IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.12.2021
COM(2021) 747 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar is-sejbiet ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-Att ta’ Ġinevra, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2019/1753
Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-Att ta’ Ġinevra, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2019/1753
Fis-26 ta’ Novembru 2019, l-UE ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
Fis-26 ta’ Frar 2020, l-UE saret parti għall-Att ta’ Ġinevra. Fl-istess jum, f’konformità mal-Artikolu 29(2) tiegħu, l-Att ta’ Ġinevra daħal fis-seħħ, hekk kif l-UE kienet il-ħames parti eliġibbli biex tiddepożita l-att tal-adeżjoni.
(a)Applikazzjonijiet tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-UE
Bl-adozzjoni tal-erba’ Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, abbażi tat-talbiet li saru mill-Istati Membri, il-Kummissjoni stabbiliet lista ta’ 119-il Indikazzjoni Ġeografika (intiżi bħala Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti, Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi) biex isiru s-soġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Att ta’ Ġinevra.
Fit-22 ta’ Ġunju 2021, lill-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (“il-Bureau Internazzjonali”), il-Kummissjoni ppreżentatlu 119-il applikazzjoni għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ 119-il Indikazzjoni Ġeografika rreġistrati u protetti skont id-dritt tal-Unjoni li kienu ġew inklużi fil-listi stabbiliti fid-Deċiżjonijiet msemmija hawn fuq.
Il-proċeduri għar-reġistrazzjoni tal-119-il Indikazzjoni Ġeografika tal-UE fir-Reġistru tal-Att ta’ Ġinevra għadhom għaddejjin fid-data li fiha jiġi stabbilit dan ir-rapport. Għaldaqstant, mhuwiex possibbli li jsir rapport dwar iċ-ċaħda tal-protezzjoni minn pajjiż terz parti għall-Att ta’ Ġinevra.
(b)Partijiet Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra
Il-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li ġejjin, sal-lum huma partijiet għall-Att ta’ Ġinevra:
L-Albanija,
Il-Kambodja,
Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,
L-Unjoni Ewropea,
Franza,
L-Ungerija,
Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos,
L-Oman,
Is-Samoa.
Il-lista tinkludi sitt pajjiżi mhux tal-UE. In-numru mistenni jiżdied fil-futur qrib, b’mod partikolari biż-żieda tal-Iżvizzera, li ddepożitat l-istrument ta’ adeżjoni tagħha fil-31 ta’ Awwissu 2021.
Id-Delegazzjonijiet tal-UE, u b’mod partikolari d-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għan-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra f’Ġinevra, huma impenjati fil-komunikazzjoni tal-vantaġġi tas-sħubija fl-Att ta’ Ġinevra lil pajjiżi mhux tal-UE.
Fin-negozjar ta’ ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni tirreferi kontinwament għall-Att ta’ Ġinevra bħala l-aħjar kuntest għall-protezzjoni reċiproka tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Lill-Istati Membri tħeġġiġhom ukoll b’mod ripetut biex jippromwovu l-Att ta’ Ġinevra fil-pajjiżi terzi, fil-kuntesti rilevanti kollha.
Meta tieħu sehem f’konferenzi u laqgħat, il-Kummissjoni tindika b’mod regolari l-Att ta' Ġinevra bħala l-aħjar strument li jkopri l-protezzjoni internazzjonali tal-IĠ (Indikazzjonijiet Ġeografiċi) u turi l-vantaġġi għall-pajjiżi terzi.
L-Att ta’ Ġinevra joffri lill-membri l-ġodda strument multilaterali modern, li jippermettilhom japprofittaw mill-benefiċċji sinifikanti li jirriżultaw mill-karatteristiċi uniċi tat-territorju tal-produtturi u jgħinhom jagħtu valur lil dawn il-karatteristiċi fil-forma ta’ prodotti kummerċjabbli. Bis-saħħa tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, il-produtturi tal-komoditajiet jistgħu jsiru esportaturi ta’ negozji agrikoli u ta’ prodotti artiġjanali ta’ kwalità għolja. Dan għandu l-potenzjal li jipprovdi inċentiv sinifikanti għat-tkabbir u l-impjiegi.
L-istabbiliment ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali għad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi se jkollu effetti pożittivi għall-produtturi dinjija, b’mod partikolari produtturi żgħar u ta’ daqs medju u rurali, biex jiksbu protezzjoni għad-deżinjazzjonijiet tagħhom barra pajjiżhom u bi prezzijiet affordabbli. Barra minn hekk, jista’ jagħti spinta lill-investiment privat u pubbliku, b’effetti pożittivi għall-ekonomija, l-iżvilupp sostenibbli, iżjed kompetittività, diversifikazzjoni tal-esportazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi.
L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi huma strumenti b’saħħithom biex jinżamm il-valur miżjud fil-komunitajiet lokali. Billi jżidu l-impjiegi u t-tkabbir, jikkontribwixxu biex jiġi evitat l-eżodu rurali. L-Att ta’ Ġinevra jipprovdi biżżejjed flessibbiltà għall-Partijiet Kontraenti, b’mod partikolari permezz ta’ salvagwardji adegwati u l-possibbiltà kontinwa li l-protezzjoni tiġi miċħuda, hekk kif inhu skont il-Ftehim attwali ta’ Lisbona, biex jakkomoda l-għażla leġiżlattiva domestika speċifika għall-implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Hemm lok adegwat biex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet tal-pajjiżi li ma għażlux protezzjoni sui generis għad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini jew l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tagħhom.
Fir-rigward tal-inizjattiva leġiżlattiva li jmiss dwar il-protezzjoni fil-livell tal-UE għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali, il-proġett normattiv huwa inkluż fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Proprjetà Intellettwali ppubblikat fil-25 ta’ Novembru 2020. Il-Kummissjoni nediet il-pjan direzzjonali tagħha għall-inizjattiva leġiżlattiva fit-30 ta’ Novembru 2020 u b’mod ġenerali, il-feedback wera appoġġ mill-produtturi u l-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-Konsultazzjoni Pubblika kienet miftuħa għal 12-il ġimgħa bejn id-29 ta’ April 2021 u t-22 ta’ Lulju 2021 permezz tas-sistema online tal-Istħarriġ tal-UE fl-24 lingwa tal-UE, u ngħataw 182 tweġiba minn 28 pajjiż, fosthom minn 18-il Stat Membru tal-UE. Maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu (92,3 %) jaraw il-ħtieġa għal inizjattiva mifruxa mal-UE biex ittejjeb il-protezzjoni tal-ismijiet ġeografiċi jew indikazzjonijiet għal prodotti mhux agrikoli. L-adozzjoni tal-Kummissjoni hija prevista għall-ewwel nofs tal-2022.
(c)
Applikazzjonijiet għal Indikazzjonijiet Ġeografiċi mhux tal-UE rrifjutati mill-Unjoni
Ma ġiet irrifjutata l-ebda applikazzjoni minn pajjiżi mhux tal-UE.
Sa issa, ġie rreġistrat isem wieħed biss ta’ Indikazzjoni Ġeografika minn pajjiż terz, relatat ma’ prodott agrikolu, skont l-Att ta’ Ġinevra: “ម្រេចកំពត” / “Kampot Pepper”, mill-Kambodja. Il-Kummissjoni qed tivvaluta dik ir-reġistrazzjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) 2019/1753 sabiex tieħu deċiżjoni dwar il-protezzjoni ta’ dak l-isem fl-UE skont l-Att ta’ Ġinevra.