IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.11.2021
COM(2021) 730 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Il-protezzjoni tal-integrità elettorali u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni demokratika
1.Introduzzjoni
F’demokrazija b’saħħitha u li tirnexxi, iċ-ċittadini jistgħu jesprimu liberament il-fehmiet tagħhom u jinfurmaw lilhom infushom minn sorsi trasparenti u pluralistiċi. Huma jipparteċipaw fid-dibattitu pubbliku u fl-elezzjonijiet, u b’hekk, jistgħu jiddeterminaw b’mod effettiv il-futur tagħhom. Dawn id-drittijiet, li ma kinux faċli biex jinkisbu, jiffurmaw il-pedament ta’ kwalunkwe demokrazija u jinsabu fil-qalba tal-Unjoni Ewropea. Id-demokrazija jeħtieġ li titrawwem u tiġi protetta. Kemm is-sistema demokratika kif ukoll id-drittijiet tal-votanti individwali jiffaċċjaw theddid. Dawn jistgħu jvarjaw minn interferenza ambigwa (domestika u barranija) u diżinformazzjoni għal ostakli prattiċi li jipprevjenu, pereżempju, liċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu f’pajjiż differenti tal-UE minn dak fejn joriġinaw, milli jivvutaw.
Fil-passat, il-kandidati politiċi kienu jagħmlu l-kampanji tagħhom prinċipalment permezz ta’ kanvassjar bieb bieb, laqgħat u permezz tad-distribuzzjoni ta’ fuljetti jew permezz ta’ intervisti fuq it-televiżjoni u r-radju. Ir-responsabbiltà u t-trasparenza kienu żgurati permezz ta’ regoli ċari fir-reklamar politiku fil-livell nazzjonali. Pereżempju, ir-regoli dwar il-ħin ta’ xandir fuq ir-radju jew dwar ir-responsabbiltà għall-materjal stampat u l-atturi prinċipali, b’mod partikolari l-partiti politiċi, setgħu jiġu identifikati b’mod ċar. Barra minn hekk, id-dibattitu politiku u l-atturi kienu essenzjalment nazzjonali fin-natura tagħhom.
It-tranżizzjoni diġitali biddlet dan ix-xenarju. Din offriet mhux biss mezzi mingħajr preċedent biex isir kuntatt man-nies, inklużi dawk li jirrisjedu barra mill-pajjiż, iżda wkoll biex jitfasslu messaġġi skont l-interessi personali tagħhom u biex jiġu promossi ideat lil hinn mill-fruntieri tradizzjonali. Apparti minn hekk, l-għodod diġitali ċajpru d-distinzjoni bejn informazzjoni ġenwina u kampanji politiċi u fetħu l-bieb għal tekniki ta’ mmirar u ta’ amplifikazzjoni ġodda, intrużivi u ambigwi, li jinfluwenzaw lill-votanti b’mod moħbi. Dawn l-iżviluppi jnaqqsu l-esponiment tal-individwu għal pluralità ta’ fehmiet, jifframmentaw id-dibattitu demokratiku u jżidu r-riskju ta’ manipulazzjoni. Firxa ta’ atturi ġodda, li jvarjaw minn pjattaformi online, midja soċjali għall-kumpaniji tal-ipproċessar tad-data, issa għandhom rwol importanti fil-kampanji politiċi. Dawn l-iżviluppi wasslu għal sensiela ta’ problemi, bħall-użu ħażin tad-data taċ-ċittadini, u li l-pjattaformi online ma jkunux kapaċi jew ma jkunux iridu jinfurzaw politiki dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni. Dawk li joffru servizzi f’dan l-ambjent ta’ sfida jiffaċċjaw ostakli, inkluża l-inċertezza legali. Filwaqt li jitqiesu l-previżjonijiet attwali għal suq li qed jikber għar-reklamar politiku online, il-problemi identifikati jistgħu biss imorru għall-agħar maż-żmien jekk is-sitwazzjoni tibqa’ mhux indirizzata.
L-Unjoni Ewropea flimkien mal-Istati Membri tagħha għandhom ir-responsabbiltà li jipproteġu u jiddefendu d-drittijiet elettorali u politiċi taċ-ċittadini tagħhom u li jsaħħu l-prinċipji tad-dibattitu demokratiku, billi jipprovdu ambjent legali ċar u prevedibbli għal dawn l-attivitajiet. Dawn għandhom jindirizzaw ir-regolamentazzjoni frammentata u antikwata tad-dibattitu demokratiku. Dan huwa partikolarment importanti peress li ħafna mill-attività u ħafna mill-isfidi ffaċċjati qed isiru dejjem aktar ta’ natura transfruntiera.
