Strasburgu, 19.10.2021

COM(2021) 662 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika

1.Introduzzjoni

Il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar ir-rieżami tal-governanza ekonomika tal-UE fi Frar 2020. ( 1 2 ) Il-Komunikazzjoni enfasizzat għadd ta’ punti b’saħħithom u dgħufijiet tal-qafas ta’ governanza ekonomika (il-Kaxxa 1) u fetħet dibattitu pubbliku abbażi tas-sejbiet tagħha. Dan id-dibattitu ġie sospiż ftit wara minħabba l-ħtieġa li ssir enfasi fuq l-isfidi immedjati li ġabet magħha t-tifqigħa tal-COVID-19. Il-Kummissjoni wiegħdet li terġa’ tniedi d-dibattitu ladarba jkun beda l-irkupru.( 3 ) Sadanittant, ir-rapporti dwar ir-rieżami ġew adottati: mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew f’Settembru 2020; mill-Kumitat tar-Reġjuni f’Diċembru 2020; u mill-Parlament Ewropew f’Lulju 2021.( 4 ) Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat ukoll żewġ rapporti speċjali dwar l-implimentazzjoni tar-regoli fiskali tal-UE.( 5 )

Din il-Komunikazzjoni tivvaluta l-implikazzjonijiet taċ-ċirkostanzi li nbidlu għall-governanza ekonomika wara l-kriżi tal-COVID-19 u tniedi mill-ġdid id-dibattitu pubbliku dwar ir-rieżami tal-qafas. Din il-Komunikazzjoni tikkomplementa l-valutazzjoni ppubblikata fi Frar 2020 u ssegwi t-tħabbira tal-President von der Leyen dwar it-tnedija mill-ġdid tad-dibattitu pubbliku fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea fil-15 ta’ Settembru 2021. L-għan tad-dibattitu pubbliku huwa li jinbena kunsens dwar it-triq ’il quddiem sew qabel l-2023.

2.Xejriet ekonomiċi fuq terminu medju sa twil fl-UE

L-ekonomija tal-UE diġà ffaċċjat diversi sfidi strutturali fit-tul qabel il-kriżi tal-COVID-19. L-ewwel nett, minkejja t-titjib ta’ qabel il-pandemija fil-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol, il-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ malajr heddet li eventwalment tnaqqas il-provvista tax-xogħol u b’hekk tnaqqas il-potenzjal tat-tkabbir tal-UE. It-tieni, it-tkabbir dgħajjef fil-produttività aġixxa bħala xkiel għat-tkabbir ekonomiku u l-UE ma kinitx qiegħda żżomm mal-pass taċ-Ċina u tal-Istati Uniti fil-proċess ta’ trasformazzjoni diġitali. It-tielet, il-kostijiet soċjoekonomiċi sostanzjali ħafna tat-tibdil fil-klima kienu qegħdin joħorġu fid-dieher b’aktar ċarezza u urġenza. Ir-raba’, iż-żieda fl-inugwaljanza bejn l-introjtu u l-ġid, id-disparitajiet territorjali fi ħdan l-Istati Membri u fosthom, u l-aċċess inugwali għall-edukazzjoni u l-ħiliet, kienu qegħdin joħonqu t-tkabbir ekonomiku u joħolqu pressjoni fuq in-nisġa soċjali tal-UE.

L-isfidi klimatiċi u d-degradazzjoni ambjentali jeħtieġu azzjoni qawwija u rapida. It-tibdil fil-klima u d-deterjorament tal-ambjent qegħdin jimmaterjalizzaw. It-temperaturi qegħdin jiżdiedu u l-pajjiżi madwar id-dinja qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ avvenimenti katastrofiċi relatati mat-temp bi frekwenza allarmanti. L-għan tal-Ftehim ta’ Pariġi biex jitqiegħed limitu fuq it-tisħin globali għal sew taħt iż-żewġ gradi Celsius u jsiru sforzi biex jitqiegħed limitu ta’ 1,5 gradi fuq iż-żieda fit-temperatura, meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, jinsab f’riskju sakemm l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ma jitnaqqsux drastikament.( 6 ) Daqs miljun speċi jinsabu mhedda li jiġu estinti, bosta minnhom fid-deċennji li ġejjin. ( 7 )  Dawn ix-xejriet jistgħu jsiru sors ta’ riskji sistemiċi jekk ma jiġux indirizzati. Dan jirrikjedi investiment privat u pubbliku biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika (il-Kaxxa 2) u biex jittaffa l-impatt tagħha fuq dawk l-aktar vulnerabbli.

It-trasformazzjoni diġitali diġà qiegħda sseħħ iżda għandha titħaffef. Il-kriżi tal-COVID-19 ħaffet il-pass tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna. Il-lockdowns taw spinta lis-servizzi online u lill-kummerċ elettroniku. Iċ-ċittadini tal-UE esperjenzaw b’mod dirett kif it-telexogħol, it-telemediċina, ix-xiri online u s-servizzi amministrattivi diġitalizzati għandhom il-potenzjal biex itejbu l-kwalità tal-ħajja u l-eżiti ekonomiċi. Madankollu, proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni għandha ħiliet diġitali batuti u kellha diffikultà biex taċċessa l-ambjent diġitali l-ġdid, b’riskji li tikber il-qasma soċjali. Il-kriżi ħarġet fid-dieher ukoll il-qasma li teżisti bejn negozji li huma diġitalment adattati u dawk li għadhom iridu jadottaw soluzzjonijiet diġitali, u enfasizzat id-distakk li hemm bejn żoni urbani li huma konnessi sew u żoni rurali jew remoti. Sadanittant, in-nuqqas dejjem jikber ta’ ħiliet diġitali, il-limitazzjonijiet tal-infrastrutturi diġitali, id-dewmien fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda mill-gvernijiet u n-negozji, u d-dipendenzi fuq għadd ta’ teknoloġiji ewlenin bħas-semikondutturi esponew sfidi sinifikanti għall-ambizzjonijiet diġitali tal-UE. L-UE trid tieħu azzjoni urġenti u ambizzjuża.

Huwa essenzjali li tingħata spinta lir-reżiljenza soċjoekonomika biex jittejbu l-potenzjal tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-Ewropa u biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Ir-reżiljenza hija l-abbiltà li wieħed mhux biss ikun jiflaħ għall-isfidi u jkampa meta ffaċċjat bihom, iżda wkoll li jgħaddi minn tranżizzjonijiet b’mod sostenibbli, ġust u demokratiku. Stati Membri, territorji u setturi inqas reżiljenti sabuha aktar diffiċli li jifilħu għall-kriżi u jirreaġixxu għaliha. ( 8 ) Id-differenzi fir-reżiljenza fl-UE għandhom ukoll effett fuq il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali kif ukoll fuq il-konverġenza fiż-żona tal-euro u fuq l-effettività tal-politika monetarja unika. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali effettivi u mfassla tajjeb, investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet, u finanzi pubbliċi sodi jistgħu jsaħħu r-reżiljenza u jżidu t-tkabbir potenzjali. L-Istati Membri ffukaw fuq l-implimentazzjoni ta’ tali riformi meħtieġa fil-mumenti li ġew wara l-kriżi finanzjarja globali iżda l-momentum majna maż-żmien, u l-progress sar irregolari fost l-Istati Membri u l-oqsma ta’ politika. L-interdipendenzi qawwija bejn l-ekonomiji tagħna fis-Suq Uniku u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja jenfasizzaw il-ħtieġa li l-politiki nazzjonali jiġu kkoordinati. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli għadha fattur ewlieni fit-tisħiħ tar-reżiljenza u t-twettiq tat-tranżizzjoni doppja.

Il-kriżi tal-COVID-19 għamlet dawn l-isfidi aktar viżibbli u aktar urġenti. L-indirizzar tagħhom joffri opportunitajiet trasformattivi iżda jirrikjedi wkoll investimenti u riformi kbar. L-infiq fuq l-investiment u l-momentum tar-riformi se jkun jeħtiġilhom jiżdiedu meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel il-COVID, meta l-investiment pubbliku niżel taħt il-livelli meħtieġa biex l-istokk tal-kapital pubbliku jinżamm stabbli bħala proporzjon tal-PDG u firxa wiesgħa ta’ riformi kienu għadhom iridu jiġu implimentati.

