblu mal-objettivi ġenerali identifikati mill-Kummissjoni u l-ħtieġa li jiġu indirizzati. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema talbu miżuri ambizzjużi sabiex jindirizzaw il-klassifikazzjoni ħażina u jridu li jkunu jistgħu jibdew djalogu soċjali dwar kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni algoritmika. L-assoċjazzjonijiet tan-negozju wissew kontra miżuri li huma l-istess għal kulħadd (one-size-fits-all) u enfasizzaw il-ħtieġa li nibnu fuq inizjattivi eżistenti u futuri tal-UE. Il-Kummissjoni wettqet ukoll skambji estensivi ma’ dawk l-aktar li huma involuti direttament fl-ekonomija tal-pjattaformi - pjattaformi ta’ xogħol diġitali u n-nies li jaħdmu permezz tagħhom. Il-pjattaformi ta’ xogħol diġitali talbu għal regoli aktar ċari u qafas ta’ abilitazzjoni li jistgħu jiżguraw ġustizzja mingħajr ma jxekklu l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. In-nies li jaħdmu permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali enfasizzaw l-apprezzament tagħhom għall-flessibbiltà u għall-opportunitajiet offruti mix-xogħol fuq pjattaforma, filwaqt li talbu li d-drittijiet soċjali tagħhom jiġu rrispettati u msaħħa.

Il-miżuri li l-Kummissjoni tipproponi f’dan il-pakkett jirriflettu l-analiżi u d-diskussjonijiet ta’ hawn fuq. Dawn jinkludu:

·proposta għal direttiva dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq pjattaforma;

·abbozz ta’ linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE għal ftehimiet kollettivi rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u waħedhom, li jkopru dawk li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi ta’ xogħol diġitali;

·talba għal miżuri ġodda, kif deskritt hawn taħt, fuq l-awtoritajiet nazzjonali, fuq is-sħab soċjali u fuq il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha sabiex jiksbu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għal dawk li jaħdmu permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi sett ta’ għodod b’saħħithom sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq pjattaforma, inkluż bil-għan li jiġu appoġġati l-kundizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli ta’ pjattaformi ta’ xogħol diġitali fl-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva proposta tressaq miżuri sabiex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ klassifikazzjoni ħażina tal-istatus tal-impjieg fix-xogħol fuq pjattaforma. Dan jindirizza l-isfidi ta’ ġestjoni algoritmika fix-xogħol fuq pjattaforma, kif ukoll l-isfidi relatati mat-trasparenza u t-traċċabbiltà. L-abbozz ta’ linji gwida għandu l-għan li jiżgura li l-liġi tal-kompetizzjoni ma tfixkilx in-negozjati kollettivi fuq paga u aspetti oħrajn tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u waħedhom f’pożizzjoni dgħajfa.

L-azzjoni fil-livell tal-UE għandha tkun ikkumplimentata minn atturi rilevanti oħrajn. Il-Kummissjoni se tappoġġa u se timmonitorja t-traspożizzjoni tad-Direttiva u se tiżgura applikazzjoni u infurzar xierqa mill-Istati Membri. Madankollu, hemm bżonn ta’ miżuri addizzjonali sabiex titrawwem il-ġustizzja fix-xogħol fuq pjattaforma. Din hija r-raġuni għaliex f’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri, lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali, lis-sħab soċjali, jaħdmu flimkien sabiex isaħħu u jikkumplimentaw ulterjorment id-direttiva u l-linji gwida proposti.

3. L-azzjoni tal-UE dwar ix-xogħol fuq pjattaforma – Xi tfisser għal dawk li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali li jiġu riklassifikati bħala ħaddiema?

Fost it-28 miljun persuna li huma stmati li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali, il-biċċa l-kbira huma persuni li jaħdmu għal rashom ġenwinament. Madankollu, jista’ jkun hemm sa 5,5 miljun persuna li taħdem għal rasha “falza” 13 . Dan ifisser li, filwaqt li l-kuntratti tagħhom mal-pjattaformi tax-xogħol diġitali li jaħdmu fihom jiddeskrivuhom bħala persuni li jaħdmu għal rashom, fir-realtà huma soġġetti għall-kontroll u għas-superviżjoni, li huma karatteristiċi tal-istatus ta’ “ħaddiem”. Dawn in-nies jistgħu jkunu f’sitwazzjoni partikolarment prekarja. Jekk ikunu jridu jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-istatus tal-impjieg tagħhom, dawn iridu jmorru l-qorti u jagħtu prova li d-deskrizzjoni kuntrattwali tal-istatus tagħhom hija falza. Dan ma huwiex kompitu faċli, peress li jista’ jieħu ż-żmien u l-flus, u huwa partikolarment ta’ sfida għan-nies f’pożizzjoni dgħajfa fis-suq tax-xogħol, bħal dawk b’paga baxxa, ħaddiema żgħażagħ jew dawk bi sfond ta’ migrazzjoni. Sal-lum, kien hemm aktar minn 100 deċiżjoni tal-qorti u 15-il deċiżjoni amministrattiva li jittrattaw l-istatus tal-impjieg ta’ persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali 14 . Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-deċiżjonijiet ikkonfermaw li kienu kklassifikati ħażin bħala persuni li jaħdmu għal rashom u fil-fatt jenħtieġ li jitqiesu bħala ħaddiema 15 .

L-istatus tal-impjieg huwa l-portal għad-drittijiet tax-xogħol u għad-drittijiet soċjali eżistenti. Il-klassifikazzjoni ħażina ta’ nies li jaħdmu għal rashom foloz ma tippermettilhomx igawdu d-drittijiet li jkunu intitolati għalihom bħala ħaddiema. Dawn id-drittijiet jinkludu d-dritt għal paga minima fejn applikabbli, negozjar kollettiv, regolamenti dwar il-ħin tax-xogħol, sikurezza fuq ix-xogħol u protezzjoni tas-saħħa, paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u d-dritt għal liv bi ħlas, kif ukoll aċċess imtejjeb għal protezzjoni soċjali kontra inċidenti fuq ix-xogħol, qgħad, mard u xjuħija. Il-klassifikazzjoni ħażina ma hijiex biss inġusta għall-ħaddiema affettwati, imma jista’ jkollha wkoll riperkussjonijiet negattivi għas-soċjetà kollha kemm hi.