Fl-istess waqt, l-Unjoni Ewropea mhijiex biss ikkonċernata mill-protezzjoni tad-demokrazija fil-fruntieri tagħha, iżda wkoll barra mill-Unjoni, permezz tal-azzjoni esterna tagħha. Peress li qed tiżdied il-pressjoni fuq id-demokrazija b’mod globali, il-pakkett propost ta’ miżuri huwa f’sinerġija mal-isforzi qawwija mmexxija mill-Unjoni Ewropea esternament. Dan jista’ jikkontribwixxi għall-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex tipproteġi, tispira u tappoġġa d-demokraziji madwar id-dinja, li qed jiffaċċjaw sfidi komuni u li għandhom interess komuni li jaħdmu flimkien biex jindirizzawhom.
Sa mill-2018, il-Kummissjoni adottat pakkett tal-elezzjonijiet, inkluża sensiela ta’ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu miżuri biex jiġi indirizzat l-ipproċessar ta’ data personali fl-elezzjonijiet, biex jinfirxu l-aħjar prattiki dwar il-prevenzjoni ta’ diżinformazzjoni u attakki ċibernetiċi, u biex jiġu promossi t-trasparenza u r-responsabbiltà online fil-proċess elettorali Ewropew, kif ukoll biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni. Ir-regoli għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ġew aġġornati wkoll.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-esperjenza tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2019, u l-elezzjonijiet nazzjonali fl-Istati Membri, urew li l-mod li bih l-atturi politiċi jikkollegaw mal-elettorat tagħhom għadda minn aktar bidliet sinifikanti. Id-dibattitu politiku qaleb saħansitra aktar online u fuq il-midja soċjali. Il-pjattaformi tal-internet għandhom rwol kruċjali fil-mod kif iċ-ċittadini jiffurmaw, jesprimu u jiddiskutu l-opinjonijiet tagħhom. L-aġġustamenti meħtieġa mill-pandemija tal-COVID-19 saħħew ukoll dawn ix-xejriet biż-żieda fl-użu tas-servizzi online. Dawn il-bidliet iġibu opportunitajiet ġodda biex id-dibattitu demokratiku jirnexxi, iżda jġibu wkoll theddidiet ġodda għas-sistema demokratika u għas-suq intern, ta’ natura ibrida wkoll.
Filwaqt li l-miżuri li ġew proposti fl-2018 għadhom pertinenti, huma meħtieġa aktar riformi. Xi wħud minn dawk il-miżuri kienu biss rakkomandazzjonijiet u ma ġewx implimentati b’mod konsistenti. L-evidenza turi li r-regoli eżistenti jistgħu jiġu evitati.
Matul l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2019, il-partiti politiċi Ewropej ltaqgħu ma’ diffikultajiet meta ppruvaw jagħmlu kampanji bejn il-fruntieri u l-Parlament Ewropew talab riforma. Iċ-ċaqliq rapidu tad-dibattitu politiku lejn ambjent online stimula wkoll it-tkabbir tas-suq għar-reklamar politiku online, li fuqu l-atturi politiċi Ewropej fl-Ewropa nefqu EUR 23 miljun fir-rigward tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2019. Iċ-ċittadini tal-UE ffaċċjaw ukoll ostakli fl-eżerċitar tad-dritt tagħhom li jivvutaw fi Stati Membri oħra kemm fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali.
Bit-tranżizzjoni diġitali li għaddejja bħalissa, iċ-ċittadini, inklużi l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, iridu jkunu jistgħu jiddistingwu l-fatti mill-finzjoni, u jkunu jistgħu jipparteċipaw f’dibattiti miftuħa, li jkunu ħielsa mid-diżinformazzjoni, mill-interferenza illeċita, mill-intimidazzjoni u mill-manipulazzjoni. Għaċ-ċittadini għandu jkun ċar li jkunu qed jirċievu kontenut politiku u mingħand min. Għandu jkun hemm trasparenza sinifikanti li tippermetti l-iskrutinju pubbliku u r-responsabbiltà tal-atturi rilevanti u li tirrifletti l-inklużività u d-diversità tas-soċjetajiet tagħna.
Dawn l-isfidi jitolbu sforz ġdid biex tissaħħaħ il-fiduċja fis-sistemi demokratiċi tagħna. Il-protezzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti hija prijorità politika ta’ din il-Kummissjoni. Il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (“EDAP”) stabbilixxa l-passi li l-Kummissjoni tippjana li tieħu biex issaħħaħ id-demokrazija, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza mill-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2019 u tibbaża fuq il-ħidma tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet (“in-Network tal-UE dwar l-elezzjonijiet”), kif ukoll fuq ir-Rapport tal-2020 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE.