Il-potenza ta’ EUR 2 triljun tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid u n-Next Generation EU, u b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF - Recovery and Resilience Facility), se jagħtu palata lill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn l-isfidi. L-RRF qiegħda tipprovdi EUR 338 biljun f’appoġġ li ma jitħallasx lura u sa massimu ta’ EUR 386 biljun f’self (fi prezzijiet attwali) biex jappoġġaw l-investimenti u r-riformi strutturali sal-2026, minbarra EUR 500 biljun previsti minn fondi oħra tal-UE.( 9 ) Dan l-iffinanzjar fuq skala kbira se jgħin biex l-Istati Membri jaqbdu t-triq tal-irkupru, filwaqt li jagħmel l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom aktar reżiljenti u ppreparati aħjar għall-futur billi jappoġġa t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dan l-isforz ġie ssupplimentat minn REACT-EU, iffinanzjata taħt Next Generation EU.  ( 10

3.L-impatt u l-implikazzjonijiet tal-kriżi tal-COVID-19

3.1.L-impatt tal-kriżi

Kontrazzjoni ekonomika sinifikanti segwita minn irkupru aktar b’saħħtu milli mistenni iżda irregolari

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal reċessjoni ekonomika severa iżda l-irkupru qabad ir-ritmu. Il-pandemija wasslet għal kontrazzjoni bla preċedent fl-attività ekonomika tal-UE fl-2020. Madankollu, bis-saħħa ta’ appoġġ qawwi mill-oqsma ta’ politika, organizzazzjoni mħaffa tad-distribuzzjoni tal-vaċċini u, fejn possibbli, il-laxkar gradwali tar-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija, it-tkabbir issokta ġmielu fir-rebbiegħa tal-2021. L-iżviluppi ekonomiċi matul is-sajf jissuġġerixxu li t-tielet trimestru se jirreġistra tkabbir robust kontinwu, u mhux l-inqas bis-saħħa tal-ftuħ mill-ġdid tas-soċjetajiet tagħna u l-issoktar tal-ivvjaġġar. L-attività ekonomika hija mbagħad mistennija li tibqa’ sostnuta għal diversi trimestri li ġejjin, u tagħti spinta lill-ekonomija tal-UE mill-irkupru għall-espansjoni. Minn tal-inqas 19-il Stat Membru huma mistennija li din is-sena jilħqu l-livelli tal-PDG tagħhom tal-2019, filwaqt li l-oħrajn kollha mistennija jilħqu dak il-livell matul is-sena d-dieħla. Bl-istess mod, il-kummerċ tal-oġġetti fl-UE ma’ pajjiżi mhux tal-UE rkupra bil-qawwi fl-ewwel nofs tal-2021. Madankollu, l-inċertezza u r-riskji li jirrigwardaw il-prospettiva għadhom għoljin, b’mod partikolari b’rabta mal-inċertezza dwar it-trajettorja tal-pandemija fil-futur, l-inflazzjoni, il-prezzijiet tal-enerġija, l-iskarsezzi fis-suq tax-xogħol u l-ostakli fil-ktajjen tal-provvista internazzjonali.

L-impatt tas-suq tax-xogħol ittaffa minn miżuri ta’ appoġġ għall-politika. L-impjiegi sofrew kontrazzjoni ħafifa meta mqabbla mat-telf irreġistrat fl-output. Bis-saħħa tal-użu mifrux ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u skemi oħra għaż-żamma tal-impjieg, appoġġati mill-istrument il-ġdid tal-UE għal appoġġ biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE), l-aġġustament kien fil-biċċa l-kbira limitat għal tnaqqis fis-sigħat ta’ ħidma lavorattiva. Hekk kif l-ekonomija bdiet tirkupra, ir-rati tal-qgħad bdew jonqsu fl-UE u r-rata tal-qgħad issa hija biss ½ punt perċentwali aktar mil-livell ta’ qabel il-kriżi. Madankollu, id-differenzi fl-impjiegi meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel il-kriżi għadhom sinifikanti f’xi reġjuni u setturi fl-UE filwaqt li n-nuqqasijiet ta’ ħaddiema bdew jerġgħu jitfaċċaw f’oħrajn. Kulma jmur, it-tranżizzjonijiet bejn l-impjiegi, id-ditti u s-setturi jaf jiġġeneraw xi frizzjoni billi l-impjiegi li jkunu għadhom kemm jinħolqu ta’ sikwit ikollhom rekwiżiti ta’ ħiliet ogħla jew differenti mill-impjiegi li jkunu ntilfu, u dan jitlob għal interventi adegwati tal-politika tas-suq tax-xogħol biex jiġu ffaċilitati l-aġġustamenti.

Ix-xkiel relatat mal-pandemija żied id-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali preeżistenti, u wassal biex il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli ssir saħansitra aktar problematika.( 11 L-impatt ekonomiku tal-pandemija varja fost l-Istati Membri u bejn l-attivitajiet ekonomiċi( 12 ) minħabba s-severità differenti tas-sitwazzjoni tas-saħħa, l-istrettezza u t-tul ta’ żmien tal-miżuri ta’ mitigazzjoni stabbiliti, u d-differenzi fl-istrutturi ekonomiċi. Pajjiżi b’setturi mdaqqsa tat-turiżmu transfruntiera ntlaqtu b’mod speċjali minn restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Fi ħdan il-pajjiżi, il-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u ż-żgħażagħ, kif ukoll ir-reġjuni dipendenti fuq it-turiżmu u servizzi oħra ta’ kuntatt personali kienu l-aktar milquta. Kumplessivament, id-diverġenzi bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni, is-setturi u l-ġenerazzjonijiet, żdiedu anki jekk kienu inqas severi milli mistennija. Il-kriżi enfasizzat il-ħtieġa essenzjali li jinżamm il-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-kapital fis-Suq Uniku u l-ħtieġa li naħdmu flimkien biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tiegħu għall-intoppi.

Ir-reazzjoni fiskali meħtieġa wasslet għal livelli ogħla u aktar eteroġeni ta’ dejn

Il-finanzi pubbliċi ntlaqtu b’mod konsiderevoli minħabba r-reċessjoni severa u r-reazzjoni politika meħtieġa, b’diverġenza fiskali li żdiedet bejn l-Istati Membri. Il-proporzjonijiet tad-dejn u d-defiċit żdiedu f’salt fl-Istati Membri kollha bid-defiċit nominali tal-UE li żdied għal madwar 7 % tal-PDG fl-2020 minn 0,5 % tal-PDG fl-2019, u l-proporzjon tad-dejn aggregat żdied f’daqqa bi 13-il punt perċentwali tal-PDG għal 92 % tal-PDG fi tmiem l-2020.( 13 )  Il-proporzjonijiet tad-dejn u d-defiċit huma mistennija jibqgħu ogħla mil-livelli ta’ qabel il-pandemija fis-snin li ġejjin. L-Istati Membri b’livelli għolja ta’ dejn pubbliku kienu fost dawk l-aktar milquta mill-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19 minħabba s-severità tas-sitwazzjoni tas-saħħa, il-miżuri implimentati sabiex iwieżnu s-saħħa pubblika kif ukoll l-istruttura tal-ekonomiji tagħhom, inklużi setturi mdaqqsa tat-turiżmu transfruntiera. Minħabba f’hekk, l-Istati Membri rreġistraw fost l-ogħla żidiet f’salt fil-proporzjonijiet tad-dejn. Apparti l-istimoli fiskali diretti, il-gvernijiet ipprovdew ukoll appoġġ ta’ likwidità lis-settur privat ta’ kważi 20 % tal-PDG, l-aktar fl-għamla ta’ garanziji pubbliċi lill-kumpaniji u differimenti tat-taxxa.( 14 ) L-assorbiment ta’ dawk il-garanziji pubbliċi varja b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri. Kull impatt possibbli fuq il-finanzi pubbliċi jiddependi minn kemm se jsir rikors għal dawn il-garanziji.

Filwaqt li l-proporzjonijiet tad-dejn pubbliku żdiedu, il-miżuri tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir se jappoġġaw is-sostenibbiltà fiskali. Il-proporzjonijiet għoljin tad-dejn huma mistennija jippersistu, u jibqgħu ogħla mil-livelli ta’ qabel il-pandemija f’madwar terz tal-Istati Membri matul l-għaxar snin li ġejjin.( 15 )  Se jiżdiedu aktar jekk isir rikors għall-garanziji relatati mal-COVID jew jiżdiedu r-rati tal-imgħax. Fuq terminu itwal ta’ żmien, l-infiq b’rabta mat-tixjiħ tal-popolazzjoni u t-tibdil fil-klima jaf ukoll iħalli impatt fuq is-sostenibbiltà fiskali. Fl-istess waqt, diversi fatturi jistgħu jappoġġaw is-sostenibbiltà fiskali: maturitajiet itwal tad-dejn; sorsi ta’ finanzjament relattivament stabbli b’bażi diversifikata u kbira ta’ investituri; u differenzjali favorevoli bejn it-tkabbir u l-imgħax. Notevolment, l-implimentazzjoni b’suċċess tar-riformi fiskali u li jsaħħu t-tkabbir u l-investimenti fl-ambitu tal-RRF u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, appoġġati mill-Kummissjoni permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, hija mistennija tappoġġa t-tkabbir potenzjali, u tikkontribwixxi għat-titjib tas-sostenibbiltà fiskali u żżomm kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli.

Il-ħtiġijiet tal-investiment huma urġenti

Il-ħtiġijiet tal-investiment huma sostanzjali u l-RRF se tgħin biex jiġu indirizzati sal-2026. L-impenn tal-UE għat-tranżizzjoni doppja, minqux fil-Patt Ekoloġiku tal-UE u l-Istrateġija diġitali tal-UE, se jirrikjedi investiment privat u pubbliku annwali addizzjonali ta’ madwar EUR 650 biljun matul id-deċennju li jmiss (il-Kaxxa 2).( 16 ) L-investiment meħtieġ biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni diġitali u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE( 17 )  sar aktar evidenti matul il-pandemija, filwaqt li ġiet enfasizzata l-ħtieġa għal konnettività tal-internet sigura u veloċi, l-aċċess għas-servizzi diġitali, l-importanza tal-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali fis-soċjetà kollha, u l-indirizzar tad-dipendenzi tal-UE fir-rigward tal-kapaċitajiet diġitali ewlenin. Huwa meħtieġ ukoll investiment addizzjonali biex tittejjeb ir-reżiljenza ekonomika u soċjali tal-UE, inkluż fil-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u t-trasport. Filwaqt li l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni se jkomplu jgħinu lill-Istati Membri jindirizzaw dawn il-ħtiġijiet, l-RRF ukoll se tappoġġa dawn l-isforzi permezz ta’ taħlita ta’ appoġġ li ma jitħallasx lura u finanzjament tas-self iżda dan il-finanzjament huwa temporanju. Fl-aħħar mill-aħħar, biex tiġi aċċertata r-reżiljenza ekonomika u soċjali u jintlaħqu l-għanijiet tat-tranżizzjoni doppja se jkun hemm bżonn ta’ żieda persistenti u mdaqqsa kemm fl-investiment pubbliku kif ukoll privat fl-Istati Membri tal-UE li jkun sostnut lil hinn mill-2026. B’mod ġenerali, l-indirizzar ta’ dawn il-ħtiġijiet urġenti se jirrikjedi wkoll sforzi ulterjuri biex l-investiment privat jiġi promoss, inkluż permezz tat-tlestija tal-unjoni tas-swieq kapitali. Apparti minn hekk, it-tassonomija tal-UE għall-attivitajiet sostenibbli se tgħin biex l-investiment privat jiċċaqlaq skont fejn huwa l-aktar meħtieġ mill-perspettiva tal-azzjoni klimatika u ambjentali.