Din hija r-raġuni għaliex waħda mid-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva proposta hija preżunzjoni konfutabbli ta’ relazzjoni tax-xogħol. Il-preżunzjoni tapplika għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali kollha li jeżerċitaw kontroll fuq in-nies li jaħdmu bihom. Il-proposta tressaq għadd ta’ kriterji ta’ tali kontroll u, b’rabta miegħu, subordinazzjoni, li jipprovdu aktar ċertezza legali fil-livell tal-UE. Il-proposta tinkludi l-obbligi fuq l-Istati Membri li jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li l-preżunzjoni tkun effettiva, tkun tista’ tiġi infurzata kif ukoll tiġi kkonfutata. Huwa stmat li bejn 1,7 miljun u 4,1 miljun mill-5,5 miljun persuna li jinsabu f’riskju ta’ klassifikazzjoni ħażina jistgħu, b’riżultat tad-Direttiva proposta, jiġu riklassifikati bħala ħaddiema u b’hekk jiksbu aċċess għal diversi protezzjonijiet tal-liġi tax-xogħol u jibbenefikaw minn protezzjoni aħjar kontra r-riskji soċjali (ara l-kaxxa ta’ hawn taħt). Dawk li ma jiġux riklassifikati jistgħu jaraw li l-kundizzjonijiet kuntrattwali tagħhom jinbidlu sabiex ikunu konformi mal-karatteristiċi tal-istatus ta’ persuna li taħdem għal rasha ġenwinament.

Klassifikazzjoni korretta tal-istatus tal-impjieg teħtieġ informazzjoni aħjar dwar ir-regoli u l-obbligi applikabbli. Ħafna drabi, in-nies li jaħdmu permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali spiss jistgħu ma jkunux konxji tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom, pereżempju fl-oqsma tal-liġi tax-xogħol, tas-sigurtà soċjali u tat-tassazzjoni. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali esprimew nuqqas ta’ sodisfazzjon bl-inċertezza regolatorja u n-nuqqas ta’ trasparenza li jiffaċċjaw fil-konfront tar-regoli nazzjonali applikabbli. L-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni biex jiżguraw iċ-ċarezza u t-trasparenza dwar ir-regoli li jistabbilixxu.

Sabiex tikkumplimenta l-miżuri mressqa mid-direttiva, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

·jipprovdu parir u gwida lin-nies li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali dwar l-obbligi fiskali, tas-sigurtà soċjali u/jew tal-liġi tax-xogħol skont l-attività tal-pjattaforma tagħhom;

·jistabbilixxu mezzi ta’ informazzjoni ddedikati, bħal siti web ta’ informazzjoni u hotlines, sabiex jipprovdu l-parir imsemmi;

·jiżguraw trasparenza mtejba għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali attivi fit-territorju tagħhom rigward ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-klassifikazzjoni tal-istatus tal-impjieg;

·jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali żgħar u ta’ daqs medju billi, pereżempju, jipprovdu mudelli ta’ aċċess, inkluż informazzjoni rilevanti u komprensiva biżżejjed dwar il-qafas legali applikabbli.

Dawk li jaħdmu permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali se jibbenefikaw ukoll minn protezzjonijiet ġodda kontra d-diffikultajiet tal-ġestjoni algoritmika. In-nuqqas ta’ awtonomija u s-sorveljanza li din toħloq fuq ix-xogħol fuq pjattaforma jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nies soġġetti għaliha, pereżempju, f’termini ta’ stress psikosoċjali (peress li n-nies li jaħdmu permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali jistgħu jħossuhom immonitorjati u evalwati l-ħin kollu mingħajr ġustifikazzjoni xierqa), ir-riskju ta’ inċidenti (peress li l-algoritmi jistgħu jinċentivaw imġiba potenzjalment perikoluża, billi pereżempju joffru bonusijiet għal konsenji aktar mgħaġġla) u aċċess għall-kompiti. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jikkontribwixxu għal dawn l-isfidi permezz tat-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, li b’mod unilaterali jistgħu jirregolaw il-paga, il-ħin tax-xogħol, is-soluzzjoni tat-tilwim, l-etikett tas-servizz tal-konsumaturi u aktar, filwaqt li jużaw mezzi teknoloġiċi sabiex jimmonitorjaw, jevalwaw u jiddixxiplinaw ix-xogħol tan-nies. Dan iwassal għal responsabbiltajiet mhux ċari u għal nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ rimedju fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li xi drabi ma jkunux jinftiehmu u jkunu irresponsabbli, pereżempju fir-rigward tas-sanzjonijiet fuq ix-xogħol u t-terminazzjonijiet tal-kuntratt.

Id-Direttiva proposta tistabbilixxi sett ġdid ta’ drittijiet dwar il-ġestjoni tal-algoritmi. Dawn se jiżguraw li l-ħaddiema, ir-rappreżentanti tagħhom u l-ispettorati tax-xogħol ikunu informati aħjar dwar l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u teħid ta’ deċiżjonijiet, u l-impatt li jkollhom fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dawn se jkunu jistgħu jirrikorru għal proċeduri u rimedji konkreti meta jiffaċċjaw deċiżjonijiet sinifikanti li jirriżultaw mill-użu ta’ sistemi bħal dawn (bħat-terminazzjoni u s-sospensjoni ta’ kontijiet jew deċiżjonijiet b’effetti simili). Il-proposta titlob ukoll li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jikkonsultaw lir-rappreżentanti tal-ħaddiema dwar bidliet sostanzjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol relatati mal-introduzzjoni jew l-użu tal-algoritmi. Dawn il-miżuri se jispeċifikaw u se jikkumplimentaw dak li diġà huwa żgurat permezz tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) fit-termini tal-protezzjoni tad-data personali, u se jikkumplimentaw dak li se jwettaq l-Att propost dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA), kemm sabiex tiżdied id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar is-sistemi awtomatizzati li jistgħu jkunu soġġetti għalihom, kif ukoll sabiex jiġu protetti mir-riskju ta’ diskriminazzjoni u preġudizzju, meta jitqies li l-ġestjoni algoritmika qiegħda tinfirex gradwalment lil hinn mix-xogħol fuq pjattaforma.