Dan il-pakkett jinkludi proposta għal Regolament dwar it-trasparenza tar-reklamar politiku, żewġ proposti għar-riformulazzjoni tad-Direttivi dwar id-drittijiet elettorali, proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, u jħabbar mekkaniżmu konġunt għar-reżiljenza elettorali.
2.Trasparenza u mmirar tar-reklamar politiku
Ir-reklamar politiku huwa tip speċifiku ta’ reklamar. Dan jikkonsisti f’messaġġi promossi minn atturi politiċi, għalihom jew f’isimhom, jew messaġġi li jistgħu jinfluwenzaw l-eżitu ta’ elezzjoni jew referendum, proċess leġiżlattiv jew regolatorju, jew imġiba ta’ votazzjoni. Wieħed mill-aktar prinċipji essenzjali tad-demokrazija huwa li dan ir-reklamar għandu jkun trasparenti, jiġifieri ċ-ċittadini għandhom ikunu jafu min ikun qed jagħmel reklam politiku u għaliex ikun ġie indirizzat lilhom. Dan ir-reklamar politiku trasparenti jagħmilha aktar faċli li jiġu identifikati l-interferenza jew il-manipulazzjoni possibbli tal-proċess politiku.
It-trasparenza tar-reklamar politiku tradizzjonalment ġiet irregolata fil-livell tal-Istati Membri biex jiġu żgurati proċessi demokratiċi ġusti u ħielsa u biex tiġi evitata l-interferenza. Ir-regolamentazzjoni nazzjonali timponi obbligi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku biex tiżgura, inter alia, ir-responsabbiltà u l-organizzazzjoni ġenerali ta’ proċess politiku ġust u miftuħ. Dawn ir-regoli nazzjonali jsegwu interess pubbliku leġittimu li l-UE taqsam bis-sħiħ. Madankollu, ir-regoli nazzjonali dwar it-trasparenza li japplikaw għall-fornituri tas-servizzi jvarjaw bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn il-midja differenti u jiffokaw l-aktar fuq il-midja tradizzjonali. Il-frammentazzjoni legali u d-diffikultajiet fl-infurzar transfruntier tar-regoli nazzjonali dwar it-trasparenza x’aktarx li jiżdiedu fil-futur.
Ir-regoli tradizzjonali spiss ma jkunux adattati għall-iżviluppi fit-teknoloġija u fil-kampanji elettorali, u f’xi każijiet jistgħu jiġu evitati minħabba n-natura mingħajr fruntieri tal-ambjent online, kif ukoll minħabba lakuni regolatorji. Iż-żieda fl-użu tar-reklamar diġitali fil-kampanji politiċi u fid-dimensjoni transfruntiera tal-isfidi politiċi ewlenin – mit-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni għall-ġestjoni tal-pandemija tal-COVID-19 – għamlet il-problemi assoċjati saħansitra aktar akuti. Huwa ċar li d-daqs u l-kumplessità tas-suq tar-reklamar politiku, li fl-UE huwa stmat li jiswa aktar minn EUR 100 miljun fl-2019, qed jiżdiedu kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Ir-regolamentazzjoni eteroġena bejn l-Istati Membri u bejn il-forom differenti tal-midja (pereżempju, regoli differenti għat-televiżjoni u r-radju) taffettwa kumpaniji li joperaw f’kuntest transfruntier jew li joffru kampanji ta’ reklamar bl-użu ta’ midja multipla, li jridu jikkonformaw ma’ rekwiżiti ta’ trasparenza multipli u spiss mhux ċari li jirriżultaw f’inċertezza legali u f’kostijiet ta’ konformità assoċjati.
Hija meħtieġa leġiżlazzjoni ġdida tal-UE biex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà, u li d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rilevanti tal-protezzjoni tad-data, bħal-limitazzjoni tal-iskop u l-minimizzazzjoni tad-data, jiġu rrispettati b’mod effettiv.