L-aġġustament fiskali ta’ wara l-pandemija għandu jimxi id f’id mat-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi. L-appoġġ tal-RRF se jikkontribwixxi għall-irkupru u jgħolli t-tkabbir potenzjali biss jekk jiffinanzja investiment addizzjonali produttiv u ta’ kwalità għolja. Dan ifisser li l-investiment pubbliku ffinanzjat mill-RRF għandu jsir b’żieda mal-investiment sostnut iffinanzjat nazzjonalment. Għaldaqstant, se jkun kritiku li jiġi promoss investiment iffinanzjat nazzjonalment għat-tranżizzjoni doppja u t-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika u soċjali. Jekk l-appoġġ tal-RRF ma jirriżultax f’investiment addizzjonali, dan inaqqas temporanjament id-defiċit u l-proporzjonijiet tad-dejn iżda mingħajr effett pożittiv fuq it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju sa twil, u b’hekk iwassal għal deterjorament fil-kompożizzjoni tal-infiq pubbliku. Fejn il-proporzjonijiet tad-dejn ikunu għoljin ħafna, il-promozzjoni tal-investiment iffinanzjat nazzjonalment se tkun tirrikjedi prijoritizzazzjoni ċara tal-infiq u sforzi biex tittejjeb il-kompożizzjoni u l-kwalità kumplessiva tal-finanzi pubbliċi.

Il-korrezzjoni li għadha għaddejja tal-iżbilanċi makroekonomiċi soffriet kontrakolp

Il-kriżi kellha impatt irregolari fost l-unitajiet domestiċi u l-korporattivi iżda l-azzjoni ta’ politika ta’ appoġġ taffiet ix-xokk, inkluż fuq is-settur bankarju. L-ewwel nett, filwaqt li l-għadd ta’ impjiegi li ntilfu kumplessivament kien limitat, dan kien aktar frekwenti fost il-ħaddiema b’livell baxx u medju ta’ ħiliet. Bl-istess mod, il-ħaddiema żgħażagħ u dawk li jidħlu ġodda fis-suq tax-xogħol kienu dawk li ntlaqtu l-aktar. Dawn ix-xejriet jistgħu jżidu l-inugwaljanzi fis-soċjetajiet tagħna u jitolbu azzjoni politika ulterjuri għat-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet. Id-Dikjarazzjoni ta’ Porto tat-8 ta’ Mejju 2021 affermat mill-ġdid l-impenn tal-Mexxejja tal-UE vis-à-vis l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala element fundamentali tal-irkupru. It-tieni, filwaqt li l-korporattivi kellhom jirrikorru għall-kreditu addizzjonali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-likwidità operatorja, il-kriżi tal-COVID-19, kollox ma’ kollox, ma wasslitx għal żieda fl-insolvenzi.( 18 ) Jinsab għaddej aktar immirar tal-miżuri ta’ appoġġ. Fid-dawl tal-vulnerabbiltajiet li fadal, l-eliminazzjoni gradwali tal-programmi ta’ appoġġ għandha ssir gradwalment. It-tielet, bis-saħħa tal-proporzjonijiet kapitali qawwija u l-marġnijiet għoljin ta’ likwidità tagħhom, il-banek setgħu jibqgħu jipprovdu kreditu lill-ekonomija. Is-sospensjoni tal-pagamenti tad-dividendi u xi ħelsien temporanju mill-obbligi regolatorji wkoll taw nifs lill-banek. Iż-żieda fis-self improduttiv ġiet ikkontrollata iżda l-kwalità tal-assi għandha tiġi mmonitorjata mill-qrib. Ir-raba’, il-prezzijiet dinamiċi tad-djar u tal-assi finanzjarji jġibu magħhom riskji addizzjonali.

Il-kriżi tal-COVID-19 kompliet tgħarraq għadd ta’ vulnerabbiltajiet li kienu diġà jeżistu. Żdiedu l-iżbilanċi interni relatati mad-dejn pubbliku u privat għoli, xprunati mit-tnaqqis fil-PDG fl-2020 u l-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19. Ix-xejriet ta’ qabel il-pandemija tal-prezzijiet dinamiċi tad-djar komplew jippersistu u d-dejn ipotekarju kompla jikber b’mod sinifikanti f’xi pajjiżi. Id-defiċit fil-kontijiet kurrenti żdied fil-pajjiżi li jiddependu fuq id-dħul mit-turiżmu. Fl-istess waqt, il-korrezzjoni tas-surplus fil-kontijiet kurrenti staġnat. Kulma jmur, jaf ifeġġu żbilanċi ġodda minħabba l-pass imħaffef, dovut għall-kriżi tal-COVID-19, tat-trasformazzjonijiet strutturali. In-nuqqasijiet ta’ ħaddiema, l-ostakli fil-ktajjen tal-valur mondjali u d-dipendenzi strateġiċi jista’ jkollhom impatt fuq il-kompetittività u l-prezzijiet relattivi. It-tranżizzjoni diġitali b’pass imħaffef u l-bidliet fit-tendenzi tal-konsum jistgħu jwasslu għal spariġġi fil-ħiliet u qgħad frizzjonali li jgħammar flimkien man-nuqqasijiet ta’ ħaddiema.

3.2.Reazzjoni għall-kriżi

Ir-reazzjoni tal-politika nazzjonali u l-użu sħiħ tal-flessibilità fl-oqfsa regolatorji tal-UE

Ir-reazzjoni politika bla preċedent u koordinata għall-kriżi tal-COVID-19 irnexxielha ttaffi l-impatt tal-kriżi. Ir-reazzjoni għall-kriżi seħħet b’enerġija liema bħalha kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. Dan seħħ b’mod koordinat u kellu diversi għamliet komplementari. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-ftehim dwar il-Qafas Temporanju għall-għajnuna mill-Istat (sussegwentement emendat diversi drabi biex iqis l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tan-negozji), l-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (li pprovdew flessibilità eċċezzjonali biex il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni jiġu ridirezzjonati fejn hemm l-aktar bżonnhom), u t-twaqqif tal-istrumenti ta’ emerġenza bħal SURE, seħħew f’kemm trodd salib.( 19 ) Azzjonijiet sussegwenti mill-Kummissjoni u rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill irriflettew il-ħtieġa għal koordinazzjoni mill-qrib tal-politika ekonomika matul il-pandemija. Azzjoni deċiżiva fil-livell tal-UE żgurat l-iżvilupp, l-akkwist rapidu u d-distribuzzjoni koordinata tal-vaċċini kontra l-COVID-19. Lil hinn mill-isforzi biex jittaffa l-impatt tal-kriżi, strumenti temporanji tal-UE apposta għenu biex irawmu l-irkupru, u jippromwovu tkabbir sostenibbli u inklużiv. F’dan il-kuntest, l-impenn tal-Kummissjoni għall-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli servew ta’ boxxla biex “nibnu mill-ġdid aħjar” u ma jitħalla l-art ħadd.

Meta ġew wiċċ imb wiċċ mal-kriżijiet severi tas-saħħa pubblika u ekonomiċi, l-Istati Membri adottaw f’qasir żmien firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ appoġġ fiskali. Ir-reazzjonijiet tal-politika nazzjonali ġew iffaċilitati bl-użu fil-pront tal-flessibilitajiet eżistenti fl-oqfsa rilevanti tal-UE. Ir-reazzjoni fiskali totali tal-Istati Membri tal-UE – inklużi l-istabbilizzaturi awtomatiċi skattati minn xbieki ta’ sikurezza soċjali b’saħħithom – hija stmata għal kważi 19 % tal-PDG fl-2020-2022.( 20 )  Apparti minn hekk, l-Istati Membri tal-UE pprovdew appoġġi sostanzjali ta’ likwidità lid-ditti, f’għamla ta’ garanziji tal-istat u differimenti tat-taxxa. Il-politika monetarja kkumplementat l-isforzi tal-politika fiskali. Din ir-reazzjoni politika konġunta u koordinata rnexxiet billi l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-qgħad, id-diverġenzi ekonomiċi u soċjali, l-insolvenzi korporattivi, u s-self improduttiv kien ferm inqas gravi milli kien antiċipat oriġinarjament.