Is-sħab soċjali għandhom rwol importanti. Il-Kummissjoni se tappoġġa d-djalogu soċjali fix-xogħol fuq pjattaforma, permezz ta’ attivitajiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sħab soċjali, sabiex ikunu jistgħu jibdew djalogu soċjali dwar il-ġestjoni algoritmika fil-kuntest tad-drittijiet il-ġodda ta’ informazzjoni u konsultazzjoni proposti fid-direttiva. Ix-xogħol fuq pjattaforma huwa kkaratterizzat min-nuqqas ta’ post tax-xogħol komuni fejn il-ħaddiema jistgħu jsiru jafu lil xulxin u jikkomunikaw ma’ xulxin u mar-rappreżentanti tagħhom. Għalhekk, id-Direttiva proposta se titlob lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali biex jistabbilixxu mezzi ta’ komunikazzjoni diġitali, f’konformità mal-organizzazzjoni tax-xogħol tagħhom, fejn persuni li jwettqu xogħol fuq pjattaforma jistgħu jiskambjaw ma’ xulxin u jiġu kkuntattjati mir-rappreżentanti tagħhom.

 Il-Kummissjoni tappella wkoll:

·lill-Istati Membri sabiex jappoġġaw lis-sħab soċjali sabiex jilħqu u jirrappreżentaw lin-nies li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali, f’konformità mal-prattiki u t-tradizzjonijiet nazzjonali u mal-awtonomija tas-sħab soċjali;

·lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali sabiex jippromwovu d-djalogu soċjali, billi jappoġġaw b’mod attiv ir-rappreżentazzjoni kollettiva tan-nies li jaħdmu permezz tagħhom.

Filwaqt li l-algoritmi qegħdin ikomplu jsawru x-xogħol lil hinn mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali u l-iżviluppi teknoloġiċi qegħdin jaċċelleraw, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni u tqis azzjonijiet ulterjuri jekk ikun meħtieġ. L-indirizzar tal-ġestjoni algoritmika fix-xogħol fuq pjattaforma huwa l-ewwel pass naturali. Huwa inerenti għall-mudell kummerċjali tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali, u għandu rwol ewlieni fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nies li jaħdmu bihom. Fl-istess ħin, il-modi varjati li bihom tintuża l-ġestjoni algoritmika fil-kuntest usa’ tal-impjiegi jwasslu għal sfidi li jmorru lil hinn mill-ispeċifiċitajiet tax-xogħol fuq pjattaforma. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tanalizza l-fenomenu u se żżomm għajnejha fuq il-potenzjali ta’ ħtieġa futura li jiġi regolat l-użu tal-algoritmi fid-dinja usa’ tax-xogħol.

L-impatt tad-Direttiva fuq il-ħaddiema tal-pjattaformi – Kif jaħdmu d-drittijiet il-ġodda fil-prattika?

F’każijiet fejn l-organizzazzjoni tax-xogħol permezz ta’ pjattaforma tissodisfa dejjem tnejn mill-kriterji elenkati fid-direttiva, in-nies li jaħdmu permezz ta’ dik il-pjattaforma se jitqiesu li huma ħaddiema. Imbagħad, il-pjattaforma hija mistennija li tippermettilhom igawdu d-drittijiet applikabbli li joffri dak l-istatus ta’ impjieg. L-Istati Membri se jkollhom jistabbilixxu proċeduri ċari sabiex jiżguraw li dan ikun il-każ. Barra minn hekk, l-awtoritajiet pubbliċi, bħall-ispettorati tax-xogħol jew l-istituzzjonijiet tal-protezzjoni soċjali, se jkunu jistgħu jiddependu fuq il-preżunzjoni u jinfurzawha.

Il-ħaddiem riklassifikat se jgawdi mis-sett sħiħ ta’ drittijiet garantiti lill-ħaddiema, eż. tal-anqas il-paga minima nazzjonali jew settorjali, fejn applikabbli, id-dritt għal ħin ta’ mistrieħ garantit, vaganzi mħallsa u protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza. L-aċċess għall-protezzjoni soċjali, li l-istatus tal-ħaddiem jiggarantixxi, ifisser appoġġ f’każijiet ta’ qgħad, ta’ mard u ta’ kura tas-saħħa; liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri; il-benefiċċji tal-invalidità, tax-xjuħija u tas-superstiti u l-benefiċċji relatati mal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mal-mard okkupazzjonali. Għalhekk, il-ħaddiema tal-pjattaformi se jkunu jistgħu jibbażaw fuq sistema ta’ sikurezza soċjali, jekk jiġi l-bżonn.

Il-ħaddiema tal-pjattaformi se jiksbu wkoll drittijiet ġodda jew aktar speċifiċi fir-rigward tal-ġestjoni algoritmika. Huma se jifhmu aħjar kif jiġu allokati l-kompiti, kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet, u se jsir aktar faċli għalihom li jiġu evalwati deċiżjonijiet awtomatizzati meħuda mill-algoritmi, u jaslu għal soluzzjoni jekk jinqalgħu l-problemi. Il-bidliet fil-mod kif l-algoritmi jinfluwenzaw l-organizzazzjoni tax-xogħol se jkunu aktar trasparenti. Se jissaħħu aktar ir-regoli li jiżguraw li d-data personali ma tinġabarx b’mod mhux xieraq. Il-persuni kkonċernati se jkunu jistgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet awtomatizzati kollha li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u l-aċċess għal mekkaniżmi ta’ rimedju se jsir aktar ċar.

Bis-saħħa ta’ mezzi għall-iskambji ta’ informazzjoni li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali se jkollhom jistabbilixxu f’konformità mad-Direttiva proposta, il-ħaddiema tal-pjattaformi se jkunu jistgħu jikkuntattjaw lil xulxin u jikkomunikaw dwar kwistjonijiet relatati max-xogħol tagħhom, u b’hekk itejbu r-rappreżentazzjoni kollettiva.