L-ewwel nett, ir-regoli proposti se jirrikonċiljaw il-ħtieġa leġittima li tiġi żgurata t-trasparenza tas-servizzi ta’ reklamar politiku li jiġu pprovduti bi ħlas, sabiex jiġi protett u żviluppat is-suq intern tal-UE f’konformità mad-drittijiet fundamentali, il-proporzjonalità u s-sussidjarjetà. L-objettiv tagħhom se jkun li jindirizzaw it-tħassib relatat mal-ħabi u mad-dikjarazzjoni falza ta’ informazzjoni ewlenija, bħall-oriġini, l-intenzjoni, is-sorsi u l-finanzjament ta’ messaġġi politiċi, kif ukoll l-iżvelar tan-natura politika tal-messaġġ, li huma meħtieġa biex jittieħdu deċiżjonijiet politiċi informati. Ir-regoli l-ġodda jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod ċar ir-reklamar politiku. Se jaraw l-isem tal-isponsor muri b’mod prominenti u se jkunu jistgħu jaraw ukoll minn avviż ta’ trasparenza l-ammonti li jkunu ntefqu fuq ir-reklamar politiku, is-sorsi tal-fondi użati, u r-rabta bejn ir-reklamar u l-elezzjonijiet jew ir-referenda rilevanti. Ir-Regolament ikopri wkoll il-proċess dinamiku tar-reklamar politiku diġitali peress li, fil-katina tal-produzzjoni ta’ reklam, jistgħu jimmaniġġaw dawn il-proċessi fornitur tas-servizz wieħed jew aktar.
It-tieni nett, ir-Regolament propost se jindirizza r-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ ċerti tekniki ta’ mmirar, ta’ amplifikazzjoni u ta’ ottimizzazzjoni biex jiġi ppreżervat il-proċess demokratiku, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, ir-Regolament se jiżgura li jiġi evitat li s-suq armonizzat għar-reklamar politiku jkun frammentat mill-ġdid b’regoli possibbli futuri. Fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel valutazzjoni tagħha tal-isfidi fir-rigward tar-reklamar politiku u l-kwistjonijiet marbuta ma’ tekniki ġodda użati biex jiġi mmirat ir-reklamar ibbażat fuq id-data personali tal-utenti. Dawn it-tekniki ta’ mmirar, ta’ amplifikazzjoni u ta’ ottimizzazzjoni użati fir-reklamar politiku jippermettu li r-reklamar politiku jkun imfassal għall-profili speċifiċi ta’ individwu jew ta’ grupp, spiss mingħajr l-għarfien tagħhom billi jiddependu, pereżempju, fuq it-tfassil ta’ profil tal-imġiba abbażi tad-data. Irrispettivament minn jekk id-data tkunx ġiet miksuba kif suppost jew le, dawk it-tekniki jistgħu jintużaw b’mod ħażin biex jiġu sfruttati l-vulnerabbiltajiet taċ-ċittadini.
Barra minn hekk, iċ-ċittadini tal-UE għandhom dritt li jirċievu informazzjoni oġġettiva, miftuħa u pluralistika, li min-naħa tagħha hija wieħed mill-prerekwiżiti għal demokrazija b’saħħitha. Dan jista’ jiġi affettwat mill-użu ta’ tekniki ta’ mmirar, ta’ amplifikazzjoni u ta’ ottimizzazzjoni, peress li dawn it-tekniki jistgħu jintużaw biex iressqu lin-nies lejn ċertu kontenut u jagħmluha aktar diffiċli jew inqas interessanti biex jirċievu jew ifittxu messaġġi li, f’demokrazija, għandhom id-dritt li jisimgħu u jikkummentaw dwarhom. Dan imur kontra l-prinċipji ta’ dibattiti demokratiċi miftuħa, li fihom wieħed jiffaċċja pluralità ta’ ideat (“il-pjazza pubblika”). Dan jillimita wkoll il-kapaċità tal-atturi politiċi li jwieġbu għall-messaġġi, inkluż għall-akkużi, bħala parti minn dak id-dibattitu.
Għalhekk, ir-Regolament propost mhux se jippermetti l-użu ta’ dawn it-tekniki ta’ mmirar u ta’ amplifikazzjoni jekk ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti sinifikanti ta’ trasparenza. Se jirrestrinġi u jirregola wkoll l-użu ta’ ċerti tipi ta’ data sensittiva, inkluż fejn l-ipproċessar jinvolvi r-raggruppament ta’ persuni skont kategoriji ta’ interessi protetti, bħar-reliġjon jew l-orjentazzjoni sesswali jew skont l-interessi assunti. Se jagħti aktar setgħa lill-individwi biex jiddeterminaw jekk u kif jiġu mmirati mir-reklamar politiku u biex jiddeċiedu jekk iridux jaċċettaw ir-reklamar jew le. Barra minn hekk, l-individwi se jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni sinifikanti dwar ir-raġuni għalfejn u t-tip ta’ teknika ta’ mmirar użata, min kien immirat u għal liema skop (pereżempju minħabba li jirrisjedu f’ċertu post u jkunu se jsiru elezzjonijiet lokali), is-sorsi tad-data użata, kif ukoll id-daqs tal-udjenza fil-mira. Barra minn hekk, se jkun possibbli li jkun hemm aċċess għal deskrizzjoni tal-passi meħuda biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-proposta dwar l-immirar.