Strumenti ġodda tal-UE taffew l-impatt tal-kriżi

SURE kien essenzjali biex jingħata appoġġ lis-swieq tax-xogħol Ewropej. Din ix-xibka ta’ sikurezza maħluqa f’qasir żmien qiegħda tipprovdi self irħis lill-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jappoġġaw lill-ħaddiema u lid-ditti matul il-kriżi. Qed tappoġġa wkoll l-irkupru u tillimita li jitħallew marki permanenti fis-suq tax-xogħol. L-UE sa issa approvat aktar minn EUR 94 biljun f’self minn SURE lid-19-il Stat Membru rikjedenti, li minnu kważi EUR 90 biljun diġà ġew żborżati. SURE għen biex jipproteġi aktar minn 31 miljun ruħ (inklużi tmien miljun u nofs ħaddiem għal rasu) mir-riskju tal-qgħad u appoġġa ’l fuq minn żewġ miljun u nofs ditta matul il-pandemija. Miżuri nazzjonali tas-suq tax-xogħol appoġġati minn SURE għenu biex jiġi evitat il-qgħad għal madwar miljun u nofs ruħ fl-2020 u qegħdin jikkontribwixxu għall-irkupru.( 21 )

Il-Bank Ċentrali Ewropew implimenta sett wiesa’ ta’ miżuri tal-politika monetarja, li appoġġaw ukoll it-trażmissjoni tal-miżuri tal-politika fiskali. Ir-reazzjoni tal-politika monetarja kienet tikkonsisti prinċipalment minn xiri ta’ assi addizzjonali u operazzjonijiet ta’ provvista tal-likwidità lill-banek taż-żona tal-euro. Il-Bank Ċentrali Ewropew, biex itejjeb l-aċċess tal-banek għal dawn l-operazzjonijiet, ħa wkoll għadd ta’ miżuri biex jiffaċilita r-rekwiżiti tal-kollateral. Dawn il-miżuri kkontribwew biex jippreservaw kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għas-setturi kollha tal-ekonomija, inklużi l-gvernijiet, matul il-pandemija, filwaqt li jirfdu l-attività ekonomika u jissalvagwardjaw l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq terminu medju. L-effetti ta’ tisħiħ reċiproku tal-politiki fiskali u monetarji kienu kruċjali biex jittaffa l-impatt tal-kriżi u huma ta’ appoġġ għall-irkupru.

Strumenti oħra maħluqa fil-livell tal-UE u taż-żona tal-euro wkoll qdew ir-rwol tagħhom. Il-Fond ta’ Garanzija Pan-Ewropew, maħluq mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, huwa mistenni li jimmobilizza sa EUR 200 biljun (1,4 % tal-PDG tal-UE) f’finanzjament addizzjonali biex jappoġġa l-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju. Mill-31 ta’ Awwissu 2021, il-volum ta’ finanzjament approvat kien jammonta għal EUR 18-il biljun, li huwa mistenni li jimmobilizza investimenti li jammontaw għal madwar EUR 144 biljun. L-istrument ta’ Appoġġ fil-Kriżi Pandemika tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, b’valur sa massimu ta’ EUR 240 biljun (2,0 % tal-PDG taż-żona tal-euro), għadu disponibbli u kkontribwixxa wkoll biex titrawwem fiduċja fir-reazzjoni tal-politika tal-UE.

Il-ħruġ mill-kriżi u tħejjija għall-futur

L-RRF se tippromwovi rkupru b’investiment abbundanti u riformi li jsaħħu t-tkabbir, se żżid il-potenzjal tat-tkabbir u trażżan l-isfidi fiskali. L-implimentazzjoni effettiva tagħha se tagħmel l-ekonomija tal-UE aktar sostenibbli, inklużiva, reżiljenti u mħejjija aħjar għat-tranżizzjonijiet doppji filwaqt li tgħin biex jitrażżan ir-riskju tad-diverġenzi soċjoekonomiċi.( 22 ) Il-miżuri ffinanzjati mill-RRF b’appoġġ li ma jitħallasx lura se jagħmluha possibbli li proġetti ta’ investiment ta’ kwalità għolja jiġu ffinanzjati u li l-ispejjeż tar-riformi li jtejbu l-produttività jiġu koperti mingħajr ma jinħolqu defiċit u dejn akbar. Il-finanzjament tal-RRF għalhekk se jikkontribwixxi għall-isforzi tal-Istati Membri biex jappoġġaw l-irkupru ekonomiku, irawmu tkabbir potenzjali akbar u gradwalment itejbu l-pożizzjonijiet fiskali sottostanti. L-appoġġ li ma jitħallasx lura tal-RRF u sorsi oħra ta’ finanzjament tal-UE, b’mod partikolari l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, se jipprovdu appoġġ ta’ madwar 0,5 % tal-PDG fis-sena fl-2021 u l-2022. Kumplessivament, l-investiment pubbliku, iffinanzjat kemm minn sorsi nazzjonali kif ukoll mill-RRF, huwa mbassar li jiżdied għal 3,5 % tal-PDG kemm fl-2021 kif ukoll fl-2022.

3.3.Implikazzjonijiet għar-rieżami tal-governanza ekonomika

Il-kriżi tal-COVID-19 kompliet tenfasizza l-isfidi ffaċċjati mill-qafas tal-governanza ekonomika. Kważi sentejn wara li l-Kummissjoni ppubblikat ir-rieżami tagħha tal-qafas ta’ governanza ekonomika, il-konklużjonijiet prinċipali għadhom validi (il-Kaxxa 1). Il-kriżi wasslet biex bosta minnhom saru saħansitra aktar rilevanti. L-ewwel nett, il-proporzjonijiet tad-dejn pubbliku komplew jiżdiedu, u enfasizzaw l-isfida ta’ tnaqqis gradwali, sostnut u li jiffavorixxi t-tkabbir għal livelli ta’ dejn prudenti. It-tieni, l-investiment pubbliku se jkollu bżonn ikun sostnut fil-livelli għolja għas-snin li ġejjin, li jenfasizza l-importanza ta’ kompożizzjoni u kwalità tajba tal-finanzi pubbliċi biex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli u inklużiv. It-tielet, il-politika fiskali diskrezzjonali kontroċiklika, flimkien mal-għodod temporanji ta’ appoġġ fiskali tal-UE, uriet li hija tassew effettiva biex ittaffi l-impatt tal-kriżi ta’ eċċezzjoni b’mod f’waqtu u effiċjenti, u enfasizzat l-importanza li jinħoloq spazju fiskali fi żminijiet normali sabiex jintuża fi żminijiet ta’ kriżi. Ir-raba’, ir-reazzjoni politika effettiva ssottolinjat l-importanza ta’ koordinazzjoni b’saħħitha tal-politika, inkluż bejn għodod ta’ politika u ta’ finanzjament differenti, u bejn il-livelli tal-UE u dawk nazzjonali. Il-ħames, l-evoluzzjoni rapida tal-kriżi wriet id-diffikultajiet assoċjati mal-użu ta’ indikaturi li mhumiex osservabbli u mat-tentattiv li jitfasslu regoli li jfittxu li jindirizzaw iċ-ċirkostanzi kollha possibbli. Is-sitt nett, il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi ġiet interrotta u qegħdin ifeġġu vulnerabbiltajiet ġodda, li jenfasizzaw l-importanza tal-prevenzjoni u l-indirizzar fil-pront tar-riskji u d-diverġenzi. Ir-rieżami li tnieda mill-ġdid għandu jgħaqqad flimkien is-sejbiet inizjali tal-Kummissjoni, kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni ta’ Frar 2020, mat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi. Dan jippermetti riflessjoni dwar qafas ta’ governanza ekonomika li jista’ jappoġġa bis-sħiħ lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi makroekonomiċi ta’ wara l-COVID.

Regoli fiskali tal-UE

It-tnaqqis tal-proporzjonijiet għolja u diverġenti tad-dejn pubbliku b’mod sostenibbli u li jiffavorixxi t-tkabbir se jkun sfida ewlenija ta’ wara l-kriżi. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, li terġa’ tinqabad it-triq tat-tnaqqis tal-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG se jkun essenzjali biex jinżammu finanzi pubbliċi sodi, jiġu evitati diverġenzi fiskali bejn l-Istati Membri, jiġu ppreservati kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għas-settur pubbliku u dak privat, u jiġu evitati episodji ta’ stress tas-suq li jirriżultaw f’effetti konsegwenzjali li jiswew il-flus. Irkupru ekonomiku b’saħħtu u tkabbir ekonomiku sostnut huma essenzjali għal tnaqqis b’suċċess, kontinwu u sostenibbli fil-proporzjonijiet tad-dejn. Filwaqt li tnaqqis bil-quddiem kbir iżżejjed fil-proporzjonijiet tad-dejn ifisser prezz soċjali u ekonomiku qares x’jitħallas u jkun kontroproduttiv, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ politika monetarja ristretta u r-riskju li jitħallew marki permanenti ekonomiċi, tnaqqis realistiku, gradwali u sostnut tad-dejn pubbliku jibqa’ importanti biex anki jinbnew mill-ġdid il-buffers qabel ir-reċessjoni li jmiss.