4. L-azzjoni tal-UE dwar ix-xogħol fuq pjattaforma – Xi tfisser għal dawk li jaħdmu għal rashom ġenwinament?

Minn madwar 28 miljun persuna li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali fl-UE, 5,5 miljun jistgħu jiġu kklassifikati ħażin. It-22,5 miljun persuna li jifdal huma meqjusa kklassifikati b’mod korrett, jew bħala ħaddiema jew bħala persuni li jaħdmu għal rashom. Il-maġġoranza l-kbira tagħhom huma kklassifikati bħala persuni li jaħdmu għal rashom 16 . Bħala tali, huma japprezzaw il-flessibbiltà u l-awtonomija, kif ukoll l-aċċessibbiltà faċli għal opportunitajiet ta’ impjieg, offruti mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali. Filwaqt li mhux neċessarjament jiffaċċjaw l-istess kwistjonijiet bħall-ħaddiema kklassifikati ħażin f’termini ta’ status ta’ impjieg, xorta waħda jistgħu jesperjenzaw diffikultajiet rigward l-isfidi l-ġodda li l-ġestjoni algoritmika toħloq fuq l-indipendenza tagħhom u fuq il-qafas regolatorju fejn normalment isir ix-xogħol tagħhom. F’dan il-kuntest, l-impjieg indipendenti ġenwin fuq il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jenħtieġ li jiġi promoss u protett fl-istess ħin. 

L-abbozz ta’ linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE għandu l-għan li jiżgura li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE ma jfixkilx in-negozjar kollettiv għal persuni li jaħdmu għal rashom u waħedhom f’pożizzjoni dgħajfa. L-inizjattiva, li tindirizza din il-kwistjoni fid-dinja usa’ tax-xogħol u li għalhekk ma hijiex limitata għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali, hija maħsuba sabiex tipprovdi ċertezza legali dwar l-applikabbiltà tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE għan-negozjar kollettiv minn dawk li jaħdmu għal rashom. Dan jippermetti lil ċerti nies li jaħdmu għal rashom jinnegozjaw kollettivament il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom (inkluż ir-remunerazzjoni) fil-konfront tal-kontropartijiet, meta ma jkunux konsumaturi. Dawn l-abbozzi ta’ linji gwida se jkunu soġġetti għal konsultazzjoni pubblika miftuħa sabiex jinġabar ir-rispons mill-partijiet ikkonċernati rilevanti qabel l-adozzjoni tagħhom.

Il-miżuri dwar il-ġestjoni algoritmika fid-Direttiva proposta se japplikaw ukoll għal dawk li jaħdmu għal rashom ġenwinament. Li tifhem kif l-imġiba ta’ xi ħadd tinfluwenza d-deċiżjonijiet awtomatizzati dwar l-attribuzzjoni tal-kompiti jista’ jaffettwa l-aċċess għal opportunitajiet futuri ta’ xogħol, irrispettivament mill-istatus tal-impjieg. It-titjib tat-trasparenza algoritmika u l-iżgurar tal-monitoraġġ u r-rieżami mill-bniedem ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati sinifikanti huma għalhekk importanti wkoll għal dawk li jaħdmu għal rashom ġenwinament.

Il-miżuri deskritti hawn fuq jikkumplimentaw dak li l-UE diġà kienet qiegħda tagħmel sabiex tindirizza l-isfidi għall-impjieg indipendenti. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom 17 tistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom ikollhom aċċess formali u effettiv għal protezzjoni soċjali adegwata. Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali 18 juru li għad hemm lakuni fil-kopertura formali tal-protezzjoni soċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom. Dan huwa partikolarment il-każ għall-aċċess għall-benefiċċji tal-qgħad, għall-benefiċċji relatati mal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard relatat max-xogħol u għall-benefiċċji tal-paternità. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa u se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri sabiex ikomplu jsaħħu l-protezzjoni soċjali ta’ dawk li jaħdmu għal rashom ġenwinament. Dawn huma strumentali għat-tkabbir ekonomiku tal-UE, peress li jixprunaw l-innovazzjoni tan-negozju u l-intraprenditorija.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol ta’ dawk li jaħdmu għal rashom 19 tippromwovi l-prevenzjoni ta’ inċidenti u mard relatat max-xogħol fost dawk li jaħdmu għal rashom. Id-Direttiva dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom 20 tistabbilixxi wkoll drittijiet speċifiċi għal dawk li jaħdmu għal rashom (jiġifieri l-allowances tal-maternità, il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, eċċ.).

Barra minn hekk, l-acquis tas-suq intern tal-UE joffri wkoll protezzjonijiet rilevanti għal dawk li jaħdmu għal rashom. Ir-Regolament dwar il-Pjattaformi għan-Negozju (P2B) 21 għandu l-għan li jiżgura li n-nies li jaħdmu għal rashom permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali jiġu ttrattati b’mod trasparenti u ġust u li jkollhom aċċess għal rimedju effettiv f’każ ta’ tilwim. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data 22 jirrikjedi li l-ipproċessar kollu tad-data personali jkun legali, ġust u trasparenti u limitat għal dak li huwa meħtieġ. Jiggarantixxi wkoll għadd ta’ drittijiet għall-protezzjoni tad-data, bħad-dritt li persuna tiġi informata dwar l-ipproċessar tad-data personali u d-dritt li persuna taċċessa d-data personali tagħha stess, id-dritt ta’ rettifika (inkluż id-dritt li d-data ta’ dak li jkun tiġi kkoreġuta), id-dritt ta’ restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data ta’ dak li jkun, id-dritt għall-portabbiltà tad-data u d-dritt li persuna ma tkunx soġġetta għal deċiżjoni bbażata biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data personali meta deċiżjoni bħal din ikollha effetti legali jew effetti sinifikanti simili.

L-impatt tad-Direttiva fuq nies li jaħdmu għal rashom ġenwinament – Kif jaħdmu d-drittijiet il-ġodda fil-prattika?

Bħala effett indirett tad-Direttiva, xi wħud mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali li bħalissa jeżerċitaw xi ammont ta’ kontroll fuq in-nies li jaħdmu permezz tagħhom jistgħu jibdlu l-mudell kummerċjali tagħhom sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet għal impjieg indipendenti ġenwin. Id-Direttiva se tipprovdi inċentivi għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali biex jiċċaraw aktar ir-relazzjonijiet kuntrattwali, jekk ikun meħtieġ, sabiex tidderiġihom aħjar fit-triq lejn l-istatus ta’ ħaddiema għal rashom jew ta’ impjegati. Meta jkun meħtieġ, dawk li jaħdmu għal rashom se jirċievu wkoll appoġġ biex jiċċaraw l-istatus tagħhom. Id-Direttiva hi mistennija li tikkonsolida l-awtonomija ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u li tappoġġa l-kapaċità tagħhom biex jieħdu vantaġġ mill-possibbiltajiet intraprenditorjali tagħhom, eż. billi jiżviluppaw il-lista tagħhom ta’ klijenti. Dawk li diġà jaħdmu għal rashom ġenwinament se jżommu l-benefiċċji relatati mal-istatus tax-xogħol tagħhom.