Ir-Regolament propost jibni fuq u jikkumplimenta d-dritt tal-Unjoni relevanti, inkluż ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (“GDPR”) u l-Att propost dwar is-Servizzi Diġitali (“DSA”), li ladarba jiġi adottat, se jistabbilixxi regoli komprensivi dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u t-tfassil tas-sistemi għar-reklamar fuq pjattaformi online, anke fir-rigward tar-reklamar politiku. L-aġġornament tal-Kodiċi ta’ Prattika awtoregolatorju dwar id-Diżinformazzjoni, abbażi tal-gwida tal-Kummissjoni ppubblikata reċentement, se jikkumplimenta wkoll ir-Regolament propost.
Hekk kif il-partiti politiċi Ewropej jisponsorjaw kampanji ta’ komunikazzjoni bejn il-fruntieri, għandu japplika wkoll standard għoli ta’ trasparenza għal dawn il-kampanji biex tiġi promossa r-responsabbiltà. Għalhekk se jiġu stabbiliti wkoll rekwiżiti speċifiċi ta’ trasparenza għall-partiti politiċi Ewropej li jagħmlu użu mir-reklamar politiku billi jemendaw (permezz tal-inizjattiva l-oħra deskritta fit-Taqsima 4 hawn taħt) ir-Regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.
Se jiġi stabbilit repożitorju ddedikat għar-reklamar politiku użat mill-partiti politiċi Ewropej biex jipprovdi liċ-ċittadini b’informazzjoni dwar reklami bħal dawn, il-flus li ntefqu fuqhom, kif ukoll il-mira demografika ta’ reklam partikolari. Il-partiti politiċi Ewropej se jiżguraw ukoll li l-prattiki u l-politiki ta’ reklamar politiku tagħhom isiru trasparenti direttament fis-siti web tagħhom. Ir-Regolament propost dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej se jinkwadra wkoll l-użu ta’ tekniki ta’ mmirar għall-partiti politiċi Ewropej.
Minħabba li l-istabbiliment ta’ regoli dwar il-partiti politiċi nazzjonali huwa kompetenza nazzjonali, l-Istati Membri huma mistiedna jiżguraw li l-istandards ta’ trasparenza applikabbli għall-partiti politiċi Ewropej japplikaw ukoll għall-partiti politiċi nazzjonali u li jsegwu rekwiżiti ta’ trasparenza għoljin meta jagħmlu użu mir-reklamar politiku, f’konformità mar-regoli applikabbli għall-partiti politiċi Ewropej. Li jiġu riflessi r-rekwiżiti ta’ trasparenza tal-UE jgħin ħafna biex jiġu indirizzati l-problemi identifikati.
Bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi u mmirati proposti fl-inizjattivi f’dan il-pakkett, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku fis-suq intern se jkunu jistgħu jeżerċitaw l-attività tagħhom f’ambjent legali adegwat, armonizzat, aktar ċar u aktar prevedibbli. Fl-istess ħin, iċ-ċittadini tal-UE se jkunu jistgħu jirċievu informazzjoni politika trasparenti, sabiex ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jifhmu l-interessi u l-isfumaturi tad-diskors politiku. Meta jiġi adottat, ir-Regolament propost dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku se jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern għas-servizzi u jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jibbenefikaw minn standard għoli ta’ trasparenza għar-reklamar politiku f’konformità mal-valuri tal-Unjoni.
Il-Kummissjoni se tevalwa l-applikazzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda dwar it-trasparenza tar-reklamar politiku wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2024.
3.Drittijiet elettorali taċ-ċittadini mobbli tal-UE
Hemm 13.5-il miljun ċittadin tal-UE li jirrisjedu fi Stat Membru differenti minn dak tal-oriġini tagħhom – ċittadini mobbli tal-UE. Dawk iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jivvutaw u joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom. Madankollu, ħafna drabi l-parteċipazzjoni tagħhom tkun aktar baxxa minn dik ta’ ċittadini li għandhom in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti.