Ir-rwol ta’ stabbilizzazzjoni tal-politika fiskali diskrezzjonali koordinata wera li kien kruċjali fil-kriżi tal-COVID-19. Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat ir-rwol pożittiv li l-politika fiskali diskrezzjonali kontroċiklika u l-koordinazzjoni Ewropea jista’ jkollhom fir-rispons għal xokkijiet ekonomiċi kbar, u fit-trażżin tal-konsegwenzi soċjali tagħhom. Ikkumplementata mill-azzjonijiet ta’ politika monetarja meħuda mill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali, u ffaċilitata mill-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-PST, ir-reazzjoni tal-politika fiskali koordinata u kunsenswali kienet effettiva biex tindirizza l-isfida immedjata ta’ xokk ekonomiku mdaqqas, trawwem il-fiduċja u tnaqqas ir-riskju li jitħallew marki permanenti. Dan jirrifletti wkoll l-effettività tar-rwol ta’ stabbilizzazzjoni tal-politika fiskali fil-kuntest attwali ta’ rati tal-imgħax baxxi. Madankollu, l-abbiltà li jiġi provdut stimolu fiskali fi żminijiet imwiegħra tirrikjedi li jinbnew buffers fiskali fi żminijiet tajbin. Ir-rinfurzar tal-kontroċikliċità fil-qafas fiskali tal-UE jista’ jsaħħaħ id-dimensjoni fuq terminu medju tal-politika fiskali u b’hekk, l-abbiltà li l-politika fiskali nazzjonali twieġeb għaċ-ċaqliq ekonomiku.

Kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi li tiffavorixxi t-tkabbir għandha tippromwovi l-investimenti u tappoġġa tkabbir sostnut, sostenibbli u inklużiv. Il-baġits nazzjonali se jkollhom jaqdu r-rwol tagħhom, b’appoġġ sostanzjali għad li temporanju mill-RRF. Fl-istess waqt, il-finanzjament pubbliku ma għandux jissostitwixxi jew jeskludi l-investiment privat meta ma jkun jeżisti l-ebda falliment tas-suq. Kollox ma’ kollox, dan jenfasizza l-importanza tal-kwalità u l-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi. Dan għandu jinkludi riflessjoni dwar x’inhu r-rwol xieraq tal-qafas ta’ governanza ekonomika biex jinċentiva l-investiment u r-riformi nazzjonali. Il-promozzjoni tal-investiment pubbliku ekoloġiku, diġitali u li jsaħħaħ ir-reżiljenza jistħoqqilha attenzjoni speċjali, minħabba l-isfidi fit-tul iffaċċjati mill-ekonomija tagħna.

Li jinkisbu l-għanijiet kumplessivi tas-simplifikazzjoni, is-sjieda nazzjonali aktar b’saħħitha u infurzar aħjar, għadu ta’ rilevanza kbira. Filwaqt li l-qafas fiskali ta’ bħalissa inkluda elementi ta’ flessibbiltà u diskrezzjoni permezz ta’ sett kumpless ta’ dispożizzjonijiet interpretattivi, l-applikazzjoni effettiva tal-ġudizzju ekonomiku f’qafas imsejjes fuq regoli jeħtieġ li ssir b’mod trasparenti. Dan jitlob regoli fiskali aktar sempliċi billi jintużaw indikaturi osservabbli biex titkejjel il-konformità. Jinkludi wkoll il-kunsiderazzjoni dwar jekk enfasi ċara fuq “żbalji ta’ politika kbar”, kif inhu stipulat fit-Trattat, fuq il-bażi ta’ objettivi definiti b’mod ċar u involviment aktar qawwi tal-istituzzjonijiet nazzjonali, jistgħux jikkontribwixxu għal implimentazzjoni aktar effettiva tal-qafas ta’ sorveljanza. Dawn l-għanijiet huma interkonnessi. B’mod partikolari, qafas aktar sempliċi jikkontribwixxi għal aktar sjieda, komunikazzjoni aħjar u kost politiku aktar baxx għall-infurzar u l-konformità.

Oqfsa fiskali nazzjonali b’saħħithom jistgħu jikkontribwixxu għal qafas effettiv ta’ governanza ekonomika. Matul il-kriżi tal-COVID-19, l-oqfsa fiskali nazzjonali, inklużi l-istituzzjonijiet fiskali indipendenti nazzjonali, setgħu jaġġustaw minnufih għaċ-ċirkostanzi li kienu qegħdin jinbidlu. Dan jissuġġerixxi li ta’ min jikkunsidra t-tisħiħ possibbli tar-rwoli tagħhom. Fl-istess waqt, id-diversità wiesgħa fil-mandati legali, il-prestazzjoni u r-riżorsi tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti, titlob għal allinjament mal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri b’kunsiderazzjoni dovuta tad-differenzi fl-ambjenti istituzzjonali nazzjonali. Kwistjonijiet oħra li jeħtieġ jitqiesu jinkludu l-istrateġiji għall-promozzjoni ta’ bbaġitjar fuq terminu medju u ekoloġiku, il-ġestjoni tal-investiment pubbliku, u modi biex ir-riskji mit-tibdil fil-klima jiġu riflessi aħjar fl-ippjanar baġitarju.

Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi

Huwa essenzjali li terġa’ tinqabad it-triq tal-konverġenza bejn l-Istati Membri. Il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi jtejbu l-abbiltà tal-Istati Membri li jirreaġixxu għax-xokkijiet u jappoġġaw il-konverġenza ekonomika. Li jinġieb bil-mod il-mod fix-xejn l-akkumulu ta’ vulnerabbiltajiet interni u esterni se jgħin fil-konsolidazzjoni tal-irkupru u jsaħħaħ it-tkabbir fit-tul. L-impatt asimmetriku tal-kriżi u diverġenzi amplifikati (għad li inqas milli mistennija) jenfasizzaw l-importanza li jitnaqqsu kemm id-defiċit fil-kontijiet kurrenti kif ukoll is-surplus persistenti u kbir fil-kontijiet kurrenti. It-tnaqqis tal-iżbilanċi esterni wkoll se jkun kruċjali biex jinħolqu effetti konsegwenzjali pożittivi fost l-Istati Membri, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro fl-ambitu ta’ politika monetarja ristretta.

Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku (MIP - Macroeconomic Imbalance Procedure) li taħdem kif suppost tista’ tkun ta’ għajnuna. Il-possibbiltà li jfeġġu żbilanċi ġodda minħabba l-pass imħaffef, dovut għall-kriżi tal-COVID-19, tat-trasformazzjonijiet strutturali, tisħaq kemm huwa importanti li l-qafas ta’ sorveljanza tal-MIP jidentifika fil-pront l-akkumulu ta’ żbilanċi sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati minn kmieni. L-MIP tista’ trawwem ukoll djalogu multilaterali dwar l-isfidi makroekonomiċi u tappoġġa l-koordinazzjoni tal-politika, kif esperjenzat fir-reazzjoni rapida u allinjata tal-Istati Membri għall-kriżi tal-COVID-19. Id-djalogu multilaterali jsaħħaħ is-sjieda nazzjonali tal-azzjonijiet ta’ politika meħtieġa biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati. Sa mill-introduzzjoni tal-MIP, diversi Stati Membri kienu effettivi fit-tnaqqis tas-severità tal-iżbilanċi tagħhom maż-żmien. Madankollu, il-persistenza tal-iżbilanċi f’xi każijiet tiġġustifika aktar riflessjoni dwar kif l-implimentazzjoni u t-tfassil tal-MIP, inkluża l-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv, jistgħu jrawmu s-sjieda nazzjonali u jsaħħu t-trazzjoni politika tagħha.

Hemm sovrapożizzjoni parzjali bejn fergħat multipli ta’ sorveljanza iżda r-rabtiet mhux dejjem ġew sfruttati għalkollox. Filwaqt li l-integrazzjoni tal-MIP u tal-PST fil-qafas tas-Semestru Ewropew għenet biex tissaħħaħ l-interazzjoni bejn dawk il-fergħat ta’ sorveljanza, hemm aktar lok biex dawn jaħdmu aħjar filwaqt li jiġu evitati sovrapożizzjonijiet bejniethom meta jindirizzaw fl-istess waqt l-iżbilanċi makroekonomiċi, l-isfidi potenzjali għat-tkabbir u r-riskji għas-sostenibbiltà fiskali. Is-sorveljanza tal-MIP jista’ jkun li sa issa ma qisitx biżżejjed l-interazzjonijiet bejn sfidi ekonomiċi emerġenti ġodda, b’mod partikolari dawk relatati mat-tibdil fil-klima u pressjonijiet ambjentali oħra.

Lezzjonijiet mill-RRF

Il-lezzjonijiet mir-reazzjoni politika tal-UE għall-kriżi li rnexxiet, u b’mod partikolari l-qafas tal-RRF u l-governanza tiegħu, jistgħu jkunu ta’ siwi għar-rieżami tal-qafas tal-governanza ekonomika. Il-Parlament u l-Kunsill, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, qablu dwar qafas ta’ politika u governanza għall-RRF li għandu l-għan li jkollu objettivi komuni tal-UE riflessi f’azzjoni koordinata fil-livell tal-Istati Membri.( 23 ) L-Istati Membri fasslu l-Pjanijiet Nazzjonali tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li jkopru l-investiment u r-riformi, jindirizzaw l-isfidi speċifiċi għall-pajjiż u l-prijoritajiet ta’ politika tal-UE. Abbażi ta’ dawn il-pjanijiet, il-Kummissjoni involviet ruħha fi djalogi politiċi kostruttivi u intensi mal-Istati Membri, li wasslu għal fehim reċiproku mtejjeb tal-isfidi u l-prijoritajiet politiċi fil-livelli nazzjonali u tal-UE. Dawn id-djalogi għenu biex tinbena l-fiduċja u s-sjieda, u huma maħsuba biex iwasslu riformi u investimenti trasformattivi. L-eżitu ta’ dak id-djalogu ġie rifless fi proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi r-riformi u l-investimenti li kien hemm qbil dwarhom, li sussegwentement tiġi approvata mill-Kunsill.