Il-persuni kollha li jaħdmu għal rashom permezz ta’ pjattaformi se jiksbu drittijiet simili bħall-ħaddiema fir-rigward tal-ġestjoni algoritmika, b’mod partikolari dwar it-trasparenza tas-sistemi awtomatizzati użati u dwar il-mekkaniżmi għar-rimedju u r-rieżami ta’ deċiżjonijiet immexxija mill-algoritmi. Aktar ċarezza dwar il-mekkaniżmi li jirfdu l-assenjazzjoni u l-proposta tal-kompiti se tgħinhom itejbu s-sigurtà u l-prevedibbiltà tad-dħul.

5. L-azzjoni tal-UE dwar ix-xogħol fuq pjattaforma – Xi jfisser għan-negozji?

Stimi konservattivi jissuġġerixxu li hemm aktar minn 500 pjattaforma ta’ xogħol diġitali attiva fl-UE. Dawn huma kumpaniji innovattivi li joffru servizzi li jaqdu preferenzi emerġenti tal-konsumatur, inkluż b’mod partikolari servizzi “on demand”. Spiss jibnu l-bażi tal-klijenti u l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom permezz tal-veloċità, tal-effiċjenza u tal-flessibbiltà tal-forniment tas-servizzi tagħhom. Dawn iġibu d-dinamiżmu fl-ekonomija tal-UE, huma jibnu fuq il-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni u jistgħu jkunu mezzi importanti fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Madankollu, il-potenzjal tal-innovazzjoni tagħhom jirriskja li jiġi mfixkel mill-frammentazzjoni tal-oqfsa regolatorji eżistenti, li jxekklu l-espansjoni transfruntiera u jipprevjenu lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali milli jagħmlu l-aħjar użu mill-ekonomiji ta’ skala u ta’ firxa tas-Suq Uniku.

L-innovazzjoni jenħtieġ li sseħħ f’ambjent verament kompetittiv u ġust. Sabiex il-kompetizzjoni tagħti riżultati pożittivi f’termini ta’ għażla tal-konsumatur, prezzijiet baxxi u benesseri tal-ħaddiema, in-negozji jenħtieġ li jikkompetu abbażi tal-kwalità tas-servizz li jipprovdu u tal-produttività tagħhom, aktar milli fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħhom. Madankollu, bħalissa, xi pjattaformi tax-xogħol diġitali jibnu parti mill-vantaġġ kompetittiv tagħhom mhux biss fuq l-innovazzjoni tas-servizzi tagħhom, iżda wkoll fuq il-prezz baxx tax-xogħol tagħhom, billi jikkuntrattaw nies li fil-fatt jenħtieġ li jkunu jaħdmu għal rashom. Il-klassifikazzjoni ħażina tirriżulta f’anqas kostijiet minn dak li kieku jkun dovut: bħala medja, il-kumpaniji li jimpjegaw lill-ħaddiema tagħhom jiffaċċjaw kostijiet li huma 24,5 % ogħla fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet tat-taxxa u ta’ protezzjoni soċjali. 23 . 

Id-Direttiva proposta tiżgura trattament ġust tal-ħaddiema kif ukoll kundizzjonijiet ekwivalenti għal kulħadd u ċertezza legali għan-negozji. Iġġib aktar ċarezza dwar min jenħtieġ li jitqies bħala ħaddiem u fejn jinsabu l-obbligi tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali, u b’hekk jiġu evitati kawżi twal tal-qorti u tingħata ċertezza legali lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali dwar kif jistgħu jwettqu n-negozju tagħhom madwar l-UE. Il-preżunzjoni konfutabbli u l-kriterji tal-impjiegi mressqa mid-Direttiva se jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali li joperaw permezz ta’ persuni li jaħdmu għal rashom foloz isegwu l-istess regolamenti bħal pjattaformi u negozji tradizzjonali li jimpjegaw lill-ħaddiema tagħhom, u għalhekk ma jibbenefikawx minn vantaġġ kompetittiv mhux iġġustifikat. Id-Direttiva proposta tinkludi miżuri sabiex jiġu evitati piżijiet bla bżonn fuq l-SMEs. Il-liġi tal-UE se tiġi kkomplementata bi gwida pprovduta mill-Istati Membri.

Għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali, il-possibbiltà li wieħed jaħdem ma’ persuni li jaħdmu għal rashom ġenwinament ma hijiex se tiġi affettwata b’mod sinifikanti. Fejn il-pjattaformi tax-xogħol diġitali joperaw permezz ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom jenħtieġ li jippermettu verament l-awtonomija u l-intraprenditorija li jinvolvi impjieg indipendenti ġenwin. Min-naħa tiegħu, dan ma jeskludix il-forniment ta’ xi pagamenti in natura, pereżempju permezz ta’ kontribuzzjonijiet addizzjonali għall-assigurazzjonijiet jew għall-opportunitajiet ta’ tagħlim u żvilupp. Dak li japplika għall-ekonomija offline jenħtieġ li japplika u li jiġi infurzat ukoll fl-ekonomija online. Negozji oħrajn, inkluż dawk li jikkompetu direttament ma’ pjattaformi tax-xogħol diġitali fl-istess setturi ta’ attività, għalkemm isiru f’ambjent fiżiku aktar milli f’ambjent diġitali, iridu jikkonformaw mal-istess regoli.