Dan huwa parzjalment dovut għal proċessi ta’ reġistrazzjoni kkumplikati fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom. Iċ-ċittadini mobbli tal-UE mhux dejjem jirċievu informazzjoni ċara dwar l-elezzjonijiet inkwistjoni, jew jistgħu jirċievu l-informazzjoni f’lingwa li ma jafux sew. Hemm ukoll każijiet fejn iċ-ċittadini tal-UE li jirreġistraw għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jew għall-elezzjonijiet muniċipali fi Stat Membru wieħed jirriskjaw li jiġu dereġistrati mil-listi tal-votazzjoni fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom. Dan kollu jagħmilha aktar diffiċli għaċ-ċittadini mobbli tal-UE biex jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom u b’hekk jimmina d-drittijiet demokratiċi tagħhom.
Barra minn hekk, hemm każijiet fejn iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jivvutaw darbtejn għall-istess elezzjoni tal-Parlament Ewropew, darba fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom u darba oħra fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom (“votazzjoni multipla”), li huwa illegali.
Sabiex tindirizza dan it-tħassib, il-Kummissjoni qed tipproponi li taġġorna l-qafas legali eżistenti rilevanti. Bħala parti mill-miżuri leġiżlattivi, il-Kummissjoni qed tipproponi li tiġi pprovduta informazzjoni speċifika liċ-ċittadini mobbli tal-UE dwar id-drittijiet elettorali tagħhom, inkluż dwar il-projbizzjoni ta’ votazzjoni multipla u l-konsegwenzi tagħha. Din għandha tinvolvi l-għoti ta’ informazzjoni u l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni adattati għal gruppi speċifiċi ta’ votanti, bħall-votanti żgħażagħ. Sabiex tkompli titnaqqas il-possibbiltà ta’ votazzjoni multipla fl-istess elezzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi definit sett komuni ta’ data li għandu jinġabar u jiġi skambjat bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tiġi pprojbita id-dereġistrazzjoni ta’ ċittadini mobbli tal-UE minn elezzjonijiet oħra fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom biss abbażi ta’ dan l-iskambju.
Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġu introdotti mudelli standardizzati disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE għar-reġistrazzjoni bħala votant jew bħala kandidat, sabiex iċ-ċittadini mobbli tal-UE jkunu jistgħu jirreġistraw faċilment fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom. L-Istati Membri se jintalbu jipprovdu liċ-ċittadini mobbli tal-UE b’informazzjoni b’lingwaġġ ċar u sempliċi, f’mill-inqas il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti u f’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni li tinftiehem b’mod ġenerali mill-akbar għadd possibbli ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu fit-territorju tagħha. Dawn il-miżuri leġiżlattivi proposti se jtejbu l-ġbir tad-data għall-elezzjonijiet muniċipali u l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll punt ta’ kuntatt dwar id-drittijiet elettorali fil-livell tal-Kummissjoni biex tkompli tgħaqqad u ssaħħaħ iċ-Ċentri ta’ Kuntatt tal-Europe Direct u l-Pariri tal-Ewropa Tiegħek. Dan se jgħin ukoll liċ-ċittadini tal-UE u lill-awtoritajiet lokali biex isibu soluzzjonijiet għal kwistjonijiet rilevanti matul il-perjodu meta ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jirreġistraw għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew billi jiġi żgurat aċċess aktar faċli għall-informazzjoni, servizz ta’ kwalità aħjar u tweġibiet aktar rapidi għall-mistoqsijiet taċ-ċittadini mobbli tal-UE.
Id-dispożizzjonijiet legali attwali jippermettu lill-Istati Membri jżommu l-kandidatura għal xi pożizzjonijiet fl-elezzjonijiet muniċipali, bħall-uffiċċju tal-kap, viċi jew membru tal-kulleġġ governattiv elett tal-eżekuttiv ta’ unità tal-gvern lokali bażika għaċ-ċittadini tagħhom biss. Diversi Stati Membri użaw din id-dispożizzjoni, u b’hekk illimitaw il-possibbiltajiet għaċ-ċittadini mobbli tal-UE biex jipparteċipaw fil-ħajja politika tal-post fejn jgħixu. Ir-regoli emendati se jirrikjedu li l-Istati Membri jirrapportaw regolarment dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, biex jippermettu l-valutazzjoni tal-ħtieġa li jinżammu. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-kwistjoni fil-qafas tan-Network tal-UE dwar l-Elezzjonijiet biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw jekk jistax jingħata aċċess ugwali għal tali funzjonijiet għall-elezzjonijiet muniċipali.
Barra minn hekk, se jiġi pprovdut finanzjament immirat fil-programm taċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri biex jiġu promossi inizjattivi demokratiċi innovattivi b’appoġġ għall-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini mobbli tal-UE, b’mod partikolari fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta’ Mejju 2024.