Qafas trasparenti ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni saħħaħ il-fiduċja reċiproka u fuqu se tissejjes l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni se tiġi mmonitorjata u vvalutata skont miri u stadji importanti speċifiċi proposti mill-Istat Membru, ivvalutati u approvati mill-Kummissjoni, u approvati mill-Kunsill. L-RRF, min-natura tagħha bbażata fuq il-prestazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ skrutinju u monitoraġġ mill-qrib tagħha, tipprovdi strateġija konsistenti biex jingħata appoġġ lir-riformi u lill-investiment pubbliku, u tingħata spinta lit-tkabbir potenzjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tat-tranżizzjoni doppja. Kull pjan nazzjonali għandu jiddedika minimu ta’ 37 % tal-fondi allokati għall-azzjoni klimatika u 20 % għad-diġitali.( 24 ) Il-monitoraġġ ta’ dawn il-miri jipprovdi kredibbiltà għall-objettivi klimatiċi u diġitali tal-RRF. Il-Faċilità se tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bis-saħħa tal-finanzjament iddedikat għall-miżuri soċjali u tal-impjiegi, u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

L-approċċ ibbażat fuq l-impenn tal-RRF fil-konfront tal-koordinazzjoni tal-politika, bi sjieda nazzjonali qawwija tat-tfassil u l-eżiti tal-politika, huwa mistenni li jappoġġa l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti li kien hemm qbil dwarhom. Dan l-approċċ iqis il-kumplessitajiet li jirriżultaw mit-tentattiv simultanju li jinkisbu diversi objettivi nazzjonali u tal-UE, f’kuntest ta’ differenzi fl-istrutturi soċjoekonomiċi u fil-preferenzi nazzjonali. Fuqu huma msejsa s-sjieda u l-fiduċja. Żviluppi li evolvew malajr sa mill-bidu tal-pandemija (u saħansitra qabilha) urew d-diffikultà marbuta mat-tfassil ta’ regoli komprensivi li jkunu kapaċi jindirizzaw iċ-ċirkostanzi kollha possibbli. L-istess kwistjonijiet huma rilevanti fil-kuntest usa’ tal-governanza ekonomika. Pereżempju, fil-qasam fiskali, l-ippreservar tal-kredibbiltà tal-qafas jirrikjedi li l-objettivi tas-sostenibbiltà fiskali, l-istabbilizzazzjoni makroekonomika u l-kwalità tal-finanzi pubbliċi kollha jiġu indirizzati b’mod xieraq diġà fl-istadju tal-ippjanar, u b’hekk jirriżultaw f’perkorsi ta’ aġġustament definiti kif suppost. Ir-rieżami tal-governanza ekonomika, filwaqt li jqis it-tagħlimiet mill-RRF, għandu jikkunsidra kif is-sjieda nazzjonali, il-fiduċja reċiproka, it-twettiq effettiv tal-qafas fir-rigward tal-objettivi ewlenin tiegħu, u l-interazzjoni bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi u fiskali, jistgħu jiġu żgurati bl-aħjar mod.

Kulma jmur, is-Semestru Ewropew se jibqa’ l-qafas ta’ referenza għat-twettiq ta’ sorveljanza integrata u għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi fl-UE. Is-Semestru Ewropew wera xi jsarraf fir-rigward tat-titjib tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi. Madankollu, se jkollu jiġi adattat għal sfidi ġodda li jirriżultaw mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u għall-ħtieġa ta’ reżiljenza aktar qawwija. Is-Semestru Ewropew, bl-ambitu usa’ tiegħu, se jikkomplementa l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li jistabbilixxu l-aġenda għar-riformi u l-investiment għas-snin segwenti. Iż-żewġ proċessi se jkunu konnessi b’mod intrinsiku, sabiex is-sinerġiji eżistenti jkunu jistgħu jintużaw bl-aħjar mod possibbli u mingħajr ma jinħolqu sovrapożizzjonijiet.

Kwistjonijiet għad-diskussjoni

Hemm ħdax-il mistoqsija ewlenija għad-dibattitu pubbliku, kif joħroġ mill-istħarriġ online aġġornat. Wara li tqieset l-esperjenza bil-qafas legali eżistenti qabel it-tifqigħa tal-COVID-19 (il-Kaxxa 1), l-impatt tal-kriżi u l-isfidi deskritti hawn fuq, id-disa’ mistoqsijiet li jiggwidaw id-dibattitu pubbliku inklużi fil-Komunikazzjoni ta’ Frar 2020( 25 ) ġew ikkomplementati minn żewġ mistoqsijiet addizzjonali, filwaqt li mistoqsija waħda ġiet riformulata kemm, kif ġej:

Mistoqsija ġdida: F’liema aspetti jistgħu t-tfassil, il-governanza u l-operat tal-RRF jipprovdu informazzjoni siewja f’dak li jirrigwarda l-governanza ekonomika permezz ta’ sjieda mtejba, fiduċja reċiproka, infurzar u interazzjoni bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi u fiskali?

Mistoqsija ġdida: Meta wieħed iqis kif il-kriżi tal-COVID-19 sawret mill-ġdid l-ekonomiji tagħna, hemm xi sfidi oħra li l-qafas ta’ governanza ekonomika għandu jieħu inkunsiderazzjoni lil hinn minn dawk identifikati sa issa?

Mistoqsija riformulata: Fid-dawl tal-impatt wiesa’ tal-kriżi tal-COVID-19 u l-għodod temporanji ta’ politika l-ġodda li tnedew b’reazzjoni għaliha, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku, u b’mod aktar mifrux, is-Semestru Ewropew, kif jistgħu jiżguraw bl-aħjar mod reazzjoni ta’ politika adegwat u koordinata fil-livelli tal-UE u nazzjonali?

4.Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jinvolvu ruħhom fid-dibattitu pubbliku dwar ir-rieżami tal-governanza ekonomika. Il-Kummissjoni hija ħerqana għal dibattitu inklużiv mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-banek ċentrali nazzjonali, il-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, kif ukoll firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, l-istituzzjonijiet akkademiċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet fiskali indipendenti u l-bordijiet nazzjonali tal-produttività. Id-dibattitu se jsir permezz ta’ diversi fora, inklużi laqgħat, seminars, workshops u stħarriġ online apposta. L-istħarriġ online tnieda mill-ġdid illum u ċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi huma mistiedna jissottomettu l-kontributi tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2021.( 26 ) Is-sit web apposta tal-Kummissjoni rigward il-governanza ekonomika se jservi bħala ċentru għall-informazzjoni dwar id-diversi avvenimenti ta’ smigħ li se torganizza l-Kummissjoni.( 27 ) Il-Kummissjoni se tevalwa wkoll l-informazzjoni u r-rispons miġbura matul avvenimenti oħra organizzati mill-partijiet ikkonċernati fl-UE.

Huwa meħtieġ involviment mifrux u inklużiv mal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jissawwar kunsens b’bażi wiesgħa. Il-funzjonament effettiv tal-qafas ta’ sorveljanza jaqa’ fir-responsabbiltà kollettiva tal-Istati Membri kollha, tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-partijiet ikkonċernati ewlenin. Id-dibattitu pubbliku se jgħin biex jissawwar kunsens fost kulħadd. Dan huwa importanti għall-effettività tas-sorveljanza ekonomika fl-Unjoni. Permezz tal-inizjattivi tagħha, il-Kummissjoni se tippromwovi d-djalogu u l-fehim reċiproku fost il-partijiet ikkonċernati bl-objettiv li jissawwar approċċ kondiviż b’mod wiesa’ għall-avvanz li għandu jsir.

Il-Kummissjoni se tqis il-fehmiet kollha espressi matul id-dibattitu pubbliku. Fl-ewwel trimestru tal-2022, il-Kummissjoni se tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-perjodu li ġej, bl-iskop li tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri. Il-gwida se tirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika globali, is-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru u d-diskussjoni dwar il-qafas ta’ governanza ekonomika. Il-Kummissjoni se tipprovdi orjentazzjonijiet dwar bidliet possibbli fil-qafas tal-governanza ekonomika bl-objettiv li jintlaħaq kunsens b’bażi wiesgħa dwar l-avvanz li għandu jsir, sew qabel l-2023.

Il-Kaxxa 1: Ġabra fil-qosor tal-Komunikazzjoni ta’ Frar 2020 dwar ir-rieżami tal-governanza ekonomika

Il-Komunikazzjoni ta’ Frar 2020 ivvalutat l-effettività tal-qafas tal-governanza ekonomika biex jikseb l-objettivi ewlenin tiegħu. Dawn l-objettivi huma: (i) l-iżgurar tal-finanzi tal-gvern u tkabbir sostenibbli, u l-evitar tal-iżbilanċi makroekonomiċi; (ii) li jiġi provdut qafas ta’ sorveljanza integrat li jappoġġa koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, partikolarment fiż-żona tal-euro; u (iii) il-promozzjoni tal-konverġenza makroekonomika fl-UE.