Minħabba li bħalissa huwa impossbbli li jiġu ttrasferiti s-sistemi ta’ klassifikazzjoni/ta’ reputazzjoni bejn il-pjattaformi tax-xogħol diġitali, qed tiġi mxekkla l-kompetizzjoni bejniethom, billi dan jiskoraġġixxi lin-nies milli jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali li jkunu għadhom kif ġew stabbiliti. Dan in-nuqqas ta’ kompetizzjoni spiss jiġi rifless ukoll fir-relazzjoni bejn in-nies li jaħdmu permezz tal-istess pjattaforma. Peress li ħafna drabi n-nies jużaw diversi pjattaformi tax-xogħol diġitali sabiex joffru s-servizzi tagħhom, il-kwistjoni tal-portabbiltà jew tal-interoperabbiltà tal-klassifikazzjonijiet hija kwistjoni importanti li tinfluwenza l-opportunitajiet tagħhom għall-iżvilupp tal-karriera u tan-negozju. L-hekk imsejħa “effetti ta’ intrappolament tal-klijentela” jipprevjenu lin-nies milli jaqilbu għal pjattaformi tax-xogħol diġitali oħrajn minħabba l-biża’ li jitilfu r-reputazzjoni diġitali tagħhom li jkunu rebħu u li kisbu permezz tal-klassifikazzjonijiet tal-klijenti. Min-naħa l-oħra,“l-effetti ta’ superstar”, ifissru li n-nies li jkunu għadhom ġodda fuq xi pjattaforma jkollhom diffikultà sabiex jisfidaw il-pożizzjoni stabbilita tal-kompetituri tagħhom, peress li huma ma jistgħux iġibu magħhom referenzi li setgħu kisbu minn xi mkien ieħor. Dan jiffavorixxi pjattaformi tax-xogħol diġitali eżistenti iżda wkoll, fi ħdan pjattaforma waħda, jiffavorixxi lil dawk li l-aktar ilhom jaħdmu biha.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni se tappoġġa l-istabbiliment ta’ Kodiċi ta’ Kondotta billi tiffaċilita d-djalogu bejn il-partijiet interessati kollha. Dan jista’ jinkludi appoġġ loġistiku għal proċess immexxi mill-industrija sabiex tiġi żgurata l-portabbiltà tas-sistemi ta’ klassifikazzjoni/reputazzjoni, billi pereżempju l-partijiet interessati kollha jinġabru f’avvenimenti ddedikati.

Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali sabiex:

·jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-dritt għall-portabbiltà tad-data skont il-GDPR billi jiżguraw il-possibbiltajiet tekniċi għal portabbiltà bħal din, u jestendu l-possibbiltà li jittrażmettu/jittrasferixxu d-data għal data marbuta mar-reputazzjoni. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ Kodiċi ta’ Kondotta mmexxi mill-industrija.

·jikkooperaw fl-industriji kollha u jiżviluppaw formati u soluzzjonijiet komuni bbażati fuq l-IT sabiex itejbu ulterjorment it-trasparenza u t-traċċabbiltà tax-xogħol fuq pjattaforma, fi ħdan il-Kodiċi propost ta’ Kondotta, pereżempju.

L-impatt tad-Direttiva proposta fuq in-negozji – Il-perspettiva ta’ pjattaforma ta’ xogħol diġitali

Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali spiss ikollhom dimensjoni multinazzjonali, li tgħaqqad il-ħaddiema u l-klijenti madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. Minħabba l-frammentazzjoni legali, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jridu jikkonformaw ma’ firxa wiesgħa u differenti ta’ liġijiet nazzjonali u deċiżjonijiet tal-qorti, li jostakolaw l-espansjoni tagħhom fis-suq tal-UE.

Bis-saħħa tad-Direttiva proposta, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali se jibbenefikaw minn aktar ċarezza u ċertezza legali. Fit-tul, dan se jnaqqas il-kostijiet tal-litigazzjoni u l-piż amministrattiv. Permezz tal-kriterju komuni għall-preżunzjoni konfutabbli fil-livell tal-UE, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali se jkollhom aktar ċertezza dwar l-istatus ta’ dawk li jaħdmu bihom. Dan se jiffaċilita l-ippjanar tan-negozju u se jgħinhom jorganizzaw il-mod ta’ kif joperaw, u jagħtihom il-kunfidenza sabiex ikomplu jikbru, jespandu bejn il-fruntieri, u jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li jeżistu fis-Suq Uniku.

Impjieg indipendenti falz jagħti vantaġġ kompetittiv sostanzjali u mhux ġustifikat lil xi pjattaformi tax-xogħol diġitali, fil-konfront ta’ negozji tradizzjonali kif ukoll ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali li joperaw b’mudell ta’ impjieg. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali li bħalissa jikklassifikaw b’mod korrett lin-nies li jaħdmu permezz tagħhom se jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekwivalenti, pereżempju fir-rigward tat-taxxi jew tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Filwaqt li fil-pjattaformi tax-xogħol diġitali ta’ terminu qasir se jiffaċċjaw kostijiet relatati mar-riklassifikazzjoni, fit-terminu medju sa dak twil, dawn se jibbenefikaw ukoll, permezz ta’ tnaqqis tal-kostijiet tal-konformità u żieda taċ-ċertezza legali. Infatti, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali li joperaw permezz ta’ impjieg indipendenti falz qegħdin jiffaċċjaw dejjem aktar multi sostanzjali u ordnijiet ta’ riklassifikazzjoni f’diversi Stati Membri.

6. L-azzjoni tal-UE dwar ix-xogħol fuq pjattaforma – Xi tfisser għall-awtoritajiet nazzjonali?

Iċ-ċarezza dwar l-istatus tal-impjiegi u l-kontribuzzjonijiet relatati tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali se jappoġġaw is-sostenibbiltà tal-baġits pubbliċi. L-Istati Membri huma mistennija li jiksbu sa EUR 4 biljun f’kontribuzzjonijiet annwali bħala riżultat tal-miżuri ta’ riklassifikazzjoni 24 . Dawn se jġarrbu wkoll spejjeż aktar baxxi f’termini tal-benefiċċji mhux kontributorji li l-awtoritajiet pubbliċi jista’ jkollhom bżonn jagħtu lill-ħaddiema mhux protetti sabiex jindirizzaw, pereżempju, l-esklużjoni soċjali jew l-ispejjeż mediċi. Bħala tali, il-klassifikazzjoni korretta tal-istatus tal-impjieg jista’ jkollha impatt pożittiv għall-kontribwenti kollha b’mod ġenerali.

Sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali (bħall-ispettorati tax-xogħol, l-istituzzjonijiet tal-protezzjoni soċjali u l-aġenziji tat-taxxa) fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta u tal-liġijiet eżistenti, id-Direttiva proposta tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jiggarantixxu t- trasparenza u t-traċċabbiltà tax-xogħol fuq pjattaforma, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Dawn id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali li jaġixxu bħala impjegaturi jkunu konxji tal-obbligi tagħhom sabiex jiddikjaraw fejn jitwettaq ix-xogħol. Id-Direttiva proposta tirrikjedi li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jħejju informazzjoni dwar it-Termini u l-Kundizzjonijiet għan-nies li jaħdmu permezz tagħhom, l-għadd ta’ nies li jaħdmu permezz tagħhom u taħt liema status ta’ impjieg joperaw fih sabiex jaċċessaw ix-xogħol, il-protezzjoni soċjali u awtoritajiet u rappreżentanti oħrajn rilevanti ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq pjattaforma. Din l-informazzjoni se jkollha tiġi aġġornata fuq bażi regolari u ċċarata ulterjorment, jekk tintalab, mill-awtoritajiet rilevanti.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se:

·tappoġġa l-iskambju ta’ prattiki tajba fil-kuntest tal-programm ta’ tagħlim reċiproku tagħha, kif ukoll se tappoġġa l-attivitajiet tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat tagħha;

·tkompli tappoġġa lill-Istati Membri bl-applikazzjoni tar-regoli ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, u bil-gwida dwarhom, fejn meħtieġ.

·permezz ta’ programmi tal-UE (bħal Orizzont Ewropa), se tkompli tinvesti fir-riċerka li tista’ tidentifika forom innovattivi u ta’ kwalità għolja ta’ ħidma u teżamina r-riskji u l-opportunitajiet għan-nies li jaħdmu kemm permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali kif ukoll ta’ negozji.

Għaddejja wkoll ħidma ulterjuri dwar id-diġitalizzazzjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Il-Kummissjoni nediet proġett pilota dwar il-Pass Ewropew tas-Sigurtà Soċjali li se jgħin sabiex jiġu indirizzati l-isfidi fil-portabbiltà tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali u jista’ jingrana l-qafas propost għal Identità Diġitali Ewropea (EUeID) 25 sabiex jgħin jidentifikahom.

Sabiex tagħmel l-aħjar użu minn dan il-qafas il-ġdid dwar ix-xogħol fuq pjattaforma, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

·jipprovdu appoġġ għall-infurzar – bħal linji gwida jew taħriġ iddedikat għall-ispettorati dwar l-isfidi li jirriżultaw mill-ġestjoni algoritmika;

·jikkonfermaw ir-regoli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali;

·itejbu l-ġbir tad-data dwar ix-xogħol fuq pjattaforma u jiżviluppaw mezzi bilaterali sabiex jaqsmu d-data rilevanti ma’ Stati Membri oħra.

7. Dan imur lil hinn mill-fruntieri tagħna

L-UE qiegħda tmexxi bl-eżempju. L-Unjoni tagħna diġà stabbiliet il-kwalità fuq livell globali għax indirizzat kwistjonijiet ewlenin bħall-protezzjoni tad-data personali u r-regolamentazzjoni tas-sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali. L-approċċ pijunier tagħna poġġa lill-bnedmin fiċ-ċentru tat-teknoloġija. Dan il-pakkett ma huwiex differenti – bih, il-Kummissjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi għal standards globali futuri għal xogħol fuq pjattaforma ta’ kwalità għolja.

Peress li ħafna pjattaformi tax-xogħol diġitali huma globali, il-kooperazzjoni bejn il-ġurisdizzjonijiet hija kruċjali. L-istabbiliment ta’ standards globali jista’ jtejjeb iċ-ċarezza legali għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali madwar id-dinja u għalhekk jagħti spinta lit-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija tal-pjattaforma. Xi tipi ta’ xogħol fuq pjattaforma huma ta’ natura globali – in-nies li jwettqu xogħol fuq pjattaforma diġitali jistgħu jaħdmu fuq il-kompiti assenjati tagħhom minn kwalunkwe post fid-dinja. Għalhekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ governanza globali ta’ xogħol fuq pjattaforma. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali joperaw f’diversi ġurisdizzjonijiet, u l-istess jenħtieġ li jagħmlu dawk li jfasslu l-politika.

L-UE se taħdem mas-sħab globali tagħha sabiex madwar id-dinja jkun hemm kundizzjonijiet ta’ xogħol deċenti fix-xogħol fuq pjattaforma. L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol hija sieħba naturali f’dan l-isforz. Waqt li tibni fuq l-iskambji u l-kollaborazzjoni preċedenti tagħha dwar is-suġġett, il-Kummissjoni se tipproponi avveniment iddedikat sabiex tmexxi ’l quddiem l-aġenda politika u globali tax-xogħol fuq pjattaforma. L-impatt tad-diġitalizzazzjoni u tal-globalizzazzjoni fuq il-futur tax-xogħol kien fil-qalba tad-diskussjonijiet tagħna mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Peress li qegħdin infittxu li nindirizzaw l-isfidi globali relatati max-xogħol fuq pjattaforma, issa wasal iż-żmien li d-diskussjonijiet tagħna jgħaddu għal-livell li jmiss. L-UE qiegħda tippromwovi wkoll trasformazzjoni diġitali u futur tax-xogħol sostenibbli, ġusti, inklużivi u ċċentrati fuq il-bniedem, fil-kuntest tal-fora tal-G7 u tal-G20. 

Fl-aġenda bilaterali tagħha, il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar fix-xogħol fuq pjattaforma, filwaqt li tibni fuq skambji preċedenti mal-Istati Uniti u mal-Kanada biex tippromwovi kooperazzjoni internazzjonali fix-xogħol fuq pjattaforma.

8. Konklużjonijiet

Il-pjattaformi ta’ xogħol diġitali għandhom rwol importanti fil-futur ekonomiku tal-Ewropa, inkluż għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Madankollu, sabiex ikun sostenibbli, il-progress teknoloġiku jrid jimxi id f’id mar-rispett għall-prinċipji soċjali eżistenti u mal-ambizzjoni tal-Ewropa għal aktar progress soċjali. Dan il-pakkett għandu l-għan li jindirizza l-isfidi mġarrba fuq il-mudell soċjali tagħna li jirriżultaw minn xogħol fuq pjattaforma, u jiżgura kundizzjonijiet għal żvilupp sostenibbli tal-ekonomija tal-pjattaforma fl-Ewropa – fejn il-benefiċċji tiegħu jistgħu jinkisbu aktar faċilment f’Suq Uniku aktar integrat, u jiġu pprevenuti u indirizzati l-aspetti negattivi tiegħu.