4.Regoli aktar ċari dwar il-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej
F’konformità mal-Artikolu 10(4) tat-TUE, il-partiti politiċi Ewropej jikkontribwixxu għall-formazzjoni tas-sensibilizzazzjoni politika Ewropea u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jirfdu u jikkumplimentaw l-objettivi tal-partit politiku Ewropew li huma affiljati miegħu, fost affarijiet oħra, billi jikkontribwixxu għad-dibattitu u jiżviluppaw attivitajiet dwar kwistjonijiet ta’ politika pubblika Ewropea, u billi jrawmu l-kooperazzjoni għall-promozzjoni tad-demokrazija.
Ir-Regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej huwa biċċa leġiżlazzjoni reċenti, li ġie applikat biss fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2019. Madankollu, ir-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-Regolament 1141/2014 identifika għadd ta’ lakuni fil-qafas regolatorju attwali li jipprevjenu lill-partiti u lill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej milli jwettqu l-missjoni tagħhom biex jgħinu fil-ħolqien ta’ spazju politiku Ewropew. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni wasal għal sejbiet simili. Barra minn hekk, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, ir-Regolament ġie modifikat darbtejn u diversi referenzi u dispożizzjonijiet saru obsoleti.
Għalhekk, il-Kummissjoni qed tressaq proposta għar-riformulazzjoni ta’ dak ir-Regolament. Il-bidliet sostanzjali proposti jfittxu li jintroduċu regoli ta’ trasparenza robusti – dwar ir-reklamar politiku u dwar is-sorsi ta’ finanzjament, b’mod partikolari fir-rigward tad-donazzjonijiet – u referenza aktar b’saħħitha għall-valuri tal-Artikolu 2 tat-TUE. Il-proposta tal-Kummissjoni se tiċċara wkoll li xejn ma għandu jipprevjeni lill-partiti politiċi Ewropej milli jagħmlu kampanji transfruntieri fl-UE, li huma ċentrali għar-rwol tagħhom u se jiffaċilitaw l-interazzjonijiet mal-partiti nazzjonali tagħhom. Se trawwem rappreżentanza aktar ibbilanċjata fil-partiti politiċi, li tikkontribwixxi għall-objettiv politiku ġenerali ta’ żieda fl-inklużività u fid-diversità fid-dibattitu demokratiku. Fl-aħħar nett, se żżid il-vijabbiltà finanzjarja tal-partiti politiċi Ewropej billi tillimita r-rekwiżit ta’ kofinanzjament, b’mod partikolari matul is-sena tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u tnaqqas il-piż amministrattiv eċċessiv.
5.Kooperazzjoni dwar ir-reżiljenza elettorali
Il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri biex jiġu żgurati proċessi elettorali reżiljenti u appoġġ reċiproku biex jiġi indirizzat it-theddid hija essenzjali. Kif imħabbar fl-EDAP u fir-rapport tal-2020 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, il-Kummissjoni tkompli tuża n-Network tal-UE dwar l-Elezzjonijiet biex twettaq għadd ta’ impenji tagħha, inklużi:
-l-iffaċilitar u t-titjib kontinwi tal-kapaċità taċ-ċittadini kollha tal-UE li jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom inkluż billi jappoġġaw l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-assistenza reċiproka biex jiġu żgurati elezzjonijiet ħielsa u ġusti u jiġi stabbilit mekkaniżmu konġunt ta’ reżiljenza elettorali;
-l-istabbiliment ta’ referenzi komuni dwar prattiki tajba għal fażijiet speċifiċi taċ-ċiklu elettorali;
-l-istabbiliment ta’ referenzi komuni dwar il-ġbir tad-data dwar il-parteċipazzjoni ta’ ċittadini mobbli tal-UE fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;
-l-appoġġ tal-kooperazzjoni bejn in-networks tal-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jibnu l-kapaċità u jiskambjaw l-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra t-theddid elettorali u jippromwovu standards internazzjonali għoljin fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda.
Filwaqt li tibni fuq din il-kooperazzjoni, mill-2022 il-Kummissjoni se toffri lill-Istati Membri “mekkaniżmu konġunt għar-reżiljenza elettorali”. Dan se jiġi organizzat u kkoordinat permezz tan-Network tal-UE dwar l-Elezzjonijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar in-Network u s-Sistemi tal-Informazzjoni (NIS) u s-Sistema tat-Twissija Rapida tal-UE. L-enfasi operazzjonali primarja tal-mekkaniżmu se tkun li jappoġġa l-użu ta’ timijiet ta’ esperti konġunti u l-iskambji ta’ esperti bl-għan li jinbnew proċessi elettorali reżiljenti, b’mod partikolari fil-qasam tal-forensika online, id-diżinformazzjoni u ċ-ċibersigurtà tal-elezzjonijiet. Jistgħu jiġu previsti gradwalment tipi ulterjuri ta’ azzjonijiet bħal sessjonijiet ta’ taħriġ komuni u l-iżvilupp komuni tas-sistemi tal-IT.