Il-Kummissjoni kkonstatat li l-qafas tal-governanza ekonomika rnexxielu jnaqqas il-livelli tad-dejn pubbliku, jikkoreġi l-iżbilanċi makroekonomiċi eżistenti, jappoġġa konverġenza gradwali tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri, u jikkoordina aħjar il-politiki ekonomiċi. Il-Kummissjoni indikat ukoll kwistjonijiet relatati mat-tkabbir potenzjali baxx tal-Istati Membri, inflazzjoni baxxa b’mod persistenti, u livelli kontinwament għoljin tad-dejn pubbliku f’ċerti Stati Membri. Barra minn hekk, skont il-Komunikazzjoni, il-qafas ta’ sorveljanza għandu jgħin biex jiġu indirizzati l-aktar sfidi ekonomiċi, demografiċi u ambjentali urġenti tal-preżent u tal-futur.

Il-qafas fiskali

Il-qafas tas-sorveljanza fiskali rnexxielu jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jerġgħu lura għal pożizzjonijiet baġitarji sodi billi jnaqqsu d-defiċit tagħhom u billi jibdew inaqqsu l-proporzjonijiet tad-dejn tagħhom. Madankollu, il-parti preventiva tal-qafas kienet inqas effettiva mill-parti korrettiva. Filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG aggregat beda jonqos fl-2015, id-dinamiċi tad-dejn kienu varjaw ħafna fost l-Istati Membri. Il-qafas ma żgurax biżżejjed divrenzjar bejn l-Istati Membri b’sitwazzjonijiet nettament differenti f’termini ta’ pożizzjonijiet fiskali, riskji għas-sostenibbiltà u vulnerabbiltajiet oħra.

Il-Komunikazzjoni enfasizzat li l-politiki fiskali tal-Istati Membri baqgħu proċikliċi. Il-kapaċità ta’ tmexxija tal-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro kienet limitata, fin-nuqqas ta’ kapaċità fiskali ċentrali b’karatteristiċi ta’ stabbilizzazzjoni. Barra minn hekk, il-qafas fiskali ma kienx ippreserva biżżejjed il-livell ta’ investiment pubbliku matul il-perjodi ta’ konsolidazzjoni fiskali, filwaqt li l-finanzi pubbliċi ma kinux saru aktar favorevoli għat-tkabbir. Il-Komunikazzjoni enfasizzat ukoll il-kumplessità tar-regoli fiskali tal-UE, inkluża l-multipliċità tal-indikaturi u d-dipendenza fuq varjabbli mhux osservabbli. Il-qafas kien nieqes mit-trasparenza u l-kumplessità tiegħu xekklet is-sjieda u l-prevedibbiltà. Fl-aħħar nett, l-iżvilupp ta’ oqfsa fiskali nazzjonali u l-istituzzjonijiet fiskali indipendenti kien żiedu s-sjieda nazzjonali tad-dixxiplina fiskali. Madankollu, l-effettività tal-oqfsa nazzjonali kienet tvarja bejn l-Istati Membri.

Il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku

L-MIP wessgħet l-ambitu tal-qafas ta’ sorveljanza iżda l-interazzjoni bejn l-MIP u l-PST ma kinitx biżżejjed. Pereżempju, ir-rabta bejn is-sostenibbiltà fiskali u l-iżbilanċi makroekonomiċi setgħet tiġi żviluppata aktar. Barra minn hekk, is-sorveljanza tal-MIP ma kinitx qieset biżżejjed l-interazzjonijiet mal-isfidi ekonomiċi li qegħdin ifeġġu, b’mod partikolari dawk marbuta mat-tibdil fil-klima u ma’ pressjonijiet ambjentali oħra. Filwaqt li l-MIP kienet għenet biex ikun hemm sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-iżbilanċi makroekonomiċi, ma kinitx wasslet għal riformi sostnuti fl-Istati Membri li fihom jippersistu l-iżbilanċi. L-MIP kien irnexxielha aktar tnaqqas id-defiċit fil-kontijiet kurrenti milli tnaqqas is-surplus persistenti u kbir fil-kontijiet kurrenti. Fl-aħħar nett, billi l-MIP iddaħħlet f’kuntest ta’ żbilanċi eżistenti, l-effettività tagħha biex tipprevjeni l-akkumulu ta’ vulnerabbiltajiet, riskji u żbilanċi ġodda għadha trid tiġi ttestjata.

L-Istati Membri taż-żona tal-euro li għaddejjin minn diffikultajiet serji b’rabta mal-istabbiltà finanzjarja, jew huma mhedda b’tali diffikultajiet

Fl-2010 bdew jiġu żviluppati mekkaniżmi li jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri taż-żona tal-euro li għaddejjin minn diffikultajiet relatati mal-istabbiltà finanzjarja, li wasslu għat-twaqqif tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Filwaqt li l-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro li rċevew assistenza finanzjarja rnexxielhom jerġgħu jaċċessaw is-swieq b’rati ta’ finanzjament raġonevoli, tista’ tingħata aktar attenzjoni għas-sjieda nazzjonali tal-programmi fil-futur, kif ukoll għat-trasparenza u r-rendikontabbiltà.

Il-Kaxxa 2: Il-ħtiġijiet ta’ investiment ekoloġiku u diġitali

Il-ħtiġijiet addizzjonali ta’ investiment privat u pubbliku b’rabta mat-tranżizzjonijiet doppji u l-objettivi ta’ politika tagħhom huma stmati għal kważi EUR 650 biljun fis-sena sal-2030. (1) It-tranżizzjoni ekoloġika tammonta għal EUR 520 biljun kull sena, jew 80 % ta’ dawn il-ħtiġijiet, bi kważi 60 % tat-total għall-politika dwar il-klima u l-enerġija.

It-tranżizzjoni ekoloġika

It-tranżizzjoni klimatika inevitabbilment se twassal għall-obsolexxenza mħaffa ta’ ċertu stokk kapitali eżistenti. Dan ma jfissirx neċessarjament li t-tkabbir se jonqos iżda x’aktarx iwassal għal bidla fl-għamla tat-tkabbir peress li se jkollhom jiġu ddedikati aktar riżorsi għall-investiment u inqas riżorsi għall-konsum. (2)

Iż-żieda fil-ħtiġijiet ta’ investiment fis-setturi tal-enerġija u t-trasport hija stmata għal madwar EUR 390 biljun fis-sena. (3) Iż-żieda ta’ aktar minn 50 % meta mqabbla max-xejra storika hija xprunata l-aktar minn politiki dwar il-klima u l-enerġija għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħna iżda tirrifletti wkoll il-ħtiġijiet tal-enerġija u t-trasport ta’ ekonomija li qiegħda tespandi. (4) Bħala medja, dan jirrappreżenta żieda ta’ madwar 2,1 punti perċentwali tal-proporzjon tal-investiment fl-enerġija u t-trasport fil-PDG meta mqabbel max-xejra storika. Jinkludi investimenti fil-grilja tal-enerġija, l-impjanti tal-enerġija, il-boilers industrijali u l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ fjuwils ġodda, kif ukoll investimenti fl-iżolament tal-bini, ir-rinnovazzjoni enerġetika u l-kostijiet tal-akkwist tal-vetturi u investimenti oħra fis-settur tat-trasport. (5) Il-ħtiġijiet ta’ investiment fl-infrastruttura għat-trasport huma inklużi parzjalment. (6) Dawn l-istimi ma jikkunsidrawx il-ħtiġijiet tal-futur ta’ adattament għat-tibdil fil-klima bħal investimenti ddedikati biex l-assi eżistenti jsiru aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima jew kostijiet akbar minħabba avvenimenti ta’ temp estrem aktar spissi.

Għall-oqsma ambjentali l-oħra, id-diskrepanza fl-investiment biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika hija stmata għal madwar EUR 130 biljun fis-sena. Din l-istima tirrifletti l-ħtiġijiet ta’ investiment għall-oqsma ta’ politika ambjentali bħall-protezzjoni ambjentali, inklużi l-bijodiversità, il-ġestjoni tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari. (7)

Filwaqt li proporzjon sostanzjali tal-investiment se jintrefa’ mis-settur privat, l-investiment pubbliku se jkollu jiżdied ukoll.

It-trasformazzjoni diġitali

Id-diskrepanzi kumplessivi fl-investiment sabiex titwettaq it-trasformazzjoni diġitali fl-UE huma stmati li jammontaw għal madwar EUR 125 biljun kull sena. (8) Din iċ-ċifra tinkludi diskrepanzi fl-investiment fin-networks tal-komunikazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u kapaċitajiet diġitali ewlenin, bħall-cloud, is-semikondutturi u l-intelliġenza artifiċjali iżda ma tkoprix id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u xi dimensjonijiet oħra.

_________________________

(1)Il-ħtiġijiet ta’ investiment għad-diversi politiki jinbtu minn sorsi differenti u jirriflettu approċċi differenti (ara n-noti 3, 7 u 8 f’qiegħ il-paġna), u jagħtu ordni ta’ kobor.

(2)Pisani-Ferry, J. (2021), “Climate Policy is Macroeconomic Policy, and the Implications Will Be Significant”, PIIE Policy Brief 21-20, Awwissu 2021.

(3)Ara l-Valutazzjonijiet tal-Impatt għall-proposti ta’ politika tal-pakket “lesti għall-mira ta’ 55 %”, fost l-oħrajn il-Valutazzjoni tal-Impatt għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli ( SWD(2021) 621 final ).