B’riżultat tal-miżuri proposti, aktar nies li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali se jibbenefikaw minn sigurtà u minn prevedibbiltà mtejba tad-dħul, protezzjonijiet aħjar tal-ħin tax-xogħol, u ambjent tax-xogħol aktar sikur. Dawn se jkunu jistgħu jibnu aħjar il-pensjoni tax-xjuħija, ikollhom aċċess għal sistema ta’ sikurezza soċjali sabiex jiddependu fuqha fi żminijiet ta’ bżonn, u ma jibqgħux jibżgħu minn deċiżjonijiet inġusti meħuda jew appoġġati permezz ta’ sistemi awtomatizzati. Dawk in-nies li jibqgħu jew li jibdew jaħdmu għal rashom ġenwinament se jingħataw is-setgħa li jagħmlu l-għażliet tagħhom stess fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, u jużaw ix-xogħol fuq pjattaforma bħala mod kif jibnu karrieri intraprenditorjali.

Barra minn hekk, in-nies kollha li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali – kemm jekk impjegati kif ukoll jekk jaħdmu għal rashom – se jifhmu aħjar u se jinfluwenzaw il-mod ta’ kif jintużaw l-algoritmi għall-ġestjoni tax-xogħol tagħhom. Ix-xogħol imwettaq permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali, inkluż bejn il-fruntieri, se jsir aktar traċċabbli u trasparenti. Dan se jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali u lis-sħab soċjali biex ikollhom rwol aktar attiv fl-ekonomija tal-pjattaformi.

Il-miżuri proposti se jirrikjedu l-adattament tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali, tal-ħaddiema u tal-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, dawn l-adattamenti se jagħtu l-frott, u se jgħinu sabiex jisfruttaw il-ħafna benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali u maż-żmien jipproteġu l-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew. L-UE hi ggwidata mid-Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali u mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u għalhekk għandha l-mezzi u d-direzzjoni li teħtieġ sabiex tirnexxi f’dan l-isforz.

(1) Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li Jmiss 2019-2024. “Unjoni li tirsisti għal aktar. L-Aġenda tiegħi għall-Ewropa.” Disponibbli online .
(2) COM/2021/206 final. Disponibbli online .
(3) L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa. Disponibbli online .
(4) Il-ħidma tal-Kummissjoni li ssegwi r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar id-dritt għall-iskonnessjoni hija wkoll parti minn din il-viżjoni – ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2021 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar id-dritt għall-iskonnessjoni (2019/2181(INL)). Disponibbli online .
(5) De Groen W., Kilhoffer Z., Westhoff L., Postica D. u Shamsfakhr F. (2021). Pjattaformi ta’ xogħol diġitali fl-UE: L-Immappjar u l-Mudelli Kummerċjali. Studju mħejji mis-CEPS għad-DĠ EMPL taħt il-kuntatt tas-servizz VC/2020/0360. Disponibbli online . Ibbażat fuq subsett iżgħar ta’ 52 osservazzjoni mill-bażi tad-data ġenerali ta’ 516-il pjattaforma.
(6) PPMI (2021). Studju li jappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt ta’ Inizjattiva tal-UE dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol f’xogħol fuq pjattaforma. Disponibbli online .
(7) Ir-Regolament (UE) 2016/679. Disponibbli online .
(8) Ir-Regolament (UE) 2019/1150. Disponibbli online .
(9) Ir-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar “kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi, drittijiet u protezzjoni soċjali għall-ħaddiema tal-pjattaformi – forom ġodda ta’ impjieg marbuta mal-iżvilupp diġitali”. 2019/2186(INI) . Disponibbli online .
(10) Dibattitu dwar ix-xogħol fuq pjattaforma fil-Kunsill dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fit-3 ta’ Diċembru 2020. Ir-riżultati ewlenin disponibbli online .
(11) L-opinjoni tal-KESE: Xogħol ġust fl-ekonomija tal-pjattaformi (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ġermaniża). Disponibbli online .
(12) L-opinjoni tal-KtR: Xogħol fuq pjattaforma – sfidi regolatorji lokali u reġjonali. Disponibbli online .
(13) SWD(2021)396. Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq pjattaforma, it-Taqsima 2.1 u l-Anness 5.
(14) Dawn saru fil-BE, DE, DK, ES, FI, FR, IE, IT, NL u SE. – Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Eċċellenza fil-qasam tal-liġi tax-xogħol, l-impjiegi u l-politiki tas-suq tax-xogħol (ECE). “Case Law on the Classification of Platform Workers: Cross-European Comparative Analysis and Tentative Conclusions”, Mejju 2021. Disponibbli online .
(15) SWD(2021)396. Ir-Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq pjattaforma, l-Anness 10.
(16) SWD(2021)396. Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq pjattaforma, it-Taqsima 2.1 u l-Anness 5.
(17) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 (2019/C 387/01). Disponibbli online . Ir-Rakkomandazzjoni tkopri l-qgħad, il-mard u l-kura tas-saħħa, il-benefiċċji tal-maternità u tal-paternità, l-invalidità, il-benefiċċji tax-xjuħija u tas-superstiti u l-benefiċċji marbutin ma' aċċidenti fuq ix-xogħol u ma' mard okkupazzjonali.
(18) L-Istati Membri ġew rakkomandati li jimplimentaw il-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni u li jippreżentaw pjan nazzjonali li jistabbilixxi l-miżuri korrispondenti sal-15 ta’ Mejju 2021. Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali jistgħu jiġu kkonsultati online .
(19) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2003 (2003/134/KE). Disponibbli online .
(20) Id-Direttiva (UE) 2010/41
(21) Ir-Regolament (UE) 2019/1150. Disponibbli online .
(22) Ir-Regolament (UE) 2016/679. Disponibbli online .
(23) Il-Eurostat (2021). Wages and labour costs. Disponibbli online .
(24) SWD(2021)396. Ir-Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq pjattaforma, it-Taqsima 6.1 u l-Anness 5.
(25)  COM/2021/281 final. Disponibbli online .