L-iskambji jistgħu jsiru madwar l-UE u se jinvolvu esperti minn Stat Membru wieħed li jipprovdu appoġġ fuq il-post fi Stat Membru ieħor. Il-parteċipazzjoni ta’ esperti mis-settur privat, minn organizzazzjonijiet internazzjonali, mis-soċjetà ċivili, mill-akkademja jew minn pajjiżi terzi tista’ tiġi kkunsidrata wkoll, kif meħtieġ.
Filwaqt li l-formazzjoni, il-kompiti u l-użu ta’ skambji ta’ esperti jiġu skattati fuq talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tappoġġa b’mod proattiv lill-Istati Membri permezz ta’ attivitajiet ta’ ppjanar strutturat fin-Network tal-UE dwar l-Elezzjonijiet. L-għan se jkun li jiġu identifikati l-elezzjonijiet li ġejjin u l-bidliet proċedurali ppjanati, jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti u l-opportunitajiet potenzjali għall-kooperazzjoni u l-ġbir tar-riżorsi, u jiġu identifikati r-riżorsi potenzjali għall-inklużjoni fil-qafas tal-mekkaniżmu.
Fluss ta’ ħidma li jiffoka fuq iċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija elettorali taħt l-awspiċji tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit mid-Direttiva NIS se jkompli l-ħidma tiegħu b’kunsiderazzjoni mill-qrib man-Network tal-UE dwar l-Elezzjonijiet sabiex jaqsam l-esperjenzi u jipprovdi gwida, kif ukoll ħarsa ġenerali lejn l-għodod, it-tekniki u l-protokolli għall-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tat-theddid taċ-ċibersigurtà għall-proċessi elettorali.
Fit-tieni nofs tal-2023, il-Kummissjoni se torganizza wkoll avveniment ta’ livell għoli għall-elezzjonijiet li jlaqqa’ flimkien diversi awtoritajiet relatati mal-elezzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi indirizzati f’dan il-pakkett.
Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll jekk tistax tiġi kkunsidrata proposta leġiżlattiva għall-protezzjoni tal-infrastruttura elettorali bħala infrastruttura kritika.
6.Konklużjonijiet
It-twettiq tal-miżuri proposti f’dan il-pakkett se jipprovdi lill-Unjoni Ewropea b’qafas leġiżlattiv aktar b’saħħtu biex tilqa’ l-isfidi li qed jiffaċċjaw id-demokraziji u l-elezzjonijiet tagħna, b’rispett sħiħ tal-prinċipji u l-valuri komuni tagħna. Dan se jippermetti lill-votanti jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom aħjar, inkluż għal sors ta’ informazzjoni pluralistiku u trasparenti, lill-partijiet Ewropej jinvolvu ruħhom f’interazzjoni aktar effettiva u responsabbli mal-pubbliku u lill-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi biex jinżamm proċess elettorali demokratiku, ħieles mill-interferenza u l-manipulazzjoni.
Is-suq intern aktar integrat għas-servizzi ta’ reklamar politiku jrid jiġi rikonċiljat mat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini. Fil-fatt, l-istabbiliment ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb jimxi id f’id mal-kisba tal-valuri li huma komuni għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha. L-iżvilupp tas-suq intern tal-UE għas-servizzi ta’ reklamar politiku u d-difiża tal-valuri tal-Unjoni jikkostitwixxu żewġ naħat tal-istess munita. Is-suċċess ta’ dan jiddependi mhux biss mil-leġiżlazzjoni, iżda wkoll mill-implimentazzjoni tagħha, li se tippermetti liċ-ċittadini jibbenefikaw verament bl-aktar mod sħiħ mill-għan u mill-ispirtu tal-miżuri proposti. Dan jgħodd għall-elementi kollha ta’ dan il-pakkett.
Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa l-involviment ulterjuri tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll iċ-ċirku wiesa’ ta’ atturi nazzjonali, pubbliċi u privati, lil hinn mill-awtoritajiet tal-gvern, sabiex jiġi żgurat li s-sett ta’ miżuri ppreżentati f’din il-Komunikazzjoni jiġi adottat u implimentat fil-ħin għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-2024.