(4)Huma meħtieġa madwar EUR 1 triljun f’investiment annwali fis-setturi tal-enerġija u t-trasport għall-perjodu 2021-2030. Dawn l-istimi jirriflettu l-ħtiġijiet ta’ investiment biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-enerġija u t-trasport tal-ekonomija kif ukoll ħtiġijiet akbar ta’ investiment minħabba ambizzjoni akbar tal-politika dwar il-klima u l-enerġija. Dawn l-istimi jinkludu kostijiet projettati aktar baxxi għat-teknoloġiji tal-enerġija u t-trasport bħall-enerġija rinnovabbli u l-kostijiet tal-batteriji. Daqs EUR 650 biljun ġejjin mis-settur tat-trasport, u jirrappreżentaw prinċipalment il-kost tal-akkwist tal-vetturi. Dan jinkludi vetturi akkwistati minn unitajiet domestiċi privati, li normalment jiġu kontabilizzati bħala oġġett durabbli fil-kontijiet nazzjonali, u mhux bħala investiment.

(5)Il-ħtiġijiet ta’ investiment huma determinati minn mudell ta’ ekwilibriju parzjali tas-sistema tal-enerġija u t-trasport. Iċ-ċifri jinkludu investiment f’assi ġodda jew kapaċità ġdida, inkluż is-sostituzzjoni ta’ assi eżistenti fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika tagħhom. Is-sostituzzjoni ta’ assi eżistenti tista’ titħaffef minħabba l-għażliet ta’ politika, pereżempju l-eliminazzjoni gradwali tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-fjuwils fossili, jew minħabba kundizzjonijiet tas-suq li jinbidlu li jwasslu biex it-tħaddim tagħhom ma jkunx ekonomiku.

(6)Dawn jinkludu investiment fl-istazzjonijiet tal-irriċarġjar jew tar-riforniment iżda ma jinkludux, pereżempju, investimenti fl-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju jew stradali.

(7)Il-Kummissjoni Ewropea (2020), “Staff Working Document accompanying the Next Generation EU package”, SWD (2020) 98 .

(8)Ibid.

(1)

()    Qafas komprensiv jirregola l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE. Dan jikkonsisti fil-qafas tal-politika fiskali tal-UE (il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, is-Semestru Ewropew, u r-rekwiżiti għall-oqfsa fiskali nazzjonali), il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku, u l-qafas għall-programmi ta’ assistenza finanzjarja makroekonomika.

(2)

()     Il-Kummissjoni Ewropea (2020), “ Rieżami tal-governanza ekonomika , COM(2020) 55 final tal-5 ta’ Frar 2020.

(3)

()    Il-Kummissjoni Ewropea (2021), “ Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons tal-politika fiskali ”, COM(2021) 105 final tat-3 ta’ Marzu 2021.

(4)

( )    L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-rieżami tal-governanza ekonomika, ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227 ; L-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar ir-rieżami tal-governanza ekonomika, ĠU C 37, 2.2.2021, p. 28 ;

Ir- Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2021 dwar ir-rieżami tal-qafas leġiżlattiv makroekonomiku għal impatt aħjar fuq l-ekonomija reali tal-Ewropa u trasparenza aħjar tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u tal-akkontabbiltà demokratika.

(5)

()    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (2016), “ Rapport speċjali Nru 10/2016: Jeħtieġ li jsir aktar titjib biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv ; u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (2018), “ Rapport speċjali Nru 18/2018: L-objettiv prinċipali tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir qiegħed jintlaħaq?

(6)

()    Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (2021), “ Climate Change 2021: The Physical Science Basis ”. Il-kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma I għas-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni.

(7)

()    Il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi (2019), “ Summary for policymakers of the global assessment report on biodiversity and ecosystem services ”.

(8)

()    Il-Kummissjoni Ewropea (2020), “ Rapport tal-Prospettiva Strateġika tal-2020, Inwittu t-triq lejn Ewropa iktar reżiljenti , COM(2020) 493 final tad-9 ta’ Settembru 2020.

(9)

()     Din iċ-ċifra tinkludi kofinanzjament nazzjonali. L-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tasal sal-2029.

(10)

()     REACT-EU pprovdiet EUR 50,6 biljun oħra għat-tisħiħ tal-fondi ta’ koeżjoni fl-2021 u fl-2022 għall-miżuri ta’ tiswija tad-dannu kkawżat mill-kriżi u bħala pont li jwassal għall-pjan ta’ rkupru fuq terminu twil taħt l-RRF.

(11)

() Il-Kummissjoni Ewropea (2021), “ Sustainable development in the European Union — Monitoring report on progress towards the SDGs in an EU context — 2021 edition .”

(12)

() Is-servizzi online u l-kummerċ elettroniku ngħataw spinta mil-lockdowns, filwaqt li industriji oħra bħall-manifattura ta’ oġġetti durabbli u t-trasport tal-merkanzija, kellhom biss tnaqqis fuq perjodu qasir fil-fatturat jew saħansitra kellhom żieda fl-attività tagħhom. Fl-istess waqt, l-industriji b’kuntatt intensiv ġarrbu telf sinifikanti u qegħdin jirkupraw aktar bil-mod.

(13)

()    Iċ-ċifri huma meħuda mit-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni.

(14)

()    Dawn il-miżuri pprevenew in-nuqqasijiet ta’ likwidità milli jinbidlu fi problemi ta’ solvenza, iffaċilitaw il-provvista kontinwa ta’ kreditu lill-ekonomija mis-settur bankarju u ppermettew li jiġu trasferiti b’mod effiċjenti kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għas-setturi ekonomiċi kollha.

(15)

()     Kważi żewġ terzi tal-Istati Membri jaffaċċjaw riskji medji jew għoljin għas-sostenibbiltà fuq perjodu medju ta’ żmien, skont il-klassifikazzjoni konvenzjonali tal-Kummissjoni, meta mqabbla ma’ terz biss qabel il-kriżi. Ara l-Kummissjoni Ewropea (2021), “ The 2021 Stability and Convergence Programmes: an Overview, with an Assessment of the Euro Area Fiscal Stance.

(16)

()    Il-ħtiġijiet stmati tal-investiment huma bbażati fuq il-Valutazzjoni tal-Impatt għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli ( SWD(2021) 621 ) u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-pakkett tan-Next Generation EU ( SWD(2020) 98 ).

(17)

() Il-Kummissjoni Ewropea (2021), “Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2021, Il-kapaċità u l-libertà tal-UE li taġixxi,” COM(2021) 750 final tat-8 ta’ Settembru 2021.

(18)

() Ċerti kumpaniji, inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, żiedu l-ingranaġġ tagħhom kaġun tal-kriżi, u b’hekk saru aktar vulnerabbli u potenzjalment bi bżonn ta’ rikapitalizzazzjoni.

(19)

()     ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5–8 . F’April 2020, l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus tat lill-Istati Membri injezzjoni ta’ flus bil-quddiem ta’ aktar minn EUR 20 biljun mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u estendiet l-ambitu tal-appoġġ tal-fondi, filwaqt li pprovdiet likwidità immedjata u tat flessibilità fl-immodifikar tal-programmi. Dan ippermetta l-mobilizzazzjoni ta’ aktar minn EUR 23 biljun għall-appoġġ ta’ emerġenza għas-sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, id-ditti żgħar u ta’ daqs medju, u għall-protezzjoni tal-impjiegi u l-gruppi l-aktar vulnerabbli. Ara https://cohesiondata.ec.europa.eu/stories/s/4e2z-pw8r .

(20)

()    L-istimi huma bbażati fuq il-bidliet kumulattivi fil-bilanċi baġitarji primarji fl-2020-2022 li jirrigwardaw l-2019, u jinkludu stima konservattiva tal-impatt tal-appoġġ li ma jitħallasx lura mill-RRF.

(21)

()    Il-Kummissjoni Ewropea (2021), “ SURE: Sena wara ”, COM(2021) 596 final tat-22 ta’ Settembru 2021.

(22)

()    L-allokazzjoni tal-appoġġ mhux ripagabbli tal-RRF hija proporzjonata mal-ħtiġijiet reali tal-Istati Membri, b’kontribuzzjonijiet ogħla għall-Istati Membri b’PDG per capita relattivament baxx u għal dawk l-aktar milquta mill-kriżi. Minħabba sfidi li kienu diġà hemm, bħal dik tal-qgħad ogħla mill-medja, dawn l-Istati Membri jiffaċċjaw riskji akbar li ma jkunux jistgħu jirkupraw malajr mill-kriżi.

(23)

() Il-prijoritajiet ta’ politika tal-UE huma rrappreżentati minn sitt pilastri ta’ politika li għandhom jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-RRF: it-tranżizzjoni ekoloġika; it-trasformazzjoni diġitali; it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, il-produttività u l-kompetittività; il-koeżjoni soċjali u territorjali; ir-reżiljenza tas-saħħa, ekonomika, soċjali u istituzzjonali; u l-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss, għat-tfal u għaż-żgħażagħ.

(24)

()    Minbarra l-mira klimatika, huwa meħtieġ li l-miżuri individwali jirrispettaw il-“prinċipju la tagħmilx ħsara sinifikanti” fir-rigward tal-objettivi ambjentali, li jintwera permezz ta’ valutazzjoni kif stabbilit fi gwida teknika ppubblikata mill-Kummissjoni.

(25)

()     Il-Kummissjoni Ewropea (2020), “ Rieżami tal-governanza ekonomika” , COM(2020) 55 final tal-5 ta’ Frar 2020.

(26)

() Uża l-link segwenti: https://ec.europa.eu/eusurvey/runner/Public-debate-on-the-review-of-the-EU-economic-governance

(27)

()    Ara: https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-and-fiscal-policy-coordination/eu-economic-governance-monitoring-prevention-correction/economic-governance-review_en